Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0334

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tal-Latvja u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja tal-2016

COM/2016/0334 final

Brussell, 18.5.2016

COM(2016) 334 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tal-Latvja

u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja tal-2016


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-2016 tal-Latvja

u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja tal-2016

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 4 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta’ Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 5 , li fih il-Latvja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 6 . Din ir-rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta’ Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta’ Marzu 2016. Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Latvja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2016 għal-Latvja 7 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2016. Dan ivvaluta l-progress li għamlet il-Latvja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta’ Lulju 2015 u l-progress tal-Latvja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Europa 2020.

(3)Fil-14 ta’ April 2016, il-Latvja ppreżentat il-programm nazzjonali ta’ riforma tagħha tal-2016 u l-programm ta’ stabbilità tagħha tal-2016. Iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien biex jitqiesu r-rabtiet mill-qrib ta' bejniethom.

(4)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jekk ikun meħtieġ biex isostni l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru biex janalizza u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi relevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif se tuża din id-dispożizzjoni f’linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej ma’ governanza ekonomika soda 8 .

(5)Fil-programm ta’ stabbiltà tagħha tal-2016, il-Latvja talbet devjazzjoni temporanja ta’ 0.5 % tal-PDG mill-pjan ta’ aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv ta’ terminu medju fl-2017 biex jiġu kkunsidrati r-riformi strutturali ewlenin b’impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, speċjalment tar-riform fis-seħħ fis-settur tas-saħħa abbażi tal-Istrateġija tas-Saħħa 2014-2020. Id-dettalji tar-riforma huma mogħtija fil-qosor fil-programm ta’ stabbiltà. L-għan huwa li l-iffinanzjar pubbliku għas-settur tas-saħħa jiżdied għal 4 % tal-PDG sal-2020 meta mqabbel ma' 3 % tal-PDG fl-2015. L-implimentazzjoni sħiħa tar-riforma hija stmata li ser iżżid l-impjiegi b’0.6 % u l-livell ta’ PDG bi 2.2 % sal-2023, li se jkollhom impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq terminu twil. L-impatt pożittiv fuq it-tkabbir u s-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi huwa vvalutat bħala plawżibbli. Il-Latvja bħalissa tista' tiġi vvalutata bħala li tikkwalifika għad-devjazzjoni temporanja mitluba fl-2017, bil-kundizzjoni li timplimenta b'mod xieraq ir-riformi miftiehma, li se jkunu immonitorjati taħt is-Semestru Ewropew. Madankollu, l-ammont ta’ devjazzjoni temporanja permessa hija kundizzjonali fuq ir-rispett ta’parametru referenzjarju minimu (jiġifieri defiċit strutturali ta’ 1.7 % tal-PDG). B’riżultat ta’ dan, il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016 tindika spazju addizzjonali għal devjazzjoni temporanja ta’ 0.1 % tal-PDG fl-2017.

(6)Bħalissa l-Latvja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-programm ta’ stabbiltà tiegħu tal-2016, il-gvern qed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ nominali li se jilħaq 0.5 % tal-PDG fl-2019. L-aġġustament ippjanat lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju — defiċit ta’ 1 % tal-PDG f’termini strutturali — iqis id-devjazzjonijiet mitluba marbuta mar-riforma sistemika tal-pensjonijiet fl-2017 u l-2018 u għar-riforma strutturali maġġuri fis-settur tas-saħħa fil-perjodu 2017–2019. Skont il-programm ta' stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG huwa mistenni li jilħaq 40% fl-2016 qabel jonqos għal 38 % fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jsejjes dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Madankollu, il-miżuri meħtieġa sabiex isostnu l-miri tad-defiċit ippjanati mill-2017 'il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed. Abbażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni, il-valutazzjoni kumplessiva turi li hemm ir-riskju ta’ xi devjazzjoni fl-2016 u mingħajr tibdil fil-politika, fl-2016 u 2017 meħuda flimkien. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-programm ta' stabbiltà u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2016, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Latvja hi mistennija tikkonforma b'mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, ser ikunu meħtieġa iktar miżuri biex jiżguraw il-konformità fl-2016.

