IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2017
COM(2017) 781 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.
{SWD(2017) 462 final}
1.INTRODUZZJONI
Suq Intern aktar approfondit u ġust huwa waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Ewropa. Sabiex tikseb dan l-objettiv, l-Unjoni teħtieġ qafas għal kooperazzjoni effettiva u effiċjenti bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma impenjati biex isaħħu l-ġlieda kontra l-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa jew l-evitar tat-taxxa f’livell transfruntier u hija ddeterminata li tiżgura li l-profitti jiġu ntaxxati fejn isiru. Iżda biex l-azzjonijiet politiċi jirnexxu huwa essenzjali li fil-prattika jkun hemm implimentazzjoni effettiva.
Il-kooperazzjoni amministrattiva hija kruċjali. Li jkun hemm 28 amministrazzjoni tat-taxxa separati jaħdmu għalihom mhijiex sitwazzjoni prattikabbli. Filwaqt li t-tassazzjoni għadha fil-parti l-kbira kwistjoni nazzjonali, l-ambjent ekonomiku sar aktar globalizzat, mobbli u diġitali. In-negozji kapaċi jibagħtu l-profitti minn pajjiż għal ieħor, il-kontribwenti kapaċi jagħmlu introjtu minn barra l-pajjiż mingħajr ma jiġu ntaxxati, u d-deċiżjonijiet tat-taxxa ta’ Stat Membru jista’ jkollhom effetti fuq il-bażijiet tat-taxxa ta’ Stati Membri oħra. Biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jikkontribwixxu s-sehem ġust tagħhom fl-Istat fejn suppost, l-Ewropa teħtieġ grad għoli ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.
Sar ħafna minn mindu ġiet adottata d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (id-Direttiva jew id-DAC). Din id-Direttiva tirrappreżenta l-iżvilupp ewlieni fil-qafas ta’ kooperazzjoni tal-UE. Din issostitwiet id-Direttiva 77/799/KEE dwar l-Assistenza Reċiproka (MAD).
It-titjib li ġabet magħha d-Direttiva kien partikolarment relatat: (i) mat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni biex tiġi inkluża l-informazzjoni prevedibbilment rilevanti kollha mhux biss dik relatata mat-taxxi diretti iżda anki mat-taxxi indiretti kollha apparti l-VAT u d-Dazji tas-sisa, (ii) mal-allinjament tal-istandards tal-UE mal-Artikolu 26(4) u (5) tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD li jiżgura, fost l-oħrajn, l-iskambju wkoll fin-nuqqas ta’ interess domestiku, (iii) mat-tisħiħ tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni, (iv) mal-forniment ta’ limiti ta’ żmien, ta’ formoli standard ġodda u ta’ kanal sigur għall-iskambju ta’ informazzjoni u (v) mal-obbligu għall-Istati Membri involuti f’kooperazzjoni usa’ ma’ pajjiż terz biex jipprovdu l-istess livell ta’ kooperazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kollha li jixtiequ jidħlu f’kooperazzjoni reċiproka usa’ bħal din.
Minn dak iż-żmien, biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi li kienu qed jaffaċċjaw l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, id-Direttiva ġiet emendata erba’ darbiet permezz ta’ Direttivi emendatorji, bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva 2014/107/UE (DAC2) introduċiet l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji; Id-Direttiva 2015/2376/UE (DAC3), dwar l-iskambju awtomatiku ta’ deċiżjonijiet tat-taxxa u ta’ arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment; Id-Direttiva 2016/881/UE (DAC4), dwar l-iskambju awtomatiku ta’ rapporti għal kull pajjiż; Id-Direttiva 2016/2258/UE (DAC5) li, b’differenza mid-direttivi emendatorji preċedenti, ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni iżda, minflok, tiżgura li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja miġbura skont il-leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Il-Figura 1 turi l-iżvilupp maż-żmien.
