Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IE0898

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ħżin tal-enerġija: fattur tal-integrazzjoni u tas-sigurtà tal-enerġija (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 383, 17.11.2015, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 383/19


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-ħżin tal-enerġija: fattur tal-integrazzjoni u tas-sigurtà tal-enerġija

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2015/C 383/04)

    Relatur:

    is-Sur Pierre-Jean COULON

    Nhar it-22 ta’ Jannar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Il-ħżin tal-enerġija: fattur tal-integrazzjoni u tas-sigurtà tal-enerġija.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2015.

    Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’unanimità (131 vot favur).

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jitlob li l-miri tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni Ewropea jwasslu għal sehem ikbar tal-enerġiji rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija. Il-Kumitat, b’mod konsistenti, dejjem appoġġja l-enerġiji rinnovabbli; sistema tal-enerġija sostenibbli magħmulha fil-biċċa l-kbira tagħha mill-enerġija rinnovabbli hija l-uniku soluzzjoni fit-tul għall-ġejjieni tagħna fil-qasam tal-enerġija. Il-Kumitat jinnota kemm hu importanti li jiżdiedu elementi oħra fis-sistema tal-enerġija.

    1.2.

    L-enerġiji rinnovabbli huma irregolari għalhekk kemm huma kif ukoll l-iżvilupp tagħhom huma sfida kbira f’termini ta’ ħżin. Il-ħżin huwa wkoll kwistjoni strateġika għall-Unjoni Ewropea biex b’mod permanenti tkun tista’ tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni u suq tal-enerġija vijabbli, u dan kemm mil-lat teknoloġiku kif ukoll mil-lat ta’ spiża. Din il-kwistjoni għalhekk għandha post prominenti fl-aġenda Ewropea u hija prijorità, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Unjoni tal-Enerġija li tnediet fi Frar 2015.

    1.3.

    F’opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE enfasizza l-kwistjoni tal-ħżin bħala “sfida, opportunità u neċessità assoluta.” Fiha jenfasizza l-importanza li tirnexxi t-tranżizzjoni tal-enerġija fl-UE, u jitlob li jiġu implimentati l-mezzi kollha sabiex jinkisbu riżultati konkreti u fuq skala kbira għall-ħżin tal-enerġija.

    1.4.

    Il-KESE jirrikonoxxi li fejn jidħol ħżin jeżistu bosta soluzzjonijiet, u t-teknoloġiji jinsabu fi stadji ta’ żvilupp teknoloġiku u industrijali differenti.

    1.5.

    Il-KESE ifakkar li l-ħżin tal-enerġija, flimkien mal-vantaġġi tiegħu, jista’ jkun ukoll spiża kbira mil-lat finanzjarju, ambjentali u sanitarju. Għalhekk jitlob li jsiru studji tal-impatt li b’mod sistematiku jivvalutaw il-kompetittività tat-teknoloġiji kif ukoll l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u s-saħħa. Il-KESE iqis importanti wkoll li jiġu vvalutati l-effetti ta’ dawn it-teknoloġiji fl-oqsma tal-ħolqien tal-attivitajiet u l-impjiegi.

    1.6.

    Il-KESE jitlob li jiżdiedu l-investimenti u r-riċerka u l-iżvilupp dwar il-ħżin tal-enerġija u jitlob ukoll għal aktar sinerġija Ewropea f’dan il-qasam, sabiex jonqsu l-ispejjeż tat-tranżizzjoni tal-enerġija, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista kif ukoll għall-ġid tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Il-KESE jappoġġja l-bżonn ta’ armonizzazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri f’termini ta’ ħżin tal-enerġija.

    1.7.

    Il-KESE jappella wkoll għal djalogu pubbliku dwar l-enerġija fl-Ewropa kollha – id-djalogu Ewropew dwar l-Enerġija – biex iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili kollha jħaddnu it-tranżizzjoni tal-enerġija u jkunu jistgħu jinfluwenzaw l-għażliet futuri relatati mat-teknoloġiji tal-ħżin tagħha.

    1.8.

