Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0048

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-sistemi li jrażżnu lill-annimali bovini billi jqiegħduhom f'pożizzjoni mhux naturali jew b'xi mod jaqilbuhom

COM/2016/048 final

Brussell, 8.2.2016

COM(2016) 48 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-sistemi li jrażżnu lill-annimali bovini billi jqiegħduhom f'pożizzjoni mhux naturali jew b'xi mod jaqilbuhom


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-sistemi li jrażżnu lill-annimali bovini billi jqiegħduhom f'pożizzjoni mhux naturali jew b'xi mod jaqilbuhom

1.Kuntest

L-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla 1 jistipula li "Mhux aktar tard mit-8 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sistemi li jrażżnu lill-annimali bovini b’inverżjoni jew kwalunkwe pożizzjoni mhux naturali. Dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq ir-riżultati ta’ studju xjentifiku li jqabbel dawn is-sistemi ma’ dawk li jżommu lill-bovini f’pożizzjoni wieqfa u għandu jieħu kont tal-aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali kif ukoll tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż jekk humiex aċċettabbli għall-komunitajiet reliġjużi u s-sikurezza tal-operaturi. Dan ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk adatt, minn proposti leġislattivi bil-ħsieb li jiġi emendat dan ir-Regolament fir-rigward tas-sistemi li jrażżnu lill-annimali bovini b’inverżjoni jew kwalunkwe pożizzjoni mhux naturali."

Biex tħejji dan ir-rapport, il-Kummissjoni kkummissjonat studju (li wara ssemma l-"BoRest study" 2 ).

Minħabba l-ispeċifiċità u l-kumplessità ta' dan l-istudju (partikolarment f’dak li kellu x'jaqsam mal-ġbir tad-dejta teknika u xjentifika fil-biċċeriji), dam ħafna iżjed jitħejja u jinkiteb milli kien mistenni, u b'hekk dan ir-rapport dam biex jiġi adottat.

2.Is-sistemi tat-trażżin tal-annimali bovini li jinqatlu mingħajr ma jiġu sturduti

2.1.Il-kwistjoni

Fil-biċċeriji, l-annimali bovini 3 jitrażżnu f'pożizzjoni wieqfa f'gaġġa tat-trażżin qabel ma jiġu sturduti, u normalment dan tal-aħħar isir permezz ta' captive bolt penetranti.

L-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009 jistipula li l-kundizzjonijiet dwar l-isturdament tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 4(1) u fl-Anness I ta' dan ir-Regolament ma japplikawx jekk il-qatla tkun trid issir b'metodi partikolari stipulati minn xi riti reliġjużi, dejjem jekk il-qatla ssir f'biċċerija. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-leġiżlazzjoni tal-UE b'mod eċċezzjonali tippermetti metodi ta' qtil mingħajr sturdament tal-annimali bħall-iżvinar tal-annimali mingħajr sturdament minn qabel, li jinkludi l-qtil tal-annimali skont ir-riti Lhud jew Iżlamiċi. Għalhekk, tfasslu sistemi speċifiċi ta' trażżin tal-annimali li jdawru lill-annimali rashom ’l isfel jew fuq ġenbhom (gaġġa tat-trażżin li tista’ tiddawwar minn naħa għall-oħra) biex b'hekk it-tħanxir ikun aktar faċli għall-biċċier. Dawn is-sistemi ta' trażżin jistgħu jintużaw biss jekk l-annimali jinqatlu mingħajr ma jiġu sturduti 4 .

F'rapport li sar fl-2004 dwar l-aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali fil-metodi ta' sturdament u ta’ qtil tal-annimali, ix-xjenzjati tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) urew il-fehma tagħhom favur it-trażżin tal-annimali f’pożizzjoni wieqfa fil-każ tal-qtil mingħajr sturdament 5 . L-opinjoni tagħhom kienet ibbażata fuq pubblikazzjoni tal-1990 li kienet qabblet żewġ tipi ta' gaġeġ tat-trażżin (dawk li fihom l-annimali jibqgħu bil-wieqfa u dawk li jistgħu jiddawru minn naħa għall-oħra).

