IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.1.2017
COM(2017) 5 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar it-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri taż- żona tal-euro skont l-artikolu 26 ta' dan ir-Regolament
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar it-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar it-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro daħal dis-seħħ fit-30 ta’ Novembru 2012. L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011 jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-1 ta’ Diċembru 2016 u kull ħames snin minn hemm ’il quddiem. Ir-rapport irid, b’mod partikolari, jeżamina l-possibbiltà li jkunu stabbiliti r-rekwiżiti komuni tat-taħriġ għall-ġarr tal-armi mill-persunal tas-sigurtà tal-kumpaniji tal-flus kontanti fi tranżitu (CIT - cash-in-transit) u għall-emenda tal-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament fid-dawl tad-Direttiva 96/71/KE, jikkunsidra debitament il-progress teknoloġiku fil-qasam tal-IBNS, jikkunsidra l-valur miżjud potenzjali fuq l-għotja ta’ liċenzji tal-Unjoni tas-CIT fuq bażi ta’ grupp u jivvaluta jekk ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 jinħtieġx li jiġi rivedut skont dan.
Għal dan ir-rieżami, fuq il-bażi tal-kwestjonarji, il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet interessati fis-settur inklużi l-imsieħba soċjali kif ukoll l-Istati Membri. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq ir-risposti tal-kwestjonarji u konsultazzjoni tal-Istati Membri fil-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2016 tal-Kumitat dwar it-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti.
2.Sfond ġenerali
2.1.Kuntest
2.1.1.Sett ta’ regoli komuni li japplikaw għat-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti
L-introduzzjoni tal-euro żiedet il-ħtieġa għat-trasport transkonfinali tal-flus kontanti bit-triq fl-Istati Membri taż-żona tal-euro. Fiż-żona tal-euro, il-banek, is-settur tal-bejjiegħa bl-imnut u dawk li jġestixxu l-flus kontanti b'mod professjonali għandhom ikunu kapaċi jikkuntrattaw lill-kumpaniji CIT li joffru l-aħjar prezz u/jew servizz u li jieħdu vantaġġ mis-servizzi ta’ flus kontanti tal-eqreb fergħa tal-bank ċentrali nazzjonali jew ċentru tal-flus kontanti tas-CIT, anki jekk tkun illokalizzata fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ("Stati Membri parteċipanti" għamlu jew jista’ jkun li jixtiequ jagħmlu arranġamenti biex il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro jiġu prodotti barra l-pajjiż. Il-bejjiegħa bl-imnut u l-banek li jinsabu f’żoni konfinali jixtiequ jiksbu l-provvisti tagħhom minn ċentru tal-flus kontanti l-eqreb tagħhom, li ma huwiex neċessarjament fl-istess Stat Membru. Il-prinċipju nnifsu ta’ munita unika jimplika l-ħelsien li l-flus kontanti jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri parteċipanti.
L-armonizzazzjoni sħiħa tat-trasport tas-CIT fl-Istati Membri parteċipanti ma kienx ikkunsidrat fattibbli, u lanqas ma kienet meqjusa xierqa sistema fejn l-awtorizzazzjoni fi Stat Membru wieħed tkun valida fl-Istati Membri kollha ("għarfien reċiproku"). Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 jistipula sett ta’ regoli komuni validi fl-Istati Membri kollha, bla ħsara għar-regoli nazzjonali għal ċerti aspetti indikati b’mod espliċitu fir-Regolament. Dan ma jinvolvix armonizzazzjoni sħiħa peress li r-regoli komuni japplikaw biss għat-trasport transkonfinali.