    Il-KESE jfakkar fl-importanza tal-gass fit-taħlita tal-enerġija u l-importanza li għandha għas-sigurtà tal-enerġija għaċ-ċittadini. Il-KESE jitlob li l-ħżin jitħeġġeġ f’dan is-settur b’mod li l-Istati Membri kollha, b’mod solidari, jista’ jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ir-riżervi.

    2.   Nirnexxu fit-tranżizzjoni tal-enerġija u niżugraw is-sigurtà tal-enerġija

    2.1.

    Il-provvista u l-ġestjoni tal-enerġija huma prijorità politika u soċjoekonomika prinċipali kif ukoll element kruċjali sabiex tkun tista’ tirnexxi t-tranżizzjoni tal-enerġija u jiġu indirizzati l-isfidi tal-klima. Għalkemm id-domanda għall-enerġija fi ħdan l-UE qiegħda tonqos (il-konsum tal-enerġija beda jonqos fl-2006 u llum nikkunsmaw bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta’ enerġija li konna nikkunsmaw fid-disgħinijiet), l-installazzjoni dejjem tikber ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti żiedet il-bżonn tal-ħżin tal-enerġija, li ser jaqdi rwol esssenzjali f’ħafna setturi (kumpens għall-varjabbiltà, karozzi elettriċi, id-difiża, eċċ.) u ser jikkostitwixxi kwistjoni strateġika għall-Ewropa u l-industrija tagħha. Għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni tal-ħżin tal-enerġiji rinnovabbli hija wkoll wieħed argument ewlieni tal-opponenti ta’ dawn l-enerġiji.

    2.2.

    Filwaqt li l-maġġoranza tal-enerġija primarja (il-gass, iż-żejt mhux maħdum jew il-faħam) tinħażen faċilment, għad hemm mistoqsijiet rigward id-daqs, il-prezz u l-post tal-installazzjonijiet strateġiċi ta’ ħżin. Is-sors kbir l-ieħor ta’ enerġija primarja, l-enerġiji rinnovabbli, ivarjaw bejniethom f’termini ta’ ħżin. L-enerġija idrawlika tista’ ta’ spiss tinkiseb mill-ilma maħżun fil-lagi u l-ġibjuni. Filwaqt li l-bijomassa tista’ tinħażen b’mod relattivament faċli, għalissal-ħżin tal-enerġija solari u tar-riħ, li ħafna drabi tintuża għall-produzzjoni tal-elettriku, jista’ jsir biss permezz ta’ proċess intermedjarju, kumpless u għali.

    3.   Prijorità għall-Ewropa

    3.1.

    Il-Kummissjoni Ewropea analizzat il-possibbiltajiet tad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u fl-2011 ippubblikat Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 li jressaq bosta xenarji għall-2050. Sabiex jintlaħqu s-suppożizzjonijet dwar id-dekarbonizzazzjoni, is-settur tal-elettriku jrid jiddependi minn ammont kbir ta’ enerġiji rinnovabbli, bejn 59 % u 85 % u ħafna minnhom ikunu ġejjin minn enerġija rinnovabbli varjabbli. F’Komunikazzjoni sussegwenti tal-2014 – “Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija fil-perijodu ta’ bejn l-2020 u l-2030” – ġiet konfermata t-triq lejn id-dekarbonizzazzjoni u ġie indikat li s-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kien kważi 45 % tal-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-2030. Dan jikkonforma mal-miri li qablu dwarhom il-mexxejja tal-UE fit-23 ta’ Ottubru 2014 fil-kuntest tal-qafas ta’ politika għall-2030. Is-sehem sinifikanti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema tal-elettriku teħtieġ għexieren, anke mijiet, ta’ gigawatts ta’ kapaċità ta’ ħażna fin-netwerk tal-elettriku, anki meta jintużaw miżuri ta’ flessibilità oħrajn.

