Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015TA1209(24)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

    ĠU C 409, 9.12.2015, p. 216–222 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 409/216


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

    (2015/C 409/24)

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà) (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EMSA”), li tinsab f'Lisbona, twaqqfet bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompiti tal-Aġenzija huma li tiżgura livell għoli ta' sigurtà marittima u li tipprevjeni tniġġis mill-vapuri, tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u timmonitorja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll li tevalwa l-effettività tagħha (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta' superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b'evidenza pprovduta mix-xogħol ta' awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi (5):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta' sistema ta' kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta' rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta' politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta' stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur Eżekuttiv japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi u l-konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta' sistema ta' kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta' irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta' fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta' dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta' nuqqas ta' konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta' bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta' superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet. Fit-tħejjija ta' dan ir-rapport u d-Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni, il-Qorti qieset ix-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Aġenzija kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (8).

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

    10.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b'rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta' Settembru 2015.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta' informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta' spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.

    (8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2011

    Il-Qorti identifikat il-ħtieġa li tittejjeb il-ġestjoni tal-assi tal-Aġenzija. Hemm differenzi mhux spjegati bejn id-deprezzament annwali u dak akkumulat irreġistrati. Għal assi intanġibbli maħluqa internament, il-proċeduri kontabilistiċi u l-informazzjoni dwar l-ispejjeż mhumiex affidabbli. Hemm nuqqas ta’ evidenza ta’ inventarju fiżiku tat-tagħmir amministrattiv fil-perjodu meħtieġ.

    Ikkompletata għall-inventarju fiżiku

    Għadha għaddejja għall-assi intanġibbli maħluqa internament

    2012

    Proċeduri kontabilistiċi u informazzjoni fir-rigward ta’ spejjeż għal assi intanġibbli ġġenerati internament mhumiex kompletament affidabbli.

    Għadha għaddejja


    ANNESS II

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (Lisbona)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

    (L-Artikolu 100 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Politika komuni tat-trasport

    “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u tal-ajru.”

    Kompetenzi tal-Aġenzija

    (Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendat bir-Regolamenti (KE) Nru 1644/2003 u (KE) Nru 724/2004 u r-Regolament (UE) Nru 100/2013)

    Objettivi

    L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima ġiet stabbilita bl-iskop li jiġi żgurat livell għoli, uniformi u effettiv ta' sigurtà marittima, sikurezza marittima u prevenzjoni ta' u reazzjoni għal tniġġis mill-bastimenti fl-Unjoni.

    L-Aġenzija tipprovdi l-assistenza teknika u xjentifika meħtieġa, u livell għoli ta' għarfien espert lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, sabiex tgħinhom:

    japplikaw b'mod xieraq il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis mill-bastimenti;

    jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħha;

    jevalwaw l-effettività tal-miżuri fis-seħħ.

    L-Aġenzija tipprovdi wkoll mezzi operazzjonali, fuq talba, kif ukoll assistenza teknika u xjentifika, biex tgħin lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirreaġixxu għal tniġġis marin mill-bastimenti fl-UE.

    Kompiti

    L-aħħar emenda kompliet tirfina l-mandat tal-Aġenzija, li ppermetta lill-EMSA tassisti aħjar lill-Kummssjoni u lill-Istati Membri fil-kompiti ewlenin tagħha u tagħmel użu usa' mir-riżorsi tagħha biex tgħin lill-Istati Membri tal-UE jirreaġixxu għal tniġġis ikkawżat mill-bastimenti kif ukoll għal tniġġis marin ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass. Barra minn hekk, ġew introdotti kompiti anċillari, bil-possibbiltà li l-Aġenzija tuża l-għarfien espert u l-għodod tagħha għal attivitajiet oħra tal-UE relatati mal-politika tat-trasport marittimu tal-Unjoni.

    Il-kompiti tal-Aġenzija huma maqsumin b’mod wiesa’ f’erba’ oqsma ewlenin f’konformità mar-Regolament fundatur tagħha u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. L-ewwel nett, l-Aġenzija tassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata, fost affarijiet oħra, mal-perizji u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti, iċ-ċertifikazzjoni ta’ tagħmir marin, is-sikurezza tal-bastimenti, it-taħriġ tal-baħħara u l-kontroll tal-istat tal-portijiet.

    It-tieni nett, l-Aġenzija tiżviluppa u topera kapaċitajiet ta' informazzjoni marittima fil-livell tal-UE. Eżempji sinifikanti huma s-SafeSeaNet, is-sistema ta’ monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti biex ikun jista' jsir it-traċċar ta’ bastimenti u l-merkanziji tagħhom, u ta' aċċidenti u inċidenti madwar l-UE; iċ-Ċentru Kooperattiv tad-Data LRIT tal-UE, biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni u t-traċċar ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE, madwar id-dinja; u t-THETIS, is-sistema ta' informazzjoni biex tiġi appoġġata s-sistema l-ġdida ta' kontroll tal-istat tal-portijiet.

