IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.4.2017
COM(2017) 213 final
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL
Is-Sitt rapport ta' progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52017DC0213
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE EUROPEAN COUNCIL AND THE COUNCIL Sixth progress report towards an effective and genuine Security Union
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL Is-Sitt rapport ta' progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL Is-Sitt rapport ta' progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina
COM/2017/0213 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.4.2017
COM(2017) 213 final
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW U L-KUNSILL
Is-Sitt rapport ta' progress lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina
I.INTRODUZZJONI
Dan huwa s-sitt rapport ta’ kull xahar dwar il-progress li sar lejn il-bini ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina u jkopri l-iżviluppi f’żewġ pilastri ewlenin: il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u dik ċibernetika u l-mezzi li jsostnuhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini ta’ reżiljenza kontra dan it-theddid.
Fis-7 ta’ April Stokkolma saret l-aħħar vittma ta’ attakk terroristiku meta nħataf trakk li ġie misjuq apposta fi triq bil-ħwienet magħluqa għat-traffiku ffullata bin-nies qabel ikkraxxja fi stabbiliment kummerċjali u qatel erba’ persuni u darab ħmistax. Dan l-attakk seħħ inqas minn tliet ġimgħat wara l-attakk tat-22 ta’ Marzu fuq Londra u l-bini tal-Parlament tagħha meta ntużaw vettura u sikkina biex joħolqu massakru f’post simboliku u ffullat bin-nies. L-użu ta' teknoloġija primittiva fiż-żewġ attakki, simili għal dawk imwettqa f’Nizza u f’Berlin is-sena li għaddiet, għal darb’oħra tenfasizza l-isfida għall-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra dan it-theddid u wkoll l-importanza tal-ħidma li tinsab għaddejja fl-Unjoni tas-Sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ miri faċli 1 .
Dan ir-rapport jipprovdi aġġornament dwar il-progress li sar rigward fajls leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ewlenin tal-Unjoni tas-Sigurtà. Huwa jiffoka b’mod partikolari fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata – waħda mit-tliet oqsma prinċipali tal-Aġenda Ewropea 2015 dwar is-Sigurtà 2 . Fil-kuntest tax-xogħol li qed isir dwar iċ-Ċiklu l-ġdid ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità serja internazzjonali organizzata għas-snin 2018 sa 2021, dan ir-rapport jistabbilixxi dawk li fil-fehma tal-Kummissjoni għandhom ikunu l-prijoritajiet futuri tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata.
Il-kriminalità organizzata hija faċilitatur ewlieni ta’ terroriżmu, billi tgħin lit-terroristi jakkwistaw armi u mezzi finanzjarji. Il-fruntiera bejn ċ-ċiberkriminalità u l-kriminalità “tradizzjonali” qegħda dejjem aktar tisparixxi peress li l-kriminali jisfruttaw l-Internet kemm bħala mod kif jintensifikaw l-attivitajiet tagħhom kif ukoll bħala sors biex jakkwista meżżi u biex isibu metodi ġodda biex iwettqu reat. It-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità huma għalhekk oqsma interkonnessi, u l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata huwa prijorità ċentrali għall-azzjoni fil-livell tal-UE fl-Unjoni tas-Sigurtà.
II. L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ FAJLS PRIJORITARJI DWAR IS-SIGURTÀ
1. InizjattivI leġiżlattivI:
Id-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-31 ta’ Marzu 3 . Ir-regoli l-ġodda se jgħinu fil-prevenzjoni ta’ attakki terroristiċi billi jikkriminalizzaw atti bħalma huma l-finanzjament tat-terroriżmu, it-taħriġ jew l-ivvjaġġar għal finijiet terroristiċi, kif ukoll l-organizzazzjoni jew il-faċilitazzjoni ta’ dawn il-vjaġġi. Huma jsaħħu wkoll d-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu, u jinkludu katalogu ta’ servizzi li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-vittmi tat-terroriżmu. L-Istati Membri jridu jittrasponu r-regoli l-ġodda fil-liġi nazzjonali sat-8 ta’ Settembru 2018.
Il-Parlament Ewropew ivvota fil-plenarja fl-14 ta’ Marzu 2017 biex japprova r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar 4 . B’mod sinifikanti l-proposta twessa’ l-firxa ta’ armi projbiti (Kategorija A) filwaqt li teskludi l-użu tal-aktar armi perikolużi minn ċittadini pajżana. Hija ġġib ukoll armi akustiċi u diżattivati fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva kif ukoll issaħħaħ it-traċċabbiltà tal-armi permezz tat-tisħiħ tar-regoli tal-immarkar u u tal-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri. Il-Kunsill huwa mistenni li jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu fil-25 ta’ April. L-Istati Membri se jkollhom 15-il xahar biex jittrasponu r-regoli l-ġodda fil-liġi nazzjonali u 30 xahar biex idaħħlu fis-seħħ sistemi ta’ tidħil ta’ dejta għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu traċċati u identifikati l-armi tan-nar.
