Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016PC0061

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Iżvezja – EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks)

COM/2016/061 final

Brussell, 16.2.2016

COM(2016) 61 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
(applikazzjoni mill-Iżvezja – EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament tal-FEG”).

2.Fis-16 ta’ Settembru 2015, l-Iżvezja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji 2 fil-Volvo Group Truck Operation, EMEA, u f’erba’ fornituri u produtturi downstream fl-Iżvezja.

3.Wara li vvalutat din l-applikazzjoni, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribut finanzjarju mill-FEG huma sodisfatti.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

L-applikazzjoni tal-FEG

EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks

L-Istat Membru

L-Iżvezja

Ir-reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell 3 NUTS 2)

SE33 (Upper Norrland)

Id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni

Is-16 ta’ Settembru 2015

Id-data ta’ konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

Is-16 ta’ Settembru 2015

Id-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

It-30 ta’ Settembru 2015

Id-data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

Il-11 ta’ Novembru 2015

Id-data ta’ skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

It-3 ta’ Frar 2016

Il-kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG


L-intrapriża ewlenija

Volvo Group Truck Operation EMEA


L-għadd ta’ intrapriżi konċernati

5

Is-settur(i) tal-attività ekonomika

(Id-Diviżjoni ta’ NACE Reviżjoni 2) 4

Id-Diviżjoni 29 (Manifattura ta’ vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers)


L-għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi downstream

4

Il-perjodu ta’ referenza (erba’ xhur):

L-24 ta’ Frar 2015 - l-24 ta’ Ġunju 2015

L-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

647

L-għadd ta’ sensji qabel u wara l-perjodu ta’ referenza (b)

0

L-għadd totali ta’ sensji (a + b)

647

L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

647

L-għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

500

L-għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) fil-mira

0

Il-baġit għas-servizzi personalizzati (f’EUR)

2 869 938

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 5 (f’EUR)

119 580

Il-baġit totali (f’EUR)

2 989 518

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (f’EUR)

1 793 710

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Il-proċedura

4.L-Iżvezja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks fis-16 ta’ Settembru 2015, fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha kienu ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent deskritti fl-Artikolu 4 tar-Regolament. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-wasla tal-applikazzjoni fis-16 ta’ Settembru 2015 u talbet għal informazzjoni addizzjonali mill-Iżvezja fit-30 ta’ Settembru 2015, fi żmien ġimgħatejn mid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. Il-perjodu ta’ 12-il xahar wara l-wasla tal-applikazzjoni kompluta, li fih il-Kummissjoni għandha tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, jiskadi fit-3 ta’ Frar 2016.

5.B’mod eċċezzjonali, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżomm ma’ din l-iskadenza. Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 1309/2013, l-ispjegazzjoni hi li fil-perjodu li matulu l-Kummissjoni ħejjiet il-proposta tagħha kien hemm nuqqas eċċezzjonali ta’ persunal espert.

L-eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji konċernati

6.L-applikazzjoni tirrigwarda 470 ħaddiema li ngħataw is-sensja f’Volvo Trucks u 177 f’4 fornituri u produtturi downstream. L-intrapriża ewlenija topera fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-Diviżjoni 29 ta’ NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers). Is-sensji li ngħataw mill-intrapriża ewlenija jinsabu primarjament fir-reġjun ta’ SE33 (Upper Norrland) fil-livell NUTS 2.

L-intrapriżi u l-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza

Volvo Group Truck Operation EMEA

470

Caverion

6

IL Logistics AB

24

Isringhausen

57

Lernia

90



L-għadd totali ta’ intrapriżi: 5

L-għadd totali ta’ sensji: 

647

L-għadd totali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet: 

0

L-għadd totali ta’ ħaddiema eliġibbli u persuni li jaħdmu għal rashom:

647

Kriterji ta’ intervent

7.L-Iżvezja ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a), li titlob li jkun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u / jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet.

8.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur għall-applikazzjoni huwa mill-24 ta’ Frar 2015 sal-24 ta’ Ġunju 2015.

9.Is-sensji mogħtija matul il-perjodu ta’ referenza huma kif ġej:

470 ħaddiem ingħataw is-sensja f’Volvo Trucks, u

177 ħaddiem ingħataw is-sensja f’4 fornituri u produtturi downstream ta’ Volvo Trucks.

Kalkolu tas-sensji mogħtija u ta’ waqfien ta’ attività

10.Is-sensji mogħtija matul il-perjodu ta’ referenza ġew ikkalkulati kif ġej:

647 mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt tal-impjieg jew tal-iskadenza tiegħu.

Benefiċjarji eliġibbli

11.Għalhekk, l-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 647.

Rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni

12.Sabiex tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, l-Iżvezja ssostni li l-manifattura ta’ vetturi kummerċjali, segment relattivament żgħir fl-industrija kbira tal-karozzi, ma għadhiex iddominata mill-manifatturi Ewropej u tal-Amerika ta’ Fuq. Filwaqt li l-manifatturi bbażati fis-swieq trijade (l-Amerika ta’ Fuq, minbarra l-Messiku, l-Ewropa u l-Ġappun) huma bla dubju l-mexxejja fil-qasam tat-teknoloġija, il-manifatturi emerġenti ġodda tat-trakkijiet Asjatiċi fiċ-Ċina u fl-Indja kisbu aċċess għat-teknoloġija ġdida minn impriżi konġunti ma’ mexxejja stabbiliti tas-suq fil-Punent.

13.Iċ-Ċina issa qiegħda fuq quddiem nett fil-produzzjoni globali ta’ vetturi kummerċjali b’sehem ta’ 34,1 %. Fl-2014, l-Istati Uniti baqgħu t-tieni l-akbar manifattur ta’ vetturi kummerċjali (2.8 miljun unità), li jammontaw għal 15% tas-sehem dinji. L-UE kklassifikat fit-tielet post, bi kważi 2,2 miljun unità manifatturati, jiġifieri 12,1% tat-total dinji. L-Istati Uniti, l-UE u ċ-Ċina flimkien huma responsabbli għal aktar minn 60% tal-produzzjoni totali ta’ vetturi kummerċjali fid-dinja. Il-produzzjoni globali tal-vetturi kummerċjali baqgħet stabbli fl-2014 (-1%), fejn ġew irreġistrati aktar minn 18-il miljun unità, b’żieda fis-swieq Triad. Il-produzzjoni tal-vetturi kummerċjali fl-UE żdiedet bis-saħħa tas-segment tal-vetturi kummerċjali ħfief li, bi 1,8 miljun unità, kien jirrappreżenta kważi 82 % tal-produzzjoni totali tal-vetturi kummerċjali. Madankollu, is-segment tal-produzzjoni tat-trakkijiet tqal fis-suq tal-vetturi kummerċjali rreġistra xejra negattiva meta mqabbel mal-2013 6 .

14.Fl-2014 ġiet irreġistrata bidla serja fil-kummerċ tal-UE, bi tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-manifatturi mill-UE u żieda fl-importazzjoni tal-vetturi. Fl-2014, l-esportazzjonijiet tal-vetturi kummerċjali mill-UE wrew tnaqqis b’EUR 3,9 biljun fil-vetturi kummerċjali ħfief (-12,5 %) u EUR 6,3 biljun fil-vetturi kummerċjali tqal, karozzi tal-linja u kowċis (-10 %) 7 . Dan wassal għal tnaqqis globali fl-esportazzjonijiet mill-UE (-11%). L-importazzjonijiet totali tal-vetturi kummerċjali fl-Unjoni Ewropea żdiedu (+ 10,7 %)7. Aktar minn nofs l-importazzjonijiet tal-vetturi kummerċjali fl-UE ġew mit-Turkija (+ 2,4 %), biċ-Ċina fit-tieni post (+ 2,4 %). Ġiet osservata wkoll żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet mill-Istati Uniti (+ 9,3 %) u, aktar minn hekk, mit-Tajlandja (+ 51,7 %)7. B’riżultat tax-xejra spjegata mill-figuri ta’ hawn fuq, il-bilanċ tal-kummerċ fl-UE għall-vetturi kummerċjali, minkejja li għadu pożittiv, huwa 25 % aktar baxx mis-sena ta’ qabel.

15.Għadd ta’ produtturi Asjatiċi tfaċċaw bħala parteċipanti formidabbli u, filwaqt li essenzjalment qegħdin ifornu lis-swieq domestiċi tagħhom, qegħdin ukoll jiżviluppaw it-teknoloġija sabiex ikunu jistgħu jikkompetu fix-xena dinjija. Sabiex ikunu jistgħu jikkompetu fis-settur tat-trakkijiet, il-manifatturi Ewropej se jkollhom iżidu l-effikaċja fil-faċilitajiet tal-produzzjoni fis-swieq maturi. L-istrateġija ta’ Volvo 8 turi b’mod ċar reazzjoni għal dawn ix-xejriet, billi l-kumpanija Volvo nediet miżuri ta’ ottimizzazzjoni u ffrankar tal-kosti, u fl-istess ħin investiet b’mod aggressiv fl-Asja, kif deher fil-ftehim tal-2013 mal-manifattur Ċiniż Dongfeng Motor Group Company Limited (DFG), li wassal għall-akkwist ta’ 45 % tal-kumpanija sussidjarja ta’ DFG, Dongfeng Commercial Vehicles8.

16.B’mod konformi maċ-ċifri riċenti msemmija fuq, il-manifatturi mhux tal-UE ta’ vetturi kummerċjali u l-fornituri tal-manifatturi tat-tagħmir oriġinali (Original Equipment Manufacturers/OEM) qegħdin isiru dejjem aktar sofistikati u kapaċi jimmiraw għas-suq Ewropew bl-esportazzjonijiet tagħhom.

