EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE4410

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni)” [COM(2016) 465 final] u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul” [COM(2016) 466 final] u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE” [COM(2016) 467 final]

ĠU C 75, 10.3.2017, p. 97–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/97


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni)”

[COM(2016) 465 final]

u dwar

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul”

[COM(2016) 466 final]

u dwar

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE”

[COM(2016) 467 final]

(2017/C 075/16)

Relatur:

is-Sur José Antonio MORENO DÍAZ

Korelatur:

is-Sur Cristian PÎRVULESCU

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 7.9.2016

Parlament Ewropew, 12.9.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Ix-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

22.11.2016

Adottata fil-plenarja

14.12.2016

Sessjoni plenarja Nru

521

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

211/2/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.    Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.1.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn li ssir riforma ġusta, effettiva u effiċjenti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) u li tiġi stabbilita proċedura ġenwinament komuni li hija affidabbli, flessibbli u effiċjenti kif ukoll li ttejjeb il-mezz ta’ aċċess ġust u legali għall-Unjoni Ewropea bbażata fuq il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem ta’ persuni ppersegwitati.

1.1.2.

Huwa neċessarju wkoll li wieħed iqis li l-Artikolu 2 tat-TUE jgħid b’mod espliċitu li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu lil minoranzi. Dawn il-valuri għandhom ikunu komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

1.1.3.

Barra minn hekk, l-Artikolu 78 tat-TFUE jiddetermina li l-UE se tiżviluppa Politika Komuni tal-Asil: għal dak l-għan, għandha tkun proposta sistema komuni u obbligatorja ġenwina għall-Istati Membri kollha sabiex tiġi armonizzata l-leġislazzjoni nazzjonali jew – jekk dan ma jseħħx – tiġi introdotta, bħala minimu, sistema komuni għall-għarfien reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar l-asil bejn l-Istati Membri kollha tal-UE. Dan għandu jfisser li Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tkun possibbli: inkella, mhux ħa jkun possibbli li jiġu evitati “movimenti sekondarji” fejn persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali jfittxu dawk il-pajjiżi li qed joffru l-aħjar kondizzjonijiet fl-UE.

1.1.4.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-popolazzjoni totali tal-UE-28 hija ta’ 510 miljun ruħ u li l-proposti tal-KE tal-Ħarifa tal-2015 biex jiġu sistemati mill-ġdid madwar 160 000 ruħ li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali jammonta għal madwar 0,03 % tal-popolazzjoni totali tal-UE: stati oħra mhux fl-UE ospitaw miljuni ta’ nies li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali.

1.1.5.

Fi kwalunkwe każ, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-titjib li sar fis-sistema, bħall-kjarifika tad-drittijiet u l-obbligi fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura, is-sostituzzjoni tal-kunċett ta’ vulnerabbiltà mal-kunċett tal-bżonnijiet speċjali kif ukoll kriterji ċari għall-valutazzjoni tagħha, l-introduzzjoni ta’ aktar garanziji għall-minorenni u t-twessigħ tal-kunċett tal-familja.

1.1.6.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħalma huma r-restrizzjoni tal-moviment liberu, il-limitazzjoni tad-dritt tal-minorenni għall-edukazzjoni, l-applikazzjoni ta’ proċedura għal minorenni mhux akkumpanjati fil-fruntiera, il-possibilità ta’ nuqqas ta’ approċċ ta’ każ b’każ fil-kuntest tal-analiżi tal-kunċetti ta’ pajjiżi siguri, il-limitazzjoni ta’ garanziji għal applikazzjonijiet sussegwenti u proċeduri aċċelerati, ir-reviżjoni awtomatika tal-istatuses ta’ protezzjoni u l-approċċ ta’ sanzjonijiet tar-restrizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza.

1.1.7.

Il-KESE jirrakkomanda l-istandardizzazzjoni tal-istatuses ta’ protezzjoni, l-eliminazzjoni tad-differenzi bejn l-istatus ta’ refuġjat u l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja fir-rigward tal-perjodu tal-permess ta’ residenza, it-tiġdid tiegħu u l-limitazzjoni fuq l-assistenza soċjali għall-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja.

1.2.    Rakkomandazzjonijiet dwar il-proposta għar-Regolament dwar il-Kwalifiki

1.2.1.

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu inklużi l-kriterji tal-UNHCR għall-valutazzjoni ta’ alternattiva interna għat-titjiriet, fi kliem ieħor, analiżi tal-adegwatezza u analiżi tar-raġonevolezza, bl-esklużjoni espliċita tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 fil-każ ta’ persekuzzjoni mill-istat.

