This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IR1813
Opinion of the European Committee of the Regions — An EU Roadmap for Cycling
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan direzzjonali tal-UE għaċ-ċikliżmu
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan direzzjonali tal-UE għaċ-ċikliżmu
ĠU C 88, 21.3.2017, p. 49–53
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 88/49 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan direzzjonali tal-UE għaċ-ċikliżmu
(2017/C 088/10)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Bidla radikali u pjan direzzjonali tal-UE għaċ-ċikliżmu
1. |
ifakkar li mill-1950 ‘il quddiem, l-ippjanar b’rabta mat-trasport, il-bliet u l-użu tal-art sistematikament ipprijoritizza t-trasport motorizzat individwali a spejjeż tal-mobbiltà attiva u t-trasport pubbliku f’bosta postijiet madwar l-Ewropa. L-użu tal-karozzi sar il-mezz ewlieni tat-trasport, anke għal ħafna vjaġġi qosra. Din l-evoluzzjoni kkontribwixxiet b’mod sinifikanti għal numru ta’ sfidi serji, partikolarment it-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, il-kwistjonijiet relatati mas-sikurezza fit-toroq, il-konġestjoni, il-kwalità baxxa tal-ispazju pubbliku, is-segregazzjoni tal-użu tal-art, id-dipendenza miż-żejt fis-settur tat-trasport u piż fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi, livelli insuffiċjenti ta’ attività fiżika fost parti kbira tal-popolazzjoni, eċċ.; din tal-aħħar, b’mod partikolari, wassal għal aktar problemi (pereżempju, id-dewmien fl-iżvilupp tal-ħiliet motorji, b’mod partikolari fost it-tfal, l-obeżità, problemi ta’ konċentrazzjoni, eċċ.); |
2. |
jitlob, sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, għal bidla radikali fil-politiki tat-trasport u tal-ippjanar/l-użu tal-art li jeħtieġu ġerarkija sostenibbli ġdida tat-trasport, waqt li jiġu prijoritizzati inċentivi u miżuri sabiex il-modi attivi (il-mixi u ċ-ċikliżmu) isiru aktar attraenti u siguri l-ewwel, flimkien mal-promozzjoni tat-trasport pubbliku t-tieni, l-iżvilupp tal-car-sharing/pooling it-tielet u l-użu tal-karozza personali privata l-aħħar u tkun possibbli l-integrazzjoni meħtieġa tal-modi differenti tat-trasport. Dan irid jiġi rifless fl-aspetti kollha tal-ippjanar tat-traffiku, inklużi l-prijoritizzazzjoni tal-fluss tat-traffiku għal utenti attivi tat-trasport, l-investimenti fl-infrastruttura, l-allokazzjoni tal-ispazju fit-toroq, il-prijoritizzazzjoni tal-kodiċijiet tat-triq, eċċ. |
3. |
jirrikonoxxi li bidla radikali fil-politika tat-trasport hija sforz konġunt bejn il-livelli kollha tal-gvern, mil-livell lokali u reġjonali għal dak nazzjonali, Ewropew u saħansitra anke governanza globali. Għaldaqstant jittama li jkun hemm integrazzjoni akbar bejn il-livelli diversi ta’ ppjanar, b’mod partikolari lokali u reġjonali, li tipprevedi l-impenn attiv tal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili, inklużi n-negozji, l-NGOs, it-trejdjunjins, l-akkademiċi, eċċ.; |
4. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss, fi ħdan l-istrumenti ta’ ppjanar reġjonali, it-titjib tal-aċċessibbiltà għall-persuni bil-mixi u ċ-ċiklisti fil-waqfiet tat-trasport pubbliku, u l-provvista, b’rabta mal-punti nodali tas-sistema, ta’ spazji u parkeġġi siguri u attraenti kif ukoll aċċessibbli għal kulħadd għar-roti u għal servizzi potenzjali bħall-“bike sharing” (kondivizjoni tal-użu tar-roti); |
5. |
jindika li l-bidliet fil-politiki u l-allokazzjoni tar-riżorsi, kemm mil-lat uman kif ukoll dak monetarju, huma xprunati minn miri politiċi ambizzjużi, u għalhekk jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex timmira li tirdoppja ċ-ċikliżmu fl-Istati Membri tal-UE fl-10 snin li ġejjin (minn sehem ta’ madwar 7-8 % ta’ vjaġġi bir-rota fil-modali tat-trasport għal madwar 15 %); |
6. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tanalizza l-potenzjal għaċ-ċikliżmu fid-diviżjoni modali tat-trasport fil-livell tal-UE fuq perjodu twil ta’ żmien (2030/2040/2050), tevalwa l-investimenti u miżuri oħra meħtieġa biex jiġi sfruttat dan il-potenzjal u twettaq analiżi komprensiva tal-ispejjeż u tal-benefiċċji. Għandha tibbaża din l-analiżi fuq għodod eżistenti, ittestjati sew tal-Għodda ta’ Evalwazzjoni Ekonomika tas-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-mixi u ċ-ċikliżmu, u tkompli tiżviluppahom billi tqis approċċ trasversali għaċ-ċikliżmu rigward setturi bħalma huma l-ekonomija, l-ambjent, il-klima, l-effiċjenza tal-enerġija, is-settur tat-trasport, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-isport, eċċ.; |
7. |
jilqa’ bil-qawwa l-inizjattiva meħuda mill-Parlament Ewropew (1) u l-Istati Membri (2) li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta pjan direzzjonali Ewropew/dokument strateġiku fil-livell tal-UE dwar iċ-ċikliżmu. Id-“Dikjarazzjoni dwar iċ-ċikliżmu bħala mezz ta’ trasport li ma jagħmilx ħsara lill-klima” tal-Istati Membri, approvata matul il-Presidenza Lussemburgiża tal-UE f’Ottubru 2015, titlob ukoll li jiġi stabbilit punt fokali Ewropew dwar iċ-ċikliżmu fil-Kummissjoni; |
8. |
jilqa’ d-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2014 adottata mill-Programm Pan-Ewropew għat-Trasport, is-Saħħa u l-Ambjent u jappoġġja bil-qawwa l-iżvilupp ta’ Pjan Regolatorju pan-Ewropew għall-Promozzjoni taċ-Ċikliżmu mill-Istati Membri, il-WHO, l-UNECE u partijiet interessati oħra (3); |
9. |
jitlob għal Pjan Direzzjonali tal-UE għaċ-Ċikliżmu li għandu jiġi inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018. Il-pjan direzzjonali għandu jindirizza d-domanda dejjem tikber għal azzjoni koordinata fil-livell tal-UE sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u tas-saħħa dokumentati sew taċ-ċikliżmu; filwaqt li jiġi żgurat li fi ħdan dan il-pjan direzzjonali hemm azzjonijiet li jippermettu li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar tali benefiċċji u li dawn jixterdu, sabiex tinħoloq drawwa jew kultura taċ-ċikliżmu; |
10. |
jindika li, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-iżvilupp strateġiku ta’ netwerk nazzjonali ta’ rotot għaċ-ċikliżmu huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri u għaldaqstant l-UE għandha taqdi rwol ta’ appoġġ, primarjament fil-konnessjonijiet transkonfinali ta’ dawn in-netwerks, fl-istrateġiji tal-pajjiżi u r-reġjuni bi preżenza żgħira ta’ persuni li jużaw ir-rota kuljum, kif ukoll tikkoordina u tiżviluppa n-netwerk Ewropew tar-rotot taċ-ċikliżmu; |