Diskussjonijiet tat-trilogu bejn il-koleġislaturi ġew varati fl-21 ta’ Marzu 2017 fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal emendi mmirati lejn ir-Raba’ Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus 5 , propost mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Lulju 2016. Il-proposta hija mfassla biex tkopri mezzi ġodda ta’ finanzjament tat-terroriżmu, bħall-muniti virtwali u l-kards imħallsa minn qabel u żżid it-trasparenza biex tgħin fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni qed tappella lill-koleġiżlaturi biex jiffinalizzaw in-negozjati fuq din il-proposta importanti kemm jista’ jkun malajr, liema proposta se tgħin biex tkompli tnaqqas il-mezzi disponibbli għat-terroristi.
F’termini tat-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri, fis-7 ta’ April daħlu fis-seħħ l-emendi tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jirrigwardaw il-kontrolli sistematiċi fil-fruntieri esterni, inkluż għaċ-ċittadini tal-UE 6 . Din il-leġiżlazzjoni importanti se żżid is-sigurtà fiż-żona Schengen mingħajr ma tfixkel il-fluss tat-traffiku. F’ċerti ċirkostanzi definiti u abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskji minn qabel biex jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal riskju tas-sigurtà, l-Istati Membri f’sitwazzjonijiet hemm impatt sproporzjonat fuq il-fluss tat-traffiku fil-fruntieri tal-art u tal-baħar speċifiċi jistgħu, permezz ta’ deroga limitata biż-żmien, jiddeċiedu li jwettqu kontrolli mmirati fuq ċittadini tal-UE f’bażijiet tad-dejta f’dawn il-fruntieri. Il-valutazzjonijiet tar-riskju jridu jkunu kondiviżi mal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Fir-rigward ta’ inizjattivi relatati mal-ġestjoni tal-fruntiera, fit-23 ta’ Marzu ġew varati diskussjonijiet tat-trilogu bejn il-koleġislaturi abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita Sistema ta’ Dħul / Ħruġ tal-UE biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri, tiġġieled kontra l-migrazzjoni irregolari u ssaħħaħ is-sigurtà interna billi jiġu rreġistrati l-movimenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-fruntieri esterni taż-żona Schengen 7 . Il-Kummissjoni tappella lill-koleġiżlaturi biex jagħmlu progress rapidu sabiex ikun jista jsir xogħol ta’ żvilupp fuq is-sistema b’seħħ minn din is-sena u b’hekk ikun żgurat li din tkun operattiva sal-bidu tal-2020. Id-diskussjonijiet tekniċi minn kull koleġiżlatur dwar is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) 8 mexjin sew ’il quddiem. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa b’mod attiv lill-koleġiżlaturi u tmexxi dan il-proġett ’il quddiem. Il-proposta għal Sistema ta’ Dħul / Ħruġ u għal ETIAS huma prijoritajiet leġiżlattivi skont id-Dikjarazzjoni Konġunta 9 tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Għalhekk, l-Istituzzjonijiet qablu li jagħtu trattament prijoritarju lil dawn il-fajls fil-proċess leġiżlattiv biex jiżguraw il-konklużjoni rapida tagħhom.
Rigward l-implimentazzjoni ta’ fajls leġiżlattivi li ġew adottati reċentement, il-Kummissjoni qed tkompli tappoġġa lill-Istati Membri f’implimentazzjoni rapida tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) tal-UE 10 . Fit-8 ta’ Marzu, il-Kummissjoni organizzat ir-raba’ laqgħa dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR, fejn deher li diversi Stati Membri jinsabu fil-proċess li jadottaw leġiżlazzjoni jew emenda għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-PNR. Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ u tappoġġa l-implimentazzjoni.
2. L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet mhux leġiżlattivi
L-aħħar laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u Interoperabbiltà (HLEG) hija skedata għall-25 ta’ April. Bħala parti mill-proċess ta’ konklużjoni tax-xogħol tal-grupp, is-sottogrupp dwar is-sistemi eżistenti ltaqa’ f’Marzu biex jeżamina s-sistemi doganali (użu ta’ / aċċess għal informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-liġi) u l-aċċess tal-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi għas-SIS, il-VIS u l-Eurodac.