Iżda waqt il-proċess tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009 intqal li l-gaġeġ tat-trażżin li jaqilbu lill-annimali li qegħdin jintużaw illum fl-Ewropa huma differenti ħafna mill-mudell tal-gaġġa li kien deskritt fil-pubblikazzjoni tal-1990. Barra minn hekk, kien hemm xi komunitajiet reliġjużi li wrew it-tħassib tagħhom li mhuwiex kompatibbli mar-riti reliġjużi tagħhom li l-annimali jitħallew bil-wieqfa.

2.2.Is-sitwazzjoni ġenerali

Fl-2012 inqatlu total ta' 25 miljun annimal bovin fl-UE 6 , li minnhom madwar 2,1 miljuni (8,5%) 7 inqatlu mingħajr ma ġew sturduti, u dawn tal-aħħar kważi kollha (97%) nqatlu fl-istess sitt Stati Membri 8 .

Minn dawn iż-2,1 miljun annimal, aktar minn 1,6 miljun inqatlu f'apparat li jaqlibhom (jiġifieri 78% tal-annimali li nqatlu mingħajr sturdament) filwaqt li l-bqija nqatlu f'apparat li fih l-annimali jibqgħu bil-wieqfa.

Fl-2012 l-apparati li jaqilbu l-annimali ma kinux jintużaw fil-Latvja, fil-Portugall, fir-Rumanija, fis-Slovakkja u fir-Renju Unit. Fir-Renju Unit kien obbligatorju li l-annimali jitħallew bil-wieqfa 9 .

Hemm varjazzjoni kbira bejn l-Istati Membri fiċ-ċifri tal-użu ta' gaġeġ tat-trażżin li fihom l-annimali jibqgħu bil-wieqfa u ta' gaġeġ tat-trażżin li jaqilbu lill-annimali, minn 100% gaġeġ li fihom l-annimali jibqgħu bil-wieqfa (fir-Renju Unit minħabba l-leġiżlazzjoni) sa 90% gaġeġ li jistgħu jiddawru minn naħa għall-oħra (fi Franza) b'diversi ċifri bejniethom.

Hemm ħafna modi differenti kif jintużaw il-gaġeġ tat-trażżin li jaqilbu lill-annimali. Il-maġġoranza tal-operaturi tal-biċċeriji (80%) jdawru lill-annimali rashom ’l isfel (180°), filwaqt li l-oħrajn jdawruhom 90° (hekk li l-annimali jiġu fuq ġenbhom).

2.3.Apparati li jaqilbu lill-annimali

Jintużaw ħafna tipi ta' apparat (l-istudju BoRest identifika 32 mudell) li jiġu mmanifatturati minn kumpaniji diversi. Tliet manifatturi ewlenin jissupplixxu nofs is-suq, il-bqija tas-suq jieħdu ħsiebu manifatturi lokali.

Skont l-istudju BoRest, iktar minn 90% tal-biċċeriji Franċiżi huma mgħammra b'apparati moderni li jaqilbu lill-annimali, tkun kemm tkun żgħira l-biċċerija. Dawn l-apparati jintużaw ukoll f'pajjiżi oħrajn, bħalma huma n-Netherlands, Spanja u l-Belġju (flimkien ma' Franza, f'dawn l-Istati Membri jinqatlu 85% tal-annimali kollha li jinqatlu mingħajr sturdament).

Abbażi ta' din id-dejta, l-istudju BoRest jistma li aktar minn 85% tal-annimali jinqatlu b'apparati moderni li jaqilbu lill-annimali. Dan jaqbel mal-fatt li 67% tal-biċċeriji huma mgħammra b'apparati li għandhom inqas minn 10 snin, u li inqas minn 15% tal-biċċeriji investew fl-apparat tagħhom qabel l-1990.

3.Kwistjonijiet ta' trattament xieraq tal-annimali

3.1.Analiżi tal-letteratura

Fir-rapport tal-EFSA tal-2004, ix-xjenzjati rreferew għal studju li sar fl-1990 li qabbel tip ta' gaġġa tat-trażżin li fiha l-annimali jinżammu f’pożizzjoni wieqfa (Cincinnati pen, jew ASCPA) u gaġġa li fiha l-annimali jinqalbu fuq ġenbhom jew fuq daharhom (Weinberg pen). Minn dan l-istudju jidher li mill-perspettiva tat-trattament xieraq tal-annimali jkun aħjar li l-annimali jinżammu bil-wieqfa.

