Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XR4669

    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Semestru Ewropew 2016 u b’rabta mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017

    ĠU C 88, 21.3.2017, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 88/4


    Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Is-Semestru Ewropew 2016 u b’rabta mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017

    (2017/C 088/02)

    Imressaq mill-gruppi politiċi tal-PSE, PPE, ALDE u AE

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

    wara li kkunsidra d-dokumenti prinċipali tas-Semestru Ewropew 2016, jiġifieri l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, ir-Rapporti tal-Pajjiżi, il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u r-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi;

    wara li kkunsidra l-abbozz ta’ rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2016 (2016/2101(INI);

    Ir-rilanċ tal-investimenti

    1.

    ifakkar li l-investiment pubbliku u privat naqas b’madwar 15 % fl-UE meta mqabbel mal-2007, u f’xi Stati Membri anke b’50 %, minħabba l-kriżi ekonomika u miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali; jenfasizza li n-numru kumulattiv ta’ snin ta’ tali nuqqas ta’ investiment (“id-distakk fl-investiment”) jirrappreżenta ostaklu kbir għall-kompetittività u l-koeżjoni tal-Ewropa, u għaldaqstant għall-kapaċità tagħha li tiżgura tkabbir sostenibbli u ħolqien tal-impjiegi;

    2.

    jisħaq li 40 % tar-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi għall-2016 jindirizzaw ostakli għall-investiment li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jgħinu biex jitneħħew (1), inklużi: kwalità inferjuri tal-amministrazzjoni pubblika u nuqqas ta’ koordinazzjoni; nuqqas ta’ tqabbil bejn il-funzjonijiet u r-riżorsi finanzjarji tal-gvernijiet lokali u reġjonali; ambjent regolatorju ta’ piż għall-investiment privat; korruzzjoni; nuqqas ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet u ta’ infrastruttura tat-trasport adatta; iħabbar li dawn il-kwistjonijiet se jiġu trattati wkoll fl-opinjoni li l-KtR daqt jippreżenta dwar “It-Tnaqqis tad-Diskrepanza fl-Investiment: Kif Għandhom Jiġu Indirizzati l-Isfidi”;

    3.

    ifakkar fid-Dikjarazzjoni dwar “Ninvestu u Nikkollegaw” (2) adottata fid-9 ta’ Lulju 2016 fi Bratislava fis-7 Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet, li ffokat fuq l-importanza li jitneħħew l-ostakli li jxekklu l-potenzjal ta’ investiment kbir li għadu ma ġiex sfruttat ta’ bliet, reġjuni u żoni rurali Ewropej, u fuq ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu infrastruttura u servizzi innovattivi biex jagħtu spinta lill-investiment u jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE;

    4.

    jinsab imħasseb li madwar 60 % ta’ dawk li wieġbu fi stħarriġ reċenti tal-KtR tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE (3) jħossu tendenza ta’ livell kostanti jew li qed jonqos fl-investiment pubbliku u privat fl-aħħar tnax-il xahar, li, jekk tkun ikkonfermata, tkun tissuġġerixxi li qed tissokta t-tendenza ta’ nuqqas ta’ investiment li bdiet bil-kriżi ekonomika;

    5.

    jenfasizza li, skont l-istess stħarriġ tal-KtR, il-finanzjament tal-investiment pubbliku jibqa’ sfida għal madwar żewġ terzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom biex ifasslu tajjeb l-investimenti pubbliċi, biex jużaw strumenti finanzjarji, biex jippreżentaw proġetti lill-BEI u biex jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati;

    6.

    jilqa’ bi pjaċir l-ewwel riżultati pożittivi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) prinċipalment b’rabta “mas-sezzjoni tal-SMEs”; fl-istess ħin jitlob għat-titjib tal-addizzjonalità “tas-sezzjoni tal-infrastruttura u l-innovazzjoni” tal-FEIS kif ukoll bilanċ ġeografiku tal-FEIS, anke billi jitħeġġu l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ investiment reġjonali u l-użu ta’ pjattaformi ta’ investiment li jiżguraw li r-reġjuni kollha, speċjalment dawk l-anqas żviluppati, ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu;

    7.

    jilqa’, fil-prinċipju, il-proposta għal estensjoni u tisħiħ tal-FEIS li se tkun is-suġġett ta’ opinjoni separata tal-KtR; jistenna aktar titjib fl-oqsma tal-addizzjonalità, il-kopertura ġeografika u settorjali, kif ukoll it-trasparenza; itenni t-talba għal valutazzjoni adatta tar-riżultati tal-FEIS, b’mod partikolari s-sinerġiji tiegħu mal-fondi tal-FSIE u l-kontribut tagħhom għall-koeżjoni territorjali s’issa, u jistenna b’interess il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew biex tiġi miflija l-implimentazzjoni tal-FEIS;

