Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0683

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

COM/2016/0683 final - 2016/0336 (CNS)

Strasburgu, 25.10.2016

COM(2016) 683 final

2016/0336(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

{SWD(2016) 341 final}
{SWD(2016) 342 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fis-16 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva għal Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK). Il-proposta, li għadha pendenti fil-Kunsill, hija waħda mill-inizjattivi REFIT tal-Kummissjoni u għandha l-għan li tipprovdi lill-kumpaniji b'sett wieħed ta' regoli dwar it-taxxa korporattiva biex isir in-negozju fis-suq intern. Għalhekk, il-proposta għal BKKTK tal-2011 tippermetti li l-kumpaniji jittrattaw lill-Unjoni bħala suq uniku għall-fini tat-taxxa korporattiva u, b'hekk, jiffaċilitaw l-attività transfruntiera tagħhom u jippromwovu l-kummerċ u l-investiment.

Dan l-aħħar deher biċ-ċar għall-komunità internazzjonali li r-regoli attwali għat-tassazzjoni korporattiva ma għadhomx adatti għall-kuntest modern. Ġeneralment, l-introjtu korporattiv jiġi intaxxat fil-livell nazzjonali, iżda l-ambjent ekonomiku sar aktar globalizzat, mobbli u diġitali. Il-mudelli tan-negozju u l-istrutturi korporattivi huma aktar kumplessi, u b'hekk it-trasferiment tal-profitti sar aktar faċli. 1 . Barra minn hekk, id-diverġenza tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa korporattiva ppermettiet li l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jiffjorixxi matul l-aħħar deċennju. B'hekk, meta r-regoli nazzjonali jiġu abbozzati mingħajr ma tiġi kkunsidrata d-dimensjoni transfruntiera tal-attivitajiet tan-negozju, x'aktarx li jinqalgħu diskrepanzi fl-interazzjoni bejn is-sistemi differenti tat-taxxa korporattiva nazzjonali. Dawn id-diskrepanzi joħolqu riskji ta' tassazzjoni doppja u ta' nontassazzjoni doppja u b'hekk ifixklu l-funzjonament tas-suq intern. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Istati Membri jsibuha dejjem aktar diffiċli biex jiġġieldu b'mod effettiv, permezz ta' azzjoni unilaterali, kontra l-prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa 2 sabiex jipproteġu l-bażijiet għat-taxxa nazzjonali tagħhom minn erożjoni u jmorru kontra t-trasferiment tal-profitt.

Meta wieħed iqis il-prijorità tal-Ewropa llum li tippromwovi t-tkabbir sostenibbli u l-investiment fi ħdan suq ġust u integrat aħjar, huwa meħtieġ qafas ġdid għal tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-profitti korporattivi. F'dan il-kuntest, il-BKKTK isservi bħala għodda effettiva sabiex l-introjtu jiġi attribwit fejn jinħoloq il-valur, permezz ta' formula bbażata fuq tliet fatturi mogħtija l-istess piż (jiġifieri, l-assi, ix-xogħol u l-bejgħ). Billi dawn il-fatturi huma marbuta ma' fejn kumpanija tiggwadanja l-profitti tagħha, huma aktar reżiljenti għal prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa mill-metodi mifruxa tal-ipprezzar tat-trasferiment għall-allokazzjoni tal-profitt.

Flimkien mal-funzjoni tal-BKKTK kontra l-evitar tat-taxxa, il-proġett imniedi mill-ġdid iżomm ukoll il-karatteristiċi tiegħu bħala sistema tat-taxxa korporattiva li tiffaċilita l-kummerċ u l-investiment transfruntiera fis-suq intern. Bħalissa, in-negozji b'attività transfruntiera jridu jikkonformaw ma' xejn inqas minn 28 sistema diverġenti tat-taxxa korporattiva. Dan huwa proċess komplikat, kemm f'termini ta' ħin kif ukoll ekonomikament, u jiddevja l-isforz mill-motiv ewlieni ta' kif isir in-negozju. Il-BKKTK imnedija mill-ġdid se tkompli toffri l-vantaġġi tal-proposta tal-2011, jiġifieri l-gruppi ta' kumpaniji bi preżenza taxxabbli f'mill-inqas Stat Membru wieħed, se jkunu soġġetti fl-Unjoni Ewropea (UE) kollha, għal sett uniku ta' regoli biex tiġi kkalkolata l-bażi għat-taxxa tagħhom u b'hekk ikunu jistgħu jittrattaw ma' amministrazzjoni tat-taxxa waħda ('one-stop-shop'). Il-kumpens transfruntier tat-telf xorta jkun eżitu awtomatiku tal-konsolidazzjoni u r-regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferiment ma jkunux japplikaw fil-grupp, minħabba li d-distribuzzjoni tad-dħul għall-grupp kollu ssir permezz tal-formula tat-tqassim.

Id-differenza, meta mqabbla mal-proposta tal-2011, hija li l-inizjattiva mnedija mill-ġdid tistabbilixxi regoli obbligatorji għal gruppi 'l fuq minn ċertu daqs, sabiex tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistema kontra l-prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa. Minkejja dan, huwa importanti wkoll li r-regoli jsiru disponibbli, bħala għażla, għall-entitajiet li huma soġġetti għal taxxa korporattiva fl-Unjoni, iżda li ma jissodisfawx il-kriterji li jissoġġettawhom għall-qafas komuni.

It-triq 'il quddiem lejn BKKTK

Id-diskussjonijiet fil-Kunsill mill-2011 urew li minħabba li hija proġett ambizzjuż ħafna, x'aktarx il-proposta għal BKKTK mhux se tiġi adottata fl-intier tagħha, mingħajr approċċ fi stadji. B'hekk, diversi elementi (speċjalment il-konsolidazzjoni tat-taxxa) taw lok għal dibattitu diffiċli u jista' jkun li qegħdin iżommu lura l-progress fuq karatteristiċi fundamentali oħrajn tas-sistema. Fi sforz biex jiġi evitat dan id-dewmien biex isir il-progress, il-Kummissjoni, fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha ta' Ġunju 2015, appoġġat approċċ gradwali għall-BKKTK. Skont dan l-approċċ, huwa ssuġġerit li l-ħidma fuq il-konsolidazzjoni tiġi posposta sakemm l-ewwel jintlaħaq qbil fuq sett obbligatorju ta' regoli għall-bażi komuni, jiġifieri, il-bażi komuni għat-taxxa korporattiva. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li l-Kummissjoni se tissottometti ż-żewġ proposti simultanjament, jiġifieri għal bażi komuni għat-taxxa korporattiva u għal BKKTK, u bħala parti minn inizjattiva waħda. Il-proposta tal-2011 għal BKKTK, li bħalissa hija pendenti fil-Kunsill, se tiġi rtirata fl-istess ħin li l-Kummissjoni tadotta l-proposti ġodda. F'dan ir-rigward, huwa fundamentali li l-konsolidazzjoni tat-taxxa tibqa' element essenzjali tal-inizjattiva ta' BKKTK, minħabba li l-ostakoli tat-taxxa ewlenin li jiffaċċjaw il-kumpaniji fl-Unjoni jistgħu jiġu indirizzati bl-aktar mod effettiv fi grupp ikkonsolidat.

Din il-proposta għal Direttiva tiffoka fuq l-hekk imsejjaħ "it-tieni pass" tal-approċċ fi stadji, jiġifieri wara li jintlaħaq qbil politiku dwar l-elementi tal-bażi komuni tat-taxxa korporattiva. Sakemm dan jintlaħaq, il-proposta għal BKKTK se tibqa' pendenti għal eżami fil-Kunsill. Il-BKKTK tistipula l-kundizzjonijiet tas-sħubija fi grupp, tistabbilixxi l-forom possibbli li jista' jieħu grupp u tinkludi regoli dwar it-teknikalitajiet tal-konsolidazzjoni. Minbarra li jipprevedi l-aġġustamenti neċessarji għas-sħubija fil-grupp u t-tluq minnu, it-test jittratta r-riorganizzazzjonijiet tan-negozju billi jiffoka fuq il-partikolaritajiet tal-gruppi transfruntiera u, b'mod aktar preċiż, fuq it-trattament tat-telf u l-qligħ kapitali mhux realizzat. Hemm ukoll dispożizzjonijiet dwar in-negozjati bejn il-grupp u entitajiet oħrajn; dawn huma primarjament relatati mat-trattament tat-taxxi minn ras il-għajn u l-ħelsien minn kreditu għal tassazzjoni doppja. Wieħed mill-elementi prinċipali tal-proposta hija l-formula tat-tqassim, jiġifieri l-mekkaniżmu tal-piżijiet użati għall-allokazzjoni tal-bażi għat-taxxa konsolidata tal-grupp lill-Istati Membri eliġibbli. Filwaqt li, taħt ir-regoli tal-bażi komuni tat-taxxa korporattiva l-kumpaniji jistgħu jkomplu japplikaw, fil-prinċipju, ir-regoli nazzjonali tagħhom għall-amministrazzjoni tal-obbligazzjoni ta' taxxa tagħhom, il-BKKTK se tkun teħtieġ qafas amministrattiv speċjali sabiex takkomoda l-istrutturi tal-gruppi transfruntiera.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

It-tnedija mill-ġdid tal-proposta għal BKKTK tinsab fil-qalba tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni għal Sistema ta' Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-UE, li ġiet adottata fis-17 ta' Ġunju 2015. Il-Pjan ta' Azzjoni identifika ħames oqsma ewlenin għal azzjoni 3 . Dan jirrevedi l-politiki eżistenti dwar it-taxxa korporattiva fl-Unjoni u jistabbilixxi l-għan li titwaqqaf sistema ta' tassazzjoni korporattiva fl-UE, li permezz tagħha l-profitti tan-negozju jiġu intaxxati fil-ġurisdizzjoni fejn effettivament jinħoloq il-valur. Il-BKKTK hija ppreżentata bħala inizjattiva globali li tista' tkun għodda estremament effettiva sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' tassazzjoni aktar ġusta u effiċjenti.

Barra minn hekk, il-proposta mnedija mill-ġdid għal BKKTK tinkludi regoli li jindirizzaw uħud mill-Azzjonijiet ewlenin tal-inizjattiva tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (BEPS). Dawn l-elementi issa ġew inklużi, fil-forma ta' standards minimi, fid-Direttiva tal-Kunsill adottata riċentament 2016/1164/UE (imsejħa wkoll bħala d-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD)) 4 . Fil-fatt, għandu jkun mistenni li l-BKKTK tinkorpora l-elementi kontra l-evitar tat-taxxa tal-ATAD iżda fil-kuntest ġuridiku l-ġdid. Jiġifieri, jeħtieġ li n-normi jkunu parti minn sistema komuni ta' taxxa korporattiva għall-UE kollha, kif ukoll li jiġu stabbiliti regoli assoluti, minflok standards minimi.

L-inizjattiva preżenti tat-tnedija mill-ġdid tal-BKKTK għandha post prominenti fost il-proġetti previsti tal-Kummissjoni fil-qasam ta' tassazzjoni aktar ġusta. Huwa ppjanat li din tiġi ppreżentata lill-pubbliku fl-istess jum bħala proposta għal Direttiva dwar diskrepanzi ibridi li jinvolvu pajjiżi terzi (li se temenda l-ATAD) u Direttiva dwar is-soluzzjoni tat-tilwim. Barra minn hekk, minbarra l-ATAD, il-proposta tibni fuq il-proġetti tat-taxxa adottati riċentament; jiġifieri r-reviżjonijiet (tal-2014 u tal-2015) tad-Direttiva dwar Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji (PSD) u l-Proposta ta' Riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties (IRD) (2011). L-inizjattiva tal-PSD u wħud mill-emendi diskussi b'rabta mal-IRD jirriflettu l-prijoritajiet politiki attwali għat-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa tal-UE kontra l-prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa.

Konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-BKKTK taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-inizjattivi tal-Kummissjoni għal tassazzjoni aktar ġusta u tikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-ostakoli li joħolqu distorsjonijiet li jfixklu l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Fuq din il-premessa, din tikkumplimenta ħafna l-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-liġi tal-kumpaniji u b'mod ġenerali taqbel ma' proġetti bħall-Unjoni tas-Swieq Kapitali u d-diversi inizjattivi dwar it-trasparenza tat-taxxa, l-iskambju tal-informazzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). It-test jistipula li l-miżuri ta' approssimazzjoni taħt dan l-artikolu għandhom jaffettwaw direttament it-twaqqif jew il-funzjonament tas-suq intern.

It-tnedija mill-ġdid tal-inizjattiva tal-BKKTK għandha l-għan li tiffaċilita n-negozju fl-UE billi tissoġġetta lill-kontribwenti għal ġabra unika tar-regoli tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa korporattiva li jridu jiġu applikati fis-suq intern, kif ukoll li tagħmel is-sistema aktar robusta u reżiljenti għall-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Iż-żewġ għanijiet iħallu impatt deċiżiv u dirett fuq is-suq intern, preċiżament minħabba li jimmiraw li jeqirdu t-tfixkil fil-funzjonament tiegħu.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din l-inizjattiva tikkonforma mal-prinċipju tas-Sussidjarjetà.

Għalkemm il-problemi u r-raġunijiet għall-azzjoni, kif ġie spjegat fit-taqsimiet preċedenti, għandhom oriġini differenti, jidher li l-effetti dannużi tagħhom jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta' soluzzjoni komuni: jiġifieri, l-approssimazzjoni tas-sistemi tat-taxxa korporattiva fl-Unjoni ttaffi d-distorsjonijiet fis-suq billi toħloq ambjent tat-taxxa aktar ġust u koerenti fejn ikunu jistgħu joperaw in-negozji. Huwa evidenti li biex dan l-għan jinkiseb, jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni flimkien, b'mod ikkoordinat u li tkun fil-livell tal-Unjoni. L-inizjattivi, ippjanati u implimentati minn kull Stat Membru individwalment, sempliċiment jipperpetraw, jew saħansitra jaggravaw is-sitwazzjoni attwali, billi l-kontribwenti xorta jkollhom bżonn jittrattaw it-28 sistema tat-taxxa differenti u, xi drabi konfliġġenti.

It-tnedija mill-ġdid prevista tal-BKKTK għandha l-għan li twieġeb għall-ħtieġa ta' aktar tkabbir u ħolqien tal-impjiegi fis-suq intern, kif ukoll il-ġlieda kontra l-prattiki tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Dawn l-għanijiet kollha essenzjalment ifittxu li jindirizzaw il-problemi lil hinn minn Stat Membru wieħed u, għalhekk, min-natura tagħhom jeħtieġu approċċ komuni. F'dan id-dawl, kwalunkwe miżura tista' tagħti r-riżultati biss jekk ir-regoli jiġu applikati b'mod uniformi fis-suq intern. Jekk le, ix-xenarju fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva jibqa' frammentat, tant li jippermetti t-tkattir tal-ostakoli tat-taxxa u tal-prattiki inġusti tal-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa.

Aktar minn hekk, illum il-ġurnata l-prattiki tal-evitar tat-taxxa huma primarjament stabbiliti f'kuntest transfruntier. Hija tabilħaqq l-interazzjoni bejn is-sistemi tat-taxxa differenti li tiġġenera opportunitajiet għal abbuż jew li tiffaċilita t-teħid ta' vantaġġ mid-diskrepanzi fl-interazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva. Barra minn hekk, il-fatt li l-UE hija suq intern b'livell għoli ta' integrazzjoni jippreżumi attività transfruntiera mtejba, li tenfasizza l-importanza li jintlaħaq qbil dwar soluzzjonijiet ikkoordinati.

Meta jitqiesu l-iskala u l-effetti tat-tnedija mill-ġdid prevista, l-għanijiet tagħha, jiġifieri li jittaffew id-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-interazzjoni attwali ta' 28 sistema nazzjonali tat-taxxa u li jinħolqu aktar kundizzjonijiet favorevoli għal investiment transfruntier fis-suq uniku, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Ħafna mill-karatteristiċi ewlenin tas-sistema ta' BKKTK jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' azzjoni kollettiva. Pereżempju, id-diskrepanzi fil-kwalifika ġuridika tal-entitajiet jew tal-ħlasijiet, li jwasslu għal tassazzjoni doppja jew nontassazzjoni doppja, jiġu eradikati fir-relazzjonijiet fost il-kumpaniji li japplikaw ir-regoli komuni dwar it-taxxa korporattiva. Fl-aqwa xenarju possibbli, azzjoni li tittieħed separatament mill-Istati Membri ssolvi biss dawn il-kwistjonijiet b'mod bilaterali. Minnu nnifsu, il-kumpens transfruntier tat-telf jista' jaħdem bl-aktar mod effettiv jekk l-Istati Membri kollha jinvolvu ruħhom fl-għoti tiegħu, anki jekk wieħed ma għandux jeskludi l-approċċ bilaterali bħala t-tieni l-aħjar għażla. Barra minn hekk, ir-ristrutturazzjonijiet interni tal-grupp eżentat mit-taxxa, l-eliminazzjoni tal-ipprezzar kumpless ta' trasferiment intragrupp, kif ukoll it-tqassim tad-dħul permezz ta' formula fil-livell ta' grupp għandhom irfid transfruntier u jistgħu jiġu indirizzati biss f'kuntest ta' regolament komuni.

Proporzjonalità

Il-miżuri previsti huma kemm xierqa kif ukoll neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Ma jmorrux lil hinn mill-armonizzazzjoni tal-bażi għat-taxxa korporattiva, li hija prerekwiżit għat-trażżin tal-ostakoli identifikati li jfixklu s-suq intern. Barra minn hekk, il-BKKTK imnedija mill-ġdid ma tillimitax is-sovranità tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-ammont mixtieq minnhom ta' dħul mit-taxxa sabiex jilħqu l-miri tal-politika baġitarja tagħhom. F'dan ir-rigward, din ma taffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rati tat-taxxa korporattiva tagħhom stess.

Għalkemm il-Kummissjoni ppromwoviet konsistentement il-ħtieġa għall-koordinazzjoni tal-prattiki tat-taxxa nazzjonali, jidher biċ-ċar li l-koordinazzjoni weħidha mhux se tkun biżżejjed biex jiġu eradikati d-distorsjonijiet relatati mat-taxxa fis-suq intern. L-esperjenza wriet li l-koordinazzjoni hija proċess kajman u r-riżultati tal-eżerċizzji tal-passat s'issa kienu modesti. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni tat-taxxa ġeneralment tindirizza biss kwistjonijiet speċifiċi u mmirati u ma tistax tieħu ħsieb il-varjetà wiesgħa ta' problemi ffaċċjati mill-kumpaniji fis-suq intern, li jirrikjedu soluzzjoni olistika.

Huwa previst li l-kamp ta' applikazzjoni obbligatorju tal-BKKTK imnedija mill-ġdid jiġi indikat b'mod li jimmira biss għall-kategoriji meħtieġa ta' kontribwenti, jiġifieri gruppi ta' kumpaniji 'l fuq minn ċertu daqs. Dan minħabba li l-gruppi bi dħul għoli għandhom it-tendenza li jkollhom riżorsi suffiċjenti li jippermettulhom jinvolvu ruħhom fi strateġiji ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa.

Jirriżulta li r-regoli previsti ma jaqbżux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat għall-funzjonament aħjar tas-suq intern.