Minn meta beda jintuża l-apparat Weinberg saru ħafna bidliet mit-tfassil oriġinali tal-gaġeġ tat-trażżin li jaqilbu l-annimali.

Dan il-qlib tal-annimali jagħti lok għal sensiela ta' tħassib dwar it-trattament xieraq tal-annimali: meta jinqaleb l-annimal jitpoġġa f'pożizzjoni mhux naturali li tikkawżalu pressjoni addominali u stress, speċjalment jekk jinżamm f'din il-pożizzjoni għal ħin twil.

Min-naħa l-oħra, meta l-annimali jinżammu bil-wieqfa biex jinqatlu mingħajr ma jiġu sturduti, it-tbiċċir ikun aktar diffiċli għall-biċċier (minn isfel għal fuq) u hemm il-possibbiltà li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ma jkunux tajbin.

3.2.Id-dejta miġbura mill-istudju BoRest

Fl-istudju BoRest ġew analizzati kwistjonijiet ta' trattament xieraq fuq 1113-il annimal bovin b'kampjuni differenti ta' kategoriji ta' annimali, apparati tat-trażżin u prattiki, li nġabru minn 18-il biċċerija f'sitt Stati Membri differenti 10 bejn Lulju u Diċembru tal-2013. Ġew innutati bosta parametri tat-trattament xieraq tal-annimali rigward it-tul taż-żmien tat-trażżin, il-proċeduri tat-tbiċċir u tal-iżvinar, u meta l-annimal jintilef minn sensih.

Fil-każ tal-maġġoranza tal-fatturi varjabbli, il-meded tal-medji li rriżultaw fit-tliet pożizzjonijiet possibbli (annimali maqlubin rashom ’l isfel, fuq ġenbhom jew f’pożizzjoni wieqfa) kienu simili. Ir-riżultati wrew xi differenzi, iżda l-biċċa l-kbira ta' dawn setgħu jintrabtu ma' xi partikolaritajiet fit-tfassil tal-apparat, fil-kwalità tal-apparat li jżomm ir-ras u fil-ħila tal-operaturi.

Minħabba d-diversità kbira fit-tqassim tal-biċċeriji (it-tqassim tal-kuritur, it-tqassim tal-post fejn l-annimali jitrażżnu u jiġu żvinati, it-tfassil tal-apparat tat-trażżin, eċċ.) u l-ħiliet u l-abbiltajiet tal-bieċċiera li ġew innutati waqt dan l-istudju, ma kienx possibbli li jitqiesu u jiġu analizzati l-fatturi kollha.

Madankollu l-istudju ma wassalx għal riżultati konklużivi li jistabbilixxu differenzi sinifikanti bejn iż-żewġ sistemi tat-trażżin fejn jidħol it-trattament xieraq tal-annimali.

4.L-aspetti ekonomiċi, soċjali u soċjetali

Skont l-istudju BoRest, mill-aspetti ekonomiċi kollha, is-sistemi tat-trażżin li fihom l-annimali jinżammu bil-wieqfa huma irħas mis-sistemi li jistgħu jiddawru minn naħa għall-oħra: jiġifieri mil-lat tal-investiment totali, tal-manutenzjoni u ta’ kemm idumu jaħdmu tajjeb qabel ma jridu jinbidlu.

L-ispejjeż annwali fuq it-tagħmir tat-trażżin li fihom l-annimali jinżammu bil-wieqfa huma stmati li huma ta' madwar EUR 4 300 fis-sena (inklużi l-ispejjeż tad-deprezzament ta' investiment ta' EUR 50 000, tal-manutenzjoni u tal-interessi), u l-ispejjeż fuq it-tagħmir tat-trażżin li jaqleb lill-annimali huma ta' EUR 12 600 (inklużi l-ispejjeż tad-deprezzament ta' investiment ta' EUR 100 000, tal-manutenzjoni u tal-interessi).

