IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.5.2016
COM(2016) 335 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2016 tal-Litwanja
u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja tal-2016
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2016 tal-Litwanja
u l-għoti ta’ opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Litwanja tal-2016
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-26 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta’ Marzu 2016. Fis-26 ta’ Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta’ Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta’ Marzu 2016. Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Litwanja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
(2)Ir-rapport tal-pajjiż għal-Litwanja ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2016. Ir-rapport ivvaluta l-progress li għamlet il-Litwanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fl-14 ta’ Lulju 2015 u l-progress tal-Litwanja lejn il-miri nazzjonali tal-Europa 2020.
(3)Fid-29 ta' April 2016, il-Litwanja ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma tagħha tal-2016 u l-programm ta' stabbiltà tal-2016 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.
(4)Fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020 ġew indirizzati rakkomandazzjonijiet relevanti speċifiċi għall-pajjiż. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrevedi u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi relevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji-gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika soda.
(5)Fil-programm ta' stabbiltà tagħha tal-2016, il-Litwanja talbet devjazzjoni temporanja ta' 0,6% tal-PDG mill-aġġustament rikjest lejn l-objettiv ta' terminu medju fl-2017 sabiex jittieħdu f'kunsiderazjoni r-riformi strutturali maġġuri b'impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà għat-tul tal-finanzi pubbliċi. Madankollu, sakemm ikun hemm ftehim finali, għad hemm inċertezza dwar il-ġabra ta' miżuri ta' riforma kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tagħhom. Għalhekk, filwaqt li l-Litwanja għandha spażju suffiċjenti biex tibbenefika minn devjazzjoni temporanja, ma jidhrix li tissodisfa l-kriterju tal-eliġibbiltà marbut mal-implimentazzjoni tar-riforma biex tkun tista' tgawdi mill-klawżola tar-riformi strutturali. Barra minn dan, bħalissa mhux possibbli li jiġi evalwat l-impatt tar-riforma stmat mill-gvern. Għalhekk, l-impatt ta' dawn ir-riformi għadu ma hux rifless fl-aġġustament rikjest lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju għall-2017.
(6)Bħalissa il-Litwanja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-programm ta' stabbiltà tiegħu għall-2016, il-gvern qiegħed jippjana titjib fil-bilanċ nominali minn defiċit ta' 0,8% tal-PDG fl-2016 għal eċċess ta' 0,9% tal-PDG fl-2019. Il-bilanċ strutturali huwa previst li jiddeterjora temporanjament fl-2016 qabel jilħaq l-objettiv baġitarju ta' terminu medju — defiċit ta' 1 % tal-PDG f'termini strutturali — fl-2017 u jibqa' f'livell ogħla fiż-żmien ta' wara. Il-pjan ta' aġġustament jinkorpora r-riforma sistemika tal-pensjoni fl-2016 iżda ma jittiflettix ir-riforma strutturali ppjanata fl-2017. Skont il-programm ta' stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG mistenni jinżel minn 39,9% tal-PDG fl-2016 għal 35,7% fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarju huwa plawżibbli. Il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ippjanati għad-defiċit mill-2018 'l quddiem ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, il-bilanċ strutturlai huwa previst li jkun ta' -1,2 tal-PDG fl-2016, li jista' jitqies bħala qrib l-objettiv baġitarju ta' terminu medju, u ta' -0,8% tal-PDG fl-2017, ogħla mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju. Abbażi tal-evalwazzjoni tal-programm ta' stabbiltà u meta jitqiesu l-previżjonijiet tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, il-Litwanja mistennija li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
(7)Tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, ikkawżati mit-tixjiħ, ir-riżultati ta' kura fqira tas-saħħa u emigrazzjoni netta sinifikanti jistgħu jagħmlu ħsara lill-potenzjal tat-tkabbir tal-Litwanja u fl-aħħar mill-aħħar lit-triq ta’ konverġenza futura tagħha, filwaqt li titqiegħed f’riskju s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura fit-tul. Hu stmat li se jkun hemm telf kumulattiv ta’ 35 % tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol sal-2030. Jekk din it-tendenza ma tiddawwarx din tista’ tipperikola d-disponibbiltà ta’ riżorsi adegwati ta' ħaddiema, tas-sostenibilità tat-tkabbir ekonomiku fit-tul u tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, partikolarment is-sistema tal-pensjoni.
