IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.9.2016
COM(2016) 621 final
ANNESS
tal-Proposta għal
Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed fil-Kumitat Konġunt tal-UE u tal-ICAO fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta’ Anness dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li jkun mal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
ANNESS
Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tal-UE u tal-ICAO
ta’
dwar l-adozzjoni ta’ Anness dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li jkun mal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa
IL-KUMITAT KONĠUNT TAL-UE U TAL-ICAO,
Wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (“il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni”), li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2012, u b’mod partikulari l-Artikolu 7.3(c) tiegħu,
Billi:
Huwa xieraq li jiddaħħal Anness dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fil-Memorandum ta’ Kooperazzjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness ta’ din id-Deċiżjoni b’dan qed jiġi adottat u għandu jifforma parti integrali mill-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata.
Magħmul fi, … .
Għall-Kumitat Konġunt tal-UE u tal-ICAO
Il-Presidenti
ANNESS
DWAR
IL-ĠESTJONI TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU
1.
L-għanijiet
1.1Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (minn hawn ’il quddiem imsejħin “l-ATM/l-ANS”) fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea (l-UE) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) li ġie ffirmat f’Montreal fit-28 ta’ April 2011 u fi Brussell fl-4 ta’ Mejju 2011.
1.2B’mod konsistenti mal-impenn tagħhom li jarmonizzaw ir-rekwiżiti inklużi fl-istandards u l-prattiki rakkomandati (l-SARPs) għall-ATM/l-ANS b’mod dinji u li jkun hemm interoperabbiltà globali tat-teknoloġiji u s-sistemi l-ġodda fil-qasam tal-ATM/l-ANS, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw mill-qrib fi spirtu ta’ trasparenza u ta’ djalogu biex jikkoordinaw l-attivitajiet tal-ATM/l-ANS tagħhom.
2.
Il-kamp ta’ applikazzjoni
2.1Sabiex jilħqu l-għanijiet speċifikati fil-paragrafu 1.2, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma li ġejjin:
-fit-twettiq ta’ djaloġu regolari dwar kwistjonijiet marbutin mal-ATM/l-ANS li huma ta’ interess reċiproku;
-fil-kisba tat-trasparenza permezz tal-iskambju regolari tal-informazzjoni rilevanti dwar l-ATM/l-ANS;
-fil-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-ATM/l-ANS;
-fil-monitoraġġ u fl-analiżi tal-konformità tal-Istati mal-istandards tal-ICAO u tal-ħarsien tagħhom tal-prattiki rakkomandati fil-qasam tal-ATM/l-ANS;
-fil-kooperazzjoni fi kwistjonijiet regolatorji u fi kwistjonijiet li jistabbilixxu l-istandards;
-fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-Pjan globali tal-ICAO tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-metodoloġija tiegħu ta’ titjib ġenerali tas-sistema tal-avjazzjoni msejħa “aviation system block upgrade” (ASBU);
-fl-iżvilupp u fil-forniment ta’ proġetti u programmi ta’ assistenza teknika;
-fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali, b’mod partikulari fir-reġjun Ewropew tal-ICAO (ir-reġjun EUR), filwaqt li jitqiesu b’mod speċifiku r-riżultati li nkisbu fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) u l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-EASA) fi kwistjonijiet marbutin mal-ATM/l-ANS; u
-fl-iskambju tal-esperti tekniċi fl-oqsma rilevanti tal-ATM/tal-ANS.
3.
L-implimentazzjoni
3.1Il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu arranġamenti ta’ ħidma li jispeċifikaw mekkaniżmi u proċeduri miftiehma b’mod reċiproku biex jimplimentaw il-kooperazzjoni b’mod effettiv fl-oqsma msemmijin fl-Artikolu 2.1. Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta dawn l-arranġamenti ta’ ħidma.
3.2Il-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-ICAO tan-navigazzjoni bl-ajru (l-ANB) għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-kuntest ta’ dan l-Anness f’isem il-Partijiet. Skont kif ikun xieraq, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tinvolvi lil organizzazzjonijiet Ewropej oħrajn f’dawn l-attivitajiet, fosthom lill-EASA, lill-Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR), lill-Maniġer responsabbli għall-adozzjoni tas-SESAR u lill-Eurocontrol.