    3.2.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea poġġiet il-ħżin tal-elettriku fost l-oqsma ta’ prijorità tagħha u enfasizzat bosta drabi ir-rwol kruċjali tiegħu. Għalhekk, fid-dokument ta’ ħidma tagħha tal-2013 dwar il-ħżin tal-enerġija (http://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/energy_storage.pdf), tappella għal koordinazzjoni aħjar bejn dan is-suġġett u l-oqsma ta’ politika ewlenin oħra tal-UE, bħall-klima. Il-ħżin tal-enerġija għandu jkun integrat u appoġġjat mill-miżuri u l-atti leġislattivi rilevanti kollha tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk futuri, inklużi wkoll l-istrateġiji tal-infrastruttura tal-enerġija. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Unjoni tal-Enerġija (tal-25 ta’ Frar 2015), il-Kummissjoni tfakkar li “L-Unjoni Ewropea hija impenjata li ssir il-mexxej dinji fl-enerġija rinnovabbli, iċ-ċentru globali fejn tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ enerġiji rinnovabbli teknikament avvanzati u kompetittivi. L-UE stabbiliet mira tal-UE ta’ mill-inqas 27 % għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli kkunsmata fl-UE fl-2030.” Il-Kummissjoni beħsiebha tippromovi strateġija ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni: “Jekk l-Unjoni Ewropea tal-Enerġija trid tkun in-numru wieħed fl-enerġija rinnovabbli, għandha tmexxi l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji rinnovabbli kif ukoll is-soluzzjonijiet ta’ ħażna.”

    3.3.

    Il-konklużjonijiet tal-aħħar Forum ta’ Madrid jindikaw li “il-Forum jafferma r-rwol strateġiku tal-ħżin tal-gass għas-sigurtà tal-provvista fl-UE.” Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-ħżin tal-gass.

    4.   Żviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-ħżin

    4.1.

    Is-soluzzjonijiet għall-ħżin tal-elettriku jinqasmu f’erba’ kategoriji ewlenin. L-enerġija tista’ tinħażen f’forom differenti (elettriku, gass, idroġenu, sħana, kesħa), skont il-ħtiġijiet u l-limiti tagħha, qrib siti tal-produzzjoni, fuq netwerks tal-enerġija jew qrib ta’ fejn tkun ser tintuża:

    l-enerġija mekkanika potenzjali [diga idroelettrika, impjanti tat-trasferiment tal-enerġija ppompjata (PSP: pumped-storage power plants)/PSP marittimi/ħżin tal-enerġija f’arja kompressata];

    l-enerġija mekkanika kinetika (flajwil);

    l-enerġija elettrokimika (ċelloli, batteriji, capacitors, portaturi tal-idroġenu);

    l-enerġija termali (sħana rieqda jew li tinħass).

    4.2.

    L-iktar mezz ta’ ħżin tal-elettriku popolari fid-dinja huwa l-ħżin idrawliku tal-enerġija bil-pompa bħas-sistemi tal-provvisti tal-elettriku mingħajr interruzzjoni (UPS: uninterruptible power supplies). L-operaturi tan-netwerks tal-elettriku, il-produtturi u l-mexxejja ta’ bini terzjarju reġgħu qed juru interess f’dawn is-sistemi. Il-PSP jippermettu: l-integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli intermittenti b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ u l-enerġija fotovoltajka; kapaċità avvanzata u tqassim tal-perjodi ta’ karga massima; arbitraġġ ekonomiku (iċċarġjar meta d-domanda u l-prezzijiet ikunu baxxi, bejgħ mill-ġdid meta l-prezzijiet u d-domanda jkunu għoljin, permezz ta’ miżuri ta’ aġġustament “soċjali”); tqassim fuq perjodu ta’ żmien tal-investimenti fin-netwerks tal-elettriku. Madankollu, huwa improbabbli li l-kapaċità possibbli tal-ħżin ser tkun biżżejjed biex tpatti għal perjodi twal mingħajr riħ jew xemx f’każ ta’ espensjani kbira ta’ dawn it-tipi ta’ enerġija rinnovabbli.

    4.3.