11. |
jenfasizza, madankollu, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-atturi prinċipali fit-tiswir tal-kundizzjonijiet għas-sistema tat-trasport u tal-mobbiltà ta’ għada fil-livell urban u reġjonali, b’konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità peress li l-mobbiltà urbana u t-trasport urban huma kompetenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. F’dan ir-rigward l-esperjenza turi li pjani dettaljati taċ-ċikliżmu jistgħu jiġu integrati fi strateġiji tat-trasport lokali sabiex jiġu żviluppati viżjonijiet ambizzjużi għaċ-ċikliżmu li jistgħu jiġu appoġġati mill-komunitajiet. Min-naħa l-oħra sħubiji u strateġiji tat-trasport reġjonali jistgħu wkoll jintegraw iċ-ċikliżmu fil-politiki reġjonali u jipprovdu programmi ta’ appoġġ għaċ-ċikliżmu; |
12. |
itenni, għalhekk, l-appell tal-KtR biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b’mod aktar attiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (4), u jemmen li, bħala l-vuċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-KtR għandu jmexxi d-diskussjoni dwar l-inizjattivi tal-UE għall-promozzjoni taċ-ċikliżmu peress li l-bliet u r-reġjuni huma mistennija li jibbenefikaw l-aktar minn dawn l-azzjonijiet; |
13. |
jara wkoll iċ-ċikliżmu bħala element ċentrali għal mobilità urbana sostenibbli, u bħala element ċentrali ta’ aġenda urbana integrata għall-UE; |
Finanzjament
14. |
jindika li hemm evidenza akkademika soda li l-investimenti f’infrastruttura taċ-ċikliżmu jġibu magħhom proporzjon bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ mill-inqas 5:1 (5). Il-benefiċċji ekonomiċi huma ġejjin minn angoli differenti: l-ewwel nett, mil-lat tal-ħolqien ta’ impjiegi prinċipalment lokali fil-manifattura tar-roti u l-kummerċ bl-imnut, it-tiswija, il-kostruzzjoni tal-infrastruttura jew il-manutenzjoni, kif ukoll fl-oqsma bħat-turiżmu taċ-ċikliżmu u t-trasport u servizzi oħra. It-tieni nett, mil-lat ta’ saħħa pubblika mtejba minħabba żieda fl-attività fiżika u inqas tniġġis tal-arja u tal-istorbju. It-tielet nett, inqas konġestjoni tat-traffiku jwassal għal tnaqqis f’toroq blukkati, f’dewmien u f’sigħat mitlufa ta’ xogħol, u f’ħela ta’ fjuwil. B’mod ġenerali, dan iwassal għal kwalità aħjar tal-ħajja urbana, kif ukoll għal żieda fl-attrazzjoni. Fl-aħħar nett, il-benefiċċji ekonomiċi jistgħu jitqiesu mil-lat ta’ użu tal-art iktar effiċjenti; |
15. |
itenni, għalhekk li s-sejħa tal-Ministri tat-trasport fid-“Dikjarazzjoni dwar iċ-ċikliżmu bħala mezz ta’ trasport li ma jagħmilx ħsara lill-klima” għal dokument strateġiku fil-livell tal-UE dwar iċ-ċikliżmu li jidentifika “strumenti tal-UE ta’ politika u ta’ finanzjament li diġà huma mobilizzati jew li għandhom ikunu mobilizzati biex iżidu l-proporzjon taċ-ċikliżmu u jrawmu l-impjieg marbut maċ-ċikliżmu fl-UE, u ċ-ċikliżmu għandu jiġi inkluż fil-politiki tal-UE u l-istrumenti ta’ finanzjament” (6); |
16. |
jitlob, barra minn hekk, għal politika tal-UE li tħares “il quddiem ta’ investiment fit-trasport, li għandha ttejjeb ukoll is-saħħa pubblika u li tinvesti, billi tikkunsidra bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Pariġi fil-COP 21, il-fondi tat-trasport tal-UE fiċ-ċikliżmu (7); |
