Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0213

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, detezzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI

COM/2016/0213 final - 2012/010 (COD)

Brussell, 11.4.2016

COM(2016) 213 final

2012/0010(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, detezzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta,
u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI


2012/0010 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, detezzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta,
u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI

1.Sfond

Data ta' trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2012) 10 finali – 2012/0010 COD):

25 ta' Jannar 2012

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

12 ta' Marzu 2014

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata:

Mhux applikabbli

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

8 ta' April 2016

2.L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-awtoritajiet tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali tifforma parti minn pakkett ta' Riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta propost mill-Kummissjoni, li jinkludi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

Il-pakkett tar-riforma tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE għandu l-għan li jibni qafas modern, qawwi, konsistenti u komprensiv tal-protezzjoni tad-dejta għall-Unjoni Ewropea. Dan se jibbenefikaw minnu individwi billi jsaħħaħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u l-fiduċja tagħhom fl-ambjent diġitali.

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ppreċediet id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Il-Kummissjoni – sat-30 ta' Novembru 2014 – ma kellhiex setgħat biex issaħħaħ ir-regoli tagħha, peress li hi Deċiżjoni Qafas, u dan ikkontribwixxa għal implimentazzjoni żbilanċjata. Barra minn hekk, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas hija limitata għal attivitajiet ta' pproċessar transkonfinali. Dan ifisser li l-ipproċessar tad-dejta personali li ma tkunx ġiet soġġetta għal skambji bejn Stati Membri bħalissa mhuwiex kopert mir-regoli tal-UE li jirregolaw tali pproċessar u jipproteġu d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta. Dan joħloq ukoll, f’ċerti każijiet, diffikultajiet prattiċi għall-pulizija u awtoritajiet oħra li għalihom ma jkunx dejjem ovvju jekk l-ipproċessar tad-dejta għandux ikun purament domestiku jew transkonfinali; jew li jipprevedu jekk dejta "domestika" għandiex issir l-oġġett ta’ skambju transkonfinali sussegwenti.

L-assigurazzjoni ta’ livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali ta’ individwi u l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ dejta personali bejn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri hija kruċjali sabiex tkun assigurata l-kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f’materji kriminali u dik tal-pulizija. Għal dak il-għan, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, detezzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, irid ikun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Il-protezzjoni effettiva tad-dejta personali madwar l-Unjoni titlob li jiġu msaħħa d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u l-obbligi ta’ dawk li jipproċessaw dejta personali, iżda wkoll setgħat ekwivalenti sabiex tiġi sorveljata u assigurata l-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-dejta personali fi Stati Membri.

Id-Direttiva se tippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi jikooperaw iktar effettivament u malajr flimkien. Tibni l-kunfidenza u tiżgura ċertezza tad-dritt.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fi trilogi informali fil-15 ta' Diċembru 2015, sussegwentement appoġġati mill-Kunsill fit-8 ta' April 2016.

Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim peress li hu konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.

Il-ftehim għandu l-objettiv ġenerali li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali u biex jiffaċilita skambji tad-dejta personali bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, billi japplika regoli armonizzati lil operazzjonijiet ta' pproċessar tad-dejta fuq livell domestiku wkoll. Jippreserva l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni ta' dejta għall-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, filwaqt li tkun rispettata n-natura speċifika ta' dawn l-oqsma.

Il-ftehim jiċċara l-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-Direttiva billi jispeċifika li l-għanijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, detezzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali jinkludu s-"salvagwardja kontra l-prevenzjoni ta' theddidiet għas-sigurtà pubblika". Il-ftehim jinkludi wkoll xi entitajiet privati fil-kunċett ta' "awtoritajiet kompetenti" iżda tali possibbiltà hija riżervata strettament għal entitajiet maħtura mil-liġi nazzjonali sabiex iwettqu poteri pubbliċi jew awtorità pubblika għall-finijiet tad-Direttiva. Peress li teżisti l-prattika fi Stati Membri li xi attivitajiet definiti li qabel kienu jsiru biss mill-Istat jiġu delegati lis-settur privat (eżempju, ħabsijiet privati) tali possibbiltà tintroduċi grad ta' flessibbiltà fid-Direttiva li jippermettilha li taġġusta ruħha għal ambjent li qed jinbidel.

Il-ftehim jipprevedi wkoll għal kriterji u kundizzjonijiet armonizzati minimi dwar limitazzjonijiet possibbli għar-regoli ġenerali. Dan jikkonċerna, b'mod partikulari, id-drittijiet tal-individwi biex ikunu infurmati meta l-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jamministraw jew jaċċessaw id-dejta tagħhom. Limitazzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa għall-prevenzjoni effettiva, l-investigazzjoni, id-detezzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Jistabbilixxi wkoll regoli speċifiċi li jkopru n-natura speċifika tal-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluża distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-dejta li d-drittijiet tagħhom jafu jvarjaw (bħax-xhieda u s-suspettati).

Il-ftehim isaħħaħ l-approċċ abbażi ta' riskju billi jipprevedi l-obbligazzjoni l-ġdida tal-kontrollur sabiex iwettaq, f'ċerti ċirkostanzi, valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-dejta filwaqt li jinżammu l-obbligazzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta kemm intenzjonalment kif ukoll awtomatikament u mal-ħatra ta' uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta.

Il-ftehim jistipula r-regoli għal trasferimenti internazzjonali għal pajjiżi terzi minn awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tad-Direttiva għal tali awtoritajiet, filwaqt li jipprevedi wkoll għall-possibbiltà ta' trasferimenti lil entitajiet privati, ġaladarba jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet speċifiċi.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

Top