2.1.2.Applikazzjoni għat-trasport bit-triq tal-Istati Membri parteċipanti u tal-Istati Membri li qed jippreparaw biex jadottaw l-euro
Ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 japplika għat-trasport bit-triq tal-euro fi flus kontanti, peress li huwa l-każ l-aktar komuni (jekk mhux l-uniku) arranġament tat-trasport tal-euro f’reġjuni fil-fruntieri u l-uniku wieħed li għalih ġie identifikat il-bżonn ta’ sett ta’ regoli komuni dwar tas-CIT transkonfinali. It-trasport bl-ajru u bil-baħar mhuwiex kopert. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 japplika de facto biss għal trasport transkonfinali bejn l-Istati Membri parteċipanti li għandhom fruntiera fuq l-art ma’ Stat Membru parteċipanti ieħor. Fi trasport transkonfinali, id-dimensjoni transkonfinali tista’ tirriżulta minn element jew aktar minn tliet elementi: l-Istat Membru tal-oriġini tal-kumpanija tas-CIT, l-Istat Membru ospitanti (minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini) li fih il-kumpanija tas-CIT tipprovdi s-servizz tat-trasport, u/jew l-Istat Membru ta’ transitu li l-vettura taqsam sabiex tasal fl-Istat Membru ospitanti jew biex tirritorna lejn l-Istat Membru tal-oriġini.
Ir-regoli dwar it-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 japplikaw biss b’rabta mal-Istati Membri parteċipanti.
Fil-perjodu ta’ qabel il-bidla għall-euro fi Stat Membru, flus kontanti tal-euro jistgħu jiġu ttrasportati minn Stati Membri parteċipanti lill-Istat Membru li qed iħejji għall-bidla. Għalhekk, skont ir-Regolament (UE) Nru 55/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 japplika wkoll għall-Istati Membri li qed jippreparaw biex jadottaw l-euro.
2.2.Elementi prinċipali tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011
2.2.1.Liċenzja transkonfinali tas-CIT
Minħabba t-theddidiet potenzjali assoċjati mal-attività tat-trasport tal-flus kontanti għas-sigurtà tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT u l-pubbliku ġenerali, it-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti jkun soġġett għall-pussess ta’ liċenzja speċifika transkonfinali tas-CIT. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jagħtu l-liċenzja għall-perjodu ta’ ħames snin soġġetta għall-kondizzjonijiet li għandhom jissodisfaw il-kumpaniji tas-CIT f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1214/2011, bħal rekwiżiti definiti għall-persunal tas-sigurtà tas-CIT jew rekwiżiti ġenerali tal-vetturi tas-CIT u prerekwiżiti oħrajn.
Il-liċenzji tas-CIT huma rreġistrati fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI - Internal Market Information) biex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu f’pożizzjoni li jkollhom aċċess faċli għal-liċenzji.
Il-persunal tas-CIT li jwettaq CIT transkonfinali skont ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 huwa intitolat għal rati minimi ta’ ħlas li japplikaw fl-Istati Membri ospitanti skont il-kundizzjonijiet imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 1214/2011.
2.2.2.Trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti
Il-liċenzja transkonfinali tas-CIT, fil-limiti stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1214/2011, tagħti d-dritt li t-trasport transkonfinali ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro bit-triq isir mal-ġurnata u biss jekk kemm il-maġġoranza tal-ġbir jew il-konsenja ssir fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll jekk il-valur tal-flus kontanti tal-euro jkun mill-inqas 80 % tal-valur totali ta’ flus kontanti ttrasportati fil-vettura. Għandu jiġi nnotat li xi ftehimiet speċifiċi ta’ trasport huma espliċitament eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, minkejja l-fatt li dawn jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti, bħal trasport minn punt sa punt lejn u minn banek ċentrali nazzjonali jew siti ta’ produzzjoni ta’ flus.
2.2.3.Modalitajiet tat-trasport applikabbli
Ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 jipprevedi ħames tipi ta’ arranġamenti ta’ trasport tal-euro fi flus kontanti u tnejn għall-muniti, fejn jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ kull wieħed, bħall-inkorazzar tal-vetturi, l-użu ta’ Sistemi Intelliġenti għan-Newtralizzazzjoni tal-Karti tal-Flus (IBNS) jew il-preżenza ta’ membri tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT. L-Istati Membri parteċipanti jiddeċiedu liema minn dawn il-modalitajiet ta’ trasport japplikaw fit-territorju tagħhom.
