Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE2892

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-istrateġija LeaderSHIP 2020 bħala viżjoni għall-industrija tat-teknoloġija marittima: lejn industrija marittima innovattiva, sostenibbli u kompetittiva fl-2020 (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2017/02892

ĠU C 262, 25.7.2018, pp. 8–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 262/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-istrateġija LeaderSHIP 2020 bħala viżjoni għall-industrija tat-teknoloġija marittima: lejn industrija marittima innovattiva, sostenibbli u kompetittiva fl-2020

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 262/02)

Relatur:

Marian KRZAKLEWSKI

Korelatur:

Patrizio PESCI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

1.6.2017

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata mis-CCMI

4.4.2018

Adottata fis-sessjoni plenarja

19.4.2018

Sessjoni plenarja Nru

534

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

197/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jirrakkomanda li s-servizzi kollha tal-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom biex jassumu r-responsabbiltà għall-ikkompletar tal-istrateġija LeaderSHIP 2020 (LS 2020) u għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġija li jmiss għas-settur (LeaderSHIP 2030), f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati.

1.2

Peress li ġiet adottata fl-2013, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-LeaderSHIP 2020 ġew determinati mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika tal-2008. Madankollu, saru ħafna żviluppi f’dawn l-aħħar snin, li ħolqu sfidi serji u opportunitajiet ġodda għall-industriji marittimi fl-Ewropa. Il-KESE għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ akbar għall-industriji marittimi biex jiffaċċjaw l-isfidi u l-opportunitajiet tagħhom.

1.3

Bil-pubblikazzjoni tal-istrateġija LS 2020, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati qablu dwar dsatax-il rakkomandazzjoni, bil-għan li jwettqu l-istrateġija fil-prattika. Waqt is-seduta, il-partijiet interessati mis-settur lestew stħarriġ li jevalwa kemm ġew implimentati dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Is-sejbiet tal-istħarriġ huma diskussi fis-sezzjoni 3.

1.3.1

Il-KESE jinnota li, erba’ snin wara li ġiet ippubblikata l-istrateġija, il-progress lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha kien irregolari – ir-rata ta’ implimentazzjoni medja hija ta’ 25 % biss. Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mal-pilastru tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni ġew implimentati relattivament tajjeb. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet taħt il-pilastru “tal-impjieg kellha pjuttost inqas suċċess għad li xorta kienet effettiva, bl-eċċezzjoni tat-tagħlim informali. Dan huwa segwit mill-introduzzjoni ta’ miżuri dwar “it-titjib fl-aċċess għas-suq u fil-kompetizzjoni ġusta”. Il-progress f’dawn il-miżuri jilħaq 20 % biss. Il-pilastru bl-inqas livell ta’ implimentazzjoni (medja ta’ 15 %) huwa dak “tal-aċċess għall-finanzjament”, bl-eċċezzjoni ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-finanzjament tal-BEI. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati biex isaħħu l-implimentazzjoni tal-istrateġija u biex, fl-istrateġija l-ġdida (LeaderSHIP 2030) proposta mill-partijiet interessati għas-settur, jinkludu r-rakkomandazzjonijiet ewlenin li għadhom pendenti.

1.4

Is-Seduta enfasizzat li s-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima huwa settur strateġiku ewlieni għall-Ewropa, u li jinsab f’qagħda relattivament tajba, minkejja l-bosta diffikultajiet li kien qed jiffaċċja s-settur, speċjalment wara l-kriżi ekonomika. B’kuntrast, it-tarzni Asjatiċi qed ibatu ħafna, fost l-oħrajn bħala riżultat ta’ politiki vigorużi tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, minħabba l-problemi attwali tagħhom, il-kompetituri Asjatiċi, u b’mod partikolari ċ-Ċina, se jżidu l-pressjoni fuq l-Ewropa. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tadotta qafas li jippermetti kundizzjonijiet ekwivalenti u ġenwini ta’ kompetizzjoni globali għas-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima.

1.5

Il-gvern u l-banek Ċiniżi ser jipprovdu l-appoġġ finanzjarju kollu lill-kumpaniji tal-Istat tagħhom sabiex jimplimentaw l-istrateġija mħabbra reċentement biex jieħdu post il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala mexxejja fil-bini ta’ vapuri ta’ livell għoli, bħal vapuri tal-kruċieri u tagħmir marittimu b’teknoloġija avvanzata. F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tadotta politika industrijali u ta’ manifattura b’saħħitha, ibbażata fuq ir-reċiproċità, li tippermetti lill-industrija tat-teknoloġija marittima Ewropea tkampa fil-kompetizzjoni.