17. |
jipproponi, bħala regola ġenerali, li kull proġett rilevanti ta’ infrastruttura kofinanzjat mill-UE għandu jikkunsidra kemm jista’ jkun iċ-ċikliżmu, inkluż sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ impatt negattiv fuq iċ-ċikliżmu permezz tal-bini ta’ awtostradi, linji tal-ferroviji, eċċ. (jiġifieri l-prinċipju ta’ ‘ċikliżmu f’kull proġett ta’ infrastruttura’). Barra minn hekk, fil-programmi ta’ ħidma 2018-2020 tal-programm tal-Kummissjoni Ewropea għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-programm Orizzont 2020, (mobbiltà għat-tkabbir), iċ-ċikliżmu għandu jiġi introdott bħala prijorità awtonoma għall-finanzjament. |
18. |
jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi kriterji minimi għall-kwalità tal-infrastruttura taċ-ċikliżmu għal proġetti rilevanti kofinanzjati bil-fondi tal-UE, b’mod partikolari kriterji ta’ disinn tan-netwerk li jiffokaw fuq is-sikurezza, il-funzjonalità u sistema ta’ sinjali, sabiex jiġi żgurat valur għall-flus tal-kontribwent Ewropew; jitlob, barra minn hekk, li l-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw dokumenti ta’ gwida fil-livell nazzjonali kif ukoll bażi tad-data tal-aqwa prattika u skambju tal-għarfien għall-forniment ta’ infrastruttura taċ-ċikliżmu. Bl-istess mod, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi kriterji għall-finanzjament, l-immaniġġjar u l-vijabbiltà ekonomika tal-miżuri ewlenin; |
19. |
jipproponi li fit-TEN-T tiġi inkluża l-EuroVelo, in-netwerk ta’ rotot għaċ-ċikliżmu fuq distanzi twal (8), biex b’hekk jittejbu l-konnessjonijiet transkonfinali jiġu żviluppati l-opportunitajiet għat-turiżmu u titrawwem aċċessibbiltà aħjar fiċ-ċentru tal-belt, u jissuġġerixxi l-użu ta’ fondi mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għan-nodi urbani, pereżempju, għall-bini ta’ rotot urbani u sottourbani (veloċi) taċ-ċikliżmu; |
Is-sikurezza fit-toroq
20. |
ifakkar li l-biża’ ta’ inċidenti meta r-rota tinsaq fost it-traffiku motorizzat jikkontribwixxi għall-perċezzjoni mifruxa li ċ-ċikliżmu huwa attività perikoluża. Dan il-biża’ huwa sa ċertu punt mhux ġustifikat, peress li l-biċċa l-kbira tal-inċidenti ma jinvolvux ħabta ma’ vettura oħra. Madankollu, għandu l-effett li jiskoraġġixxi ċ-ċikliżmu u jista’ joħloq ostaklu għas-suċċess tiegħu; |
21. |
ifakkar li l-limiti ta’ veloċità baxxi fiż-żoni urbani u l-infurzar ta’ dawn il-limiti huma fost l-iżjed fatturi importanti għat-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq. Il-ħabtiet bejn iċ-ċiklisti u l-vetturi li jkunu qed jinsaqu b’veloċità kbira huma kawża maġġuri ta’ mewt u korriment serju għaċ-ċiklisti. Il-KtR jitlob, għalhekk, lill-UE tipproponi lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ mmaniġġjar aħjar tal-veloċità u li jinħolqu miżuri għall-ikkalmar tat-traffiku permezz tal-introduzzjoni, fost affarijiet oħra, ta’ toroq f’żoni urbani b’limitu ta’ veloċità awtomatiku ta’ 30 km/siegħa (jew 20 mil fis-siegħa) u li jqisu r-roti, sabiex ikun possibbli li l-utenti varji jeżistu flimkien: persuni bil-mixi, roti, karozzi, vetturi