(8)It-tendenzi demografiċi li għaddejjin juru kemm hija kbira l-ħtieġa ta' riforma komprensiva tal-pensjonijiet fil-Litwanja li tindirizza r-riskji tas-sostenibbiltà fuq medda medja ta’ żmien u r-riskji fl-adegwatezza tas-sistema tal-pensjoni attwali. Il-livell ta’ faqar fost l-anzjani fil-Litwanja huwa fost l-ogħla fl-UE. Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda mekkaniżmu ta’ indiċjar tal-pensjonijiet ipprovduti pubblikament, u l-infiq fuq il-pensjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali huwa relattivament baxx. Il-gvern għadu ma adottax pjanijiet biex jintroduċi mekkaniżmu ta’ indiċjar, biex l-età tal-irtirar tintrabat mal-istennija tal-għomor wara l-2026 u biex jitjieb il-mod ta' kif tiġi ffinanzjata l-parti bażika tal-pensjoni tal-assigurazzjoni soċjali.
(9)Fil-Litwanja, ir-riżultati tal-kura medika huma fost l-agħar fl-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, ir-rata ta' mortalità tal-popolazzjoni bejn l-età ta' 20 u 64 sena hija l-ogħla fl-UE, u dan għandu impatt importanti fuq il-forza lavorattiva potenzjali disponibbli u għall-produttività tal-ħaddiema. Id-dgħjufija fis-sistema tas-saħħa tinkludi wkoll ħafna dipendenza fuq il-kura tal-pazjenti fl-isptarijiet u kliniċi u infieq baxx fejn tidħol il-prevenzjoni u s-saħħa pubblika. Hemm il-bżonn li tiġi indirizzata x-xejra demografika negattiva.
(10)Huwa importanti li l-Litwanja ssaħħaħ l-investiment fil-kapital uman biex jingħelbu xi ftit mill-effetti negattivi tat-tnaqqis fil-popolazzjoni tagħha fl-età tax-xogħol u biex jingħata appoġġ lit-tranżizzjoni tal-Litwanja lejn ekonomija b'aktar valur miżjud. Minkejja li l-kisbiet edukattivi żdiedu, il-proporzjon ta’ studenti b’nuqqas ta’ ħiliet bażiċi hu għoli. Iridu jsiru sforzi biex jiġi żgurat l-għoti ta' tagħlim ta' kwalità għolja, ħaġa li hi kruċjali biex jiġu affaċjati riżultati batuti u nuqqasijiet fl-edukazzjoni. Barra minn dan, jeżistu nuqqasijiet fil-kwalità tat-tagħlim fl-edukazzjoni għolja u l-ħila li tinġieb 'l quddiem l-innovazzjoni. Il-livell persistentement baxx ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim tal-adulti qed idgħajjef l-isforzi biex tittejjeb il-kwalità tal-kapital uman u biex tiżdied il-produttività. Hemm sinjali li qegħdin jitfaċċaw nuqqasijiet ta’ ħiliet f’ċerti setturi tal-ekonomija. Dawn in-nuqqasijiet tas-snajja’ huma mistennija jsiru aktar akuti fil-futur. Iż-żieda qawwija fil-pagi u t-tnaqqis fir-rata tat-tkabbir tal-produttività jistgħu jdagħjfu l-kompetittività tal-kosti. Għalhekk huwa importanti li titjieb ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni, li jiġu ssimplifikati l-istruttura u l-finanzjament tas-sistema edukattiva, u li jiġi żviluppat it-tagħlim tul il-ħajja u jittejbu l-immirar u l-effikaċja tal-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol. Il-Litwanja ħadet passi biex ittejjeb il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol u servizzi oħra għall-appoġġ ta’ min ifittex xogħol, iżda għad hemm lok għat-titjib fl-immirar lejn gruppi speċifiċi, b’mod partikolari dawk li m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa u dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil. L-infiq fuq miżuri ta’ politika tas-suq tax-xogħol effikaċi għadu limitat u x-xbieki ta’ sikurezza soċjali fil-Litwanja huma dgħajfa. Madwar 27 % tal-popolazzjoni tal-Litwanja tinsab f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza fid-dħul hija fost l-ogħla fl-UE. Il-Gvern Litwan qiegħed jippjana li jtejjeb il-kopertura u l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-qgħad u tal-assistenza soċjali, iżda l-leġiżlazzjoni rilevanti għadha ma ġietx adottata.