F’Marzu, il-Kummissjoni mexxiet delegazzjoni tal-UE li kienet tinkludi l-Presidenza attwali tal-Kunsill u dik futura, il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Kap tal-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tal-Europol u d-Direttur taċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, fl-Istati Uniti għal laqgħat mal-kumpaniji ewlwnin tal-midja soċjali u tal-internet biex testendi s-sħubija volontarja mal-UE u tiżgura segwitu għall-inizjattivi mifthema fil-Forum tal-UE dwar l-Internet ta’ Diċembru 2016 . Hekk kif ġie rrappurtat qabel, il-Forum tal-UE dwar l-Internet stabbilit f’Diċembru 2015 huwa element ewlieni tar-reazzjoni tal-Kummissjoni għaż-żieda fl-abbuż tal-internet minn organizzazzjonijiet terroristiċi.
Riżultat ewlieni li ħareġ kienet il-preżentazzjoni tal-prototip tal-bażi tad-dejta ta’ hashes konġunt stabbilit mill-kumpaniji tal-internet, li jippermetti li l-kumpaniji jimmarkaw kontenut terroristiku magħruf, biex jidentifikaw kontenut simili, jivvalutaw dan il-kontenut kontra l-politiki tagħhom stess u sabiex jikkanċellawh malajr b’mod irriversibbli. Il-kumpaniji huma qed jiffokaw fuq l-ittestjar u t-titjib l-iskalabbiltà kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ kumpaniji ġodda partikolarment iżgħar, li jistgħu jiddaħħlu fil-konsorzju, sabiex jiġi massimizzat l-impatt u l-firxa tal-għodda. In-naħa tal-UE enfasizzat ukoll l-importanza li l-kumpaniji jadottaw reazzjoni aktar proattiva permezz tad-detezzjoni awtomatika ta’ kontenut abbużiv.
Bħala parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tiġġieled kontra r-radikalizzazzjoni fuq l-internet, EUR 10 miljun oħra ġew allokati biex jappoġġaw il-kampanji onlajn ta’ kontronarrativa permezz tal-Programm ta’ Għoti tas-Setgħa lis-Soċjetà Ċivili, inizjattiva ewlenija taħt il-Forum tal-UE dwar l-Internet. Il-programm ġie varat fil-15 - 16 ta’ Marzu u laqqa’ flimkien 100 parti kkonċernata.
In-netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) u ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tiegħu iħeġġu l-iskambju tal-għarfien espert u tal-aħjar prattika fost prattikanti li jaħdmu fuq quddiem nett fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tar-RAN jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri, pereżempju fit-tfassil ta’ strateġiji ta’ prevenzjoni u programmi ta’ deradikalizzazzjoni fil-ħabsijiet. Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-2016 dwar ir-Radikalizzazzjoni 11 , kmieni fl-2017 il-Kummissjoni varat in-netwerk ta’ dawk li jfasslu l-politika fil-qasam tal-prevenzjoni (Network of Prevent Policy Makers) li jsegwi żewġ objettivi ewlenin: (I) it-tisħiħ u l-istituzzjonalizzar tal-iskambju ta’ ħila esperta u esperjenza dwar l-approċċi ta’ prevenzjoni u l-politiki ta’ prevenzjoni fl-Istati Membri; u (ii) l-involviment aktar mill-qrib tal-Istati Membri fl-attivitajiet tar-RAN, billi jiġi żgurat it-tixrid usa’ tar-riżultati tar-RAN fi Stat Membru partikolari, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm l-aħjar parteċipazzjoni ta’ esperti nazzjonali, reġjonali jew lokali f’avvenimenti tar-RAN u jiġu identifikati l-ħtiġijiet fl-Istati Membri għal taħriġ, workshops u konsulenza tar-RAN. L-ewwel laqgħa saret fit-2 ta’ Frar 2017 u l-laqgħat futuri (fuq bażi trimestrali) se jiffokaw fuq temi prijoritarji bħalma huma l-persuni rimpatrijati, id-deradikalizzazzjoni u l-polarizzazzjoni.
Biex tgħin titjieb il-kooperazzjoni transfruntiera tal-eżekuzzjoni tal-liġi, fis-27 ta’ Marzu l-Kummissjoni organizzat workshop iddedikat għal prattika ta’ “insegwimenti transfruntieri”. Dawn huma insegwimenti (tipikament bil-karozza) ta’ persuni suspettati, li jibdew f’żoni tal-fruntieri interni minn uffiċjali tal-eżekuzzjoni tal-liġi ta’ Stat Membru wieħed u jkomplu fit-territorju ta’ Stat Membru ġar. Dan l-ewwel workshop ippermetta li ssir diskussjoni kostruttiva dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ insegwiment transfruntier, u dwar il-modi biex tiġi ffaċilitata din il-forma sensittiva ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija.