Figura 1: L-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ewlenin għall-kooperazzjoni amministrattiva fit-tassazzjoni diretta
2.IR-RAPPORT
L-Artikolu 27 tad-Direttiva jirrikjedi Rapport dwar l-applikazzjoni tagħha kull ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2013. Jenħtieġ li jinqara flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal (SWD) li jappoġġja d-Direttiva u li tħejja fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri permezz ta’ kwestjonarji u dejta statistika mill-2013 ’l hawn. L-SWD jiddeskrivi s-sejbiet ewlenin tar-rapport u jispjega l-karatteristiċi ewlenin ta’ approċċ Ewropew imġedded għall-kooperazzjoni amministrattiva għat-tassazzjoni ġusta fl-UE.
Ir-rieżami jkopri d-dispożizzjonijiet ewlenin fis-seħħ kollha tad-DAC. L-aktar dispożizzjonijiet riċenti dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni introdotti permezz tad-Direttivi emendatorji għad-DAC orġinali (jiġifieri DAC2 – DAC3 – DAC4) mhumiex koperti għaliex fiż-żmien tal-abbozzar tar-rapport, l-iskambji li saru skont id-DAC2 u d-DAC3 kienu għadhom kif bdew, u dawk skont id-DAC4 għadhom ma seħħewx. Id-dijagramma ta’ hawn taħt turi d-dati tal-ewwel skambji rispettivament.
Qabel l-1 ta’ Jannar 2019 huwa meħtieġ it-tieni rapport skont l-Artikolu 8b tad-Direttiva, u dan ser jipprovdi ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-istatistiki u tal-informazzjoni rċevuta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dan ikopri statistiki dwar l-iskambji awtomatiċi skont l-Artikoli 8 u 8a (jiġifieri l-iskambji skont id-DAC1, u d-DAC2 u d-DAC3 ser ikunu koperti) dwar kwistjonijiet bħall-kostijiet u benefiċċji amministrattivi u oħrajn rilevanti tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni, kif ukoll dwar l-aspetti prattiċi relatati ma’ dan.
L-applikazzjoni tad-Direttiva u l-isforzi ta’ tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva fi ħdan l-Unjoni Ewropea jirrappreżentaw l-ogħla standards fid-dinja ta’ kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Minkejja dan, għad hemm xi intoppi. Hemm lok fejn jista’ jsir titjib ulterjuri fil-kooperazzjoni amministrattiva biex jiġi żgurat li l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jibqgħu fuq quddiem nett fil-mixja globali lejn sistema fiskali aktar ġusta u trasparenti.
3.IS-SEJBIET EWLENIN
L-SWD fih informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/16/UE. Dan iħares lejn id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva, b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni (EOI) fid-diversi forom tiegħu - fuq talba (EOIR), spontanju (SEOI) u awtomatiku (AEOI). Dan ikopri wkoll forom oħra ta’ kooperazzjoni, bħall-preżenza f’uffiċċji amministrattivi u l-parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi, kontrolli simultanji u talbiet għal notifika u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-kooperazzjoni amministrattiva fit-tassazzjoni diretta.
Huwa bbażat fuq l-informazzjoni u d-dejta miġbura permezz ta’ kwestjonarji u statistiki mingħand l-Istati Membri dwar l-isforzi tagħhom fl-applikazzjoni tad-Direttiva, kif ukoll fuq l-esperjenzi prattiċi meta kkooperaw ma’ Stati Membri oħra.
Mill-analiżi tal-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri, f'dan ir-rapport joħorġu tliet sejbiet importanti:
-id-dispożizzjonijiet tad-DAC ġew implimentati iżda mhux ilkoll b’mod effettiv;
-l-applikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni skont id-DAC irriżulta f’żieda qawwija fl-ammont ta’ dejta li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jridu jimmanġġjaw – iżda, bħala medja, il-kapaċità tagħhom li jagħmlu dan ma kibritx bl-istess rata;
-il-valutazzjoni tal-benefiċċji tad-DAC titwettaq fi stadju ferm bikri.