2.2.4.Ir-Rwol tas-Sistemi ta’ Newtralizzazzjoni Intelliġenti tal-Karti tal-Flus (IBNS) u t-tneħħija ta’ karti tal-flus innewtralizzati
Ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 għandu l-għan li jiffaċilita l-użu tal-IBNS, peress li l-użu tal-IBNS hu mistenni li jtejjeb is-sigurtà tas-CIT għall-persunal tas-sigurtà tas-CIT u l-pubbliku. Il-kumpaniji tas-CIT li joperaw skont ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 għandhom jitneħħew miċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus innewtralizzati, biex jiżguraw li dawn in-noti ma jibqgħux jintużaw għal operazzjonijiet ta’ ħlas.
2.2.5.Regoli tal-pajjiż ospitanti li japplikaw għat-trasport: il-forza nazzjonali tal-pulizija, ir-regoli tas-sigurtà pubblika u l-ġarr tal-armi tan-nar
L-aspetti tas-CIT mhux koperti mir-regoli komuni tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011 huma rregolati mil-liġi nazzjonali, soġġetti għar-regoli ġenerali tat-Trattat (bħalma huwa l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni) u għandhom jiġu osservati fil-pajjiż ospitanti minn kumpanija tas-CIT li twettaq trasport transkonfinali. Tali regoli nazzjonali li jikkonċernaw ir-rwol tal-forzi tal-pulizija (bħan-notifika minn qabel, skorta jew ta’ traċċar remot), ir-regoli tas-sigurtà dwar konsenja fi flus jew f’postijiet ta’ ġbir u r-regoli dwar l-armi tan-nar.
2.3.Dmirijiet ta’ notifika u informazzjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 jipprevedi għal firxa ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni għad-detenturi ta’ liċenzja tas-CIT, l-Istati Membri parteċipanti u l-Kummissjoni.
Id-detenturi ta’ liċenzja għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru parteċipanti bil-ħsieb ta’ meta għandu jibda t-trasport transkonfinali. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar in-negozju transkonfinali notifikat mill-kumpaniji tas-CIT li jaġixxu skont ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011. Il-Kummissjoni tippubblika fuq is-sit web Europa l-informazzjoni kollha dwar tal-IBNS omologati mill-Istati Membri parteċipanti, ir-regoli nazzjonali dwar ir-rwol tal-forzi tal-pulizija u dwar is-sigurtà tal-postijiet fejn il-flus kontanti jkunu kkunsinnati jew miġbura, ir-rekwiżiti nazzjonali tat-taħriġ tas-CIT, il-kredenzjali tal-awtorità nazzjonali tal-għotja u l-amministrazzjoni ospitanti li lilha ġie notifikat il-bidu ta’ trasport transkonfinali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tippubblika l-arranġamenti applikabbli tat-trasport kif magħżula mill-Istati Membri parteċipanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.4.Verifiki ta’ konformità, pieni u miżuri ta’ sigurtà ta’ emerġenza
Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fit-trasport transkonfinali tas-CIT, l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jwettqu l-kontrolli tal-konformità fuq il-kumpaniji tas-CIT li jaġixxu fit-territorju tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011. Jistgħu jiġu applikati pieni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011. Fl-aħħar nett, miżuri ta’ sigurtà temporanji jistgħu jkunu deċiżi mill-awtoritajiet kompetenti fil-każ ta’ problema urġenti li taffettwa b’mod sinifikanti s-sigurtà tal-operazzjonijiet tas-CIT.
