IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.1.2017
COM(2017) 32 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
SKONT L-ARTIKOLU 25 TFUE
Dwar il-progress lejn ċittadinanza effettiva tal-UE 2013-2016
1.Introduzzjoni
L-Artikolu 25 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jitlob li kull tliet snin il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet (fit-Tieni Parti tat-Trattat) dwar in-nondiskriminazzjoni u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Dan it-tmien rapport ippreżentat skont l-Artikolu 25 tat-TFUE jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sat-30 ta’ Ġunju 2016.
Dan ir-rapport janalizza d-dispożizzjonijiet fit-Tieni Parti tat-TFUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, in-nondiskriminazzjoni, il-moviment liberu u r-residenza fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt għall-vot u ta’ kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza, id-dritt għall-protezzjoni konsulari, id-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u d-dritt li jitressqu lmenti quddiem l-Ombudsman. Ir-rapport jakkumpanja r-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE – It-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini f’Unjoni ta’ tibdil demokratiku.
2.Nondiskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità (l-Artikolu 18 tat-TFUE)
L-Artikolu 18 tat-TFUE jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati.
F’Rüffer il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti) ċċarat li l-Artikoli 18 u 21 tat-TFUE (dwar il-moviment liberu) jipprekludu regoli nazzjonali li, f’xi proċedimenti ġudizzjarji mressqa quddiem il-qrati ta’ entità territorjali speċifika fi Stat Membru, jagħtu d-dritt biss liċ-ċittadini ta’ dak l-Istat domiċiljati f’dik l-entità territorjali li jużaw lingwa oħra li mhijiex il-lingwa uffiċjali.
3.Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentament sesswali (l-Artikolu 19 tat-TFUE)
3.1. Introduzzjoni
L-Artikolu 19 tat-TFUE jistabbilixxi li l-UE tista’ tieħu azzjoni xierqa sabiex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentament sesswali.
F’Jannar 2014 il-Kummissjoni rrapportat b’mod konġunt dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u dwar id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi. Ikkonkludiet li l-Istati Membri kollha kienu ttrasponew id-Direttivi, li l-isfidi ewlenin li kien għad fadal kienu t-trawwim ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-protezzjoni fis-seħħ u t-titjib tal-implimentazzjoni u tal-applikazzjoni fil-prattika, u enfasizzat li t-tisħiħ tar-rwol tal-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza jista’ jkun kruċjali biex dan jintlaħaq.
F’Mejju 2015 il-Kummissjoni rrapportat dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fir-rigward l-aċċess għal oġġetti u servizzi. Ir-rapport ikkonkluda li l-Istati Membri kollha kienu ħadu miżuri biex jittrasponu d-Direttiva u jistabbilixxu l-proċeduri u l-korpi għall-implimentazzjoni tagħha, u li l-isfida ewlenija kienet kif jiġi ddeterminat li l-Istati Membri jiżguraw li fil-prattika l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji u l-korpi għall-ugwaljanza tagħhom sistematikament jipprovdu protezzjoni sħiħa lill-vittmi.
F’Diċembru 2015 il-Kummissjoni ppubblikat lista ta’ azzjonijiet għall-avvanz tal-ugwaljanza LGBTI.
Il-Kummissjoni tappoġġa t-trattament indaqs tar-Rom, l-akbar minoranza etnika fl-UE. Fl-2013 wara inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar miżuri effettivi għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri.
Il-Kummissjoni ppubblikat rapporti annwali ta’ valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom abbażi ta’ informazzjoni minn kull Stat Membru, NGOs, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).
3.2.Żviluppi fil-ġurisprudenza
Fi tliet sentenzi l-Qorti interpretat id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi kif applikata għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentament sesswali u l-kunċett ta’ diżabilità.
F’Accept il-Qorti qieset li stqarrija pubblika minn ‘patrun’ ta’ klabb tal-futbol li qatt ma kien ser jirrekluta plejer omosesswali tista’ tistabbilixxi preżunzjoni prima facie ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentament sesswali. Biex jirribatti din il-preżunzjoni, il-klabb tal-futbol, bħala impjegatur, ma kienx obbligat juri li kien irrekluta persuni b’orjentament sesswali partikolari, minħabba li dan kien jinterferixxi mad-dritt għall-privatezza, iżda seta’ jirreferi, pereżempju, għad-dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza fir-rigward tal-politika ta’ reklutaġġ tiegħu, jew li kien kjarament iddistakka ruħu mill-istqarrija.
F’Kaltoft il-Qorti rrifjutat li taċċetta li d-dritt tal-UE jista’ jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni abbażi ta’ obeżità fl-impjiegi u fix-xogħol. Madankollu, fid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi l-kunċett ta’ diżabilità għandu jiġi interpretat li jfisser li l-obeżità ta’ ħaddiem tikkostitwixxi ‘diżabilità’ meta din tinvolvi limitazzjoni li tirriżulta b’mod partikolari minn indeboliment għal perjodu twil ta’ natura fiżika, mentali jew psikoloġika li f’interazzjoni ma’ diversi ostakoli tista’ tfixkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali ma’ ħaddiema oħra.
Barra minn hekk, f’Nikolova il-Qorti ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ oriġini etnika fid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali tista’ tipproteġi pretendent li mhuwiex ta’ oriġini Rom, meta l-miżura inkwistjoni taffettwa żewġ persuni ta’ oriġini Rom u oħrajn li jgħixu wkoll fl-istess żona u huma affettwati mill-miżura.
