IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.10.2016
COM(2016) 675 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-istrumenti finanzjarji appoġġjati mill-baġit ġenerali skont l-Artikolu 140.8 tar-Regolament Finanzjarju fil-31 ta' Diċembru 2015
{SWD(2016) 335 final}
Werrej
DAĦLA
SOMMARJU EŻEKUTTIV
1.
Gruppi strateġiċi fil-mira: SMEs
2.
Setturi strateġiċi fil-mira: Infrastruttura tanġibbli u intanġibbli.
2.1.
Riċerka u innovazzjoni (R&I)
2.2.
Infrastruttura, azzjoni klimatika, ambjent u effiċjenza enerġetika
2.3.
L-intrapriżi soċjali u l-mikrointrapriżi
2.4.
Is-Setturi tal-Edukazzjoni u Kulturali u Kreattivi
3.
Mira strateġika: reġjuni mhux fl-UE
3.1.
Pajjiżi tat-Tkabbir
3.2.
Pajjiżi tal-Viċinat
3.3.
Pajjiżi koperti mill-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)
KONKLUŻJONI
DAĦLA
Il-Kummissjoni bi pjaċir qiegħda tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-rapport annwali tagħha dwar l-attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji fil-livell tal-UE għall-oqsma ta’ politika esterna u interna tal-Unjoni, appoġġjati mill-baġit tal-Unjoni u ġestiti direttament jew indirettament mill-Kummissjoni, kif jesiġi l-Artikolu 140(8) tar-Regolament Finanzjarju. Din hija t-tielet edizzjoni tar-rapportar skont dik id-dispożizzjoni.
Il-Kummissjoni biħsiebha ssawwar dan ir-rapport bħala għodda dinamika għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari sabiex tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’ħarsa ġenerali sħiħa lejn l-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-livell tal-UE u l-prestazzjoni tagħhom. Għaldaqstant għandu jiġi żgurat li dan ir-rapport ikun allinjat aktar mill-qrib ma’ dokumenti oħrajn li jipprovdu informazzjoni dwar l-istrumenti finanzjarji tal-UE. Għalkemm id-diversi dokumenti huma ppreżentati għal finijiet prattiċi u proċedurali differenti, u għalhekk l-iskeda tagħhom tvarja, il-Kummissjoni għandha l-għan li tallinja bis-sħiħ il-kontenut tagħhom bil-ħsieb li tgħaqqadhom f’rapport wieħed fil-futur qarib.
Ir-rapport juri l-effett sostanzjali tal-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-livell tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2015. Dan jipprovdi ħarsa ġenerali dwar kif intużaw it-taxxi tal-kontribwenti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ dawk l-istrumenti.
Peress li ħafna mill-Istati Membri jesperjenzaw rati ta’ tkabbir baxxi iżda pożittivi, l-Ewropa tidher li bdiet tirkupra mill-kriżi ekonomika u finanzjarja. Madankollu, għad hemm dgħjufijiet strutturali u relatati mal-kriżi li jillimitaw il-ħeffa tal-irkupru ġenerali. B’mod partikolari, il-livelli għoljin ta’ dejn tas-settur privat u l-proporzjon għoli ta’ self improduttiv jirrestrinġu l-kapaċità tas-self tal-banek, u b’hekk ixekklu t-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja. Dawk l-isfidi jirrikjedu azzjoni immedjata, peress li l-ekonomija Ewropea tiddependi ħafna fuq is-self mis-settur bankarju filwaqt li l-aċċess għal finanzjament ta’ ekwità għadu limitat bħala sors alternattiv ta’ finanzjament, speċjalment għan-negozji ż-żgħar.
F’dik il-klima ekonomika, l-istituzzjonijiet tal-finanzi pubbliċi u l-investituri privati jsibuha bi tqila ħafna biex isellfu lill-ekonomija reali u b’mod partikolari lill-SMEs, li l-investimenti tagħhom jitqiesu bħala riskjużi ħafna. L-iskala tad-domanda għall-finanzjament, flimkien mal-provvista limitata ta’ riżorsi pubbliċi, tfisser li l-flussi addizzjonali ta’ kapital jeħtieġ li jiġu ingranati sabiex jimtela l-vojt. Għalhekk l-Unjoni qed tintalab biex tiftaħ investiment addizzjonali permezz tal-baġit tagħha, b’mod partikolari billi tagħmel użu akbar mill-istrumenti finanzjarji.
Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020 (MFF), iwieġeb għal dawk l-isfidi billi:
joffri opportunitajiet biex ikun hemm taħlit ta' riżorsi pubbliċi u privati: L-UE waqqfet strumenti finanzjarji innovattivi (bħal dawk stabbiliti taħt il-programm Orizzont 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni, jew COSME għall-SMEs) u r-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) jippermetti lill-Istati Membri jgħaqqdu l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) mar-riżorsi ta' Orizzont 2020 u ta' COSME taħt l-ewwel strument finanzjarju konġunt, l-inizjattiva tal-SMEs. Mit-tnedija tagħhom, kemm COSME kif ukoll l-istrumenti finanzjarji H2020 ntlaqgħu b’domanda qawwija tas-suq – il-pakkett inizjali tagħhom malajr ġie eżawrit u reċentement ġie msaħħaħ billi żdiedet l-iskopertura taħt il-kapaċità tat-teħid ta’ riskji tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);
l-iżvilupp ta’ inizjattivi biex jinkoraġġixxu l-istituzzjonijiet tal-finanzi pubbliċi jsellfu lil operaturi bi problemi ta’ aċċess għall-kapital privat: L-UE żviluppat Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li l-FEIS jikkostitwixxi l-ewwel pilastru tiegħu. Il-Pjan ta’ Investiment għandu l-għan li jimmobilizza investimenti addizzjonali fl-Unjoni u li jiżgura aċċess akbar għall-finanzjament għal proġetti infrastrutturali u innovattivi u kumpaniji li jħaddmu sa 3 000 impjegat, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs, permezz tal-provvista ta’ kapaċità ta’ rfigħ tar-riskji (garanziji) u finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma flimkien mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI); kif ukoll
il-promozzjoni ta’ ambjent kummerċjali aħjar għall-investiment privat billi ħadet passi biex tiżviluppa Unjoni tas-Swieq Kapitali.
L-SMEs huma fil-mira prinċipali tal-appoġġ tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji: dawn jirrappreżentaw żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat u madwar 60 % tal-valur miżjud reali fl-UE. Tingħata attenzjoni partikolari lil intrapriżi u gruppi oħrajn fil-mira f’setturi strateġiċi, b’mod partikolari r-riċerka u l-innovazzjoni, l-infrastruttura tanġibbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-intraprenditorija soċjali u l-edukazzjoni.
L-evidenza pprovduta f'dan ir-Rapport tissuġġerixxi li l-istrumenti finanzjarji huma mod effettiv kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-ekonomija reali: implimentati bi sħubija ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u privati, huma indirizzaw il-fallimenti tas-suq fil-provvista ta’ finanzjament estern.
Il-kontribuzzjoni ġenerali tal-Unjoni għall-istrumenti tal-2007-2013 tammonta għal kważi EUR 5,8 biljun, li sal-31 ta’ Diċembru 2015, appoġġjat volum ta’ finanzjament ta’ madwar EUR 90,3 biljun — li jindika proporzjon ta’ ingranaġġ aggregat ta’ kważi 16 (ara l-Graff 1) — kif ukoll volum ta’ investiment ta’ EUR 142,5 biljun għall-benefiċċju ta' gruppi u setturi strateġiċi fil-mira fl-oqsma tal-politika interna u esterna tal-UE.
Fl-2014-2020, il-pakkett baġitarju ta’ EUR 8,4 biljun huwa mmirat biex jappoġġa l-finanzjament ta’ EUR 87,8 biljun, li jfisser ingranaġġ medju ta’ 10,5, u ammont ta’ investiment ta’ EUR 137,6 biljun. L-ingranaġġ medju inferjuri mqabbel mal-ġenerazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-2007-2013 jirrifletti, qabel kollox, li l-ġenerazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-2014-2020, sabiex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni, tinkludi strumenti li jkopru riskji akbar mill-istrumenti ta’ garanziji tipiċi tal-ġenerazzjoni għall-2007-2013. Madankollu, ta’ min jgħid li l-pakketti tal-baġit tal-2014-2020 għadhom ma jinkludux approprjazzjonijiet għal strumenti suċċessuri għal ċerti strumenti stabbiliti għall-pajjiżi tat-Tkabbir u tal-Viċinat jew tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, li wħud minnhom jiksbu b’mod empiriku effett ta’ ingranaġġ għoli, u li l-ingranaġġ irrapportat għall-istrumenti ta’ ġenerazzjoni għall-2007-2013 huwa l-ingranaġġ reali miksub, filwaqt li l-ingranaġġ irrapportat għall-istrumenti tal-2014-2020 huwa l-ingranaġġ fil-mira. F’ċerti każijiet, l-ingranaġġ proprju qabeż l-ingranaġġ fil-mira taħt l-istrumenti tal-2007-2013 (pereż. għall-Faċilità ta’ garanzija għall-SMEs taħt is-CIP). L-ingranaġġ reali għall-istrumenti finanzjarji tal-2014-2020 finalment jista’ jaqbeż dak li atwalment huwa mistenni wkoll. Il-kontribuzzjoni mill-Unjoni ta’ EUR 1,9 billion li kienet ġiet impenjata sal-31 ta’ Diċembru 2015 hija mistennija tappoġġja volum ta’ finanzjament ta’ madwar EUR 16,8 biljun, u proporzjon ta’ ingranaġġ mistenni ta’ madwar 8,7 u volumi ta’ investiment mistennija ta’ EUR 31,9 biljun.