ta’ merkanzija tqila, vetturi ta’ emerġenza (ambulanzi, vetturi tat-tifi tan-nar, eċċ.). Barra minn hekk, għandhom ukoll jiddaħħlu gradwalment sistemi intelliġenti ta’ assistenza tal-veloċità permezz ta’ approvazzjoni tat-tip għall-vetturi b’erba’ roti motorizzati ġodda kollha, il-karozzi tal-linja u l-vetturi ta’ merkanzija tqila li jridu jiġu liċenzjati fuq toroq pubbliċi tal-UE; josserva li hemm diskrepanza ċara bejn is-sikurezza reali u oġġettiva taċ-ċikliżmu u l-perċezzjoni suġġettiva tas-sikurezza li għandhom ħafna nies. Sabiex tiġi minimizzata din id-diskrepanza, għandu jkun hemm enfasi fuq miżuri ta’ informazzjoni u komunikazzjoni mhux vinkolanti, bħal kampanji effettivi a’ informazzjoni pubblika. Huwa biss jekk il-biża’ tan-nies dwar iċ-ċikliżmu jista’ jitnaqqas u l-perċezzjoni suġġettiva tas-sikurezza titjieb, li ċiklisti li jużaw ir-rota kontra qalbhom ikunu jistgħu jħossuhom komdi u jużaw ir-rota bħala forma ta’ trasport. |
22. |
ifakkar, barra minn hekk, li minkejja n-numru relattivament baxx ta’ vetturi ikbar u itqal f’żoni urbani meta mqabbel man-numru globali ta’ vetturi motorizzati, dawn huma involuti b’mod disproporzjonat fil-fatalitajiet taċ-ċikliżmu; |
23. |
jiddispjaċih dwar it-tnaqqis bil-mod wisq fil-fatalitajiet taċ-ċiklisti u, f’dan ir-rigward, jappoġġja l-adozzjoni ta’ mira fl-UE kollha dwar korriment serju u l-esplorazzjoni tal-possibbiltà li l-korrimenti serji ma jiġux irrappurtati kollha; F’dan ir-rigward, dan għandu jkun prinċipju prattiku tal-Pjan Direzzjonali tal-UE għaċ-Ċikliżmu biex isir progess lejn il-mira ta’ żero fatalitajiet u li l-UE tkun minn ta’ quddiem fid-dinja fil-qasam tas-sikurezza u l-protezzjoni taċ-ċikliżmu; |
24. |
jitlob li ssir reviżjoni f’waqtha tar-Regolament dwar is-Sigurtà Ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tat-titjib tal-viżibbiltà diretta li tikkonċerna s-sewwieqa ta’ vetturi tqal tal-merkanzija, li jistgħu jiġu kkomplementati minn sistemi attivi oħra ta’ sikurezza, bħal sensers għall-individwazzjoni taċ-ċiklisti u sistemi awtomatizzati tal-ibbrejkjar sabiex jiġu evitati l-kolliżjonijiet. |
25. |
jitlob għal aġġornament tar-Regolament dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ħarsien tal-persuni mexjin u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq (9) biex jiġu inklużi wkoll proċeduri ta’ ttestjar għall-protezzjoni taċ-ċiklisti meta jkun hemm impatt mal-parti ta’ quddiem tal-karozzi; |
26. |
jitlob li tiġi kkunsidrata l-integrazzjoni ta’ miżuri speċifiċi biex titjieb is-sikurezza fiċ-ċikliżmu fid-direttivi eżistenti tal-UE bħal pereżempju d-Direttiva tal-UE dwar il-mini u l-infrastruttura (10) fin-network TENT-T għat-toroq urbani u rurali; |
Il-mobilità urbana u Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti
27. |
jitlob li l-linji gwida li jmiss tal-KE dwar il-loġistika urbana (11) għandhom jirrikonoxxu l-potenzjal enormi li l-konsenja tas-servizzi u l-beni sa 250 kg tibda ssir b’cargo bikes elettriċi u għalhekk jirrakkomandaw li l-konsenji permezz ta’ loġistika li tipprevedi l-użu tar-roti tkun l-għażla preferuta kull meta jkun possibbli; |
28. |