17.Il-kumpanija ta’ konsulenza Deloitte 9 tissuġġerixxi li s-segmenti tas-suq tat-trakkijiet li ma jqumux ħafna issa qegħdin jibnu l-kapaċitajiet b’mod gradwali u qed jidħlu fis-segmenti ta’ standard ogħla, f’ħafna każijiet billi jimpenjaw ruħhom għal impriżi konġunti ma’ manifatturi u/jew ma’ fornituri ewlenin fis-swieq Triad. Jeħtieġ li jsiru bidliet strutturali sabiex tinżamm il-profittabbiltà fis-suq Ewropew tat-trakkijiet.

18.Matul dawn l-aħħar snin rajna lill-industrija tissaħħaħ u taġġusta l-impronta tal-manifattura tagħha fuq skala globali sabiex iġġibha aktar konformi mad-domanda mnaqqsa madwar id-dinja. L-akkwist ta’ Scania minn MAN u Volkswagen Commercial Vehicles huwa wieħed mill-aħħar eżempji ta’ sforzi li saru sabiex jinħoloq grupp ta’ vetturi kummerċjali li jkun fuq quddiem nett fis-suq. Kif jiddikjara l-IBM Institute for Business Values 10 : “il-bidliet strutturali huma realtà inevitabbli għall-industrija tat-trakkijiet tal-lum, li qiegħda tiffaċċja bidliet fundamentali fil-mudelli tan-negozju”.

19.L-industrija tat-trakkijiet, li hija soġġetta għal regolamentazzjoni qawwija u swieq ċikliċi ħafna, sabitha diffiċli sabiex tadatta għal trasformazzjoni kbira u l-ħtieġa li taġġusta. B’hekk, il-globalizzazzjoni hija fost l-aktar forzi esterni li qegħdin iħallu impatt fuq l-industrija tat-trakkijiet illum. Skont ir-rapport tal-ACEA6, l-industrija tat-trakkijiet kompliet issir dejjem aktar “globali” f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, għaliex diversi żviluppi f’din l-industrija huma influwenzati mill-globalizzazzjoni u marbuta magħha. Dan l-iżvilupp se jżid il-kompetizzjoni, għaliex huwa ġeneralment mistenni li sal-2030 l-OEM tas-swieq emerġenti se jidħlu fis-swieq tal-Punent, li jwassal għal pressjoni akbar fuq il-prezzijiet. L-OEM tal-Punent se jikkontrobilanċjaw l-istaġnar fis-swieq tagħhom permezz ta’ aktar kooperazzjoni favur it-tnaqqis tal-kosti tal-investiment, it-tkabbir u l-eliminazzjoni tar-riskji ta’ kompetituri ġodda.

20.Il-kumpanija Price Waterhouse Cooper (PwC) turi f’rapport 11 li l-iżvilupp ta’ trakkijiet b’baġit baxx se jirrikjedi bidla fil-mudelli operattivi. Din il-bidla tista’ twassal għall-esternalizzazzjoni tal-produzzjoni għal swieq emerġenti li qegħdin jikbru. Matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, il-kompetizzjoni globali kkawżat żieda kontinwa fl-għadd ta’ konsolidazzjonijiet u kooperazzjonijiet jew sħubiji. Din ix-xejra mistennija tissokta, speċjalment bejn l-OEM tal-Punent u l-OEM fis-suq emerġenti. Meta tagħmel dan, hija qiegħda ssegwi s-settur tal-karozzi tal-passiġġieri, li għadda minn riforma simili fl-aħħar tas-snin disgħin. Huwa mistenni li sal-2030, il-produtturi tas-suq emerġenti jkunu daħlu fis-swieq tal-Punent, azzjoni li twassal għal pressjonijiet ogħla fuq il-prezzijiet.

21.Jeżistu xejriet ewlenin li se jaffettwaw u jżidu l-kompetizzjoni globali fl-industrija tal-vetturi kummerċjali fis-snin li ġejjin. It-tibdil demografiku u ż-żieda fl-urbanizzazzjoni, kwistjonijiet regolatorji bħan-nollijiet, it-taxxi, l-ostakli għall-kummerċ permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rekwiżiti ambjentali, l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil, is-sikurezza u s-sigurtà, eċċ. Dawn kollha huma fatturi li se jżidu l-kosti, b’mod partikolari fl-iżvilupp u fir-R u Ż, kif ukoll iżidu l-kompetizzjoni. Jeħtieġ li l-manifatturi mill-UE jħejju ruħhom għal dawn l-avvenimenti.

22.Permezz tar-rilokazzjoni ta’ partijiet mill-ktajjen tal-provvista internazzjonali u l-produzzjoni tal-manifatturi bbażati fis-swieq trijade, il-globalizzazzjoni diġà bdiet taffettwa l-mudelli tax-xogħol u l-pagi. L-aħħar stħarriġiet li saru minn KPMG 12 , minn PwC11 u minn Tillväxtverket 13 kollha jenfasizzaw li l-kosti tal-produzzjoni għolja mhux se jkunu aktar sostenibbli f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni globali.