4.Ċittadinanza tal-Unjoni (l-Artikolu 20(1) tat-TFUE)
4.1.Introduzzjoni
L-Artikolu 20 tat-TFUE jipprovdi li kwalunkwe persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ pajjiż tal-UE hija wkoll ċittadin tal-Unjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija addizzjonali għaċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. Filwaqt li hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ksib u għat-telf tan-nazzjonalità, b’kunsiderazzjoni dovuta għad-dritt tal-Unjoni, l-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jimplika wkoll l-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet marbuta magħha, li jistgħu jiġu eżerċitati fl-Unjoni kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom jużaw il-prerogattiva tagħhom dwar l-għoti taċ-ċittadinanza fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, kif mitlub mit-Trattati.
F’dan l-isfond, il-Kummissjoni stħarrġet “skemi għall-investituri” nazzjonali li jagħtu drittjiet ta’ ċittadinanza lil ċittadini mhux tal-UE b'rikompens għal investiment. Il-maġġoranza tal-Istati Membri joperaw skemi li jippermettu li investituri li ma għandhomx iċ-ċittadinanza tal-UE jirrisjedu fit-territorju tagħhom.
Il-Kummissjoni intervjeniet fi Stat Membru wieħed, li kien ta ċittadinanza lil investituri b'rikompens għal investiment biss. L-Istat Membru emenda l-iskema tiegħu u żied rekwiżit ta’ residenza effettiva ta’ sena qabel ma tingħata ċ-ċittadinanza. Il-Kummissjoni tinsab fi djalogu ma’ Stat Membru ieħor li jagħti ċ-ċittadinanza b'rikompens għal investiment biss.
Fil-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni ttrattat 14-il ilment, 56 ittra/mistoqsija individwali, 23 mistoqsija u 7 petizzjonijiet mill-Parlament Ewropew f’dan il-qasam, l-aktar relatati ma’ informazzjoni dwar il-kisba ta’ ċittadinanza ta’ Stat Membru u n-natura taċ-ċittadinanza tal-UE. Kienu jittrattaw ukoll il-mod kif l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom biex jagħtu ċ-ċittadinanza tagħhom b’kunsiderazzjoni dovuta għad-dritt tal-UE.
4.2.Żviluppi fil-ġurisprudenza
F’Alokpa il-Qorti ddikjarat li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma l-persuni ewlenin li jieħdu ħsieb tfal li għandhom ċittadinanza tal-UE jistgħu jirrisjedu mat-tfal tagħhom fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 20 tat-TFUE jekk tali rifjut iċaħħad li dak iċ-ċittadin tal-UE mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija bis-saħħa tal-istatus ta’ ċittadinanza tal-UE.
5.Id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (l-Artikoli 20(2)(a) u 21 tat-TFUE)
5.1.Introduzzjoni
Skont l-Artikoli 20(2)(a) u 21 tat-TFUE, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li jmorru minn post għal ieħor u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u l-miżuri adottati sabiex dawn jitwettqu.
Ħafna ċittadini jaraw dan id-dritt bħala wieħed mill-benefiċċji ewlenin ta’ sħubija fl-UE. Maġġoranza assoluta tal-Ewropej fl-Istati Membri kollha tal-UE taħseb li l-moviment liberu ta’ persuni fl-UE jġib miegħu benefiċċji ġenerali għall-ekonomija ta’ pajjiżhom.
Fl-2015, aktar minn 15-il miljun ċittadin tal-UE kienu qegħdin jgħixu jew jaħdmu f’pajjiż tal-UE li ma kienx il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom. Għadd ferm akbar ta’ ċittadini tal-UE għamlu żjarat temporanji fi Stati Membri oħra għall-vaganzi, żjarat lill-ħbieb u l-familja u għal skopijiet ta’ negozju.
Fil-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni ttrattat 613-il ilment minn ċittadini, 309 ittri/mistoqsijiet individwali, 75 mistoqsija u 46 petizzjoni mill-Parlament Ewropew dwar l-eżerċitar tad-dritt ta’ moviment liberu. Ħafna kienu jittrattaw id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ membri tal-familja mhux mill-UE ta’ ċittadini tal-UE (kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi u karti ta’ residenza, formalitajiet addizzjonali) u l-kundizzjonijiet li taħthom iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu.
Ċittadini mobbli tal-UE li jiltaqgħu ma’ każijiet ta’ applikazzjoni mhux korretta tad-dritt tal-UE jistgħu jiksbu għajnuna minn SOLVIT,
li ġie stabbilit sabiex tittieħed azzjoni malajr u jinstabu soluzzjonijiet fuq livell nazzjonali. Mill-2013 sal-2015, SOLVIT ittratta 979 każ dwar il-moviment liberu ta’ persuni.
Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jirrikorru wkoll għall-portal tal-Kummissjoni Europe Direct (EDCC), li jipprovdi liċ-ċittadini Ewropej b’informazzjoni ġenerali dwar l-UE u pariri dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni. Fil-perjodu ta’ rapportar, l-EDCC irċieva total ta’ 14 549 mistoqsija dwar il-moviment liberu tal-persuni.
5.2.Żviluppi fil-ġurisprudenza
Il-Qorti interpretat id-dritt għal moviment liberu f’għadd ta’ sentenzi riċenti. B’mod partikolari, kompliet tiċċara kif id-dritt għall-moviment liberu japplika għal ċerti każijiet li jinvolvu ċittadini tal-UE ekonomikament inattivi, ċittadini tal-UE li qegħdin ifittxu impjieg u membri tal-familja minn pajjiżi terzi ta’ ċittadini tal-UE.