    Mis-suq tal-ħżin ħarġu wkoll ħames setturi ġodda li fl-għaxar snin li ġejjin ser ikomplu jinfirxu:

    il-ħżin tal-enerġija matul proċessi industrijali termali jew kimiċi li jippermetti t-tneħħija tal-perjodi ta’ karga massima jew it-tqassim tagħhom fil-qafas tal-ottimizzazzjoni tal-konsum tal-elettriku u anki tas-sħana u tal-gass;

    il-ħżin tal-enerġija billi jiġu abbinati n-netwerks tal-elettriku u tal-gass permezz tal-injezzjoni tal-idroġenu mill-elettrolisi jew permezz tal-produzzjoni tal-metan sintetiku mill-metanizzazzjoni (eż: Power to Gas tal-kumpanija Ġermaniża DENA (www.powertogas.info)];

    il-ħżin tal-elettriku għaż-żoni u l-bini residenzjali fil-qafas tal-adattament tal-bini u “ġżejjer” intelliġenti jew ta’ enerġija pożittiva (il-proġett Nicegrid fi Franza);

    il-ħżin mobbli tal-elettriku permezz tal-vetturi elettriċi fis-sistemi V2G (vehicle to grid): Toyota, Nissan, Renault, eċċ.;

    l-impjanti tal-akkumulu ppompjat flessibbli, b’veloċità varjabbli u li jistgħu jiġu totalment aġġustati, għas-suq tat-tqassim tal-enerġija.

    4.4.

    Ta’ min wieħed jinnota r-rwol promettenti tal-idroġenu (minkejja li l-prezz tiegħu kif ukoll il-kwistjonijiet ta’sigurtà u trasport jheddu b’mod konsiderevoli l-potenzjal tiegħu): huwa portatur tal-enerġija li ma jerħix gassijiet b’effett ta’ serra meta magħmul minn sors dekarbonizzat u jista’ jintuża b’diversi modi prinċipalment fl-industrija bħal tal-produzzjoni lokali tal-elettriku (forniment f’siti iżolati, ġeneraturi ta’ emerġenza), il-ħżin tal-enerġija (appoġġ għan-netwerk, użu ta’ enerġiji rinnovabbli) jew il-koġenerazzjoni. Huwa jintuża wkoll fit-trasport bl-art (vetturi privati, trasport pubbliku, trasport tal-merkanzija tqila eċċ.), bl-ajru (propulsjoni ajrunawtika totali jew awżiljarja), bil-baħar jew fuq ix-xmajjar (sottomarin, propulsjoni totali jew awżiljarja), ir-raffinerija u l-petrokimika (għall-idroġenu ekoloġiku), mingħajr ma ninsew forom oħra ta’ użu bħat-tagħmir portabbli (chargers esterni jew batteriji integrati). Dan kollu qiegħed jiġi żviluppat bħalissa.

    It-tekniki tal-produzzjoni tal-idroġenu mill-elettrolisi u ċ-ċelloli tal-fjuwil issa huma flessibbli ħafna u disponibbli b’mod mifrux minkejja li xorta mhumiex effiċjenti u dan iżid id-domanda għat-turbini eoliċi jew il-pannelli solari li jirrużulta f’kapaċità żejda fil-qasam. L-idroġenu huwa portatur tal-enerġija essenzjali f’sistemi li jużaw il-flessibbiltà bejn netwerks differenti tal-enerġija (eż. il-Hybrid Power Plant ta’ Berlin). Fejn meħtieġ, l-idroġenu (“metanizzat”) jista’ jiġi prodott minn elettriku rinnovabbli sabiex jiġi injettat fin-netwerks tal-gass, jew jinħażen għad-distribuzzjoni bħala fjuwil jew aġent kimiku, jew anki għal injezzjoni mill-ġdid fil-forma ta’ elettriku. L-idroġenu metanizzat, li għandu l-ogħla potenzjal tal-ħżin tal-enerġija, jista’ jiġi trasportat b’mod sigur u jinħażen (għal perjodi twal) fl-infrastruttura attwali tal-gass (ħżin ġeoloġiku eċċ), jista’ jintuża wkoll sabiex jiġu ffurmati idrokarburi ta’ katina twila (li għandhom diversi applikazzjonijiet: minn idrokaburi għall-fjuwil tal-avjazzjoni sa prodotti oħra bħall-plastik, li bħalissa jsir biss bil-karburanti fossili). Barra minn hekk, il-karbonju idealment preżenti fl-ekonomija ċirkolari (CO2, eċċ.) jerġa’ jintuża mill-ġdid u ma jakkumulax fl-atmosfera. Dan ifisser għalhekk tranżizzjoni mill-produzzjoni ta’ gass b’effett ta’ serra għall-produzzjoni tal-enerġija. Il-produzzjoni tal-idroġenu u tal-elettriku mill-idroġenu tiġġenera s-sħana, għaldaqstant l-użu tagħha jżid ukoll l-interess f’dawn is-soluzzjonijiet. L-idroġenu huwa wieħed mill-portaturi rari li jippermetti arbitraġġ ekonomiku, soċjali u ambjentali bejn is-swieq tal-elettriku u sorsi oħra ta’ enerġija.