(11)Fil-parlament qegħda tiġi diskussa reviżjoni komprensiva tal-Kodiċi tax-Xogħol u tal-mudell soċjali. L-intenzjoni hi li tiżdied il-flessibbiltà tar-relazzjonijiet tas-suq tax-xogħol u li tingħata aktar sigurtà, iżda l-leġiżlazzjoni relevanti għad trid tiġi adottata. L-involviment tal-isħab soċjali fl-implimentazzjoni tar-riforma, u aktar djalogu soċjali intensiv huma importanti.
(12)L-investiment ikun irkuprat bil-mod sa mill-bidu nett tal-kriżi ekonomika u jiġu appoġġjati mill-Fondi Strutturali u ta' investiment tal-UE fis-snin li ġejjin. Madankollu, l-adozzjoni u l-użu ta' teknoloġija ġdida ma tkunx mifruxa fuq l-ekonomija u l-innovazzjoni huwa baxx, u dan ifixkel it-tkabbir fil-produttività. L-investiment privat fir-riċerka u l-innovazzjoni kien baxx ukoll, x'aktarx minħabba inċentivi insuffiċjenti għar-riċerka kummerċjali u l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni pubblika-privata. It-tisħiħ tal-investiment privat jista' jtaffi r-riskji marbuta mad-dipendenza tal-investiment pubbliku tal-Litwanja fir-riċerka u l-innovazzjoni fuq il-fondi strutturali u ta' investiment tal-UE. Is-sistema tal-edukazzjoni terzjarja turi nuqqasijiet fir-riżultati ta' kwalità u ta' innovazzjoni, b'livelli limitati ta’ kooperazzjoni ma' universitajiet u ċentri ta' riċerka. Is-sistema tar-riċerka u tal-innovazzjoni hija frammentata u kkaratterizzata minn sovrapożizzjonijiet u duplikazzjoni. Dan ma jħallix lil-Litwanja tilħaq il-massa kritika ta’ riċerka u ta’ żvilupp li hija meħtieġa sabiex jiżdied l-għarfien innovattiv. L-inċentivi għall-innovazzjoni u l-kooperazjzoni bejn il-klassi akkademika u n-negozju jeħtieġ li titqawwa, fost affarijiet oħra bl-iżvilupp tal-kapital uman u bl-investiment fih, ħaġa li tista' tqawwi l-livell tat-trasferimenti ta' teknoloġija lejn l-ekonomija reali. It-titjib tal-kapaċità limitata tal-kumpaniji Litwani li jassorbu għarfien estern u japplikawh għal finijiet kummerċjali ittejjeb il-livelli ta’ innovazzjoni.
(13)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Litwanja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-programm ta' stabbiltà u l-programm ta' riforma nazzjonali u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Litwanja fi snin preċedenti. Hija kkunsidrat mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Litwanja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għal deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet 1 sa 3 hawn taħt.
(14)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà u l-opinjonitiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Litwanja tieħu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:
1.Tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tkun limitata għall-provvediment marbut mar-riforma sistemika tal-pensjonijiet fl-2016 u l-2017. Titnaqqas il-piż tat-taxxa fuq dawk bi dħul baxx permezz ta' caqlieq tal-piż tat-taxxa għal fuq sorsi oħra li huma ta' anqas ħsara għat-tkabbir u ttejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa, b'mod partikolari fil-qasam tal-VAT.
2.Issaħħaħ l-investiment fil-kapital uman u tindirizza nuqqasijiet fil-ħiliet, billi ttejjeb ir-relevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni, tgħolli l-livell tal-kwalità tat-tagħlim u ssegwi politiki aktar attivi fejn jidħol is-suq tax-xogħol u t-tagħlim għall-adulti. Issaħħaħ ir-rwol ta' mekkaniżmu tad-djalogu soċjali. Ittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema tas-saħħa billi ssaħħaħ il-kura tal-pazjenti barra l-isptarijiet u l-kliniċi, bil-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa. Ittejjeb il-kopertura u l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-qgħad u l-assistenza soċjali.
3.Tadotta miżuri li jsaħħu l-produttività, jittejbu l-adozzjoni u l-assimilazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda madwar l-ekonomija. Ittejjeb il-koordinazzjoni ta’ politiki tal-innovazzjoni u jitħeġġeġ l-investiment privat, inkluż fost affarijiet oħra permezz tal-iżvilupp ta' mezzi alternattivi ta' finanzjament.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President