1.6

L-industriji marittimi attwalment huma ostakolati minn pressjonijiet regolatorji u soċjetali. Mil-lat regolatorju, dan is-settur huwa mġiegħel itejjeb il-prestazzjoni ambjentali, tas-sikurezza u tas-sigurtà tiegħu. Mil-lat tas-soċjetà, id-diġitalizzazzjoni, l-awtomazzjoni, is-sigurtà ċibernetika jew l-Internet tal-Oġġetti huma teknoloġiji potenzjalment ta’ tfixkil li jistgħu jibdlu fundamentalment il-futur tas-settur marittimu. Fl-istess ħin, dawn l-isfidi joħolqu opportunitajiet interessanti għas-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ l-investimenti tas-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni – pereżempju permezz ta’ sħubija pubblika-privata – biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-settur. Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huma essenzjali biex is-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima jibqa’ fuq quddiem nett fost il-kompetituri globali.

1.7

Is-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima għandu interess dejjem akbar biex jisfrutta l-potenzjal ekonomiku tal-ibħra u l-oċeani b’mod sostenibbli. L-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta, l-enerġiji mill-oċean jew l-akkwakultura huma biss ftit eżempji. Biex jiġi sfruttat bis-sħiħ dan il-potenzjal u biex jinfetħu opportunitajiet ġodda (eż. ħżin tal-enerġija fuq il-baħar), il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja s-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima b’PPP Blu.

1.8

Għall-kuntrarju tal-kompetituri Asjatiċi, l-aċċess għall-finanzi huwa problema sinifikanti għat-tarzni Ewropej u l-manifatturi tat-tagħmir marittimu Ewropej. L-għodod finanzjarji Ewropej eżistenti mhumiex magħrufa biżżejjed jew inkella mhumiex adatti għalkollox biex jintużaw f’settur b’intensità daqshekk għolja ta’ kapital. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi strument finanzjarju ddedikat li jtejjeb l-investiment f’settur ta’ kapital ta’ riskju intensiv, bħall-industrija Ewropea tat-teknoloġija marittima.

1.9

l-KESE jemmen li s-subsettur navali għandu rwol importanti ħafna biex tinżamm “il-massa kritika” tas-settur Ewropew kollu tal-bini tal-bastimenti u, barra minn hekk, huwa forza li tmexxi ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tat-teknoloġija marittima u lil hinn minnu. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-industrija għad-difiża marittima tkun wieħed mill-pilastri fis-segwitu tal-istrateġija LeaderSHIP.

1.10

Biex jibqa’ kompetittiv u innovattiv, is-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima jeħtieġ li jimplimenta teknoloġiji ġodda u li jkollu forza tax-xogħol bil-ħiliet u t-taħriġ adatti. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ qawwi lill-imsieħba soċjali mis-settur tal-bini tal-bastimenti biex ikomplu b’xogħolhom waqt il-Kunsill Ewropew tal-Ħiliet tas-Settur tat-Teknoloġija Marittima. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-KE dwar il-ħtieġa li jiġu promossi inizjattivi mmexxija mill-industrija u l-għarfien espert biex tinstab soluzzjoni għall-ispariġġ fil-ħiliet f’dan is-settur.

1.11

Il-KESE ħa nota tas-sejbiet tar-rapport dwar New trends in the shipbuilding and marine supply industries (1) (Xejriet Ġodda fl-industriji tal-bini tal-bastimenti u tal-provvista tal-baħar) u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkoopera ma’ SEA Europe u IndustriALL u partijiet ikkonċernati oħrajn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula f’dan ir-rapport.

2.   Kuntest ta’ din l-Opinjoni

Is-sitwazzjoni attwali tal-industrija tat-teknoloġija marittima Ewropea

2.1

L-industrija Ewropea tat-teknoloġija marittima tkopri n-negozji kollha involuti fid-disinn, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ bastimenti u strutturi marittimi oħra, inkluża l-katina tal-provvista kollha tas-sistemi, tat-tagħmir, u tas-servizzi, appoġġjati minn istituzzjonijiet ta’ riċerka u edukattivi. Il-kumpaniji Ewropej huma mexxejja fl-innovazzjoni u jipproduċu madwar nofs it-tagħmir marittimu tad-dinja kull sena.