Rigward is-sigurtà tal-avjazzjoni, sar progress fix-xogħol dwar il-valutazzjoni tar-riskju dwar it-theddid u l-vulnerabilità fir-rigward ta’ titjiriet li jkunu deħlin fl-UE minn pajjiżi terzi wara l-ħidma varata f’Jannar biex tiġi żviluppata matriċi tar-riskji li tgħaqqad il-valutazzjoni tat-theddid u elementi dettaljati ta’ vulnerabbiltà. Dan se jwitti t-triq għall-prijoritizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-isforzi tal-bini ta’ kapaċità esterni f’pajjiżi terzi vulnerabbli. Filwaqt li l-UE żviluppat qafas robust ta’ sigurtà tal-avjazzjoni, huwa importanti li l-proċessi msemmija hawn fuq jitħaffu sabiex jingħalqu lakuni ta’ sigurtà potenzjali. Il-projbizzjoni ta’ ċerti apparati elettroniċi maħruġa reċentement mill-Istati Uniti u mir-Renju Unit tenfasizza l-ħtieġa li titrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt tagħhom li jiddeċiedu dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri addizzjonali ta’ sigurtà fuq titjiriet minn pajjiżi terzi. Biex tissaħħaħ din il-koordinazzjoni, fil-31 ta’ Marzu l-Kummissjoni organizzat laqgħa tal-esperti klassifikata mal-Istati Membri, l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti.
III. IL-PRIJORITAJIET TAL-UE GĦALL-ĠLIEDA KONTRA L-KRIMINALITÀ SERJA U ORGANIZZATA – IĊ-ĊIKLU L-ĠDID TAL-POLITIKA TAL-UE
L-objettiv tal-hekk imsejjaħ Ċiklu tal-Politika tal-UE huwa li jiżgura kooperazzjoni effettiva bejn l-aġenziji tal-eżekuzzjoni tal-liġi tal-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet tal-UE u l-Aġenziji tal-UE li għandha twassal għal azzjoni operazzjonali koerenti u robusta li timmira l-aktar theddid kriminali urġenti li tħabbat wiċċha miegħu l-UE. Il-proċess huwa wieħed ibbażat fuq l-evidenza u jibda bil-preżentazzjoni mill-Europol tal-Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata (SOCTA UE), li toffri sett ta’ rakkomandazzjonijiet tat-theddid kriminali ewlieni li tħabbat wiċċha miegħu l-UE. Ir-Rapport ta’ SOCTA UE huwa l-bażi għad-diskussjoni bejn l-Istati Membri dwar prijoritajiet li jindirizzaw it-theddid mill-kriminalità fil-livell tal-UE. Il-prijoritajiet jiġu mbagħad adottati mill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u wara jiġu riflessi fl-attivitajiet operattivi transfruntieri fil-livell tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE bl-appoġġ tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali. 12 Il-Kummissjoni pprovdiet u se tkompli tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni taċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE u allokat EUR 4 miljun għas-sena 2017 minbarra d-EUR 9 miljun ta’ finanzjament fl-2015 u fl-2016.
B’mod ġenerali, iċ-Ċiklu attwali ta’ Politika tal-UE (2013–2017) ġie implimentat b’suċċess. Evalwazzjoni indipendenti 13 kkuntrattata mill-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien kiseb l-objettiv ewlieni tiegħu li jtejjeb il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata 14 . Iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE wassal għal titjib fl-iskambju ta’ informazzjoni, il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba u t-tnedija ta’ bosta investigazzjonijiet u operazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri. Dan ikkontribwixxa wkoll biex jinbnew relazzjonijiet u fiduċja, inkluż ma’ pajjiżi terzi.
Iċ-Ċiklu tal-Politika l-ġdid ġie varat permezz tal-preżentazzjoni mill-Europol fid-9 ta’ Marzu 2017 tar-rapport SOCTA UE 2017 15 . Ir-rapport jesplora r-rabtiet potenzjali bejn il-kriminalità serja u organizzata u t-terroriżmu, jiġifieri li l-kriminalità organizzata tista’ tikkontribwixxi għat-terroriżmu permezz ta’ attività bħalma huwa t-traffikar tal-armi tan-nar u l-produzzjoni ta’ dokumenti foloz jew id-dħul mill-kuntrabandu tad-droga. Dan kien l-approċċ li ġie propost fl-Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà 16 segwit fil-Komunikazzjoni dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina. 17
Is-SOCTA UE 2017 tirrakkomanda li ssir enfasi fuq ħames prijoritajiet ta’ theddid kriminali: (1) iċ-ċiberkriminalità, (2) il-produzzjoni, it-traffikar u d-distribuzzjoni tad-droga, (3) il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, (4) is-serq bi żgass u serq organizzati (kriminalità organizzata kontra l-proprjetà), u (5) it-traffikar tal-bnedmin. Hija tirrakkomanda wkoll li jiġu indirizzati tliet kwistjonijiet trasversali li jgħinu jew jissaħħu t-tipi kollha ta’ kriminalità serja u organizzata: (a) il-frodi tad-dokumenti, (b) il-finanzjament kriminali inkluż il-ħasil tal-flus, u (c) l-kummerċ onlajn illeċitu ta’ oġġetti u servizzi.