Id-dispożizzjonijiet tad-DAC ġew implimentati iżda mhux ilkoll b’mod effettiv
Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, b’mod ġenerali d-DAC ġiet applikata kif suppost. Minkejja dan, ġew identifikati l-oqsma li ġejjin ta’ titjib għall-applikazzjoni korretta tad-Direttiva:
Minkejja l-isforzi biex jitħarsu l-limiti ta’ żmien stabbiliti mid-Direttiva, l-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba (EOIR) mhuwiex puntwali daqs kemm jenħtieġ li jkun. Id-Direttiva tistabbilixxi limiti ta’ żmien għat-tweġib għal talbiet għal informazzjoni iżda tagħraf l-eżistenza ta’ każijiet speċjali li fihom jista’ jintlaħaq qbil speċjali dwar limiti ta’ żmien differenti. Minkejja dan, il-puntwalità tat-tweġibiet hija partikolarment importanti biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva. Id-dispożizzjonijiet tad-DAC huma ċari ħafna f’dan ir-rigward: l-informazzjoni trid tiġi pprovduta mill-aktar fis possibbli, peress li tweġiba tard tista’ tkun anqas siewja għall-Istat Membru rikjedenti. Kif muri fit-taqsima 5 tal-SWD, bħalissa mhux it-talbiet kollha għal informazzjoni jitwieġbu sal-iskadenza ddefinita fid-Direttiva.
Permezz tal-iskambju spontanju ta’ informazzjoni (SEOI), l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni li tista’ tkun rilevanti għall-amministrazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għall-infurzar tal-liġijiet domestiċi tat-taxxa. Jenħtieġ li l-informazzjoni pprovduta b’mod spontanju tkun effettiva peress li din tingħażel minn uffiċjali tat-taxxa li jibbażaw fuq l-esperjenza prattika u l-għarfien espert tagħhom stess fil-ġbir tat-taxxi. Madankollu, peress li l-feedback ma jingħatax b’mod regolari mhuwiex possibbli li tiġi vvalutata l-effikaċja tal-informazzjoni skambjata. Kif ġie rrapportat fit-taqsima 7 tal-SWD, ċerta informazzjoni ġiet skambjata b’mod spontanju tul is-snin, iżda l-SEOI ma kinitx effettiva kemm setgħet tkun speċjalment fir-rigward tad-deċiżjonijiet tat-taxxa u l-arranġamenti preliminari tal-prezzijiet ta' trasferiment fil-livell transfruntier. Il-każ tal-LuxLeaks wera biċ-ċar li l-kooperazzjoni amministrattiva f’dan il-qasam ma kinitx qed taħdem u, fl-2015, il-Kummissjoni pproponiet id-DAC3 li tobbliga lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni b’mod awtomatiku dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa tagħhom.
L-ewwel dispożizzjonijiet (DAC1) dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni (AEOI) li huwa obbligatorju bdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2015 għal ħames kategoriji ta’ introjtu u ta’ kapital, jiġifieri: introjtu mill-impjieg, miżati tad-diretturi, ċerti prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, pensjonijiet u sjieda ta’ proprjetà immobbli u l-introjtu minnha. Madankollu, fuq il-bażi tal-informazzjoni rċevuta, ma hemm ebda evidenza ċara tal-użu attwali tat-tali informazzjoni. Anki jekk il-maġġoranza tal-Istati Membri ddikjaraw li huma jiftħu l-fajls voluminużi ta’ informazzjoni meta jiġu rċevuti, jidher li diversi Stati Membri qed ibatu biex jużaw it-tali informazzjoni għal diversi raġunijiet, fosthom nuqqas ta’ riżorsi jew nuqqas ta’ proċessi awtomatizzati ta’ identifikazzjoni tal-kontribwenti, kif muri fit-taqsima 6 tal-SWD.