4.
Id-djalogu
4.1Il-Partijiet għandhom jorganizzaw laqgħat u/jew telekonferenzi fuq bażi regolari biex jiddiskutu kwistjonijiet marbutin mal-ATM/l-ANS li huma ta’ interess reċiproku u, fejn ikun meħtieġ u jkun xieraq, biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom.
5.
It-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni
5.1Il-Partijiet għandhom iħeġġu, skont ir-regoli applikabbli tagħhom, it-trasparenza fil-qasam tal-ATM/l-ANS fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ partijiet terzi.
5.2Il-Partijiet għandhom ikunu trasparenti fil-kooperazzjoni u fil-kollaborazzjoni tagħhom b’rabta mal-attivitajiet tal-ATM/l-ANS permezz tal-iskambju ta’ dejta, informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti u xierqa bla ħsara għar-regoli applikabbli tagħhom, u billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni reċiproka fil-laqgħat.
5.3.Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-iskambju tal-informazzjoni li jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun waslitilhom mingħand il-Partijiet l-oħrajn skont l-Artikolu 6 tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
6.
Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-ATM/l-ANS
6.1Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness, kull Parti għandha tistieden lill-Parti l-oħra tipparteċipa f’attivitajiet u f’laqgħat marbutin mal-ATM/l-ANS bħala osservatur, kif xieraq, skont ir-regoli ta’ proċedura stabbiliti, bil-għan li jkunu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib.
7.
Qsim tal-informazzjoni dwar l-ATM/l-ANS u tal-analiżi marbuta magħha
7.1Bla ħsara għar-regoli applikabbli tagħhom u skont l-arranġamenti ta’ ħidma x-xierqa li jkunu jridu jiġu żviluppati, il-Partijiet għandhom jaqsmu l-informazzjoni u d-dejta rilevanti dwar l-ATM/l-ANS, kif ukoll l-analiżi li jkunu saru abbażi ta’ din l-informazzjoni u ta’ din id-dejta.
7.2Il-Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib fl-azzjonijiet li jittieħdu biex ikun hemm konformità iktar effettiva mal-SARPs fl-UE u fi Stati oħrajn. Din il-kooperazzjoni għandha tinkludi l-iskambju tal-informazzjoni, l-iffaċilitar tad-djalogu bejn il-Partijiet ikkonċernati u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-assistenza teknika li jista’ jkun hemm.
7.3Abbażi tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-analiżi tal-prestazzjoni u tal-iffissar tal-miri, kif ukoll fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, l-UE għandha tgħin lill-ICAO fl-iżvilupp ta’ approċċ dinji bbażat fuq il-prestazzjoni u ta’ approċċ dinji ta’ monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan globali tal-ICAO tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-metodoloġija tal-ASBU inkluża fih. Hija u tiżviluppa l-approċċi dinjin tagħha, l-ICAO għandha tuża bl-aħjar mod u kif xieraq il-materjali eżistenti tal-UE jew il-materjali tagħha li qed jiġu żviluppati li ġejjin mill-iżvilupp u mill-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-SES.
8.
Il-kwistjonijiet regolatorji u l-kwistjonijiet li jistabbilixxu l-istandards
8.1Kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra tinżamm infurmata dwar il-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards, ir-rekwiżiti u l-prattiki rakkomandati rilevanti tagħha kollha li jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness, kif ukoll dwar kull emenda tagħhom.
8.2Il-Partijiet għandhom jgħarrfu lil xulxin, fil-ħin, dwar kull emenda proposta fil-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards, ir-rekwiżiti u l-prattiki rakkomandati rilevanti tagħhom, safejn dawn l-emendi jista’ jkollhom impatt fuq l-applikazzjoni ta’ dan l-Anness. It-tali notifiki jistgħu jinkludu wkoll, skont il-bżonn, il-qsim tal-istrumenti x-xierqa tal-ippjanar (pereżempju l-programmi annwali jew pluriennali rilevanti). Fid-dawl ta’ dawn l-emendi, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta emendi għal dan l-Anness, kif meħtieġ, skont l-Artikolu 7 tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
8.3Bil-għan li jiġu armonizzati r-regolamenti u l-istandards tal-ATM/l-ANS b’mod dinji, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet regolatorji tekniċi fil-qasam tal-ATM/l-ANS matul il-proċessi rispettivi tagħhom tal-iżvilupp tal-SARPs jew tat-tfassil tar-regoli u għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-korpi tekniċi assoċjati kif u meta dan ikun xieraq.