Matul il-perjodi ta’ programmazzjoni passati u attwali, l-appoġġ tal-Unjoni ngħata lil gruppi u lil setturi strateġiċi, bħal SMEs, infrastrutturi tanġibbli u intanġibbli (inklużi r-riċerka u l-innovazzjoni), u ġab miegħu diversi stejjer ta’ suċċess intraprenditorjali.
Uħud minn dawn l-istejjer huma ċċitati hawn taħt:
Ir-riċerka u l-innovazzjoni:
Orizzont 2020: Faċilità ta' Garanziji InnovFin għall-SMEs
Selfa ta’ EUR 20 miljun lil kumpanija tal-inġinerija ta’ teknoloġija avvanzata Manz AG qiegħda tappoġġja lir-riċerka u lill-iżvilupp tal-kumpanija fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-enerġija sostenibbli u kosteffikaċi. L-assistenza finanzjarja qiegħda tiġi pprovduta taħt l-inizjattiva l-ġdida InnovFin – Finanzjament talUE għallInnovaturi stabbilit b’mod konġunt bejn il-BEI u l-Kummissjoni Ewropea. L-inizjattiva Finanzi ta’ InnovFin għal Tkabbir fil-Kumpaniji b'Kapitalizzazzjoni Medja hija mfassla għar-rekwiżiti speċifiċi tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja fil-qasam tal-finanzjament tar-R&Ż. Il-finanzjament tagħna se jgħin primarjament lir-R&Ż tal-kumpanija fil-qasam fotovoltajku (PV) solari. It-teknoloġija taċ-ċellola solari ta’ Manz hija fost l-aqwa fid-dinja, u bħalissa għandha l-ogħla effiċjenza fit-trasformazzjoni tad-dawl tax-xemx għall-enerġija għal CIGS u moduli PV oħrajn b’rita rqiqa, u spejjeż kompetittivi meta mqabbla ma’ teknoloġiji oħrajn. It-teknoloġija ta’ CIGS hija bbażata fuq ir-ram, l-indju, il-gallju u s-selenju u hija prodotta b’teknoloġija b’rita rqiqa. Bħalissa l-moduli ta’ CIGS huma meqjusin bħala l-aktar effiċjenti fis-suq. Jeħtieġu ammont relattivament baxx ta’ materjal, u dan jagħmilhom aktar sostenibbli u ekoloġiċi.
http://www.eib.org/infocentre/stories/all/2014-november-05/backing-solar-module-innovation-in-germany.htm
Is-Seba’ Programm ta’ Qafas”: RSI u RSFF
˗Iż-żamma tal-indafa fit-toroq tista’ tiġi tiswa ħafna flus għall-awtoritajiet lokali u l-biċċa l-kbira tal-pjanifikaturi tal-ibliet jixtiequ joffru bankini nodfa fl-irħula u l-ibliet. Dan huwa eżattament dak li qiegħda tagħmel CS-Beton. Hija waħda mill-akbar produtturi ta’ prodotti tal-konkrit għall-bankini, għat-toroq, għall-awtostradi u għall-ajruporti u hija l-ewwel kumpanija fir-Repubblika Ċeka li qiegħda tintroduċi sprej speċjali - “Clean protect” - li ma jħallix il-ħmieġ jaqbad mal-konkrit tagħha. U dan mhuwiex konkrit kwalunkwe; dak il-konkrit speċjali huwa ferm reżistenti għall-borra kif ukoll għal aġenti kimiċi tat-tneħħija tas-silġ. Bil-160 impjegat tagħha, il-kumpanija bħalissa qiegħda tiżviluppa xi prodotti ġodda tal-konkrit li jipprovdu disinni kompletament ġodda għal stazzjonijiet tal-linja, soluzzjonijiet ġodda għall-għotjien għat-toroq u ħitan tal-ilqugħ bil-għan li tkompli tkabbar in-negozju tagħha madwar ir-Repubblika Ċeka u lil hinn. Is-selfa ta’ investiment ta’ CZK 20 700 000 (ekwivalenti għal EUR 807 490) b’garanzija ta’ 50% mill-UE, ipprovduta fir-Repubblika Ċeka taħt l-RSI, ippermettiet lil CS-Beton tibda taħdem fuq proġetti akbar u tagħtihom aċċess għal swieq internazzjonali.
http://www.eif.org/what_we_do/guarantees/RSI/case-studies/ceska_sporitelna_czech_republic.htm
˗Zeta Biopharma hija kumpanija tal-bini tal-impjanti fl-Awstrija b’237 impjegat li tipprovdi teknoloġija tal-proċessar għal applikazzjonijiet bijofarmaċewtiċi billi tforni lil kumpaniji farmaċewtiċi globali b’impjanti ddiżinjati b’mod individwali. L-impjanti tal-produzzjoni ta’ Zeta jintużaw minn kumpaniji farmatewċi kbar sabiex jiżviluppaw vaċċini, injezzjonijiet u mediċini farmaċewtiċi użati sabiex jiġġieldu kontra mard madwar id-dinja kollha. Il-kumpanija hija waħda minn tnejn biss fl-Ewropa li jużaw kontenituri ta’ ffriżar u t-twaqqigħ tal-iffriżar għall-ħżin u t-trasport ta’ sustanzi għall-industrija farmaċewtika. Dawk il-likwidi jistgħu jiġu ffriżati f’faċilità tal-ħżin kontrollur għal diversi snin u spiss jintbagħtu fi swieq madwar id-dinja kollha. L-impjanti jintużaw minn kumpaniji farmatewċi kbar sabiex jiżviluppaw vaċċini, injezzjonijiet u mediċini farmaċewtiċi użati sabiex jiġġieldu kontra mard madwar id-dinja kollha.
Il-kumpanija hija waħda minn tnejn biss fl-Ewropa li jużaw kontenituri ta’ ffriżar u t-twaqqigħ tal-iffriżar għall-ħżin u t-trasport ta’ sustanzi għall-industrija farmaċewtika. Dawk il-likwidi jistgħu jiġu ffriżati f’faċilità tal-ħżin kontrollur għal diversi snin u spiss jintbagħtu fi swieq madwar id-dinja kollha. L-impjanti huma mmanifatturati f’disinn modulari b’tagħmir tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fis-sit tal-produzzjoni f’Lieboch, Graz, u jintbagħtu f’kundizzjonijiet sterili f’siti tal-operazzjoni madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, fejn jiġu installati u kkummissjonati minn persunal u inġiniera kkwalifikati. Is-selfa ta’ kapital operazzjonali ta’ EUR 2,5 miljun b’garanzija ta’ 50% mill-UE, ipprovduta taħt l-RSI fl-Awstrija, tkopri r-rekwiżiti kbar ta’ kapital operazzjonali ta’ Zeta matul iż-żmien tat-tlestija tal-produzzjoni twal li huma meħtieġa fl-inġinerija u fil-manifattura tal-impjanti.
http://www.eif.org/what_we_do/guarantees/RSI/case-studies/unicredit-bank_austria.htm
˗Il-karozzi, il-krejnijiet, it-tagħmir tat-tħaffir, il-ferroviji, l-iskavaturi tat-tħaffir taħt l-art u l-ħassada kombinati x’għandhom komuni bejniethom? Dawn huma kollha vetturi li jużaw bearings sabiex il-makkinarju jibqa' jiċċaqlaq. NBI Bearings Europe hija waħda mill-kumpaniji ewlenin tal-bearings fi Spanja li tipprovdi dawk il-partijiet siewja lil setturi industrijali inklużi l-industriji taż-żejt u tal-gass, tal-agrikoltura, tal-ħadid u tal-azzar. Il-punt tal-bejgħ uniku ta’ NBI Bearings huwa d-disinn speċjali li tuża, li jipproteġi lill-bearings minn ħmieġ u umdità u jippermettilhom iżommu l-griż fuq ġewwa. Ir-riċerka u l-iżvilupp huma importanti ferm għall-istrateġija tal-kumpanija, bit-tekniċi minn universitajiet li jinkludu l-Università Teknika ta’ Valencia u Deusto f’Bilbao, li jistudjaw tipi ġodda ta’ materjal, ta’ tekniki u ta’ kontroll tal-kwalità tal-bearings tagħhom. NBI Bearings Europe tħaddem 32 membru tal-persunal li bħalissa jkopru swieq f’50 pajjiż u l-kumpanija qiegħda tippjana li tespandi fil-futur qarib. Is-selfa ta’ kapital operazzjonali ta’ EUR 500 000 b’garanzija ta’ 50% mill-UE, ipprovduta taħt l-
Istrument għall-Kondiviżjoni tar-Riskju (RSI)
fi Spanja, ippermettiet lil NBI Bearings Europe tespandi l-faċilitajiet tagħha ta’ riċerka u żvilupp u ddaħħal 6 membri ġodda tal-persunal għall-impjant tekniku tagħha.