    B’mod parallel, il-kapaċità ta' stat ta’ tħejjija, detezzjoni u reazzjoni għal tniġġis marin hija pprovduta mill-EMSA lill-istati kostali. Din tinkudi Netwerk Ewropew ta’ Bastimenti Lesti biex Jirreaġixxu għal Tixrid taż-Żejt kif ukoll servizz Ewropew ta’ detezzjoni bis-satellita ta' tixrid taż-żejt u ta’ bastimenti (CleanSeaNet), li jikkontribwixxu għal sistema effettiva għall-protezzjoni tax-xtut u l-ilmijiet tal-UE minn tniġġis mill-bastimenti.

    Fl-aħħar nett, l-Aġenzija tipprovdi parir tekniku u xjentifiku lill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn bastimenti fil-proċess kontinwu ta’ evalwazzjoni tal-effettività tal-miżuri fis-seħħ, u fl-aġġornament u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida. Hija tipprovdi wkoll appoġġ lil, u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn, l-Istati Membri, u xxerred informazzjoni dwar l-aħjar prattika.

    Governanza

    Bord Amministrattiv

    Kompożizzjoni

    Rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u erba’ rappreżentanti mingħajr id-dritt għall-vot mis-setturi professjonali kkonċernati.

    Kompiti

    Li jadotta l-pjan ta’ politika pluriennali tal-persunal, il-baġit annwali, il-programm ta’ ħidma, ir-rapport annwali u pjan dettaljat għall-attivitajiet tal-Aġenzija fir-rigward tal-istat ta' tħejjija u r-reazzjoni għal tniġġis;

    li jissorvelja x-xogħol imwettaq mid-Direttur Eżekuttiv.

    Direttur Eżekuttiv

    Maħtur mill-Bord Amministrattiv. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi kandidat wieħed jew aktar.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awditu intern

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Il-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija (IAC).

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2014 (2013)

    Baġit Finali

    Approprjazzjonijiet ta’ Impenn (C1)

    EUR 52,4 (57,8) miljun

    Approprjazzjonijiet ta’ Pagament (C1)

    EUR 52,7 (54,0) miljun

    Baġits emendatorji ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jkopru varjetà ta’ sorsi ta’ fondi, fejn C1 ikun kważi s-sors esklussiv ta’ fondi. Għall-finijiet ta' ċarezza u trasparenza, approprjazzjonijiet tal-baġit C1 li huma predominanti u għalhekk rilevanti biss huma kkwotati. Iċ-ċifri jirriflettu ċ-ċifri finali (baġit emendat).

    Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2014

    Persunal Statutorju

    210 (213-il post) postijiet awtorizzati fit-tabella tal-persunal, li minnhom okkupati: 198 (203)

    Persunal kuntrattwali

    30 (29) post ippjanat fil-baġit, li minnhom okkupati: 27 (25). L-Aġenzija rreklutat ukoll ħames membri addizzjonali tal-persunal kuntrattwali ffinanzjati mill-proġetti.

    Esperti Nazzjonali Sekondati

    18 (15)-il post ippjanat fil-baġit, li minnhom okkupati: 15 (14)

    N.B.: Fir-rigward ta' postijiet statutorji, l-EMSA ħadet inkunsiderazzjoni l-mira ta' 207 postijiet li kellhom jiġu implimentati fl-1 ta' Jannar 2015 aktar milli l-għadd ta' postijiet (210) awtorizzati fit-tabella tal-persunal għall-2014.

    Prodotti u servizzi 2014 (2013)

    61 (53) sessjoni ta’ ħidma u avvenimenti oħra (b’1  689(1  424) parteċipant fis-sessjonijiet ta’ ħidma);

    45 (35) sessjoni ta’ taħriġ differenti li rriżultaw fit-taħriġ ta’ 812-il (861) espert nazzjonali;

    64 (74) spezzjoni u żjarat;

    L-SSN (SafeSeaNet) kienet 99,74 % (99,43 %) disponibbli matul is-sena;

    2  521 (2  547) immaġni tas-satellita ordnata u analizzata permezz ta' CleanSeaNet;

    Iċ-Ċentru tad-Data LRIT tal-UE kien 99,53 % disponibbli matul is-sena;

    17 (16)-il bastiment kontra t-tniġġis ikkuntrattat;

    71 (69) eżerċizzju ta’ taħriġ u 26 (21) eżerċizzju bil-bastimenti kontra t-tniġġis (12-il (10 eżerċizzji) eżerċizzju operazzjonali u 14 (11)-il eżerċizzju ta’ notifika);

    Is-Servizzi ta' Appoġġ Marittimu tal-EMSA li joperaw fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum;

    It-THETIS kienet 99,64 % (99,61 %) disponibbli matul is-sena.

    Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


    IR-RISPOSTA TAL-AĠENZIJA

    L-Aġenzija ħadet nota tar-rapport tal-Qorti.


    Top