5.2.1 Aċċess għal benefiċċji u/jew assistenza soċjali minn ċittadini tal-UE ekonomikament inattivi
Fi Brey il-Qorti ddeċidiet li d-dritt tal-UE ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċji ta’ assistenza soċjali lil ċittadini tal-UE ekonomikament inattivi għall-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex wieħed igawdi mid-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu. Madankollu, id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri biex juru ċertu grad ta’ solidarjetà finanzjarja, b’mod partikolari f’każ ta’ diffikultajiet temporanji, u għalhekk ma jirrifjutawx awtomatikament li jagħtu benefiċċji ta’ assistenza soċjali lil ċittadini tal-UE li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet temporanji waqt li jkunu qed jirrisjedu legalment fi Stat Membru ieħor. L-Istat Membru ospitanti għandu jqis iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ individwali sabiex jiġi vvalutat jekk iċ-ċittadin inattiv tal-UE jkunx sar piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tiegħu.
F’Dano l-Qorti analizzat il-każ ta’ ċittadin tal-UE ekonomikament inattiv li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu (ma kellux biżżejjed riżorsi) biex jitlob dritt ta’ residenza mal-wasla tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Il-Qorti ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi l-għoti ta’ benefiċċji speċjali mhux kontributorji fil-forma ta' flus li jkunu jikkostitwixxu benefiċċji ta’ assistenza soċjali lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra f’dik is-sitwazzjoni hija konformi mad-dritt tal-UE. Sabiex jiġi ddeterminat jekk ċittadin tal-UE ekonomikament inattiv għandux biżżejjed riżorsi, għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull persuna speċifikament, mingħajr ma jitqiesu l-benefiċċji soċjali mitluba.
5.2.2
Aċċess għal assistenza soċjali minn persuni li jkunu qegħdin ifittxu impjieg
F’Alimanovic il-Qorti ddeċidiet li persuni minn Stat Membru ieħor li jkunu qegħdin ifittxu xogħol u li jkunu ħadmu fi Stat Membru ieħor għal inqas minn sena u mbagħad fis-sitt xhur ta’ wara jkunu fittxew xogħol iżda mingħajr suċċess, għandhom iżommu l-istatus tagħhom ta’ ħaddiema għal mhux inqas minn sitt xhur – li matulhom, għandhom jibbenefikaw minn trattament indaqs u intitolament għall-benefiċċji ta’ assistenza soċjali. Wara dak il-perjodu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jirtira dawn il-benefiċċji, mingħajr eżami individwali.
F’Garcia-Nieto l-Qorti ċċarat li persuni minn Stati Membri oħra li jkunu qegħdin ifittxu xogħol jistgħu jiġu esklużi mill-assistenza soċjali matul l-ewwel tliet xhur li matulhom ikunu qegħdin ifittxu xogħol, mingħajr eżami individwali sakemm ma jkunux ħadmu qabel fl-Istat Membru ospitanti (persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel impjieg).
5.2.3 Residenza ta’ membri tal-familja mhux mill-UE ta’ ċittadini tal-UE fl-Istat Membru ospitanti
Il-Qorti ċċarat aspetti speċifiċi tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti.
F’Alokpa l-Qorti ddikjarat li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma l-persuni prinċipalment responsabbli għal tfal li huma ċittadini tal-UE jistgħu jirrisjedu mat-tfal tagħhom fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 21 tat-TFUE sakemm iċ-ċittadin tal-UE jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.
F’McCarthy il-Qorti ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jobbliga lil membru tal-familja mhux mill-UE ta’ ċittadin tal-UE u li jkollu karta ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor biex l-ewwel jikseb viża biex jidħol fit-territorju tiegħu.
5.2.4 Residenza ta’ membri tal-familja mhux mill-UE ta’ ċittadin tal-UE fl-Istat Membru tan-nazzjonalità ta’ dak iċ-ċittadin tal-UE
Il-Qorti ċċarat ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom membri tal-familja mhux mill-UE ta’ ċittadini tal-UE jistgħu jgawdu minn dritt ta’ residenza derivat fl-Istati Membri ta’ nazzjonalità taċ-ċittadini meta ċ-ċittadini jirritornaw flimkien mal-membru tal-familja tagħhom wara li ġenwinament u effettivament ikunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.
F’S u G il-Qorti ddeċidiet li ċittadini tal-UE li jirrisjedu fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom iżda li minħabba raġunijiet ta’ xogħol jivvjaġġaw regolarment lejn Stat Membru ieħor jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 tat-TFUE u b’hekk jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu bħala ħaddiema. Membru tal-familja mhux mill-UE jikseb id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru tad-domiċilju ta’ ċittadin tal-UE li jirrisjedi f’dak l-Istat Membru iżda li jivvjaġġa regolarment lejn Stat Membru ieħor għal raġunijiet ta’ xogħol, jekk ir-rifjut tal-għoti ta’ tali dritt jiskoraġġixxi liċ-ċittadin tal-UE li jkun qiegħed jivvjaġġa milli effettivament jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu bħala ħaddiem.
F’O u B il-Qorti ddeċidiet li meta ċ-ċittadini jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu skont l-Artikolu 21 tat-TFUE, mar-ritorn tagħhom ir-‘residenza ġenwina’ tagħhom fl-Istat Membru ospitanti toħloq dritt ta’ residenza derivat (abbażi tal-Artikolu 21 tat-TFUE) għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li miegħu jkunu għexu bħala membru tal-familja. Fil-prinċipju, dan huwa meta ċ-ċittadin tal-UE u l-membru tal-familja ta’ pajjiż terz ikunu għexu fl-Istat Membru ospitanti għal mill-anqas tliet xhur skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu u b’hekk ikunu ħolqu jew saħħew il-ħajja tal-familja tagħhom f’dak il-pajjiż.