jindika li l-ippjanar urban u tat-trasport għandu jkun ikkoordinat u integrat mill-qrib mal-mobilità lokali fl-oqsma kollha; |
29. |
jinsisti li l-edukazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq, dwar il-liġijiet tat-traffiku u dwar ir-regoli tat-triq, kif ukoll xi regoli speċifiċi għar-rota, li tibda fl-iskejjel hija ta’ importanza kbira u din ser tikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ inċidenti li jinvolvu liċ-ċiklisti; il-Kummissjoni Ewropea għandha tgħin biex tiffaċilita t-tixrid ta’ skemi ppruvati u ttestjati għall-iskejjel lokali li jlaqqgħu flimkien l-iskejjel, il-pulizija u partijiet interessati oħra biex jagħmlu liċ-ċiklisti żgħar konxji tat-tekniki tajbin taċ-ċikliżmu kif ukoll tal-kunċetti ewlenin dwar kif jitkejlu l-forza u l-veloċità ta’ impatti potenzjali fuq it-triq, filwaqt li jiġu promossi wkoll il-benefiċċji taċ-ċikliżmu bħala mod tat-trasport soċjali, tajjeb għas-saħħa u essenzjalment sigur; |
30. |
itenni l-pożizzjoni tal-KtR li r-regolamenti nazzjonali u muniċipali dwar l-aċċess urban u t-tariffi għall-utenti tat-toroq jistgħu jkunu strumenti effettivi għall-ġestjoni tal-kompetizzjoni fid-domanda għall-ispazju fit-toroq fil-livell urban u għall-indirizzar ta’ problemi kruċjali bħall-konġestjoni, it-tniġġis u l-espansjoni urbana (12). Jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-linji gwida mhux vinkolanti li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-aċċessibbiltà urbana (13) għandhom jipprijoritizzaw b’mod konsistenti ċ-ċikliżmu; jirrakkomanda lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li parti mid-dħul mill-iskemi għar-restrizzjoni tal-aċċess u mit-taxxi għall-użu tat-toroq għandha tiġi investita mill-ġdid fiċ-ċikliżmu sabiex jinħolqu alternattivi attraenti għall-użu tal-karozza; |
31. |
jirrimarka li t-taħlita ta’ roti u trasport pubbliku hija ta’ benefiċċju reċiproku u li l-multimodalità hija kruċjali għal netwerks ta’ suċċess u mingħajr skossi tat-trasport urban; itenni l-appell tal-KtR li għandu jkun obbligatorju li jiġu ppubblikati l-ħinijiet u informazzjoni oħra tal-ivvjaġġar u li dawn ikunu aċċessibbli bis-sħiħ għaċ-ċittadini tal-UE kollha (14) kif ukoll l-iżvilupp tas-sistemi tal-informatika u applikazzjonijiet dwar rotot li jieħdu inkunsiderazzjoni l-intermodalità, u jitlob li, fir-rigward tal-multimodalità, l-iskemi marbutin maċ-ċikliżmu u l-kondiviżjoni tal-użu tar-roti jiġu kompletament integrati fi standards tekniċi, fil-leġislazzjoni tal-UE u fi skemi tar-R&Ż iffinanzjati mill-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-ippjanar tal-vjaġġi, il-ħruġ ta’ biljetti, il-parkeġġ, eċċ. Jeħtieġ li titjieb l-infrastruttura fi ħdan u madwar l-istazzjonijiet tal-karozzi tal-linja u tal-ferrovija kif ukoll l-installazzjonijiet tat-trasport pubbliku proprju, biex jiġi ffaċilitat il-bdil bejn il-ferroviji, il-karozzi tal-linja u r-roti (15); |
Il-mobbiltà elettronika u l-politiki ta’ akkwist pubbliku
32. |
jipproponi li l-politiki tal-elettromobbiltà fil-livelli governattivi kollha għandhom dejjem jikkunsidraw iċ-ċikliżmu elettriku; |
33. |