Għażla tal-istrument

Id-distorsjonijiet għas-suq intern, kif identifikati aktar kmieni, jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' regoli legali vinkolanti u permezz ta' qafas leġiżlattiv komuni. Il-liġi mhux vinkolanti tkun għażla riskjuża, minħabba li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jimplimentawhiex jew inkella tista' twassal għal approċċ frammentarju. Dan l-eżitu assolutament mhuwiex mixtieq. Dan jikkawża r-riskju li tinħoloq inċertezza legali għall-kontribwenti, kif ukoll li jiġu pperikolati l-għanijiet għal sistema tat-taxxa korporattiva kkoordinata u koerenti fis-suq intern. Barra minn hekk, billi l-arkitettura tal-bażi komuni għat-taxxa għandha tkun mistennija li tħalli impatt fuq il-baġits nazzjonali, speċjalment permezz tat-tqassim skont formula speċifika, huwa fundamentali li r-regoli li jiddefinixxu l-kompożizzjoni tagħha jiġu applikati b'mod konsistenti u effiċjenti. Huwa ferm aktar probabbli li dan jintlaħaq permezz ta' liġi vinkolanti.

Abbażi tal-Artikolu 115 tat-TFUE, "il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament ... joħroġ direttivi għall-approssimazzjoni ta' dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li direttament jaffettwaw l-istabbiliment jew l-operazzjoni tas-suq intern." Għalhekk, it-Trattat huwa preskrittiv li, fit-tassazzjoni diretta, il-leġiżlazzjoni għandha tkun esklussivament fil-forma ta' direttivi. Skont l-Artikolu 288 tat-TFUE, direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta' forom u metodi f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jinkiseb dan ir-riżultat. F'dan ir-rigward, id-direttiva għandha tibqa' ġenerali fin-natura tagħha, hekk kif it-teknikalitajiet u d-dettalji għandhom jitħallew biex jiġu deċiżi mill-Istati Membri.

3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika biex tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha u toffri lill-partijiet interessati l-possibbiltà li jipprovdu l-kontribut tagħhom għat-tnedija mill-ġdid tal-BKKTK. Kien hemm 175 parteċipant li taw il-kontribut tagħhom f'dan il-proċess ta' konsultazzjoni. L-assoċjazzjonijiet irreġistrati kkontribwew l-akbar sehem ta' tweġibiet (37%), segwiti mill-kumpaniji individwali (32%), li l-maġġoranza tagħhom huma SMEs. Dan jenfasizza l-interess tal-kumpaniji iżgħar fil-proposta.

Skont it-tip ta' parteċipant, hemm differenzi fil-fehmiet dwar jekk il-BKKTK hijiex l-istrument xieraq għall-indirizzar tat-trasferiment tal-profitt u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Filwaqt li, b'mod ġenerali, il-proposta tidher bħala waħda pożittiva, l-enfasi tal-NGOs u tal-korpi pubbliċi hija aktar fuq l-impatt tal-BKKTK fuq l-attivitajiet tal-ippjanar tat-taxxa. Minflok, in-negozji jagħmlu enfasi fuq l-importanza tat-tnaqqis tal-kostijiet ta' konformità u l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għan-negozju bil-għan li jitkattar l-investiment. Madankollu, huma jenfasizzaw ukoll ir-riskji li jiġġarrbu kostijiet amministrattivi ogħla jekk ir-regoli kontra l-evitar tat-taxxa jiddominaw is-sistema.

Il-kontribut riċevut fil-konsultazzjoni pubblika huwa rifless fil-valutazzjoni tal-impatt: issir referenza għalih f'diversi taqsimiet, kif ukoll f'anness iddedikat.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Il-valutazzjoni tal-impatt tinkludi r-riżultati minn tliet studji.

1. L-istudju CORTAX ipprovdut miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea. Il-mudell CORTAX huwa mudell ta' ekwilibriju ġenerali intiż biex jevalwa l-effetti tar-riformi tat-taxxa korporattiva fit-28 pajjiż tal-UE, billi juża dejta dettaljata minn diversi sorsi ta' dejta. 

2. Studju miċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika Ewropea (ZEW) dwar l-effetti tar-riformi tat-taxxa fuq l-indirizzar tal-preġudizzju favur id-dejn u l-ekwità fuq il-kost tal-kapital u r-rati tat-taxxa effettivi. L-istudju jiffoka fuq il-firxa attwali tal-preġudizzju favur id-dejn korporattiv fis-sistemi tat-taxxa tat-28 Stat Membru tal-UE u janalizza jekk l-għażliet ta' riforma differenti jistgħux fil-prinċipju jindirizzaw il-preġudizzju favur id-dejn u jippromwovu l-investiment.

3. Studju miċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika Ewropea (ZEW) dwar l-impatt tal-ippjanar tat-taxxa fuq ir-rati tat-taxxa effettivi. L-istudju joħroġ rati medji u marġinali effettivi ta' taxxa li jinkorporaw il-possibbiltà ta' strateġiji tal-ippjanar tat-taxxa sofistikati minn kumpaniji multinazzjonali, inkluż pereżempju, l-użu ta' sistemi tat-taxxa preferenzjali.

Valutazzjoni tal-impatt

L-għażla politika prinċipali li ġiet ikkunsidrata hija proposta għal bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva. Għażla ewlenija li trid issir hija relatata mal-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-bażi għat-taxxa, jiġifieri għal min se tapplika. L-għażliet ewlenin li ġew ikkunsidrati huma jekk il-BKKTK għandhiex issir obbligatorja għall-impriżi kollha jew inkella sempliċiment għal subsett ta' impriżi. Ġew ikkunsidrati varjetà ta' għażliet sabiex jindirizzaw il-preġudizzju favur id-dejn li rriżultat mis-sistemi tat-taxxa attwali. Huma disponibbli żewġ azzjonijiet prinċipali: li jkun permess it-tnaqqis kemm tad-dejn kif ukoll tal-kostijiet tal-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma jew li ma jkunux permessi t-tnejn. Fir-rigward tal-inċentivi tar-R&Ż, l-għażliet ċentrali jikkunsidraw allowance tat-taxxa għall-ispejjeż għal investimenti ta' R&Ż bi gradi varji ta' ġenerożità.

L-evalwazzjoni tal-għażliet differenti wasslet għal għażla ppreferuta: BKKTK obbligatorja għall-kumpaniji kbar, mgħammra b'"Allowance għat-Tkabbir u għall-Investiment" u b'allowance għall-ispejjeż ta' R&Ż. L-Allowance għat-Tkabbir u għall-Investiment tagħti tnaqqis għall-kostijiet ta' finanzjament għad-dejn u l-ekwità fil-limiti sabiex jiġu evitati l-abbużi u l-ippjanar tat-taxxa. L-allowance għall-ispejjeż ta' R&Ż hija maħsuba biex mill-inqas iżżomm l-inċentivi tat-taxxa eżistenti tar-riċerka u l-iżvilupp. L-analiżi turi li l-BKKTK għandha vantaġġi ċari fuq l-alternattiva li ma tinvolvix it-teħid ta' azzjoni.

L-implimentazzjoni tal-għażla ppreferuta mistennija żżid il-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa u toħloq kundizzjonijiet ekwi bħala riżultat tat-tneħħija b'mod effettiv tal-inċentivi għal ippjanar aggressiv tat-taxxa fl-UE. Din tiffaċilita l-iżgurar li l-korporazzjonijiet iħallsu s-sehem ġust tagħhom mill-piż tat-taxxa u jtejbu l-moral tal-kontribwenti. Barra minn hekk, l-ostakoli tat-taxxa transfruntiera se jiġu eliminati b'mod effettiv fi ħdan l-UE. Id-distorsjonijiet fid-deċiżjonijiet ta' finanzjament tal-kumpaniji jitnaqqsu b'Allowance għat-Tkabbir u għall-Investiment, li tpoġġi l-finanzjament tal-ekwità u d-dejn fuq l-istess livell. L-inċentivi tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp mhux biss inżammu, iżda saħansitra tjiebu u ġew razzjonalizzati.

Il-benefiċċji ekonomiċi mistennija mill-proposta huma pożittivi. Il-bażi komuni għat-taxxa konsolidata b'Allowance għat-Tkabbir u għall-Investiment se twassal għal żieda fl-investiment u fl-impjiegi b'massimu ta' 3.4 % u 0.6 %, rispettivament. B'mod ġenerali, it-tkabbir se jiżdied b'massimu ta' 1.2 %. Il-kostijiet ta' konformità mistennija jonqsu (b'10 % fiż-żmien ta' konformità u bi 2.5 % fil-kostijiet ta' konformità). Il-kost għat-twaqqif ta' kumpanija sussidjarja se jonqos b'sa 67 %, tant li jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji (inklużi SMEs) li jmorru barra l-pajjiż.

Ma huwa mistenni ebda impatt ambjentali rilevanti mill-għażla ppreferuta. L-impatti soċjali se jkunu wkoll limitati.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-kostijiet ta' konformità mar-regoli tat-taxxa huma piż importanti għan-negozji u t-tnaqqis tagħhom se jkun ta' vantaġġ kbir fl-implimentazzjoni tal-BKKTK. L-istima tal-kostijiet ta' konformità għall-kumpaniji l-kbar tammonta għal madwar 2 % tat-taxxi mħallsin, filwaqt li l-istima għall-SMEs kienet ta' madwar 30 % tat-taxxi mħallsin. Huwa stmat li l-kostijiet ta' konformità se jiżdiedu bl-attività transfruntiera u bil-proliferazzjoni fl-għadd ta' sussidjarji. Id-dejta dwar ir-riforma tat-taxxa turi li ħafna mir-riformi ta' CIT seħħew wara l-kriżi u ħafna miżuri kienu indirizzati lejn it-tisħiħ tal-qafas internazzjonali kontra l-abbużi. Fid-dawl ta' dan, it-tnaqqis tal-kostijiet ta' konformità meta titwaqqaf kumpanija sussidjarja addizzjonali jibqa' vantaġġ kbir: huwa stmat li l-kostijiet relatati mal-ħin għat-twaqqif ta' kumpanija sussidjarja ġdida fi Stat Membru se jonqsu b'bejn 62 u 67 %. Billi tiffoka fuq il-kostijiet rikorrenti, jiġifieri tinjora l-kostijiet ta' bdil ta' darba, il-Valutazzjoni tal-Impatt tistma tnaqqis fil-ħin imqatta' fuq l-attivitajiet ta' konformità bi 8 % wara l-implimentazzjoni tal-BKKTK. Abbażi ta' dan it-tnaqqis fil-ħin, wieħed jista' jagħmel kalkolu ta' malajr tal-ordni tal-iffrankar tal-kostijiet totali li jirriżultaw taħt il-BKKTK. Jekk 5 % tal-kumpaniji ta' daqs medju jespandu barra l-pajjiż, jista' jkun mistenni ffrankar tal-kostijiet ta' darba ta' madwar EUR 1 biljun. Jekk l-entitajiet multinazzjonali kollha japplikaw il-BKKTK, il-kostijiet ta' konformità rikorrenti jistgħu jitnaqqsu b'madwar EUR 0.8 biljun.

L-amministrazzjonijiet tat-taxxa se jibbenifikaw minn negozjati mnaqqsa bi kwistjonijiet ta' prezzar tat-trasferiment u għadd inqas ta' każijiet sal-punt li l-affarijiet tat-taxxa ta' grupp ta' kumpaniji jiġu indirizzati primarjament mill-amministrazzjoni tal-Istat Membru fejn tinsab il-kumpanija omm. Min-naħa l-oħra, sakemm il-BKKTK ma ssirx obbligatorja għall-impriżi kollha, l-amministrazzjonijiet nazzjonali se jesperjenzaw kostijiet ta' konformità addizzjonali minħabba l-manutenzjoni meħtieġa ta' żewġ sistemi paralleli.

Sabiex jintlaħaq l-għan li tittejjeb il-ġustizzja tas-sistema tat-taxxa b'mod proporzjonat, l-għażla ppreferuta għall-BKKTK tissuġġerixxi li din issir obbligatorja biss għal subsett ta' impriżi, skont id-daqs tagħhom. B'hekk, il-mikrointrapriżi u l-SMEs huma eżentati mill-applikazzjoni obbligatorja tal-BKKTK. Il-limitazzjoni tal-applikazzjoni obbligatorja għal gruppi b'fatturat ikkonsolidat ta' aktar minn EUR 750 miljun isservi l-iskop li taqbad il-maġġoranza vasta (ca. 64 %) tal-fatturat iġġenerat mill-gruppi, filwaqt li tillimita r-riskju tal-inklużjoni ta' gruppi purament domestiċi. Il-livell limitu huwa koerenti mal-approċċ meħud f'inizjattivi oħrajn tal-UE sabiex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa. Fl-istess ħin, il-proposta toffri lil dawk il-kumpaniji, li għalihom l-applikazzjoni tal-BKKTK mhijiex obbligatorja, il-possibbiltà li jiġu inklużi fis-sistema tal-BKKTK. Din tippermetti flessibbiltà massima għall-SMEs u għall-mikrointrapriżi, billi toffrilhom il-possibbiltà li jibbenifikaw mill-vantaġġi ta' BKKTK mingħajr ma tkun obbligatorja għal dan is-sett ta' kumpaniji.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta għal Direttiva ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta' implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-Kummissjoni se tirrevedi l-applikazzjoni tad-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwar it-tħaddim tagħha. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva

Dokumenti ta' spjegazzjoni (għad-direttivi)

Ara l-Premessa 18.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-proposta hija t-'tieni pass' f'approċċ fi stadji lejn sistema tat-taxxa korporattiva għall-UE kollha b'konsolidazzjoni transfruntiera tar-riżultati tat-taxxa fost il-membri tal-istess grupp.

Kamp ta' applikazzjoni: b'mod differenti mill-proposta tal-2011, li stipulat sistema fakultattiva għal kulħadd, din il-proposta se tkun obbligatorja għal gruppi ta' kumpaniji lil hinn minn ċertu daqs. Il-kriterju għall-iffissar ta' livell limitu relatat mad-daqs se jirreferi għad-dħul ikkonsolidat totali tal-grupp li jippreżenta dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u li għalih tappartjeni kumpanija. Barra minn hekk, ir-regoli komuni se jkunu disponibbli, bħala għażla, għal firxa usa' ta' gruppi li ma jilħqux il-livell limitu tad-daqs.

Definizzjoni ta' grupp: (mhux mibdula meta mqabbla mal-proposta tal-2011) L-eliġibilità għall-grupp tat-taxxa kkonsolidat se tiġi ddeterminata skont test f'żewġ partijiet ibbażat fuq (i) il-kontroll (iżjed minn 50% tad-drittijiet tal-vot) u (ii) is-sjieda (iżjed minn 75% tal-ekwità) jew id-drittijiet għall-profitti (iżjed minn 75% tad-drittijiet li jagħtu dritt għall-profitt). Iż-żewġ livelli limiti għall-kontroll u s-sjieda jew għad-drittijiet għall-profitt għandhom jiġu ssodisfati matul is-sena tat-taxxa; inkella, il-kumpanija li tkun qed tfalli jkollha titlaq mill-grupp immedjatament. Se jkun hemm ukoll rekwiżit minimu ta' disa' xhur konsekuttivi għall-istabbiliment ta' sħubija fi grupp.

Riorganizzazzjonijiet tan-negozju u t-tassazzjoni tat-telf u tal-qligħ kapitali mhux realizzat: (mhux mibdula meta mqabbla mal-proposta tal-2011) Il-qafas propost jinvolvi prinċipalment it-trattament tat-telf u tal-qligħ kapitali mhux realizzat mas-sħubija fil-grupp u t-tluq minnu.

Meta kumpanija tissieħeb fil-grupp, it-telf mill-innegozjar ta' qabel il-konsolidazzjoni jiġi riportat sabiex jiġi paċut mas-sehem imqassam tal-kontribwent. Meta kumpanija titlaq mill-grupp, ma għandu jiġi allokat lilha l-ebda telf li jkun sar matul il-perjodu ta' konsolidazzjoni. Din il-proposta tippreżenta rfinar tar-regola tal-2011: f'każijiet ta' riorganizzazzjonijiet aktar estensivi li jinvolvu t-tluq ta' aktar minn kumpanija waħda minn grupp li jkun qed jagħmel it-telf, irid jiġi ffissat livell limitu, sabiex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet il-kumpaniji ma jibqgħux jitilqu minn grupp mingħajr telf, iżda minflok ikun hemm allokazzjoni ta' telf fost il-grupp ikkonsolidat.

Hemm regoli li jittrattaw il-qligħ kapitali mhux realizzat li jkun akkumula għall-assi fissi fejn isir disponiment mill-assi f'perjodu ta' żmien qasir wara s-sħubija tagħhom fi grupp jew it-tluq minnu. Stat Membru (fil-każ ta' sħubija fi grupp) jew il-grupp (fil-każ ta' tluq minn grupp) jingħataw id-dritt li jintaxxaw il-qligħ kapitali sottostanti sakemm dan ikun inħoloq fit-territorju tat-tassazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, it-trattament tat-taxxa tal-qligħ kapitali stabbilit sewwa fl-assi intanġibbli ġġenerati mill-grupp innifsu jitlob għal approċċ personalizzat, li jkun jinvolvi l-valutazzjoni tagħhom abbażi ta' indikatur xieraq, jiġifieri l-kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar matul perjodu speċifikat.

Taxxi minn ras il-għajn: (mhux mibdula meta mqabbla mal-proposta tal-2011) Ir-rikavati tat-taxxi minn ras il-għajn imposti fuq il-ħlasijiet tal-imgħax u tar-royalties magħmula mill-kontribwenti se jiġu kondiviżi skont il-formula ta' dik is-sena tat-taxxa. It-taxxi minn ras il-għajn imposti fuq id-dividendi mhux se jiġu kondiviżi minħabba li, kuntrarju għall-imgħax u r-royalties, id-dividendi jitqassmu wara t-taxxa u ma jwasslu għall-ebda tnaqqis preċedenti sostnut mill-kumpaniji kollha tal-grupp.

Prevenzjoni taċ-ċirkomvenzjoni tal-eżenzjonijiet mit-taxxa: (mhux mibdula meta mqabbla mal-proposta tal-2011) L-eżenzjoni mit-taxxa favur id-disponimenti tal-ishma mhux se tkun permessa jekk din tkun estiża b'mod illeġittimu għall-bejgħ ta' assi għajr ishma. Dan iseħħ jekk l-assi jiġu mċaqilqa fi ħdan il-grupp, mingħajr implikazzjonijiet tat-taxxa, lil membru ta' grupp li mbagħad jinbiegħ barra mill-grupp. Imbagħad l-assi jibbenifikaw, taħt il-kopertura ta' bejgħ ta' kumpanija, mill-eżenzjoni tat-taxxa li hija pprovduta għad-disponimenti tal-ishma. Trattament simili huwa pprovdut għat-trasferimenti intragrupp ta' assi li mbagħad jinbiegħu barra mill-grupp matul is-sena tat-taxxa attwali jew segwenti. F'dan il-każ, isir aġġustament sabiex l-assi jiġi ttrattat daqslikieku ħalla l-grupp mill-Istat Membru fejn inizjalment kien jinsab, jiġifieri qabel it-trasferiment intragrupp.

Formula tat-tqassim: (mhux mibdula meta mqabbla mal-proposta tal-2011) Dan jinkludi tliet fatturi mogħtija l-istess piż (jiġifieri x-xogħol, l-assi u l-bejgħ skont id-destinazzjoni). Din il-kombinazzjoni tirrifletti approċċ bilanċjat għat-tqassim tal-profitti taxxabbli fost l-Istati Membri eliġibbli. Il-fattur tax-xogħol se jinqasam f'pagi u l-għadd ta' impjegati (jiġifieri kull element jgħodd in-nofs) sabiex jitqiesu d-differenzi fil-livelli ta' pagi madwar l-Unjoni u b'hekk jippermetti tqassim aktar ġust. Il-fattur tal-assi se jikkonsisti fl-assi tanġibbli fissi kollha. L-assi intanġibbli u finanzjarji se jiġu esklużi mill-formula minħabba n-natura mobbli tagħhom u r-riskji ta' ċirkumvenzjoni tas-sistema. Dawn il-fatturi u l-piżijiet għandhom jassiguraw li l-profitti jiġu intaxxati fil-post fejn effettivament jinkisbu. B'eċċezzjoni, fejn l-eżitu tat-tqassim ma jirrappreżentax b'mod ġust il-firxa tal-attività tan-negozju, klawżola ta' salvagwardja tipprevedi metodu alternattiv ta' allokazzjoni tal-introjtu.