5.2.5 Residenza ta’ ex membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE
Il-Qorti ddeċidiet ukoll dwar każijiet ta’ divorzju bejn ċittadin tal-UE u ċittadin mhux tal-UE li kien qiegħed jirrisjedi fi Stat Membru. F’Singh ċittadin tal-UE telaq mill-Istat Membru ospitanti qabel ma beda proċedimenti ta’ divorzju, filwaqt li l-konjuġi li ma kinitx mill-UE baqgħet hemm. Il-Qorti ddeċidiet li din tal-aħħar iżżomm id-dritt ta’ residenza biss meta dan kien jeżisti fil-mument li fih tnedew il-proċedimenti tad-divorzju. Din l-interpretazzjoni kienet ikkonfermata f’NA.
5.2.6 Rifjut li jiġu rikonoxxuti l-ismijiet ta’ ċittadini mobbli tal-UE
F’Bogendorff von Wolffersdorff il-Qorti sabet li r-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jirrikonoxxu ismijiet u kunjomijiet magħżula liberament akkwistati fir-Renju Unit minn persuna b’ċittadinanza doppja Ġermaniża u tar-Renju Unit iżda li kienu jinkludu diversi elementi ta’ nobbiltà jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza madwar l-UE. Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li f’dak il-każ ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata fuq bażi ta’ raġunijiet ta’ ordni pubbliku, jekk ikun xieraq u neċessarju sabiex jiġi żgurat il-prinċipju ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi (fil-Ġermanja), u pprovdiet gwida dettaljata biex tgħin lill-qorti nazzjonali tiżen il-fatti u l-liġi.
5.3.Azzjoni tal-Kummissjoni
5.3.1 Sostenn għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini
Il-Kummissjoni żviluppat diversi għodod biex iċ-ċittadini u l-awtoritajiet nazzjonali jiġu infurmati dwar id-drittijiet ta’ moviment liberu u kif dawn għandhom jiġu applikati b’mod korrett. B’mod partikulari, qiegħda tniedi għodda ta’ tagħlim elettroniku biex tgħin lill-ammistrazzjonijiet nazzjonali li jittrattaw ma’ ċittadini tal-UE biex jifhmu u japplikaw aħjar ir-regoli dwar il-moviment liberu.
Fl-2014 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni, Għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-abbuż mill-moviment liberu, u Manwal dwar l-indirizzar tal-kwistjoni ta’ allegati żwiġijiet ta’ konvenjenza bejn ċittadini tal-UE u ċittadini mhux tal-UE fil-kuntest tal-liġi tal-UE tal-moviment liberu ta’ ċittadini tal-UE li l-għan ewlieni tagħha kien li tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-abbuż potenzjali mid-dritt ta’ moviment liberu.
Il-Kummissjoni kompliet ukoll bil-ħidma tagħha ma’ esperti tal-Istati Membri fil-grupp ta’ esperti tagħha dwar id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni, biex jiġu identifikati d-diffikultajiet u jiġu ċċarati kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-UE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll sabiex tiġi kondiviża informazzjoni dwar l-abbuż u l-frodi u jiġu skambjati l-aħjar prattiki.
Fl-2013 u fl-2014 żewġ studji vvalutaw il-mod kif ir-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu jiġu applikati fil-prattika u l-impatt tagħhom fuq livell lokali u fi Frar 2014 saret konferenza biex jiġi diskuss l-impatt tal-mobilità tal-UE fuq livell lokali u jiġu skambjati l-aħjar prattiki.
F’Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom: ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza, li tispjega d-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-moviment liberu, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet skont id-dritt tal-UE u tindirizza tħassib imqajjem minn xi Stati Membri. Il-‘ħames azzjonijiet’ huma mfassla biex jgħinu lill-Istati Membri japplikaw il-liġijiet u l-għodod tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom, inkluż permezz tal-użu sħiħ tal-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE.
Fl-2013 il-Kummissjoni ppubblikat informazzjoni faċli għall-utent f’dan il-qasam f’Il-libertà li tiċċaqlaq u tgħix fl-Ewropa: gwida għal drittijietek bħala ċittadin tal-UE.
5.3.2 Kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-drittijiet ta’ moviment liberu
Il-Kummissjoni kompliet tiżgura b’mod attiv it-traspożizzjoni effettiva tad-drittijiet ta’ moviment liberu mill-Istati Membri kollha. Identifikat u qajmet għadd ta’ kwistjonijiet, li l-maġġoranza kbira tagħhom l-Istati Membri kienu ċċarawhom jew solvewhom billi emendaw il-liġijiet tagħhom, jew intrabtu li jagħmlu dan.
Sal-aħħar tal-2013 il-Kummissjoni kienet għalqet proċedimenti ta’ ksur kontra erba’ Stati Membri. Fl-2014 u fl-2015 ħamsa oħra adottaw leġiżlazzjoni ġdida. Il-Kummissjoni għadha fi djalogu magħhom sabiex jiġi żgurat li t-tħassib pendenti jiġi indirizzat kif suppost.
Il-kwistjonijiet ewlenin li tqajmu fil-proċedimenti jittrattaw id-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza għall-membri tal-familja mhux mill-UE ta’ ċittadini tal-Unjoni, inklużi konjuġi jew imsieħba tal-istess sess, partikolarment il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi u karti ta’ residenza lil membri tal-familja mhux mill-UE, u s-salvagwardji materjali u proċedurali kontra t-tkeċċija ta’ ċittadini tal-UE.