1.2.2.

L-oneru tal-prova għandu jinqasam bejn l-applikant u l-awtorità determinanti, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ssostni li l-obbligu tal-awtorità determinanti għandu jkun li tikkoopera attivament mal-applikant.

1.2.3.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi introdotta valutazzjoni ta’ proporzjonalità meta jiġu valutati r-raġunijiet għal esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat u n-natura restrittiva tal-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli, u li jitneħħa l-Artikolu 12(6) tar-Regolament dwar il-Kwalifiki sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni awtomatika tal-kawżi ta’ esklużjoni li ma jqisux il-kuntest partikolari tal-applikanti.

1.2.4.

Għandha tkun garantita analiżi każ b’każ fil-proċeduri ta’ investigazzjoni tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-għoti ta’ garanziji proċedurali f’dawn il-proċeduri li ma jistgħux jiġu applikati awtomatikament.

1.2.5.

Fir-rigward tar-reviżjoni tal-istatus ta’ refuġjat, kull proċedura ġdida se żżid saff ieħor ta’ piż amministrattiv u diskrezzjoni. Minħabba l-għadd kbir ta’ refuġjati f’pajjiż wieħed, is-servizzi amministrattivi jistgħu faċilment jiġu mgħobbija żżejjed u jista’ jkun li jieħdu deċiżjonijiet wisq malajr u possibilment b’mod arbitrarju. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti jkollhom persunal adatt u mħarreġ biex iwettaq il-verifiki u r-reviżjoni tal-istatus ta’ refuġjat.

1.2.6.

Huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn it-tmiem, l-esklużjoni, l-irtirar, in-nuqqas ta’ tiġdid u t-tmiem tal-istatus ta’ protezzjoni, biex b’hekk jiġu evitati r-ripetizzjonijiet u konfużjoni rigward iċ-ċirkustanzi fattwali li jagħtu lok għal kull każ u inklużi kriterji restrittivi għall-applikazzjoni tagħhom.

1.2.7.

Għandha tiġi eliminata r-restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment ta’ persuni li jingħataw protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru minħabba li dan imur kontra l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

1.2.8.

Għandu jitneħħa l-Artikolu 44 tar-Regolament dwar il-Kwalifiki li jemenda d-Direttiva dwar residenti fit-tul sabiex jinbeda mill-ġdid il-perjodu ta’ ħames snin ta’ residenza jekk il-persuna tinsab illegalment barra l-Istat Membru li kien irrikonoxxa lilu jew lilha għar-raġuni li dan imur kontra l-għan tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni ta’ Mejju 2015.

1.3.    Rakkomandazzjonijiet dwar il-proposta għar-Regolament dwar il-Proċedura Komuni

1.3.1.

Il-KESE jfakkar li l-istabbiliment ta’ regoli f’forma ta’ regolamenti m’għandux iwassal għal tnaqqis fl-istandards ta’ protezzjoni minħabba l-introduzzjoni ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà ristrettivi u l-limitazzjoni tad-drittijiet u l-garanziji proċedurali.

1.3.2.

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi eliminata awtomatikament l-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ pajjiż terz bla periklu, l-ewwel pajjiż ta’ asil u pajjiż ta’ oriġini sikur, u tat-tnaqqis tal-limitu ta’ żmien, u jirrakkomanda li jiġi garantit l-effett suspensiv awtomatiku tal-appelli.

1.3.3.

Għandhom jiżdiedu l-garanziji ta’ evalwazzjoni każ b’każ, abbażi tal-kriterji tal-proporzjonalità, in-neċessità u ċirkostanzi eċċezzjonali f’każi ta’ restrizzjoni tal-libertà jew detenzjoni.

1.3.4.

Għandhom jiżdiedu wkoll il-garanziji fil-kuntest ta’ detenzjoni amministrattiva, jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien ta’ detenzjoni ċari u d-detenzjoni tkun ristretta għal każijiet eċċezzjonali.

1.3.5.

Tiġi eliminata l-esklużjoni tad-dritt għal għajnuna legali b’xejn fil-każ meta l-applikazzjonijiet jitqiesu infondati jew applikazzjonijiet sussegwenti li ma jkunx fihom evidenza jew argumenti ġodda, minħabba li dan jikser id-dritt għal rimedju effettiv kif previst skont l-Artikolu 13 tal-KEDB.

1.3.6.