http://www.eif.org/what_we_do/guarantees/RSI/case-studies/bankinter_spain.htm
Il-kompetittività tal-SMEs:
COSME: Il-Faċilità ta’ Garanzija ta' Self
KopfNuss GmbH, f’Hamburg, żviluppat xarba f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Kiel. Biex jibdew, kisbu selfa ta’ EUR 30 000 mingħand bank f’Hamburg. Is-selfa, li kienet iggarantita minn KfW permezz tal-programm COSME, ippermettiet li l-impriża l-ġdida tagħmel l-ewwel passi billi toħloq il-kumpanija, il-prototip u l-produzzjoni tal-ewwel 40 000 flixkun. Dak il-prodott li qabad ħafna − xarba rinfreskanti kompletament naturali, bla zokkor miżjud u mingħajr alkoħol − ġie introdott fis-suq ftit aktar minn sena ilu minn tliet imprendituri żgħażagħ. Wara sena, il-produzzjoni żdiedet b’ħames darbiet aktar. Iffurmaw sħubijiet ma’ organizzaturi ta’ avvenimenti u l-punti tal-bejgħ tagħhom qegħdin jiżdiedu l-ħin kollu. Dennis Redepenning, kofundatur ta’ KopfNuss GmbH jispjega: “Ninsabu fil-proċess li nniedu t-tieni prodott fis-suq, u ser inġibu bijotikketta Ewropea għaż-żewġ prodotti tagħna. Qegħdin inkomplu nespandu Il-mira tagħna hija li nkunu f’Berlin u Munich is-sena d-dieħla.”
http://www.euronews.com/2015/10/16/enhancing-access-to-finance-with-cosme/
Infrastruttura u effiċjenza enerġetika:
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa / Inizjattiva tal-Bonds ta' Proġetti
Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni appoġġjat il-finanzjament ta’:
˗proġett ta' trasport f'żona ġdida għall-awtostrada A 11 fil-Belġju permezz ta’ ħruġ ta’ bonds ta' proġett ta' EUR 578 miljun u EUR 79,6 miljun ta’ ekwità (b’kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ EUR 200 miljun), u
˗l-awtostrada (Autobahn) A7 fil-Ġermanja permezz ta’ ħruġ ta’ bonds tal-proġetti ta’ EUR 429 miljun.
http://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:d1d8e4af-8fab-11e5-983e-01aa75ed71a1.0022.02/DOC_1&format=PDF
Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE)
Fis-26 ta’ Novembru 2015 ġiet iffirmata operazzjoni ma’ Banco Santander. Dik l-operazzjoni tiffoka fuq l-investimenti fl-enerġija fis-settur tal-lukandi u tista’ tappoġġja lill-programmi PIMASOL u PERRER EE tal-gvern Spanjol. Il-BEI ta selfa ta’ EUR 50 miljun, filwaqt li l-kollateral massimu impenjat għal dik l-operazzjoni kien ta’ EUR 3,6 miljun.
L-intrapriżi soċjali u l-mikrointrapriżi:
Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress
Fl-2010 Miena Rust ingħatat is-sensja minn kumpanija tal-inġinerija; investiet f’tagħmir li jsajjar u jqatta’ l-qubbajt, fasslet ir-riċetta tagħha u skopriet li laqtet il-musmar fuq rasu. Miena’s Nougat beda bħala negozju b’kummerċjant wieħed f’Lulju 2012. Miena timmanifattura ħelu artiġjanali raffinat li juża biss ingredjenti naturali magħmulin bl-idejn f’darha fil-Glen ta’ Imaal f’Co. Wicklow. Oriġinarjament, Miena bdiet tqassam il-firxa tagħha ta’ qubbajt tal-għasel artab fil-Pitkalija ta’ Marlay Park, fi Grange Con Café fi Blessington, Co. Wicklow u f’diversi fieri tal-ikel/ġenerali madwar Dublin. Mill-2014 ’l hawn, il-qubbajt ta’ Miena nbiegħ fi ħwienet artiġjanali inkluż f’Avoca Handweavers, Donnybrook Fair, kafetteriji partikolari u aktar minn 200 ħanut Super Valu madwar il-pajjiż.
http://microfinanceireland.ie/mienas-nougat/
SOMMARJU EŻEKUTTIV
Dan ir-rapport ikopri l-istrumenti finanzjarji fil-livell tal-UE għall-oqsma ta’ politika interna u esterna tal-Unjoni, ġestiti direttament jew indirettament mill-Kummissjoni.
Jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-progress li sar s’issa fl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-2007-2013 u l-2014-2020, li jiżguraw it-trasparenza u r-responsabbiltà fir-rigward tal-użu tat-taxxi tal-kontribwenti. Dan juri li l-istrumenti finanzjarji mmaniġġjati ċentralment kisbu effett sostanzjali ta’ ingranaġġ finanzjarju u juru – fuq il-bażi tal-evidenza disponibbli bħalissa – kif l-istrumenti segwew l-objettivi politiċi tagħhom. Aktar informazzjoni teknika qiegħda fl-Anness.
Il-graffs li ġejjin jagħtu illustrazzjoni viżiva tal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji f'termini ta’ ingranaġġ fil-QFP tal-2007-2013 u tal-2014-2020 sal-31 ta’ Diċembru 2015, kemm b’mod ġenerali kif ukoll skont il-kategorija finanzjarja (strumenti ta’ dejn, ta’ ekwità u mħalltin).
Għall-istrumenti finanzjarji tal-2007-2013, l-“Impenn aggregat” huwa ddefinit bħala l-impenji baġitarji kumulati magħmulin għall-istrument finanzjarju rilevanti. “Il-finanzjament miksub” jikkorrispondi għall-volum ta’ finanzjament ipprovdut lir-riċevituri finali eliġibbli minn strument finanzjarju permezz tal-katina ta’ finanzjament tiegħu, inkluż il-parti tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni. Finalment, l-“Investiment miksub” jirrappreżenta l-investiment kapitali li jsir mir-riċevitur finali, f’ħafna każijiet indikat mill-ammont totali ta’ finanzjament għad-dispożizzjoni għall-investimenti, inklużi l-fondi proprji.
Graff 1: Strumenti finanzjarji 2007-2013 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: SMEG 07, EPMF-G, RSI, FFQR, LGTT, Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti, FCP-FIS, EDIF GF 1, EFSE, RSL Turkija, GIF (CIP), Marguerite, ENEF taħt l-EDIF, ENIF taħt l-EDIF, Appoġġ għall-FEMIP, GEEREF, EEEF, GGF, NIF, IFCA u AIF, LAIF
Graff 2: Strumenti finanzjarji ta’ dejn 2007-2013 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: SMEG 07, EPMF-G, RSI, FFQR, LGTT, Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti, FCP-FIS, EDIF GF 1, EFSE, RSL Turkija.
Graff 3: Strumenti finanzjarji ta’ ekwità 2007-2013 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: GIF (CIP), Marguerite, ENEF taħt l-EDIF, ENIF taħt l-EDIF, Appoġġ għall-FEMIP, GEEREF
Graff 4: Strumenti finanzjarji mħalltin (Dejn u Ekwità) 2007-2013 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: EEEF, GGF, NIF, IFCA u AIF, LAIF
Għall-istrumenti finanzjarji 2014-2020, il-“Pakkett baġitarju” jindika l-approprjazzjonijiet ta’ impenn previsti għall-istrument matul il-ħajja tiegħu. Il-“Mira tal-finanzjament” hija l-ammont fil-mira ta' finanzjament għar-riċevituri finali eliġibbli (li parti minnu hija l-Finanzjament mistenni, jiġifieri l-ammont ta’ finanzjament mistenni mill-operazzjonijiet iffirmati). Finalment, l-“Investiment fil-mira” huwa n-nefqa tal-investiment fil-mira li trid issir mir-riċevitur finali (li parti minnha hija l-Investiment mistenni, jiġifieri l-ammont ta’ nefqa tal-investiment mistennija mill-operazzjonijiet iffirmati).
