Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0534

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali

COM/2016/0534 final

Brussell, 26.8.2016

COM(2016) 534 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali

{SWD(2016) 278 final}


1.L-għan tar-rapport

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali 1 (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva, li għandu jkun akkumpanjat minn kwalunkwe proposti xierqa, sas-16 ta’ Marzu 2016. Billi d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard hija inizjattiva li ġiet adottata bħala parti mill-Programm tal-Kummissjoni Dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) 2 , din l-evalwazzjoni tidħol ukoll fil-kamp ta' applikazzjoni tar-REFIT għall-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u biex jiġi żgurat li din tinsab fit-triq it-tajba fit-twassil tal-benefiċċji mistennija li toħloq.

Dan ir-rapport qed jiġi ppreżentat bi tweġiba għar-rekwiżit stabbilit fid-Direttiva.

2.Valutazzjoni tal-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE

Id-Direttiva ġiet adottata fis-16 ta’ Frar 2011, b’data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri kollha sas-16 ta’ Marzu 2013.

L-għanijiet speċifiċi tad-Direttiva huma:

L-għoti ta' ħlasijiet f’waqthom u ta' miżuri lill-kredituri, li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod sħiħ u effettiv f'każijiet ta' ħlas tard

L-użu ta' miżuri stretti kontra d-debituri, biex jiskoraġġuhom milli jħallsu tard jew milli jistabbilixxu termini ta’ ħlas kuntrattwali twal wisq

Id-Direttiva għandha wkoll l-għanijiet ġenerali li ġejjin:

Li tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern permezz tas-simplifikazzjoni tal-prattiki ta’ ħlas fl-UE kollha

L-iżvilupp ta' ambjent legali u kummerċjali li jkun ta’ appoġġ għal ħlas fil-ħin fit-transazzjonijiet kummerċjali sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs

Dan ir-rapport jivvaluta jekk id-Direttiva hijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet maħsuba tagħha, u jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar kif tista’ tittejjeb l-implimentazzjoni tagħha. Hemm tliet fatturi ewlenin li wasslu biex evalwazzjoni ex-post definittiva tkun ta’ sfida: id-dħul fis-seħħ reċenti tad-Direttiva; id-diffikultà li r-rwol tad-Direttiva jiġi iżolat fil-bidliet li ġew osservati fil-prattika; ċirkostanzi esterni bħall-kriżi finanzjarja u l-qagħda ekonomika ta’ ċerti Stati Membri.

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni użat:

(1)Studju estern 3 , li twettaq fl-2015 u li kien jinkludi:

Riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni, rigward il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva u miżuri mhux vinkolanti, dejta ta' tqabbil bejn diversi pajjiżi dwar il-perjodi medji tal-ħlas miġbura minn organizzazzjonijiet privati u informazzjoni oħra disponibbli għall-pubbliku (eż. pubblikazzjonijiet akkademiċi, sorsi nazzjonali).

Stħarriġ rappreżentattiv online kif ukoll konsultazzjoni pubblika b’total ta’ 2950 tweġiba.

135 intervisti minn awtoritajiet pubbliċi u negozji ma’ partijiet ikkonċernati fl-UE kollha, kif ukoll 31 intervista ta' segwitu.

(2)Konsultazzjoni ma’ esperti nazzjonali u organizzazzjonijiet kummerċjali fil-livell tal-UE fil-kuntest tal-laqgħa tal-Grupp ta' Esperti dwar il-Ħlas Tard 4 tal-24 ta’ Novembru 2015.

(3)Ilmenti, feedback u mistoqsijiet li waslu mingħand il-partijiet ikkonċernati.

(4)Informazzjoni disponibbli għall-pubbliku: rapporti, stħarriġiet, studji, eċċ.

L-evalwazzjoni tad-Direttiva twettqet filwaqt li tqiesu ħames kriterji: l-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE. Uriet li:

(1)Id-Direttiva qajmet kuxjenza dwar il-problema tal-ħlas tard u qiegħdet il-kwistjoni fuq quddiem fl-aġenda politika. Minħabba l-miżuri msaħħa tagħha u, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti l-ġodda tagħha għall-awtoritajiet pubbliċi, l-implimentazzjoni tad-Direttiva qajmet interess konsiderevoli fil-livell tal-Istati Membri. Bi tweġiba, l-awtoritajiet governattivi f’għadd ta’ Stati Membri qed jadottaw miżuri strutturali u volontarji biex jappoġġaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva sabiex tissaħħaħ it-traspożizzjoni tal-liġijiet u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet nazzjonali speċifiċi f’dan il-kuntest. B’riżultat ta’ dan, il-kumpaniji qed isiru dejjem aktar familjari mar-regoli relatati mal-ħlas tard, u mad-drittijiet tagħhom.