Jiġu stipulati l-istess garanziji proċedurali għal proċeduri aċċellerati, fuq il-fruntiera u l-applikazzjonijiet sussegwenti rigward il-proċedura regolari.

1.3.7.

Qabel ma tinbeda l-applikazzjoni proprja, l-applikanti għandhom jingħataw perijodu ta’ mistrieħ u ta’ rkupru.

1.4.    Rakkomandazzjonijiet dwar il-proposta għad-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza

1.4.1.

Huwa neċessarju li jiġi adottat approċċ ta’ inċentivi pożittivi sabiex jiġu evitati movimenti sekondarji, minflok approċċ punittiv ta’ esklużjoni, tnaqqis, irtirar jew sostituzzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, eċċ. Dan huwa partikolarment sproporzjonat fil-każ ta’ applikanti li ma jitolbux protezzjoni internazzjonali fl-ewwel pajjiż ta’ dħul irregolari jew residenza legali.

1.4.2.

L-istess strument legali għandu jintuża biex jirregola l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, il-proċeduri u l-kriterji ta’ eliġibbiltà sabiex ikunu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni diretta ta’ dispożizzjonijiet relatati ma’ xulxin.

1.4.3.

Il-kunċetti ġuridiċi indeterminati bħal “livell ta’ għajxien dinjituż” jew “riskju ta’ ħarba” għandhom ikunu ristretti jew eliminati minħabba l-konsegwenzi serji li jġibu magħhom u d-diskrezzjoni tal-Istati Membri meta jistabbilixxu l-kriterji determinanti.

1.4.4.

Il-membri oħra tal-familja bħal aħwa u qraba oħra għandhom jiġu inklużi, f’konformità mal-proposta tar-Regolament ta’ Dublin.

1.4.5.

L-aċċess għas-suq tax-xogħol m’għandux jiġi eskluż għal applikanti minn pajjiżi ta’ oriġini bla periklu peress li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità.

1.4.6.

Huwa meħtieġ li jkunu eliminati l-kundizzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali.

1.4.7.

Huwa neċessarju wkoll li jiġi żgurat id-dritt assolut tal-minorenni għall-edukazzjoni, bl-istess termini bħalma huwa d-dritt għas-saħħa.

2.   Kummenti dwar ir-Regolament dwar il-Kwalifiki

2.1.

Il-KESE jappoġġja aktar armonizzazzjoni tal-istandards għal proċeduri, ir-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-asil fuq il-livell tal-UE. Hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri użati, ir-rati ta’ rikonoxximent, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

2.2.

Għal diversi raġunijiet, l-Istati Membri żviluppaw prattiki istituzzjonali speċifiċi fil-qasam tal-asil. Dan iħeġġeġ movimenti sekondarji u jikkomprometti t-trattament ugwali tal-applikanti fit-territorju tal-Unjoni. Id-differenzi bejn l-Istati Membri jistgħu jħallu impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għall-edukazzjoni, il-libertà professjonali u d-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għall-asil, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal, is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali u l-kura tas-saħħa, kif definiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.3.

Il-KESE jilqa’ l-iżvilupp ta’ sistema li tiġbor, torganizza u xxerred informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu taħt l-awspiċi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil. Hija tirrappreżenta l-bażi għal deċiżjonijiet dwar armonizzazzjoni reali ta’ deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Madankollu mhuwiex ċar sa liema punt l-awtoritajiet nazzjonali se jikkunsidraw l-informazzjoni pprovduta kif ukoll kif jista’ jiġi żgurat li jagħmlu dan. Sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet diverġenti ħafna, is-sistema għandha tipprovdi indikazzjoni sempliċi u ċara ta’ pajjiżi li huma kkunsidrati mhux sikuri.

2.4.

Fir-rigward tal-Artikolu 7 dwar l-atturi ta’ protezzjoni huwa importanti li jiġu evalwati b’mod korrett il-kapaċitajiet tal-atturi privati u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipprovdu protezzjoni. Minħabba riżorsi skarsi u inċertezza legali huwa diffiċli ħafna, kemm biex tiġi żgurata protezzjoni b’saħħitha kif ukoll fit-tul, speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ gwerra ċivili jew repressjonijiet governattivi intensi.

2.5.