Abbażi tas-SOCTA UE 2017, il-Kummissjoni u l-Presidenza tal-Kunsill qed jippreparaw is-suġġerimenti tagħhom għall-prijoritajiet taċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE ġdid għas-snin mill-2018 sal-2021 biex tiġi indirizzata l-kriminalità, li għandhom jiġu diskussi fil-Kumitat Permanenti dwar il-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna, li għandu jiġi approvat fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni ta’ Ġunju 2017.
Fid-dawl tal-iffissar ta’ prijoritajiet futuri tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, il-Kummissjoni tappoġġa l-ħames prijoritajiet ta’ theddidiet ta’ kriminalità identifikati mill-Europol (ara t-taqsimiet 1 sa 5 hawn taħt). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li għandha tingħata attenzjoni partikulari u għandhom ikunu ddedikati riżorsi finanzjarji ukoll fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati dawn it-tliet theddidiet ta’ kriminalità: (6) it-traffikar tal-armi tan-nar,(7) il-frodi tal-VAT u (8) il-kriminalità ambjentali. Dawn it-tliet oqsma għandhom ukoll ikunu theddidiet prijoritarji tal-kriminalità taħt iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE l-ġdid (ara t-taqsimiet 6 u 8 hawn taħt).
Kwistjoni ewlenija enfasizzata fis-SOCTA UE 2017 huwa l-użu ta’ teknoloġiji ġodda mill-kriminali. Għal kważi t-tipi kollha ta’ kriminalità organizzata, il-kriminali qed jużaw u jadattaw teknoloġija b’ħiliet dejjem jiżdiedu u b’effett dejjem akbar. Hemm ħafna użu ikbar tal-internet għat-tipi kollha ta’ kummerċ illeċitu tal-prodotti u s-servizzi. Dan jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-liġi jkunu jiġu mgħammra b’għodda xierqa biex jiġġieldu din it-tip ta’ kriminalità fuq l-internet u biex jitħarrġu u jitgħallmu flimkien. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ dwar l-Infurzar tal-Liġi għandha rwol kruċjali x’taqdi fil-provvista ta’ taħriġ adegwat, f’konformità mal-prijoritajiet tal-politika u t-theddid identifikat, lil uffiċjali tal-eżekuzzjoni tal-liġi li joperaw fuq quddiem.
Hemm ukoll dimensjoni esterna importanti ta’ kriminalità serja u organizzata. Is-SOCTA UE 2017 tenfasizza li individwi minn ’il fuq minn 180 nazzjonalità differenti – li jirrisjedu fl-UE jew barra minnha – huma involuti f’attività ta’ kriminalità organizzata fl-UE. Erbgħin fil-mija tal-persuni suspettati mhumiex ċittadini ta’ Stati Membri. Ir-rotot tat-traffikar ewlenin tat-theddid mill-kriminalità organizzata joriġinaw minn barra l-UE. Għaddejja azzjoni biex tindirizza t-theddid mill-kriminalità organizzata esternament 18 . Huwa importanti li nibqgħu niżguraw ir-rabtiet bejn is-sigurtà interna u l-azzjoni esterna tal-UE fl-indirizzar ta’ theddidiet ta’ kriminalità serja u organizzata, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni tal-Europol ma’ pajjiżi terzi.