3.Implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011
3.1.Applikazzjoni għall-akkwist u l-għoti tal-liċenzji transkonfinali tas-CIT
3.1.1.Applikazzjoni għall-akkwist u l-għoti tal-liċenzji transkonfinali tas-CIT
Il-proċedura amministrattiva tal-għoti tal-liċenzji tidher li taħdem bla xkiel. Il-kumpaniji tas-CIT ma rrappurtawx kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-forniment ta’ dokumenti u evidenza meħtieġa għall-applikazzjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Membri ma ltaqgħux ma’ problemi partikolari fil-ħruġ tal-liċenzji transkonfinali tas-CIT. L-applikazzjonijiet kollha tal-liċenzji minn kumpaniji tas-CIT wasslu għall-għoti tal-liċenzji u ma kien hemm l-ebda inċident notevoli bir-reġistrazzjoni fl-IMI.
Ma hemmx bżonn ta’ estensjoni tal-validità ta’ liċenzja transkonfinali tas-CIT. L-awtoritajiet tal-Istati Membri parteċipanti u l-maġġoranza l-kbira tad-detenturi tal-liċenzja jikkunsidraw li t-tul ta’ ħames snin tal-liċenzji transkonfinali tas-CIT huwa xieraq. Il-Kummisjoni taqbel ma’ din l-opinjoni.
Il-partijiet interessati ma jaraw l-ebda valur miżjud fl-għoti tal-liċenzji tas-CIT fuq bażi ta’ grupp. Il-Kummissjoni tifhem li liċenzji bħal dawn jirriżultaw f’nuqqas ta’ sorveljanza u kontroll fuq il-kumpaniji tas-CIT u jikkomplikaw xi miżuri ta’ kontroll fis-seħħ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax bħala opzjoni vijabbli l-għoti ta’ liċenzji tas-CIT fuq bażi ta’ grupp fil-futur qarib.
Fl-aħħar nett, xi partijiet interessati jissuġġerixxu li r-Regolament (UE) Nru 1214/2011 għandu jipprevedi proċedura ssimplifikata u mgħaġġla għall-għoti ta’ liċenzja transkonfinali tas-CIT fuq perjodu ta’ żmien qasir sabiex tirreaġixxi għal theddid (bħal strajks, diżastri naturali) u tiggarantixxi l-forniment tal-euro fi flus kontanti.
3.1.2.Liċenzji tas-CIT f’numri u ċifri
Sal-lum b’kollox kien hemm tmien Stati Membri parteċipanti li ħarġu liċenzji tas-CIT. Inħarġu 11-il liċenzja fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011. Sal-lum, ingħataw 25 liċenzja transkonfinali tas-CIT: Franza (3), il-Ġermanja (7), l-Italja (2), in-Netherlands (3), l-Awstrija (1), Spanja (2), is-Slovakkja (2), is-Slovenja (5). Il-Ġermanja tat l-akbar proporzjon ta’ liċenzji (28 %), u warajha s-Slovenja (20 %), li flimkien jirrappreżentaw kważi nofs il-liċenzji kollha. Ingħataw 16-il liċenzja f’żona tal-fruntiera madwar l-Awstrija, li jkopru ħames (5) fruntieri ta’ Stati Membri parteċipanti fi ħdan radjus ta’ anqas minn 370 km. Interessanti li ma hemmx liċenzji mill-Belġju u l-Lussemburgu, għalkemm iż-żewġ Stati Membri jinsabu f’żona b’sitt fruntieri ġeografiċi kkonċentrati b’radjus ta’ anqas minn 250 km, b’densità qawwija ta’ popolazzjoni, konċentrazzjoni qawwija ta’ negozji, u jinsabu mdawrin bi Stat Membru ġar żgħir parteċipant u tnejn kbar.
Diversi detenturi tal-liċenzji tas-CIT irrappurtaw li ma użawx il-liċenzji tagħhom (sa issa), għaliex l-opportunitajiet ta’ negozju stennew li jiggwadanjaw bil-liċenzja ma mmaterjalizzawx għal raġunijiet ekonomiċi jew minħabba ostakli eżistenti, għalkemm ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 stabbilixxa ċerti regoli minimi komuni għal attività transkonfinali.
