This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017IP0272
European Parliament resolution of 15 June 2017 on online platforms and the digital single market (2016/2276(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali (2016/2276(INI))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali (2016/2276(INI))
ĠU C 331, 18.9.2018, pp. 135–145
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
18.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 331/135 |
P8_TA(2017)0272
Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali (2016/2276(INI))
(2018/C 331/19)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar “Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa” (COM(2016)0288) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0172), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 dwar “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva” (COM(2016)0356) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0184), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar “Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika” (COM(2016)0179) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjawha (SWD(2016)0108 u SWD(2016)0109), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali” (COM(2016)0180) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0110), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 dwar “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar l-“Inizjattiva Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” (COM(2016)0178) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0106), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar “Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data” (COM(2017)0009) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2017)0002), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-Inizjattiva Cloud Ewropea (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 fir-rigward tar-regoli għas-swieq tar-roaming bl-ingrossa (COM(2016)0399), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2016)0593), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (5) (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (6) (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni) (7), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (COM(2016)0287) (Direttiva AVMS), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (COM(2016)0283), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali (COM(2015)0634), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Mejju 2016 dwar “Gwida dwar l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali” (SWD(2016)0163), |
|
— |
wara li kkunsidra l-“Gwida tas-settur tal-ICT dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem”, ippubblikata mill-Kummissjoni f'Ġunju 2013, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2016 bit-titolu “Rapport Preliminari dwar l-Inkjesta Settorjali tal-Kummerċ Elettroniku” (SWD(2016)0312), |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali – Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa” (8), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0204/2017), |
|
A. |
billi r-raison d'être tas-suq uniku diġitali hija li tiġi evitata l-frammentazzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u biex jiġu aboliti ostakoli tekniċi, legali u tat-taxxa sabiex jippermettu lin-negozji, liċ-ċittadini u lill-konsumaturi jibbenefikaw bis-sħiħ mill-għodod u s-servizzi diġitali; |
|
B. |
billi d-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda jkomplu jibdlu l-forom ta' komunikazzjoni, l-aċċess għall-informazzjoni u l-imġiba taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-kumpaniji, u billi r-raba' rivoluzzjoni industrijali se twassal għad-diġitalizzazzjoni tal-aspetti kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà; |
|
C. |
billi l-użu li qed jevolvi tal-internet u tal-apparati tal-mobiles joffri opportunitajiet kummerċjali ġodda għan-negozji ta' kull daqs u jiġġenera mudelli ta' negozju ġodda u alternattivi li jieħdu vantaġġ minn teknoloġiji ġodda u mill-aċċess għas-suq globali, imma joħloq ukoll sfidi ġodda; |
|
D. |
billi l-iżvilupp u l-użu li qed jevolvu ta' pjattaformi tal-internet għal ġabra wiesgħa ta' attivitajiet, inklużi attivitajiet kummerċjali u l-kondiviżjoni ta' oġġetti u servizzi, biddlu l-modi li bihom l-utenti u l-kumpaniji jinteraġixxu mal-fornituri ta' kontenut, il-kummerċjanti u individwi oħra li joffru oġġetti u servizzi; |
|
E. |
billi d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku teżenta lill-intermedjarji mir-responsabbiltà għall-kontenut biss jekk la jkollhom għarfien u lanqas kontroll b'rabta mal-informazzjoni trażmessa u/jew ospitata, iżda fejn l-intermedjarji jkollhom għarfien attwali ta' ksur jew attività illegali jew informazzjoni li tirrikjedi azzjoni rapida sabiex ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal informazzjoni jew attività illegali u malli jiksbu tali għarfien; |
|
F. |
billi bosta pjattaformi online u servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni joffru aċċess aktar faċli għal oġġetti, servizzi u kontenut diġitali, u estendew l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-konsumaturi u atturi oħra; |
|
G. |
billi l-Kummissjoni qed twettaq għadd ta' valutazzjonijiet tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u prattiki B2B li jitwettqu minn pjattaformi online lejn l-utenti kummerċjali tagħhom; |
|
H. |
billi l-kreattività u l-innovazzjoni huma l-muturi tal-ekonomija diġitali, u billi huwa għalhekk essenzjali li jiġi żgurat li jkun hemm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; |
Daħla ġenerali
|
1. |
Jilqa' l-komunikazzjoni dwar “Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali – Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa”; |
|
2. |