Graff 5: Strumenti finanzjarji 2014-2020 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: COSME LGF, l-Inizjattiva tal-UE għall-SMEs, EaSI, Garanziji ta' InnovFin għall-SMEs, Faċilità ta’ Garanziji ta’ CCS, Faċilità ta’ SLG, PF4EE, Proġetti Kbar ta' InnovFin, RSDI, Faċilità ta’ Garanzija 2, EFG, Ekwità tas-CEF, Kapital ta' Riskju ta' InnovFin għall-SMEs, NCFF
Inklużi aġġornamenti tal-pakkett tal-baġit inizjali u l-ammonti ta’ finanzjament u ta’ investiment korrispondenti.
Graff 6: Strumenti finanzjarji ta’ dejn 2014-2020 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: COSME LGF, l-Inizjattiva tal-UE għall-SMEs, EaSI, Garanziji ta' InnovFin għall-SMEs, Faċilità ta’ Garanziji ta’ CCS, Faċilità ta’ SLG, PF4EE, Proġetti Kbar ta' InnovFin, RSDI
Inklużi aġġornamenti tal-pakkett tal-baġit inizjali u l-ammonti ta’ finanzjament u ta’ investiment korrispondenti
Graff 7: Strumenti finanzjarji ta’ ekwità 2014-2020 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: EFG, Ekwità tas-CEF, InnovFin għall-SMEs
Inklużi aġġornamenti tal-pakkett tal-baġit inizjali u l-ammonti ta’ finanzjament u ta’ investiment korrispondenti.
Graff 8: Strumenti finanzjarji mħalltin (Dejn u Ekwità) 2014-2020 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: NCFF
Inklużi aġġornamenti tal-pakkett tal-baġit inizjali u l-ammonti ta’ finanzjament u ta’ investiment korrispondenti
L-istrumenti appoġġjati mill-baġit tal-Unjoni iżda implimentati mill-Istati Membri b’ġestjoni konġunta huma soġġetti għal rapportar separat. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, jiġi ppubblikat rapport annwali fil-qosor dwar l-implimentazzjoni ta’ strumenti ta’ inġinerija finanzjarja taħt il-FEŻR u l-FSE sal-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena. Mill-2016, il-Kummissjoni se tipprovdi sommarji tad-dejta dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża kif rikjest għall-FSIE skont is-CPR. B’mod simili, l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment taħt il-garanzija baġitarja tal-FSIE – li mhumiex strumenti finanzjarji skont it-tifsira tar-Regolament Finanzjarju – huma soġġetti għal rapportar separat meħtieġ mir-Regolament dwar il-FSIE.
Ir-rapport preżenti dwar strumenti fil-livell tal-UE huwa kkomplimentat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li fih tabelli ddettaljati u informazzjoni dwar strumenti implimentati b’immaniġġjar dirett u indirett fl- 2007-2013 u 2014-2020.
Graff 9: FIs 2007-2013 - Impenji baġitarji totali skont il-mira sal-31 ta’ Diċembru 2015 (miljun EUR)
Setturi strateġiċi fil-mira: LGTT, PBI, Marguerite, EEEF, GIF (CIP), RSI, FFQR, EPMF-G, FCP -FIS
Gruppi strateġiċi fil-mira: SMEG 07
Reġjuni strateġiċi mhux fl-UE fil-mira: IFCA, AIF, LAIF, GEEREF, EDIF GF 1, ENEF taħt l-EDIF, ENIF taħt l-EDIF, EFSE, GGF, SME RSLT, NIF, Appoġġ għall-FEMIP
Graff 10: FIs 2014-2020 - Impenji baġitarji totali skont il-mira sal-31 ta’ Diċembru 2015 (miljun EUR)
Setturi strateġiċi fil-mira: Faċilità ta’ Garanziji ta’ CCS, SLGF, PF4EE, RSDI, Ekwità ta’ CEF, NCFF, Garanziji ta' InnovFin għall-SMEs, Garanzija L-M ta’ InnovFin, InnovFin SME VC, EaSI
Gruppi strateġiċi fil-mira: COSME LFG, Inizjattiva tal-UE għall-SMEs, COSME EFG
Reġjuni strateġiċi mhux fl-UE fil-mira: EDIF GF2
1.Gruppi strateġiċi fil-mira: SMEs
Ġeneralment, l-SMEs ħarġu bħala l-kategorija tan-negozju li qed tesperjenza diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament, u aktar u aktar mill-bidu tal-kriżijiet finanzjarji u tad-dejn sovran.
Biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq relatati ma’ informazzjoni assimetrika, ġew stabbiliti diversi faċilitajiet ta’ garanzija biex jestendu volumi akbar ta’ self b’kundizzjonijiet aħjar għal sett aktar riskjuż ta’ intrapriżi. Dawk il-faċilitajiet għandhom l-għan li jrawmu l-iżvilupp ta’ suq tal-finanzjament tal-SMEs pan-Ewropew u li jindirizzaw il-fallimenti tas-swieq li huma ttrattati aktar kif xieraq fil-livell tal-UE minħabba n-natura wiesgħa tagħhom. Bħala tali, huma kapaċi jilħqu ekonomiji ta’ skala u jxerrdu l-aħjar prattiki:
1.Il-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs (SMEG 07) taħt il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) tejbet l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament tad-dejn. Mit-30 ta’ Settembru 2015, total ta’ aktar minn 377 000 SME bbenefikaw minn EUR 20 biljun f’self garantit matul l-2007-2015 u n-numru għadu qiegħed jikber;
2.Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self tal-COSME, is-suċċessur SMEG 07, tipprovdi lill-SMEs b’garanziji limitati għal finanzjament tad-dejn permezz ta’ self jew lokazzjonijiet, sabiex tnaqqas id-diffikultajiet partikolari li jiffaċċjaw l-SMEs vijabbli biex ikollhom aċċess għall-finanzi minħabba r-riskju għoli pperċepit tagħhom jew minħabba n-nuqqas ta’ kollateral suffiċjenti disponibbli. Sal-aħħar tal-2015, il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) kien ikkonkluda d-diliġenza dovuta u ffirma ftehimiet ta’ garanzija ma’ 26 intermedjarju finanzjarju għal total ta’ aktar minn EUR 7 biljun. Huwa stmat li t-total kumulattiv ta’ finanzjament mobilizzat għall-20142020 se jvarja bejn EUR 14,3 u 21,5 biljun, li jilħaq bejn 220 000 u 330 000 SME;
3.L-Inizjattiva tal-UE għall-SMEs, imfassla bħala strument ta’ rispons għall-kriżijiet, tipprovdi garanzija bla limitu u/jew titolizzazzjoni biex ittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs, inklużi l-SMEs innovattivi u b’riskju għoli. Huwa strument konġunt, li jikkombina l-fondi tal-COSME u l-Orizzont 2020 mar-riżorsi tal-FEŻR-FAEŻR tal-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-BEI/FEI sabiex jiġi ġġenerat self addizzjonali għall-SMEs. L-ewwel Inizjattiva ta’ strument ta’ garanziji għall-SMEs ġiet stabbilita fi Spanja. B’impenn ta’ EUR 692 miljun mill-FEŻR u minn Orizzont 2020, il-volum ta’ self lill-SMEs sostnut fi Spanja huwa mistenni li jilħaq il-EUR 5 723 miljun għar-reġjuni Spanjoli kollha. Malta kienet it-tieni Stat Membru tal-UE li pparteċipat fl-istrument ta’ garanzija mhux limitata taħt l-SMEI. Il-kontribuzzjoni tal-FEŻR ta’ 15-il miljun għal Malta se tappoġġja aktar minn EUR 60 miljun f’finanzjament lill-SMEs.
Barra minn hekk l-SMEs jiffaċċjaw ukoll sfidi partikolari fil-ġbir ta’ kapital ta’ ekwità, bil-kapital ta’ riskju Ewropew isofri tnaqqis fl-attività tal-ekwità privata fl-2008-2014 f’termini ta’ ġbir ta’ fondi, il-livelli ta’ investiment (minkejja titjib żgħir fl-2014) u kundizzjonijiet ta’ divestiment, u jibqa’ frammentat madwar il-pajjiżi u dejjem aktar dipendenti fuq għajnuna finanzjarja minn investituri pubbliċi.