Il-Kumissjoni kompliet bil-ħidma tagħha biex jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għal nondiskriminazzjoni u biex jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu f’każijiet relatati mar-rikonoxximent, fi Stat Membru wieħed, ta’ ismijiet personali attribwiti jew mibdula skont il-liġi ta’ Stat Membru ieħor. Fl-2014 bi tweġiba għal punti mqajma mill-Kummissjoni, il-Belġju adotta liġi ġdida li temenda l-Kodiċi Ċivili tiegħu. Dan jippermetti li l-ġenituri jagħtu lit-trabi tat-twelid jew tfal adottati isem il-missier jew l-omm, jew it-tnejn li huma.
Il-Kummissjoni qed tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-moviment liberu u qiegħda taħdem mal-Istati Membri kkonċernati biex jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti.
5.3.3 Azzjonijiet jew inizjattivi oħra tal-Kummissjoni biex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-drittijiet ta’ moviment liberu
(a)L-iffaċilitar taċ-ċirkolazzjoni libera ta’ dokumenti pubbliċi
Ċittadini Ewropej li jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE jew li sempliċiment jixtiequ jibbenefikaw minn dritt jew jikkonformaw ma’ obbligu f’pajjiż ieħor tal-UE jista’ jkollha bżonn jippreżentaw dokument pubbliku. Wara proposta mill-Kummissjoni fl-2013, fl-2016 ġie adottat ir-Regolament (UE) 2016/1191 biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi.
(b)L-iffaċilitar tal-ħajja ta’ familji transfruntieri
Ir-Regolament dwar is-Suċċessjoni li ġie adottat fl-2012, applikabbli mis-17 ta’ Awwissu 2015, jissimplifika s-suċċessjonijiet internazzjonali (jiġifieri suċċessjonijiet b’elementi transfruntieri: pereżempju l-persuna mejta kienet tgħix f’pajjiż ieħor li mhuwiex dak tal-oriġini tagħha jew kellha proprjetà f’diversi pajjiżi jew il-werrieta tal-persuna mejta jgħixu f’pajjiż differenti). Ir-Regolament jiddetermina l-Istat Membru responsabbli biex jittratta s-suċċessjoni, il-liġi nazzjonali applikabbli, l-infurzar u prova madwar l-Unjoni Ewropea permezz taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Fl-2014 il-Kummissjoni adottat Regolament li jimplimenta r-Regolament dwar is-Suċċessjoni billi stabbilixxiet għadd ta’ formoli, b’mod partikolari l-formola taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.
Dwar id-divorzju u s-separazzjoni legali, r-Regolament li jiddetermina liema regoli tal-pajjiż għandhom japplikaw f’każ ta’ divorzju jew separazzjoni legali internazzjonali issa japplika f’16-il Stat Membru. Ir-Regolament ġie adottat fl-2010 minn 14-il Stat Membru fil-kuntest ta’ kooperazzjoni msaħħa. Il-Litwanja ssieħbet fl-2014 u l-Greċja fl-2015. Iċ-ċittadini li jgħixu f’dawn is-16-il Stat Membru jistgħu jagħżlu li l-liġi applikabbli għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali tagħhom għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih jgħixu regolarment jew fejn ikunu l-aħħar għexu regolarment, jew il-pajjiż tan-nazzjonalità ta’ xi ħadd mill-miżżewġin jew tal-pajjiż fejn ikunu qegħdin jiġu pproċessati l-proċedimenti tad-divorzju jew tas-separazzjoni legali.
Dwar kwistjonijiet matrimonjali u r-responsabbiltà tal-ġenituri, fl-2014 il-Kummissjoni adottat rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-hekk imsejjaħ Regolament Brussell IIa, wara kważi 10 snin ta’ applikazzjoni. Il-Kummissjoni segwietu billi, fit-30 ta’ Ġunju 2016, ipproponiet tibdil għar-Regolament Brussell IIa biex jitjiebu r-regoli tal-UE li jipproteġu lit-tfal fil-kuntest ta’ tilwim dwar ir-responsabbiltà transfruntiera tal-ġenituri relatat ma’ kustodja, drittijiet ta’ aċċess u ħtif ta’ minuri. Ir-reviżjonijiet proposti huma mistennija jnaqqsu l-ispejjeż u jwasslu għal proċedimenti aktar effiċjenti soġġetti għal regoli aktar ċari. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Gwida Prattika aġġornata għaċ-ċittadini u għall-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li tiddetermina liema qrati tal-Istati Membri għandhom jittrattaw divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ u dwar kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri bħal kustodja, drittijiet ta’ aċċess u ħtif tat-tfal, f’ċirkostanzi transfruntieri.
Dwar il-medjazzjoni tal-familja, fl-2015 il-Kummissjoni nediet taqsima ddedikata għall-medjazzjoni tal-familja transfruntiera fuq il-portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika. L-għan ta’ din it-taqsima hu li tippromwovi l-użu tal-medjazzjoni.
(c)Titjib fl-effikaċja tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ moviment liberu tal-ħaddiema
F’April 2014, ġiet adottata Direttiva biex jitjieb l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema wara proposta mressqa mill-Kummissjoni f’April 2013. Din tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li fuq livell nazzjonali jkun hemm korp wieħed jew aktar responsabbli biex jagħtu konsulenza u appoġġ u għajnuna lill-ħaddiema migranti tal-UE, inkluż lil dawk li jkunu qegħdin ifittxu x-xogħol, permezz tal-infurzar tad-drittijiet tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jestendu wkoll il-kompetenza ta’ dawn il-korpi għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. L-għan tagħha huwa wkoll li titjieb l-aċċessibbiltà għal informazzjoni komprensiva u aġġornata fuq livell nazzjonali u tal-UE dwar id-drittjiet tal-ħaddiema mobbli.