Billi l-iskema ġenerali tal-formula tat-tqassim ma tistax tindirizza l-ispeċifiċitajiet ta' ċerti industriji, se jkun hemm regoli dwar il-formuli aġġustati, sabiex dawn ikunu adatti aħjar għall-ħtiġijiet ta' setturi bħas-servizzi finanzjarji u l-assigurazzjoni, iż-żejt u l-gass, kif ukoll it-tbaħħir u t-trasport bl-ajru.

Proċeduri amministrattivi: b'mod differenti mill-proposta tal-2011, ir-regoli amministrattivi komuni huma limitati għall-grupp ikkonsolidat. Bħala materja ta' prinċipju, il-kontribwenti waħdanin, li jagħżlu li japplikaw ir-regoli skont "l-ewwel pass", ikomplu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħhom.

Il-gruppi jittrattaw ma' amministrazzjoni tat-taxxa waħda ("awtorità tat-taxxa ewlenija") fl-UE; din issir referenza għaliha wkoll bħala "one-stop-shop". Għall-finijiet ta' taxxa, din se tkun ibbażata fl-Istat Membru fejn hija residenti l-kumpanija omm tal-grupp ("kontribwent prinċipali"). Il-verifiki se jinbdew u jiġu kkoordinati mill-awtorità tat-taxxa ewlenija. L-awtoritajiet nazzjonali ta' kwalunkwe Stat Membru li fih il-profitti ta' membru ta' grupp huma soġġetti għat-taxxa jistgħu jitolbu li tinbeda verifika.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti jew stabbilit membru tal-grupp tista' tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-awtorità tat-taxxa ewlenija dwar in-notifika li hemm grupp jew valutazzjoni emendata. Għal dan il-għan, se titressaq azzjoni quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija. It-tilwimiet bejn il-kontribwenti u l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jiġu ttrattati minn korp amministrattiv li jkun kompetenti biex jisma' l-appelli fl-ewwel istanza skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija.

2016/0336 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagћat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 5 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Il-kumpaniji li jfittxu li jagħmlu negozju bejn il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni jiltaqgħu ma' ostakoli serji u tfixkil tas-suq minħabba l-eżistenza u l-interazzjoni ta' 28 sistema differenti tat-taxxa korporattiva. Barra minn hekk, l-istrutturi tal-ippjanar tat-taxxa saru dejjem aktar sofistikati maż-żmien, hekk kif dawn jiżviluppaw f'diversi ġurisdizzjonijiet u effettivament jieħdu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta' sistema tat-taxxa jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi tat-taxxa jew aktar għall-iskop li titnaqqas l-obbligazzjoni ta' taxxa tal-kumpaniji. Għalkemm dawk is-sitwazzjonijiet jenfasizzaw nuqqasijiet li huma kompletament differenti fin-natura tagħhom, it-tnejn li huma joħolqu ostakoli li jfixklu l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Għalhekk, kwalunkwe azzjoni meħuda biex tikkoreġi dawn il-problemi għandha tindirizza dawn iż-żewġ tipi ta' nuqqasijiet tas-suq.

(2)Sabiex jiġi appoġġat il-funzjonament xieraq tas-suq intern, l-ambjent tat-taxxa korporattiva fl-Unjoni għandu jissawwar f'konformità mal-prinċipju li l-kumpaniji jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta' taxxa fil-ġurisdizzjonijiet fejn jiġu ġġenerati l-profitti tagħhom. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu previsti mekkaniżmi li jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jieħdu vantaġġ mid-diskrepanzi fost is-sistemi tat-taxxa nazzjonali sabiex ibaxxu l-obbligazzjoni tat-taxxa tagħhom. Huwa daqstant ieħor importanti li jiġu stimolati wkoll it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku fis-suq intern permezz tal-iffaċilitar tal-kummerċ transfruntier u tal-investiment korporattiv. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu eliminati r-riskji kemm tat-tassazzjoni doppja kif ukoll tan-nontassazzjoni doppja fl-Unjoni permezz tal-eradikazzjoni tad-differenzi fl-interazzjoni tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa korporattiva. Fl-istess ħin, il-kumpaniji jeħtieġu qafas ġuridiku u tat-taxxa faċilment operabbli biex ikunu jistgħu jiżviluppaw l-attività kummerċjali tagħhom u jespanduha tul il-fruntieri fl-Unjoni. F'dak il-kuntest, għandhom jitneħħew ukoll il-każijiet ta' diskriminazzjoni li jifdal.

(3)Kif ġie rrimarkat fil-proposta tas-16 ta' Marzu 2011 għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) 7 , sistema tat-taxxa korporattiva li tittratta lill-Unjoni bħala suq uniku għall-fini ta' komputazzjoni tal-bażi għat-taxxa korporattiva tal-kumpaniji tiffaċilita l-attività transfruntiera għall-kumpaniji residenti fl-Unjoni u tippromwovi l-għan li din issir post aktar kompetittiv għall-investiment fuq livell internazzjonali. Il-proposta tal-2011 għal BKKTK iffokata fuq l-għan li tiġi ffaċilitata l-espansjoni tal-attività kummerċjali għan-negozji fi ħdan l-Unjoni. Minbarra dak l-għan, għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni wkoll li BKKTK tista' tkun effettiva ħafna sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-ġlieda kontra l-iskemi ta' evitar tat-taxxa. F'dan id-dawl, għandha tiġi mnedija mill-ġdid l-inizjattiva għal BKKTK sabiex tindirizza, fuq bażi ugwali, kemm l-aspett tal-iffaċilitar tan-negozju, kif ukoll il-funzjoni tal-inizjattiva fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa. Approċċ bħal dan iservi l-aħjar l-għan tal-eradikazzjoni tad-distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq intern.

(4)Meta wieħed iqis il-ħtieġa li tittieħed azzjoni malajr sabiex jiġi żgurat funzjonament xieraq tas-suq intern billi dan isir, minn naħa waħda, aktar favorevoli għall-kummerċ u għall-investiment u, min-naħa l-oħra, aktar reżiljenti għall-iskemi ta' evitar tat-taxxa, jeħtieġ li l-inizjattiva ambizzjuża ta' BKKTK tinqasam f'żewġ proposti separati. Fl-ewwel stadju, għandhom jiġu maqbula regoli dwar bażi komuni għat-taxxa korporattiva, qabel ma tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-konsolidazzjoni fit-tieni stadju.

(5)Ħafna strutturi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa għandhom it-tendenza li jkunu inklużi f'kuntest transfruntier, li jimplika li l-gruppi ta' kumpaniji parteċipanti għandhom minimu ta' riżorsi. Fuq din il-premessa, għal raġunijiet ta' proporzjonalità, ir-regoli dwar BKKTK għandhom ikunu obbligatorji biss għall-gruppi ta' kumpaniji ta' daqs sostanzjali. Għal dak il-għan, għandu jiġi ffissat livell limitu relatat mad-daqs fuq il-bażi tad-dħul ikkonsolidat totali ta' grupp li jippreżenta dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati. Barra minn hekk, sabiex iservu aħjar l-għan li jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment fis-suq intern, ir-regoli dwar BKKTK għandhom ikunu disponibbli wkoll, bħala għażla, għal dawk il-gruppi li ma jilħqux il-livell limitu relatat mad-daqs.

(6)L-eliġibbiltà għall-grupp tat-taxxa kkonsolidat għandha tiġi ddeterminata skont test f'żewġ partijiet ibbażat fuq (i) il-kontroll (iżjed minn 50% tad-drittijiet tal-vot) u (ii) is-sjieda (iżjed minn 75% tal-ekwità) jew id-drittijiet għall-profitti (iżjed minn 75% tad-drittijiet li jagħtu dritt għall-profitt). Test bħal dan jiżgura livell għoli ta' integrazzjoni ekonomika bejn il-membri tal-grupp. Sabiex tiġi garantita l-integrità tas-sistema, iż-żewġ livelli limiti għall-kontroll u s-sjieda jew id-drittijiet għall-profitt għandhom jintlaħqu matul is-sena tat-taxxa; inkella, il-kumpanija li tkun qed tfalli jkollha titlaq mill-grupp immedjatament. Sabiex jiġi evitat li r-riżultati tat-taxxa jiġu mmanipulati mill-kumpaniji li jissieħbu fil-grupp u li jitilqu minnu f'perjodu ta' żmien qasir, għandu jkun hemm ukoll rekwiżit minimu ta' disa' xhur konsekuttivi għall-istabbiliment ta' sħubija fi grupp.

(7)Ir-regoli dwar ir-riorganizzazzjonijiet tan-negozju għandhom jiżguraw li l-effett ta' dawn ir-riorganizzazzjonijiet fuq id-drittijiet tat-taxxa eżistenti tal-Istati Membri jinżamm għal minimu. Għalhekk, kull darba li kumpanija tissieħeb fi grupp, l-Istati Membri fejn jinsabu jew huma residenti membri oħrajn tal-grupp għal finijiet ta' taxxa ma għandhomx iġarrbu l-kost addizzjonali tat-telf li tkun għamlet il-kumpanija skont ir-regoli ta' sistema oħra tat-taxxa korporattiva applikabbli għal dik il-kumpanija qabel ir-regoli ta' din id-Direttiva. B'hekk, it-telf mill-innegozjar ta' qabel il-konsolidazzjoni ta' kumpanija li tissieħeb fi grupp għandu jiġi riportat sabiex jiġi paċut mas-sehem imqassam tal-kumpanija. Għaldaqstant, it-telf imġarrab minn membru ta' grupp matul il-perjodu ta' konsolidazzjoni ma għandux jiġi allokat esklussivament lil dak il-membru ta' grupp, iżda minflok għandu jiġi kondiviż b'mod kollettiv mal-grupp kollu. Fil-każ ta' riorganizzazzjonijiet aktar estensivi, fejn ikun hemm aktar minn kumpanija waħda li titlaq minn grupp li jkun qed jagħmel it-telf, ikun essenzjali li jiġi ffissat livell limitu, sabiex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet il-kumpaniji ma għandhomx jibqgħu jitilqu minn grupp li jkun qed jagħmel it-telf mingħajr ma jiġu allokati kwalunkwe telf li jrid jiġi riportat. Aġġustament simili għandu jsir fir-rigward tal-qligħ kapitali li jirriżulta mid-disponiment ta' ċerti assi f'perjodu ta' żmien qasir wara li dawk l-assi jkunu ssieħbu fi grupp jew telqu minnu flimkien ma' kumpanija li tissieħeb fil-grupp jew titlaq minnu. F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri fejn kien akkumulat dan il-qligħ għandhom jingħataw id-dritt li jimponu taxxi fuqu, minkejja l-fatt li jista' jkun li l-assi ma jibqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tat-tassazzjoni tagħhom. It-trattament tat-taxxa tal-qligħ kapitali stabbilit sewwa fl-assi intanġibbli ġġenerati mill-grupp innifsu jitlob għal approċċ strutturat apposta, minħabba li dawn l-assi ta' spiss ma jiġux irreġistrati fuq il-kontijiet finanzjarji ta' kumpanija u minħabba li ma jidhirx li hemm mod kif jiġi kkalkolat b'mod preċiż il-valur tagħhom. Għalhekk, il-qligħ kapitali akkumulat għandu jiġi vvalutat fuq il-bażi ta' indikatur xieraq, jiġifieri l-kostijiet għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar fuq perjodu speċifiku.

(8)Id-dħul mit-taxxi minn ras il-għajn fuq il-ħlasijiet tal-imgħax u tar-royalties għandu jiġi kondiviż skont il-formula għat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata tas-sena tat-taxxa li fiha tkun dovuta t-taxxa minn ras il-għajn, sabiex jikkumpensa għall-fatt li l-ħlasijiet tal-imgħax u tar-royalties preċedentement kienu jwasslu għal tnaqqis u l-benefiċċju kien ikun kondiviż mill-grupp. Madankollu, id-dħul mit-taxxi minn ras il-għajn fuq id-dividendi ma għandux jiġi kondiviż. Kuntrarju għall-ħlasijiet tal-imgħax u tar-royalties, id-dividendi jiġu distribwiti minn profitti li diġà kienu soġġetti għal tassazzjoni korporattiva u, għalhekk, distribuzzjoni ta' dividend ma tinvolvi ebda benefiċċju għall-membri tal-grupp li jikkonsisti fi tnaqqis tal-ispejjeż tan-negozju.

(9)Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa tal-qligħ mid-disponimenti tal-ishma, dan it-trattament ta' eżenzjoni mit-taxxa ma għandux ikun permess fejn ikun estiż b'mod illeġittimu għall-bejgħ ta' assi għajr ishma. Din is-sitwazzjoni sseħħ jekk l-assi jiġu mċaqilqa permezz ta' tranżazzjonijiet intragrupp, mingħajr implikazzjonijiet tat-taxxa, lil membru tal-grupp bil-pjan li, sussegwentement, ibiegħ l-ishma f'dak il-membru tal-grupp u jinkludi l-assi f'dak il-bejgħ. F'każ bħal dan, l-assi jibbenifikaw b'mod effettiv, taħt il-kopertura ta' bejgħ tal-ishma, mill-eżenzjoni tat-taxxa li tapplika għad-disponimenti tal-ishma. Għaldaqstant, se jkun meħtieġ ukoll li jiġu akkomodati t-trasferimenti intragrupp tal-assi li mbagħad jinbiegħu barra mill-grupp f'perjodu ta' żmien sa sentejn. Jiġifieri, għandu jsir aġġustament sabiex assi jiġi ttrattat daqslikieku ħalla l-grupp mill-Istat Membru fejn kien jinsab inizjalment, jiġifieri qabel it-trasferiment intragrupp u, b'dan il-mod, jiskoraġġixxi t-trasferiment intragrupp artifiċjali tal-assi (għajr ishma) lejn l-Istati Membri b'sistemi tat-taxxa ta' benefiċċju għall-qligħ kapitali mid-disponimenti tal-assi.

(10)Il-formula għat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinkludi tliet fatturi mogħtija l-istess piż, jiġifieri x-xogħol, l-assi u l-bejgħ, skont id-destinazzjoni. Dawk il-fatturi mogħtija l-istess piż għandhom jirriflettu approċċ bilanċjat għad-distribuzzjoni tal-profitti taxxabbli fost l-Istati Membri rilevanti u għandhom jiżguraw li l-profitti jiġu intaxxati fejn ikunu effettivament iggwadanjati. Għalhekk, il-fatturi tax-xogħol u l-assi għandhom jiġu allokati lill-Istat Membru fejn isir ix-xogħol jew fejn jinsabu l-assi, u b'hekk jagħtu piż xieraq lill-interessi tal-Istat Membru tal-oriġini, filwaqt li l-fattur tal-bejgħ għandu jiġi allokat lill-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi. Sabiex jitqiesu d-differenzi fil-livelli tal-pagi madwar l-Unjoni u, b'hekk, tkun permessa distribuzzjoni ġusta tal-bażi għat-taxxa konsolidata, il-fattur tax-xogħol għandu jinkludi kemm il-pagi kif ukoll l-għadd ta' impjegati (jiġifieri kull element jgħodd in-nofs). Min-naħa l-oħra, il-fattur tal-assi għandu jinkludi l-assi tanġibbli fissi kollha, iżda mhux l-assi intanġibbli u finanzjarji, minħabba n-natura mobbli tagħhom u r-riskju li jirriżulta li r-regoli ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu ċirkumvenzjonati. Meta, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, l-eżitu tat-tqassim ma jkunx jirrappreżenta b'mod ġust il-firxa ta' attività ta' negozju, klawżola ta' salvagwardja għandha tipprevedi metodu alternattiv għall-allokazzjoni tal-introjtu.

(11)Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, ċerti setturi bħas-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni, is-settur taż-żejt u tal-gass, kif ukoll is-settur tat-tbaħħir u tat-trasport bl-ajru, jeħtieġu formula aġġustata għat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata.

(12)Sabiex isir l-aħjar użu mill-benefiċċji ta' sett wieħed ta' regoli dwar it-taxxa korporattiva madwar l-UE għad-determinazzjoni tal-bażi għat-taxxa konsolidata tal-gruppi, il-gruppi għandhom ikunu jistgħu jittrattaw ma' amministrazzjoni tat-taxxa waħda ("awtorità tat-taxxa ewlenija"). Fil-prinċipju, dik l-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha tkun ibbażata fl-Istat Membru fejn tkun residenti l-kumpanija omm tal-grupp għal finijiet ta' taxxa ("kontribwent prinċipali"). F'dan il-kuntest, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli proċedurali komuni għall-amministrazzjoni tas-sistema.

(13)Fil-prinċipju, il-verifiki għandhom jinbdew u jiġu kkoordinati mill-awtorità tat-taxxa ewlenija, iżda minħabba li l-ewwel stadju li jikkonsisti fil-kalkolu tal-bażi għat-taxxa, jitwettaq lokalment, l-awtoritajiet nazzjonali ta' kwalunkwe Stat Membru li fih il-profitti ta' membru tal-grupp ikunu soġġetti għat-taxxa għandhom ikunu jistgħu wkoll jitolbu li tinbeda verifika. Għaldaqstant, sabiex tipproteġi l-bażi għat-taxxa nazzjonali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih membru tal-grupp huwa residenti għal finijiet ta' taxxa jew stabbilit fil-forma ta' stabbiliment permanenti għandha tkun tista' tikkontesta quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija deċiżjoni ta' dik l-awtorità tat-taxxa dwar l-avviż biex jinħoloq grupp jew deċiżjoni dwar valutazzjoni tat-taxxa emendata. It-tilwimiet bejn il-kontribwenti u l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jiġu indirizzati minn korp amministrattiv fl-ewwel istanza, sabiex jitnaqqas l-għadd ta' każijiet li jidħlu fil-qrati. Dak il-korp għandu jkun strutturat u jopera skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija u jkun kompetenti sabiex jisma' l-appelli fl-ewwel istanza.

(14)Din id-Direttiva tibni fuq id-Direttiva tal-Kunsill 2016/xx/UE dwar bażi komuni għat-taxxa korporattiva (li tistabbilixxi sett komuni ta' regoli dwar it-taxxa korporattiva għall-komputazzjoni tal-bażi għat-taxxa) u tiffoka fuq il-konsolidazzjoni tar-riżultati tat-taxxa fost il-grupp. B'hekk, se jkun meħtieġ li tiġi ttrattata l-interazzjoni bejn iż-żewġ strumenti leġiżlattivi u li tiġi akkomodata t-tranżizzjoni ta' ċerti elementi tal-bażi għat-taxxa fil-qafas il-ġdid tal-grupp. Dawn l-elementi għandhom jinkludu, b'mod partikolari, ir-regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax, il-klawżola ta' bdil u l-leġiżlazzjoni dwar kumpanija kkontrollata minn barra l-pajjiż, kif ukoll id-diskrepanzi ibridi.

(15)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 . Kwalunkwe pproċessar tad-dejta personali mwettaq fil-qafas ta' din id-Direttiva għandu jikkonforma wkoll mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE 9 , li se tiġi sostitwita mir-Regolament (UE) 2016/679 10 , u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 11 .