Il-protezzjoni interna possibbli li applikant jista’ jirċievi hija fattur rilevanti biex jiġi ddeterminat l-għoti ta’ protezzjoni. L-awtoritajiet rilevanti għandhom jikkunsidraw il-firxa sħiħa ta’ riskji li spostament intern jista’ joħloq għas-sigurtà individwali. It-territorji sikuri malajr jistgħu jsiru perikolużi, għal varjetà ta’ raġunijiet – telfa militari, għajnuna barranija u interventi, sabutaġġ u attakki terroristiċi. Għalkemm l-Artikolu 8 huwa ċar fid-definizzjoni ta’ xi tfisser li tkun sikur – inkluż l-ivvjaġġar sikur u d-disponibbiltà ta’ protezzjoni, huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali Ewropej li jinterpretaw il-fatti u d-data disponibbli.

2.6.

Id-definizzjoni ta’ atti ta’ persekuzzjoni fl-Artikolu 9 hija komprensiva, skont l-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati (il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra). Dan l-artikolu, flimkien mal-Artikolu 10 dwar ir-raġunijiet għal persekuzzjoni u l-Artikolu 6 dwar l-atturi ta’ persekuzzjoni jew ħsara gravi, għandhom jiġu interpretati b’mod li jitqiesu l-atti ta’ persekuzzjoni mwettqa kemm mill-awtoritajiet statali kif ukoll mill-atturi mhux statali. Il-prattika ta’ repressjoni politika u l-gwerer interni juru li atti vjolenti jitwettqu minn diversi gruppi paramilitari u viġilanti taħt l-ogħla protezzjoni tal-awtoritajiet tal-istat li normalment jinnegaw kwalunkwe involviment.

2.7.

Il-KESE ilu jisħaq dwar l-armonizzazzjoni tal-kontenut tal-protezzjoni mogħtija lir-refuġjati u lill-persuni li jkollhom protezzjoni sussidjarja (1). Il-kontenut tal-protezzjoni kien xprun ewlieni ieħor għal movimenti sekondarji fl-Unjoni. Iżda b’mod kruċjali, il-Kumitat irrakkomanda li l-armonizzazzjoni għandha timmira għall-ogħla livell ta’ protezzjoni u mhux l-aktar wieħed baxx. Il-proposta tal-Kummissjoni tippreżenta numru ta’ passi pożittivi f’din id-direzzjoni.

2.8.

Hija neċessarja kjarifika dwar l-għoti ta’ informazzjoni, permessi ta’ residenza u dokumenti tal-ivvjaġġar. Ta’ min jinnota li l-aċċess għas-suq tax-xogħol ġie ċċarat u l-livell ta’ protezzjoni żdied, pereżempju fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-libertà ta’ affiljazzjoni u l-aċċess għal opportunitajiet ta’ edukazzjoni relatati mal-impjieg, fejn il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għandhom l-istess drittijiet bħal dawk ta’ ċittadini tal-Istati Membri. Dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki, is-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-kura tas-saħħa.

2.9.

L-aċċess għall-miżuri ta’ integrazzjoni – korsijiet tal-lingwa, programmi ta’ orjentazzjoni u integrazzjoni ċivika u t-taħriġ vokazzjonali – huma elementi ewlenin ta’ integrazzjoni b’suċċess. Il-miżuri li jiffaċilitaw l-integrazzjoni huma milqugħa tajjeb ħafna u għandhom jitħeġġu.

2.10.

Fl-istess ħin, li miżuri ta’ parteċipazzjoni fl-integrazzjoni jkunu prekundizzjoni biex jaċċessaw servizzi oħra bħall-assistenza soċjali (ara l-Artikolu 34) jista’ joħloq il-problemi u l-formulazzjoni għandha ssir b’attenzjoni. Il-miżuri ta’ integrazzjoni għandhom ikunu aċċessibbli ħafna u utli biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni. Il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu esklużi minn miżuri ta’ integrazzjoni u minn servizzi li għalihom il-parteċipazzjoni fil-miżuri ta’ integrazzjoni hija meħtieġa, pereżempju t-tagħlim tal-lingwi, l-edukazzjoni u l-impjiegi.

3.   Kummenti dwar il-proposta għar-Regolament dwar il-Proċedura Komuni

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta u l-għan maħsub li tiġi stabbilita proċedura tassew komuni għall-protezzjoni internazzjonali li hija effiċjenti, ġusta u bilanċjata. L-għażla ta’ strument – regolament li japplika direttament fl-Istati Membri kollha – hija meħtieġa sabiex jintlaħaq livell ogħla ta’ armonizzazzjoni u uniformità akbar fl-eżitu tal-proċeduri tal-asil fl-Istati Membri kollha. Il-KESE jikkunsidra r-regolament bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, jillimita l-movimenti sekondarji bejn l-Istati Membri u b’hekk ikun iffaċilitat l-eżerċizzju tal-prinċipju ta’ solidarjetà.