    4.5.

    Eżempju tajjeb ieħor huwa l-ħżin f’batterija tal-elettriku prodott mill-pannelli solari matul il-ġurnata. Il-problema tal-pannelli solari installati fuq is-saqaf tad-djar hija li jipproduċu l-elettriku meta d-djar ikunu vojta. Filgħaxija, mar-ritorn tal-okkupanti, ix-xemx ħafna drabi tkun ilha li niżlet u l-pannelli ma jipproduċux aktar enerġija.

    4.6.

    Jidher li kumpanija Ġermaniża skopriet u qed tiżviluppa soluzzjoni possibbli. Din l-intrapriża ħolqot konnessjoni bejn il-komponenti u programm tal-kompjuter flimkien ma’ applikazzjoni għas-smartphones; mill-mobile tagħhom, l-utenti jistgħu jivverifikaw il-livell ta’ charge li għandha l-batterija li taħżen l-elettriku li ġej mill-pannelli solari matul il-ġurnata. Il-kalkoli finanzjarji jindikaw li ħafna drabi l-pannelli solari ta’ dar jipproduċu madwar 25 % u 35 % tal-enerġija li teħtieġ familja u b’din is-soluzzjoni spiss jaqbżu s-70 %. Fid-dawl tal-prezzijiet attwali, ir-redditu fuq l-investiment isir f’madwar 8 snin u l-batteriji huma ggarantiti għal 20 sena.

    4.7.

    Dan huwa inċentiv ukoll għall-mudell ta’ “produzzjoni-konsum familjali” li appoġġja l-KESE f’bosta opinjonijiet tiegħu (il-kunċett ta’ “prosumaturi”, bl-Ingliż “prosumers”).

    4.8.

    Minkejja li jidher li diġà jeżistu bosta soluzzjonijiet, il-potenzjal għal tagħmir addizzjonali għadu limitat. Barra minn hekk jeżistu ostakoli sinifikanti għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda iktar flessibbli, bħall-batteriji lithium-ion jew il-power-to-gas. L-inkonvenjenza prinċipali ta’ dawn is-soluzzjonijet hija l-ispiża u l-kompetittività ekonomika tagħhom, li għadhom maqtugħin ħafna mill-kundizzjonijiet tas-suq, kif ukolli d-daqs li għadu konsiderevoli tal-batteriji. Fit-tbassir tagħha, l’Ademe (Agence française de l’environnement et de la maitrise de l’énergie – Aġenzija tal-ambjent u tal-ġestjoni l-enerġija ta’ Franza – Is-sistemi tal-ħżin tal-enerġija/pjan direzzjonali strateġiku, 2011) tipprevedi spinta fl-industrija tas-sistemi stazzjonarji ta’ ħżin mill-2030 ‘il quddiem. Min-naħa tagħha, l-aġenzija ta’ konsultazzjoni McKinsey (Battery Technology Charges Ahead, McKinsey, 2012) temmen li minkejja li l-prezz tal-ħżin tal-enerġija ser jonqos fis-snin li ġejjin, l-iskala u l-veloċità ta’ dan it-tnaqqis għadhom dibattibbli. Skont din l-aġenzija ta’ konsultazzjoni, il-prezz tal-batterija lithium-ion jista’ jonqos minn USD 600/kWh għal USD 200/kWh fl-2020 u għal USD 160/kWH fl-2025.

    5.   Kwistjonijiet strateġiċi

    5.1.