(16)Sabiex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' (i) il-kunsiderazzjoni tal-bidliet fil-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-forom tal-kumpaniji u t-taxxi korporattivi u l-emendar tal-Annessi I u II kif xieraq; (ii) l-istipular ta' definizzjonijiet addizzjonali; u (iii) is-supplimentar tar-regola dwar il-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-imgħax b'regoli kontra l-frammentazzjoni, sabiex jiġu indirizzati aħjar ir-riskji tal-evitar tat-taxxa li jistgħu jirriżultaw fi ħdan grupp. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura li jkun hemm trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(17)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni (i) sabiex tadotta kull sena lista ta' forom ta' kumpaniji ta' pajjiżi terzi li huma simili għall-forom ta' kumpaniji elenkati fl-Anness I; (ii) tistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-kalkolazzjoni tal-fatturi tax-xogħol, tal-assi u tal-bejgħ, l-allokazzjoni tal-impjegati u l-pagi, l-assi u l-bejgħ lill-fattur rispettiv u l-valwazzjoni tal-assi; (iii) tadotta att li jistabbilixxi forma standard tal-avviż sabiex jinħoloq grupp; u (iv) biex tistabbilixxi regoli dwar is-sottomissjoni elettronika tad-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata, il-forma tad-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata, il-forma tad-dikjarazzjoni tat-taxxa ta' kontribwent waħdieni u d-dokumentazzjoni ta' sostenn meħtieġa. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 .

(18)Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-ġlieda kontra prattiki ta' evitar tat-taxxa internazzjonali u li jiġu ffaċilitati n-negozji fl-espansjoni tul il-fruntieri fi ħdan l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment u b'mod diverġenti minħabba li hija meħtieġa azzjoni kkoordinata sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, iżda jistgħu minflok, minħabba l-fatt li d-Direttiva timmira għall-ineffiċjenzi tas-suq intern li joriġinaw fl-interazzjoni bejn ir-regoli tat-taxxa nazzjonali differenti li jħallu impatt fuq is-suq intern u jiskoraġġixxu l-attività transfruntiera, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, speċjalment meta wieħed iqis li l-kamp ta' applikazzjoni obbligatorju tagħha huwa limitat għal gruppi lil hinn minn ċertu daqs.

(19)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni 13 , l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata.

(20)Il-Kummissjoni għandha tkun obbligata li tirrevedi l-applikazzjoni tad-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwar it-tħaddim tagħha. L-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI
U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1
Suġġett

1.    Din id-Direttiva tistabbilixxi sistema għall-konsolidazzjoni tal-bażijiet għat-taxxa, kif imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 2016/xx/UE, 14 ta' kumpaniji li huma membri ta' grupp u tistabbilixxi regoli dwar kif bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva għandha tiġi allokata lill-Istati Membri u amministrata mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.

2.    Kumpanija li tapplika r-regoli tad-Direttiva ma tibqax soġġetta għal-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha rregolati minn din id-Direttiva, sakemm ma jkunx dikjarat mod ieħor.

Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni

1.Ir-regoli ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal kumpanija li hija stabbilita skont il-liġijiet ta' Stat Membru, inklużi l-istabbilimenti permanenti tagħha fi Stati Membri oħrajn, fejn il-kumpanija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)tieħu waħda mill-forom ta' kumpaniji elenkati fl-Anness I;

(b)tkun soġġetta għal waħda mit-taxxi korporattivi elenkati fl-Anness II jew għal taxxa simili li tiddaħħal wara;

(c)tkun tagħmel parti minn grupp ikkonsolidat għall-finijiet ta' kontabilità finanzjarja bi dħul totali tal-grupp ikkonsolidat ta' aktar minn EUR 750 000 000 matul is-sena finanzjarja ta' qabel is-sena finanzjarja rilevanti;

(d)tikkwalifika bħala kumpanija omm jew kumpanija sussidjarja li tikkwalifika kif imsemmija fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva u/jew ikollha stabbiliment permanenti wieħed jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2016/xx/UE.

2.Id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal kumpanija li tkun stabbilita skont il-liġijiet ta' pajjiż terz fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti tagħha li jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar fejn il-kumpanija tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (b) sa (d) tal-paragrafu 1.

Fir-rigward ta' jekk kumpanija tissodisfax il-kundizzjoni tal-punt (a) fil-paragrafu 1, għandu jkun biżżejjed li l-kumpanija f'pajjiż terz ikollha forma simili għal waħda mill-forom ta' kumpaniji fl-Anness I. Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta kull sena lista ta' forom ta' kumpaniji ta' pajjiżi terzi li huma simili għall-forom ta' kumpaniji elenkati fl-Anness I. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 77(2). Il-fatt li forma ta' kumpanija ta' pajjiż terz mhijiex inkluża f'dik il-lista ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal dik il-forma.

3.Kumpanija li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punti (a), (b) u (d) tal-paragrafu 1, iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-punt (c) ta' dak il-paragrafu, tista' tagħżel, inkluż għall-istabbilimenti permanenti tagħha li jinsabu fi Stati Membri oħrajn, li tapplika r-regoli ta' din id-Direttiva għal perjodu ta' ħames snin tat-taxxa. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż awtomatikament għal termini suċċessivi ta' ħames snin tat-taxxa, sakemm ma jkunx hemm avviż ta' terminazzjoni kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47. Il-kundizzjonijiet taħt il-punti (a), (b) u (d) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu ssodisfati kull darba li sseħħ l-estensjoni.

4.Ir-regoli ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal kumpanija tat-tbaħħir taħt sistema tat-taxxa speċjali. Kumpanija tat-tbaħħir taħt sistema tat-taxxa speċjali għandha tittieħed f'kunsiderazzjoni għall-fini tad-determinazzjoni tal-kumpaniji li huma membri tal-istess grupp kif imsemmi fl-Artikoli 5 u 6.

5.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 75 sabiex temenda l-Annessi I u II bil-għan li jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-bidliet fil-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-forom ta' kumpaniji u t-taxxi korporattivi.

Artikolu 3
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)"kontribwent" kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(2)"kontribwent waħdieni" tfisser kumpanija li mhijiex soġġetta għar-regoli ta' din id-Direttiva iżda li tkun għażlet li tapplika d-Direttiva 2016/xx/UE;

(3)"mhux kontribwent" kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(4)"kontribwent residenti" kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(5)"kontribwent mhux residenti" kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(6)"dħul" kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(7)"spejjeż" kif definiti fil-punt (6) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(8)"sena tat-taxxa" kif definita fil-punt (7) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(9)"profitt" kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(10)"telf" kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(11)"kontribwent prinċipali" tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)kontribwent residenti li jifforma grupp mas-sussidjarji li jikkwalifikaw tiegħu, ma' wieħed jew aktar mill-istabbilimenti permanenti tiegħu li jinsabu fi Stat Membru ieħor jew Stati Membri oħrajn jew ma' stabbiliment permanenti wieħed jew aktar ta' sussidjarja li tikkwalifika li hija residenti f'pajjiż terz;

(b)kontribwent residenti nnominat mill-grupp li jkun magħmul biss minn żewġ kontribwenti residenti jew aktar li jkunu sussidjarji kwalifikanti immedjati tal-istess kumpanija omm residenti f'pajjiż terz;

(c)kontribwent residenti li jkun is-sussidjarju li jikkwalifika ta' kumpanija omm residenti f'pajjiż terz, fejn dak il-kontribwent residenti jkun jifforma grupp ma' stabbiliment permanenti wieħed jew aktar biss tal-kumpanija omm tiegħu;

(d)stabbiliment permanenti nnominat minn kontribwent mhux residenti li jifforma grupp mal-istabbilimenti permanenti tiegħu biss li jinsabu f'żewġ Stati Membri jew aktar;

(12)"grupp konsolidat għall-finijiet ta' kontabilità finanzjarja" kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(13)"riċerka u żvilupp" kif definiti fil-punt (11) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(14)"kostijiet tas-self" kif definiti fil-punt (12) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(15)"kostijiet tas-self eċċedenti" kif definiti fil-punt (13) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(16)"valur għal finijiet ta' taxxa" kif definit fil-punt (17) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(17)"valur tas-suq" kif definit fil-punt (18) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(18)"assi fissi" kif definiti fil-punt (19) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(19)"assi finanzjarji" kif definiti fil-punt (20) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(20)"sid ekonomiku" kif definit fil-punt (28) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(21)"impriża finanzjarja" kif definita fil-punt (29) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(22)"membru tal-grupp" tfisser kwalunkwe kontribwent li jappartjeni għall-istess grupp, kif imsemmi fl-Artikoli 5 u 6. Meta kontribwent ikollu preżenza taxxabbli fi Stat Membru wieħed jew aktar għajr dak li fih huwa residenti għal finijiet ta' taxxa, kull preżenza taxxabbli għandha tiġi ttrattata bħala membru tal-grupp;

(23)"bażi għat-taxxa konsolidata" tfisser ir-riżultat tal-għadd tal-bażijiet għat-taxxa tal-membri kollha tal-grupp, kif ikkalkolati skont id-Direttiva 2016/xx/UE;

(24)"tranżazzjoni intragrupp" tfisser kwalunkwe tranżazzjoni bejn il-partijiet li huma membri tal-istess grupp fil-ħin li titwettaq it-tranżazzjoni u li d-dħul u l-ispejjeż assoċjati ta' dik it-tranżazzjoni jonqsu milli jiġu rikonoxxuti;

(25)"sehem imqassam" tfisser il-proporzjon tal-bażi għat-taxxa konsolidata ta' grupp li jiġi allokat lil membru tal-grupp skont il-Kapitolu VIII;

(26)"awtorità kompetenti" tfisser l-awtorità nnominata minn kull Stat Membru biex tamministra l-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

(27)"awtorità tat-taxxa ewlenija" tfisser l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti l-kontribwent prinċipali għal finijiet ta' taxxa jew, jekk ikun stabbiliment permanenti ta' kontribwent mhux residenti, l-Istat Membru fejn ikun jinsab dak l-istabbiliment permanenti;

(28)"liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva " kif definita fil-punt (32) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE.

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 75 sabiex jiġu stabbiliti definizzjonijiet ta' aktar kunċetti.

KAPITOLU II

REGOLI DWAR IR-RESIDENZA U T-TERRITORJALITÀ

Artikolu 4
Residenza tat-taxxa

1.Kumpanija li jkollha l-uffiċċju rreġistrat, il-post tal-inkorporazzjoni jew il-post tal-ġestjoni effettiva tagħha fi Stat Membru u , skont it-termini ta' ftehim konklużi minn dak l-Istat Membru ma' pajjiż terz, ma tkunx meqjusa bħala residenti tat-taxxa f'dak il-pajjiż terz, għandha titqies bħala residenti f'dak l-Istat Membru għall-finijiet ta' taxxa.

2.Kumpanija li tkun residenti f'iżjed minn Stat Membru wieħed għall-finijiet ta' taxxa għandha titqies bħala residenti fl-Istat Membru li fih ikollha l-post tal-ġestjoni effettiva tagħha.

3.Meta l-post tal-ġestjoni effettiva ta' membru ta' grupp involut fit-tbaħħir jew fit-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni jkun abbord vapur jew dgħajsa, il-membru tal-grupp għandu jitqies li huwa residenti għall-finijiet ta' taxxa fl-Istat Membru tal-port domestiku tal-vapur jew tad-dgħajsa, jew jekk ma jkunx hemm dan il-port domestiku, fl-Istat Membru ta' residenza, għall-finijiet ta' taxxa, tal-operatur tal-vapur jew tad-dgħajsa.

4.Għall-finijiet ta' taxxa, kontribwent residenti għandu jkun soġġett għal taxxa korporattiva fuq l-introjtu kollu li jiġi minn kwalunkwe sors, kemm jekk ġewwa jew inkella barra l-Istat Membru fejn huwa residenti.

5.Kontribwent mhux residenti għandu jkun soġġett għal taxxa korporattiva fuq l-introjtu kollu minn attività mwettqa permezz ta' stabbiliment permanenti fi Stat Membru.

KAPITOLU III

KONSOLIDAZZJONI

Artikolu 5
Kumpanija omm u sussidjarji kwalifikanti

1.Kumpanija sussidjarja li tikkwalifika tfisser kull kumpanija sussidjarja immedjata u ta' livell aktar baxx fejn il-kumpanija omm ikollha d-drittijiet li ġejjin:

(a)ikollha dritt li terżerċita iżjed minn 50 % tad-drittijiet tal-vot; u

(b)ikollha dritt ta' sjieda li jammonta għal iżjed minn 75 % tal-kapital tal-kumpanija sussidjarja jew tkun tippossjedi iżjed minn 75 % tad-drittijiet li jagħtu dritt għall-profitt.

2.Sabiex jiġu kkalkolati l-livelli limiti msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward ta' kumpaniji sussidjarji ta' livell aktar baxx, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)ladarba jintlaħaq il-livell limitu tad-drittijiet tal-vot fir-rigward ta' kumpanija sussidjarja, il-kumpanija omm għandha titqies li għandha 100 % ta' dawk id-drittijiet;

(b)id-dritt għall-profitt u s-sjieda tal-kapital għandhom jiġu kkalkolati billi jiġu mmultiplikati l-interessi miżmuma, direttament u indirettament, fil-kumpaniji sussidjarji f'kull livell. Id-drittijiet tas-sjieda li jammontaw għal 75 % jew inqas miżmuma direttament jew indirettament mill-kumpanija omm, inklużi d-drittijiet f'kumpaniji residenti f'pajjiż terz, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-kalkolazzjoni.

Artikolu 6
Gruppi

1.Kontribwent residenti għandu jifforma grupp ma':

(a)l-istabbilimenti permanenti kollha tiegħu li jinsabu fi Stat Membru;

(b)l-istabbilimenti permanenti kollha li jinsabu fi Stat Membru u li jappartjenu lis-sussidjarji kwalifikanti tiegħu li huma residenti f'pajjiż terz għall-finijiet ta' taxxa;

(c)is-sussidjarji kwalifikanti kollha tiegħu li huma residenti fi Stat Membru għalfinijiet ta' taxxa, inklużi l-istabbilimenti permanenti ta' dawk is-sussidjarji fejn jinsabu dawn l-istabbilimenti permanenti fi Stat Membru;

(d)kontribwenti residenti oħrajn, inklużi l-istabbilimenti permanenti tagħhom li jinsabu fi Stat Membru, fejn dawk il-kontribwenti residenti kollha huma sussidjarji kwalifikanti ta' individwu mhux kontribwenti li huwa residenti f'pajjiż terz għal finijiet ta' taxxa, għandu forma simili għal waħda mill-forom ta' kumpaniji msemmija fl-Anness I u jissodisfa l-kundizzjoni speċifikata fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1).

2.Kontribwent mhux residenti għandu jifforma grupp fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti kollha tiegħu li jinsabu f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri u mas-sussidjarji kwalifikanti kollha tiegħu li huma residenti fi Stat Membru għal finijiet ta' taxxa, inklużi l-istabbilimenti permanenti ta' dawk is-sussidjarji, meta dawn l-istabbilimenti permanenti jkunu jinsabu wkoll f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri.

3.    Kumpanija f'insolvenza jew likwidazzjoni ma tistax issir membru ta' grupp. Kontribwent li fir-rigward tiegħu ssir dikjarazzjoni ta' insolvenza jew li jiġi likwidat għandu jitlaq mill-grupp immedjatament.

Artikolu 7
Effett tal-konsolidazzjoni

1.Il-bażijiet għat-taxxa tal-membri kollha ta' grupp għandhom jiżdiedu flimkien f'bażi għat-axxa konsolidata.

2.Meta l-bażi għat-taxxa konsolidata tkun negattiva, it-telf għandu jiġi riportat u jiġi paċut kontra l-bażi għat-taxxa konsolidata pożittiva li jmiss. Meta l-bażi għat-taxxa konsolidata tkun pożittiva, din għandha tinqasam f'konformità mal-Kapitolu VIII.

Artikolu 8
Twaqqit

1.Matul is-sena tat-taxxa kontribwent li huwa membru tal-grupp għandu jissodisfa l-livelli limiti msemmija fl-Artikolu 5 mingħajr interruzzjoni.

2.Kontribwent għandu jsir membru ta' grupp fid-data li fiha jintlaħqu l-livelli limiti tal-Artikolu 5. Il-livelli limiti jridu jintlaħqu għal mill-inqas disa' xhur konsekuttivi u, jekk dan ma jseħħx, il-kontribwent għandu jiġi ttrattat daqslikieku qatt ma kien membru tal-grupp.

3.Kontribwent ma jibqax membru tal-grupp l-għada li ma jibqax jissodisfa l-livelli limiti tal-Artikolu 5.

Artikolu 9
Eliminazzjoni tat-tranżazzjonijiet intragrupp

1.Bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fis-subparagrafu 2 tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 43, il-profitti u t-telf li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet intragrupp għandhom jiġu injorati meta tiġi kkalkolata l-bażi għat-taxxa konsolidata.

2.Il-gruppi għandhom japplikaw metodu konsistenti u ddokumentat b'mod adegwat sabiex jirreġistraw it-tranżazzjonijiet intragrupp. Il-gruppi jistgħu jbiddlu l-metodu biss għal raġunijiet kummerċjali validi u fil-bidu ta' sena tat-taxxa.

3.Il-metodu sabiex jiġu rreġistrati t-tranżazzjonijiet intragrupp għandu jagħmilha possibbli li l-bejgħ u t-trasferimenti intragrupp kollha jiġu identifikati fl-aktar kost baxx għall-assi mhux soġġetti għal deprezzament jew il-valur għall-finijiet ta' taxxa għall-assi deprezzabbli.

4.It-trasferimenti intragrupp ma għandhomx ibiddlu l-istatus tal-assi intanġibbli ġġenerati mill-grupp innifsu.

Artikolu 10
Taxxi minn ras il-għajn u tassazzjoni oħra fis-sors

Ma għandhomx jiġu imposti taxxi minn ras il-għajn jew tassazzjoni oħra fis-sors fuq it-tranżazzjonijiet intragrupp.

KAPITOLU IV

SĦUBIJA FIL-GRUPP U T-TLUQ MINNU

Artikolu 11
Assi fissi mas-sħubija fil-grupp

1.Meta fid-data tas-sħubija fi grupp, kontribwent ikun is-sid ekonomiku ta' assi fissi mhux deprezzabbli jew deprezzabbli individwalment, u meta, fi żmien ħames snin mid-data li fiha l-kontribwent ikun issieħeb fil-grupp, ikun sar id-disponiment ta' kwalunkwe minn dawk l-assi, is-sehem imqassam tal-membru tal-grupp li kellu s-sjieda ekonomika fuq dawk l-assi fid-data tas-sħubija għandu jiġi aġġustat, billi jiżdiedu r-rikavati ta' dak id-disponiment mas-sehem imqassam u billi jitnaqqsu minn dak is-sehem il-kostijiet relatati mal-assi mhux deprezzabbli u l-valur tal-assi deprezzabbli għal finijiet ta' taxxa. L-aġġustament għandu jseħħ fis-sena tat-taxxa li matulha jkun seħħ id-disponiment tal-assi.

2.L-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir ukoll fir-rigward tal-assi finanzjarji, bl-eċċezzjoni tal-azzjonijiet proprji u tal-parteċipazzjonijiet li jagħtu lok għal introjtu eżentat mit-taxxa.

3.L-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux isir meta l-kontribwent li jissieħeb fil-grupp ikun ġie minn grupp ieħor li kien soġġett għar-regoli ta' din id-Direttiva.

4.Il-kontribwent li, b'riżultat tar-riorganizzazzjoni ta' negozju, ma jibqax jeżisti jew ma jkollux aktar stabbiliment permanenti fl-Istat Membru li fih kien residenti għall-finijiet ta' taxxa fid-data tas-sħubija tiegħu fil-grupp, għandu jitqies bħala li għandu stabbiliment permanenti f'dak l-Istat Membru għall-fini tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 12
Kuntratti fit-tul mas-sħubija fil-grupp

1.Id-dħul u l-ispejjeż, li skont l-Artikolu 22(2) u (3) tad-Direttiva 2016/xx/UE jitqiesu li ġew akkumulati jew li saru qabel ma r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għall-kontribwent, iżda li jkunu għadhom ma ġewx inklużi fil-bażi għat-taxxa skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li preċedentement kienet applikabbli għall-kontribwent, għandhom jiżdiedu mas-sehem imqassam tal-membru tal-grupp rilevanti jew jitnaqqsu minnu, skont ir-regoli dwar it-twaqqit tal-liġi nazzjonali.