23.Għalhekk, l-awtoritajiet Żvediżi jsostnu li r-rilokazzjoni parzjali tad-dipartiment ta’ Volvo Umeå hija xprunata mill-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqsu l-kosti bil-għan li tkun issodisfata l-kompetizzjoni globali eżistenti u futura8.

24.Sal-lum, is-settur tal-manifattura ta’ vetturi bil-mutur, trejlers u semi-trejlers kien is-suġġett ta’ 22 applikazzjoni lill-FEG, inkluża din, li 12 minnhom kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 10 dwar il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali.

Avvenimenti li wasslu għall-għoti tas-sensji u għall-waqfien tal-attività

25.Volvo Group huwa wieħed mill-manifatturi ewlenin fid-dinja ta’ trakkijiet, karozzi tal-linja, apparat tal-kostruzzjoni u magni tal-baħar u industrijali. Il-Grupp jipprovdi wkoll soluzzjonijiet kompleti għall-finanzjament u s-servizz. Din il-kumpanija, li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Gothenburg, timpjega madwar 100 000 ruħ, għandha faċilitajiet tal-produzzjoni f’19-il pajjiż u tbiegħ il-prodotti tagħha f’aktar minn 190 suq.

26.Mill-1999, Volvo Car Corporation ma baqgħetx tifforma parti minn Volvo Group, iżda Volvo Group u Volvo Cars għadhom iħaddnu l-istess isem kummerċjali. Fl-1999 twaqqfet kumpanija ġdida, Volvo Trademark Holding AB, sabiex tittratta kwistjonijiet relatati mal-marka kummerċjali għaż-żewġ kumpaniji. Volvo Cars u Volvo Group għadhom entitajiet separati minn xulxin, iżda jikkooperaw fir-riċerka u l-iżvilupp u f’investimenti relatati mal-marka kummerċjali bħal Volvo Ocean Race.

27.Volvo Group Truck Operations (GTO) tikkomprendi l-produzzjoni kollha tal-magni u tat-trasmissjonijiet tal-Grupp, kif ukoll il-produzzjoni kollha tat-trakkijiet ta’ Volvo, Renault, Mack u UD. GTO tinkludi wkoll il-provvisti ta’ spare parts lill-klijenti tal-Grupp, kif ukoll il-loġistika. Fl-aħħar deċennju, l-espansjoni xprunata mill-akkwist ta’ Volvo Group, inklużi tali akkwisti bħal Renault Trucks, Mack, UD Trucks u SDLG, ipprovdiet lill-kumpanija b’aċċess għal marki kummerċjali u swieq ġodda. Pass wieħed f’din l-istrateġija kien l-akkwist ta’ 45% tal-kumpanija Ċiniża Dongfeng Commercial Vehicles, li ġie konkluż f’Jannar 2015.

28.GTO issa għandha bżonn tagħmel il-katina tal-produzzjoni aktar effettiva. Dan iħalli impatt fuq l-operazzjonijiet fl-impjant ta’ Umeå. Volvo Group naqqas il-persunal globalment b’bejn wieħed u ieħor 10 % minn 110 000 impjegat għal madwar 100 000. Fl-Iżvezja, in-numru tal-ħaddiema naqas minn 25 000 għal 21 000 matul dawn l-aħħar erba’ snin, inkluż it-tnaqqis ta’ din is-sena fl-impjant ta’ Umeå.

29.L-impjant ta’ Umeå huwa parti minn GTO, li timpjega madwar 33 000 impjegat madwar id-dinja. Is-sensji fl-impjant ta’ Umeå affettwaw ukoll lill-impjegati f’Volvo Logistics and Parts, li huma organizzati fi ħdan GTO.

30.L-impjant ta’ Umeå, bħala parti mis-sistema industrijali globali ta’ Volvo Group, jipproduċi l-kabini heavy duty tal-marka kummerċjali Volvo għall-Ewropa, xi kabini għall-impjanti li joperaw bi prezzijiet baxxi barra l-pajjiż u l-parts kollha li jittimbraw il-kabini ta’ Volvo għal kontinenti oħrajn (il-Brażil, l-Asja). It-tirqim tal-kabini, min-naħa l-oħra, isir fl-impjant ta’ Tuve qrib Gothenburg.

31.Il-Programm ta’ Ottimizzazzjoni Ewropew ta’ Volvo Group qed jiġi implimentat fl-2015. Bħala konsegwenza ta’ dan il-programm, id-dipartiment fl-impjant ta’ Umeå speċjalizzat fl-ittimbrar, fl-iwweldjar, fit-tiżbigħ u fit-tirqim ta’ kabini heavy-duty huwa ttrasferit għall-impjant ta’ Tuve, sabiex ikun aktar qrib l-impjant tal-assemblaġġ finali tat-trakkijiet.

32.Volvo ħabbret ukoll li ngħataw xi sensji f’Gothenburg u Eskilstuna. Filwaqt li s-sensji f’Umeå jikkostitwixxu l-parti kbira tal-benefiċjarji fil-mira, il-ħaddiema mogħtija s-sensja minn Gothenburg u Eskilstuna huma inklużi wkoll. Barra minn hekk, il-programm ta’ effiċjenza ta’ Volvo affettwa wkoll lis-subkuntratturi, speċjalment f’Umeå.