(2)Il-perjodu medju tal-UE għall-ħlasijiet qiegħed jonqos ftit ftit, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat. Madankollu, l-evalwazzjoni ex-post esterna żvelat li l-entitajiet pubbliċi f’aktar minn nofs l-Istati Membri kollha għad mhumiex qed jirrispettaw il-limitu ta’ 30 jum impost mil-liġi. F’xi wħud minn dawn il-każijiet, qed isiru sforzi supplimentari u t-tendenza ġenerali diġà qed turi sinjali ta’ titjib. Fis-settur privat, bl-eċċezzjoni ta’ għadd żgħir ta’ Stati Membri li rreġistraw ċifri fqira f’dan il-qasam, jidher li l-perjodi stabbiliti fid-Direttiva huma ġeneralment rispettati.

(3)Madwar nofs il-kredituri kollha ma jeżerċitawx id-drittijiet tagħhom li jitolbu imgħax, kumpens u spejjeż ta’ rkupru fuq ħlas tard kif stipulat mid-Direttiva, għaliex jibżgħu li jikkawżaw ħsara lir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. L-evalwazzjoni esterna wriet ukoll li għall-istess raġuni, ħafna SMEs għadhom jaċċettaw termini twal għall-ħlas imposti minn kumpaniji kbar . Dan huwa aspett inerenti ta’ kultura tan-negozju li rriżulta mill-pożizzjoni differenti ta’ kumpaniji fil-katina tal-provvista, mid-daqs tagħhom u mill-grad tagħhom ta’ dipendenza fuq xulxin, kif ukoll minn fatturi oħra bħalma huma l-ispeċifiċitajiet tas-settur tas-suq.

(4)Sal-lum ftit hemm evidenza li d-Direttiva kellha impatt li jista’ jitkejjel fuq il-likwidità tan-negozji u li din iffaċilitat il-kummerċ transkonfinali. Filwaqt li ġie rikonoxxut li s'issa d-Direttiva ma kellha l-ebda impatt ewlieni fuq l-imġiba ta’ ħlas, huwa probabbli li se jkollu jgħaddi aktar żmien qabel ma jintlaħqu dawn l-għanijiet ġenerali. Barra minn hekk, minħabba n-natura multidimensjonali tal-ħlas tard, jibqa’ diffiċli li jiġi ddeterminat jekk bidliet li jkunu ġew osservati jkunux seħħew biss minħabba d-Direttiva jew minħabba fatturi oħra bħal, pereżempju, titjib ġenerali fis-sitwazzjoni ekonomika.

(5)Minn naħa, bosta fatturi kkontribwixxew lejn applikazzjoni effettiva tad-Direttiva. Dawn jinkludu miżuri li ġew adottati f'livell nazzjonali (jiġifieri kodiċijiet ta’ ħlas fil-pront) li appoġġaw b’suċċess l-għanijiet tad-Direttiva. Barra minn hekk, forums bħall-Grupp ta' Esperti dwar il-Ħlas Tard, li jippermettu l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri dwar kif għandu jiġi indirizzat il-ħlas tard, huma ta’ benefiċċju. Fl-aħħar nett, ġie osservat li huma utli s-sensibilizzazzjoni sostnuta u l-kondiviżjoni tal-kompetenzi min-naħa tal-Kummissjoni u minn esperti nazzjonali.

(6)Min-naħa l-oħra, ġew innutati ċerti ostakoli li jistgħu jxekklu l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva:

Fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi, l-Istati Membri soġġetti għal programmi ta’ aġġustament fejn il-ħlas fil-pront ta’ fatturi attwali għandu jiġi bbilanċjat kontra l-ħlas tad-dejn akkumulat, jidhru li qed isibuha bi tqila biex jirrispettaw id-Direttiva.