Jilqa' d-diversi inizjattivi diġà proposti taħt l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa; jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni u l-konsistenza bejn dawn l-inizjattivi; iqis li l-ksib ta' suq uniku diġitali huwa essenzjali għat-trawwim tal-kompetittività tal-UE, għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja u b'ħiliet għolja u għall-promozzjoni tat-tkabbir tal-ekonomija diġitali fl-Ewropa; |
|
3. |
Jirrikonoxxi li l-pjattaformi online jibbenefikaw mill-ekonomija u s-soċjetà diġitali tal-lum billi jżidu l-għażliet disponibbli għall-konsumaturi u joħolqu u jiffurmaw swieq ġodda; jirrimarka, madankollu, li l-pjattaformi online jippreżentaw sfidi ġodda regolatorji u ta' politika; |
|
4. |
Ifakkar li bosta politiki tal-UE japplikaw ukoll għall-pjattaformi online, iżda jinnota li f'xi każijiet il-leġiżlazzjoni ma tiġix infurzata kif suppost jew tiġi interpretata b'mod differenti mill-Istati Membri; jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni u infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE qabel ma jitqies jekk hemmx ħtieġa li l-qafas legali attwali jiġi kkomplementat sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni; |
|
5. |
Jilqa' l-ħidma li qed issir biex jiġi aġġornat u kkomplementat il-qafas ġuridiku attwali sabiex ikun adatt għall-iskop fl-era diġitali; jemmen li ambjent regolatorju effikaċi u attraenti huwa vitali għall-iżvilupp ta' negozju online u diġitali fl-Ewropa; |
Id-definizzjoni ta' pjattaformi
|
6. |
Jirrikonoxxi li jkun diffiċli ħafna li tintlaħaq definizzjoni ta' pjattaformi online fil-livell tal-UE li tkun unika, legalment rilevanti u ħielsa mill-problemi fil-futur, minħabba fatturi bħal pereżempju l-varjetà kbira tat-tipi ta' pjattaformi online eżistenti u l-oqsma ta' attività tagħhom, kif ukoll minħabba l-ambjent tad-dinja diġitali li qed jinbidel b'rata mgħaġġla; jemmen li fi kwalunkwe każ definizzjoni tal-UE waħda jew approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” ma jgħinux lill-UE tirnexxi fl-ekonomija tal-pjattaforma; |
|
7. |
Huwa konxju, fl-istess waqt, mill-importanza li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern tal-UE li tista' sseħħ permezz tal-proliferazzjoni ta' regoli u ta' definizzjonijiet reġjonali jew nazzjonali, kif ukoll tal-ħtieġa li tiġi pprovduta ċertezza u kundizzjonijiet ekwi kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi; |
|
8. |
Jemmen, għalhekk, li l-pjattaformi online jenħtieġ li jiġu distinti u definiti f'leġiżlazzjoni speċifika għas-setturi rilevanti fil-livell tal-UE skont il-karatteristiċi, il-klassifikazzjonijiet u l-prinċipji tagħhom u skont approċċ immotivat mill-problemi; |
|
9. |
Jilqa' l-ħidma li għaddejja tal-Kummissjoni dwar il-pjattaformi online, inklużi konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati u t-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt; jemmen li dan it-tip ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza huwa essenzjali għall-ħolqien ta' fehim komprensiv f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, jekk ikun meħtieġ, miżuri regolatorji jew miżuri oħra bbażati fuq din l-analiżi fil-fond; |
|
10. |
Jinnota li l-pjattaformi online B2C u C2C joperaw fi ħdan medda diversa ħafna ta' attivitajiet, bħal pereżempju l-kummerċ elettroniku, il-media, il-magni tat-tiftix, il-komunikazzjonijiet, is-sistemi ta' pagament, il-forniment tax-xogħol, is-sistemi operattivi, it-trasport, ir-reklamar, id-distribuzzjoni ta' kontenut kulturali, l-ekonomija kollaborattiva u n-netwerks soċjali; jinnota wkoll li minkejja li ċerti karatteristiċi komuni jippermettu l-identifikazzjoni ta' dawn l-entitajiet, il-pjattaformi online jistgħu jieħdu ħafna forom u jistgħu jittieħdu ħafna approċċi differenti biex tiġi identifikata waħda; |
|
11. |
Jinnota li pjattaformi online B2C u C2C huma, xi ftit jew wisq, ikkaratterizzati minn ċerti karatteristiċi komuni, bħal, iżda mhux limitati għal: swieq li joperaw b'diversi aspetti; jippermettu lill-partijiet jagħmlu parti minn żewġ gruppi tal-utenti distinti jew aktar biex jidħlu f'kuntatt dirett b'mezzi elettroniċi; konnessjoni ta' tipi differenti ta' utenti; joffru servizzi online mfassla skont il-preferenzi tal-utent u bbażati fuq data pprovduta mill-utenti; il-klassifikazzjoni jew referenzjar tal-kontenut, pereżempju bl-użu ta' algoritmi, oġġetti jew servizzi proposti jew imqiegħda online minn partijiet terzi; li jlaqqgħu flimkien diversi partijiet bl-għan tal-bejgħ ta' oġġett, il-provvista ta' servizz jew l-iskambju jew il-kondiviżjoni ta' kontenut, informazzjoni, oġġetti jew servizzi; |
|
12. |
Jirrimarka l-importanza kruċjali li jiġu ċċarati l-metodi li bihom jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' algoritmi u li tiġi promossa t-trasparenza fl-użu ta' dawn l-algoritmi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-potenzjal ta' żbalji u preġudizzji fl-użu ta' algoritmi sabiex jiġi evitat kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni jew ta' prattika inġusta u kwalunkwe ksur ta' privatezza; |
|
13. |
Iqis madankollu li jenħtieġ li ssir differenza ċara bejn pjattaformi B2C u B2B, fid-dawl tal-pjattaformi online B2B emerġenti, li huma ewlenin għall-iżvilupp tal-internet industrijali bħas-servizzi bbażati fuq cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni tad-data li jippermettu l-komunikazzjoni bejn il-prodotti tal-internet tal-oġġetti; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakoli fis-suq uniku li qed ixekklu t-tkabbir ta' dawn il-pjattaformi; |
Il-faċilitazzjoni tat-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi online Ewropej
|
14. |
Jinnota li l-pjattaformi online jużaw l-internet bħala mezz ta' interazzjoni u jaġixxu bħala faċilitaturi bejn il-partijiet, u għaldaqstant jipprovdu benefiċċji lill-utenti, lill-konsumaturi u lin-negozji billi jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq globali; jinnota li l-pjattaformi online jistgħu jikkontribwixxu għall-aġġustament tal-provvista u d-domanda tal-oġġetti u tas-servizzi, abbażi tas-sentiment komunitarju, l-aċċess kondiviż, ir-reputazzjoni u l-fiduċja; |