8.4Għal dan il-għan, l-UE u l-ICAO għandhom ikomplu jissimplifikaw il-kooperazzjoni ta’ bejniethom sabiex tkun żgurata l-analiżi fil-ħin tar-regoli tal-UE wara li l-ICAO tagħmel xi emendi fl-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta’ Chicago) u biex jingħataw kummenti fil-ħin lill-ICAO meta jkunu qed jitqiesu emendi fl-Annessi li jkunu rilevanti għall-qasam tal-ATM/l-ANS.
8.5L-ICAO għandha tagħti informazzjoni fil-ħin lill-UE dwar id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha li jaffettwaw lill-SARPs marbutin mal-ATM/mal-ANS billi tipprovdilha aċċess sħiħ għall-ittri tagħha lill-Istati u għall-Bulettini Elettroniċi tagħha.
8.6Fejn ikun xieraq, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE tkun konformi mal-SARPs tal-ICAO marbutin mal-ATM/mal-ANS.
8.7Minħabba li l-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru huwa marbut mill-qrib mal-Pjan globali tal-ICAO tan-navigazzjoni bl-ajru u mal-metodoloġija tal-ASBU inkluża fih, l-UE se tgħin lill-ICAO tiżviluppa l-SARPs u l-materjal ta’ appoġġ għar-rekwiżiti l-ġodda tal-ATM/tal-ANS b’kooperazzjoni mal-Istati Membri tagħha, abbażi tal-bżonnijiet tagħha u tal-esperjenza tagħha fl-adozzjoni tas-SESAR. Bl-istess mod, l-ICAO se tgħin lill-UE taġġorna l-istandards tagħha għall-interoperabbiltà globali tar-rekwiżiti l-ġodda tal-ATM/tal-ANS, abbażi tal-Pjan globali tagħha tan-navigazzjoni bl-ajru, tal-metodoloġija tal-ASBU u tal-pjanijiet direzzjonali relatati.
8.8Minkejja l-obbligi tal-Istati Membri tal-UE bħala Stati kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-UE għandha tidħol fi djalogu mal-ICAO, fejn u meta dan ikun xieraq, biex tipprovdilha l-informazzjoni teknika f’każijiet fejn jinqalgħu kwistjonijiet marbutin mal-konformità mal-istandards tal-ICAO u mal-ħarsien tal-prattiki rakkomandati tal-ICAO wara l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
8.9It-twettiq ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni b’rabta ma’ kwistjonijiet regolatorji u ma’ kwistjonijiet li jistabbilixxu l-istandards la għandu jmur kontra l-proċeduri eżistenti tal-ICAO tat-tfassil tar-regoli u lanqas ma għandu jwassal biex jiġu stabbiliti obbligi legali jew tar-rappurtar ġodda għall-ICAO fil-konfront tal-UE jew tal-Istati Membri tagħha.
9.
Il-proġetti u l-programmi ta’ assistenza teknika
9.1Il-Partijiet għandhom jikkoordinaw l-assistenza mogħtija lill-Istati sabiex ikun żgurat użu effettiv tar-riżorsi u sabiex ma jkunx hemm sforzi doppji, u għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-proġetti u l-programmi ta’ assistenza teknika marbutin mal-ATM/mal-ANS, inkluża d-dejta dwarhom.
10.
Il-kooperazzjoni reġjonali
10.1Il-Partijiet għandhom jagħtu prijorità lill-attivitajiet li għandhom l-għan li jħaffu l-pass tal-istabbiliment tal-Ajru Uniku Ewropew, fosthom l-attivitajiet rilevanti tal-EASA fil-qasam tal-ATM/tal-ANS, fejn l-approċċ reġjonali joffri opportunitajiet għal iktar kosteffiċjenza, għal sorveljanza mtejba u/jew għal proċessi mtejbin ta’ armonizzazzjoni.
