Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015PC0474

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

COM/2015/0474 final - 2015/0228 (NLE)

Brussell, 1.10.2015

COM(2015) 474 final

2015/0228(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, it-tiġdid tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania Wara t-tlestija ta' dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ġdid min-negozjaturi fl-10 ta' Lulju 2015. Dan ikopri perjodu ta' erba' snin li jibda mid-data tal-applikazzjoni provviżorja stipulata mill-Artikolu 14, jiġifieri mid-data tal-iffirmar tiegħu.

L-għan tal-Protokoll huwa li joffri opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet tal-Mauritania filwaqt li jitqiesu l-valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli, b’mod speċjali dawk tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF), u skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli. Il-Kummissjoni sejset il-pożizzjoni tagħha, fost l-oħrajn, fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni li tħares lejn il-ġejjieni, li saret minn esperti esterni, dwar jekk għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid.

L-objettiv huwa wkoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania favur l-istabbiliment ta’ qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttar responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, fl-interess taż-żewġ Partijiet.

Il-protokoll jipprevedi l-opportunitajiet ta' sajd fil-kategoriji tas-sajd li ġejjin :

Kategorija 1: Bastimenti tas-sajd għal krustaċji ħlief l-awwista u l-granċ: 5000 tunnellata u 25 bastiment;

Kategorija 2 - Bastimenti tat-tkarkir mingħajr friża u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-marlozz l-iswed: 6000 tunnellata u 6 bastimenti;

Kategorija 3: Bastimenti tas-sajd għal speċijiet demersali ħlief il-marlozz iswed u b’irkaptu li ma jinvolvix xbieki tat-tkarkir: 3000 tunnellata u 6 bastimenti;

Kategorija 4 - Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni: 12 500 tunnellata (tunnellaġġ ta' referenza) u 25 bastiment;

Kategorija 5 - Bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasba u x-xlief u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: 7 500 tunnellata (tunnellaġġ ta' referenza) u 15-il bastiment;

Kategorija 6: Bastimenti mgħammra bi friża għas-sajd pelaġiku bit-tkarkir: 247 500 tunnellata u 19-il bastiment;

Kategorija 7 - Bastimenti tas-sajd pelaġiku frisk: 15 000 tunnellata (imnaqqsa mill-volum tal-kategorija 6 jekk jintużaw) u 2 bastimenti.

Għandu jiġi ddefinit il-metodu għall-allokazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jadotta l-proposta għar-Regolament mehmuża.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-Protokoll 2012-2014. Saru konsultazzjonijiet ukoll mal-esperti mill-Istati Membri waqt il-laqgħat tekniċi. Minn dawn il-konsultazzjonijiet ħareġ li jkun ta’ benefiċċju li jiġġedded il-Ftehim u li jiġi konkluż protokoll dwar is-Sajd mar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din il-proċedura qed tinbeda fl-istess ħin mal-proċeduri marbuta mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja kif ukoll il-konklużjoni tal-Protokoll.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-kontibuzzjoni finanzjarja annwali hija ta' EUR 59 125 000 kull sena, abbażi ta':

a) qabda totali permissibbli ta' 261 500 tunnellata għall-kategoriji tas-sajd 1, 2, 3, 6 u 7 u tunnellaġġ ta' referenza ta' 20 000 tunnellata għall-kategoriji tas-sajd 4 u 5 tal-Protokoll, li jikkorrispondu għal ammont marbut mal-aċċess ta' EUR 55 000 000 kull sena u

b) appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania li jammonta għal EUR 4 125 000 fis-sena. Dan l-appoġġ jissodisfa l-għanijiet tal-politika nazzjonali tas-sajd u partikolarment il-bżonnijiet tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania fir-rigward tal-appoġġ tal-kooperazzjoni xjentifika u teknika, tat-taħriġ, tal-monitoraġġ tas-sajd, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-iżvilupp tal-infrastruttura.

2015/0228 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-30 ta’ Novembru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1801/2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim tas-Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (minn hawn 'il quddiem, “il-Ftehim ta’ Sħubija”) 1 .

(2)Fl-10 ta' Lulju 2015, l-Unjoni u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania inizjalaw Protokoll ġdid tal-Ftehim ta' Sħubija (minn hawn 'il quddiem, "il-Protokoll"). Dan il-Protokoll jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd li fiha r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha.