|
15. |
Jinnota li l-pjattaformi u l-applikazzjonijiet online, li ħafna minnhom huma maħluqa minn żviluppaturi tal-applikazzjonijiet Ewropej, jibbenefikaw mill-għadd enormi u dejjem jikber ta' apparati mobbli, PCs, laptops u apparati oħra tal-informatika konnessi, u qed ikunu dejjem aktar disponibbli fuq dawk l-apparati; |
|
16. |
Jirrimarka li l-ogħla prijorità jeħtieġ li tingħata sabiex ikun żgurat biżżejjed investiment għall-introduzzjoni ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja u infrastrutturi diġitali oħra sabiex jintlaħqu l-miri ta' konnettività ta' soċjetà tal-gigabits, peress li tali introduzzjoni hija kruċjali biex tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji jaħsdu l-benefiċċji tal-iżvilupp ta' teknoloġija 5G, u b'mod ġenerali biex tiġi żgurata l-konnettività bejn l-Istati Membri; |
|
17. |
Jenfasizza li l-użu dejjem aktar mifrux ta' apparati intelliġenti, inklużi smartphones u tablets, estenda u tejjeb aktar l-aċċess għal servizzi ġodda, inklużi pjattaformi online, u b'hekk saħħaħ ir-rwol tagħhom fl-ekonomija u fis-soċjetà, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, imma aktar u aktar fost il-gruppi tal-etajiet kollha; jinnota li d-diġitalizzazzjoni se tkompli tiżdied bl-iżvilupp b'ritmu mgħaġġel tal-internet tal-oġġetti, li huwa mistenni li jikkollega 25 biljun oġġett sal-2020; |
|
18. |
Iqis li l-aċċess għall-pjattaformi online permezz ta' teknoloġija ta' kwalità għolja huwa importanti għaċ-ċittadini u n-negozji kollha, mhux biss għal dawk li huma diġà attivi online; jenfasizza l-importanza li jiġi evitat il-ħolqien ta' lakuni li jistgħu potenzjalment jinħolqu minn nuqqas ta' ħiliet diġitali jew aċċess inugwali għat-teknoloġija; jenfasizza li approċċ impenjat lejn l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali huwa meħtieġ fil-livell nazzjonali u Ewropew; |
|
19. |
Jiġbed l-attenzjoni lejn is-swieq ta' pjattaformi online li qed jiżviluppaw b'mod rapidu, li joffru spazju ġdid għall-prodotti u s-servizzi; jirrikonoxxi n-natura globali u transfruntiera ta' dawn is-swieq; jirrimarka li s-swieq ta' pjattaformi online globali joffru lill-konsumaturi firxa wiesgħa ta' għażliet u kompetizzjoni effikaċi tal-prezzijiet; jinnota li l-ftehim “roam like at home” isostni d-dimensjoni transfruntiera tal-pjattaformi online billi jagħmel l-użu ta' servizzi online aktar affordabbli; |
|
20. |
Jinnota r-rwol dejjem jikber tal-pjattaformi online fil-kondiviżjoni u l-provvista ta' aċċess għall-aħbarijiet u għal informazzjoni oħra siewja għaċ-ċittadini kif ukoll għall-funzjonament tad-demokrazija; jemmen li l-pjattaformi online jistgħu jaġixxu wkoll bħala faċilitaturi tal-governanza elettronika; |
|
21. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi t-tkabbir ta' pjattaformi online Ewropej u ta' negozji ġodda u ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex jespandu u jikkompetu globalment; jistieden lill-Kummissjoni żżomm politika li tiffavorixxi l-innovazzjoni fir-rigward tal-pjattaformi online sabiex tiffaċilita d-dħul fis-suq; jiddispjaċih dwar il-proporzjon baxx ta' kapitalizzazzjoni tas-suq tal-UE fuq pjattaformi online; jisħaq ukoll fuq l-importanza li jitneħħew l-ostakoli li jfixklu l-operat bla xkiel ta' pjattaformi online bejn il-fruntieri u li jfixklu t-tħaddim tas-suq uniku diġitali Ewropew; jenfasizza l-importanza tan-nondiskriminazzjoni u tal-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-bdil bejn il-pjattaformi li joffru servizzi kompatibbli; |
|
22. |
Jenfasizza li fatturi kruċjali jinkludu l-ambjent miftuħ, ir-regoli omoġenji, id-disponibbiltà ta' konnettività suffiċjenti, l-interoperabbiltà tal-applikazzjonijiet eżistenti u d-disponibbiltà ta' standards miftuħa; |
|
23. |
Jirrikonoxxi l-benefiċċji sinifikanti li l-pjattaformi online jistgħu joffru lill-SMEs u lin-negozji ġodda; jinnota li l-pjattaformi online spiss huma l-ewwel pass l-aktar faċli u l-aktar xieraq għan-negozji ż-żgħar li jkunu jixtiequ jmorru online u jibbenefikaw minn kanali ta' distribuzzjoni online; jinnota li l-pjattaformi online jippermettu lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda jkollhom aċċess għas-swieq globali mingħajr ma jkollhom jinvestu b'mod eċċessiv fil-bini ta' infrastruttura diġitali għalja; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u l-aċċess ġust għall-pjattaformi, u jfakkar li d-dominanza li qed tiżdied ta' xi pjattaformi online jenħtieġ li ma tnaqqasx il-libertà intraprenditorjali; |
|
24. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza azzjonijiet li jippermettu li negozji Ewropej ġodda u pjattaformi online Ewropej jinħolqu u jespandu; jenfasizza li l-faċilitazzjoni tal-finanzjament u tal-investiment f'negozji ġodda, bl-użu tal-istrumenti ta' finanzjament eżistenti kollha, hija vitali għall-iżvilupp ta' pjattaformi online li joriġinaw fl-Ewropa, b'mod partikolari permezz ta' aċċess għal kapital ta' riskju u mezzi differenti bħal dawk bankarji jew fondi pubbliċi, jew permezz ta' għażliet alternattivi ta' finanzjament bħalma huma l-finanzjament kollettiv u l-investiment kollettiv; |
|
25. |
Jinnota li xi pjattaformi online jagħmlu possibbli l-ekonomija kollaborattiva u jikkontribwixxu għat-tkabbir tagħha fl-Ewropa; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ekonomija kollaborattiva u jenfasizza li din jenħtieġ li tirrappreżenta l-ewwel pass lejn strateġija tal-UE aktar komprensiva f'dan il-qasam li jappoġġja l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda; jenfasizza li dawk il-mudelli ta' negozju ġodda joħolqu impjiegi, irawwmu l-intraprenditorija u joffru servizzi ġodda, aktar għażla u prezzijiet aħjar għaċ-ċittadini u għall-konsumaturi, kif ukoll jiġġeneraw il-flessibbiltà u opportunitajiet ġodda, iżda jistgħu wkoll jagħtu lok għal sfidi u riskji għall-ħaddiema; |