jagħti parir lill-Kummissjoni sabiex tinkludi ċ-ċikliżmu fir-reviżjoni tagħha tal-kriterji għat-trasport fi ħdan l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku tal-UE. Il-kriterji tal-akkwist mhux biss għandhom ifittxu li jagħmlu titjib marġinali fuq il-karozzi u l-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) mixtrija minn xerrejja pubbliċi, iżda wkoll jiksbu bidla modali lejn mezzi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent bħaċ-ċikliżmu. Għalhekk, għandu jkun stadju obbligatorju fil-proċeduri tal-akkwist skont il-kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku tal-UE li jiġi ċċekkjat jekk ir-roti (inklużi l-pedelecs) jistgħux jinxtraw minflok karozzi tal-passiġġieri u cargo bikes (inklużi dawk elettriċi u dawk megħjuna bl-elettriku) minflok l-LCVs. Barra minn hekk, jirrakkomanda l-inkorporazzjoni ta’ kriterji ta’ innovazzjoni fl-akkwisti pubbliċi li jiffaċilitaw l-aspetti kollha tal-iżvilupp teknoloġiku u t-tixrid bejn l-Istati Membri; |
Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-kwalità tal-arja
34. |
jirrikonoxxi li hemm bżonn ta’ firxa ta’ politiki għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE tad-dekarbonizzazzjoni għas-settur tat-trasport u titjieb il-kwalità tal-arja urbana. Dan jinkludi soluzzjonijiet tekniċi, bidliet fil-politiki u inċentivi biex jiġu evitati vjaġġi bla bżonn. Il-programmi ambizzjużi ta’ konsenji li jipprevedu l-użu tar-roti għandhom jagħmlu parti integrali minn kwalunkwe mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u strateġija tal-kwalità tal-arja, irrispettivament mil-livell ta’ governanza. Politiki ambizzjużi dwar iċ-ċikliżmu jistgħu wkoll jikkontribwixxi biex jintlaħqu 11 minn fost l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (16); |
Data dwar iċ-ċikliżmu
35. |
jenfasizza li data affidabbli u komparabbli hija essenzjali biex jittieħdu deċiżjonijiet informati u jitkejjel l-impatt tal-interventi tal-politika u l-finanzjament, u għaldaqstant jirrakkomanda lill-Kummissjoni (Eurostat) tiżviluppa metodoloġija komuni għall-ġbir tad-data u definizzjonijiet armonizzati għad-data nazzjonali u urbana dwar l-użu tar-roti; |
Punt fokali dwar iċ-ċikliżmu fil-Kummissjoni Ewropea u l-iskambju tal-aħjar prattika
36. |
jilqa’ bi pjaċir il-ħatra ta’ persuna ta’ kuntatt dwar iċ-ċikliżmu fid-DĠ MOVE iżda jirrimarka li din il-pożizzjoni għandha tiġi estiża għal punt fokali dwar iċ-ċikliżmu fil-Kummissjoni kollha, u kull punt fokali għandu jkollu mill-inqas persuna li taħdem l-ekwivalenti ta’ ingaġġ full-time fir-riżorsi tal-persunal, u kkomplementat b’punti ta’ kuntatt dwar iċ-ċikliżmu fid-DĠ rilevanti kollha tal-Kummissjoni billi tiġi żgurata konsultazzjoni effiċjenti bejn is-servizzi u koordinazzjoni fil-Kummissjoni; |
37. |
jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja sistema ta’ koordinazzjoni, li jkollha r-riżorsi adegwati, biex tindirizza l-ħtieġa tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal aċċess għall-aħjar prattika, studji tal-każijiet, rapporti, possibbiltajiet ta’ finanzjament, eċċ. dwar iċ-ċikliżmu (17). |
Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) 2015/2005(INI) jitlob għal “pjan direzzjonali tal-UE biex iċ-ċikliżmu jiġi inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016”.