Appoġġ permezz ta’ strumenti finanzjarji fil-livell tal-UE huwa kruċjali biex tiġi indirizzata dik il-frammentazzjoni. Bosta faċilitajiet ta’ finanzjament ta' ekwità ġew stabbiliti biex isaħħu s-suq intern għall-kapital ta’ riskju billi jindirizzaw il-fallimenti tas-suq li jiltaqgħu magħhom (b’mod partikolari l-SMEs fi stadju bikri li għandhom il-potenzjal li jiksbu tkabbir kbir), iġibu l-innovazzjoni lejn is-suq u li joħolqu impjiegi ta’ valur miżjud għoli:
1.Il-Faċilità tal-Ekwità għat-Tkabbir (EFG) taħt il-COSME, is-suċċessur tal-GIF 2, għandha l-għan li tistimula l-adozzjoni u l-provvista ta’ finanzjament ta’ ekwità għall-SMEs fil-fażi ta’ espansjoni tagħhom. Għall-2014-2020, huwa mistenni li l-impenn indikattiv ta’ EUR 546 miljun se jappoġġa investimenti ta’ kapital ta’ riskju fil-medda ta’ EUR 2,6 sa 3,9 biljun, li jilħaq madwar 360 sa 540 SMEs.
Graff 11: Strumenti finanzjarji 2007-2013 għall-SMEs sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: SMEG 07.
Graff 12: Strumenti finanzjarji 2014-2020 għall-SMEs sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: COSME LGF, Inizjattiva tal-UE għall-SMEs, COSME EFG.
Inklużi aġġornamenti tal-pakkett tal-baġit inizjali u l-ammonti ta’ finanzjament u ta’ investiment korrispondenti
2.Setturi strateġiċi fil-mira: Infrastruttura tanġibbli u intanġibbli.
Is-setturi strateġiċi jinkludu setturi tal-infrastruttura f’sens wiesa’, li jinkludu kemm infrastruttura tanġibbli kif ukoll intanġibbli bħar-riċerka u l-innovazzjoni.
2.1.Riċerka u innovazzjoni (R&I)
L-evidenza li kumpaniji akbar u stabbiliti intensivi fir-R&I għandhom problemi biex jaċċessaw finanzjament tad-dejn biex jiffinanzjaw proġetti ta’ innovazzjoni hija mħallta u biex wieħed jistabbiliha b’mod metodoloġiku huwa aktar diffiċli. Madankollu, studju ekonometriku riċenti, kif ukoll esperjenza empirika, jissuġġerixxu li d-domanda għall-finanzjament tad-dejn tar-R&I tisboq sew il-provvista preżenti.
Biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-R&I li qajla jistgħu jintlaħqu kompletament fuq livell nazzjonali, il-Kummissjoni waqqfet il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (2007-2013) u, taħt Orizzont 2020, il-Proġetti Kbar ta' InnovFin, il-Finanzi ta' InnovFin għal Tkabbir fil-Kumpaniji b'Kapitalizzazzjoni Medja, u l-Garanziji ta' InnovFin għal Kumpaniji b'Kapitalizzazzjoni Medja:
1.Il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (2007-2013) toffri wkoll self u finanzjament ibridu jew intermedju biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament ta’ riskju għal proġetti R&I. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni RSFF 2007-2015 ta’ EUR 961 miljun appoġġat attività li tgħodd għal iktar minn EUR 10,22 biljuni minn EUR 11,31 biljun li kienu mistennija;
2.Is-Servizz ta’ Self għar-R&I (2014-2020) tal-Orizzont 2020, is-suċċessur għall-FFQR, joffri wkoll self u finanzjament ibridu jew intermedju biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament ta’ riskju għal proġetti R&I. Għall-perjodu 2014-2020, il-kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 1 060 miljun hija mmirata biex timmobilizza l-finanzjament ta’ EUR 13 250 miljun għar-riċevituri finali. Sa tmiem l-2015, il-kontribuzzjonijiet tal-UE li jammontaw għal total ta' EUR 645,5 miljun kienu diġà appoġġaw finanzjament ta’ EUR 2 399,2 miljun;
3.L-Istrument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (RSI) taħt is-7 Programm Qafas huwa faċilità ddedikata ta’ garanzija għall-finanzjament tas-self u l-lokazzjonijiet li tindirizza d-diskrepanza ta’ finanzjament għal SMEs innovattivi u kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (negozji b’sa 499 impjegat). S’issa pprovdiet kważi EUR 2,34 biljun f’garanziji u f’kontrogaranziji lil 37 bank u soċjetà ta’ garanzija, u li b’hekk se jkunu f'pożizzjoni li jagħtu sostenn lil madwar 4 000 SME innovattivi u kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja. Sal-aħħar tal-2015, il-volum ta’ finanzjament ipprovdut kien ta’ aktar minn EUR 2,3 biljun, b’kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ EUR 270 miljun;
4.Il-Garanziji ta’ InnovFin għall-SMEs taħt Orizzont 2020, il-faċilità suċċessur għall-SMEs innovattivi u kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja għall-2014-2020, hija mistennija li timmobilizza total ta’ volum ta’ self ta’ madwar EUR 9,5 biljun, b’kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ madwar EUR 1 060 miljun. Sal-2015, il-valur globali ta’ finanzjament appoġġjat mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni huwa mistenni li jkun madwar EUR 3,7 biljun, li minnhom EUR 310 miljuni diġà ġew ipprovduti;
5.Il-Faċilità għall-SMEs Innovattivi u b'Rata Għolja ta' Tkabbir (GIF) taħt is-CIP għandha l-għan li żżid il-provvista ta’ ekwità għal SMEs innovattivi fl-istadji bikrija tagħhom (GIF1) u fil-fażi tal-espansjoni (GIF2). Sa tmiem l-2015, total ta’ EUR 625,2 miljun f’impenji netti mill-baġit tal-Unjoni appoġġjaw 43 fond ta’ kapital ta’ riskju u 437 riċevitur finali, li kkatalizzaw kważi EUR 1,25 biljun f’finanzjament ta’ ekwità;
6.Il-Kapital ta’ Riskju InnovFin għall-SMEs taħt Orizzont 2020, is-suċċessur tal-GIF 1, hu mfassal biex itejjeb l-aċċess għall-finanzjament ta' riskju għall-SMEs fi stadju bikri bbażati fuq ir-R&Ż u kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja. Pakkett ta’ EUR 460 miljun ippjanat b’mod indikattiv għall-2014-2020 huwa mistenni li jappoġġa madwar EUR 2,7 biljun ta’ finanzjament ta’ ekwità.
2.2.Infrastruttura, azzjoni klimatika, ambjent u effiċjenza enerġetika
It-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-infrastrutturi tal-enerġija għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli f’kuntesti fejn l-intrapriżi privati ta’ kull daqs u entitajiet pubbliċi jinteraġixxu biex jipprovdu l-output meħtieġ. L-infrastruttura ttejjeb il-produttività tal-ekonomija, tippermetti t-tkabbir, u tiffaċilita l-interkonnessjoni tas-suq intern.
Barra minn hekk, l-effiċjenza enerġetika u l-promozzjoni tagħha qed isiru dejjem aktar importanti fl-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-mira ewlenija ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika għall-2020 u l-objettivi ulterjuri lil hinn minn dik id-data.