(3)Fil-[…], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru .../2015/UE 2 dwar l-iffirmar tal-Protokoll u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

(4)Il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandu jiġi ddefinit għall-perjodu tal-applikazzjoni tal-Protokoll.

(5)Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 3 , jekk jirriżulta li l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni bis-saħħa tal-Protokoll ma jkunux qed jintużaw għal kollox, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan. F’każ li ma tintbagħatx risposta qabel ma jiskadi limitu ta' żmien li għandu jiġi ffissat mill-Kunsill, dan għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd tas-sajd matul il-perjodu kkunsidrat. Jeħtieġ li din l-iskadenza tiġi stabbilita.

(6)Dan ir-Regolament għandu għalhekk japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll,

(7)

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.L-opportunitajiet tas-sajd iffissati fil-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta’ erba' snin (minn hawn 'il quddiem, “il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)Kategorija 1: Bastimenti tas-sajd għal krustaċji ħlief l-awwista u l-granċ

Spanja

   4,150 tunnellata

L-Italja

   600 tunnellata

Il-Portugall

   250 tunnellata

F'din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt, massimu ta’ 25 bastiment jistgħu jiġu mibgħuta fl-ibħra tal-Mauritania.

(b)Kategorija 2- Bastimenti tat-tkarkir (mingħajr friża) u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-marlozz l-iswed

Spanja

6,000 tunnellata

F'din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt, massimu ta’ 6 bastiment jistgħu jiġu mibgħuta fl-ibħra tal-Mauritania.

(c)Kategorija 3: Bastimenti tas-sajd għal speċijiet demersali ħlief il-marlozz iswed u b’irkaptu li ma jinvolvix xbieki tat-tkarkir

Spanja    3,000 tunnellata

F'din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt, massimu ta’ 6 bastiment jistgħu jiġu mibgħuta fl-ibħra tal-Mauritania.

(d)Kategorija 4 - Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni

Spanja    17-il liċenzja annwali

Franza    8 liċenzji annwali

(e)Kategorija 5 - Bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

Spanja    14-il liċenzja annwali

Franza    Liċenzja waħda annwali

(f)Kategorija 6: Bastimenti mgħammra bi friża għas-sajd pelaġiku bit-tkarkir

Il-Ġermanja    12,560 tunnellata

Franza    2,615 tunnellata

Il-Latvja    53,913 tunnellata

Il-Litwanja    57,642 tunnellata

In-Netherlands    62,592 tunnellata

Il-Polonja    26,112 tunnellata

Ir-Renju Unit    8,531 tunnellata

L-Irlanda    8,535 tunnellata

Kull sena tal-validità tal-protokoll, l-għadd li ġej ta’ liċenzji ta’ tliet xhur għandhom jinżammu mill-Istati Membri:

Il-Ġermanja    4

Franza    2

Il-Latvja    20

Il-Litwanja    22

In-Netherlands    16

Il-Polonja    8

Ir-Renju Unit    2

L-Irlanda    2

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk ċerti liċenzji jistgħux jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Stati Membri oħra.

F'din il-kategorija, fi kwalunkwe waqt massimu ta’ dsatax-il bastiment jistgħu jiġu mibgħuta fl-ibħra tal-Mauritania.

(g)Kategorija 7 - Bastimenti tas-sajd pelaġiku li ma jkunux mgħammra bi friża

L-Irlanda            15,000 tunnellata

F’każ li ma jintużawx, dawn l-opportunitajiet ta’ sajd jistgħu, jiġu ttrasferiti għall-kategorija 6 skont il-kriterji ta’ allokazzjoni ta’ dik il-kategorija. L-Irlanda għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju ta’ kull sena ta’ validità tal-Protokoll, jekk l-opportunitajiet tas-sajd jistgħux isiru disponibbli għal Stati Membri oħra.

2. Jekk l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd imniżżla fil-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tqis l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

3.Id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħatawlhom skont il-Ftehim, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, għandha tkun ta’ għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex qed jintużaw kollha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja (ĠU L 343, 8.12.2006, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni (UE) ... tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti bil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta’ erba' snin (ĠU L ..... ta' ......, p. ....).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).
Top