33.Id-diskussjonijiet dwar l-appoġġ potenzjali mill-FEG bdew f’Umeå f’Marzu 2014. Sa dak iż-żmien, kull ħaddiem kien infurmat personalment dwar is-sensji ppjanati mill-maniġer responsabbli u mir-rappreżentant tal-unjins. Fl-ewwel laqgħa tagħhom fit-18 ta’ Marzu 2014, il-partijiet interessati u l-imsieħba soċjali fir-reġjun qablu li s-sensji mogħtija f’Volvo se jkollhom impatt negattiv sinifikanti fir-reġjun u jkunu jinvolvu wkoll kumpaniji oħrajn, kif ukoll qablu li, għalhekk, kien hemm bżonn li tittieħed azzjoni.

34.L-ewwel notifiki ta’ tmiem l-impjieg ingħataw f’Gothenburg GTO fl-14 ta’ April 2014 u aktar ħaddiema hemmhekk irċevew in-notifiki tagħhom fid-19 ta’ Mejju. Fis-16 ta’ Ġunju 2014, il-ħaddiema f’Elskilstuna ġew innotifikati dwar is-sensji tagħhom.

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

35.Fil-bidu tal-2014, il-popolazzjoni tal-kontea ta’ Västerbotten (Umeå hija l-belt kapitali tagħha) kienet ta’ madwar 262 360 ruħ, jiġifieri madwar 2,7 % tal-popolazzjoni tal-pajjiż, sehem li qed jonqos. B’mod ġenerali, is-swieq tax-xogħol fl-Artiku, bħal dawk f’żoni skarsament popolati oħrajn, huma aktar fraġli minħabba li l-iżolament ġeografiku u l-klima ħarxa tagħhom jagħmlu l-ħolqien tal-impjiegi u x-xogħol aktar onerużi minn f’reġjuni oħrajn.

36.Fl-aħħar ta’ Novembru 2014, il-qgħad globali fil-kontea kien jammonta għal 9 400 ruħ (7,2 % tal-forza tax-xogħol irreġistrata), tnaqqis ta’ madwar 1 000 persuna meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2013. Ir-rata tal-qgħad nazzjonali fl-istess żmien kienet ta’ 7,9 %.

37.Rapport riċenti li sar mir-reġjun ta’ Västerbotten bit-titolu “40 000 new employees needed by 2025 in Västerbotten” (40 000 impjegat ġodda meħtieġa sal-2025 f’Västerbotten) jesprimi dawn l-isfidi: forza tax-xogħol li qiegħda tonqos flimkien ma’ investiment baxx fl-intrapriżi żgħar u medji. Skont ir-rapport, kull sena qegħdin jirtiraw mis-suq tax-xogħol madwar 3 000 individwu. Il-postijiet tax-xogħol battala fir-reġjun huma kkonċentrati fis-settur tas-saħħa u f’oqsma li jirrikjedu kwalifiki għolja. Huma meħtieġa inġiniera, maniġers operattivi u organizzazzjonali u professjonisti tekniċi. Id-domanda għax-xogħol tas-sengħa qed tiżdied u hemm nuqqasijiet distinti f’ħafna gruppi okkupazzjonali, primarjament dawk li jeħtieġu edukazzjoni speċjalizzata ħafna u livell għoli ta’ għarfien espert.

38.Il-konsegwenzi tat-telf tal-impjiegi fil-kumpanija Volvo se jaffettwaw lis-settur u lir-reġjun. It-tkeċċija ta’ 647 ħaddiem tirrappreżenta sfida, b’mod partikolari għall-ħaddiema akbar fl-età fil-grupp fil-mira. Il-ħaddiema mogħtija s-sensja x’aktarx li jiffaċċjaw diffikultajiet fit-tfittxija tagħhom għax-xogħol, minħabba li ma jkollhomx il-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol reġjonali. Il-maġġoranza tal-ħaddiema fil-mira għandhom biss livell ta’ edukazzjoni sekondarja, filwaqt li l-postijiet tax-xogħol li mistennija jinħolqu se jkunu għal persunal bi kwalifiki għolja u inġiniera b’edukazzjoni ogħla rilevanti. Għalhekk, se jkun meħtieġ li l-proġett jaħdem mill-qrib flimkien mal-organizzazzjonijiet tax-xogħol u tal-edukazzjoni. Huwa jista’ jippromwovi l-ħolqien tal-impriżi u jtejjeb il-ħiliet u l-kompetenzi tal-persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol rilevanti għall-ħtiġijiet tal-impjegaturi fil-ġejjieni. Billi r-reġjun huwa vast, il-benefiċjarji jista’ jkollhom jivvjaġġaw b’mod estensiv.