L-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-portabbiltà tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari li saret ukoll f’April 2014, hija pass importanti biex jiġu salvagwardati d-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.
F’April 2016, wara proposta mressqa mill-Kummissjoni, ġie adottat Regolament ġdid dwar il-EURES. L-għan tiegħu huwa li jagħti lill-ħaddiema u lil min iħaddem aċċess faċli għall-vakanzi kollha ta' impjieg Ewropej u applikazzjonijiet/CVs online (il-portal tal-EURES), informazzjoni ċara dwar fejn u kif jistgħu jsibu impjiegi f’pajjiżi oħra tal-UE, u servizzi minimi ta’ sostenn għat-tiftix ta’ xogħol. Għandu l-għan ukoll li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar nuqqasijiet u surplus fis-suq tax-xogħol insostenn ta’ tqabbil aktar koordinat fl-UE.
Id-Direttiva dwar l-infurzar tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema pprovdiet strumenti ġodda u msaħħa fil-ġlieda u fis-sanzjonar tal-evitar tar-regoli, frodi u abbużi. hija tindirizza problemi kkawżati minn xi kumpaniji u żżid il-kapaċità tal-Istati Membri biex jimmonitorjaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jinforzaw ir-regoli. Fit-8 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, sabiex tiġi ffaċilitata l-provvista ta’ servizzi bejn il-fruntieri fi klima ta’ kompetizzjoni ġusta u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati li huma impjegati fi Stat Membru wieħed u li jintbagħtu jaħdmu temporanjament f’pajjiż ieħor minn min iħaddimhom, speċifikament billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti ta’ remunerazzjoni u kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji ta’ kollokament u dawk lokali fil-pajjiż ospitanti.
Abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, twaqqfet Pjattaforma Ewropea sabiex ix-xogħol mhux iddikjarat jiġi indirizzat fil-forom diversi tiegħu kif ukoll ix-xogħol iddikjarat b’mod falz assoċjat ma’ xogħol mhux iddikjarat, fosthom impjieg indipendenti fittizju. Il-Pjattaforma tnediet fis-27 ta’ Mejju 2016. L-attivitajiet tagħha jistgħu jinkludu l-iżvilupp ta’ definizzjonijiet komuni u kunċetti komuni, l-iskambju tal-aħjar prattiki bbażati fuq l-evidenza, it-tagħlim reċiproku, l-iskambju ta’ persunal u spezzjonijiet konġunti fuq livell transfruntier.
6.Id-dritt għall-vot u ta’ kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew (l-Artikoli 20(2)(b) u 22 tat-TFUE)
6.1.Introduzzjoni
Skont l-Artikoli 20(2)(b) u 22 tat-TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat.
Il-Kummissjoni wieġbet għal 32 ilment, 71 ittra/mistoqsija individwali, 58 mistoqsija u 13-il petizzjoni mill-Parlament Ewropew dwar dawn il-kwistjonijiet, primarjament relatati mat-“tneħħija tad-dritt tal-vot” u mad-drittijiet elettorali ta’ persuni b’diżabilità. F’dan il-kuntest it-“tneħħija tad-dritt tal-vot” huwa riżultat ta’ azzjoni minn xi Stati Membri li jċaħħdu liċ-ċittadini tagħhom mid-dritt li jivvutaw f’elezzjonijiet nazzjonali ladarba dawn ikunu għexu barra minn pajjiżhom, inkluż fi Stat Membru ieħor, għal perjodu ta’ żmien partikolari. Bħala konsegwenza, dawn iċ-ċittadini ma jistgħu jipparteċipaw f’ebda elezzjoni nazzjonali, kemm fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom kif ukoll fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.
6.2.Żviluppi fil-ġurisprudenza
F’Delvigne l-Qorti ntalbet teżamina jekk huwiex kontra l-liġi Ewropea li ċittadin Franċiż li kien instab ħati ta’ reat serju jiċċaħħad b’mod permanenti mid-dritt tiegħu li jivvota f’elezzjonijiet Ewropej. Is-sentenza kienet ibbażata fuq każistika preċedenti, b’mod partikolari Eman u Sevinge li stabbiliet li huwa f’idejn l-Istati Membri biex jiddeterminaw id-dritt tal-vot, iżda meta jagħmlu dan, għandhom jirrispettaw id-dritt tal-UE, inklużi l-prinċipji ġenerali tiegħu. Il-Qorti ċċarat li r-regoli nazzjonali li jirregolaw it-tmexxija ta’ elezzjonijiet Ewropej għandhom jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inkluż l-Artikolu 39(2) tagħha, li jiggarantixxi d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jivvutaw f’elezzjonijiet Ewropej. Iddeċidiet li fil-każ inkwistjoni t-tiċħid tad-drittijiet ċiviċi kien proporzjonat, meta wieħed iqis il-gravità tar-reat tal-persuna u l-fatt li l-liġi Franċiża tippermetti liċ-ċittadini li japplikaw għat-treġġigħ lura tad-drittijiet tal-vot tagħhom, u għalhekk kien permess.
6.3.Żviluppi fil-qasam tad-drittijiet tal-vot u azzjoni meħuda mill-Kummissjoni
Fil-perjodu ta’ rapportar, kien hemm żviluppi importanti rigward id-dritt tal-vot u ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali u tal-Parlament Ewropew.
6.3.1 Il-promozzjoni tas-sistema ta’ “kandidati prinċipali” għall-Presidenza tal-Kummissjoni u l-indirizzar tal-konsegwenzi tat-tneħħija tad-dritt tal-vot (disenfranchisement)
Fit-12 ta’ Marzu 2013 fl-isfond tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
li saħħet ir-rwol tal-Parlament fir-rigward tal-Kummissjoni.