Id-Direttiva tiddefinixxi modi kif issir kooperazzjoni b’modi oħra apparti l-iskambju ta’ informazzjoni. Din tipprevedi l-possibbiltà biex l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jaqblu b’mod bilaterali dwar il-preżenza tal-uffiċjali tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor; it-twettiq ta’ kontrolli simultanji tat-taxxa minn żewġ Stati Membri jew aktar fuq kontribwenti ta’ interess komuni; u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jistgħu jiddependu mill-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stati Membri oħra biex jiżguraw li l-kontribwenti, ikunu fejn ikunu, jiġu nnotifikati bid-deċiżjonijiet u bl-istrumenti li jikkonċernaw l-obbligazzjoni ta’ taxxa tagħhom. Minkejja dan, meta mqabbla mal-firxa ta’ attività transfruntiera fl-Ewropa, jew mal-għadd totali ta’ awditi mwettqa mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa, il-kooperazzjoni amministrattiva skont dawn id-dispożizzjonijiet hija limitata, kif muri fit-taqsimiet 8 u 9 tal-SWD, u tista’ tiġi estiża. Aktar kooperazzjoni tkun tirriżulta wkoll f’aktar ċertezza tat-taxxa għall-kontribwenti transfruntiera, jekk din tagħmel aktar konsistenti u prevedibbli l-mod li bih amministrazzjonijiet tat-taxxa differenti jawditjawhom.
L-iskambju ta’ informazzjoni skont id-DAC irriżulta f’żieda qawwija fl-ammont ta’ dejta li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jridu jimmanġġjaw – iżda l-kapaċità tagħhom li jagħmlu dan ma kibritx bl-istess rata
L-ammont ta’ informazzjoni skambjata skont id-DAC kien sinifikanti – u wara l-implimentazzjoni proprja tad-dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni, dan ser ikun saħansitra aktar. Iżda r-riżorsi ddedikati għall-ġestjoni ta’ dan il-fluss baqgħu limitati.
Skont l-informazzjoni mogħtija mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, in-numru ta’ persunal li jaħdem fit-taxxa ddedikat għall-kooperazzjoni amministrattiva fl-Uffiċċju Ċentrali ta’ Kollegament (CLO) ivarja bejn 1 u 5 uffiċjali f’ħafna mill-Istati Membri, kif muri fit-taqsima 4 tal-SWD. Dan ma jirrappreżentax il-persunal kollu li jaħdem fil-kooperazzjoni amministrattiva, iżda maż-żmien ma ġiet irrapportata ebda żieda sinifikanti fil-persunal tas-CLO, filwaqt li l-kooperazzjoni amministrattiva espandiet l-ambitu tagħha u evolviet ħafna f’perjodu ta' żmien qasir ħafna. Meta mqabbla mal-livelli kumplessivi ta’ persunal impjegat fl-amministrazzjonijiet tat-taxxa fl-Istati Membri, dawn iċ-ċifri jindikaw investiment minimu fil-kooperazzjoni amministrattiva tal-UE minn diversi Stati Membri.
Ir-riżorsi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) użati fl-Istati Membri ġew sfruttati għall-bini tal-ambjent sigur għall-iskambji awtomatiċi. Il-ħidma fl-IT biex tkun tista’ tintuża l-informazzjoni rċevuta b’mod awtomatizzat għadha kif bdiet. Skont l-Istati Membri, kif ġie rrapportat fit-taqsima 6 tal-SWD, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa għadhom qed isibuha diffiċli biex isolvu kif iqabblu b’mod awtomatiku dejta dwar l-introjtu miksuba permezz tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni mal-bażi ta' dejta tat-taxxi tagħhom stess.
Il-valutazzjoni tal-benefiċċji tad-DAC għadha ssir fi stadju bikri ħafna
L-għan tad-DAC huwa li permezz ta’ disponibbiltà tad-dejta u kooperazzjoni akbar, jenħtieġ li jkun hemm anqas evażjoni tat-taxxa, frodi fiskali u evitar tat-taxxa f’livell transfruntier. Madankollu, kważi ħames snin wara li daħlet fis-seħħ, ftit li xejn huwa magħruf dwar l-effetti proprja tal-implimentazzjoni tad-DAC f’dan ir-rigward.