(2) Declaration on Cycling as a climate friendly Transport Mode (Dikjarazzjoni dwar iċ-ċikliżmu bħala mezz ta’ trasport li ma jagħmilx ħsara lill-klima), laqgħa informali tal-Ministri tal-UE responsabbli għat-trasport, il-Lussemburgu, 7 ta’ Ottubru 2015 (mhux disponibbli bil-Malti). http://www.eu2015lu.eu/en/actualites/communiques/2015/10/07-info-transports-declaration-velo/07-Info-Transport-Declaration-of-Luxembourg-on-Cycling-as-a-climate-friendly-Transport-Mode---2015-10-06.pdf
(3) http://www.unece.org/fileadmin/DAM/thepep/documents/Déclaration_de_Paris_EN.pdf
(4) Opinjoni dwar “L-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011” relatur: is-Sur Spyros Spyridon (EL/PPE) (ĠU C 195, 12.6.2015, p. 10).
(5) Id-Dipartiment tar-Renju Unit għat-Trasport ikkalkula li l-proporzjon bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż tas-sussidji fiċ-ċikliżmu huwa ta’ 5.5:1 (ara Department for Transport, “Value for Money Assessment for Cycling Grants”, 2014) Skont Transport & Mobility Leuven, il-proporzjon bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż tal-investimenti fir-reġjun kapitali ta’ Brussell huwa bejn 5:1-9:1 (ara Transport & Mobility Leuven, “Impact et potentiel de l’usage du vélo sur l’économie et l’emploi en Région de Bruxelles-Capitale: Les effets directs et indirects de l’usage du vélo en 2002, 2012 et 2020”,) 2014; f’Ħelsinki, dan il-proporzjon kien stmat għal 8:1 (ara City of Helsinki, “Helsinki Bicycle Account 2015”).
(6) Il-politiki msemmija fid-Dikjarazzjoni jinkludu: Pjani ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli fil-Pakkett dwar il-Mobilità Urbana tal-2013, l-Orjentazzjonijiet ta’ Politika dwar is-Sikurezza tat-Triq 2011-2020, CIVITAS 2020, ELTIS, URBACT u l-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità u strumenti rilevanti ta’ finanzjament (inklużi l-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment, il-COSME u Orizzont 2020).
(7) Dan jinkludi l-infrastruttura iżda wkoll servizzi ta’ mobbiltà, bħall-kondiviżjoni fl-użu tar-roti, is-sistemi tal-ITS, vetturi ferrovjarji li fuqhom jistgħu jitilgħu r-roti, eċċ.
(8) http://www.eurovelo.org/
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 78/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ħarsien tal-persuni mexjin u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE u jħassar id-Direttivi 2003/102/KE u 2005/66/KE (ĠU L 35, 4.2.2009, p. 1).
(10) Id-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà għall-mini fin-Network Trans-Ewropew tat-Toroq (ĠU L 167, 30.4.2004, p. 39), id-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 59).
(11) http://ec.europa.eu/transport/facts-fundings/tenders/index_en.htm
(12) Opinjoni dwar ‘Il-pakkett dwar il-Mobilità Urbana’, relatur: Sir Albert Bore (UK/PSE) (ĠU C 271, 19.8.2014, p. 18).
(13) http://ec.europa.eu/transport/themes/urban/news/2015-11-27-guidance-acces-regulations_en.htm
(14) Opinjoni dwar ‘Servizzi ta’ informazzjoni u ppjanar u bejgħ ta’ biljetti għall-ivvjaġġar multimodali’, relatur: Petr Osvald (CZ/PSE) (ĠU C 19, 21.1.2015, p. 36).
(15) Proġett BiTiBi appoġġjat mill-Programm Ewropew dwar l-Enerġija Intelliġenti.
(16) European Cyclists” Federation (ECF)/World Cycling Alliance. “Cycling delivers on the global goals”, 2015. https://ecf.com/sites/ecf.com/files/The%20Global%20Goals_internet.pdf
(17) L-Osservatorju tal-Mobbiltà Urbana (ELTIS) ġabar ħafna eżempji ta’ prattika tajba (www.eltis.org).