|
26. |
Jirrimarka li l-Istati Membri għamlu avvanz fil-qasam tax-xogħol u tal-istandards soċjali u fis-sistemi ta' protezzjoni soċjali f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin, u jenfasizza li l-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali jrid jiġi garantit ukoll fl-era diġitali; jinnota li d-diġitalizzazzjoni li qed tiżdied tħalli impatt fuq is-swieq tax-xogħol, fuq id-definizzjoni mill-ġdid tal-impjiegi u fuq ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-ħaddiema u n-negozji; jinnota l-importanza li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol u għad-drittijiet soċjali u għall-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jitrawwmu aktar l-iskemi ta' sigurtà soċjali u l-kwalità tal-impjiegi; jistieden ukoll lill-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali u mal-partijiet interessati rilevanti oħra, biex jivvalutaw il-ħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, inklużi s-sistemi ta' sigurtà soċjali, sabiex iżommu ruħhom aġġornati dwar l-iżvilupp teknoloġiku filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiema, kif ukoll jiġu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u jiġu prodotti benefiċċji ġenerali għas-soċjetà fl-intier tagħha; |
|
27. |
Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm sigurtà soċjali adegwata għall-ħaddiema indipendenti, li huma atturi ewlenin fis-suq tax-xogħol diġitali; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi ġodda ta' protezzjoni, fejn meħtieġ, sabiex jiżguraw kopertura adegwata għall-ħaddiema tal-pjattaformi online kif ukoll in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex jikkondividu l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew; |
|
28. |
Jinnota li l-pjattaformi tas-saħħa online jistgħu jappoġġjaw attivitajiet innovattivi billi joħolqu u jittrasferixxu l-għarfien rilevanti minn konsumaturi impenjati fil-kura tas-saħħa lejn l-innovazzjoni tal-ambjent tal-kura tas-saħħa; jenfasizza li pjattaformi ġodda tal-innovazzjoni, flimkien se jfasslu u joħolqu l-ġenerazzjoni li jmiss ta' prodotti tal-kura tas-saħħa innovattivi sabiex jaqblu preċiżament mal-ħtiġijiet li attwalment mhumiex issodisfati; |
Tiġi ċċarata r-responsabbiltà tal-intermedjarji
|
29. |
Jinnota li r-reġim attwali tal-UE fir-rigward tar-responsabbiltà limitata tal-intermedjarji huwa waħda mill-kwistjonijiet imqajma minn ċerti partijiet interessati fid-dibattitu li għaddej dwar il-pjattaformi online; jinnota li l-konsultazzjoni dwar l-ambjent regolatorju għall-pjattaformi wriet appoġġ relattiv għall-qafas attwali li jinsab fid-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku, iżda wkoll il-ħtieġa li jiġu eliminati ċerti nuqqasijiet fl-infurzar tagħha; jemmen, għaldaqstant, li r-reġim ta' responsabbiltà għandu jiġi ċċarat aktar, peress li huwa pilastru kruċjali għall-ekonomija diġitali tal-UE; jemmen li tinħtieġ gwida mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' responsabbiltà intermedjarja sabiex tippermetti lil pjattaformi online jikkonformaw mar-responsabbiltajiet tagħhom u r-regoli dwar ir-responsabbiltà, ittejjeb iċ-ċertezza legali, u żżid il-fiduċja tal-utenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar passi f'dan is-sens, u jfakkar li l-pjattaformi li ma jiżvolġux rwol newtrali kif definit fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku ma jistgħux jitolbu eżenzjoni mir-responsabbiltà; |
|
30. |
Jenfasizza li, minkejja l-fatt li llum qed jiġi kkunsmat aktar kontenut kreattiv minn qatt qabel fuq servizzi bħal pjattaformi ta' kontenut imtella' mill-utenti u servizzi ta' aggregazzjoni tal-kontenut, is-setturi kreattivi ma rawx żieda komparabbli fi dħul minn din iż-żieda fil-konsum; jenfasizza li waħda mir-raġunijiet prinċipali għal dan qed tiġi meqjusa bħala trasferiment ta' valur li rriżulta minħabba n-nuqqas ta' ċarezza rigward l-istatus ta' dawn is-servizzi online skont il-liġi tad-drittijiet tal-awtur u tal-kummerċ elettroniku; jenfasizza li nħoloq suq inġust, li qed jhedded l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali u l-atturi ewlenin tiegħu, b'mod partikolari l-industriji kulturali u kreattivi; |
|
31. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tippubblika gwida dwar ir-responsabbiltà intermedjarja peress li hemm ċertu nuqqas ta' ċarezza rigward ir-regoli attwali u l-implimentazzjoni tagħhom f'xi Stati Membri; jemmen li l-gwida se ssaħħaħ il-fiduċja tal-utenti fis-servizzi online; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni lejn id-differenzi regolatorji bejn id-dinja online u dik offline u toħloq kundizzjonijiet ekwi għal servizzi komparabbli online u offline, fejn meħtieġ u possibbli u filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull qasam, l-evoluzzjoni tas-soċjetà, il-ħtieġa għal aktar trasparenza u ċertezza legali, u l-bżonn li ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni; |
|
32. |
Iqis li l-pjattaformi diġitali huma mezz biex jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u joffru opportunitajiet kbar biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw mudelli ġodda ta' negozju; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies kif dan il-proċess jista' jiffunzjona b'aktar ċertezza legali u b'rispett akbar għad-detenturi tad-drittijiet; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi; iqis, f'dan ir-rigward, li l-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiżgura r-rikonoxximent tal-valuri u l-istimolu tal-innovazzjoni, il-kreattività, l-investiment u l-produzzjoni tal-kontenut; |
|
33. |