Kull sena, il-Kummissjoni titlob dejta dwar il-valur tal-benefiċċji dovuti tat-taxxa tal-kooperazzjoni amministrattiva, indipendentement mill-forma tagħha, iżda ftit huma l-amministrazzjonijiet tat-taxxa li kapaċi jipprovdu t-tali informazzjoni, jew jagħtu stima tagħha. Hemm qbil ġenerali li informazzjoni bħal din, kemm f’termini monetarji kif ukoll tal-imġiba, tkun siewja jekk tiġi kkwantifikata b’mod affidabbli. Madankollu, l-Istati Membri jsibuha diffiċli li jorbtu t-tali dejta mal-kooperazzjoni amministrattiva, minflok pereżempju ma’ inizjattivi nazzjonali oħra ta’ konformità. Barra minn hekk, diffiċli ssir kwantifikazzjoni tal-effett dissważiv tal-kooperazzjoni miżjuda wkoll.
4.IL-PASSI LI JMISS
Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura u tal-analiżi mwettqa, il-Kummissjoni temmen li fl-UE huwa meħtieġ approċċ imtejjeb u aktar trasparenti biex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni amministrattiva tikkontribwixxi, u titqies li qed tikkontribwixxi, għall-objettiv ġenerali ta’ tassazzjoni ġusta għal kulħadd. Il-miżuri biex jitjieb l-approċċ ser ikunu bbażati fuq tliet pilastri:
Implimentazzjoni komprensiva u trasparenti tad-DAC mill-Istati Membri
Biex tilħaq l-objettivi tagħha, l-implimentazzjoni tad-DAC trid tkun komprensiva u effettiva. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u l-partijiet ikkonċernati jridu jinżammu informati kif xieraq. L-Artikolu 27 tad-DAC, kif inhu llum, jipprevedi rapport wieħed mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew kull ħames snin. Barra minn hekk, l-Artikolu 8b tad-Direttiva fih dispożizzjoni ad hoc għal rapport ta’ darba dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni “li jagħti ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-istatistika u l-informazzjoni rċevuta, dwar kwistjonijiet bħall-ispejjeż u l-benefiċċji amministrattivi u oħrajn rilevanti tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, kif ukoll aspetti prattiċi marbuta ma' dawn” li għandu jiġi sottomess sal-1 ta’ Jannar 2019.
Jenħtieġ li jittieħdu ċerti azzjonijiet biex ir-rapportar isir aktar trasparenti u regolari:
-Filwaqt li ma hemm ebda ħtieġa li tbiddel ir-rekwiżit tal-Artikolu 27, il-Kummissjoni ser teżamina l-possibbiltà li tippubblika xi statistiki bażiċi kull sena, kif sar dwar il-Proċeduri ta’ Ftehim Reċiproku u l-Arranġamenti Preliminari ta' Prezzijiet ta' Trasferiment għal diversi snin fil-kuntest tal-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment.
-Jenħtieġ li l-persunal tal-Parlament Ewropew jitħeġġeġ jaċċetta l-istediniet biex jattendi l-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti li jsiru mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-DAC.
Barra minn hekk, biex il-kooperazzjoni amministrattiva ssir aktar effiċjenti u effettiva, hemm bżonn li jittieħdu xi azzjonijiet ulterjuri:
-B’rabta mal-EOIR, l-Istati Membri huma mħeġġa jtejbu l-puntwalità tat-tweġibiet. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra kif jistgħu jiġu awtomatizzati l-konfermi tar-riċevuta, il-monitoraġġ tal-fluss tax-xogħol tal-iskambji u l-produzzjoni ta’ dejta statistika komprensiva u b’hekk tiffranka xi riżorsi għall-Istati Membri f’termini ta’ persunal.
-B’rabta mal-SEOI, jenħtieġ li jiżdied l-għarfien dwar l-importanza li tiġi identifikata informazzjoni li hija siewja għal Stat Membru ieħor, flimkien mal-introduzzjoni ta’ approċċ imfassal apposta biex tiġi żgurata l-utilità tal-SEOI għall-Istat Membru riċevitur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jiskambjaw ukoll informazzjoni spontanja permezz tal-użu ta’ formoli standard u jżidu l-għarfien fil-livell intern.
-Jenħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-użu ta’ għodod għall-kooperazzjoni amministrattiva li ma tkunx skambju ta’ informazzjoni, bħall-preżenza f’uffiċċji amministrattivi u l-parteċipazzjoni f’inkjesti amministrattivi, kontrolli simultanji u jipprovdu feedback strutturat dwar l-informazzjoni skambjata u dwar l-utilità ta’ din.
Il-Kummissjoni ser tikkunsidra wkoll l-opportunità li tespandi l-Formoli elettroniċi biex dawn ikopru n-notifika amministrattiva kif talbu l-Istati Membri.
-Il-Kummissjoni ser tikkunsidra li tipproponi awditi konġunti fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (kif inhu ppjanat bħalissa għall-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT), flimkien ma’ metodoloġija komuni.
Kapaċità mtejba għall-Istati Membri f’kooperazzjoni amministrattiva tal-UE
Mingħajr riżorsi adegwati fl-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, ftit li xejn jista’ jsir anki jekk tiżdied id-dejta. Jekk l-Istati Membri ma jkollhomx persunal adegwat biex janalizza u juża d-dejta rċevuta mingħand Stati Membri oħra, l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni ma jistax jitqies li qed jilħaq l-iskop tiegħu u lanqas li huwa effettiv. Id-DAC mhijiex minnha nnfisha strument għall-bini ta’ kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Madankollu, il-Kummissjoni identifikat diversi għodod oħra għad-dispożizzjoni tagħha li jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni tad-DAC:
-Il-Programm Fiscalis 2020 jippermetti lill-Kummissjoni tappoġġja l-kapaċità amministrattiva tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati. Fi ħdan il-Programm jiġu organizzati diversi sessjonijiet ta’ ħidma u attivitajiet oħra dwar diversi kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjonijiet tat-taxxa, inkluża l-kooperazzjoni amministrattiva. Hemm lok fejn tissaħħaħ id-dimensjoni tad-DAC tal-Programm, billi titfassal sensiela speċifika ta’ attivitajiet relatati mad-DAC biex jingħata appoġġ fl-implimentazzjoni proprja tad-DAC. Il-Kummissjoni ser teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi tim ta’ esperti dwar il-kooperazzjoni amministrattiva
.
-Bl-istess Programm, il-Kummissjoni qed tiżviluppa qafas ta’ kompetenza għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex b’hekk jissaħħu l-ħiliet u tittejjeb il-prestazzjoni tal-uffiċjali tat-taxxa tal-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni ser tiżgura li qafas bħal dan ikun fih taħriġ u indikaturi dwar il-kooperazzjoni amministrattiva tal-UE.
-Hemm evidenza li ċerti amministrazzjonijiet tat-taxxa sejrin aħjar minn oħrajn, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu u mar-rapportar dwar l-użu tal-informazzjoni tat-taxxa. Jenħtieġ li l-isforzi ta’ titjib jibdew b’identifikazzjoni aktar awtomatizzata tal-kontribwenti, u t-tlaqqigħ tal-informazzjoni rċevuta permezz ta’ skambju awtomatiku minn barra l-pajjiż ma’ informazzjoni miżmuma f’livell nazzjonali, u li dawn jiġu estiżi għall-iżvilupp possibbli ta’ għodda komuni għall-ġestjoni tar-riskju. Flimkien ma’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni qed tippubblika studju komprensiv dwar it-titjib potenzjali fl-identifikazzjoni tal-kontribwenti transfruntiera, u ser tikkunsidra li torganizza sensiela ta’ sessjonijiet ta’ ħidma tad-DAC biex tippromwovi l-qsim tal-aħjar prattiki u tal-esperjenza.