1.Ċiberkriminalità
L-attakki ċibernetiċi qed jiżdiedu f’termini ta’ intensità, volum u kwalità. 19 Min-natura tagħha stess, iċ-ċiberkriminalità hija internazzjonali: il-vittmi, il-kriminali u l-evidenza ta’ sikwit ikunu lokalizzati f’pajjiżi differenti, f’diversi ġurisdizzjonijiet. L-Istati Membri wrew interess qawwi fil-prijorità taċ-ċiberkriminalità kif juri l-għadd ta’ pjanijiet ta’ azzjoni operazzjonali 20 stabbiliti fl-oqsma tal-attakki ċibernetiċi, l-isfruttament sesswali tat-tfal onlajn u l-frodi tal-karti ta’ pagament. Fil-livell tal-UE, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol (EC3) għamel kontribut sinifikanti għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità 21 . Il-Eurojust, permezz tas-sekondar ta’ espert u s-sħubija fil-bord tal-programm taħdem mill-qrib mal-EC3. L-EC3 jospita wkoll it- Taskforce ta’ Azzjoni Konġunta kontra ċ-Ċiberkriminalità . Il-missjoni tiegħu hija li jsuq azzjoni mmexxija mill-intelligence u kkoordinata kontra t-theddid ewlieni taċ-ċiberkriminalità permezz ta’ investigazzjonijiet u operazzjonijiet transfruntiera mill-imsieħba tiegħu 22 .
Passi ulterjuri jinkludu l-esplorazzjoni ta’ soluzzjonijiet possibbli biex jitneħħew l-ostakoli għal investigazzjonijiet kriminali kontra ċ-ċiberkriminalità, billi jiġu identifikati inizjattivi speċifiċi dwar l-aċċess għal evidenza u għal informazzjoni 23 . Il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità għandha tkompli tiffoka fuq l-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi u tibni fuq id-drittijiet attwali tal-vittmi stipulati fid-dritt tal-UE 24 u fuq l-aħjar prattiki attwali 25 . Il-kooperazzjoni kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet trid titkompla u tissaħħaħ aktar. 26 Dwar il-frodi ta’ kards tal-ħlas, huwa meħtieġ li titwessa’ l-kooperazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-liġi eżistenti għal firxa usa’ ta’ attivitajiet kriminali li huma mmirati lejn mezzi ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti. Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu il-Kummissjoni qed tipprepara biex taġġorna d-Deċiżjoni Qafas tal-2001 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti. 27
2.Il-produzzjoni, it-traffikar u d-distribuzzjoni tad-droga
Is-suq illeċitu tad-drogi għadu l-ikbar suq kriminali fl-UE. SOCTA UE 2017 turi li aktar minn terz tal-gruppi kriminali attivi fl-UE huma involuti fil-produzzjoni, it-traffikar jew id-distribuzzjoni ta’ diversi tipi ta’ drogi. Is-suq bl-imnut tad-drogi fl-UE huwa stmat li jiswa mill-inqas EUR 24 biljun fis-sena. It-traffikar tad-drogi jappoġġa wkoll l-ekonomija informali u jinfirex fi vjolenza u attivitajiet illegali oħra u joħloq problemi soċjali kbar.
L-UE tieħu azzjoni kontra t-traffikar tad-droga bl-Istrateġija tal-UE dwar id-Droga 2013-2020, li tkopri kemm it-tnaqqis tal-provvista u d-domanda għad-drogi. Fil-15 ta’ Marzu, il-Kummissjoni pproponiet abbozz ġdida ta’ Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi għall-perjodu 2017-2020. Sabiex l-UE tkun tista’ tieħu azzjoni aktar rapida u b’mod aktar effettiv dwar sustanzi psikoattivi ġodda, f’Diċembru 2016, il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali għal pakkett leġiżlattiv ġdid biex jiġu indirizzati sustanzi psikoattivi ġodda u biex ikun hemm kontroll fuq is-sustanzi perikolużi fil-livell tal-UE 28 . Id-diskussjonijiet bejn il-koleġiżlaturi bdew fl-1 ta’ Marzu.
3.Il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali
Il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali lejn l-UE llum hija waħda mill-forom ta’ kriminalità organizzata li qed tikber b’rata mgħaġġla 29 . Il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali mhux biss talimenta l-migrazzjoni irregolari lejn l-UE – iżda tirrappreżenta wkoll forma serja ta’ kriminalità, li tesponi lill-migranti dejjem aktar għall-vjolenza, l-isfruttament u t-telf ta’ ħajja. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 30 u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni 31 identifikaw il-ħtieġa li jiġu prijoritizzati aħjar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni, inklużi t-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari u t-telf ta’ ħajja fil-Mediterran. Iż-żieda fl-appoġġ għall-Europol, inkluż it-twaqqif ta’ Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti, hija mfassla biex tgħin fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi. Ir-rapport ta’ attività fuq sena juri l-appoġġ komprensiv li jipprovdi lill-awtoritajiet Ewropej tal-pulizija u tal-kontroll tal-fruntieri fil-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet transfruntieri kumplessi ħafna kontra l-kuntrabandu 32 . Il-Eurojust stabbiliet ukoll punti ta’ kuntatt ġudizzjarji fil-Hotspots fil-Greċja u l-Italja biex jgħaddu l-informazzjoni u l-każijiet rilevanti lill-Uffiċċji Nazzjonali tal-Eurojust għas-segwitu u l-koordinazzjoni ġudizzjarji fil-livell tal-UE. Il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali hija wkoll azzjoni importanti tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali propost fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Jannar 2017 33 .