Iħeġġeġ lill-pjattaformi online jsaħħu l-miżuri li jindirizzaw kontenut illegali u ta' ħsara online; jilqa' x-xogħol li għaddej fuq id-Direttiva AVMS u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri għal pjattaformi ta' “video-sharing” sabiex jiġu protetti l-minuri u jitneħħa kontenut relatat mad-diskors ta' mibegħda; jinnota n-nuqqas ta' referenzi għall-kontenut relatat mal-inċitament għat-terroriżmu; jappella biex tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi evitat il-bullying u l-vjolenza kontra persuni vulnerabbli; |
|
34. |
Iqis li r-regoli ta' responsabbiltà għal pjattaformi online għandhom jippermettu l-indirizzar ta' kwistjonijiet relatati ma' kontenut u oġġetti illegali b'mod effiċjenti, pereżempju billi tiġi applikata diliġenza dovuta filwaqt li jinżamm approċċ bilanċjat u li jirrispetta l-innovazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi u tiċċara aktar il-proċeduri ta' avviż u tneħħija u tipprovdi gwida dwar miżuri volontarji bl-għan li jindirizzaw tali kontenut; |
|
35. |
Jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni kontra t-tixrid ta' aħbarijiet foloz; jistieden lill-pjattaformi online jipprovdu lill-utenti b'għodod biex jiddenunzjaw aħbarijiet foloz b'tali mod li utenti oħra jkunu jistgħu jiġu mgħarrfa li l-veraċità tal-kontenut tkun ġiet ikkontestata; jirrimarka, fl-istess waqt, li l-iskambju ħieles tal-opinjonijiet huwa fundamentali għad-demokrazija u li d-dritt għall-privatezza japplika wkoll fil-qasam tal-media soċjali; jenfasizza l-valur tal-istampa ħielsa fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni affidabbli liċ-ċittadini; |
|
36. |
Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza fil-fond is-sitwazzjoni attwali u l-qafas legali fir-rigward tal-aħbarijiet foloz, u tivverifika l-possibbiltà ta' intervent leġiżlattiv biex jiġu limitati d-disseminazzjoni u t-tixrid ta' kontenut falz; |
|
37. |
Jenfasizza l-ħtieġa li pjattaformi online li jiġġieldu kontra l-oġġetti u l-kontenut illegali u l-prattiki inġusti (pereżempju, il-bejgħ mill-ġdid ta' biljetti tad-divertiment bi prezzijiet esaġerati), permezz ta' miżuri regolatorji kkomplementati b'miżuri awtoregolatorji effikaċi (pereżempju, permezz ta' termini ċari ta' użu u mekkaniżmi xierqa sabiex jiġu identifikati r-reċidivi, jew permezz tat-twaqqif ta' timijiet speċjalizzati li jimmoderaw il-kontenut u jittraċċaw prodotti perikolużi) jew miżuri ibridi; |
|
38. |
Jilqa' l-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-Diskors Illegali ta' Mibegħda għall-industrija, li ntlaħaq qbil dwaru fl-2016 u li ġie appoġġjat mill-Kummissjoni, u jitlob lil din tal-aħħar tiżviluppa mezzi adegwati u raġonevoli għal pjattaformi online biex jidentifikaw u jneħħu l-oġġetti u l-kontenut illegali; |
|
39. |
Jemmen li l-konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS) hija essenzjali fir-rigward tas-sjieda tad-data; jinnota li l-utenti spiss ikollhom inċentivi biex jaqsmu d-data personali tagħhom ma' pjattaformi online; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-utenti jiġu infurmati dwar in-natura eżatta tad-data miġbura u l-modi kif se tintuża; jissottolinja li huwa essenzjali għall-utenti li jkollhom kontroll fuq il-ġbir u l-użu tad-data personali tagħhom; jenfasizza li għandu jkun hemm ukoll l-għażla li d-data personali ma tiġix kondiviża; jinnota li r-regola tad-“dritt li jkun minsi” tapplika wkoll għal pjattaformi online; jistieden lill-pjattaformi online jiżguraw li l-anonimità hija garantita meta partijiet terzi jittrattaw data personali; |
|
40. |
Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi malajr ir-rieżami tagħha tal-ħtieġa għal proċeduri formali ta' avviż u azzjoni bħala mezz promettenti kif jissaħħaħ ir-reġim ta' responsabbiltà b'mod armonizzat madwar l-UE kollha; |
|
41. |
Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippreżenta kemm jista' jkun malajr il-gwida prattika tagħha dwar is-sorveljanza tas-suq ta' prodotti mibjugħa online; |
Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi
|
42. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn fornituri tas-servizz ta' pjattaformi online u servizzi oħra li magħhom jikkompetu, inklużi B2B u C2C; jenfasizza li ċ-ċertezza regolatorja hija essenzjali biex tinħoloq ekonomija diġitali ta' suċċess; jinnota li l-pressjoni kompetittiva tvarja bejn setturi differenti u bejn atturi differenti fi ħdan is-setturi; ifakkar għaldaqstant li soluzzjonijiet universali rarament huma xierqa; iqis li kwalunkwe soluzzjoni jew miżura regolatorja mfassla apposta proposta għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi ta' pjattaformi sabiex tiżgura l-kompetizzjoni ġusta fuq bażi ugwali; |
|
43. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-daqs ta' pjattaformi online jvarja minn kumpaniji multinazzjonali għal mikrointrapriżi; jenfasizza l-importanza ta' kompetizzjoni ġusta u effikaċi bejn pjattaformi online biex tkun promossa l-għażla tal-konsumatur u jkun evitat il-ħolqien ta' monopolji jew pożizzjonijiet dominanti li jwasslu għal distorsjonijiet fis-swieq permezz tal-abbuż tal-poter tas-suq; jisħaq fuq il-fatt li l-iffaċilitar ta' bdil bejn pjattaformi online jew servizzi online hija miżura essenzjali biex jiġu evitati l-fallimenti tas-suq u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' intrappolament; |
|
44. |
Jinnota li pjattaformi online qed ibiddlu l-mudell tan-negozju tradizzjonali li huwa regolat ħafna; jissottolinja li riformi possibbli tal-qafas regolatorju eżistenti għandhom jikkonċentraw fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli u t-tnaqqis tal-frammentazzjoni regolatorja, sabiex jiżguraw suq miftuħ u kompetittiv għall-pjattaformi online filwaqt li jiggarantixxu standards għoljin ta' protezzjoni għall-konsumatur; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda u li jitkomplew il-proċess REFIT u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar; jenfasizza l-importanza tan-newtralità teknoloġika u tal-koerenza bejn ir-regoli li japplikaw kemm online kif ukoll offline f'sitwazzjonijiet ekwivalenti safejn hu meħtieġ u possibbli; jenfasizza li ċ-ċertezza regolatorja trawwem il-kompetizzjoni, l-investiment u l-innovazzjoni; |