2.2

It-tarzni Ewropej jirnexxu fil-bini, it-tiswija, il-manutenzjoni jew il-konverżjoni ta’ tipi ta’ vapuri ċivili u navali kumplessi ħafna u teknoloġikament avvanzati, bħal vapuri ta’ kruċieri, laneċ, bastimenti u installazzjonijiet lil hinn mill-kosta, frejgati, sottomarini, eċċ. Huma jipproduċu u jiżviluppaw ukoll teknoloġiji assoċjati mal-iżvilupp ta’ “tkabbir blu” (enerġiji lil hinn mill-kosta, akkwakultura, l-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, eċċ.). Dawn joħolqu fatturat annwali ta’ madwar EUR 31 biljun, u jimpjegaw direttament aktar minn 200 000 persuna, u attwalment hemm madwar 300 tarzna fl-Ewropa (2).

2.3

Il-produtturi u l-fornituri ta’ tagħmir tal-baħar mill-UE huma mexxejja tas-suq globali. Dawn jinkludu madwar 22 000 kumpanija kbira, żgħira u ta’ daqs medju li jipprovdu diversi materjali, sistemi, teknoloġiji u tagħmir jew jipprovdu servizzi ta’ inġinerija u konsulenza. Dawn jiġġeneraw fatturat annwali ta’ madwar EUR 60 biljun, u jimpjegaw direttament aktar minn 350 000 persuna. Is-sehem tagħhom tas-suq globali huwa ta’ madwar 50 %.

2.4

Is-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima jinvesti 9 % tal-profitti tiegħu mill-bejgħ fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni – l-ogħla rata ta’ investiment fir-RŻI li tinsab fl-Ewropa.

2.5

L-industrija globali tal-bini tal-bastimenti qed tiffaċċja waħda mill-aktar kriżijiet serji tagħha fuq medda ta’ snin fejn l-2016 kienet l-agħar sena s’issa, iżda huwa mistenni agħar minn hekk fis-sentejn jew it-tliet snin li ġejjin. It-tnaqqis fid-domanda għat-trasport tal-merkanzija fl-Asja wassal għal tnaqqis drammatiku fil-kotba tal-ordnijiet. L-Ewropa hija unika minħabba li rnexxielha żżomm l-ordnijiet dejjem jiżdiedu mill-2012, mingħajr appoġġ finanzjarju jew sussidji. Fl-istess ħin, il-manifatturi tat-tagħmir marittimu Ewropej qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi negattivi ta’ tnaqqis drammatiku tal-kotba tal-ordnijiet Asjatiċi.

2.6

Fl-2016, l-ordnijiet ġodda tat-tarzni Ewropej kienu jiswew aktar mill-unitajiet li kienu diġà ġew forniti. Il-kuntratti Ewropej għal bastimenti ġodda kienu jiswew USD 14,7 biljun, ammont li jirrappreżenta 55 % tal-valur ta’ ordnijiet ġodda madwar id-dinja.

2.7

Il-kompetittività tal-pajjiżi tal-Asja tal-Lvant hija bbażata fil-biċċa l-kbira fuq politiki protezzjonisti nazzjonali, inklużi sussidji, miżuri oħrajn ta’ appoġġ finanzjarju, rekwiżiti ta’ kontenut lokali eċċ. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-Ewropa, dawn il-pajjiżi jippreferu jordnaw il-bini ġdid tagħhom fit-tarzni tagħhom. B’kuntrast għal dan, is-sidien tal-bastimenti Ewropej bidlu l-ordnijiet tagħhom għall-bini ta’ bastimenti tal-merkanzija kif ukoll ta’ bastimenti ta’ servizz fuq il-baħar minn tarzni Ewropej lejn it-tarzni fl-Asja. Għalhekk, il-ktieb tal-ordnijiet Ewropew inbidel tul dawn l-aħħar għaxar snin, u mexa lejn il-bini ta’ tipi ta’ bastimenti sofistikati b’valur miżjud għola. Huwa interessanti li din l-evoluzzjoni seħħet fi żmien fejn l-industrija tat-tbaħħir Ewropea stess ibbenefikat minn skemi ta’ appoġġ finanzjarji jew fiskali.

