Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0061

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni ex-post tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili u l-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili għall-perjodu 2007-2013

    /* COM/2015/061 final */

    52015DC0061

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni ex-post tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili u l-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili għall-perjodu 2007-2013 /* COM/2015/061 final */


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-evalwazzjoni ex-post tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili u l-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili għall-perjodu 2007-2013

    1. L-AMBITU U L-GĦAN TAR-RAPPORT

    Il-Mekkaniżmu Ewropew tal-Protezzjoni Ċivili (minn hawn ’il quddiem il-Mekkaniżmu) kien stabbilit fl-2001[1] biex jiffaċilita l-kooperazzjoni rinforzata fl-interventi ta’ assistenza tal-protezzjoni ċivili. F’Jannar 2006, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi l-Mekkaniżmu fuq il-bażi tal-esperjenza tal-passat u tipprovdi bażi legali adatta għal azzjonijiet futuri. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom[2] (minn hawn ’il quddiem id-Deċiżjoni tal-Mekkaniżmu), ġiet imfassla biex tittratta ż-żieda fil-frekwenza u s-serjetà tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom[3] (minn hawn ’il quddiem id-Deċiżjoni tas-CPFI) ippermettiet il-finanzjament ta’ attivitajiet immirati għall-prevenzjoni, it-tħejjija u l-azzjonijiet ta' rispons aktar effettivi, b’mod partikolari dawk meħuda permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mwettqa taħt il-Mekkaniżmu. L-ammont totali għall-azzjonijiet u l-miżuri li għandu jiġi ffinanzjat mid-Deċiżjoni tas-CPFI ġie stabbilit għal EUR 189.8 miljun għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013. Id-Deċiżjoni tal-Mekkaniżmu u d-Deċiżjoni tas-CPFI ġew imħassra hekk kif daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 id-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili[4] (minn hawn ’il quddiem id-Deċiżjoni tal-2013).

    L-Artikolu 15(2)(d) tad-Deċiżjoni tas-CPFI jesiġi li l-Kummissjoni tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ex-post ta’ azzjonijiet tal-Mekkaniżmu fil-qasam tal-protezzjoni ċivili li rċevew għajnuna finanzjarja fil-perjodu 2007-2013. Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni tal-Mekkaniżmu jitlob li l-Kummissjoni tevalwa l-applikazzjoni tagħha u tibgħat il-konklużjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni diġà wettqet evalwazzjoni interim tal-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu li kopriet il-perjodu 2007-2009, li r-riżultati tagħha ntbagħtu lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fi tmiem l-2011, abbażi ta’ Rapport mill-Kummissjoni[5], akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni[6] (flimkien minn hawn ’il quddiem ir-rapport ta’ evalwazzjoni Interim).

    Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet prinċipali tal-evalwazzjoni ex-post ta’ kull azzjoni tal-Mekkaniżmu matul il-perjodu kollu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013. Ġiet ikkummissjonata konsulenza esterna biex tevalwa b’mod indipendenti l-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu, billi tibbaża ruħha fuq analiżi tad-dokumenti estensiva u komprensiva, osservazzjoni tal-azzjonijiet, studji tal-każijiet u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet konċernati (Stati Parteċipanti, is-sħab internazzjonali, is-servizzi tal-Kummissjoni) permezz ta’ intervisti u stħarriġ onlajn.

    B’mod ġenerali, it-tfassil tal-evalwazzjoni esterna kien tajjeb u uża approċċ metodoloġiku tajjeb. L-evalwazzjoni iddependiet fuq kwantità kbira ta’ dejta estrapolata minn sorsi affidabbli; Madankollu l-użu ta’ dejta kwantitattiva seta' kien aktar estensiv. B’mod ġenerali, il-kombinazzjoni ta’ evidenza pprovduta permezz ta’ għodod metodoloġiċi differenti kienet bilanċjata. L-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati oħra għajr l-Istati Parteċipanti, li huma kapaċi jqabblu l-Mekkaniżmu ma' sistemi internazzjonali simili oħra (pereżempju s-sħab internazzjonali, xi servizzi tal-Kummissjoni) huma rappreżentati sew, u dan iżid il-kredibbiltà tas-sejbiet. F’xi każijiet speċifiċi, l-evalwazzjoni primarjament ibbażat ruħha fuq ir-riżultati tal-istħarriġ u l-intervisti, li rriżultat f’sentenzi li jidhru xi ftit jew wisq soġġettivi. Madankollu u fil-limiti tad-dejta u l-analiżi, is-sejbiet huma kredibbli u l-konklużjonijiet huma konsegwenzi loġiċi, bbilanċjati tajjeb tas-sejbiet u marbuta mal-fatti u d-dejta. L-evalwazzjoni esterna sħiħa, b’evidenza kwalitattiva u kwantitattiva, tista’ tinkiseb fuq http://ec.europa.eu/echo/en/funding-evaluations/evaluations/thematic-evaluations.