|
45. |
Jissottolinja l-importanza tal-investiment fl-infrastruttura kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali; jenfasizza li kompetizzjoni ġusta tiżgura l-investiment f'servizzi ta' broadband b'veloċità għolja u ta' kwalità; jisħaq fuq il-fatt li aċċess affordabbli għal infrastruttura affidabbli b'veloċità għolja, bħal konnessjonijiet u telekomunikazzjonijiet veloċi ħafna, kif ukoll l-użu sħiħ tagħha, irawmu l-forniment u l-użu tas-servizzi tal-pjattaformi online; jenfasizza l-ħtieġa għan-newtralità tal-internet u aċċess ġust u nondiskriminatorju għal pjattaformi online bħala prerekwiżit għall-innovazzjoni u suq verament kompetittiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissemplifika l-iskemi ta' finanzjament għal inizjattivi relatati li jiffaċilitaw il-proċess ta' diġitalizzazzjoni, sabiex tuża l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u Orizzont 2020 (H2020) u l-kontribuzzjonijiet mill-baġits nazzjonali tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-potenzjal ta' sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (ITK); |
|
46. |
Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-istabbiliment ta' approċċ armonizzat għad-dritt ta' rettifika, id-dritt ta' kontrotalba u d-dritt ta' awtokontroll għall-utenti tal-pjattaformi; |
|
47. |
Jistieden lill-Kummissjoni toħloq kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tat-talbiet għad-danni kontra pjattaformi minħabba ċ-ċirkolazzjoni ta' fatti dispreġjattivi li joħolqu ħsara persistenti lill-utent; |
L-għoti ta' informazzjoni u setgħa liċ-ċittadini u lill-konsumaturi
|
48. |
Jissottolinja li l-internet tal-ġejjieni ma jistax jikseb suċċess mingħajr il-fiduċja tal-utenti fil-pjattaformi online, mingħajr aktar trasparenza, kundizzjonijiet ekwi, protezzjoni tad-data personali, kontroll aħjar ta' sistemi ta' reklamar u sistemi awtomatizzati oħrajn, u pjattaformi online li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni applikabbli kollha u l-interessi leġittimi tal-utenti; |
|
49. |
Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir u l-użu tad-data, u jqis li l-pjattaformi online jridu jwieġbu b'mod adegwat għat-tħassib tal-utenti billi jintalab debitament il-kunsens tagħhom skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u billi jiġu infurmati b'mod iktar effikaċi u ċar dwar liema data personali qed tinġabar u kif qed titqassam u tiġi użata skont il-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li jiġi rtirat il-kunsens għal dispożizzjonijiet individwali mingħajr ma jintilef l-aċċess komplet għal servizz; |
|
50. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom fl-ambjent diġitali; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni korretta tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, filwaqt li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' “privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku”; |
|
51. |
Jinnota l-importanza li jiġu ċċarati l-kwistjonijiet ta' aċċess għad-data, ta' sjieda tad-data u r-responsabbiltà marbuta magħha, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta ulterjorment il-qafas regolatorju attwali fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet; |
|
52. |
Jissottolinja li n-natura transfruntiera ta' pjattaformi online tirrappreżenta vantaġġ enormi fl-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, iżda tirrikjedi wkoll li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali; jitlob lis-servizzi u l-mekkaniżmi eżistenti għall-protezzjoni tal-konsumatur jikkollaboraw u jipprovdu protezzjoni tal-konsumatur effiċjenti fir-rigward tal-attivitajiet ta' pjattaformi online; jinnota wkoll l-importanza tar-Regolament dwar l-Infurzar u l-Kooperazzjoni Transfruntiera f'dan ir-rigward; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tivvaluta kwalunkwe ħtieġa addizzjonali li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta' pjattaformi, bħala parti mill-kontroll REFIT tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni fl-2017; |
|
53. |
Iħeġġeġ lill-pjattaformi online joffru lill-klijenti termini u kundizzjonijiet ċari, komprensivi u ġusti u jiżguraw modi faċli għall-utent ta' kif għandhom jiġu ppreżentati t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, jiġu pproċessati d-data, il-garanziji legali u kummerċjali u l-ispejjeż possibbli, filwaqt li tiġi evitata t-terminoloġija kumplessa sabiex jissaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja u l-fehim tad-drittijiet tal-konsumatur, peress li dan huwa kruċjali għal pjattaformi online biex jirnexxu; |
|
54. |
Jirrimarka li standards għoljin ta' protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-pjattaformi online mhumiex meħtieġa biss fi prattiki B2B iżda anke f'relazzjonijiet C2C; |
|
55. |
Jitlob li ssir valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u tal-mekkaniżmi ta' awtoregolamentazzjoni sabiex jiġi determinat jekk jipprovdux protezzjoni adegwata lill-utenti, lill-konsumaturi u lin-negozji fl-isfond tan-numru dejjem jiżdied ta' lmenti u l-investigazzjonijiet miftuħa mill-Kummissjoni fil-konfront ta' diversi pjattaformi; |
|
56. |
Jenfasizza l-importanza li l-utenti jingħataw tagħrif ċar, imparzjali u trasparenti dwar il-kriterji użati biex jiffiltraw, jikklassifikaw, jisponsorizzaw, jippersonalizzaw jew jagħmlu rieżami tal-informazzjoni ppreżentata lilhom; jissottolinja l-ħtieġa għal differenzjazzjoni ċara bejn il-kontenut sponsorjat u kwalunkwe kontenut ieħor; |
|
57. |
Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza ċerti kwistjonijiet tas-sistemi ta' rieżami tal-pjattaformi, bħal rieżamijiet foloz jew tħassir ta' rieżamijiet negattivi, bl-għan li jiksbu vantaġġ kompetittiv; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsiru rieżamijiet aktar affidabbli u utli għall-konsumaturi u li jiġi żgurat li l-pjattaformi jirrispettaw l-obbligi eżistenti u jieħdu miżuri f'dan ir-rigward kontra prattiki bħal skemi volontarji; jilqa' l-gwida dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali; |
|
58. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal kriterji u limiti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom pjattaformi online jistgħu jsiru soġġetti għal aktar sorveljanza tas-suq, u biex tipprovdi gwida għal pjattaformi online bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom ma' obbligi u linji gwida eżistenti f'waqthom, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi u r-regoli tal-kompetizzjoni; |
|
59. |
Jenfasizza li d-drittijiet tal-awturi u l-kreaturi jridu jiġu protetti wkoll fl-era diġitali, u jfakkar fl-importanza tal-industrija kreattiva għall-impjiegi u l-ekonomija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-Direttiva attwali dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (9), sabiex tevita l-użu ħażin intenzjonali ta' proċessi ta' rappurtar u tiżgura li l-atturi kollha fil-katina tal-valur, inklużi intermedjarji bħall-fornituri tas-servizzi tal-internet, ikunu jistgħu jiġġieldu b'mod aktar effikaċi kontra l-falsifikazzjoni, billi jieħdu miżuri attivi, proporzjonati u effikaċi sabiex jiżguraw it-traċċabbiltà u jevitaw il-promozzjoni u d-distribuzzjoni ta' oġġetti foloz, peress li l-falsifikazzjoni tirrappreżenta riskju għall-konsumaturi; |
|
60. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ fil-kondiviżjoni tal-valur għall-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari fuq pjattaformi li jqassmu kontenut awdjoviżiv protett; |
|
61. |
Jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pjattaformi u d-detenturi tad-drittijiet sabiex tiġi żgurata l-awtorizzazzjoni xierqa tad-drittijiet u jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali online; ifakkar li ksur bħal dan jista' jikkostitwixxi kwistjoni serja, mhux biss għall-kumpaniji imma wkoll għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, li jridu jsiru konxji mir-realtà tal-kummerċ illeċitu fi prodotti foloz; itenni, għalhekk, is-sejħa tiegħu għall-applikazzjoni tal-approċċ “segwi l-flus” b'servizzi ta' pagament rilevanti, sabiex il-falsifikaturi jitteħdulhom il-mezzi li bihom ikomplu bl-attività ekonomika tagħhom; jissottolinja li reviżjoni tad-Direttiva attwali dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tista' sservi bħala mezz adatt biex jiġi żgurat livell għoli ta' kooperazzjoni bejn il-pjattaformi, l-utenti u l-atturi ekonomiċi l-oħra kollha, flimkien mal-applikazzjoni korretta tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku; |
|
62. |
Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi l-pjattaforma li kienet ġiet imnedija biex issolvi tilwim li jinvolvi x-xiri li jsir online fost il-konsumaturi, sabiex ittejjeb il-mod li bih tkun aktar faċli biex tintuża mill-utenti, u timmonitorja jekk in-negozjanti jikkonformawx mal-obbligu tagħhom li jpoġġu link għal dik il-pjattaforma fuq is-sit web tagħhom, sabiex ikomplu jindirizzaw l-għadd dejjem jikber ta' lmenti kontra diversi pjattaformi online; |
Iż-żieda fil-fiduċja online u t-trawwim tal-innovazzjoni
|
63. |
Jissottolinja li l-infurzar effikaċi tal-protezzjoni tad-data u tad-drittijiet tal-konsumatur fis-swieq online skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà huma azzjonijiet prijoritarji, kemm għall-politika pubblika kif ukoll għan-negozji, fir-rigward taż-żieda fil-fiduċja; jenfasizza li l-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-data tirrikjedi varjetà ta' miżuri u mezzi tekniċi fl-oqsma tal-privatezza online, is-sigurtà tal-internet u ċ-ċibersigurtà; jissottolinja l-importanza tat-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġbir ta' data u s-sigurtà tal-pagamenti; |
|
64. |
Jinnota li l-pagamenti online joffru livell għoli ta' trasparenza li jgħin biex jipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi u tal-intraprendituri u jimminimizza r-riskji ta' frodi; jilqa' wkoll il-metodi ta' pagament ġodda, innovattivi u alternattivi, bħall-muniti virtwali u l-portafolji elettroniċi; jinnota li t-trasparenza tiffaċilita t-tqabbil tal-prezzijiet u l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u żżid it-traċċabbiltà ta' tranżazzjonijiet ekonomiċi; |
|
65. |
Jenfasizza li ambjent ġust, prevedibbli u li jiffavorixxi l-innovazzjoni, kif ukoll investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, huma kruċjali biex jiġu ġġenerati ideat ġodda u innovazzjonijiet; jissottolinja l-importanza ta' data miftuħa u standards miftuħin għall-iżvilupp ta' pjattaformi online ġodda u l-innovazzjoni; ifakkar li r-rieżami tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni tas-Servizz Pubbliku (10) huwa mistenni fl-2018; jinnota li pjattaformi għall-ittestjar miftuħa, avvanzati u kondiviżi u interfaces ta' programmar jistgħu jkunu ta' vantaġġ għall-Ewropa; |
|
66. |
Jenfasizza l-importanza ta' approċċ impenjat, mill-Kummissjoni u b'mod partikolari mill-Istati Membri, lejn l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali, sabiex jifformaw forza tax-xogħol b'livell għoli ta' ħiliet, peress li din hija kundizzjoni biex jiġi żgurat livell għoli ta' impjieg b'kundizzjonijiet ġusti fl-UE kollha filwaqt li jintemm l-illitteriżmu diġitali li jrawwem id-diviżjoni diġitali u l-esklużjoni diġitali; jissottolinja, għaldaqstant, li l-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet diġitali huma imperattivi u jirrikjedu investimenti kbar fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja; |
|
67. |