2.Id-dħul li jkun ġie intaxxat skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva qabel ma r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għall-kontribwent f'ammont ogħla minn dak li kellu jkun inkluż fil-bażi għat-taxxa skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2016/xx/UE, għandu jitnaqqas mis-sehem imqassam tal-membru tal-grupp rilevanti fl-ewwel sena tat-taxxa meta japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva.

3.Meta s-sehem imqassam lil membru tal-grupp f'sena tat-taxxa ma jkunx biżżejjed biex ipaċi b'mod sħiħ l-ammonti deduċibbli msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-ammonti mhux ikkumpensati għandhom jiġu riportati għas-snin futuri sakemm jiġu paċuti mas-sehem imqassam lil dak il-membru tal-grupp.

Artikolu 13
Provvedimenti, dħul u tnaqqis mas-sħubija fil-grupp

1.Il-provvedimenti u t-tnaqqis tad-dejn mitluf imsemmija fl-Artikoli 23 u 25 tad-Direttiva 2016/xx/UE għandhom ikunu deduċibbli biss sakemm ikunu jirriżultaw minn attivitajiet jew tranżazzjonijiet li jkunu twettqu wara li r-regoli ta' din id-Direttiva jkunu saru applikabbli għall-kontribwent.

2.Id-dħul li, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2016/xx/UE, jitqies li akkumula qabel ma r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għall-kontribwent, iżda li kien għadu ma ġiex inkluż fil-bażi għat-taxxa skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li kienet applikabbli qabel għall-kontribwent, għandu jiġi miżjud mas-sehem imqassam tal-membru tal-grupp rilevanti skont ir-regoli dwar it-twaqqit tal-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva.

3.L-ispejjeż magħmula wara li r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għall-kontribwent, iżda b'rabta mal-attivitajiet jew it-tranżazzjonijiet li twettqu qabel u li għalihom ma ngħata ebda tnaqqis skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva applikabbli, għandhom ikunu deduċibbli biss kontra s-sehem imqassam tal-membru tal-grupp rilevanti, sakemm dawk l-ispejjeż ma jkunux saru aktar minn ħames snin wara s-sħubija tal-kontribwent fil-grupp.

L-ispejjeż magħmula skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li kienu għadhom ma tnaqqsux meta r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għall-kontribwent għandhom ikunu deduċibbli biss kontra s-sehem imqassam tal-membru tal-grupp rilevanti, kif ikkomputati skont din id-Direttiva, f'ammonti ugwali mifruxa fuq ħames snin. Il-kostijiet li jinvolvu kostijiet tas-self għandhom ikunu deduċibbli skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/xx/UE.

Meta s-sehem li jkun tqassam lil membru tal-grupp f'sena tat-taxxa ma jkunx biżżejjed biex ipaċi b'mod sħiħ l-ammonti msemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu, l-ammonti mhux ikkumpensati għandhom jiġu riportati għas-snin futuri sakemm jiġu paċuti mas-sehem imqassam lil dak il-membru tal-grupp.

4.L-ammonti mnaqqsin qabel ma r-regoli ta' din id-Direttiva saru applikabbli għall-kontribwent ma jistgħux jerġgħu jitnaqqsu.

Artikolu 14
Twaqqit għad-deprezzament mas-sħubija fi grupp jew it-tluq minnu

Id-deprezzament tal-assi ta' kontribwent li jissieħeb fi grupp jew jitlaq minnu matul il-kors ta' sena tat-taxxa għandu jiġi kkomputat fi proporzjon għall-għadd ta' xhur kalendarji li matulhom il-kontribwent kien jagħmel parti mill-grupp fis-sena tat-taxxa.

Artikolu 15
Telf ta' qabel id-dħul

It-telf mhux ikkumpensat li jkun sar minn membru tal-grupp skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva jew skont id-Direttiva 2016/xx/UE qabel ma r-regoli ta' din id-Direttiva jkunu saru applikabbli għal dak il-membru tal-grupp jista' jiġi paċut mas-sehem imqassam ta' dak il-membru tal-grupp jekk u sakemm dan ikun previst skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva jew id-Direttiva 2016/xx/UE.

Artikolu 16
Terminazzjoni ta' grupp

Is-sena tat-taxxa ta' grupp għandha tintemm max-xoljiment tal-grupp. Il-bażi għat-taxxa konsolidata u kwalunkwe telf mhux ikkumpensat tal-grupp għandhom jiġu allokati lil kull membru tal-grupp skont il-Kapitolu VIII, abbażi tal-valuri tal-fatturi tat-tqassim fis-sena tat-taxxa tat-terminazzjoni.

Artikolu 17
Deprezzament mat-terminazzjoni ta' grupp

Meta grupp jiġi tterminat, id-deprezzament tal-assi tiegħu fis-sena tat-taxxa tat-terminazzjoni għandu jiġi kkomputat fi proporzjon għall-għadd ta' xhur kalendarji li fihom il-grupp ikun opera f'dik is-sena tat-taxxa.

Artikolu 18
Telf wara t-terminazzjoni tal-grupp

Wara t-terminazzjoni ta' grupp, it-telf ta' dak il-grupp għandu jiġi ttrattat kif ġej:

(a)it-telf ta' kontribwent li jagħżel li japplika r-regoli tad-Direttiva 2016/xx/UE għandu jiġi riportat u paċut skont l-Artikolu 41 ta' dik id-Direttiva;

(b)it-telf ta' kontribwent li jissieħeb fi grupp ieħor għandu jiġi riportat u paċut mas-sehem imqassam tal-membru tal-grupp rilevanti, soġġett għar-restrizzjonijiet tal-Artikolu 41(3) tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(c)it-telf ta' kontribwent li jirritorna għal-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva għandu jiġi riportat u paċut skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li ssir applikabbli, daqslikieku dak it-telf ikun sar waqt li l-kontribwent kien soġġett għal dik il-liġi.

Artikolu 19
Assi fissi mat-tluq mill-grupp

Ir-rikavati ta' assi fissi mhux deprezzabbli jew deprezzabbli individwalment, għajr dawk li wasslu għal eżenzjoni mnaqqsa skont l-Artikolu 24, li jsir disponiment minnhom fi żmien tliet snin wara t-tluq mill-grupp tal-kontribwent li jkollu s-sjieda ekonomika ta' dawk l-assi, għandhom jiżdiedu mal-bażi għat-taxxa konsolidata tal-grupp fis-sena tad-disponiment. Il-kostijiet relatati ma' assi fissi mhux deprezzabbli u l-valur għal finijiet ta' taxxa ta' assi fissi deprezzabbli individwalment għandhom jitnaqqsu minn dik il-bażi għat-taxxa.

L-istess regola għandha tapplika għall-assi finanzjarji, bl-eċċezzjoni tal-azzjonijiet proprji u tal-parteċipazzjonijiet li jagħtu lok għal introjtu eżentat mit-taxxa.

Ir-rikavati ta' dawn id-disponimenti li jiġu miżjuda mal-bażi għat-taxxa konsolidata tal-grupp ma għandhomx ikunu taxxabbli b'mod ieħor.

Artikolu 20
Assi intanġibbli ġġenerati mill-grupp innifsu

Meta kontribwent li jkun is-sid ekonomiku ta' assi intanġibbli wieħed jew aktar iġġenerati mill-grupp innifsu jitlaq mill-grupp, ammont ugwali għall-kostijiet magħmula fir-rigward ta' dawk l-assi għar-riċerka, l-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar fil-ħames snin ta' qabel għandu jiġi miżjud mal-bażi għat-taxxa konsolidata li jkun fadal fi tmiem is-sena tat-taxxa. Madankollu, l-ammont miżjud ma għandux jaqbeż il-valur tal-assi mat-tluq tal-kontribwent mill-grupp. Dawk il-kostijiet għandhom jiġu attribwiti lill-kontribwent li jitlaq mill-grupp u jiġu ttrattati skont il-liġi nazzjonali dwar it-taxxa korporattiva li sussegwentement issir applikabbli għal dak il-kontribwent jew, jekk dak il-kontribwent jissieħeb fi grupp ieħor, dawk il-kostijiet għandhom jiġu attribwiti fis-sena tat-taxxa li fiha l-kontribwent ikun issieħeb f'dak il-grupp l-ieħor.

Artikolu 21
Telf mat-tluq mill-grupp

Ma għandu jiġi attribwit l-ebda telf lil membru tal-grupp li jitlaq minn grupp.

KAPITOLU V

RIORGANIZZAZZJONIJIET TAN-NEGOZJU

Artikolu 22
Riorganizzazzjonijiet tan-negozju fi ħdan grupp

1.Ir-riorganizzazzjoni ta' negozju fi ħdan grupp jew it-trasferiment tas-sede legali ta' kontribwent ma għandhomx iwasslu għal profitti jew telf għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi għat-taxxa konsolidata.

2.Meta, bħala riżultat ta' riorganizzazzjoni tan-negozju jew ta' sensiela ta' tranżazzjonijiet bejn il-membri tal-grupp f'perjodu ta' sentejn, sostanzjalment l-assi kollha ta' kontribwent jiġu ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor, li jwassal għal tibdil sostanzjali fil-fattur tal-assi, l-assi ttrasferiti għandhom jiġu attribwiti lill-fattur tal-assi tal-kontribwent li jagħmel it-trasferiment għal perjodu massimu ta' ħames snin wara dak it-trasferiment, sakemm membru tal-grupp ikompli jkun is-sid ekonomiku tal-assi.

3.Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, il-kontribwent li jagħmel it-trasferiment imsemmi fil-paragrafu 2 li ma jibqax jeżisti jew li ma jibqax ikollu stabbiliment permanenti fl-Istat Membru minn fejn kienu ttrasferiti l-assi għandu jitqies li għandu stabbiliment permanenti f'dak l-Istat Membru.

Artikolu 23
Trattament tat-telf meta sseħħ riorganizzazzjoni ta' negozju bejn

żewġ gruppi jew aktar

1.Meta, b'riżultat ta' riorganizzazzjoni ta' negozju, grupp wieħed jew aktar, jew żewġ membri jew aktar ta' grupp, isiru parti minn grupp ieħor, kwalunkwe telf mhux ikkumpensat tal-grupp jew gruppi eżistenti qabel għandu jiġi allokat lil kull wieħed mill-membri tal-grupp skont il-Kapitolu VIII u abbażi tal-fatturi applikabbli fi tmiem is-sena tat-taxxa li fiha sseħħ ir-riorganizzazzjoni tan-negozju. It-telf mhux ikkumpensat tal-grupp jew tal-gruppi eżistenti qabel għandu jiġi riportat għas-snin futuri.

Meta żewġ membri tal-grupp jew aktar isiru parti minn grupp ieħor, ma għandu jiġi allokat ebda telf mhux ikkumpensat tal-ewwel grupp kif imsemmi fis-subparagrafu 1, diment li l-valur konġunt tal-fatturi tal-assi u tax-xogħol tal-membri tal-grupp li jitilqu jkun jammonta għal inqas minn 20 % tal-valur ta' dawn iż-żewġ fatturi għall-ewwel grupp kollu.

2.Meta żewġ kontribwenti prinċipali jew aktar jingħaqdu skont it-tifsira tal-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/133/KE 15 , kwalunkwe telf mhux ikkumpensat ta' grupp għandu jiġi allokat lill-membri tiegħu skont il-Kapitolu VIII, abbażi tal-fatturi skont kif ikunu fi tmiem is-sena tat-taxxa li fiha sseħħ il-fużjoni. It-telf mhux ikkumpensat għandu jiġi riportat għas-snin futuri.

KAPITOLU VI

NEGOZJATI BEJN IL-GRUPP U ENTITAJIET OĦRA

Artikolu 24
Rifjut ta’ disponimenti ta’ ishma eżentati

1.Fejn, b'riżultat tad-disponiment tal-ishma, kontribwent jitlaq mill-grupp u matul dik is-sena tat-taxxa jew dik preċedenti, il-kontribwent ikun akkwista, fi tranżazzjoni intragrupp, assi fiss wieħed jew aktar, għajr l-assi deprezzati fi grupp, ammont li jikkorrispondi għal dawk l-assi fissi għandu jiġi eskluż mill-eżenzjoni tat-taxxa kif stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/xxx/UE, sakemm ma jintweriex li t-tranżazzjonijiet intragrupp ikunu saru għal raġunijiet kummerċjali validi.

2.L-ammont eskluż mill-eżenzjoni tat-taxxa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun il-valur tas-suq tal-assi fissi fil-mument li l-kontribwent jitlaq mill-grupp, nieqes il-valur għall-finijiet ta' taxxa tal-assi fissi jew il-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2016/xx/UE.

3.Meta s-sid benefiċjarju tal-ishma li jkun sar disponiment minnhom ikun mhux kontribwent jew kontribwent mhux residenti b'dawk l-ishma attribwiti lill-uffiċċju prinċipali jew l-istabbiliment permanenti tiegħu f'pajjiż terz, il-valur tas-suq tal-assi fil-mument tad-disponiment tal-ishma, nieqes il-valur għal finijiet ta' taxxa, għandu jitqies li ġie riċevut mill-kontribwent li kellu l-assi qabel it-tranżazzjoni intragrupp imsemmija fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 25
Ħelsien minn kreditu ta' taxxa

1.Kreditu ta' taxxa kif imsemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2016/xx/UE għandu jiġi kondiviż fost il-membri tal-grupp f'konformità mal-Kapitolu VIII;

2.Il-kreditu ta' taxxa msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkolat separatament għal kull Stat Membru jew pajjiż terz, kif ukoll għal kull tip ta' introjtu. Dan ma għandux jaqbeż l-ammont li jirriżulta mis-soġġettar tal-introjtu attribwit lil kontribwent jew lil stabbiliment permanenti għar-rata tat-taxxa korporattiva tal-Istat Membru fejn il-kontribwent huwa residenti għal finijiet ta' taxxa jew fejn ikun jinsab l-istabbiliment permanenti.

Artikolu 26
Taxxa minn ras il-għajn

L-imgħax u r-royalties imħallsa minn membru tal-grupp lil benefiċjarju barra mill-grupp jistgħu jkunu soġġetti għal taxxa minn ras il-għajn, skont ir-regoli applikabbli tal-liġi nazzjonali u kwalunkwe konvenzjoni applikabbli dwar it-tassazzjoni doppja, fl-Istat Membru fejn il-membru tal-grupp ikun jinsab jew fejn ikun residenti għal finijiet ta' taxxa, skont kif ikun il-każ. It-taxxa minn ras il-għajn għandha tiġi kondiviża fost l-Istati Membri, skont il-Kapitolu VIII, bl-użu tal-formula applikabbli fis-sena tat-taxxa li fiha tiġi imposta t-taxxa.

KAPITOLU VII

ENTITAJIET TRASPARENTI

Artikolu 27
Regoli biex tiġi stabbilita t-trasparenza fil-każ tal-entitajiet ta’ pajjiżi terzi

It-trattament ta' entità li tinsab f'pajjiż terz fejn mill-inqas żewġ membri tal-grupp ikollhom interess għandu jiġi ddeterminat permezz ta' ftehim bejn l-Istati Membri rilevanti. L-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha tiddeċiedi hi fejn ma jkun hemm ebda ftehim.

KAPITOLU VIII

TQASSIM TAL-BAŻI KOMUNI KONSOLIDATA GĦAT-TAXXA KORPORATTIVA

Artikolu 28
Regoli ġenerali

1.Il-bażi għat-taxxa konsolidata għandha tinqasam bejn il-membri tal-grupp f’kull sena tat-taxxa abbażi ta’ formula għat-tqassim. Sabiex jiġi ddeterminat is-sehem imqassam ta' membru tal-grupp A, il-formula għandha tieħu l-forma li ġejja, li tagħti l-istess importanza lill-fatturi tal-bejgħ, tax-xogħol u tal-assi:

2.Il-bażi għat-taxxa konsolidata ta' grupp għandha tiġi kondiviża biss meta tkun pożittiva.

3.Il-kalkoli għall-kondiviżjoni tal-bażi għat-taxxa konsolidata għandhom isiru fl-aħħar tas-sena tat-taxxa tal-grupp.

4.Perjodu ta' 15-il jum jew aktar f'xahar kalendarju għandu jitqies bħala xahar sħiħ.

5.Sabiex jiġi ddeterminat is-sehem imqassam ta' membru ta' grupp, għandha tingħata l-istess importanza lill-fatturi tal-bejgħ, tax-xogħol u tal-assi.

Artikolu 29
Klawżola ta' salvagwardja

Bħala eċċezzjoni għar-regola stabbilita fl-Artikolu 28, jekk il-kontribwent prinċipali jew awtorità kompetenti jqisu li l-eżitu tat-tqassim tal-bażi għat-taxxa konsolidata lil membru ta' grupp ma jirrappreżentax b'mod ġust il-firxa tal-attività tan-negozju ta' dak il-membru tal-grupp, il-kontribwent prinċipali jew l-awtorità kompetenti jistgħu jitolbu l-użu ta' metodu alternattiv għall-kalkolazzjoni tas-sehem ta' taxxa ta' kull membru tal-grupp. Jista' jintuża metodu alternattiv biss jekk, wara konsultazzjonijiet fost l-awtoritajiet kompetenti u, fejn applikabbli, diskussjonijiet miżmuma f'konformità mal-Artikoli 77 u 78, dawn l-awtoritajiet kollha jaqblu ma' dak il-metodu alternattiv. L-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-metodu alternattiv użat.

Artikolu 30
Sħubija u tluq mill-grupp

Is-sehem imqassam ta' kontribwent li jissieħeb fi grupp jew jitlaq minnu matul sena tat-taxxa għandu jiġi kkalkolat fi proporzjon għall-għadd ta' xhur kalendarji li matulhom il-kontribwent kien jagħmel parti mill-grupp fis-sena tat-taxxa.

Artikolu 31
Entitajiet trasparenti

Il-fatturi li jintużaw fil-kalkolu tas-sehem imqassam ta' membru tal-grupp li jkollu interess f'entità trasparenti għandhom jinkludu l-bejgħ, ix-xogħol u l-assi tal-entità trasparenti, fi proporzjon għall-parteċipazzjoni tal-kontribwent fil-profitti u t-telf ta' dik l-entità.

Artikolu 32
Kompożizzjoni tal-fattur tax-xogħol

1.Il-fattur tax-xogħol għandu jikkonsisti, nofsu mill-ammont totali tal-pagi ta’ membru tal-grupp bħala n-numeratur tiegħu u l-ammont totali tal-pagi tal-grupp bħala d-denominatur tiegħu, u n-nofs l-ieħor, mill-għadd ta’ impjegati ta’ membru tal-grupp bħala n-numeratur tiegħu u l-għadd ta’ impjegati tal-grupp bħala d-denominatur tiegħu. Meta impjegat individwali jiġi inkluż fil-fattur tax-xogħol ta' membru tal-grupp, il-paga relatata ma’ dak l-impjegat għandha tiġi allokata lill-fattur tax-xogħol tal-istess membru tal-grupp.

2.L-għadd ta’ impjegati għandu jitkejjel fl-aħħar tas-sena tat-taxxa.

3.Id-definizzjoni ta’ impjegat għandha tiġi stabbilita mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn jiġi eżerċitat l-impjieg.