Fir-rigward tan-negozji – minħabba li l-implimentazzjoni tad-Direttiva żżomm ċertu ammont ta’ flessibbiltà fi tranżazzjonijiet bejn negozju u ieħor, f’għadd ta' każijiet din qed tiġi sfruttata mill-kumpaniji l-kbar li jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni iktar b’saħħitha tagħhom fis-suq billi jiddettaw klawżoli kuntrattwali li ta’ sikwit ikunu inġusti għal fornituri iżgħar. Barra minn hekk, kif ġie spjegat hawn fuq, fil-każ ta’ ħlas tard, il-kumpaniji ż-żgħar ma jeżerċitawx id-drittijiet tagħhom minħabba li jibżgħu li dan jista' jkollu impatt negattiv fuq ir-relazzjoni kummerjali tagħhom. Dan l-iżbilanċ inerenti fis-suq ma jistax jiġi solvut għalkollox permezz biss ta' azzjonijiet leġiżlattivi, u għandu jidher bħala utli l-użu aktar sistematiku ta’ miżuri mhux vinkolanti u ta’ proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħall-medjazzjoni u mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim.

L-evalwazzjoni indikat li l-partijiet ikkonċernati jeħtieġu ċarezza dwar kif għandhom jiġu interpretati diversi kunċetti ewlenin tad-Direttiva, bħal pereżempju "inġust għall-aħħar", "espliċitament", u "oġġettivament iġġustifkat meta jitqiesu n-natura jew il-karatteristiki partikulari tal-kuntratt." Il-punt tal-bidu fil-kalkolu tal-perjodi ta' ħlas ukoll tqies li mhuwiex ċar.

In-nuqqas ta’ sistema ta’ monitoraġġ mandatorja u komuni jagħmilha diffiċli li kwalunkwe progress li jsir bħala riżultat tal-applikazzjoni tad-Direttiva jiġi verifikat.

(7)Id-Direttiva qed turi li hija għodda effiċjenti, u dan sal-punt li hemm spejjeż regolatorji limitati li jirriżultaw direttament mill-użu tagħha kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi. L-ispejjeż regolatorji jinkludu, pereżempju, il-piż tar-rappurtar u l-piż amministrattiv, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni u miżuri volontarji li jappoġġaw id-Direttiva. Madankollu, l-ispejjeż marbuta mal-applikazzjoni tad-Direttiva jistgħu jkunu aktar sinifikanti, b’mod partikolari għan-negozji, jekk ikun meħtieġ tnaqqis fil-perjodi ta’ ħlas sabiex jiġu rrispettati l-limiti tad-Direttiva. Dan ikun jinvolvi trasferiment finanzjarju inizjali mdaqqas, li huwa mistenni jkollu impatt fuq il-likwidità tal-kumpaniji individwali. Madankollu, l-ispejjeż huma ġeneralment meqjusa bħala finalment ikkumpensati mill-benefiċċji mistennija. L-evalwazzjoni esterna stmat li għal kull jum inqas ta' dewmien fil-ħlas, il-kumpaniji Ewropej jiffrankaw madwar EUR 158 miljun fi spejjeż relatati mal-finanzjament 5 .

(8)Id-Direttiva hija koerenti ma’ politiki oħra tal-UE li għandhom l-għan li joħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u li jiffaċilitaw il-kompetittività għan-negozji. Il-leġiżlazzjoni hija kkumplimentata b'għadd ta’ regolamenti tal-UE dwar l-irkupru tad-dejn. Inizjattivi bħall-Proċedura għal Talbiet Żgħar 6 , l-Ordni ta' Ħlas Ewropea 7 u l-Ordni ta' Eżekuzzjoni Ewropea 8 jipprovdu lill-kredituri bi proċeduri simplifikati għal skopijiet ta’ ġbir tad-dejn li huma koerenti għalkollox mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

(9)Il-ħlas tard għadu kwistjoni rilevanti u pertinenti ħafna għall-kumpaniji fl-UE kollha. L-evalwazzjoni esterna stmat li erba’ minn kull ħames negozji baqgħu iħabbtu wiċċhom ma’ ħlasijiet tard minn meta d-Direttiva ġiet trasposta fis-sistemi legali tal-Istati Membri. Filwaqt li d-Direttiva għandha r-rwol speċifiku tagħha fil-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard, huma wkoll meħtieġa rimedji "inqas stretti" li jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet marbuta mal-kultura tan-negozju, bħal żbilanċi fis-suq, inkluż dawk li jirriżultaw minn daqsijiet differenti ta' negozji.