Kuntest tal-istrateġija LeaderSHIP 2020

2.8

L-istrateġija LeaderSHIP 2020 (3) għandha l-oriġini tagħha fl-inizjattiva LeaderSHIP 2015, imnedija fl-2003 bil-għan li tiżgura rispons koordinat għall-isfidi ffaċċjati mill-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti. L-enfasi prinċipali kienet fuq attivitajiet ibbażati fuq l-għarfien u l-ħtieġa għal redditu aħjar fuq l-investiment fit-tarzni f’termini ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni.

2.9

Fl-2008, is-settur Ewropew tal-bini tal-bastimenti ntlaqat mill-kriżi ekonomika globali. Il-kriżi għad għandha effett fuq is-settur sal-lum. Għalhekk kien hemm bżonn ta’ reazzjoni qawwija, fil-forma tal-istrateġija ġdida ta’ LeaderSHIP 2020 (LS2020).

2.10

Id-dokument tal-2013 li jagħti dettalji dwar l-istrateġija LS2020 ġie żviluppat minn grupp wiesa’ ta’ partijiet interessati mmexxija minn rappreżentanti tal-industrija, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament u l-imsieħba soċjali (SEA Europe u IndustriALL).

2.11

L-istrateġija tindika l-karatteristiċi ta’ din l-industrija: innovattiva, ekoloġika, speċjalizzata fi swieq ta’ teknoloġija avvanzata, effiċjenti fl-użu tal-enerġija u kapaċi tespandi fi swieq ġodda.

2.12

Ir-rapport li jippreżenta l-istrateġija LS2020 jidentifika l-erba’ pilastri li ġejjin:

—

L-impjieg u l-ħiliet

—

It-titjib fl-aċċess għas-swieq u l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta

—

L-aċċess għal finanzjament

—

Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RDI)

3.   Evalwazzjoni tal-progress lejn l-implimentazzjoni tal-istrateġija LS 2020 tar-rakkomandazzjonijiet

3.1

L-evalwazzjoni ta’ kemm ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-istrateġija LS2020 twettqet abbażi ta’ stħarriġ li mtela mill-parteċipanti f’seduta pubblika. Ir-riżultati tal-istħarriġ jidhru hawn taħt.

3.2

Kien hemm progress moderat fuq miżuri taħt il-pilastru “tal-impjieg u l-ħiliet” tal-istrateġija LS 2020. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġew implimentati bl-aktar mod effettiv kienu “l-ħolqien ta’ sottogrupp tas-settur tat-teknoloġija marittima fi ħdan is-sistema ta’ ESCO” u “l-promozzjoni tas-settur tat-teknoloġija marittima”, b’punteġġ ta’ 30 %. Il-pjani għal studju dwar it-tagħlim informali tqiesu ta’ livell baxx, b’punteġġ ta’ 0. Il-bqija tar-rakkomandazzjonijiet f’dan il-grupp ingħataw punteġġ ta’ 15-20 %.

3.3

L-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet taħt it-tieni pilastru, dwar “it-titjib tal-aċċess għas-suq u tal-kompetizzjoni ġusta”, kienet meqjusa bħala pjuttost limitata. Tliet miżuri qed jiġu implimentati: il-Grupp ta’ Ħidma tal-OECD dwar il-bini tal-bastimnenti; kooperazzjoni eqreb bejn l-industrija u l-KE dwar kwistjonijiet marbutin mal-protezzjoni tal-proprjetà intelletwali u l-konformità mar-regolamenti tal-IMO; u li jsir l-aħjar użu mid-diversi strumenti ta’ politika kummerċjali u li jingħata appoġġ għall-isforzi favur il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. Madwar 20 % ta’ dawn il-miżuri jitqies li ġew implimentati. L-implimentazzjoni ta’ miżuri oħrajn f’dan il-grupp hija negliġibbli.

3.4

Fir-rigward tal-pilastru dwar l-aċċess għal finanzjament, il-partijiet interessati nnotaw progress rigward punt wieħed biss: “li jiġu mistħarrġa u promossi l-opportunitajiet għal finanzjament tal-BEI u l-possibilitajiet biex titwessa’ l-firxa ta’ self li joffri”, b’punteġġ ta’ 20-30 %. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni biex “tiġi eżaminata l-possibilità ta’ “PPP blue” hija kklassifikata bħala 15 % u r-rakkomandazzjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ “opportunitajiet għal finanzjament fit-tul mill-Kummissjoni” bilkemm ġiet implimentata fil-prattika (5 %).