4.Il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà
Il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà tinkludi firxa ta’ attivitajiet kriminali differenti mwettqa minn gruppi mobbli tal-kriminalità organizzata li huma speċjalizzati ħafna u li joperaw madwar l-UE, b’mod partikolari permezz ta’ serq bi żgass u tipi oħrajn ta’ serq u reati konnessi ma’ vetturi bil-mutur 34 . Madankollu, din it-tip ta’ kriminalità għadha mhix investigata biżżejjed minħabba li inċidenti individwali spiss huma kklassifikati bħala kriminalità ta’ importanza minuri. Iż-żieda fis-serq domestiku li huwa attribwibbli għal gruppi kriminali itineranti li joriġinaw prinċipalment mix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa hija kwistjoni ewlenija ta’ tħassib għall-eżekuzzjoni tal-liġi. Biex tiġi miġġielda din il-forma ta’ kriminalità mobbli ħafna, il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-eżekuzzjoni tal-liġi fl-UE, iżda wkoll ma’ pajjiżi msieħba fil-viċinat, hija prijorità 35 .
5.It-traffikar tal-bnedmin
It-traffikar tal-bnedmin ilu theddida prijoritarja tal-UE għal aktar minn deċennju u għandu jibqa’ hekk skont iċ-Ċiklu ta’ Politika li jmiss. Dan huwa wieħed mill-iktar forom serji ta’ kriminalità organizzata u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem – iżda huwa wieħed mill-aktar swieq kriminali li jiġġeneraw profitt. 36 It-traffikanti jiddependu ħafna wkoll fuq il-frodi ta’ dokumenti li jiffaċilitaw l-attivitajiet ta’ traffikar tagħhom 37 .
L-UE żviluppat qafas legali u ta’ politika effettiv u komprensiv li jindirizza t-traffikar tal-bnedmin, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu 38 u l-Istrateġija tal-UE għall-qerda tat-traffikar tal-bnedmin 2012-2016 39 . Il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina liema azzjonijiet huma meħtieġa għal qafas ta’ politika wara l-2016, li jibni fuq il-qafas eżistenti u bbażat fuq evalwazzjoni tar-riżultati tiegħu.
6.It-traffikar tal-armi tan-nar
Swieq suwed nazzjonali huma s-sors primarju tal-armi tan-nar għal skopijiet terroristiċi u kriminali. Dan is-suq joriġina mis-serq jew id-devjazzjoni tal-armi legali minn konsenji jew depots. L-armi tan-nar illegali ikkummerjċati onlajn fid-Darknet u mwassla permezz tal-posta normali u tas-servizzi tal-pakketti issa huma l-aktar mod komuni ta’ traffikar tal-armi tan-nar fl-UE. L-għadd ta’ każijiet relatati ma’ investigazzjonijiet tat-traffikar tal-armi tan-nar fid-Darknet qed jiżdied (2 % fl-2014, 6,5 % fl-2015 u 9 % fl-2016).
It-trattament tat-traffikar tal-armi tan-nar bħala prijorità taċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE attwali ipprovda riżultati b’impenn akbar min-naħa tal-Istati Membri (minn 12 għal 22 pajjiż parteċipant) u involviment usa’ mill-awtoritajiet doganali 40 . Qed tiżdied ukoll il-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali (Interpol, UNODC) u l-kooperazzjoni reġjonali (b’mod partikolari fil-Balkani tal-Punent), li wasslet għal medja ta’ 17-il azzjoni kull sena f’dawn l-aħħar tliet snin 41 .
Biex toħnoq il-provvista ta’ armi disponibbli għall-kriminali u għat-terroristi, il-Kummissjoni temmen li din il-prijorità għandha tinżamm fiċ-ċiklu attwali 42 sabiex tikkomplementa l-ftehim milħuq f’Marzu biex jiġu ssikkati l-kontrolli fuq l-armi tan-nar miżmuma legalment inkluż l-estensjoni tal-ambitu tal-projbizzjonijiet fuq l-iktar armi tan-nar perikolużi 43 .