3.1.3.Notifika u informazzjoni dwar attività u rekwiżiti transkonfinali tas-CIT
Għalkemm id-detenturi tal-liċenzja tas-CIT b’mod ġenerali jsegwu l-obbligi tagħhom ta’ notifika, xi Stati Membri parteċipanti jindikaw li l-informazzjoni dwar it-trasport transkonfinali li setgħu ġabru l-pulizija lokali u l-amministrazzjonijiet reġjonali ma tingħatalhomx b’mod korrett. B’riżultat ta’ dan, dawk l-Istati Membri parteċipanti jsibuha diffiċli li jiksbu stampa ċara dwar is-CIT transkonfinali li fil-fatt titwettaq fit-territorju tagħhom.
Il-Kummissjoni ppubblikat l-informazzjoni rilevanti kollha tas-CIT transkonfinali kif rikjest mir-Regolament (UE) Nru 1214/2011.
3.2.Użu tal-IBNS waqt it-trasport tal-flus tal-euro f’karti tal-flus u l-progress tekniku tat-teknoloġija tal-IBNS
Id-detenturi ta’ liċenzja tas-CIT jirrappurtaw li jużaw l-IBNS fit-trasport transkonfinali tas-CIT biss meta jkun obbligatorju fil-pajjiż ospitanti, f’dak tat-tranżitu jew dak tal-oriġini, jew fejn l-użu huwa mitlub minn arranġamenti mal-assiguratur tal-kumpanija. Il-Belġju huwa l-uniku Stat Membru parteċipanti li fih iridu jintużaw vetturi mgħammra bl-IBNS għat-trasport ta’ karti tal-flus.
L-aktar teknoloġiji komuni tal-IBNS huma apparati li jitfgħu il-kulur u huma mistennija li jibqgħu l-aħjar teknoloġija fis-suq fis-snin li ġejjin.
3.3.Rimunerazzjoni tal-persunal tas-CIT bir-rata minima ta’ ħlas tal-anqas għall-Istat Membru ospitanti
Id-detenturi tal-liċenzja tas-CIT irrappurtaw li ma ltaqgħu mal-ebda problema bl-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rimunerazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011.Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament, it-trasport transkonfinali tas-CIT huwa soġġett għall-istess reġim tal-paga (nazzjonali) tal-kumpaniji tas-CIT li joperaw fl-Istat Membru ospitanti, u b’hekk tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta, filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet tal-persunal tas-sigurtà tas-CIT. Minħabba li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 96/71/KE, li għalihom jirreferi l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011, ma nbidlux bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament u dan ir-rieżami, il-Kummissjoni ma tara l-ebda ħtieġa li tissuġġerixxi emendi għall-Artikolu 24 tar-Regolament.
3.4.Konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini, dak ta’ transitu u tal-Istati Membri ospitanti
3.4.1.Regoli dwar ir-rwol tal-forzi tal-pulizija u r-regoli tas-sigurtà dwar kunsinna jew ġbir ta’ flus kontanti
Il-Kummissjoni ma ġietx mgħarrfa blebda inċident jew problema notevoli relatata mal-obbligu li jiġu rispettati r-regoli tal-Istat Membru ospitanti dwar ir-rwol tal-forzi tal-pulizija (bħan-notifika minn qabel, skorta jew traċċar remot) jew regoli ta’ sigurtà dwar kunsinna jew ġbir ta’ flus kontanti fuq il-post. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tara l-ebda ħtieġa li tissuġġerixxi bidliet f’dan ir-rigward.