    8.

    jenfasizza li tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ tal-KtR dwar ostakli għall-investiment ma kinux konxji mill-possibbiltà mogħtija mill-FEIS u l-pjattaformi ta’ investiment tiegħu — għandhom jiġu kkomunikati aħjar lilhom u lil partijiet interessati rilevanti oħra;

    9.

    jinnota li reġjuni u muniċipalitajiet iżgħar kif ukoll ir-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal, pereżempju, ir-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna kif ukoll ir-reġjuni insulari u muntanjużi, ta’ spiss ma jkunux jistgħu jagħmlu użu mill-FEIS minħabba l-livelli għolja tal-valur minimu tal-investiment megħjun u jittama li dan il-limitu jitnaqqas matul ir-reviżjoni tal-FEIS;

    10.

    jisħaq li l-kapaċità teknika ta’ promoturi potenzjali ta’ proġetti fil-livelli lokali u reġjonali għandha tissaħħaħ bl-għajnuna taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti, b’mod partikolari fir-rigward tat-tfassil u t-twaqqif ta’ pjattaformi ta’ investiment;

    11.

    jisħaq li l-istrateġiji ta’ investiment reġjonali għandhom jibbażaw fuq l-għarfien li t-tibdil ekonomiku u teknoloġiku qed jittrasforma s-soċjetajiet u t-territorji tagħna b’mod mgħaġġel; f’dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-investiment fl-ekonomija b’użu baxx tal-karbonju u fl-ekonomija ċirkolari u li tiġi appoġġjata l-ekonomija ta’ kondiviżjoni u kollaborattiva u b’hekk titbaxxa l-ispiża biex jiġu żviluppati attivitajiet innovattivi, li jagħtu spinta lill-forniment ta’ servizzi pubbliċi u privati liċ-ċittadini, u li jagħmlu lis-settur pubbliku aktar effiċjenti;

    12.

    jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitħeġġu jużaw strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u Sħubijiet Ewropej għal prijoritajiet ta’ żvilupp strateġiku konġunt;

    13.

    jisħaq li l-Politika ta’ Koeżjoni tibqa’ l-għodda ta’ investiment prinċipali tal-UE, b’mod partikolari għall-pajjiżi u r-reġjuni anqas żviluppati tagħha; u jixtieq jara aktar komplementarjetà mal-FEIS;

    14.

    ifakkar fl-opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), li tgħid li nuqqas ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament taħt il-QFP 2014-2020 jista’ jwassal għal riskju li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha, u b’hekk jakkumulaw pagamenti pendenti b’effetti negattivi fuq l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi taħt il-Fondi SIE;

    15.

    iqis li fil-kuntest tar-reviżjoni tal-finanzjament tal-Fondi Strutturali l-gvernijiet nazzjonali jistgħu jitħallew jirriservaw parti tal-finanzjament tal-UE għal proġetti f’żoni soġġetti għal uqigħ tal-art u anke għal intervent f’każ ta’ diżastri naturali kbar;

    Is-segwitu ta’ riformi strutturali u ta’ politiki fiskali responsabbli

    16.

    jenfasizza li aktar minn nofs ir-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2016, indirizzati lil 26 pajjiż, huma relatati mat-territorji, jiġifieri marbuta ma’ sfidi li jikkonċernaw ċerti reġjuni jew bliet aktar minn oħrajn, u/jew l-implimentazzjoni tagħhom tiddependi minn livelli sottonazzjonali tal-gvern;

    17.

    għandu jitfakkar li l-KtR, fl-opinjoni tiegħu dwar “Ir-reazzjoni tal-UE għall-isfida demografika” enfasizza r-rabta evidenti li għandha teżisti bejn it-tibdil demografiku u s-Semestru Ewropew, waqt li saħaq dwar il-ħtieġa li dan tal-aħħar ikollu dimensjoni territorjali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu atturi prinċipali fil-miżuri adottati fil-qafas tas-Semestru Ewropew sabiex jilqgħu għall-isfidi demografiċi, u jitqiesu fir-rakkomandazzjonijiet magħmula lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn l-isfidi;

    18.

    jenfasizza li l-KtR minn dejjem kien kontra l-kundizzjonalità makroekonomika fl-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni, stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, peress li dan kieku jippenalizza lill-bliet u lir-reġjuni wara li Stat Membru jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tagħhom taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir; f’dan il-kuntest jibża’ li s-sospensjoni tal-fondi tal-FSIE għal Spanja u l-Portugall ikollhom effetti negattivi fuq l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi, li diġà ġew ittardjati b’mod konsiderevoli. Tkun kontradizzjoni wkoll li jitħassru s-sanzjonijiet taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tal-baġit (ir-Regolament 1173/2011dwar l-implimentazzjoni effettiva tas-sorveljanza baġitarja) u mbagħad jitqiesu sanzjonijiet skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa għal ġestjoni ekonomika aktar soda fil-livell nazzjonali, li hija prerekwiżit għal użu effiċjenti tal-fondi tal-FEIS;