Numru iżgħar ta’ benefiċjarji fil-mira jinsabu f’Sörmland (fil-Lvant tal-Iżvezja) u f’Västergötland (fil-Punent tal-Iżvezja). Is-suq tax-xogħol f’dawn iż-żoni huwa b’saħħtu meta mqabbel ma’ dak f’Västerbotten, iżda anki f’Gothenburg x’aktarx li jkun hemm ħtieġa għal aktar edukazzjoni jew il-kisba ta’ kompetenzi f’setturi oħrajn. Fil-każ ta’ Eskilstuna, jista’ jkun hemm il-possibbiltà ta’ tfittxija għax-xogħol f’żona ġeografika usa’, li tista’ tinkludi lil Stokkolma.

Il-benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

39.L-għadd stmat ta’ ħaddiema mogħtija s-sensja li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta’ 500. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’
benefiċjarji fil-mira

Sess:

Irġiel:

387

(77,4 %)

Nisa:

113

(22,6 %)

Ċittadinanza:

Ċittadini tal-UE:

500

(100,0 %)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

0

(0,0 %)

Grupp ta’ età:

15-24 sena:

55

(11,0 %)

25-29 sena:

75

(15,0 %)

30-54 sena:

300

(60,0 %)

55-64 sena:

61

(12,2 %)

aktar minn 64 sena:

9

(1,8 %)

Eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

40.Is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema mogħtija s-sensja minn Arbetsförmedlingen (is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi fl-Iżvezja) jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin, li kull waħda minnhom tmur lil ’hinn minn dak li normalment ikun disponibbli mingħajr l-appoġġ mill-FEG :

Il-valutazzjoni fil-fond u l-ippjanar individwali: Dan il-proċess ta’ reġistrazzjoni jinkludi stħarriġ tal-esperjenza u tat-taħriġ preċedenti, u huwa mħaffef għall-benefiċjarji tal-FEG. Dan jista’ jinkludi bosta laqgħat personalizzati u individwali, li wħud minnhom jistgħu jkunu ma’ kumpaniji ta’ rikollokament.

Id-diversi attivitajiet ta’ tfittix ta’ impjieg u ta’ taħriġ: L-attivitajiet standard offruti minn Arbetsförmedlingen se jiġu kkombinati ma’ miżuri tal-FEG bħal appoġġ individwali f’kuntatt dirett mal-impjegaturi potenzjali, laqgħat ta’ motivazzjoni u konferenzi li jippreżentaw is-suq tax-xogħol fir-reġjun. Dan huwa partikolarment importanti għal dawk il-ħaddiema fil-mira li jqisu li l-livell edukattiv tagħhom mhuwiex biżżejjed għall-postijiet tax-xogħol battala identifikati fir-reġjun. Se jiġu offruti kemm attivitajiet individwali kif ukoll attivitajiet fi grupp, li wħud minnhom se jkunu disponibbli onlajn.

Il-miżuri ta’ motivazzjoni u l-miżuri relatati mas-saħħa: Il-benefiċjarji tal-FEG se jkollhom aċċess għal terapisti, psikologi u esperti f’terapija konjittiva sabiex isaħħu l-motivazzjoni tagħhom u jipprovdu għajnuna għal dawk li saħħithom marret lura minħabba s-sensja li ngħataw wara perjodu twil ta’ impjieg fl-istess kumpanija.

L-imprenditorija u l-ħolqien tan-negozju: Se jingħataw korsijiet ta’ tħejjija għal dawk li qed jippjanaw il-ħolqien ta’ negozju minn esperti esterni li jipprovdu pariri lil imprendituri futuri.

Il-benefiċjarji se jkollhom aċċess għal għotja għall-bidu ta’ negozju wara li l-idea tan-negozju tagħhom tkun ġiet ivverifikata minn konsulenti u eventwalment approvata. L-għotja titħallas fuq perjodu ta’ 6 xhur u tista’ tiġi estiża għal 12-il xahar fuq il-parir tal-konsulent. F’każ li l-benefiċjarji jieħdu f’idejhom impriżi li l-proprjetarji tagħhom ikunu qed joqorbu għall-irtirar, l-għotja tal-FEG tista’ tagħtihom iċ-ċans li jmexxu n-negozju flimkien mal-persuni rtirati matul perjodu ta’ trasferiment tar-responsabbiltajiet.

L-edukazzjoni u t-taħriġ: L-edukazzjoni u t-taħriġ li normalment ma jkunux aċċessibbli għalihom se jkunu disponibbli għall-benefiċjarji tal-FEG. Uħud minn dawn se jkunu mfasslin apposta, b’kooperazzjoni mal-università ta’ Umeå, mal-iskejjel sekondarji u ma’ kumpaniji fir-reġjun. Il-grupp fil-mira se jiġi mħeġġeġ sabiex jagħmel għażliet li jkissru l-preġudizzji bbażati fuq is-sessi, eż. fis-settur tal-kura tas-saħħa.

It-taħriġ jista’ jinkludi esperjenza ta’ xogħol u apprendistati (għal kull grupp ta’ età), li jistgħu jkunu disponibbli wkoll għal dawk li jkunu qegħdin iħejju sabiex jibdew negozju jew jieħdu f’idejhom negozju mingħand ħaddieħor.