(10)Hemm kunsens ġenerali li d-Direttiva tiġġenera valur miżjud sinifikanti tal-UE. Il-prattiki tal-ħlas ġew simplifikati fl-Ewropa kollha filwaqt li tneħħiet l-inċertezza, u dan għandu jwassal għal aktar kummerċ transkonfinali. Dawn l-għanijiet ma setgħux jintlaħqu mill-Istati Membri, li kieku dawn tal-aħħar aġixxew kull wieħed b’mod differenti.

3.Konklużjonijiet/Rakkomandazzjonijiet

Id-Direttiva tinsab fi stadju bikri taċ-ċiklu tal-ħajja tagħha. S'issa t-titjib fil-perjodi medji tal-ħlas huwa modest. Minkejja li l-kumpaniji huma konxji sew tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva, għad mhuwiex komuni li dawn id-drittijiet jintużaw. Hemm diversi fatturi li jidhru li jostakolaw l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva, bħal pereżempju n-nuqqas ta’ sistema ta’ monitoraġġ komuni, in-nuqqas ta’ ċarezza dwar ċerti kunċetti ewlenin tad-Direttiva, u l-iżbilanċ fis-suq bejn il-kumpaniji l-kbar u l-kumpaniji ż-żgħar. Madankollu, id-Direttiva hija koerenti ma’ leġiżlazzjonijiet u politiki oħra tal-UE, u għadha rilevanti filwaqt li kisbet valur miżjud tal-UE.

Abbażi ta’ dan, huwa rakkomandat li d-Direttiva tinżamm fil-forma attwali tagħha, filwaqt li għandu jingħata aktar żmien biex jiżviluppaw l-effetti kollha tagħha. Sabiex jitħaffef l-impatt tad-Direttiva, li s’issa kien wieħed pożittiv, l-azzjonijiet li ġejjin qed jiġu ssuġġeriti lill-Istati Membri u se jiġu adottati mill-Kummissjoni:

Għall-Istati Membri:

It-twaqqif ta' sistema/proċedura għall-monitoraġġ tal-progress, u għar-rapportar u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar il-perjodi medji tal-ħlas kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida għat-twaqqif ta’ metodoloġija komuni għall-kalkolu ta’ perjodi tal-ħlas u se tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki b'rabta mal-metodi ta’ rappurtar fil-kuntest tal-laqgħat biannwali tal-gruppi ta’ esperti.

Iż-żamma tal-kwistjoni tal-ħlasijiet tard f'pożizzjoni ta' importanza għolja fl-aġenda politika, billi tkompli titqajjem il-kuxjenza dwar is-suġġett f'livell nazzjonali.

It-tħeġġiġ tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ appoġġ bħalma huma l-kodiċijiet ta’ ħlas fil-pront, il-medjazzjoni, u inċentivi għall-ħlas fil-pront (reputazzjoni pożittiva jew negattiva), eċċ.

Għall-Kummissjoni:

It-twettiq ta' studji mmirati fl-Istati Membri biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki fis-setturi differenti, li jikkontribwixxu lejn implimentazzjoni aktar effettiva tad-Direttiva, li jieħdu kont tar-riżultati u li jxerrdu l-informazzjoni permezz ta' diversi mezzi.

It-tkomplija tal-għoti ta' gwida lill-partijiet ikkonċernati u l-iskambju ta' prattiki tajba f'forom differenti (laqgħat tal-gruppi ta’ esperti, noti interpretattivi).

L-esplorazzjoni tal-possibbiltà li tinġabar informazzjoni komparabbli dwar kif jaħdmu s-sistemi ġudizzjarji nazzjonali meta tiġi implimentata l-proċedura mħaffa ta’ rkupru għal talbiet mhux kontestati u l-preżentazzjoni tar-riżultati f’Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE.

Il-valutazzjoni fuq bażi regolari tal-impatt tad-Direttiva, u tas-suċċess fl-ilħiq tal-għanijiet tagħha, filwaqt li ma jintesiex li wħud mill-effetti x’aktarx li jieħdu aktar żmien biex jimmaterjalizzaw bis-sħiħ.

Top