Artikolu 33
Allokazzjoni tal-impjegati u l-pagi

1.L-impjegati għandhom jiġu inklużi fil-fattur tax-xogħol tal-membru tal-grupp li mingħandu jirċievu l-paga.

2.B'deroga mill-paragrafu 1, fejn l-impjegati jeżerċitaw fiżikament l-impjieg tagħhom taħt il-kontroll u r-responsabbiltà ta' membru tal-grupp għajr dak li mingħandu jirċievu l-paga, dawk l-impjegati u l-ammont ta’ paga relatata magħhom għandhom jiġu inklużi fil-fattur tax-xogħol tal-ewwel membru tal-grupp.

Din ir-regola għandha tapplika biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-impjieg idum għal perjodu mhux interrott ta' mill-inqas tliet xhur;

(b)dawk l-impjegati jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tan-numru globali ta' impjegati tal-membru tal-grupp li mingħandu jirċievu l-paga.

3.L-impjegati għandhom jinkludu persuni li, għalkemm ma jkunux impjegati direttament minn membru tal-grupp, iwettqu kompiti simili għal dawk imwettqa mill-impjegati.

4.    Paga għandha tinkludi l-kostijiet kollha tas-salarji, tal-pagi, tal-bonusijiet u ta' kull kumpens ieħor għall-impjegati, inklużi l-kostijiet relatati mal-pensjoni u mas-sigurtà soċjali li jerfa' l-impjegatur kif ukoll l-ispejjeż tal-impjegatur li jikkorrispondu għall-kost tal-persuni kif imsemmi fil-paragrafu 3.

5.Il-kostijiet tal-pagi għandhom jiġu stmati fl-ammont ta' dawk l-ispejjeż li jiġu ttrattati bħala deduċibbli mill-impjegatur f'sena tat-taxxa.

Artikolu 34
Kompożizzjoni tal-fattur tal-assi

1.Il-fattur tal-assi għandu jikkonsisti mill-valur medju tal-assi tanġibbli fissi kollha proprjetà ta’ membru tal-grupp, mikrija jew lokati minnu bħala n-numeratur tiegħu u l-valur medju tal-assi tanġibbli fissi kollha proprjetà tal-grupp, mikrija jew lokati minnu bħala d-denominatur tiegħu.

2.Fil-ħames snin li jsegwu s-sħubija ta' kontribwent fi grupp eżistenti jew ġdid, il-fattur tal-assi tiegħu għandu jinkludi wkoll l-ammont totali ta' kostijiet imġarrba għar-riċerka, l-iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar mill-kontribwent matul is-sitt snin ta' qabel is-sħubija tiegħu fil-grupp.

Artikolu 35
Allokazzjoni tal-assi

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22(2) u (3), assi għandu jiġi inkluż fil-fattur tal-assi tas-sid ekonomiku tiegħu. Meta s-sid ekonomiku ma jkunx jista' jiġi identifikat, l-assi għandu jiġi inkluż fil-fattur tal-assi tas-sid legali.

Madankollu, assi li ma jintużax b'mod effettiv mis-sid ekonomiku tiegħu għandu jiġi inkluż fil-fattur tal-membru tal-grupp li effettivament juża dak l-assi, sakemm dak l-assi jirrappreżenta iżjed minn 5 % tal-valur għall-finijiet ta' taxxa tal-assi tanġibbli fissi kollha tal-membru tal-grupp li effettivament jużah.

2.Ħlief fil-każ ta' lokazzjonijiet bejn membri tal-grupp, l-assi lokati għandhom jiġu inklużi fil-fattur tal-assi tal-membru tal-grupp li jkun il-lokatur jew il-lokatarju tal-assi. L-istess għandu japplika għall-assi mikrija (rented).

Artikolu 36
Valwazzjoni

1.L-art u assi tanġibbli fissi mhux deprezzabbli oħrajn għandhom jiġu stmati fil-prezz oriġinali tagħhom.

2.Assi tanġibbli fiss deprezzabbli b’mod individwali għandu jiġi stmat fil-medja tal-valur tiegħu għall-finijiet tat-taxxa fil-bidu u fl-aħħar ta' sena tat-taxxa.

Meta, b'riżultat ta' tranżazzjoni waħda jew aktar intragrupp, assi tanġibbli fiss deprezzabbli b'mod individwali jiġi inkluż fil-fattur tal-assi ta' membru tal-grupp għal inqas minn sena tat-taxxa, il-valur li jrid jiġi kkunsidrat għandu jiġi kkalkolat billi jitqies l-għadd ta' xhur li matulhom l-assi kien inkluż fil-fattur tal-assi ta' dak il-membru tal-grupp.

3.Il-grupp ta' assi fissi, kif imsemmi fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 2016/xx/UE, għandu jiġi stmat fil-medja tal-valur tiegħu għall-finijiet ta' taxxa fil-bidu u fl-aħħar ta' sena tat-taxxa.

4.Il-kerrej jew il-lokatarju ta' assi, li ma jkunx is-sid ekonomiku tiegħu, għandu jistma l-assi mikri jew lokat fi tmien darbiet aktar mill-ħlas annwali nett dovut għall-kiri jew għal-lokazzjoni, neqsin kwalunkwe ammonti riċevibbli minn sottokirjiet jew sottolokazzjonijiet.

Membru tal-grupp li jikri assi jew jagħtih b'lokazzjoni li ma jkunx is-sid ekonomiku tiegħu għandu jistma dak l-assi mikri jew lokat fi tmien darbiet aktar mill-ħlas annwali nett dovut għall-kiri jew għal-lokazzjoni.

5.Assi mibjugħ minn membru tal-grupp lil persuna barra mill-grupp wara trasferiment intragrupp fl-istess sena tat-taxxa jew f'dik preċedenti għandu jiġi inkluż fil-fattur tal-assi tal-membru tal-grupp għall-perjodu bejn it-trasferiment intragrupp u l-bejgħ lill-persuna barra mill-grupp, għajr fejn il-membri tal-grupp ikkonċernati juru li t-trasferiment intragrupp kien sar għal raġunijiet kummerċjali ġenwini.

Artikolu 37
Kompożizzjoni tal-fattur tal-bejgħ

1.Il-fattur tal-bejgħ għandu jikkonsisti fil-bejgħ totali allokat lil membru tal-grupp, inklużi stabbilimenti permanenti meqjusa li jeżistu skont l-Artikolu 22(3), bħala n-numeratur tiegħu u l-bejgħ totali tal-grupp bħala d-denominatur tiegħu.

2.Bejgħ għandu jfisser ir-rikavat tal-bejgħ kollu ta’ prodotti u fornimenti ta’ servizzi wara l-iskontijiet u l-profitti, esklużi t-taxxa fuq il-valur miżjud, taxxi u dazji oħra. Id-dħul eżentat, l-imgħax, id-dividendi, ir-royalties u r-rikavat mid-disponiment ta’ assi fissi ma għandhomx jiġu inklużi fil-fattur tal-bejgħ, sakemm ma jkunx dħul miksub matul il-kors ordinarju tal-kummerċ jew tan-negozju. Il-bejgħ ta' prodotti u l-fornimenti ta' servizzi intragrupp ma għandhomx jiġu inklużi fil-fattur tal-bejgħ.

3.Il-bejgħ għandu jiġi stmat skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2016/xx/UE.

Artikolu 38
Bejgħ skont id-destinazzjoni

1.Il-bejgħ ta' prodotti għandu jiġi inkluż fil-fattur tal-bejgħ tal-membru tal-grupp li jkun jinsab fl-Istat Membru fejn jispiċċaw il-kunsinna jew it-trasport tal-prodotti lill-persuna li tiksibhom. Meta dak il-post ma jkunx jista' jiġi ddeterminat, il-bejgħ tal-prodotti għandu jiġi attribwit lill-membru tal-grupp li jkun jinsab fl-Istat Membru tal-aħħar post identifikabbli tal-prodotti.

2.Il-fornimenti ta' servizzi għandhom jiġu inklużi fil-fattur tal-bejgħ tal-membru tal-grupp li jkun jinsab fl-Istat Membru fejn jitwettqu fiżikament is-servizzi jew fejn effettivament jiġu fornuti.

3.Id-dħul eżentat, l-imgħax, id-dividendi u r-royalties u r-rikavati mid-disponiment tal-assi fissi li huma inklużi fil-fattur tal-bejgħ għandhom jiġu attribwiti lill-benefiċjarju ta' tali dħul, imgħax, dividendi, royalties u rikavati.

4.Meta ma jkun hemm ebda membru tal-grupp fl-Istat Membru fejn jiġu kkonsenjati l-prodotti jew jiġu fornuti s-servizzi, jew meta l-prodotti jiġu kkonsenjati jew is-servizzi jiġu fornuti f'pajjiż terz, il-bejgħ tal-prodotti u l-fornimenti tas-servizzi għandhom jiġu inklużi fil-fattur tal-bejgħ tal-membri kollha tal-grupp b'mod proporzjonali għall-fatturi tax-xogħol u tal-assi tagħhom.

5.Meta jkun hemm aktar minn membru wieħed tal-grupp fl-Istat Membru fejn jiġu kkonsenjati l-prodotti jew fornuti s-servizzi, il-bejgħ għandu jiġi inkluż fil-fattur tal-bejgħ tal-membri kollha tal-grupp li jkunu jinsabu f'dak l-Istat Membru, b'mod proporzjonali għall-fatturi tax-xogħol u tal-assi tagħhom.

Artikolu 39
Regoli dettaljati dwar il-kalkolazzjoni tal-fatturi

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti li jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-kalkolazzjoni tal-fatturi tax-xogħol, tal-assi u tal-bejgħ, l-allokazzjoni tal-impjegati u l-pagi, l-assi u l-bejgħ għall-fattur rispettiv u l-valwazzjoni tal-assi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 40
Kalkolazzjoni tal-fatturi tal-assi u tal-bejgħ għall-istituzzjonijiet finanzjarji

1.Il-fattur tal-assi ta' istituzzjoni finanzjarja, kif imsemmi fil-punt (29)(a), (d), (e), (f), (g), (h) u (i) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE, għandu jkun ta' 10 % tal-valur tal-assi finanzjarji, bl-eċċezzjoni tal-azzjonijiet proprji u tal-parteċipazzjonijiet li jwasslu għal introjtu eżentat mit-taxxa. L-assi finanzjarji għandhom jinkludu l-assi miżmuma għan-negozjar kif imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2016/xx/UE. L-assi finanzjarji għandhom jiġu inklużi fil-fattur tal-assi tal-membru tal-grupp li kellu dawk l-assi rreġistrati fil-kotba tiegħu meta dan sar membru tal-grupp.

2.Il-fattur tal-bejgħ ta' istituzzjoni finanzjarja, kif imsemmi fil-punt (29)(a), (d), (e), (f), (g), (h) u (i) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE, għandu jkun ta' 10 % tad-dħul tagħha fil-forma ta’ imgħax, tariffi, kummissjonijiet u dħul minn titoli, esklużi t-taxxa fuq il-valur miżjud, taxxi u dazji oħrajn. Il-bejgħ intragrupp ma għandux jiġi inkluż. Għall-finijiet tal-Artikolu 38(2), is-servizzi finanzjarji għandhom jitqiesu li jitwettqu, fil-każ ta' self assigurat, fl-Istat Membru li fih ikun jinsab it-titolu jew, jekk dak l-Istat Membru ma jkunx jista' jiġi identifikat, l-Istat Membru li fih ikun irreġistrat it-titolu ta' sigurtà. Servizzi finanzjarji oħrajn għandhom jitqiesu li jitwettqu fl-Istat Membru tal-mutwatarju jew tal-persuna li tħallas tariffi, kummissjonijiet jew dħul ieħor. Meta l-mutwatarju jew il-persuna li tħallas tariffi, kummissjonijiet jew dħul ieħor ma tkunx tista' tiġi identifikata jew jekk l-Istat Membru li fih ikun jinsab jew irreġistrat it-titolu ma jkunx jista' jiġi identifikat, il-bejgħ għandu jiġi attribwit lill-membri kollha tal-grupp b'mod proporzjonali mal-fatturi tax-xogħol u tal-assi tagħhom.

Artikolu 41
Kalkolazzjoni tal-fatturi tal-assi u tal-bejgħ għall-impriżi tal-assigurazzjoni

1.Il-fattur tal-assi tal-impriżi tal-assigurazzjoni, kif imsemmi fil-punt (29)(b) u (c) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE, għandu jkun ta' 10 % tal-valur tal-assi finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 40(1).

2.Il-fattur tal-bejgħ ta' impriża tal-assigurazzjoni, kif imsemmi fil-punt (29)(b) u (c) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/xx/UE, għandu jkun ta' 10 % tal-primjums gwadanjati kollha, netti mir-riassigurazzjoni, mir-redditu fuq l-investiment allokat ittrasferit mill-kont mhux tekniku, minn dħul tekniku ieħor, netti mir-riassigurazzjoni, u mid-dħul mill-investiment, it-tariffi u l-kummissjonijiet, esklużi t-taxxa fuq il-valur miżjud, taxxi u dazji oħrajn. Għall-finijiet tal-Artikolu 38(2), is-servizzi tal-assigurazzjoni għandhom jitqiesu li jitwettqu fl-Istat Membru tad-detentur tal-polza. Bejgħ ieħor għandu jiġi attribwit lill-membri kollha tal-grupp b’mod proporzjonali għall-fatturi tax-xogħol u tal-assi tagħhom.

Artikolu 42
Żejt u gass

B'deroga mill-Artikolu 38(1), (2) u (3), il-bejgħ ta' membru tal-grupp li n-negozju prinċipali tiegħu jkun fil-qasam tal-esplorazzjoni jew il-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass għandu jiġi attribwit lill-membru tal-grupp fl-Istat Membru fejn irid jiġi estratt jew prodott iż-żejt jew il-gass.

B'deroga mill-Artikolu 38(4) u (5), meta ma jkun hemm l-ebda membru tal-grupp fl-Istat Membru tal-esplorazzjoni jew tal-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass jew l-esplorazzjoni jew il-produzzjoni sseħħ f'pajjiż terz fejn il-membru tal-grupp li jwettaq l-esplorazzjoni jew il-produzzjoni taż-żejt jew tal-gass ma jkollux stabbiliment permanenti, il-bejgħ għandu jiġi attribwit lil dak il-membru tal-grupp.

Artikolu 43
Tbaħħir, trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni u trasport bl-ajru

Id-dħul, l-ispejjeż u elementi deduċibbli oħrajn ta' membru ta' grupp li n-negozju prinċipali tiegħu jkun l-operat ta' vapuri jew inġenji tal-ajru fit-traffiku internazzjonali jew l-operat ta' dgħajjes involuti fit-trasport fil-passaġġi fl-ilma interni għandhom jiġu esklużi mill-bażi għat-taxxa konsolidata u ma jitqassmux skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 28. Minflok, tali dħul, spejjeż u elementi deduċibbli oħrajn għandhom jiġu attribwiti lil dak il-membru tal-grupp fuq bażi ta' tranżazzjoni bi tranżazzjoni u jkunu soġġetti għal aġġustamenti għall-ipprezzar skont l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2016/xx/UE.

Il-parteċipazzjonijiet fil-membru tal-grupp u minnu għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx grupp kif imsemmi fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 44
Elementi deduċibbli mis-sehem imqassam

L-elementi li ġejjin għandhom jitnaqqsu mis-sehem imqassam:

(a)it-telf mhux ikkumpensat li jkun għamel kontribwent qabel ikun sar soġġett għar-regoli ta' din id-Direttiva, kif imsemmi fl-Artikolu 15;

(b)it-telf mhux ikkumpensat li jkun sar fil-livell tal-grupp, kif imsemmi fl-Artikolu 15 flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 18 u fl-Artikolu 23;

(c)l-ammonti relatati mad-disponiment ta' assi fissi msemmija fl-Artikolu 11, id-dħul u l-ispejjeż relatati ma' kuntratti fit-tul imsemmija fl-Artikolu 12 u l-ispejjeż futuri msemmija fl-Artikolu 13(3);

(d)fil-każ tal-impriżi tal-assigurazzjoni, id-dispożizzjonijiet tekniċi fakultattivi msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(e)l-għotjiet u d-donazzjonijiet lil entitajiet karitatevoli li huma deduċibbli skont il-liġi nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(f)il-provvedimenti tal-pensjoni li huma deduċibbli skont il-liġi nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2016/xx/UE.

Artikolu 45
Obbligazzjoni ta' taxxa

L-obbligazzjoni ta' taxxa ta' kull membru tal-grupp għandha tkun ir-riżultat tal-applikazzjoni tar-rata tat-taxxa nazzjonali għas-sehem imqassam, aġġustata skont l-Artikolu 44, u mnaqqsa ulterjorment bit-tnaqqis previst fl-Artikolu 25.

KAPITOLU IX

AMMINISTRAZZJONI U PROĊEDURI

Artikolu 46
Avviż sabiex jinħoloq grupp

1.Mill-inqas tliet xhur qabel il-bidu tas-sena tat-taxxa li fiha l-grupp għandu jibda japplika r-regoli ta' din id-Direttiva, il-kontribwent prinċipali għandu jagħti avviż dwar il-ħolqien ta' grupp lill-awtorità tat-taxxa ewlenija f'isem il-membri tal-grupp li jifdal.

2.L-avviż imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkopri l-membri kollha tal-grupp, ħlief għall-kumpaniji tat-tbaħħir imsemmija fl-Artikolu 2(4).

3.L-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha tikkomunika l-avviż immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li fihom il-membri tal-grupp huma residenti għal finijiet ta' taxxa jew fejn jinsabu fil-forma ta' stabbiliment permanenti. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jissottomettu l-fehmiet tagħhom u kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-validità u l-kamp ta' applikazzjoni tal-avviż lill-awtorità tat-taxxa ewlenija fi żmien xahar minn meta jintbagħat.

4.Jekk ma jingħata ebda avviż, l-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha toħroġ valutazzjonijiet, fi żmien sitt xhur mill-iskoperta tan-nuqqas ta' avviż, għas-snin tat-taxxa li matulhom il-grupp jitqies li kien jeżisti. Dawn il-valutazzjonijiet fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jmorru lil hinn mill-ħames snin tat-taxxa preċedenti.

Artikolu 47
Terminu ta' grupp

1.    Kif imsemmi fl-Artikolu 46(3), din id-Direttiva għandha tibda tapplika għal grupp xahar wara li l-avviż sabiex jinħoloq grupp ikun riċevut mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li fihom il-membri tal-grupp ikunu residenti għal finijiet ta' taxxa jew fejn ikunu jinsabu fil-forma ta' stabbiliment permanenti. L-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha tinforma lill-kontribwent prinċipali f'dan ir-rigward.

2.    Grupp għandu japplika r-regoli ta' din id-Direttiva sakemm dan jibqa' responsabbli skont l-Artikolu 2(1) u (2). Il-kontribwent prinċipali għandu jagħti avviż ta' terminazzjoni lill-awtorità tat-taxxa ewlenija meta l-grupp li jagħmel parti minnu bħala entità sħiħa ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2) għall-applikazzjoni tar-regoli ta' din id-Direttiva.

3.    Kontribwent li ma jibqax soġġett għar-regoli ta' din id-Direttiva jista' jagħżel li jkompli japplika dawk ir-regoli sakemm il-kontribwent jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(3). Il-kontribwent jista' wkoll jagħżel li japplika r-regoli tad-Direttiva 2016/xx/UE jekk ma jissodisfax il-kundizzjoni tal-punt (d) tal-Artikolu 2(1).

4.    Il-kontribwent prinċipali li għażel li japplika r-regoli ta' din id-Direttiva skont l-Artikolu 2(3) u li jiddeċiedi li jwaqqaf dik l-applikazzjoni, għandu jinforma lill-awtorità tat-taxxa ewlenija fi tmiem il-perjodu ta' ħames snin tat-taxxa.