L-għan ta’ intervent finanzjarju tal-UE f’dawk is-setturi jkun li jikkontribwixxi sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet fis-swieq kapitali Ewropej. Il-programmi ta' strumenti finanzjarji tal-UE għal diversi sottosetturi (trasport u infrastruttura tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, inklużi l-ambjent u l-azzjoni klimatika, u l-ICT) imnedija fil-perjodu 2007-2013 jew previsti fl-2014-2020 jinkludu:
1.L-Istrument ta’ Garanzija fuq is-Self għall-Proġetti tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (LGTT), strument ta’ dejn għall-finanzjament ta’ proġetti fin-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u l-enerġija. Mill-31 ta’ Diċembru 2015, l-ammont pendenti ta’ garanzija tal-istrument LGTT jammonta għal total ta’ EUR 472 miljun, li jkopri ħames proġetti li mistennija jagħmlu investimenti (ekwità, dejn, għotjiet) ta’ EUR 11,6 biljun. L-evalwazzjoni ex post tal-Kummissjoni tal-2014 ikkonkludiet li fejn kien applikat l-impatt tal-LGTT kien pożitti, iżda mhux biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi usa’ tiegħu;
2.Taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF):
a.l-Inizjattiva tal-Bonds tal-Proġetti (PBI, QFP 2007-2013), li għandha l-għan li tistimula l-finanzjament tas-suq kapitali għall-proġetti tal-infrastruttura fl-oqsma tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u l-enerġija u n-netwerks tal-broadband. Sa llum, diversi tranżazzjonijiet laħqu l-għeluq finanzjarju taħt il-fażi pilota tal-IBP:
I.Sa tmiem l-2015, il-proġetti tat-Titjib tal-Kreditu tal-Bonds tal-Proġetti (PBCE) appoġġjati mill-kontribuzzjoni ta’ EUR 230 miljun mill-Unjoni diġà kkontribwew sabiex jipprovdu EUR 335 miljun f’finanzjament lil ħames proġetti eliġibbli u, b'hekk, kellhom impatt importanti fuq l-ekonomija reali tal-UE inkluż investiment kumplessiv ta’ kważi EUR 3 biljun;
II.il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għat-TEN-T appoġġjat il-finanzjament ta’:
-il-Port ta’ Calais iffirmat f’Lulju 2015. Il-kost totali tal-proġett ta’ EUR 863 miljun ġie ffinanzjat minn bonds ta' proġetti ta’ EUR 504 miljuni u EUR 358 miljun minn sorsi oħrajn. Il-PBCE totali jammonta għal EUR 50 359 000;
-il-bini tal-Awtostrada A11 fil-Belġju. Il-kost totali tal-proġett ta’ EUR 657,5 miljun ġie ffinanzjat minn bonds ta' proġetti ta’ EUR 577,9 miljuni u EUR 79,6 miljun f’ekwità; il-PBCE totali pprovdut jammonta għal EUR 115 580 000;
-il-bini tal-Awtostrada A7 fil-Ġermanja. Il-kost totali tal-proġett ta’ EUR 772,6 miljun ġie ffinanzjat parzjalment minn Bond tal-Proġetti ta’ EUR 429,1 miljun; l-ammont totali tal-PBCE jammonta għal EUR 85 827 400; u
III.l-kontribuzzjoni baġitarja ta’ EUR 20 miljun għas-settur tal-ICT ippermettiet ukoll it-tisħiħ tal-kreditu ta’ madwar EUR 38 miljun f’appoġġ għall-ħruġ ta' bonds ta' proġett ta' madwar EUR 189 miljun minn fornitur Franċiż ta’ servizzi tal-broadband;
b.l-Istrument ta’ Dejn għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (CEF) sejjer jimmira lejn proġetti ta’ interess komuni fis-setturi tat-trasport, tal-broadband u tan-netwerks tal-enerġija. Mill-2015, l-istrument beda jibni fuq l-Inizjattiva eżistenti tal-Bonds tal-Proġetti u fuq il-Garanzija tas-Self għat-TEN-Trasport. Jekk wieħed jassumi li l-allokazzjoni baġitarja totali ta’ EUR 2,4 biljun se tkun disponibbli għall-istrument, jista' jiġi attirat finanzjament totali ta’ EUR 18 sa 45 biljun grazzi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni;
c.l-Istrument ta’ Ekwità (CEF) għandu l-għan li jappoġġja l-finanzjament għall-investiment fil-broadband mill-SMEs bl-istabbiliment ta’ Fond ta’ Investiment fil-Broadband. Għall-2014-2020 huwa ppjanat b’mod indikattiv impenn ta’ EUR 100 miljun.
3.Il-Finanzjament Privat għall-Istrumenti tal-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE) iffinanzjati taħt il-Programm LIFE, li se jipprovdi fost l-oħrajn faċilità ta’ kondiviżjoni tar-riskji mfassla biex tnaqqas ir-riskju tal-kreditu ffaċċjat mill-intermedjarji finanzjarji meta jsellfu lis-settur tal-effiċjenza tal-enerġija, flimkien ma’ assistenza teknika lill-intermedjarji finanzjarji għall-bini ta’ segment ġdid tas-suq. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ EUR 80 miljun hi mistennija li tappoġġja investiment totali ta’ madwar EUR 540 miljun għall-2014-2017. Madankollu, fuq il-bażi tal-ewwel tliet operazzjonijiet iffirmati fl-2015 (fir-Repubblika Ċeka, Spanja u Franza) u l-pipeline eżistenti, il-BEI issa qiegħed jimmira li jilħaq EUR biljun (1) f’investimenti ġodda fl-effiċjenza enerġetika;
4.Il-Fond Ewropew tal-2020 għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura (Marguerite), fond ta' ekwità pan-Ewropew li jappoġġja l-investiment tal-infrastruttura fis-setturi tat-trasport (TEN-T), l-enerġija (TEN-E) u s-setturi tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ EUR 80 miljun kienet immirata biex tappoġġa volumi ta’ finanzjament ta’ madwar EUR 10 biljun, li minnhom EUR 4,9 biljun ta’ finanzjament tal-ekwità u tad-dejn diġà kien immobilizzat: Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Fond impenja EUR 295 miljun ta’ investiment ta’ ekwità għal tliet proġetti TEN-T u seba’ proġetti ta' enerġija rinnovabbli;
5.Il-Fond Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika (EEEF), fergħa tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), li jinvesti fl-effiċjenza enerġetika, proġetti tal-enerġija rinnovabbli u trasport urban nadif. Sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2015, il-Fond kien diġà rċieva kontribuzzjoni ta’ EUR 125 miljun mill-Unjoni li ppermettiet li jiġi allokat finanzjament ta’ EUR 120 miljun għal 10 proġetti b’ investiment totali ta’ EUR 219 miljun. L-appoġġ tal-assistenza teknika tal-EEEF wera li huwa utli biex jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi fit-tħejjija ta’ proġetti li sussegwentement ikunu se jiġu ffinanzjati.
6.Il-Faċilità ta' Finanzjament Kapital Naturali (NCFF), li se tiffinanzja proġetti pilota li jiġġeneraw id-dħul jew li jiffrankaw l-ispejjeż li jippromwovu l-konservazzjoni, ir-restawr, il-ġestjoni u t-titjib tal-kapital naturali sabiex ikun hemm kontribut għall-objettivi tal-Unjoni fl-oqsma tan-natura u l-bijodiversità, u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ppjanata għall-fażi pilota hija ta’ EUR 60 miljun, li nofshom diġà ġew impenjati.
2.3.L-intrapriżi soċjali u l-mikrointrapriżi
Fost in-negozji li jsofru minn diffikultajiet għall-aċċess għall-kreditu, l-intrapriżi soċjali jistħoqqilhom attenzjoni partikolari minħabba l-korrelazzjoni bejn il-kapital soċjali u t-tkabbir ekonomiku. L-objettiv primarju tagħhom huwa li jintlaħaq impatt soċjali pożittiv u li jista’ jitkejjel.
Madankollu, il-fatt li l-intrapriżi soċjali ma għandhomx l-għan primarju li jimmassimizzaw il-profitt jesponihom għal diffikultajiet aktar akuti sabiex jaċċessaw il-finanzjament, peress li l-banek tradizzjonali ma tantx juru interess sabiex jivvalutaw il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju tagħhom u jsibuha diffiċli li jagħmlu dan.
Ħafna mill-intrapriżi soċjali huma ta’ daqs żgħir jew żgħir ħafna, u jħarsu lejn is-suq tal-mikrofinanzjament biex jiffinanzjaw l-impriżi tagħhom. Is-settur tal-mikrofinanzjament Ewropew huwa kkaratterizzat minn tnaqqis kostanti ta’ self mill-banek, il-kapaċità limitata tal-gvernijiet nazzjonali biex jappoġġjaw il-mikrofinanzjament u domanda kbira għalih fis-suq. Dak il-kuntest jissuġġerixxi li għad hemm raġuni fundamentali ċara għal intervent fil-livell tal-UE permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ mikrofinanzjament u soluzzjonijiet ta’ finanzjament b’kondiviżjoni tar-riskju.
B’mod aktar speċifiku, l-istudji mwettqin għall-Kummissjoni juru li “f’diversi Stati Membri tal-UE livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ jappellaw għal appoġġ kontinwu ta’ intraprenditorija inklużiva bħala għażla biex (jerġgħu) jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-għoti ta’ mikroself huwa għodda importanti għal dan”. Id-diversifikazzjoni wiesgħa ta’ atturi istituzzjonali u l-prodotti offruti jitolbu faċilitajiet mikrofinanzjarji u soċjali speċifiċi mmirati sabiex jiffaċilitaw l-aċċess tas-self għall-intrapriżi soċjali u għall-mikrointrapriżi, li għandhom rwol importanti fil-ħolqien tal-impjiegi iżda jkomplu jħabbtu wiċċhom ma’ saħansitra aktar diffikultajiet minn SMEs oħra:
1.Il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress (2010-2013) — hija magħmula minn:
a.faċilità ta’ garanzija, li tipprovdi sa 20% b’garanziji limitati fuq portafolli ta’ self mikro mogħtija minn intermedjarji lill-mikrointrapriżi; u
b.il-Fonds Commun de Placement — Fonds d'Investissements Spécialisé, fond ta’ investiment speċjalizzat li għandu l-għan li jżid l-aċċess għall-mikrofinanzjament permezz ta’ firxa ta’ prodotti finanzjarji (b’mod partikolari self).