Il-validazzjoni tal-kompetenzi: Se jiġi offrut lill-parteċipanti servizz ta’ validazzjoni tal-kompetenzi. Minħabba li servizzi bħal dawn jistgħu ma jkunux disponibbli lokalment, il-benefiċjarji se jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn iċ-ċentri rilevanti.

L-għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg ma’ fornituri ta’ servizzi privati: Il-fornituri ta’ servizzi privati akkwistati minn Arbetsförmedlingen jistgħu joffru għajnuna sostanzjali lill-grupp fil-mira għat-tfittix tal-impjieg u għall-validazzjoni tal-kompetenzi.

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż relatati: Ir-reġjun ta’ Västerbotten huwa żona vasta fejn l-aċċess għas-servizzi jirrikjedi spejjeż ta’ mobbiltà u spejjeż supplimentari. L-ispejjeż tat-trasferiment u taċ-ċaqliq minn post għal ieħor b’rabta ma’ rilokazzjoni għal impjieg ġdid f’parti oħra tal-pajjiż jistgħu jiġu koperti, l-istess bħall-ivvjaġġar f’distanza twila għall-intervisti. Tali nefqa għandha tiġi miftiehma bil-quddiem, iċċertifikata permezz ta’ rċevuti u tkun verifikabbli.

Il-kumpens għat-tfittix ta’ impjieg: Dan jiġi pprovdut lill-benefiċjarji li jieħdu sehem fi kwalunkwe waħda mill-miżuri attivi deskritti hawn fuq. Il-livell tal-kumpens jiddependi fuq fatturi individwali, u l-massimu huwa stabbilit permezz ta’ deċiżjoni parlamentari għal SEK 910 (madwar EUR 97) kull jum u wara l-ewwel 100 jum jonqos għal SEK 760 (madwar EUR 81) kull jum. Għalhekk, is-somma medja ta’ EUR 12 000 ibbaġittjata tipprovdi kumpens għal kull ħaddiem għal madwar 128 jum bir-rata massima.

41.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fil-qafas tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma għandhomx jissostitwixxu l-miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

42.L-Iżvezja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża konċernata b’konformità mal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tieħu post dawn l-azzjonijiet.

Baġit stmat

Il-kost totali stmat huwa ta’ EUR 2 989 518, li jinkludi n-nefqa ta’ EUR 2 869 938 fuq is-servizzi personalizzati u n-nefqa ta’ EUR 119 580 fuq attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rappurtar.

43.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba biex tingħata mill-FEG hija ta’ EUR 1 793 710 (60 % tal-kost totali).

Azzjonijiet

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Kost stmat għal kull parteċipant
(f’EUR, ċifra mqarrba)

Kost totali stmat

(f’EUR)

Servizzi personalizzati (azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Valutazzjoni fil-fond u ppjanar individwali

500

28,51

14 254

Diversi attivitajiet ta’ tfittix ta’ impjieg u ta’ taħriġ

250

644,42

161 106

Għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg ma’ fornituri ta’ servizzi privati

55

1 109,91

61 045

Miżuri ta’ motivazzjoni u miżuri relatati mas-saħħa

10

521,70

5 217

Tħejjija għall-imprenditorija

25

573,92

14 348

Għotjiet għall-imprenditorija u għall-ħolqien tan-negozju

20

15 000,00

300 000

Edukazzjoni u taħriġ

180

6 869,72

1 236 551

Validazzjoni tal-kompetenzi

25

2 921,80

73 045

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

1 865 566

(65,00 %)

Benefiċċji u inċentivi (azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż relatati

50

521,76

26 088

Kumpens għat-tfittxija tal-impjiegi

80

12 228,55

978 284

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

1 004 372

(35,00 %)

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

1 Attivitajiet ta’ tħejjija

0

2. Ġestjoni

116 971

3 Informazzjoni u pubbliċità

2 609

4 Kontroll u rappurtar

0

Subtotal (c):

Perċentwal tal-kost totali:

119 580

4,00

Kost totali (a + b + c):

2 989 518

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-kost totali)

1 793 710

44.Il-kosti tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-kost totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. L-Iżvezja kkonfermat li dawn l-azzjonijiet huma kundizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tfittix tal-impjieg jew ta’ taħriġ.

45.L-Iżvezja kkonfermat li l-kosti tal-investimenti għal impjieg indipendenti, bidu ta’ negozju u akkwiżizzjoni tal-impjegati mhux se jaqbżu s-somma ta’ EUR 15 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

46.L-Iżvezja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fit-30 ta’ Jannar 2015. Għalhekk, in-nefqa fuq l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-30 ta’ Jannar 2015 sas-16 ta’ Settembru 2017, bl-eċċezzjoni tal-edukazzjoni għolja, li se tkun eliġibbli sas-16 ta’ Marzu 2018.