Iqis li jenħtieġ li l-pjattaformi li fuqhom huwa maħżun u mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku volum sinifikanti ta' xogħlijiet protetti jikkonkludu l-ftehimiet ta' liċenzja mad-detenturi tad-drittijiet rilevanti, sakemm ma jkunux attivi u għalhekk koperti mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, bl-għan li ssir kondiviżjoni ġusta tal-profitt mal-awturi, il-kreaturi u d-detenturi tad-drittijiet rilevanti; jissottolinja li tali ftehimiet tal-liċenzji u l-implimentazzjoni tagħhom iridu jirrispettaw l-eżerċizzju tal-utenti tad-drittijiet fundamentali tagħhom; |
Ir-rispett tar-relazzjonijiet B2B u tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE
|
68. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiġi infurzata aħjar il-liġi dwar il-kompetizzjoni fid-dinja diġitali, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet f'waqthom f'każijiet ta' kompetizzjoni fid-dawl tal-pass mgħaġġel fis-settur diġitali; jinnota, madankollu, li f'xi aspetti l-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi aġġustata għad-dinja diġitali sabiex tkun adattata għal dan l-iskop; |
|
69. |
Jinsab imħasseb dwar il-prattiki kummerċjali B2B problematiċi u inġusti minn xi pjattaformi online, bħal nuqqas ta' trasparenza (pereżempju, fir-riżultati tat-tiftix, l-użu tad-data jew l-ipprezzar), bidliet unilaterali fit-termini u l-kundizzjonijiet, il-promozzjoni tar-reklamar jew ir-riżultati sponsorjati filwaqt li titnaqqas il-viżibbiltà tar-riżultati mhux imħallsa, termini u kundizzjonijiet inġusti possibbli, pereżempju, f'soluzzjonijiet ta' pagament u abbużi possibbli fir-rwol doppju ta' pjattaformi bħala intermedjarji u kompetituri; jinnota li dan ir-rwol doppju jista' joħloq inċentivi ekonomiċi biex il-pjattaformi online jiddiskriminaw favur il-prodotti u s-servizzi tagħhom stess u jimponu termini B2B diskriminatorji; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa f'dan ir-rigward; |
|
70. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv favur it-tkabbir, favur il-konsumatur u mmirat lejn relazzjonijiet B2B ibbażati fuq il-prinċipji ta' prevenzjoni tal-abbuż tas-saħħa fis-suq u jiġi żgurat li l-pjattaformi li jservu bħala passaġġ għal suq downstream ma jsirux gwardjani; iqis li dan il-qafas jenħtieġ li jservi biex jevita l-effetti detrimentali għall-benessri tal-konsumatur u jippromwovi l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni; jirrakkomanda wkoll li dan il-qafas ikun teknoloġikament newtrali u kapaċi jindirizza r-riskji eżistenti, pereżempju fir-rigward tas-suq għal sistema operatorja mobbli iżda anke riskji futuri b'teknoloġiji ġodda mmexxija mill-internet bħall-internet tal-oġġettijew intelliġenza artifiċjali, li se jikkonsolidaw aktar il-pożizzjoni tal-pjattaformi stabbiliti aktar u aktar fin-nofs bejn in-negozji u l-konsumaturi online; |
|
71. |
Jilqa' l-eżerċizzju tal-ġbir ta' informazzjoni mmirat lejn il-prattiki B2B li għandu jitwettaq mill-Kummissjoni sar-rebbiegħa tal-2017, u jħeġġeġ li jittieħdu passi effikaċi biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta; |
|
72. |
Jissottolinja li l-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE kif ukoll l-awtoritajiet jeħtieġu li fejn xieraq jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur u kwistjonijiet relatati mat-taxxa; |
|
73. |
Jinnota r-rivelazzjonijiet reċenti li jinvolvu, fost elementi oħrajn, il-kumpaniji diġitali kbar u l-prattiki tagħhom ta' ppjanar tat-taxxa fl-UE; jilqa' b'rabta ma' dan, l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipproponu riformi ulterjuri biex jiġu evitati prattiki għall-evitar tat-taxxa fl-UE; jitlob li tittieħed azzjoni sabiex tiżgura li l-kumpaniji kollha, inklużi dawk diġitali, iħallsu t-taxxi tagħhom fl-Istati Membri fejn isiru l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom; |
|
74. |
Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi fix-xena legali fit-28 Stat Membru u l-ispeċifiċitajiet tas-settur diġitali li fih il-preżenza fiżika ta' kumpanija fil-pajjiż tas-suq ħafna drabi mhijiex meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi tagħhom tal-VAT skont il-prinċipju tal-pajjiż tad-destinazzjoni (11); |
Ir-rwol tal-UE fid-dinja
|
75. |
Jirrimarka li l-preżenza tal-UE fis-suq dinji hija sfortunatament baxxa, b'mod partikolari minħabba l-frammentazzjoni attwali tas-suq diġitali, l-inċertezza legali u n-nuqqas ta' finanzjament u kapaċità sabiex jiġu kummerċjalizzati l-innovazzjonijiet teknoloġiċi, li jagħmilha diffiċli għall-kumpaniji Ewropej biex isiru mexxejja dinjija u biex jikkompetu mal-parteċipanti fil-bqija tad-dinja f'din l-ekonomija ġdida u globalment kompetittiva; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' ambjent għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu li jrawwem l-iżvilupp u l-ħolqien ta' impjiegi lokali; |
|
76. |
Jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi tal-UE u dawk mhux tal-UE, pereżempju fir-rigward tat-tassazzjoni u kwistjonijiet simili; |
|
77. |
Jemmen li l-UE għandha l-potenzjal li ssir parteċipant ewlieni fis-suq diġitali, u jikkunsidra li jenħtieġ li twitti t-triq għal klima favur l-innovazzjoni fl-Ewropa billi tiżgura qafas legali rigoruż li jipproteġi lill-partijiet interessati kollha; |
o
o o
|
78. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0052.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
(4) ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1.
(5) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(7) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
(8) ĠU C 75, 10.3.2017, p. 119.
(9) Direttiva 2004/48/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).
(10) Direttiva 2003/98/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).
(11) Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016, “Lejn sistema definittiva ta' VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT” (Testi adottati, P8_TA(2016)0453).