3.4.2.Ġarr tal-armi tan-nar
Ir-regoli nazzjonali dwar il-ġarr tal-armi tan-nar tal-Istat Membru ospitanti japplikaw waqt it-trasport transkonfinali tas-CIT. Dawn ir-regoli jvarjaw ħafna, b’xi Stati Membri li jippermettu l-ġarr tal-armi tan-nar, filwaqt li oħrajn jew jirrikjeduhom jew jipprojbixxuhom, jew jippermettu taħlita tal-għażliet skont kull arranġament tat-trasport differenti. Dik id-diversità tillimita ċerti opportunitajiet transkonfinali tas-CIT. Il-kumpaniji tas-CIT jirrappurtaw li huwa diffiċli u jiswa ħafna flus biex jiġi implimentat fil-prattika l-forniment/ħażna tal-armi f’kaxxiforti kkontrollati mill-bogħod, kif previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011 biex wieħed jissodisfa d-diversi reġimi dwar l-armi tan-nar fl-Istati Membri parteċipanti.
Fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax bħala xierqa l-armonizzazzjoni ta’ regoli tal-armi fost l-Istati Membri parteċipanti. Għaldaqstant, fid-dawl tad-differenzi eżistenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġarr tal-armi tan-nar, ma hemm l-ebda valur miżjud għal rekwiżiti ta’ taħriġ komuni.
3.5.Arranġamenti tat-trasport iffissati mill-Istat Membru ospitanti
Hekk kif l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jagħżlu liema arranġament tat-trasport għall-karti tal-flus tal-euro japplika għat-territorju tagħhom għas-CIT transkonfinali, faqqset pjattaforma transkonfinali skwilibrata ħafna. Dan jirriżulta f’xi sitwazzjonijiet li fihom l-arranġamenti tat-trasport rispettivi applikabbli tal-Istat Membru tal-oriġini u tal-Istat Membru ospitanti ma jaqblux, li tissoġġetta t-trasport tas-CIT transkonfinali għal investiment kbir min-naħa tal-fornitur jew li ma jħallix profitt minħabba l-karattru okkażjonali tat-trasport transkonfinali. Bħala eżempju, it-tagħmir IBNS huwa obbligatorju għat-trasport tas-CIT fil-Belġju, filwaqt li fil-Ġermanja mhuwiex. Il-kumpaniji tas-CIT li joperaw fl-Awstrija jittrasportaw il-karti tal-flus tal-euro f’vetturi tas-CIT ordinarji mgħammra bl-IBNS iżda meta jittrasportaw lejn il-Ġermanja jeħtieġu vettura tas-CIT kompletament korazzata bi tliet impjegati tas-sigurtà tas-CIT.
3.6.Verifiki ta’ konformità, sanzjonijiet possibbli u miżuri speċjali skont l-Istat Membru parteċipant
Ħadd ma ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal problemi dwar it-testijiet u spezzjonijiet għal għarrieda ta’ konformità, bl-intendiment li xi Stati Membri parteċipanti ma għandhomx informazzjoni dwar it-trasport tas-CIT transkonfinali li effettivament iseħħ fit-territorju tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ġiet informata dwar l-ebda miżuri ta’ sigurtà ta’ emerġenza jew ta’ kwalunkwe applikazzjoni ta’ sanzjonijiet. Il-Kummissjoni tqis li r-regoli relevanti fir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 huma xierqa.
4.Konklużjonijiet
4.1.Punti ta’ rieżami speċifikament imsemmija fl-Artikolu 26
Fir-rigward tal-punti ta’ eżaminazzjoni speċifika stipulati fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011, jista’ jiġi konkluż li: 1) fil-preżent ma hemm ebda ħtieġa ta’ rekwiżiti komuni tat-taħriġ għall-ġarr tal-armi mill-persunal tas-CIT minħabba d-diversità tar-regoli nazzjonali dwar il-ġarr ta’ armi tan-nar, 2) l-Artikolu 24 dwar ir-rimunerazzjoni ma għandhux għalfejn jiġi emendat minħabba r-reviżjoni proposta tad-Direttiva 97/71/KE, 3) sistema li tippermetti l-għoti ta’ liċenzja fuq bażi ta’ grupp ma hijiex meħtieġa, u 4) ma hemm l-ebda tibdil teknoloġiku kbir fil-qasam tal-IBNS li jimplika r-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011. Il-Kummissjoni għalhekk ma kellhiex bżonn li tuża s-setgħa li tadotta atti delegati dwar l-IBNS sal-lum, u lanqas ma kien hemm xi indikazzjoni ta’ bżonn ta’ atti delegati dwar elementi ta’ sigurtà oħra bħal għall-korazzar tal-vetturi u l-ġkieket bulletproof.