Madankollu, ta' min wieħed jiftakar li l-ispejjeż fil-post tat-trażżin huma biss parti żgħira (inqas minn 10%) tal-ispejjeż totali tat-tbiċċir.

Kemm jgħaddu malajr għall-qatla l-annimali f’biċċerija huwa wieħed mill-iktar fatturi kritiċi għall-ispejjeż tat-tbiċċir. Minn dan il-lat, l-istudju kkonkluda li ma hemmx differenza f’kemm jgħaddu malajr għall-qatla l-annimali fiż-żewġ sistemi. Fis-sistemi t-tnejn li huma jinqatlu medja ta' 28 sa 30 annimal adult fis-siegħa.

Id-diretturi tal-biċċeriji qalu li l-kwistjonijiet tas-sikurezza okkupazzjonali tal-persunal, tat-trattament xieraq tal-annimali u tal-modi ta' qtil aċċettabbli mil-lat tar-reliġjon huma importanti daqs l-ispejjeż meta wieħed ikun qed jagħżel is-sistema tat-trażżin.

Fil-kuntest tal-istudju BoRest sar sforz biex tinġabar l-informazzjoni minn medda wiesgħa ta' rappreżentanti reliġjużi 11 .

Għar-rappreżentanti tal-komunitajiet Lhud, il-pożizzjoni tal-annimali ppreferuta kienet dejjem dik tal-annimali rashom ’l isfel.

Ir-rappreżentanti tal-komunitajiet Iżlamiċi jippreferu li jintużaw apparati li jaqilbu lill-annimali, iżda jqisu li huwa aċċettabbli wkoll li l-annimali jitħallew bil-wieqfa sakemm jintużaw il-proċeduri korretti u sakemm il-membri tal-persunal li jħaddmu l-apparat ikunu tal-esperjenza.

Fil-fehma taż-żewġ komunitajiet, meta l-annimal bovin jinżamm minn rasu, tkun xi tkun il-pożizzjoni tiegħu, dan jikkawża tħassib kemm mil-lat tat-trattament xieraq tal-annimali, kemm mil-lat tal-effiċjenza tal-iżvinar, u kemm mil-lat tal-prattiki aċċettabbli.

Dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol ma seta' jsir ebda tqabbil bejn iż-żewġ sistemi tat-trażżin minħabba l-għadd limitat ta' tweġibiet mingħand il-persunal li jaħdmu b'sistema li fiha l-annimali jinżamm f’pożizzjoni wieqfa. Ir-riskji ewlenin mil-lat tas-sikurezza okkupazzjonali huma marbutin mal-possibbiltà li l-annimali jagħmlu xi movimenti f'daqqa wara li jinħallu minn mal-apparat tat-trażżin u meta jkunu qegħdin jintrefgħu biex jiddendlu.

5.Kummerċ

Ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar il-kummerċ tal-laħam Ħalal jew Koxer.

Skont id-dejta tal-Eurostat ta' bejn l-2009 u l-2013, l-esportazzjoni tal-laħam taċ-ċanga mill-UE lejn pajjiżi Iżlamiċi fil-Mediterran u lejn l-Iżrael hija żgħira ħafna (inqas minn 15 000 tunnellata ta' ekwivalenti tal-piż tal-karkassi), meta mqabbla mal-esportazzjoni totali lejn pajjiżi terzi (sa 400 000 tunnellata fis-sena). Barra minn hekk il-kwantitajiet esportati jvarjaw ħafna minn sena għall-oħra. L-esportazzjoni mill-UE lejn il-Lvant Nofsani żdiedet b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, iżda l-livell għadu baxx.

6.Konklużjonijiet

Is-sistema tat-trażżin tal-annimali bovini li jinqatlu mingħajr sturdament tintgħażel mill-operaturi tal-biċċeriji biex tikkonforma mar-rekwiżiti reliġjużi tal-komunitajiet ikkonċernati. Barra minn hekk, l-operaturi jridu sistema li ġġiegħel lill-annimali jintilfu minn sensihom malajr, li tiżgura s-sikurezza okkupazzjonali, u li tkun vijabbli mil-lat ekonomiku.