5.    Il-kontribwent prinċipali ta' grupp li għażel li japplika r-regoli ta' din id-Direttiva skont l-Artikolu 2(3) u li jiddeċiedi li jestendi dik l-applikazzjoni sa tmiem it-terminu ta' ħames snin tat-taxxa, għandu jipprovdi lill-awtorità tat-taxxa ewlenija b'evidenza li turi li l-kundizzjonijiet tal-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 2(1) huma ssodisfati.

Artikolu 48
Informazzjoni fl-avviż sabiex jinħoloq grupp

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fl-avviż sabiex jinħoloq grupp:

(a)identifikazzjoni dwar il-membri tal-grupp;

(b)prova tal-issodisfar tal-kriterji stipulati fl-Artikoli 5 u 6;

(c)informazzjoni dwar kwalunkwe intrapriża assoċjata kif imsemmi fl-Artikolu 56 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(d)il-forma legali, is-sede statutorja u l-post tal-ġestjoni effettiva tal-kontribwenti;

(e)is-sena tat-taxxa tal-ħolqien tal-grupp.

Il-Kummissjoni tista' tadotta att li jistabbilixxi forma standard tal-avviż sabiex jinħoloq grupp. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 49
Eżaminazzjoni tal-avviż sabiex jinħoloq grupp

1.L-awtorità tat-taxxa ewlenija li lilha jintbagħat b'mod validu l-avviż sabiex jinħoloq grupp, għandha teżamina jekk, abbażi tal-informazzjoni inkluża fl-avviż, il-grupp jissodisfax ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. L-avviż għandu jitqies li ġie aċċettat jekk ma jkunx ġie rrifjutat mill-awtorità tat-taxxa ewlenija fi żmien tliet xhur mill-wasla tiegħu.

2.Sakemm il-kontribwent ikun żvela kompletament l-informazzjoni kollha mitluba mill-Artikolu 48, kwalunkwe sejba sussegwenti li l-lista żvelata ta' membri tal-grupp ma tkunx korretta ma għandhiex tinvalida l-avviż sabiex jinħoloq grupp. Kwalunkwe avviż skorrett għandu jiġi kkoreġut u għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji l-oħrajn kollha, mill-bidu tas-sena tat-taxxa li fiha kien skopert l-iżball.

3.Fejn ma tkunx saret divulgazzjoni sħiħa, l-awtorità tat-taxxa ewlenija, bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn ikkonċernati, tista' tinvalida l-avviż oriġinali, f'liema każ il-valutazzjonijiet emendati tal-obbligazzjoni tat-taxxa tal-grupp/membri tal-grupp għandhom jinħarġu skont il-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 56.

Artikolu 50
Sena tat-taxxa

1.Il-membri kollha ta' grupp għandu jkollhom l-istess sena tat-taxxa.

2.Fis-sena li fiha jissieħeb ma' grupp, kontribwent għandu jġib is-sena tat-taxxa tiegħu taqbel ma' dik tal-grupp li miegħu jissieħeb. Is-sehem imqassam tal-kontribwent għal dik is-sena tat-taxxa għandu jiġi kkalkolat b'mod proporzjonali għall-għadd ta' xhur kalendarji li matulhom il-kumpanija kienet tagħmel parti mill-grupp.

3.Is-sehem imqassam ta' kontribwent għas-sena li fiha jitlaq mill-grupp għandu jiġi kkalkolat b'mod proporzjonali għall-għadd ta' xhur kalendarji li matulhom il-kumpanija kienet tagħmel parti mill-grupp.

Artikolu 51
Dikjarazzjonijiet tat-taxxa u valutazzjonijiet tat-taxxa

1.Il-kontribwent prinċipali għandu jibgħat id-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata tal-grupp lill-awtorità tat-taxxa ewlenija.

2.Id-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata għandha tiġi ttrattata bħala valutazzjoni tal-obbligazzjoni tat-taxxa ta' kull membru tal-grupp ("valutazzjoni tat-taxxa"). Fejn il-liġi ta' Stat Membru tipprovdi li dikjarazzjoni tat-taxxa għandha l-istatus legali ta' valutazzjoni tat-taxxa u għandha tiġi ttrattata bħala strument li jippermetti l-infurzar tad-djun tat-taxxa, id-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata għandu jkollha l-istess effett fir-rigward ta' membru tal-grupp soġġett għat-taxxa f'dak l-Istat Membru.

3.Fejn id-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata ma jkollhiex l-istatus legali ta' valutazzjoni tat-taxxa għall-finijiet tal-infurzar ta' dejn tat-taxxa, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista', fir-rigward ta' membru tal-grupp li jkun jinsab jew residenti hemmhekk għal finijiet ta' taxxa fil-forma ta' stabbiliment permanenti, toħroġ strument tal-liġi nazzjonali li jawtorizza l-infurzar f'dak l-Istat Membru. Dak l-istrument għandu jinkorpora d-dejta fid-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata dwar il-membru tal-grupp. Għandhom ikunu permessi appelli kontra l-istrument esklussivament minħabba raġunijiet ta' forma u mhux għall-valutazzjoni tat-taxxa sottostanti. Il-proċedura għandha tiġi rregolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti.

4.Il-kontribwent prinċipali għandu jkun responsabbli għall-obbligi proċedurali kollha relatati mat-tassazzjoni ta' stabbilimenti permanenti msemmija fl-Artikolu 11(4) jew fl-Artikolu 22(3).

5.Id-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata għandha tintbagħat lill-awtorità tat-taxxa ewlenija fid-disa' xhur li jsegwu t-tmiem tas-sena tat-taxxa.

Artikolu 52
Kontenut tad-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata

Id-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)identifikazzjoni tal-kontribwent prinċipali;

(b)identifikazzjoni tal-membri kollha tal-grupp;

(c)identifikazzjoni ta' kwalunkwe intrapriża assoċjata kif imsemmi fl-Artikolu 56 tad-Direttiva 2016/xx/UE;

(d)is-sena tat-taxxa li tagħha tkun id-dikjarazzjoni tat-taxxa;

(e)il-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa ta’ kull membru tal-grupp;

(f)il-kalkolazzjoni tal-bażi għat-taxxa konsolidata;

(g)il-kalkolazzjoni tas-sehem imqassam ta’ kull membru tal-grupp;

(h)il-kalkolazzjoni tal-obbligazzjoni tat-taxxa ta’ kull membru tal-grupp.

Artikolu 53
Notifika tal-iżbalji fid-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata

Il-kontribwent prinċipali għandu jinforma lill-awtorità tat-taxxa ewlenija dwar l-iżbalji fid-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata. L-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha toħroġ valutazzjoni tat-taxxa emendata skont l-Artikolu 56(3), fejn ikun xieraq.

Artikolu 54
Nuqqas ta' sottomissjoni ta' dikjarazzjoni tat-taxxa

Meta l-kontribwent prinċipali jonqos milli jibgħat dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata, l-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha toħroġ valutazzjoni tat-taxxa abbażi ta' stima u billi tikkunsidra l-informazzjoni disponibbli. Il-kontribwent prinċipali jista' jappella kontra dik il-valutazzjoni.

Artikolu 55
Sottomissjoni elettronika, dikjarazzjonijiet tat-taxxa u dokumentazzjoni ta' sostenn

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti li jistabbilixxu regoli dwar is-sottomissjoni elettronika tad-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata, dwar il-forma tad-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata, dwar il-forma tad-dikjarazzjoni tat-taxxa ta' kontribwent waħdieni u dwar id-dokumentazzjoni ta' sostenn meħtieġa. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 77(2).

Artikolu 56
Valutazzjonijiet tat-taxxa emendati

1.L-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha tivverifika li d-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52.

2.Fejn ikun meħtieġ, l-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha toħroġ valutazzjoni tat-taxxa emendata mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data finali għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata jew, meta ma tkun ġiet sottomessa l-ebda dikjarazzjoni qabel dik id-data, mhux aktar tard minn tliet snin wara l-ħruġ ta' valutazzjoni tat-taxxa skont l-Artikolu 54.

Valutazzjoni tat-taxxa emendata ma tistax tinħareġ iżjed minn darba għall-istess grupp fi kwalunkwe perjodu ta' tnax-il xahar.

3.Il-paragrafu 2 ma għandux japplika meta valutazzjoni tat-taxxa emendata tinħareġ b'riżultat ta' deċiżjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija kif imsemmi fl-Artikolu 65 jew b'riżultat ta' ftehim reċiproku jew proċedura ta' arbitraġġ ma' pajjiż terz. Dawk il-valutazzjonijiet tat-taxxa emendati għandhom jinħarġu fi żmien tnax-il xahar mid-deċiżjoni tal-qrati tal-awtorità tat-taxxa ewlenija jew mit-tlestija tal-ftehim reċiproku jew tal-proċedura ta' arbitraġġ.

4.B'deroga mill-paragrafu 2, valutazzjoni tat-taxxa emendata tista' tinħareġ fi żmien sitt snin mid-data finali għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata meta tkun iġġustifikata minn dikjarazzjoni skorretta apposta jew negliġenti ħafna min-naħa tal-kontribwent, jew fi żmien tnax-il sena minn dik id-data meta d-dikjarazzjoni skorretta tkun is-suġġett ta' proċedimenti kriminali. Dik il-valutazzjoni tat-taxxa emendata għandha tinħareġ fi żmien tnax-il xahar mill-iskoperta tad-dikjarazzjoni skorretta, sakemm perjodu itwal ma jkunx ġustifikat b'mod oġġettiv mill-ħtieġa ta' iżjed inkjesti jew investigazzjonijiet. Kwalunkwe valutazzjoni tat-taxxa emendata bħal din għandha tirrigwarda biss is-suġġett tad-dikjarazzjoni skorretta.

5.Qabel ma toħroġ valutazzjoni tat-taxxa emendata, l-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn membru tal-grupp ikun residenti għal finijiet ta' taxxa jew fejn ikun jinsab fil-forma ta' stabbiliment permanenti. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom fi żmien xahar mill-konsultazzjoni.

L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru fejn membru tal-grupp ikun residenti għal finijiet ta' taxxa jew fejn ikun jinsab fil-forma ta' stabbiliment permanenti tista' titlob lill-awtorità tat-taxxa ewlenija biex toħroġ valutazzjoni tat-taxxa emendata. In-nuqqas tal-awtorità tat-taxxa ewlenija milli tinnotifika fi żmien tliet xhur minn dik it-talba lill-awtorità kompetenti li hija qed timpenja ruħha li toħroġ dik il-valutazzjoni tat-taxxa emendata, għandu jiġi ttrattat bħala rifjut.

6.Ma għandha tinħareġ l-ebda valutazzjoni tat-taxxa emendata sabiex tiġi aġġustata l-bażi għat-taxxa konsolidata meta d-differenza bejn il-bażi għat-taxxa konsolidata ddikjarata u l-bażi għat-taxxa konsolidata kkoreġuta ma taqbiżx l-inqas minn EUR 5,000 jew 1 % tal-bażi għat-taxxa konsolidata.

Ma għandha tinħareġ l-ebda valutazzjoni tat-taxxa emendata sabiex tiġi aġġustata l-kalkolazzjoni tal-ishma mqassma meta t-total tal-ishma mqassma tal-membri tal-grupp residenti jew stabbiliti fi Stat Membru jkunu se jiġu aġġustati b'inqas minn 0,5 %.

Artikolu 57
Bażi ta' dejta ċentrali

Id-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata u d-dokumenti ta' sostenn ippreżentati mill-kontribwent prinċipali għandhom jinħażnu f'bażi tad-dejta ċentrali li għaliha għandu jkollhom aċċess l-awtoritajiet kompetenti kollha. Il-bażi tad-dejta ċentrali għandha tiġi aġġornata regolarment bl-informazzjoni u d-dokumenti kollha ulterjuri u bid-deċiżjonijiet u l-avviżi kollha maħruġa mill-awtorità tat-taxxa ewlenija.

Artikolu 58
Bidla tal-kontribwent prinċipali

Il-kontribwent prinċipali ma jistax jinbidel, sakemm il-kontribwent prinċipali ma jibqax jissodisfa l-kriterji tal-punt (11) tal-Artikolu 3. F'dak il-każ, il-grupp jista' jinnomina kontribwent prinċipali ġdid.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti tal-Istati Membri li fihom il-membri tal-grupp ikunu residenti jew li fihom ikollhom stabbiliment permanenti jistgħu, fi żmien sitt xhur mill-avviż imsemmi fl-Artikolu 46 jew fi żmien sitt xhur minn riorganizzazzjoni li tinvolvi lill-kontribwent prinċipali, jiddeċiedu bi qbil komuni li l-kontribwent prinċipali għandu jkun kontribwent differenti mill-kontribwent innominat mill-grupp.

Artikolu 59
Żamma ta’ rekords

Kull membru tal-grupp għandu jżomm rekords u dokumenti ta' sostenn f'dettall suffiċjenti sabiex jiżgura l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Direttiva u jippermetti li jitwettqu verifiki, kif imsemmi fl-Artikolu 64(2).

Artikolu 60
Għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

Meta jintalab mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti jew li fih ikun jinsab l-istabbiliment permanenti tiegħu, kontribwent għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha prevedibbilment rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-obbligazzjoni tat-taxxa tiegħu. Barra minn hekk, meta jintalab mill-awtorità tat-taxxa ewlenija, il-kontribwent prinċipali għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha prevedibbilment rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-bażi għat-taxxa konsolidata jew l-obbligazzjoni tat-taxxa ta' kwalunkwe membru tal-grupp.

Artikolu 61
Talba għal opinjoni mill-awtorità kompetenti

1.Kontribwent jista' jitlob opinjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti jew li fih ikollu stabbiliment permanenti dwar l-implimentazzjoni tar-regoli ta' din id-Direttiva dwar tranżazzjoni speċifika jew sensiela ta' tranżazzjonijiet li jkunu ppjanati li jitwettqu. Kontribwent jista' jitlob ukoll opinjoni dwar il-kompożizzjoni proposta ta' grupp. L-awtorità kompetenti għandha tieħu l-passi kollha possibbli biex tirrispondi għat-talba fi żmien raġonevoli.

L-opinjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti għandha tkun vinkolanti fuqha meta tiġi żvelata l-informazzjoni kollha rilevanti dwar it-tranżazzjoni ppjanata jew sensiela ta' tranżazzjonijiet, sakemm il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija sussegwentement ma jiddeċidux mod ieħor skont l-Artikolu 65. Kontribwent li ma jaqbilx mal-opinjoni jista' jaġixxi skont l-interpretazzjoni personali tiegħu, iżda jrid jiġbed l-attenzjoni għal dak il-fatt fid-dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata.

2.Meta żewġ membri jew aktar tal-grupp fi Stati Membri differenti jkunu direttament involuti fi tranżazzjoni speċifika jew sensiela ta’ tranżazzjonijiet, jew meta t-talba tirrigwarda l-kompożizzjoni proposta ta’ grupp, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar opinjoni komuni.

Artikolu 62
Komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.L-informazzjoni kkomunikata skont ir-regoli ta' din id-Direttiva għandha, sa fejn ikun possibbli, tiġi pprovduta b'mezzi elettroniċi, billi jsir użu min-netwerk komuni ta' komunikazzjoni jew mill-interfaċċa komuni tas-sistema ("NKK/CSI").

2.Awtorità kompetenti li tirċievi talba għal kooperazzjoni jew skambju ta' informazzjoni dwar membru tal-grupp skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE 16 , għandha tirrispondi skont il-limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 7 ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 63
Klawżola ta' segretezza

1.Kull informazzjoni li tingħata lil Stat Membru skont ir-regoli ta' din id-Direttiva għandha tkun koperta bl-obbligu ta' segretezza uffiċjali f'dak l-Istat Membru u għandha tgawdi l-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili taħt il-leġiżlazzjoni domestika ta' dak l-Istat Membru. Dik l-informazzjoni:

(a)tista' titpoġġa għad-dispożizzjoni biss tal-persuni direttament involuti fil-valutazzjoni tat-taxxa jew fil-kontroll amministrattiv ta' dik il-valutazzjoni tat-taxxa;

(b)tista', barra minn hekk, tingħata biss b'rabta ma' proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jistgħu jinvolvu penali u huma meħuda bil-għan, jew b’rabta mat-tħejjija jew mar-reviżjoni tal-valutazzjoni tat-taxxa u lill-persuni biss li jkunu direttament involuti f'dawk il-proċedimenti; madankollu, dik l-informazzjoni tista' tiġi żvelata waqt seduti ta' smigħ pubbliċi jew fis-sentenzi jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tikkomunika l-informazzjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni;

(c)ma għandha tintuża fl-ebda ċirkostanza ħlief għal finijiet ta' tassazzjoni jew b'rabta ma' proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jistgħu jinvolvu penali u huma meħuda bil-għan, jew b'rabta mat-tħejjija jew mar-reviżjoni tal-valutazzjoni tat-taxxa.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tintuża għall-valutazzjoni ta' imposti, dazji u taxxi oħrajn koperti mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/16/UE.

2.Bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tikkomunika l-informazzjoni skont id-Direttiva 2011/16/UE u sakemm dan ikun permess bil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni, l-informazzjoni riċevuta skont id-Direttiva 2011/16/UE tista' tintuża għal finijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1. Din l-awtorizzazjoni għandha tingħata jekk l-informazzjoni tista' tintuża għall-finijiet simili fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tikkomunika l-informazzjoni.

Artikolu 64
Verifiki

1.L-awtorità tat-taxxa ewlenija tista' tibda u tikkoordina verifiki ta' membri ta' grupp. Verifika tista' tinbeda wkoll fuq talba ta' awtorità kompetenti.

L-awtorità tat-taxxa ewlenija u l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati l-oħra għandhom jistabbilixxu flimkien il-kamp ta' applikazzjoni u l-kontenut ta' verifika u l-membri tal-grupp li għandhom jiġu vverifikati.

2.Verifika għandha titmexxa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li fih titwettaq, soġġetta għal dawk l-aġġustamenti li jkunu meħtieġa sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta tar-regoli ta' din id-Direttiva. Dawk il-verifiki jistgħu jinkludu inkjesti, spezzjonijiet jew eżamijiet ta' kwalunkwe xorta għall-fini ta' verifika tal-konformità ta' kontribwent mar-regoli ta' din id-Direttiva.

3.L-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha tiġbor ir-riżultati tal-verifiki kollha.

Artikolu 65
Nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri

1.Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun residenti membru ta' grupp għall-finijiet ta' taxxa jew fejn ikun jinsab fil-forma ta' stabbiliment permanenti ma taqbilx ma' deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa ewlenija li tkun ittieħdet skont l-Artikolu 49 jew 56(2) jew (4) jew mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 56(5), din tista' tikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija f'perjodu ta' tliet xhur.

2.L-awtorità kompetenti għandu jkollha mill-inqas l-istess drittijiet proċedurali bħal dawk li jgawdi minnhom kontribwent skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru fi proċedimenti kontra deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa ewlenija.

Artikolu 66
Appelli

1.Kontribwent prinċipali jista' jappella, fost l-oħrajn, kontra l-atti li ġejjin:

(a)deċiżjoni li tirrifjuta avviż sabiex jinħoloq grupp;

(b)avviż li jitlob l-iżvelar ta' dokumenti jew ta' informazzjoni;

(c)valutazzjoni tat-taxxa emendata;

(d)valutazzjoni tan-nuqqas ta' sottomissjoni ta' dikjarazzjoni tat-taxxa konsolidata;

(e)invalidazzjoni tal-avviż oriġinali sabiex jinħoloq grupp mill-awtorità tat-taxxa ewlenija kif imsemmi fl-Artikolu 49(2).