4.2.Ottimizzazzjoni tat-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq
Ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Novembru 2012. Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri biex ikollhom stampa ġenerali aħjar dwar it-trasport tas-CIT transkonfinali li effettivament iseħħ fit-territorju tagħhom. Madankollu, il-fatt li ħarġu biss 25 liċenzja għal żona ta’ 14-il Stat Membru parteċipant jidher li jindika li r-Regolament (UE) Nru 1214/2011 ma huwiex implimentat sal-potenzjal sħiħ tiegħu, speċjalment minħabba li f’żona waħda tal-fruntiera ġeografikament ikkonċentrata, ikkaratterizzata kemm minn densità għolja tal-popolazzjoni kif ukoll minn konċentrazzjoni għolja ta’ negozji (tal-Benelux u l-pajjiżi ġirien) ftit li xejn jidher li qed isir tat-trasport transkonfinali. Implimentazzjoni aħjar tar-Regolament li jirriżultaw f’aktar tal-liċenzji transkonfinali tas-CIT u għażla ikbar ta’ kumpaniji li jwettqu t-trasport tas-CIT transkonfinali jistgħu jakkomodaw ukoll il-ħtieġa potenzjali għal ippjanar ta’ kontinġenza. Tista’ ssir implimentazzjoni aħjar ta’ dan ir-Regolament tas-CIT permezz ta’ definizzjoni ssimplifikata tat-trasport transkonfinali u l-applikazzjoni tal-’prinċipju tal-Istat Membru tal-oriġini’ għall-arranġamenti tat-trasport.
4.2.1.Definizzjoni aħjar ta’ trasport transkonfinali bit-triq
Id-definizzjoni attwali ta’ trasport transkonfinali (l-Artikolu 1(b) tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011) tista’ tkun fl-oriġini ta’ numru limitat ta’ detenturi ta’ liċenzja peress li din teskludi t-trasport tas-CIT transkonfinali potenzjali.
Bħala parti mid-definizzjoni, għandha tiġi rispettata regola maġġoritarja li skontha l-maġġoranza tal-kunsinni/ġabriet tal-euro fi flus kontanti magħmula minn vettura tas-CIT matul l-istess jum issir fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biex jikkwalifika għal trasport tas-CIT transkonfinali skont ir-Regolament (UE) Nru 1214/2011. Dan ifixkel lill-kumpaniji tas-CIT iż-żgħar, li jwettqu l-aktar trasport tas-CIT fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, milli jidħlu fis-suq tas-CIT transkonfinali minħabba t-trasport tas-CIT ‘okkażjonali’ (minorità) fl-Istat Membru ospitanti ma jikkwalifikax għal liċenzja transkonfinali. Dan iżommhom lura milli jittestjaw is-suq barrani u li jakkwistaw klijenti ġodda.
L-istess konsiderazzjoni tmur għar-restrizzjoni stipulata fl-Artikolu 1(b) li skontha, sabiex wieħed jikkwalifika għal-liċenzja ta’ trasport il-flus kontanti mhux euro fil-vettura tas-CIT, ma jridux ikunu aktar minn 20 % meta mqabbel mal-valur totali ta’ flus kontanti ttrasportati fl-istess vettura tas-CIT.