Fl-UE jintużaw żewġ sistemi prinċipali għat-trażżin:

a)dik li fiha l-annimali jinżammu f’pożizzjoni wieqfa sakemm jiġu żvinati (li tintuża wkoll biex l-annimali jiġu sturduti bil-captive bolt);

b)dik li fiha l-annimali jinqalbu rashom ’l isfel jew fuq ġenbhom biex jiġu żvinati (li hija awtorizzata biss meta l-annimali jkunu se jinqatlu mingħajr ma jiġu sturduti).

Dawn iż-żewġ sistemi t-tnejn li huma fihom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom. Is-sistema li fiha l-annimali jinżammu f’pożizzjoni wieqfa fl-imgħoddi kienet meqjusa bħala aktar xierqa mil-lat tat-trattament xieraq tal-annimali, għaliex ma tqiegħedx lill-annimali f'pożizzjoni mhux naturali. Id-dejta li nġabret dwar aktar minn elf annimal fl-UE turi li mill-perspettiva tat-trattament xieraq tal-annimali ma hemm ebda sejbiet konklużivi li juru li xi sistema hija aħjar mill-oħra. Minħabba d-diversità tas-sitwazzjonijiet li nsibu fil-biċċeriji, ir-riżultati rilevanti għat-trattament xieraq tal-annimali jiddependu iżjed fuq kif jitfasslu u jintużaw l-apparati milli fuq il-pożizzjoni tal-annimali (jew fbil-wieqfa jew rashom ’l isfel).

L-istess japplika għas-sikurezza tal-ħaddiema jew għar-ritmu li bih l-annimali jgħaddu għall-qatla.

L-ispejjeż tal-investiment u tat-tħaddim huma sostanzjalment ogħla għas-sistemi tat-trażżin li jaqilbu lill-annimali minn dawk għas-sistemi li fihom l-annimali jinżammu f’pożizzjoni wieqfa. Iżda l-iżjed li jintużaw fuq l-annimali bovini li jinqatlu mingħajr sturdament fl-UE (80% tal-annimali) huma s-sistemi li jaqilbuhom.

Il-maġġoranza l-kbira tas-sistemi tat-trażżin li jaqilbu lill-annimali li jintużaw fl-UE tfasslu riċentement.

L-informazzjoni dwar l-aħjar prattiki u t-taħriġ għall-użu tajjeb ta' dawn is-sistemi tat-trażżin jgħinu biex itejbu t-trattament xieraq tal-annimali, tkun xi tkun is-sistema tat-trażżin li tintuża. L-istudju BoRest jipprovdi ħarsa ġenerali lejn dan.

(1) ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.
(2) Restraining systems for bovine animals slaughtered without stunning/ Welfare and socio-economic implications – BOREST - li sar mill-Institut de l'Elevage (li għamilha ta' koordinatur). Ġunju 2015.(http://ec.europa.eu/food/animals/welfare/practice/slaughter/index_en.htm).
(3) Fil-kuntest ta' dan ir-rapport, il-kelma "annimali" tirreferi biss għall-annimali bovini (il-baqar adulti u l-għoġġiela).
(4) L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009.
(5) http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753812_1178620775454.htm , ara l-paġna 25.
(6) Għal aktar dettalji: b'mod partikolari ara t-taqsima 4 tal-istudju Borest.
(7) Iċ-ċifra preċiża hija ta' 2 147 300 annimal bovin skont stħarriġ li sar fl-2012 mill-awtoritajiet kompetenti.
(8) Fil-Belġju, Franza, l-Italja, in-Netherlands, Spanja u r-Renju Unit.
(9) Din il-pożizzjoni tal-annimali bil-wieqfa kienet obbligatorja fl-Estonja wkoll, iżda hemmhekk ma sar l-ebda qtil ta' annimali mingħajr sturdament waqt l-istħarriġ.
(10) Il-Belġju, Franza, l-Italja, in-Netherlands, Spanja u r-Renju Unit. 97% tal-annimali bovini li nqatlu mingħajr sturdament waqt li kien qed isir l-istudju kien f'dawn is-sitt Stati Membri.
(11) B'mod partikolari, ara t-Tabella 40 fil-paġna 126 u l-paġna 249 tal-istudju.
Top