    19.

    itenni t-talba tiegħu li l-investiment li jsir mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-Fondi Strutturali u l-Fondi ta’ Koeżjoni jiġi eskluż mill-kalkoli baġitarji tad-defiċit u d-dejn tal-pajjiżi tal-UE;

    20.

    jenfasizza li kważi 40 % tar-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi tal-2016, li jinvolvu 20 Stat Membru, kienu jindirizzaw kwistjonijiet ta’ kapaċità amministrattiva, b’mod partikolari fil-livell sottonazzjonali, b’rabta ma’ riformi strutturali u tneħħija ta’ ostakli għall-investiment; jirrikonoxxi li l-kapaċità amministrattiva għandha ssir disponibbli permezz tat-twaqqif ta’ strutturi amministrattivi effiċjenti; ifakkar, fir-rigward tal-proposta ta’ Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali, fil-proposta tiegħu dwar dokument strateġiku uniku li jistabbilixxi prijoritajiet u kriterji għall-koordinazzjoni tal-miżuri kollha ta’ bini tal-kapaċità ffinanzjati mill-UE;

    21.

    jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tipproponi kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro sabiex jiġu implimentati politiki antiċikliċi u jitħaffef l-irkupru, u jħabbar li fix-xhur li ġejjin se jadotta opinjoni dwar din il-kwistjoni;

    22.

    jirrikonoxxi l-importanza li jiġu indirizzati sfidi soċjali u dawk relatati mas-suq tax-xogħol; jappoġġja l-fatt li l-Kummissjoni inkludiet indikaturi soċjali fil-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi;

    Dwar is-Semestru Ewropew u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017

    23.

    jinnota r-rata baxxa ta’ implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi u li l-livelli kollha ta’ gvern għandhom ikunu involuti fi sforz aktar qawwi biex itejbuha; jinnota li ċerti sfidi jeħtieġu sforzi fit-tul, kif muri mill-fatt li madwar tliet kwarti tar-rakkomandazzjonijiet relatati mat-territorji għall-2016 kienu diġà tressqu fl-2015, u żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet tas-sena li għaddiet kienu diġà tressqu fl-2014;

    24.

    jenfasizza li, kif ikkonfermat is-sena l-oħra kemm mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll mir-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi, l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru huwa prinċipalment limitat għall-fażi implimentattiva tal-politika, meta huma għandhom ikunu msieħba anke fit-tfassil tal-politiki; jenfasizza li l-involviment tagħhom fi stadju bikri jgħolli b’mod sinifikanti r-rata ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, jgħin biex tiġi indirizzata ż-żieda fid-diskrepanzi reġjonali, jiffavorixxi sjieda akbar fil-prattika u jsaħħaħ il-fiduċja bejn u fi ħdan l-Istati Membri;

    25.

    beħsiebu jipproponi Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew, filwaqt li jkun jirrispetta d-differenzi nazzjonali u b’attenzjoni jevita piż amministrattiv żejjed, biex b’hekk jikkontribwixxi għal approċċ ta’ Governanza Aħjar; Dan fil-kuntest li tali Kodici jkun jirrifletti d-diversità u arranġamenti kostituzzjonali tal-Istati Membri.

    26.

    jitlob li s-SAT tal-2017 jiffoka speċifikament fuq sfidi demografiċi; dawn l-isfidi jindikaw ukoll il-bżonn ta’ politiki ekonomiċi u finanzjarji mfassla biex jiżguraw integrazzjoni bbilanċjata u li tirnexxi tal-migranti fi ħdan l-UE;

    27.

    jisħaq li s-Semestru Ewropew jeħtieġ ikun jirreferi għal qafas ta’ politika f’diversi livelli fuq perjodu ta’ żmien twil, attwalment l-Istrateġija Ewropa 2020; jilqa’ bi pjaċir it-tħabbira tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-immappjar li għandu jsir tal-politiki ta’ żvilupp sostenibbli tal-UE, u jenfasizza l-ħtieġa li l-istrateġija tat-tkabbir futura tal-UE tiġi allinjata ma’ viżjoni territorjali aġġornata;

    28.

    jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Presidenza Slovakka tal-Kunsill tal-UE.

    Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Markku MARKKULA


    (1)  Il-KtR, Semestru Ewropew 2016, Analiżi territorjali tar-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi, Rapport tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020.

    (2)  http://www.cor.europa.eu/bratislavasummit/

    (3)  Stħarriġ tal-KtR dwar “Ostakli għall-investimenti fil-livell lokali u reġjonali”, Lulju 2016.


    Top