Mit-30 ta’ Settembru 2015, dawk l-istrumenti kienu pprovdew 45 999 mikro self lil benefiċjarji finali għal total ta’ EUR 390 miljun (il-mira inizjali kienet 46 000 mikro selfa għal EUR 500 miljun sal-2018). Il-Faċilità għaddeja b'ritmu tajjeb biex tilħaq il-mira inizjali, hekk kif se jiġi inkluż self ġdid bejn issa u l-2018;
2.Il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI)−Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali, is-suċċessur tal-istrumenti ta’ hawn fuq, huwa mmirat lejn li jżid l-aċċess għall-mikrofinanzjament għall-gruppi vulnerabbli u l-mikrointrapriżi billi jipprovdi appoġġ lil fornituri tal-mikrokreditu, u lejn li jsostni l-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali. Il-kontribuzzjoni prevista tal-Unjoni ta’ EUR 96 miljun hija mmirata biex tappoġġja total ta’ EUR 528 miljun f’finanzjament għar-riċevituri finali.
2.4.Is-Setturi tal-Edukazzjoni u Kulturali u Kreattivi
Bħala forma ta' akkumulazzjoni ta' kapital uman, l-edukazzjoni hija sors ewlieni tat-tkabbir ekonomiku, iżda sal-punt li tista’ tiġi aċċessata minn studenti minn sfondi soċjali u ekonomċi differenti, u tikkontribwixxi wkoll għall-ekwità u l-koeżjoni soċjali. Barra minn hekk, intwera li l-mobilità tal-istudenti taffettwa b’mod sinifikanti l-iżvilupp soċjali u ekonomiku.
Il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self għall-Istudenti hija strument finanzjarju ġdid tal-UE taħt il-programm Erasmus+) li għandu l-għan li jappoġġa l-mobilità, l-ekwità u l-eċċellenza fl-istudji permezz ta’ garanziji lill-istituzzjonijiet finanzjarji li jaqblu li jipprovdu Self għal Master’s ta’ Erasmus+ lill-istudenti għall-istudji tal-Master’s f’pajjiż ieħor.
Fl-2015 tnediet l-iskema u daħlu l-ewwel banek fil-faċilità ta’ garanziji u pprovdew sa EUR 60 miljun f’self għal Master’s. L-ewwel selfiet għall-Master’s iggarantiti minn Erasmus+ ġew żborzati fl-2015. Il-kontribuzzjoni ppjanata ta’ EUR 517-il miljun mill-Unjoni għall-2014-2020 hija mistennija tappoġġja selfiet li jlaħħqu mat-EUR 3 biljun, sabiex minnha jibbenefikaw madwar 200 000 student.
Il-Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi taħt il-programm Ewropa Kreattiva se tipprovdi garanziji lill-banek li jittrattaw mal-SMEs kulturali u kreattivi, biex b’hekk tissaħħaħ il-kapaċità finanzjarja f’dawk is-setturi. L-iskema se tibda fl-2016 u l-ammont totali ta’ self addizzjonali fis-setturi appoġġati mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ EUR 121 miljun huwa stmat li jlaħħaq madwar EUR 690 miljun.
Graff 13: Strumenti finanzjarji 2007-2013 għal setturi strateġiċi sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: EPMF-G, RSI, FFQR, LGTT, PBI, FCP-FIS, GIF, Marguerite, EEEF.
Graff 14: Strumenti finanzjarji 2014-2020 għal setturi strateġiċi sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: EaSI, Garanziji ta' InnovFin għall-SMEs, Faċilità ta’ Garanziji ta’ CCS, SLGF, PF4EE, Garanzija ta’ L-M ta’ InnovFin, RSDI, CEF Equity, InnovFin SME VC, NCFF
Inklużi aġġornamenti tal-pakkett tal-baġit inizjali u l-ammonti ta’ finanzjament u ta’ investiment korrispondenti
3.Mira strateġika: reġjuni mhux fl-UE
3.1.Pajjiżi tat-Tkabbir
L-aċċess għal finanzjament tas-self għadu waħda mill-akbar diffikultajiet għall-SMEs fil-Balkani tal-Punent, minkejja li l-SMEs saru l-aktar segment effiċjenti fit-tranżizzjoni tal-ekonomiji tagħhom u pilastru tat-tkabbir u l-impjiegi. Minħabba n-nuqqas ta’ storja finanzjarja, l-SMEs fi stadju bikri jsibuha kważi impossibbli li jaċċessaw finanzjament mill-banek. L-aċċess għall-finanzjament fis-settur tal-enerġija jidher ġeneralment vulnerabbli. Dawk il-kwistjonijiet qegħdin jiġu indirizzati permezz ta’ dan li ġej:
1.Il-Faċilità ta’ Garanzija taħt il-Faċilità tal-Iżvilupp u l-Innovazzjoni tal-Intrapriżi tal-Balkani tal-Punent (EDIF GF1) għandha l-għan li ssaħħaħ it-tkabbir soċjoekonomiku permezz tal-promozzjoni ta’ prekondizzjonijiet għall-feġġ u t-tkabbir ta’ SMEs innovattivi u b’potenzjal għoli. Il-kontribuzzjoni għall-EDIF GF1 tal-Unjoni ta’ kważi EUR 22 miljun hija stmata li tappoġġja finanzjament totali ta’ kważi EUR 118-il miljun;
2.Il-Faċilità ta’ Garanziji II taħt il-Faċilità tal-Iżvilupp u l-Innovazzjoni tal-Intrapriżi tal-Balkani tal-Punent (EDIF GF2), is-suċċessur tal-EDIF GF1, għandha l-għan li ssaħħaħ it-tkabbir soċjoekonomiku permezz tal-promozzjoni ta’ prekondizzjonijiet għall-feġġ u t-tkabbir ta’ SMEs innovattivi u b’potenzjal għoli. Il-kontribuzzjoni għall-EDIF GF2 tal-Unjoni ta’ EUR 17,5 miljun hija stmata li tappoġġja finanzjament totali ta’ aktar minn EUR 94,5 miljun;
3.Il-Fond għall-Espansjoni tal-Intrapriżi (ENEF) għandu l-għan li jsaħħaħ it-tkabbir soċjoekonomiku fir-reġjun billi joħloq il-kundizzjonijiet għall-feġġ u t-tkabbir ta' SMEs innovattivi u ta' potenzjal għoli fl-istadji ta' espansjoni u żvilupp. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE ta’ EUR 11-il miljun hija mistennija tingrana finanzjament/investiment totali ta’ EUR 77 miljun (inkluża l-kontribuzzjoni mill-faċilità ta’ kofinanzjament addizzjonali tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ)) wara l-ewwel għeluq. Wara t-tieni għeluq, l-ammont totali ta’ finanzjament/investiment huwa mistenni jilħaq madwar EUR 110 miljun (bil-kontribuzzjoni tal-BERŻ inkluża);
4.Il-Fond ta’ Innovazzjoni tal-Intrapriżi (ENIF) taħt l-EDIF jappoġġja t-tkabbir soċjoekonomiku fil-Balkani tal-Punent billi joħloq il-kundizzjonijiet tal-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs innovattivi fi stadju bikri. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ EUR 21,2 miljun hija mistennija li tappoġġja finanzjament sa madwar EUR 50 miljun fl-2014-2020;
5.Il-Fond Ewropew għall-Ewropa tax-Xlokk (EFSE) hija forma ta’ sħubija pubblika privata bil-għan li tattira kapital mis-settur privat għas-self lill-intrapriżi żgħar u mikrointrapriżi u lill-unitajiet domestiċi. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ kważi EUR 88 miljun s’issa ingranat finanzjament totali ta’ EUR 3,8 biljun, li minnhom ibbenefikaw kważi 599 000 riċevitur finali fir-reġjun tat-tkabbir;
6.Il-Fond Green for Growth (GGF) jipprovdi finanzjament iddedikat għal proġetti tal-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biex jgħin lill-pajjiżi fil-mira jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-enerġija. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ EUR 38,6 miljun għandha tappoġġja kważi EUR 368 miljun f’finanzjament mistenni għar-riċevituri finali. S’issa, il-faċilità pprovdiet EUR 289 miljun f’finanzjament lil aktar minn 18 000 riċevitur finali, permezz ta’ 32 istituzzjoni sieħba fi 11-il pajjiż sieħeb.
7.Is-Self ta’ Sostenn għall-Irkupru tal-SMEs għat-Turkija għandu l-għan li jtaffi l-impatt tal-kriżi fuq l-SMEs u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ekonomija Torka u jagħti spinta lill-impjiegi. S’issa, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ EUR 30 miljun immobilizzat ammont totali ta’ finanzjament ta’ kważi EUR 300 miljun għal 265 riċevitur finali.