3.5

Ir-rakkomandazzjonijiet dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jipprovdu raġunijiet għal ottimiżmu moderat. Tlieta mir-rakkomandazzjonijiet jinsabu f’livell medju – jew saħansitra aktar minn nofs triq – biex jiġu implimentati bis-sħiħ. Il-valutazzjoni ta’ dan il-grupp ta’ rakkomandazzjonijiet hija kif ġej:

—

tiġi eżaminata l-fattibbiltà ta’ proġetti ta’ PPP fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għas-settur tat-teknoloġija marittima – 50 %,

—

l-inkorporazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dispożizzjonijiet li jkopru r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fir-Regolamenti tal-UE minħabba l-iskadenza tal-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Bini tal-Bastimenti – 60 %,

—

tiġi eżaminata l-possibbiltà li l-fondi strutturali jiġu allokati għad-diversifikazzjoni tas-settur tat-teknoloġija marittima, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ strateġiji reġjonali għal speċjalizzazzjoni intelliġenti – 45 %,

—

l-industrija tat-teknoloġija marittima tiżviluppa PPP komprensiva fil-livell tal-UE biex tiffoka fuq ir-riċerka marittima, fost affarijiet oħrajn, fuq vapuri mingħajr emissjonijiet u effiċjenti fl-enerġija – 30 %.

4.   Kummenti ġenerali u speċifiċi dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-istrateġija LeaderSHIP 2020

Impjiegi u ħiliet

4.1

Hemm bżonn kbir li tiġi rretifikata l-iskarsezza tal-ħiliet, li jkun hemm titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema u li jiġi pprovdut taħriġ u taħriġ mill-ġdid rilevanti bil-għan li tinżamm massa kritika ta’ għarfien espert u know-how fl-industrija tat-teknoloġija marittima Ewropea. Għalhekk, huwa importanti li tiġi appoġġjata u tissokta l-ħidma mibdija mill-imsieħba soċjali permezz tal-proġett tal-Kunsill tal-Ħiliet (4). Barra minn hekk, huwa wkoll essenzjali li l-imsieħba soċjali jkunu involuti u kkonsultati mill-istituzzjonijiet Ewropej fil-proċess tat-tfassil tal-politika u dwar kwalunkwe inizjattiva tal-UE li taffettwa lis-settur u li l-organizzazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw lill-impjegaturi u l-impjegati jkomplu jkunu involuti fi djalogu, inkluż fil-kuntest tad-djalogu soċjali.

4.2

Il-ħaddiema għandu jkollhom it-taħriġ xieraq biex ikunu kapaċi jlaħħqu mal-isfidi tal-Industry 4.0 u t-tibdil teknologiku futur (pereżempju d-diġitalizzazzjoni). Il-ħaddiema futuri fl-industrija tat-teknoloġija marittima jeħtieġ li jkollhom ħiliet li jippermettulhom jimmaniġġjaw l-opportunitajiet u l-isfidi tal-ekonomija blu.

4.3

Għandhom jiżdiedu l-isforzi biex tittejjeb l-attraenza tas-settur. Għandhom jiġu identifikati u jinġabru flimkien diversi perkorsi ta’ karrieri għall-ħaddiema f’dan is-settur, u jeħtieġ li tiżdied il-mobilità tal-istudenti (jiġifieri Erasmus għas-settur tat-teknoloġija marittima). Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tappoġġja bis-sħiħ l-attivitajiet tas-SEA Europe u IndustriALL fil-livell Ewropew, jiġifieri fi ħdan il-qafas tal-kumitat tad-djalogu soċjali għall-bini tal-bastimenti.

It-titjib fl-aċċess għas-swieq u fil-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta

4.4

L-industrija Ewropea għadha qed tiffaċċja kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi terzi, kemm fl-industrija tal-bini tal-bastimenti kif ukoll – dejjem aktar – fis-settur tat-tagħmir marittimu. Il-kriżi fl-Asja, ikkawżata mill-kapaċità żejda tal-produzzjoni, prinċipalment bħala riżultat ta’ sussidji kbar ħafna mill-Istat, tfisser li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ dawn il-pajjiżi jixtiequ jappoġġjaw lit-tarzni lokali kif ukoll lill-manifatturi tat-tagħmir marittimu lokali, li jfisser żieda fl-esportazzjonijiet u għalhekk pressjoni kompetittiva addizzjonali fuq it-tarzni u l-manifatturi tat-tagħmir tal-baħar Ewropej.