    Il-KESE jfakkar li l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-iskarsezza ġenerali dejjem tiżdied tal-karburanti fossili (minkejja li f’dawn l-aħħar snin instabu sorsi ġodda) wasslu għal żieda fl-enerġiji rinnovabbli, li l-KESE appoġġja f’bosta opinjonijiet tiegħu (TEN/564 u TEN/508). Fid-dawl taż-żieda fl-enerġiji rinnovabbli, il-KESE enfasizza l-importanza li jiġu introdotti komponenti addizzjonali tas-sistema tal-enerġija, bħal estensjonijiet tan-netwerks tat-trasport, faċilitajiet ta’ ħżin u kapaċitajiet ta’ riżerva. L-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fi kwantitajiet kbar huwa sfida strateġika peress li minn naħa se jnaqqas l-importazzjonijiet (b’vantaġġ ekonomiku u etiku) u, min-naħa l-oħra, jeżiġi faċilitajiet tal-ħżin (faċilitajiet ta’ ħżin mhux biss minn jum għall-ieħor iżda minn staġun għall-ieħor) fuq skala kbira.

    5.2.

    Il-KESE jirrikonoxxi għalhekk li l-ħżin huwa l-isfida ewlenija li qed tiffaċċja t-tranżizzjoni tal-enerġija u jinvolvi sehem kbir ta’ enerġiji rinnovabbli intermittenti. Huwa jfakkar fil-ħtieġa li tinħoloq u tiżdied il-kapaċità tal-ħżin. Huwa jenfasizza li l-ħżin tal-enerġija huwa kundizzjoni essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea, li l-KESE jappoġġja, b’mod partikolari:

    it-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija għaċ-ċittadini u n-negozji;

    l-użu mifrux tal-enerġija rinnovabbli (li jtaffu l-varjabbiltà mingħajr rikors għall-karburanti fossili);

    l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż billi jitbaxxa l-prezz tal-enerġija.

    5.3.

    Il-KESE jagħraf li l-ħżin tal-enerġija jista’ jkun spiża finanzjarja, ambjentali u sanitarja kbira. Pereżempju ċerti proġetti ta’ ħżin tal-gass taħt l-art imorru kontra l-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma. Il-KESE għaldaqstant jirrakkomanda t-titjib tat-teknoloġiji kollha. Huwa jemmen li l-ħżin tal-massa jista’ jkun mod importanti ta’ kif tintuża l-komplementarjetà tal-enerġiji rinnovabbli. Minħabba d-differenzi fiż-żmien qasir, medju u fit-tul fl-enerġija fotovoltajka, l-enerġija mir-riħ tista’ tissostitwixxiha. Il-Kumitat jenfasizza li dan se jwassal għall-ħolqien ta’ netwerk ta’ interkonnessjonijiet bejn id-diversi sorsi tal-elettriku u ser jinbena fuq netwerks intelliġenti (smart grids). Dawn in-netwerks intelliġenti jużaw teknoloġiji tal-informatika li jimmassimizzaw il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-enerġija. Il-KESE jqis li għandha tiġi żviluppata teknoloġija bħal din, peress li tgħin biex tiggwida d-domanda għall-enerġija, waqt li jqis li huwa importanti li tkun ibbażata fuq il-valutazzjonijiet tal-impatt b’tali mod li tiġi rispettata l-libertà ta’ kull konsumatur. Ikun aktar utli li titwettaq evalwazzjoni globali tal-istrumenti kollha, bħalma huma l-M/441 u l-profil ta’ protezzjoni tal-BSI Ġermaniż, li jippermettu t-tranżmissjoni u t-tixrid tal-informazzjoni fis-sigurtà kollha, jiżguraw l-integrazzjoni ta’ bini intelliġenti (“Smart Home”), eċċ., sabiex jinstabu applikazzjonijiet konkreti għall-ħtiġijiet futuri tal-bliet intelliġenti, bħall-programmazzjoni fuq il-bażi ta’ tbassir meteoroloġiku.

    5.4.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ qafas regolatorju Ewropew għall-ħżin tal-enerġija li jippermetti li jiġu kwantifikati l-benefiċċji tal-ekoloġizzazzjoni tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass.

    5.5.