Appellat lill-partiti politiċi Ewropej sabiex jinnominaw kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tal-Kummissjoni.
Xahrejn qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014, il-Kummissjoni ħarġet rapport preliminari
dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tagħha, fejn analizzat ir-rakkomandazzjoni tagħha li l-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali jidentifikaw, qabel l-elezzjonijiet, il-kandidat tagħhom għall-funzjoni ta’ President tal-Kummissjoni u jfasslu l-programm tal-kandidat, u nnotat li sitt partiti politiċi Ewropej kienu aġixxew fuq ir-Rakkomandazzjoni.
B’mod parallel, il-Kummissjoni kompliet bil-ħidma tagħha mal-esperti tal-Istati Membri fil-grupp ta’ esperti dwar id-drittijiet elettorali tagħha sabiex tiġi żgurata t-tmexxija bla xkiel tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014, b’mod partikolari permezz tal-iskambju ta’ data u l-iżvilupp ta’ għodod tal-IT biex tiġi evitata votazzjoni doppja miċ-ċittadini tal-UE f’dawn l-elezzjonijiet.
Ir-Rapport fuq l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2014
enfasizza li r-rabta diretta bejn ir-riżultati tal-elezzjonijiet u l-għażla tal-President tal-Kummissjoni għenet sabiex titjieb il-leġittimità demokratika tal-Kummissjoni l-ġdida.
Fil-11 ta’ Novembru 2015 il-Parlament ippropona inizjattiva leġiżlattiva
sabiex is-sistema tal-‘kandidati prinċipali’ (Spitzenkandidaten) tiġi integrata fil-liġi elettorali tal-UE.
F’Jannar 2014 il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar l-indirizzar tal-konsegwenzi tat-tneħħija tad-dritt tal-vot taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu [traduzzjoni mhux uffiċjali].
6.3.2 Kwistjonijiet indirizzati li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-vot u ta’ kandidatura
Biex jiġi żgurat li ċittadini li ma jkollhomx ċittadinanza ta’ pajjiż tal-UE jkunu jistgħu jwaqqfu jew jissieħbu f’partiti politiċi fl-Istat Membru ospitanti, il-Kummissjoni kompliet bil-proċedimenti ta’ ksur tagħha kontra seba’ Stati Membri li ma ppermettewx dan. Fi tliet każijiet, il-proċedimenti ngħalqu wara li l-Istati Membri pprovdew kjarifiki sodisfaċenti dwar il-qafas legali eżistenti jew adottaw leġiżlazzjoni ġdida. Proċedimenti kontra erba' Stati Membri għadhom għaddejjin.
7.Id-dritt għal protezzjoni minn awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari (l-Artikoli 20(2)(c) u 23 tat-TFUE)
7.1.Introduzzjoni
Skont l-Artikoli 20(2)(c) u 23 tat-TFUE, iċ-ċittadini tal-UE għandhom, fit-territorju ta’ pajjiż terz li fih ma hemmx rappreżentanza tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, ikunu intitolati għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Iċ-ċittadini tal-UE huma anqas konxji minn dan id-dritt minn drittijiet oħra ta’ ċittadinanza tal-Unjoni.
Fil-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni wieġbet għal erba' lmenti, għaxar ittri/mistoqsijiet individwali u tliet mistoqsijiet mill-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni. Dawn kienu jirrigwardaw il-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar biex jirritornaw id-dar jew in-nuqqas ta’ protezzjoni konsulari jew protezzjoni konsulari diskriminatorja.
7.2.Żviluppi fil-qasam tal-protezzjoni konsulari
Fl-2015 il-Kunsill adotta Direttiva biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini tal-UE mhux rappreżentati barra minn pajjiżhom li tistabbilixxi regoli ċari u legalment vinkolanti dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet konsolari tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni konsolari mhux diskriminatorja min-naħa ta’ Stati Membri oħra. L-Istati Membri għandhom sal-1 ta’ Mejju 2018 biex jittrasponu d-Direttiva.
Fl-2015 il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti dwar il-protezzjoni konsulari sabiex tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tat-TFUE u tad-Direttiva u jiġu skambjati l-aħjar prattiki mal-esperti tal-Istati Membri.
Ġew negozjati diversi ftehimiet bilaterali bejn l-UE u pajjiżi terzi li kien fihom klawżoli dwar kunsens konsulari sabiex jingħata effett sħiħ lid-dritt ta’ ċittadini tal-UE li mhumiex rappreżentati għal protezzjoni konsulari nondiskriminatorja.
8.Id-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u ta’ rikors quddiem l-Ombudsman Ewropew (l-Artikoli 20(2)(d) u 24(2), (3) u (4) tat-TFUE)
8.1.Introduzzjoni
L-Artikoli 20(2)(d) u 24(2), (3) u (4) tat-TFUE jirreferu għal drittijiet oħra li jintitolaw liċ-ċittadini tal-UE li jindirizzaw lill-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż id-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u d-dritt li jirrikorru għall-Ombudsman Ewropew. Kull ċittadin tal-UE jista’ jikteb lil xi waħda mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji f’waħda mil-lingwa uffiċjali tal-UE u jirċievi tweġiba fl-istess lingwa.