3.2.

Il-proċeduri għandhom ikunu ċari u jiżguraw il-previdibilità. Iż-żamma tal-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur sabiex applikant jaċċedi għall-proċedura u għall-konklużjoni tal-eżami ta’ applikazzjonijiet fil-livell amministrattiv u ġudizzjarju huwa raġonevoli.

3.3.

Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet, id-definizzjoni ta’ talbiet infondati u inammissibbli trid tiġi ċċarata.

3.4.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għoti ta’ assistenza mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil lill-Istati Membri li jirċievu għadd sproporzjonat ta’ applikazzjonijiet simultanji.

3.5.

Il-KESE jilqa’ l-istabbiliment ta’ garanziji proċedurali li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-applikanti. Dan huwa qasam fejn il-pożizzjoni tal-Kumitat minn dejjem kienet ċara. L-applikanti kollha li jilħqu Stat Membru jinsabu fi stat ta’ vulnerabbiltà, u kważi kollha jkunu vvjaġġaw distanzi twal u wara li jkunu esperjenzaw diffikultajiet u periklu. Hemm ostakli lingwistiċi, kulturali u psikoloġiċi li jridu jingħelbu sabiex jadattaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet. Minkejja li l-proċeduri ġodda proposti huma aktar ċari, huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jridu jimplimentawhom. Jekk l-awtoritajiet ikollhom diffikultajiet jaħdmu mal-proċeduri l-ġodda, jeħtieġ li jiġu identifikati forom ta’ għajnuna u appoġġ.

3.6.

Fir-rigward tal-intenzjoni li jiġu armonizzati r-regoli dwar pajjiżi sikuri, b’mod ġenerali l-KESE jappoġġja l-bidla progressiva lejn armonizzazzjoni sħiħa billi l-listi tal-pajjiżi sikuri nazzjonali jiġu sostitwiti b’listi Ewropej jew indikazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament (2).

3.7.

F’termini tal-proċedura ta’ appell, il-proposta tal-KE tistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv, b’limiti ta’ żmien espliċiti u b’effett sospensiv awtomatiku, ħlief f’każijiet ta’ rifjut ta’ ammissjoni fi proċeduri aċċelerati, nuqqas ta’ dħul mill-ewwel pajjiż ta’ asil u l-applikazzjoni sussegwenti, rifjuti minħabba l-irtirar impliċitu jew espliċitu, u deċiżjonijiet dwar rikors preċedenti.

3.8.

Il-perjodu li għalih tingħata protezzjoni għandu impatt dirett fuq il-prospetti ta’ integrazzjoni. Il-perjodu għandu jkun twil biżżejjed biex jipprovdi inċentivi għall- benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, l-awtoritajiet u min iħaddem.

4.   Kummenti dwar id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza

4.1.

Il-KESE kien promotur attiv tal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mhux biss biex jitnaqqsu l-movimenti sekondarji tagħhom iżda primarjament biex jiżdiedu l-possibilitajiet tagħhom ta’ integrazzjoni b’suċċess u protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali.

4.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rekwiżit li l-Istati Membri jrid ikollhom lesti pjani ta’ kontinġenza biex tiġi żgurata akkoljenza xierqa tal-applikanti f’każi fejn iħabbtu wiċċhom ma’ għadd sproporzjonat ta’ applikanti.

4.3.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan stabbilit mill-Kummissjoni biex tiżdied l-awtonomija tal-applikanti u l-prospetti ta’ integrazzjoni possibbli. Dan l-objettiv huwa konformi mal-pożizzjoni tal-Kumitat li huwa favur aċċess aktar rapidu għas-suq tax-xogħol kif ukoll aċċess għal servizzi u programmi li jiffaċilitaw l-integrazzjoni (pereżempju fir-rigward ta’ lingwa). Għalhekk it-tnaqqis tal-limitu ta’ żmien għall-aċċess għas-suq tax-xogħol minn sa mhux aktar minn disa’ xhur sa mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta titressaq l-applikazzjoni huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara l-Opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija“COM(2009) 551 finali/2 – 2009/0164 (COD)” (ĠU C 18, 19.1.2011, p. 80).

(2)  Il-pożizzjoni tal-KESE dwar is-suġġett kienet ifformulata fl-Opinjoni dwar l-“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ‘Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi lista komuni tal-UE ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u li jemenda d-Direttiva 2013/32/UE’ [COM(2015) 452 final]” (ĠU C 71, 24.2.2016, p. 82).


Top