    Barra minn hekk, il-KESE jinnota li s-suq tal-ħżin tal-elettriku għan-netwerks tal-elettriku qed jikber sew u għandu potenzjal kbir li jiġġenera kemm l-attività ekonomika kif ukoll l-impjiegi. Dan kapaċi jikkumpensa t-telf ta’ impjiegi f’oqsma oħra tas-suq tal-enerġija. L-opportunitajiet ta’ investiment min-naħa tal-operaturi tan-netwerks u ta’ kumpaniji tal-enerġija huma ġġustifikati mill-ħtieġa li l-enerġiji intermittenti jiġu integrati dejjem iktar. Fl-Ewropa, il-bini tal-impjanti tal-akkumulu ppompjat, ir-rinnovazzjoni ta’ dawk eżistenti u l-konverżjoni ta’ digi idroelettriċi f’impjanti ta’ dan it-tip huma l-bażi tal-iżvilupp tas-suq. Għalhekk huwa xieraq li jitnaqqsu mingħajr dewmien l-ostakoli li jfixklu l-effiċjenza tal-impjanti tal-akkumulu ppompjat. Biex jiġu żgurati l-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali ta’ din it-teknoloġija, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li dawn l-impjanti jkunu jistgħu jinbnew u jintużaw.

    6.   It-tisħiħ tar-riċerka u l-iżvilupp

    6.1.

    Il-KESE jinnota li, s’issa, l-UE ffukat l-infiq tagħha fuq l-użu tat-teknoloġiji aktar milli fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (Rapport bl-isem “‘Enerġija, l-Ewropa f’netwerks” mis-Sur Michel Derdevet, 23 ta’ Frar 2015). L-ispiża pubblika fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa (fis-setturi kollha) hija stabbilita f’livell simili u f’termini reali għal dik tas-snin tmenin (bil-kontra tal-Istati Uniti jew il-Ġappun fejn żdiedet) filwaqt li l-enerġiji rinnovabbli qegħdin jiffjorixxu. Il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika li ġie implimentat fl-2007 ma mmobilizzax il-finanzjament adegwat. Ħafna tensjonijiet fuq is-sistema tal-enerġija Ewropea, kemm biex tintegra sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista u l-kompetittività ekonomika tal-Ewropa, jitolbu t-tiġdid neċessarju tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tal-enerġija. Il-ħżin huwa komponent ewlieni ta’ proġetti prinċipali relatati man-netwerks intelliġenti mnedija fl-2012-2013 u jikkostitwixxi element prinċipali tar-riċerka u l-iżvilupp hija u titfittex risposta għall-problemi li ser jiffaċċjaw in-netwerks tal-enerġija fil-futur.

    6.2.

    It-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija jinsabu fi stadji differenti ta’ żvilupp teknoloġiku u industrijali. Il-KESE jappella għal iktar riċerka u żvilupp, u għal sinerġija mtejba fil-livell Ewropew, speċjalment peress li ħafna proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa u madwar id-dinja qed jiffaċċjaw sfidi u opportunitajiet simili. F’bosta opinjonijiet tiegħu l-KESE wera d-dispjaċir tiegħu li l-isforz tar-riċerka mhuwiex adattat għall-problemi li jeżistu u appella li fuq livell Ewropew dan jissaħħaħ. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa wkoll jikkontribwixxu b’mod proporzjonat f’dan l-isforz. L-Unjoni Ewropea għandha tagħti spinta lill-koordinazzjoni u l-investiment kemm jista’ jkun malajr fid-dawl tal-importanza kruċjali tar-riċerka u l-iżvilupp sabiex jingħelbu l-aħħar ostakoli tekniċi u (permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin industrijali) titnaqqas l-ispiża tal-investiment li għadha għalja wisq. Dan ser jippermetti integrazzjoni mtejba tal-enerġiji rinnovabbli u tnaqqis fl-ispiża tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk ser tillimita l-impatt li għandhom ċerti forom ta’ enerġija fuq is-saħħa, tippermetti l-iżviluppp ta’ setturi innovattivi li huma kompetittivi fuq livell internazzjonali u tippermetti l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea.

    Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    Top