(7)Il-provvista tal-ħaddiema hija mxekkla b’popolazzjoni fl-età tax-xogħol dejjem tonqos u żidiet fil-pagi li jeċċedu l-produttività u b'hekk jheddu l-kompetittività tal-prezzijiet. Miżuri biex tiżdied l-impjegabiltà u jitjiebu l-kapital uman huma għalhekk meħtieġa biex jgħinu l-kompetittività.

(8)Ir-rata ta' dawk fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-Latvja hija fost l-ogħla fl-UE. Qed isir xogħol ta’ tħejjija biex jiddaħħal livell minimu ta' introjtu, iżda l-implimentazzjoni tiegħu mhijiex fiċ-ċert u l-applikazzjoni universali tiegħu qed tiġi dilwita minħabba l-kostijiet fiskali. Barra minn hekk, l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-assistenza soċjali ma tjibitx mill-2009, ħaġa li żammet lura t-tnaqqis effikaċi tal-faqar. Ir-riforma tal-livell minimu tal-introjtu hija mistennija li tnaqqas il-frammentazzjoni attwali tal-assistenza soċjali u li tipprovdi inċentiv għax-xogħol.

(9)Il-kopertura tal-miżuri ta’ attivazzjoni għadha baxxa, b’mod partikolari għal dawk li ilhom qiegħda. Flimkien ma’ servizzi tas-saħħa ħżiena u servizzi soċjali insuffiċjenti, dan ifixkel ir-riintegrazzjoni effettiva fis-suq tax-xogħol. Aktar użu tal-miżuri ta’ attivazzjoni jagħti spinta lill-impjiegi.

(10)Finanzjament baxx tal-kura tas-saħħa pubblika, nuqqasijiet strutturali inerenti, ħlasijiet għolja mħallsa miċ-ċittadin innifsu u kosteffettività subottimali jħallu ħafna mill-popolazzjoni fil-bżonn fejn tidħol il-kura tas-saħħa. Filwaqt li l-aċċess għall-kura tas-saħħa għal każijiet mediċi kritiċi ingħata prijorità, il-forniment tas-servizzi huwa limitat minn restrizzjonijiet finanzjarji.

(11)Filwaqt li l-Latvja għamlet progress fir-riforma tas-sistema tal-edukazzjoni għolja, b’mod partikolari billi tipprovdi inċentivi li jippremjaw il-kwalità u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ akkreditazzjoni indipendenti, huwa meħtieġ titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, partikolarment fir-rigward tar-riforma tal-kurrikuli u l-istabbiliment ta’ qafas regolatorju għal skemi tat-tip ta’ apprendistat, sabiex jitjiebu l-kwalità u d-disponibilità tagħhom. Is-sħab soċjali jista' jkollhom rwol fl-iżvilupp tal-iskemi tat-tip ta’ apprendistat, kif spjegat fil-Liġi tal-Edukazzjoni Vokazzjonali.

(12)L-investimenti qed jinżammu lura minn kwistjonijiet ta’ innovazzjoni, nuqqasijiet fl-ambjent tan-negozju u t-tnaqqis fid-daqs tal-forza tax-xogħol. Nuqqas ta' spinta fl-innovazzjoni u bażi frammentata għar-riċerka qed ifixklu t-tranżizzjoni rapida u effiċjenti tal-Latvja lejn attivitajiet b’valur miżjud ogħla u b'intensità għolja ta' għarfien. Livell baxx ta’ protezzjoni għall-investituri fl-applikazzjoni tas-sistema tal-insolvenza, flimkien ma’ ineffiċjenzi fl-amministrazzjoni pubblika, ikomplu jgerrxu l-investimenti.