-Il-kapaċità li tiġi fornita d-DAC tiddependi wkoll fuq kemm-il għodda l-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri biex dawn jimplimentaw id-Direttiva bl-anqas intoppi possibbli. Sabiex twettaq dak li wiegħdet dwar l-Applikazzjoni Ċentrali tal-Formoli elettroniċi l-ġodda tagħha, il-Kummissjoni ser tagħti lill-Istati Membri għodod li ser jippermettulhom jawtomatizzaw b'mod sħiħ jew parzjali, ċerti proċeduri tad-DAC li bħalissa jitqiesu li huma impenjattivi, kif ġie enfasizzat fl-SWD, biex b’hekk il-persunal tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri jkun jista’ jiffoka fuq attivitajiet ta’ valur miżjud akbar. Dan ser iwassal ukoll għal statistiki mtejba u affidabbli.
Dejta aħjar u aktar trasparenti dwar l-implimentazzjoni u l-benefiċċji tad-dispożizzjonijiet tad-DAC
L-Artikolu 8b tad-DAC kif inhu llum jitlob lill-Istati Membri jipprovdu statistiki dwar il-benefiċċji tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni “sa fejn ikun possibbli”, iżda ma jgħid xejn dwar il-benefiċċji ta’ forom oħra ta’ skambju ta’ informazzjoni jew ta’ kooperazzjoni amministrattiva.
-Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fit-Tassazzjoni (CACT)
, ipproponiet regolament ta’ implimentazzjoni dwar l-istatistiki tad-DAC u dwar il-valutazzjoni annwali tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni li jinkludi l-monitoraġġ tal-użu u tal-effikaċja tal-iskambji awtomatiċi għall-konformità mar-regoli tat-taxxa.
-Il-Kummissjoni ser taħdem mal-esperti tal-Istati Membri biex tidentifika modi komuni kif jiġu stmati l-benefiċċji tal-kooperazzjoni amministrattiva b’mod affidabbli u komprensiv.
-Sal-1 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni ser tħejji rapport dwar l-iskambji awtomatiċi (skont l-Artikolu 8b), li jkopri wkoll kwistjonijiet bħall-kostijiet u l-benefiċċji amministrattivi u oħrajn rilevanti, tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni, kif ukoll l-aspetti prattiċi ta’ dan.
5.KONKLUŻJONIJIET
L-implimentazzjoni u l-funzjonament tad-Direttiva implikaw investiment sinifikanti mill-Istati Membri, fuq bażi kontinwa, li minkejja dan għamluha waħda mill-aktar għodod effettivi għall-kooperazzjoni amministrattiva. Il-valutazzjoni tal-impatt sħiħ ta’ din għadha diffiċli. Minbarra l-ammonti jew in-numru ta’ skambji, il-Kummissjoni tassumi li din id-Direttiva kellha effett dissważiv sinifikanti, li huwa għodda importanti fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa. B’mod parallel, kultant, Stati Membri differenti jdaħħlu fis-seħħ programmi ta’ divulgazzjoni volontarja. L-impatt tal-kooperazzjoni amministrattiva fl-ammonti ddivulgati diffiċli jiġi kkwantifikat, iżda minkejja dan huwa raġonevoli li wieħed jistenna li, li kieku ma kinitx teżisti, ma jkun hemm ebda inċentiv għat-tali divulgazzjonijiet.
Madankollu, bħala għodda għall-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, din hija ħidma li ma tieqaf qatt. Wara li jinbnew l-istruttura tal-IT u l-għodod komuni neċessarji għall-kooperazzjoni amministrattiva, jenħtieġ li l-pass li jmiss ikun l-użu intensifikat tal-għodod kollha, l-analiżi u l-użu tad-dejta rċevuta u sforzi biex jitjieb b'mod reċiproku l-kontenut kwalitattiv tad-dejta skambjata. B’mod parallel, ser ikunu meħtieġa forom ġodda ta’ kooperazzjoni u titjib fil-qafas attwali biex tiġi indirizzata n-natura dinamika tal-evitar u tal-evażjoni tat-taxxa. L-Istati Membri tal-UE wrew l-impenn tagħhom favur il-kooperazzjoni amministrattiva u mingħajr dubju ser jagħtu segwitu f’dan il-qasam.