3.2.Pajjiżi tal-Viċinat
Fost l-oħrajn il-programmi ffinanzjati mill-UE għandhom l-għan li jrawmu tkabbir sostenibbli u inklużiv u klima favorevoli għall-investimenti fil-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP). L-UE ssegwi l-għanijiet strateġiċi relatati tal-politika tagħha tal-viċinat — it-twaqqif ta’ interkonnessjonijiet aħjar tal-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien, u l-indirizzar ta’ theddid għall-ambjent komuni tagħna u l-promozzjoni ta’ tkabbir intelliġenti permezz ta’ appoġġ għall-SMEs — permezz ta’ dan li ġej:
1.Il-Faċilità ta’ Investiment għall-Viċinat (NIF), li għandha l-għan li tistabbilixxi interkonnessjonijiet tal-enerġija u tat-trasport aħjar u aktar sostenibbli bejn l-UE u l-pajjiżi tal-viċinat u bejn il-pajjiżi ġirien infushom, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-ġestjoni tad-domanda, tippromwovi l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija; tindirizza l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll it-theddidiet għall-ambjent b’mod aktar ġenerali; u tippromwovi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv permezz tal-appoġġ lil intrapriżi żgħar u medji, lis-settur soċjali, inkluż lill-iżvilupp tal-kapital uman, u lill-iżvilupp tal-infrastrutturi muniċipali. Fl-2008-2015, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ madwar EUR 1 454 miljun ingranat finanzjament totali ta’ kważi EUR 13,8 biljun (inklużi EUR 12,3 biljun mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej), bi stima ta' kostijiet totali ta' proġetti ta’ EUR 28,8 biljun;
2.Sostenn għall-Faċilità għal Sħubija ta’ Investiment Ewro-Mediterranja (FEMIP) jipprovdi kapital lis-settur privat tal-pajjiżi sħab tal-Mediterran pari passu ma’ investituri kummerċjali oħra fir-reġjun għall-ħolqien, ir-ristrutturar jew it-tkabbir tal-intrapriżi. Il-kontribuzzjoni kumplessiva attwali tal-Unjoni hija ta’ EUR 224 miljun, b’finanzjament appoġġjat ta’ aktar minn EUR 6,7 biljun.
3.3.Pajjiżi koperti mill-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI)
F’xi pajjiżi mhux tal-UE, in-nuqqas ta’ qafas istituzzjonali stabbilit sew biex jitħarsu d-drittijiet tal-proprjetà, jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq u jiġu pprovduti inċentivi għal inizjattivi privati, spiss ikun l-għerq tas-sottożvilupp tal-SMEs, tan-nuqqasijiet infrastruttrali u tad-defiċjenzi fl-investiment kumplessiv fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni ambjentali. L-isfida prinċipali għall-UE fil-politika esterna tagħha hija li tindirizza dawk il-problemi permezz ta’ finanzjament għall-SMEs li jrendu, għall-infrastruttura u għall-investimenti produttivi; tagħmel hekk permezz tal-istrumenti li ġejjin:
1.Il-Faċilità ta’ Investiment għall-Asja Ċentrali (IFCA) u l-Faċilità Asjatika tal-Investiment (AIF) għandhom l-għan li jippromwovu l-investimenti u l-infrastrutturi ewlenin b’enfasi prijoritarju fuq infrastruttura aħjar tal-enerġija, aktar protezzjoni tal-ambjent u t-tkabbir tal-SMEs. Il-baġit kumplessiv preżenti huwa EUR 287,6 miljun. Sal-lum, il-kontribuzzjonijiet tal-IFCA ta’ EUR 119 miljun ingranaw madwar EUR 828 miljun f’investimenti filwaqt li l-kontribuzzjonijiet tal-AIF ta’ EUR 89 miljun ingranaw madwar EUR 2 631 miljun f’investimenti;
2.Il-Faċilità ta’ Investiment tal-Amerika Latina (LAIF) għandha l-għan li tippromwovi l-investimenti u l-infrastrutturi fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tal-ambjent u li tappoġġja l-iżvilupp soċjali u dak tas-settur privat fil-pajjiżi tal-Amerika Latina. Fl-2010-2015, LAIF ipprovdiet EUR 232 miljun f’finanzjament lil 28 proġett li b’kollox ammontaw għal volum ta’ investiment totali ta’ kważi 6,9 biljun (b’kontribuzzjoni minn EFI eliġibbli ta’ madwar EUR 3,3 biljun). LAIF reġgħet inħolqot fl-2014 għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, permezz ta’ allokazzjoni inizjali ta’ EUR 30 miljun; il-baġit totali previst għall-perjodu sħiħ tal-2014-2020 jammonta għal EUR 320 miljun;
3.Il-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli (GEEREF) għandu l-għan li jippromwovi l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ekonomiji fi tranżizzjoni. Sa minn tmiem l-2015, l-investiment totali megħjun bil-kontribuzzjoni ta’ EUR 81 miljun tal-Unjoni kien ta’ madwar EUR 892 miljun.
Graff 15: Strumenti finanzjarji 2007-2013 għal Reġjuni mhux fl-UE sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: EDIF GF1, EFSE, SME RSLT, ENEF taħt l-EDIF, ENI taħt l-ENEF, Appoġġ għall-FEMIP, GEEREF, GGF, NIF, IFCA-AIF, LAIF
Graff 16: Strumenti finanzjarji 2014-2020 għal Reġjuni mhux fl-UE sal-31 ta’ Diċembru 2015 (biljun EUR)
Strumenti kkunsidrati: EDIF GF2
Inklużi aġġornamenti tal-pakkett tal-baġit inizjali u l-ammonti ta’ finanzjament u ta’ investiment korrispondenti
KONKLUŻJONI
Matul il-perjodu affettwat mill-kriżi finanzjarja, setturi importanti tal-ekonomija raw l-aċċess tagħhom għall-finanzi jiġi affettwat ħażin ħafna. Anke wara l-kriżi, l-effetti li jibqgħu jkaxkru ta’ tnaqqis fl-ingranaġġ u l-frammentazzjoni finanzjarja, tawwlu d-diffikultajiet tal-finanzjament f’termini ta’ volumi u kundizzjonijiet ta’ finanzjament, speċjalment għal Stati Membri vulnerabbli u gruppi fil-mira.
Kif muri fil-paġni ta’ qabel, l-istrumenti finanzjarji tal-UE wrew li huma effettivi u kosteffiċjenti biex jindirizzaw dawk l-isfidi. Il-Kummissjoni diġà tat impenn ċar biex tuża dawn l-istrumenti b’mod usa’. Sejra tesplora wkoll il-possibilità ta’ spinta lill-istrumenti eżistenti jew li tniedi oħrajn ġodda bi tweġiba għal nuqqasijiet fis-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, fejn il-finanzjament ibbażat fuq is-suq b’garanzija tal-UE, investiment ta’ ekwità jew arranġament ta’ kondiviżjoni tar-riskji jidher bħala l-aktar mudell addattat ta’ appoġġ.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tkompli tilħaq bilanċ bejn assigurazzjoni akbar għall-awtorità tal-baġit f’dak li għandu x’jaqsam mar-rapportar, il-monitoraġġ u l-awditjar, u aktar effiċjenza fl-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji. Sar xogħol importanti f’dak ir-rigward. Il-qafas attwali għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-2014-2020 jinkludi dispożizzjonijiet solidi dwar rekwiżiti tekniċi, it-trasparenza, il-kontroll intern u l-awditjar u r-rappurtar. Barra minn hekk, ir-rimunerazzjoni tal-entitajiet fdati ġiet marbuta mal-prestazzjoni attwali u limitata b’mod konsistenti u b’mod raġonevoli sabiex l-interessi tagħhom jiġu allinjati mal-objettivi tal-politika tal-UE.
Barra minn hekk, ġew stabbiliti r-rekwiżiti ta’ proċedura għall-istrumenti ġestiti b’mod ċentrali biex jiġi żgurat li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni tkun investita bis-sħiħ u li l-fondi mħallsa lill-entitajiet inkarigati jiġu kontinwament ikkalibrati għall-ħtiġijiet operazzjonali speċifiċi tal-istrument inkwistjoni. Fil-każ ta’ strumenti stabbiliti u ġestiti mill-Istati Membri f’ġestjoni kondiviża b’riżorsi mill-baġit tal-UE, ġew stabbiliti dispożizzjonijiet regolatorji li jorbtu l-ħlas tal-fondi mal-appoġġ reali li l-intermedjarji finanzjarji jgħaddu lir-riċeventi finali.
Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda tirrevedi l-qafas regolatorju bil-għan li titnaqqas kemm jista’ jkun il-burokrazija żejda fl-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni u sabiex tallinja aktar it-tfassil ta’ strumenti finanzjarji fuq l-iktar prattiki tas-suq effiċjenti u aġġornati. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni sejra twettaq evalwazzjonijiet interim tal-istrumenti individwali kif jeħtieġu l-bażijiet ġuridiċi settorjali. B'mod simili, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi r-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju dwar l-istrumenti finanzjarji sabiex jiġu inkorporati t-tagħlimiet miksubin bl-esperjenza, jitqiesu aħjar il-prattiki tas-suq, titnaqqas il-burokrazija żejda u tkompli titħaffef l-implimentazzjoni.