10.2B’rabta mal-paragrafu 10.1 se tingħata attenzjoni partikulari lill-approċċ reġjonali bbażat fuq il-prestazzjoni, lir-regolamenti tekniċi Ewropej fil-qasam tal-ATM/tal-ANS, lill-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, lill-ġestjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk (inkluża ċ-Ċellula Ewropea ta’ Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fis-Settur tal-Avjazzjoni - l-EACCC) u lill-adozzjoni u l-monitoraġġ ta’ kunċetti ġodda tal-ATM/tal-ANS abbażi tas-SESAR u tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru.
10.3Sabiex jintlaħqu l-aspettattivi msemmijin hawn fuq, għandha tinħoloq relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib bejn l-UE u l-Uffiċċju reġjonali tal-ICAO f’Pariġi, fosthom il-parteċipazzjoni reċiproka fil-laqgħat rilevanti (pereżempju f’dawk tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku).
10.4L-UE se tikkoordina l-ħidma bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri tal-UE u l-Uffiċċju reġjonali tal-ICAO fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness, b’mod partikulari sabiex tagħti kontribut għall-pjanijiet reġjonali tal-ICAO.
10.5Minħabba li lill-UE tirrappreżentaha l-Kummissjoni Ewropea fl-ICAO iżda din tinkludi wkoll lill-EASA u lill-Impriża Konġunta SESAR, u minħabba li l-UE għandha Ftehim ta’ livell għoli mal-Eurocontrol, il-Kummissjoni Ewropea se tinvolvi lill-EASA u lill-Impriża Konġunta SESAR b’mod dirett jew lill-Eurocontrol permezz tal-Ftehim ta’ livell għoli biex iwettqu l-attivitajiet li ntlaħaq qbil dwarhom f’dan l-Anness, fejn u meta jkun hemm bżonn.
11.
Assistenza mill-esperti
11.1Bla ħsara għall-iskemi ta’ assistenza mill-esperti żviluppati lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ICAO, fuq talba, esperti b’għarfien espert tekniku fl-oqsma rilevanti tal-ATM/tal-ANS sabiex dawn iwettqu ħidmiet u jieħdu sehem f’attivitajiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness. Il-kundizzjonijiet marbutin mat-tali assistenza mill-esperti għandhom jiġu speċifikati f’arranġament ta’ ħidma bejn il-Partijiet.
12.
Analiżi
12.1Il-Partijiet għandhom janalizzaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness fuq bażi regolari u jqisu l-iżviluppi rilevanti fil-politika jew dawk regolatorji skont il-bżonn.
12.2Kull analiżi ta’ dan l-Anness għandu jagħmilha l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 tal-Memorandum ta’ Kooperazzjoni.
13.Dħul fis-seħħ, emendi u terminazzjoni
13.1Dan l-Anness għandu jidħol fis-seħħ dakinhar li l-Kumitat Konġunt jadottah u għandu jibqa’ fis-seħħ sa ma jiġi tterminat.
13.2Safejn ikun hemm bżonnhom, l-arranġamenti ta’ ħidma li jkun intlaħaq qbil dwarhom skont dan l-Anness għandhom jidħlu fis-seħħ dakinhar li l-Kumitat Konġunt jadottahom.
13.3L-emendi kollha fl-arranġamenti ta’ ħidma adottati skont dan l-Anness jew it-terminazzjoni tagħhom għandu jintlaħaq qbil dwarhom fil-Kumitat Konġunt.
13.4Kull Parti tista’ tittermina dan l-Anness fi kwalunkwe waqt. It-tali terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li Parti waħda tirċievi notifika ta’ terminazzjoni bil-miktub mingħand il-Parti l-oħra, sakemm it-tali notifika ta’ terminazzjoni ma tkunx ġiet irtirata bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet qabel ma jkun skada l-perjodu ta’ sitt xhur.
13.5Minkejja kull dispożizzjoni oħra ta’ dan l-Artikolu, jekk jiġi tterminat il-Memorandum ta’ Kooperazzjoni, dan l-Anness u kull arranġament ta’ ħidma adottat skont dan l-Anness għandhom jiġu tterminati fl-istess ħin.