(13)Il-gvern ħa passi biex inaqqas il-frammentazzjoni attwali tal-bażi tar-riċerka pubblika, itejjeb il-kwalità tagħha u jsaħħaħ il-kapaċità tal-innovazzjoni tas-settur tan-negozju. Minkejja l-progress li sar, kemm l-investimenti pubbliċi kif ukoll kummerċjali fir-riċerka u l-innovazzjoni għadhom baxxi ħafna meta mqabbla mal-medja tal-UE. Jeħtieġ li jkompli l-konsolidament tal-bażi tar-riċerka, flimkien ma’ żieda fl-għadd ta’ riċerkaturi u l-kwalità tar-riċerka. Implimentazzjoni sħiħa tar-riformi bbażata fuq l-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti u l-użu sħiħ ta’ għodod ta’ politika eżistenti jinċentivaw l-investiment privat fl-innovazzjoni.

(14)Is-sistema tal-insolvenza hija pperċepita min-negozji bħala ostaklu għall-investiment, peress li r-rati ta’ rkupru tal-assi huma baxxi u amministraturi tal-insolvenza huma soġġetti għal ftit superviżjoni.

(15)Il-Latvja introduċiet b'suċċess diversi inizjattivi biex itejjeb l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja. Madankollu, għalkemm huwa komprensiv, ir-reġim tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-uffiċjali pubbliċi huwa kumpless u riġidu, u jipprijoritizza l-konformità formali fuq il-merti tal-każijiet individwali. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni iddgħajjef minħabba tensjonijiet interni li tiddestabbilizzawh u naqqsu l-fiduċja pubblika l-operat tiegħu u fir-rieda tiegħu li jagħti prijorità lil każijiet bi profil għoli.

(16)L-ineffiċjenzi ġenerali fl-amministrazzjoni pubblika, l-aktar minħabba d-dawran għoli tal-persunal, id-dewmien fir-riforma tas-servizz pubbliku u ġestjoni ħażina tal-proġetti, ma jwasslux għal ambjent favorevoli għall-investiment. Ir-remunerazzjoni tas-settur pubbliku mhijiex marbuta kif xieraq mar-responsabbiltajiet.

(17)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Latvja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbilità u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Latvja fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Latvja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet nri 1 sa 3 ta’ hawn taħt.

(18)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu 9 hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni nru 1 hawn taħt.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Latvja tieħu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:

1.Tiżgura li devjazzjoni mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2016 u l-2017 tkun limitata għall-provvediment marbut mar-riforma sistemika tal-pensjonijiet u mar-riforma strutturali maġġuri fis-settur tal-kura tas-saħħa. Tnaqqas il-proporzjon tat-taxxa għal dawk bi dħul baxx billi tisfrutta bidla mit-taxxa li tiffavorixxi t-tkabbir lejn taxxi ambjentali u fuq il-propretà u ttejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa.

2.Ittejjeb l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-assistenza soċjali u żżid il-miżuri li jgħinu lid-destinatarji jsibu u jżommu xogħol, inkluż permezz ta’ żieda fil-kopertura tal-miżuri ta’ attivazzjoni. Tħaffef ir-riforma kurrikulari fl-edukazzjoni vokazzjonali, tistabbilixxi, bl-involviment tas-sħab soċjali, qafas regolatorju għal skemi tat-tip apprendistat u żżid l-offerta tagħhom. Ittejjeb l-aċċessibbiltà, il-kwalità u l-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa.

3.Tkompli bil-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet tar-riċerka u tipprovdi inċentivi għall-investiment privat fl-innovazzjoni. Issaħħaħ ir-reġim tal-prevenzjoni tal-kunflitt ta’ interess u tistabbilixxi qafas legali komuni tal-impjegati pubbliċi kollha. Iżżid ir-responsabbilizzazzjoni u s-sorveljanza pubblika tal-amministratturi tal-insolvenza.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) COM(2016) 334 finali.
(3) P8_TA(2016)0058, P8_TA(2016)0059, u P8_TA(2016)0060.
(4) COM(2015) 690 finali.
(5) COM(2015) 691 finali.
(6) COM(2015) 692 finali.
(7) SWD(2016) 82 finali.
(8) COM(2014) 494 finali.
(9) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top