L-appell għandu jiġi ppreżentat fi żmien sittin jum minn meta jasal l-att li jsir l-appell kontrih.

2.Appell ma għandux ikollu effett ta' sospensjoni fuq l-obbligazzjoni tat-taxxa ta' kontribwent.

3.B'deroga mill-Artikolu 56(2), tista' tinħareġ valutazzjoni tat-taxxa emendata sabiex tagħti effett lir-riżultat ta' appell.

Artikolu 67
Appelli amministrattivi

1.L-appelli kontra valutazzjonijiet tat-taxxa emendati jew valutazzjonijiet tat-taxxa magħmula skont l-Artikolu 54 għandhom jinstemgħu minn korp amministrattiv li, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija, huwa kompetenti sabiex jisma' l-appelli fl-ewwel istanza. Il-korp amministrattiv għandu jkun indipendenti mill-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija. Meta ma jkunx hemm korp amministrattiv bħal dan f'dak l-Istat Membru, il-kontribwent prinċipali jista' jressaq appell ġudizzjarju direttament.

2.Meta tagħmel sottomissjonijiet lill-korp amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha taġixxi f'konsultazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn.

3.Il-korp amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 1 jista', fejn ikun xieraq, jordna li tiġi pprovduta evidenza mill-kontribwent prinċipali u mill-awtorità tat-taxxa ewlenija dwar l-affarijiet tat-taxxa tal-membri tal-grupp u intrapriżi assoċjati oħrajn u dwar il-liġi u l-prattiki tal-Istati Membri kkonċernati l-oħrajn. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati l-oħrajn għandhom jipprovdu l-assistenza kollha neċessarja lill-awtorità tat-taxxa ewlenija.

4.Meta l-korp amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 1 ibiddel id-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa ewlenija, id-deċiżjoni mibdula għandha tieħu post id-deċiżjoni oriġinali tal-awtorità tat-taxxa ewlenija u għandha tiġi ttrattata bħala d-deċiżjoni ta' dik l-awtorità tat-taxxa ewlenija.

5.Il-korp amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiddeċiedi fuq l-appell fi żmien sitt xhur. Jekk il-kontribwent prinċipali ma jirċievi l-ebda deċiżjoni f'dak il-perjodu, id-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha titqies li tkun ġiet ikkonfermata.

6.Meta d-deċiżjoni tkun ikkonfermata jew mibdula, il-kontribwent prinċipali għandu jkollu d-dritt li jappella direttament quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija fi żmien sittin jum minn meta jirċievi d-deċiżjoni tal-korp tal-appelli amministrattivi msemmi fil-paragrafu 1.

7.Meta d-deċiżjoni tiġi annullata, il-korp amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jirreferi l-kwistjoni lill-awtorità tat-taxxa ewlenija. Dik l-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha tieħu deċiżjoni ġdida fi żmien sittin jum mid-data li fiha tkun ġiet innotifikata lilha d-deċiżjoni tal-korp amministrattiv. Il-kontribwent prinċipali jista' jappella kontra kwalunkwe deċiżjoni ġdida bħal din skont il-paragrafu 1 jew inkella direttament quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija fi żmien sittin jum minn meta jirċievi d-deċiżjoni. Jekk l-awtorità tat-taxxa ewlenija ma tiħux deċiżjoni ġdida fi żmien sittin jum, il-kontribwent prinċipali jista' jappella kontra d-deċiżjoni oriġinali tal-awtorità tat-taxxa ewlenija quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-awtorità tat-taxxa ewlenija.

Artikolu 68
Appelli ġudizzjarji

1.Appell ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa ewlenija għandu jkun irregolat bil-liġi tal-Istat Membru ta' dik l-awtorità tat-taxxa ewlenija, soġġett għall-paragrafu 3.

2.Meta tagħmel sottomissjonijiet lill-qrati, l-awtorità tat-taxxa ewlenija għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn.

3.Qorti nazzjonali tista' tordna li tiġi pprovduta evidenza mill-kontribwent prinċipali u mill-awtorità tat-taxxa ewlenija dwar l-affarijiet tat-taxxa tal-membri tal-grupp u ta' intrapriżi assoċjati oħrajn u dwar il-liġi u l-prattiki tal-Istati Membri kkonċernati l-oħrajn. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati l-oħrajn għandhom jipprovdu l-assistenza kollha neċessarja lill-awtorità tat-taxxa ewlenija.

KAPITOLU X

INTERAZZJONI MAD-DIRETTIVA 2016/xx/UE

Artikolu 69

Regola dwar il-limitazzjoni tal-imgħax

1.Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, grupp għandu jiġi ttrattat bħala kontribwent waħdieni skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/xx/UE. Il-grupp għandu jiġi rrappreżentat mill-kontribwent prinċipali.

2.Fejn japplika l-paragrafu 1, il-kostijiet tas-self eċċedenti u l-EBITDA għandhom jiġu kkalkolati fil-livell tal-grupp u jinkludu r-riżultati tal-membri kollha tal-grupp. L-ammont ta' EUR 3 000 000 imsemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/xx/UE għandu jiżdied għal 5 000 000.

3.Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati skont l-Artikolu 75 sabiex tistabbilixxi regoli aktar dettaljati kontra l-frammentazzjoni għat-tnaqqis tal-kostijiet tas-self eċċedenti.

Artikolu 70Valwazzjoni

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2016/xx/UE ma għandux japplika għal grupp jekk il-membri kollha tal-grupp ikunu jinsabu fi Stati Membri li ma adottawx l-euro (EUR), f'dak il-każ, il-kontribwent prinċipali għandu jiddetermina liema munita tapplika.

Artikolu 71
Kumpens u rkupru tat-telf

1.L-Artikolu 41 tad-Direttiva 2016/xx/UE dwar il-kumpens u rkupru tat-telf għandu jieqaf japplika awtomatikament meta tidħol fis-seħħ din id-Direttiva.

2.It-telf ittrasferit li jkun għadu ma ġiex irkuprat meta tidħol fis-seħħ din id-Direttiva għandu jibqa' għand il-kontribwent li jkun ġie ttrasferit lilu.

Artikolu 72
Bdil

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, ir-referenza għar-rata statutorja tat-taxxa korporattiva li kien ikun soġġett għaliha l-kontribwent fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2016/xx/UE ma għandhiex tapplika u minflok għandha tiġi sostitwita bir-rata statutorja medja tat-taxxa korporattiva applikabbli fost l-Istati Membri kollha.

Artikolu 73
Leġiżlazzjoni dwar il-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2016/xx/UE għandu jkun limitat għar-relazzjonijiet bejn il-membri tal-grupp u l-entitajiet li huma residenti għal finijiet ta' taxxa, jew l-istabbilimenti permanenti li jinsabu f'pajjiż terz.

Artikolu 74
Diskrepanzi ibridi

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar id-diskrepanzi ibridi skont l-Artikolu 61 tad-Direttiva 2016/xx/UE għandu jkun limitat għar-relazzjonijiet bejn il-membri tal-grupp u oħrajn li mhumiex membri tal-grupp u li huma intrapriżi assoċjati, kif imsemmi fl-Artikolu 56 tad-Direttiva 2016/xx/UE.

KAPITOLU XI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 75
Eżerċitar tad-delega

1.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 2(5), 3 u 69(3) għal perjodu ta' żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2(5), 3 u 69(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalun kwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah lill-Kunsill.

5.Att delegat adottat skont l-Artikoli 2(5), 3 u 69(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni mill-Kunsill f'perjodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Kunsill jew qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu jekk il-Kunsill ikun informa lill-Kummissjoni li mhuwiex se joġġezzjona. Dak il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Kunsill.

Artikolu 76
Notifika lill-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat bl-adozzjoni tal-atti delegati mill-Kummissjoni, bi kwalunkwe oġġezzjoni fformulata għalihom u bir-revoka tad-delega tas-setgħat mill-Kunsill.

Artikolu 77
Proċedura ta' kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 78
Konsultazzjonijiet dwar l-Artikolu 29

Il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 77 jista' wkoll jiddiskuti l-applikazzjoni tal-Artikolu 29 f'każ partikolari.

Artikolu 79
Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, tirrevedi l-applikazzjoni tagħha u tirrapporta lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta' din id-Direttiva. B'mod partikolari, ir-rapport għandu jinkludi analiżi tal-impatt tal-mekkaniżmu mwaqqaf fil-Kapitolu VIII ta' din id-Direttiva dwar it-tqassim tal-bażijiet għat-taxxa bejn l-Istati Membri.

Artikolu 80
Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 81
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 82
Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ( SWD(2015) 121 final ) jagħti ħarsa ġenerali dettaljata tal-iżvilupp storiku u tal-kwistjonijiet u l-isfidi attwali fit-tassazzjoni ta' profitti multinazzjonali.
(2) "Il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva tikkonsisti f’li wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta’ sistema fiskali jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali jew aktar bl-iskop ta’ tnaqqis fit-taxxa dovuta" (Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2012 dwar il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, C(2012)8806 finali ).
(3) COM (2015) 302 final; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2015 dwar sistema tat-taxxa korporattiva ġusta u effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: ħames oqsma ewlenin għal azzjoni.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2016/1164/UE tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1-14).
(5) ĠU C , , p. .
(6) ĠU C , , p. .
(7) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni, KUMM (2011) 121 finali/2, 3.10.2011.
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(9) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.1.1995, p. 31).
(10) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1-22).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(13) Id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar dokumenti ta' spjegazzjoni (ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14).
(14) [it-titolu sħiħ tad-Direttiva (ĠU L [ ], [ ], p. [ ])].
(15) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/133/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri (ĠU L 310, 25.11.2009, p. 34).
(16) Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64/1, 11.3.2011, p. 1).
Top

Strasburgu, 25.10.2016

COM(2016) 683 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill

dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

{SWD(2016) 341 final}
{SWD(2016) 342 final}


ANNESS I

(a)    Il-kumpanija Ewropea jew Societas Europaea (SE), kif stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 1 u fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE 2 ;

(b)    Is-Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE), kif stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 3 u fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE 4 ;

(c)    kumpaniji skont il-liġi Belġjana magħrufa bħala “naamloze vennootschap"/“société anonyme”, “commanditaire vennootschap op aandelen”/“société en commandite par actions”, “besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”/“société privée à responsabilité limitée”, “coöperatieve vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”/“société coopérative à responsabilité limitée”, “coöperatieve vennootschap met onbeperkte aansprakelijkheid”/“société coopérative à responsabilité illimitée”, “vennootschap onder firma”/“société en nom collectif”, “gewone commanditaire vennootschap”/“société en commandite simple”, impriżi pubbliċi li adottaw waħda mill-forom legali msemmija hawn fuq, u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Belġjana soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Belġjana;

(d)    kumpaniji skont il-liġi Bulgara magħrufa bħala: “събирателното дружество”, “командитното дружество”, “дружеството с ограничена отговорност”, “акционерното дружество”, “командитното дружество с акции”, “кооперации”,“кооперативни съюзи”, “държавни предприятия” kostitwiti skont il-liġi Bulgara u li jwettqu attivitajiet kummerċjali;

(e)    kumpaniji skont il-liġi Ċeka magħrufa bħala: “akciová společnost”, “společnost s ručením omezeným”, “veřejná obchodní společnost”, “komanditní společnost”, “družstvo”;

(f)    kumpaniji skont il-liġi Daniża magħrufa bħala “aktieselskab” u “anpartsselskab”. Kumpaniji oħrajn soġġetti għat-taxxa skont l-Att dwar it-Taxxa Korporattiva, sa fejn l-introjtu taxxabbli tagħhom jiġi kkalkolat u ntaxxat skont ir-regoli ġenerali dwar il-legiżlazzjoni tat-taxxa applikabbli għal “aktieselskaber”,

(g)    kumpaniji skont il-liġi Ġermaniża magħrufa bħala “Aktiengesellschaft”, “Kommanditgesellschaft auf Aktien”, “Gesellschaft mit beschränkter Haftung”, “Versicherungsverein auf Gegenseitigkeit”, “Erwerbs- und Wirtschaftsgenossenschaft”, “Betriebe gewerblicher Art von juristischen Personen des öffentlichen Rechts”, u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Ġermaniża soġġetti għat-taxxa korporattiva Ġermaniża;

(h)    kumpaniji skont il-liġi Estonjana magħrufa bħala: “täisühing”, “usaldusühing”, “osaühing”, “aktsiaselts”, “tulundusühistu”;

(i)    kumpaniji inkorporati jew eżistenti skont il-liġijiet Irlandiżi, korpi rreġistrati skont l-"Industrial and Provident Societies Act", soċjetajiet tal-bini inkorporati skont il-"Building Societies Act" u "trustee savings banks" skont it-tifsira tat-"Trustee Savings Banks Act" tal-1989;

(j)    kumpaniji skont il-liġi Griega magħrufa bħala "αvώvυμη εταιρεία", "εταιρεία περιωρισμέvης ευθύvης (Ε.Π.Ε.)";

(k)    kumpaniji skont il-liġi Spanjola magħrufa bħala “sociedad anónima”, “sociedad comanditaria por acciones”, “sociedad de responsabilidad limitada”, u dawk il-korpi rregolati bil-liġi pubblika li joperaw skont il-liġi privata;

(l)    kumpaniji skont il-liġi Franċiża magħrufa bħala “société anonyme”, “société en commandite par actions”, “société à responsabilité limitée”, “sociétés par actions simplifiées”, “sociétés d’assurances mutuelles”, “caisses d’épargne et de prévoyance”, “sociétés civiles” li huma awtomatikament soġġetti għat-taxxa korporattiva, “coopératives”, “unions de coopératives”, stabbilimenti u impriżi pubbliċi industrijali u kummerċjali, u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Franċiża soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Franċiża;

(m)    kumpaniji skont il-liġi Kroata magħrufa bħala ‘dioničko društvo’, ‘društvo s ograničenom odgovornošću’ u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Kroata soġġetti għat-taxxa Kroata fuq il-profitt;

(n)    kumpaniji skont il-liġi Taljana magħrufa bħala "società per azioni", "società in accomandita per azioni", "società a responsabilità limitata", "società cooperative", "società di mutua assicurazione" u entitajiet pubbliċi u privati li l-attività tagħhom hija kompletament jew prinċipalment kummerċjali;

(o)    kumpaniji skont il-liġi Ċiprijotta: "εταιρείες" kif definit fil-liġijiet dwar it-Taxxa fuq id-Dħul;

(p)    kumpaniji skont il-liġi Latvjana magħrufa bħala: “akciju sabiedrība”, “sabiedrība ar ierobežotu atbildību”;

(q)    kumpaniji inkorporati skont il-liġi tal-Litwanja;

(r)    kumpaniji skont il-liġi tal-Lussemburgu magħrufa bħala "société anonyme", "société en commandite par actions", "société à responsabilité limitée", "société coopérative", "société coopérative organisée comme une société anonyme", "association d’assurances mutuelles", "association d’épargne-pension", "entreprise de nature commerciale, industrielle ou minière de l’Etat, des communes, des syndicats de communes, des établissements publics et des autres personnes morales de droit public" u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi tal-Lussemburgu soġġetti għat-Taxxa Korporattiva tal-Lussemburgu;

(s)    kumpaniji skont il-liġi Ungeriża magħrufa bħala: “közkereseti társaság”, “betéti társaság”, “közös vállalat”, “korlátolt felelősségű társaság”, “részvénytársaság”, “egyesülés”, “közhasznú társaság”, “szövetkezet”;

(t)    kumpaniji skont il-liġi Maltija magħrufa bħala: "Kumpaniji ta' Responsabilità Limitata", "Soċjetajiet en commandite li l-kapital tagħhom maqsum f'azzjonijiet";

(u)    kumpaniji skont il-liġi Netherlandiża magħrufa bħala “naamloze vennootschap”, “besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid”, “open commanditaire vennootschap”, “coöperatie”, “onderlinge waarborgmaatschappij”, “fonds voor gemene rekening”, “vereniging op coöperatieve grondslag” u “vereniging welke op onderlinge grondslag als verzekeraar of kredietinstelling optreedt” u kumpaniji oħrajn kostitwiti skont il-liġi Netherlandiża soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Netherlandiża;

(v)    kumpaniji skont il-liġi Awstrijaka magħrufa bħala "Aktiengesellschaft", "Gesellschaft mit beschränkter Haftung", "Versicherungsvereine auf Gegenseitigkeit", "Erwerbs und Wirtschaftsgenossenschaften", "Betriebe gewerblicher Art von Körperschaften des öffentlichen Rechts", "Sparkassen", u kumpaniji oħra kostitwiti skont il-liġi Awstrijaka soġġetti għat-taxxa korporattiva Awstrijaka;

(w)    kumpaniji skont il-liġi Pollakka magħrufa bħala: “spółka akcyjna”, “spółka z ograniczoną odpowiedzialnością”, “spółdzielnia“, “przedsiębiorstwo państwowe“;

(x)    kumpaniji kummerċjali jew kumpaniji tal-liġi ċivili li għandhom forma kummerċjali, kooperattivi u impriżi pubbliċi inkorporati skont il-liġi Portugiża;

(y)    kumpaniji skont il-liġi Rumena magħrufa bħala: “societăţi pe acţiuni”, “societăţi în comandită pe acţiuni”, “societăţi cu răspundere limitată;

(z)    kumpaniji skont il-liġi Slovena magħrufa bħala: "delniška družba", "komanditna delniška družba", "komanditna družba", "družba z omejeno odgovornostjo", "družba z neomejeno odgovornostjo";

(aa)    kumpaniji skont il-liġi Slovakka magħrufa bħala: “akciová spoločnosť ”, “spoločnosť s ručením obmedzeným”, “komanditná spoločnosť ”, “verejná obchodná spoločnosť“, “družstvo“;

(bb)    kumpaniji skont il-liġi Finlandiża magħrufa bħala “osakeyhtiö”/“aktiebolag”, “osuuskunta”/“andelslag”, “säästöpankki”/“sparbank” u “vakuutusyhtiö”/“försäkringsbolag”;

(cc)    kumpaniji skont il-liġi Żvediża magħrufa bħala “försäkringsaktiebolag”, “ekonomiska föreningar”, “sparbanker”, “ömsesidiga försäkringsbolag”;

(dd)    kumpaniji inkorporati skont il-liġi tar-Renju Unit.

ANNESS II

Belgïe/Belgique

Vennootschapsbelasting/Impôt des sociétés

България

корпоративен данък

Česká republika

Daň z příjmů právnických osob

Danmark

Selskabsskat

Deutschland

Körperschaftsteuer

Eesti

Tulumaks

Éire/Ireland

Cáin chorparáide/Corporation Tax

Ελλάδα

Φόρος εισοδήματος νομικών προσώπων κερδοσκοπικού χαρακτήρα

España

Impuesto sobre sociedades

France

Ιmpôt sur les sociétés

Republika Hrvatska

Porez na dobit

Italia

Imposta sul reddito delle società

Κύπρος

Φόρος Εισοδήματος

Latvija

Uzņēmumu ienākuma nodoklis

Lietuva

Pelno mokestis

Luxembourg

Impôt sur le revenu des collectivités

Magyarország

Társasági adó

Malta

Taxxa fuq l-income

Nederland

Vennootschapsbelasting

Österreich

Körperschaftsteuer

Polska

Podatek dochodowy od osób prawnych

Portugal

Imposto sobre o rendimento das pessoas colectivas

România

Impozit pe profit

Slovenija

Davek od dobička pravnih oseb

Slovensko

Daň z príjmov právnických osôb

Suomi/Finland

Yhteisöjen tulovero/inkomstskatten för samfund

Sverige

Statlig inkomstskatt

United Kingdom

Corporation Tax

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpanija Ewropea (SE) (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta' Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetа Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat-22 ta' Lulju 2003 li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25).
Top