4.5

It-tarzni Asjatiċi issa qed jiffukaw l-attenzjoni tagħhom fuq is-swieq Ewropej ta’ suċċess għal tipi ta’ bastimenti aktar avvanzati, bħal vapuri tal-kruċieri u tal-passiġġieri. Barra minn hekk, fid-dokumenti uffiċjali riċenti tagħha “Made in China 2025” u “China Manufacturing 2025”, iċ-Ċina ħabbret li qed timmira li ssir il-produttur ewlieni fid-dinja ta’ vapuri ta’ livell għoli, inklużi vapuri tal-kruċieri u tagħmir tal-baħar b’teknoloġija avvanzata, li jfisser li se tikkompeti direttament mas-swieq Ewropej ta’ suċċess. Din il-politika tirċievi appoġġ sħiħ mill-gvern permezz ta’ għajnuna mill-Istat. Hija wkoll theddida għall-industrija tat-teknoloġija marittima Ewropea.

4.6

Is-suq Amerikan jibqa’ magħluq minħabba l-Jones Act. Kieku din il-liġi kellha tkun inqas stretta u s-suq Amerikan jinfetaħ, l-industrija tal-bini tal-bastimenti Ewropea tikseb xi opportunitajiet interessanti. L-UE għandha taħdem għal dan minkejja l-fatt li l-klima politika attwali fl-Istati Uniti ixxaqleb aktar lejn il-protezzjoniżmu.

4.7

Bħaċ-Ċina, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri għandhom jirrealizzaw li l-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti u l-manifattura tat-tagħmir tal-baħar huma setturi strateġiċi tal-ekonomija Ewropea li jitolbu attenzjoni speċjali u approċċ dedikat, għal raġunijiet kemm kummerċjali kif ukoll navali.

4.8

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi ftehim komprensiv tal-OECD (inkluża ċ-Ċina) li jistabbilixxi regoli dwar is-sussidji u – potenzjalment – dixxiplina tariffarja, u għandha tappoġġja l-isforzi f’din id-direzzjoni.

4.9

Ir-reċiproċità bejn l-Ewropa u pajjiżi terzi hija essenzjali u għalhekk għandha tkun il-prinċipju gwida fin-negozjati kummerċjali bilaterali u multilaterali, u fi kwistjonijiet marbutin mal-aċċess għas-swieq. Hija l-pedament biex tagħmel l-industrija Ewropea, inkluż is-settur tat-teknoloġija marittima, aktar kompetittiva għall-kompetituri globali tagħha. Għalhekk jekk in-negozji Ewropej jiltaqgħu ma’ miżuri protezzjonisti f’pajjiż terz, l-UE għandha tieħu l-istess passi ma’ kumpaniji minn dawk il-pajjiżi li jixtiequ jinnegozjaw mal-Ewropa. B’dan il-mod biss se jkun hemm kompetizzjoni aktar ġusta għat-tarzni Ewropej u għall-industrija tat-tagħmir marittimu Ewropea.

Aċċess għall-finanzjament

4.10

Il-Kummissjoni spiss tippreżenta l-FEIS – għodda finanzjarja fil-pjan Juncker – bħala strument (finanzjarju) għall-industrija, iżda l-kamp ta’ applikazzjoni u l-benefiċċji tiegħu mhumiex magħrufin għalkollox (huwa prinċipalment orjentat lejn l-SMEs). Din l-għodda, u l-benefiċċji tagħha għall-industrija tat-teknoloġija marittima, għandhom jiġu spjegati u mxerrdin aħjar.

4.11

L-industrija tal-bini tal-bastimenti teħtieġ ammonti kbar ta’ kapital, iżda t-tarzni Ewropej reċentement qed isibuha aktar diffiċli biex ikollhom aċċess għall-finanzjament. Sadattant, it-tarzni barranin jibbenefikaw minn inċentivi finanzjarji sinifikanti, inkluża għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tikkunsidra li toħloq sistema speċifika biex tagħmilha aktar faċli għall-industrija tal-bini tal-bastimenti Ewropea b’intensita għolja ta’ kapital biex ikollha aċċess għall-finanzjament.

4.12

Għandhom jintużaw inċentivi finanzjarji (pereżempju permezz ta’ programmi ta’ finanzjament Ewropej, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, inċentivi biex is-sidien tal-bastimenti jinvestu f’bastimenti, tagħmir jew teknoloġija li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent), b’redditu fuq l-investiment fl-Ewropa.