7.Il-frodi transfruntiera tal-VAT
Il-gruppi tal-kriminalità organizzata jikkawżaw bejn EUR 40 biljun u EUR 60 biljun f’telf ta’ dħul kull sena minħabba l-frodi transfruntiera tal-VAT u 2 % ta’ dawn il-gruppi huma wara 80 % tal-Frodi Intra-Komunitarja b’Negozjant Nieqes. 44 L-iskemi ta’ frodi huma kumplessi ħafna u diffiċli biex jiġu identifikati u għalhekk jeħtieġu approċċ ikkoordinat mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa u mill-korpi tal-eżekuzzjoni tal-liġi. Fil-livell tal-UE, Eurofisc - netwerk ta’ uffiċjali tat-taxxa – jipprovdi skambju rapidu u multilaterali ta’ informazzjoni biex jindirizza frodi serja transfruntiera tal-VAT. Huwa jittratta intelligence kruċjali il-frodaturi u xejriet ġodda ta’ frodi. Minħabba t-telf finanzjarju kkawżat minn frodi transfruntiera tal-VAT organizzat minn gruppi kriminali, il-Kummissjoni tqis li din hija kwistjoni li għandha tiġi inkluża taċ-Ċiklu tal-Politika ġdid tal-UE 45 .
Kif tħabbar, f’Settembru 2017 il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta li l-UE timxi lejn żona unika tal-VAT, biex b’hekk tneħħi d-dgħufija ewlenija tas-sistema sabiex titnaqqas b’mod sinifikanti l-frodi transfruntiera 46 .
Ladarba jiġi stabbilit, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) 47 ser jkun l-attur prinċipali fil-ġlieda kontra reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-EPPO se jkollu l-kompetenza li jinvestiga u jipproċedi kontra reati bħal dawn madwar l-UE, inkluż il-frodi serja tal-VAT transfruntiera li twassal għal dannu ta’ mill-inqas EUR 10 miljun. Dan japplika b’mod partikolari għall-frodi karusell u l-iskemi ta’ frodi Intra-Komunitarja b’Negozjant Nieqes, li ħafna drabi jkollhom strutturi ta’ kriminalità organizzata 48 .
8.Il-kriminalità ambjentali
Il-kriminalità ambjentali tiswa bejn USD 91 u USD 258 biljun kull sena 49 u qed tikber b’pass 2-3 darbiet aktar mgħaġġel mill-ekonomija globali. Dan jagħmilha r-raba’ l-akbar reat fid-dinja wara t-traffikar tad-droga, ir-reati marbutin mal-falsifikazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin 50 . L-UE hija l-oriġini (pereżempju t-traffikar illegali tal-iskart) jew is-suq ta’ destinazzjoni (pereżempju l-ispeċi protetti, l-injam illegali), u / jew ċentru għat-traffikar fi tranżitu lejn reġjuni oħrajn (pereżempju prodotti tal-organiżmi selvaġġi bħall-avorju). 51 52
Is-sinifikat tal-l-kriminalità ambjentali ġie rikonoxxut fil-livell tal-UE permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali 53 . Il-kodiċijiet kriminali tal-Istati Membri ġew allinjati mar-rekwiżiti tagħha biex jiġu ssanzjonati kategoriji differenti ta’ reati ambjentali, inkluż il-kriminalità marbuta mal-iskart u mal-organiżmi selvaġġi. Fi’Frar 2016, l-UE adottat ukoll Pjan ta’ Azzjoni kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi 54 li qed jiġi implimentat. Il-Kummissjoni qed tappoġġa u tikkollabora wkoll ma’ netwerks tal-UE ta’ uffiċjali tal-pulizija, prosekuturi, spetturi u mħallfin speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali 55 . Minħabba l-impatt ekonomiku tagħhom, it-theddida serja għas-sigurtà u l-effett devastanti li għandhom fuq l-ambjent naturali, il-Kummissjoni għaldaqstant tqis li l-kriminalità ambjentali għandha tiġi inkluża wkoll fiċ-Ċiklu tal-Politika ġdid tal-UE.
IV. KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Valutazzjoni tat-Theddid Gravi tal-Kriminalità Organizzata tal-2017 hija bażi tajba biex jiġu ttrattati l-prijoritajiet tal-UE dwar il-kriminalità għall-erba’ snin li ġejjin. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex japprova dawn it-tmien theddidiet kriminali bħala prijoritarji fiċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità serja internazzjonali u organizzata mill-2018 sal-2021: iċ-ċiberkriminalità, id-drogi, il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-armi tan-nar, il-frodi tal-VAT u l-kriminalità ambjentali.
Ir-rapport li jmiss li huwa previst għas-16 ta’ Mejju se jistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni abbażi tar-rapport finali tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u Interoperabbiltà u jippreżenta ideat konkreti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala bażi għal diskussjoni konġunta fuq kif għandna nimxu ’l quddiem.