47.L-Iżvezja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-FEG fit-30 ta’ Jannar 2015. Għalhekk, in-nefqa fuq l-attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rappurtar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-30 ta’ Jannar 2015 sas-16 ta’ Marzu 2018.

Kofinanzjament u komplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati mill-fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

48.Il-gvern Żvediż qiegħed jikkofinanzja l-miżuri tal-FEG mill-baġit ta’ Arbetsförmedlingen.

49.L-Iżvezja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq, li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, mhumiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira jew mar-rappreżentanti tagħhom jew mal-imsieħba soċjali, kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

50.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal wara konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mar-rappreżentanti, kif ukoll mal-atturi pubbliċi lokali. Il-laqgħat tal-atturi lokali rilevanti jsiru darba fix-xahar u s-sensji mogħtija minn Volvo ġew diskussi għall-ewwel darba f’Lulju 2014. Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fil-kumpanija Volvo kien lest jikkoopera fl-iffaċilitar tal-ġbir tad-dejta u fl-ippjanar tal-miżuri.

51.Il-partijiet interessati involuti fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni huma l-Muniċipalità ta’ Umeå, il-Bord Amministrattiv tal-Kontea, ir-Reġjun ta’ Västerbotten, it-trade unions, iċ-ċentru tan-negozju għat-teknoloġija, il-kamra tal-kummerċ, l-organizzazzjoni tan-negozju “Företagarna”, l-Università ta’ Umeå, Arbetsförmedlingen u l-kumpanija Volvo nnifisha. Ittieħdu diversi miżuri sabiex jiġi żgurat li l-grupp fil-mira (kif ukoll il-persunal tad-dipartiment tar-riżorsi umani u r-rappreżentanti tat-trade unions) ikun konxju tal-opportunitajiet ipprovduti mill-FEG.

Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

52.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. L-Iżvezja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita minn Arbetsförmedlingen, maħtura b’mod formali bħala l-awtorità tal-ġestjoni u tal-ħlas. Il-kontijiet tal-proġett se jiġu eżaminati mill-Unità tal-Awditu Intern, li hija entità separata marbuta mal-bord ta’ Arbetsförmedlingen. Il-kompitu tagħha huwa li teżamina l-kontroll intern u l-proċess tal-verifika fil-PES u tissuġġerixxi titjib, kif ukoll tipprovdi pariri u appoġġ lill-Bord u lid-Direttur Ġenerali. L-awditjar tal-proġett se jseħħ fuq bażi regolari.

L-impenji li ngħataw mill-Istat Membru konċernat

53.L-Iżvezja pprovdiet l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

inżammet il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar sensji kollettivi,

Volvo Trucks, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw is-sensji u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha skont dawk l-obbligi,

l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, u se jkun evitat kull finanzjament doppju;

l-azzjonijiet proposti se jikkomplementaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta baġitarja

54.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 14 .

55.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-kosti stmati, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 1 793 710, li jirrappreżenta 60 % tal-kost totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

56.Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat l-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba 15 .

L-atti relatati

57.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 793 710 għall-intestatura baġitarja rilevanti.

58.Fl-istess waqt li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
(applikazzjoni mill-Iżvezja – EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 16 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba 17 , u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b’riżultat ta’ bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b’riżultat tal-issoktar tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b’riżultat ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 18 .

(3)Fis-16 ta’ Settembru 2015, l-Iżvezja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/009 SE/Volvo Trucks għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji mogħtija f’Volvo Trucks (Volvo Group Truck Operation, EMEA) u f’erba’ fornituri u produtturi downstream fl-Iżvezja. Din kienet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Għalhekk, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 793 710 fir-rigward tal-applikazzjoni sottomessa mill-Iżvezja.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 1 793 710 f’approprjazzjonijiet ta’ impenji u ta’ pagamenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din tapplika minn [id-data tal-adozzjoni]*.

19Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(4) ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(5) F’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(6) Ir-rapport ta’ prospettiva tal-ACEA dwar l-Ekonomija u s-Suq, ACEA (Marzu 2015)
(7) Eurostat, l-aħħar dejta disponibbli fir-rapport ta’ prospettiva tal-ACEA, ACEA (Marzu 2015)
(8) Rapport annwali ta’ Volvo għall-2014, p.2 : www.volvogroup.com (2014)
(9) "Truck market 2024, Sustainable Growth in Global Market" (“Is-Suq tat-trakkijiet fl-2024, Tkabbir Sostenibbli fis-Suq Globali”) Deloitte (2014)
(10) “Truck 2020 transcending turbulence”, IBM Global Business Service (Mejju 2015)
(11) "The truck industry in 2020" (“L-industrija tat-trakkijiet fl-2020”), PwC (2014)
(12) “Competing in the global truck Industry” (Il-kompetizzjoni fl-Industrija tat-trakkijiet globali), KPMG (2014)
(13) “Den globala fordonsindustrin 2010 ur ett svenskt perspektiv”, Tillväxtverket
(14) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(15) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(16) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(17) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(18) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(19)  Id-data li trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
Top