4.13

Għandha tiġi analizzata l-adozzjoni ta’ reġim apposta u speċifiku għas-settur, li jkun jipprovdi inċentivi biex itejbu l-kompetittività globali tas-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima, filwaqt li jevita l-kompetizzjoni fost l-Istati Membri tal-UE. F’dan ir-rigward, l-eżempji tal-aħjar prattika minn setturi oħra, b’mod partikolari mis-settur tat-trasport marittimu, jistgħu sa ċertu punt iservu bħala sors ta’ ispirazzjoni.

4.14

L-UE, flimkien man-Norveġja, għandha tikkunsidra li tistabbilixxi programm speċifiku biex jiġi stimulat it-trasport marittimu fuq distanzi qosra u li jkun favur l-ambjent u effiċjenti fl-użu tal-enerġija permezz tal-industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti u s-settur tat-tagħmir marittimu. Il-KESE jitlob li tintuża l-Opinjoni esploratorja tal-Kumitat, imfassla għall-Presidenza Maltija, dwar “L-istrateġiji ta’ diversifikazzjoni tat-turiżmu nawtiku u marittimu” (5).

4.15

Għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-istabbiliment ta’ programm ta’ finanzjament biex il-faċilitajiet Ewropej għar-riċiklaġġ tal-bastimenti jkunu jistgħu jirriċiklaw tipi akbar ta’ bastimenti.

4.16

Għas-settur tal-UE fil-qasam tat-teknoloġija marittima, l-istrumenti finanzjarji li jappoġġjaw l-akkwist pubbliku tal-forza navali huma mutur b’saħħtu u jipprovdu kontribut ewlieni biex tinżamm “il-massa kritika” tal-produzzjoni tas-settur tal-UE kollu tal-bini tal-bastimenti, filwaqt li fl-istess ħin jiġu promossi r-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur kollu u f’oqsma relatati. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ bi pjaċir ir-rwol pożittiv li jaqdi l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża, imfassal reċentement mill-Kummissjoni.

Riċerka, żvilupp u innovazzjoni

4.17

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi sħubija pubblika-privata kuntrattwali għall-industrija marittima biex tippermetti lis-settur ikompli jinvesti biex jissodisfa l-isfidi regolatorji u soċjetali tal-industrija tat-tbaħħir u biex tisfrutta l-potenzjal ekonomiku tal-attivitajiet tat-Tkabbir blu. Programm speċifiku (Ewropew) ta’ appoġġ għall-innovazzjoni għandu jippromovi l-innovazzjonijiet Ewropej.

4.18

L-Ewropa għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għar-riċerka u l-iżvilupp Ewropej. Bl-istess mod, l-innovazzjonijiet Ewropej għandhom ikunu protetti b’mod xieraq f’termini ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. L-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi għandu jissorvelja b’mod effettiv il-privattivi Ewropej, inkluż fis-settur Ewropew tat-teknoloġija marittima, u jimponi penali fil-każ ta’ ksur.

4.19

Id-Disa’ Programm Qafas futur għandu jipprovdi appoġġ (finanzjarju) suffiċjenti lill-industrija marittima biex din tkun tista’ tlaħħaq mal-isfidi regolatorji jew soċjetali ewlenin (Internazzjonali jew Ewropej) fil-futur, bħall-ekoloġizzazzjoni tat-tbaħħir (6), id-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji avvanzati, jew it-tbaħħir awtomatizzat.

4.20

Il-KESE jemmen li d-Disa’ Programm Qafas futur għandu jinkludi wkoll kapitolu dwar l-appoġġ finanzjarju tal-industrija Ewropea biex tkun tista’ tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal ekonomiku tal-ekonomija blu fl-Ewropa.

Brussell, id-19 ta’ April 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  “New trends in the shipbuilding and marine supply industries”.

(2)  SEA Europe – The Voice of Maritime Civil & Naval Industries in Europe, bullettin tal-2017.

(3)  http://ec.europa.eu/growth/sectors/maritime/shipbuilding/ec-support_mt

(4)  Kunsill settorjali dwar il-ħiliet.

(5)  Opinjoni tal-KESE (ĠU C 209, 30.6.2017, p. 1).

(6)  Bħala industrija internazzjonali li tikkompeti fuq livell globali, l-industrija tat-teknoloġija tat-tbaħħir u dik marittima jippreferu soluzzjonijiet internazzjonali – permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali f’Londra – fir-rigward tal-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu.


Top