8.2.Id-dritt ta’ petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew
Skont l-Artikolu 24(2) tat-TFUE, iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat, dwar kwistjonijiet tal-Unjoni li jaffettwawhom u li jirċievu tweġiba fl-istess lingwa. Fl-ewwel nofs tal-2016, il-Kumitat tal-PE dwar il-Petizzjonijiet irċieva 779 petizzjoni. Fl-2015, il-Kumitat tal-PE dwar il-Petizzjonijiet irċieva 1400 petizzjoni, ’l isfel minn 2714 fl-2014 u 2891 fl-2013. L-aktar kwistjonijiet komuni li attiraw petizzjonijiet kienu fil-qasam tal-ġustizzja u tad-drittijiet fundamentali, inkluż iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-moviment liberu, segwit minn kwistjonijiet relatati mal-ambjent u mas-suq intern.
“Portal elettroniku għall-petizzjonijiet” ilu disponibbli mill-2014 sabiex jippermetti s-sottomissjoni elettronika ta’ petizzjonijiet li hija faċli għall-utent. Il-portal jippermetti wkoll li ċ-ċittadini juru appoġġ online għal petizzjonijiet miftuħa dikjarati ammissibbli. Dan il-proċess online naqqas l-għadd ta’ petizzjonijiet bin-nofs permezz tal-introduzzjoni ta’ mistoqsijiet filtru għall-iskrinjar minn qabel tal-petizzjonijiet għall-ammissibbiltà.
8.3.Id-dritt ta’ rikors quddiem l-Ombudsman Ewropew
Skont l-Artikolu 24(3) tat-TFUE, iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt li jressqu rikors quddiem l-Ombudsman Ewropew, li jittratta lmenti min-naħa taċ-ċittadini dwar istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE. Il-problemi jvarjaw minn tilwim kuntrattwali sa ksur tad-drittijiet fundamentali, nuqqas ta’ trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u rifjut għal aċċess għal dokumenti.
Fil-perjodu ta’ rapportar, l-uffiċċju tal-Ombudsman irreġistra 6 506 ilmenti u fetaħ 953 kawża. F’kull waħda mit-tliet snin, il-maġġoranza tal-ilmenti kienu jittrattaw allegat nuqqas ta’ trasparenza. Il-konformità mas-suġġerimenti tal-Ombudsman żdiedet minn 80 % fl-2013 għal 90 % fl-2014. Fil-perjodu ta’ tliet snin l-uffiċċju tal-Ombudsman għen lil aktar minn 63 300 ċittadin, bil-ftuħ ta’ inkjesti, tweġibiet għal talbiet għal informazzjoni jew l-għoti ta’ pariri fil-gwida interattiva elettronika tiegħu.
Fl-2013–2014 din il-ħidma ewlenija ta’ ttrattar ta’ ilmenti ġiet supplimentata minn inkjesti strateġiċi fuq inizjattiva proprja, immirati għall-benefiċċju tal-akbar għadd possibbli ta’ ċittadini permezz tal-investigazzjoni ta’ kwistjonijiet li jidhru li huma sistemiċi, pjuttost milli ta’ darba. L-inkjesti eżaminaw il-mod kif tiffunzjona l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (2013), it-trasparenza fil-Kummerċ Transatlantiku u negozjati dwar Sħubiji ta’ Investiment (2014) u t-trasparenza fit-trilogi (2015) eċċ.
9.L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (l-Artikolu 24 tat-TFUE; L-Artikolu 11(4) tat-TUE)
Skont l-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), implimentat bir-Regolament 211/2011/UE, ’il fuq minn miljun ċittadin minn talanqas seba’ Stati Membri jistgħu jiltaqgħu biex jistiednu lill-Kummissjoni, fl-oqsma ta’ kompetenza tagħha, sabiex tippreżenta kwalunkwe proposta xierqa dwar materji li dwarhom iqisu li hemm bżonn ta’ att tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati t-Trattati.
Minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament 211/2011, tnedew 36 inizjattiva dwar varjetà ta’ kwistjonijiet u huwa stmat li l-organizzaturi ġabru madwar sitt miljun dikjarazzjoni ta’ appoġġ. Tliet inizjattivi rnexxielhom jilħqu l-livell limitu ta’ miljun firma:
l-inizjattiva ‘Right2Water’ titlob għal leġiżlazzjoni li tħares id-dritt tal-bniedem għall-ilma u għal miżuri sanitarji, u l-promozzjoni tal-provvista ta’ ilma u ta’ servizzi sanitarji bħala servizzi pubbliċi essenzjali għal kulħadd. F’Komunikazzjoni f’Marzu 2014, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu sensiela ta’ miżuri b’risposta għat-talbiet tal-organizzaturi;
l-inizjattiva ‘One of us’ titlob lill-UE biex ittemm il-finanzjament ta’ riċerka li tinvolvi l-qerda ta’ embrijuni umani. Fit-28 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li fiha spjegat li ma kellhiex il-ħsieb li tippreżenta proposta leġislattiva, minħabba li l-qafas legali eżistenti tal-UE tqies li kien adegwat; u
l-inizjattiva ‘Stop vivisection’ titlob għal leġiżlazzjoni għat-tneħħija tal-ittestjar fuq l-annimali. Fit-3 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li fiha impenjat ruħha li tieħu diversi passi għat-tneħħija tal-ittestjar fuq l-annimali.
Il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-applikazzjoni tar-Regolament u fil-31 ta’ Marzu 2015 adottat rapport li kkonkluda li l-ECI huwa kompletament operattiv. Hija tirrikonoxxi li hemm lok għal titjib fl-għodda sabiex tkun aktar faċli għall-utent u aċċessibbli għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli timmonitorja u tiddiskuti firxa ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ECI f’kooperazzjoni u f’koordinazzjoni mill-qrib mad-diversi partijiet interessati u istituzzjonijiet u biex ittejjeb l-istrument.