4.2.2.Applikazzjoni ta’ arranġamenti tat-trasport
Proposta oħra biex jintuża aħjar il-potenzjal tat-trasport tas-CIT transkonfinali tista’ tkun li jiġi applikat il-prinċipju tal-Istat Membru tal-oriġini għall-arranġamenti tat-trasport. Diversi partijiet interessati ssuġġerew li wieħed jitbiegħed mill-prinċipju tal-Istat Membru ospitanti minħabba li joħloq ostakoli lis-suq li fl-opinjoni tagħhom ma jistgħux jiġu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ sigurtà. Kumpanija tas-CIT liċenzjata fi Stat Membru parteċipanti ta’ oriġini tagħha tkun f’pożizzjoni li tuża l-vettura tagħha tas-CIT għat-trasport transkonfinali tas-CIT li fil-pajjiż ospitanti u ssegwi wieħed mill-arranġamenti tat-trasport previsti fir-Regolament (UE) Nru 1214/2011. Approċċ bħal dan kieku jiffranka lill-kumpaniji tas-CIT investimenti finanzjarji bla bżonn (bħal titjib tal-IBNS jew id-diversifikazzjoni tal-flotta tal-vetturi tas-CIT) li attwalment ikollhom jagħmlu sabiex jissodisfaw l-arranġamenti tat-trasport tal-Istat Membru ospitanti li ma jaqblux mal-arranġamenti tat-trasport fl-Istat Membru ta’ oriġini.
5.Rakkomandazzjonijiet dwar it-triq ’il quddiem
Ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011 iwassal għar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
Jnħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jistabbilixxu proċeduri xierqa biex ikollhom stampa ġenerali aħjar dwar it-trasport tas-CIT transkonfinali li jseħħ fit-territorju tagħhom. Dan iżid il-kwalità tad-dejta meħtieġa għal diskussjoni kontinwa dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011 u dwar suġġerimenti kkunsidrati għal emendi leġiżlattivi possibbli.
Għandha ssir kampanja ta’ informazzjoni mmirata lejn in-naħa tad-domanda għall-flus kontanti (il-banek, is-supermarkets, il-bejjiegħa bl-imnut) u l-kumpaniji tas-CIT biex jagħmlu aktar użu minn arranġamenti ta’ trasport korrispondenti biex ikun hemm kontribut għall-effiċjenza tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011 u biex possibilment jiżdied l-għadd ta’ liċenzji tas-CIT.
L-Istati Membri parteċipanti għandhom ifittxu li tiġi applikata firxa wiesgħa ta’ arranġamenti tat-trasport applikabbli previsti fir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 fit-territorju tagħhom biex itejbu l-potenzjal tat-trasport tas-CIT transkonfinali skont ir-Regolament fil-forma preżenti tiegħu għal benefiċċju tal-utenti tal-flus kontanti tal-euro.
Sa mhux aktar tard mid-data tar-rieżami li jmiss, il-Kummissjoni se tkun wettqet valutazzjoni tal-impatt fid-dawl tal-punti ta’ titjib leġiżlattiv possibbli li ġejjin tar-Regolament (UE) Nru 1214/2011:
1.Definizzjoni xierqa ta’ trasport transkonfinali li tiffoka fuq l-aspett transkonfinali u r-regoli komuni li japplikaw fl-Istat Membru ospitanti jew Stat Membru ta’ tranżitu:
a.
Ir-regola li t-trasport transkonfinali ta’ euro fi flus kontanti bit-triq biss huwa kopert minn liċenzja tas-CIT jekk il-maġġoranza ta’ kunsinni jew ġbir ta’ flus kontanti jiġu mwettqa fl-Istat Membru ospitanti għandha tiġi rieżaminata.
b.
Il-kundizzjoni li flus mhux euro fi flus kontanti jiġu ttrasportati f’vettura tas-CIT ma jridux ikunu aktar minn 20 % meta mqabbla mal-valur totali tal-flus kontanti ttrasportati fl-istess vettura tas-CIT għandha tiġi eżaminata mill-ġdid.
2.Mingħajr ħsara għar-regoli nazzjonali dwar l-armi tan-nar li japplikaw għall-Istati Membri parteċipanti, jinħtieġ li jiġi applikat il-prinċipju tal-Istat Membru ta’ oriġini previst fir-Regolament (UE) Nru 1214/2011 għall-arranġamenti ta’ trasport.