    Dan ir-rapport jippreżenta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni esterna. Il-Kapitoli li ġejjin jiddeskrivu fil-qosor ir-riżultati prinċipali tal-evalwazzjoni vvalutati f’termini ta’ rilevanza, koerenza, effettività, effiċjenza u valur miżjud tal-UE tal-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013, segwiti mill-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

    2. SFOND GĦALL-AZZJONIJIET TAL-MEKKANIŻMU FIL-PERJODU 2007-2013

    2.1.    Bidliet istituzzjonali tal-UE

    Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-2009, l-azzjonijiet u l-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni ċivili tal-UE, inklużi d-Deċiżjonijiet tal-Mekkaniżmu u tas-CPFI, kienu bbażati fuq id-dispożizzjoni li tkopri kollox tal-Artikolu 308 tat-Trattat tal-KE, li tawtorizza lill-Kunsill jaġixxi (b’unanimità) fejn meħtieġ biex jikseb għan tat-Trattat f’oqsma fejn it-Trattat tal-KE ma pprovda l-ebda bażi legali oħra. Meta l-Artikolu 196 ġdid dwar il-protezzjoni ċivili ġie introdott fit-Trattat ta’ Lisbona, il-protezzjoni ċivili ġiet formalment rikonoxxuta bħala politika separata.

    Sal-bidu tal-2010, il-protezzjoni ċivili kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissarju responsabbli għall-Ambjent. Imbagħad ġiet trasferita lejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (minn issa 'l quddiem DĠ ECHO) biex jiġu sfruttati aħjar is-sinerġiji u tissaħħaħ il-koerenza tal-operazzjonijiet ta’ rispons tal-UE.

    2.2.    Ħarsa ġenerali lejn il-Mekkaniżmu

    Il-Mekkaniżmu jappoġġja l-mobilizzazzjoni ta’ għajnuna ta’ emerġenza fil-każ ta’ diżastri kbar - kull tip, naturali jew ikkaġunati mill-bniedem - ġewwa u barra mill-UE. Fi tmiem l-2013, 32 pajjiż ipparteċipaw fil-Mekkaniżmu: it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kollha flimkien ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja (minn hawn ’il quddiem flimkien l-Istati Parteċipanti).

    Ir-responsabbiltà primarja biex jiġu trattati l-effetti immedjati ta’ diżastru hija f’idejn l-Istat Parteċipanti jew il-pajjiż fejn iseħħ id-diżastru. Madankollu, meta l-iskala tal-emerġenza telgħeb il-kapaċitajiet nazzjonali ta’ rispons, il-pajjiż milqut minn diżastru jista' jitlob u jibbenefika mill-mezzi u t-timijiet tal-protezzjoni ċivili tal-Istati Parteċipanti. Billi jiġbor flimkien il-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili tal-Istati Parteċipanti, il-Mekkaniżmu jista’ jiżgura protezzjoni aħjar, primarjament tan-nies, iżda wkoll tal-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali.

    Għan prinċipali ieħor tal-Mekkaniżmu kien li jappoġġa u jikkumplimenta l-isforzi ta’ tħejjija tal-Istati Parteċipanti. Dan jinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ tħejjija, bħal korsijiet ta’ taħriġ, skambji ta’ esperti, eżerċizzji ta’ simulazzjoni u tipi differenti ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni. Fil-perjodu 2007-2013 kien hemm ukoll żieda f’attivitajiet ta’ prevenzjoni.

    2.3.    L-azzjonijiet prinċipali tal-Mekkaniżmu

    Fil-perjodu 2007-2013 il-Mekkaniżmu kien jikkonsisti f’għadd ta’ elementi, deskritti hawn taħt, maħsuba biex jiffaċilitaw il-prevenzjoni u t-tħejjija adegwati kif ukoll ir-rispons effettiv għad-diżastri fil-livell tal-UE. Il-parti l-kbira ta’ dawn kienu ffinanzjati permezz tad-Deċiżjon tas-CPFI. Xi wħud kienu ffinanzjati permezz ta’ fondi addizzjonali mogħtija mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill[7] jew strumenti oħra tal-UE, bħal pereżempju l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija.

    Iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni (minn issa 'l quddiem MIC (Monitoring and Information Centre)) kien il-mutur operattiv tal-Mekkaniżmu u kellu tliet rwoli prinċipali: i) il-monitoraġġ (l-iskambju ta’ allerti u informazzjoni ta' twissija bikrija ta’ diżastri imminenti, iffaċilitati mis-Sistemi ta’ Twissija Bikrija[8] (minn hawn’ il quddiem EWS (Early Warning Systems)); ii) informazzjoni pprovduta lill-pubbliku ġenerali u lill-Istati Parteċipanti permezz tas-Sistema Komuni ta’ Emerġenza ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni (minn hawn 'il quddiem CECIS (Common Emergency Communication and Information System)); u iii) il-koordinazzjoni tal-assistenza pprovduta permezz tal-Mekkaniżmu[9]. Mill-15 ta’ Mejju 2013, il-MIC ġie sostitwit biċ-Ċentru għall-Koordinazzjoni tar-Rispons ta’ Emerġenza (minn hawn ’il quddiem ERCC (Emergency Response Coordination Centre)), li minn dak iż-żmien ilu jiżgura monitoraġġ u reazzjoni immedjati 24/7 għal diżastri madwar id-dinja kollha. Matul il-perjodu 2007-2013, il-MIC/ERCC mexxa 223 attivazzjoni tal-Mekkaniżmu, li minnhom 132 darba barra l-Istati Parteċipanti f’total ta’ 69 pajjiż. Dan ikkoordina wkoll total ta’ 72 missjoni u skjera 246 espert u 64 uffiċjal ta’ kollegament MIC/ERCC matul dawn il-missjonijiet.

    Il-programm ta' taħriġ, li jinkludi korsijiet ta' taħriġ, eżerċizzji ta' simulazzjoni u sistema ta' skambju ta' esperti, kien maħsub biex jistabbilixxi fehim komuni tal-kooperazzjoni fl-interventi ta' protezzjoni ċivili u biex iħaffef ir-rispons għall-emerġenzi maġġuri. Fil-perjodu 2007-2013, 4 657 espert attendew korsijiet ta’ taħriġ, 882 espert minn 29 Stat Parteċipant ħadu sehem fil-programm ta’ skambju ta’ esperti u ntgħażlu 31 eżerċizzju ta’ simulazzjoni mit-58 proposta li waslu wara s-sejħiet għall-proposti tal-2007-2013.

    Timijiet u Moduli ta' Sostenn u Assistenza Teknika (minn hawn 'il quddiem TAST (Modules and Technical Assistance and Support Teams)) kienu unitajiet ta’ rispons għall-emerġenza definiti minn qabel, speċifiċi u interoperabbli li jistgħu jiġu skjerati malajr. Fi tmiem l-2013, l-Istati Parteċipanti rreġistrwi 150 modulu u 10 TAST fis-CECIS. Kienu ffinanzjati wkoll eżerċizzji speċifiċi tal-moduli, immirati lejn il-moduli ta’ taħriġ li x’aktarx iseħħu f’emerġenza reali.

    Proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija kienu mmirati li jqajmu kuxjenza u jwasslu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib tal-Istati Parteċipanti fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Fil-perjodu 2007-2013, il-prijoritajiet għal proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija ġew definiti u l-għanijiet tas-sejħa għall-proposti stabbiliti fuq bażi annwali (ħlief fl-2007 meta ma kienx hemm sejħa għal tħejjija iżda biss għal proġetti ta’ prevenzjoni). Total ta’ 76 proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija ntgħażlu mit-371 proposta li waslet wara s-sejħiet għall-proposti tal-2007-2013.

    Ġie żviluppat qafas ta’ politika ta’ prevenzjoni biex jikkumplimenta l-politiki tal-UE fl-oqsma tar-rispons u t-tħejjija għad-diżastri. Diversi attivitajiet ta’ prevenzjoni ġew mibdija u implimentati biex jindirizzaw l-azzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 dwar approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

    L-Istati parteċipanti stegħu jitolbu appoġġ u kofinanzjament għat-trasport tal-għajnuna tal-protezzjoni ċivili għal pajjiż affettwat minn emerġenza. Il-Kummissjoni kienet responsabbli għall-appoġġ tal-Istati Parteċipanti: i) fil-qsim jew il-ġbir flimkien ta' assi ta' trasport li ġew magħmula disponibbli fuq bażi volontarja; ii) fl-identifikazzjoni ta’ assi ta’ trasport disponibbli fuq is-suq kummerċjali jew minn sorsi oħra (kuntrattur tat-trasport); u iii) fl-użu ta’ fondi mill-UE (għotjiet jew kuntratturi tat-trasport) biex jitħallsu l-assi tat-trasport meħtieġa. Ingħataw total ta’ 122 għotja għat-trasport fil-perjodu 2007-2013, li rriżultaw f’kontribuzzjoni netta totali tal-Kummissjoni ta’ madwar EUR 10.9 miljun. Is-sensar tat-trasport intuża 12-il darba matul l-istess perjodu: disa’ darbiet bħala soluzzjoni indipendenti u tliet darbiet flimkien ma’ għotja.

    Attivitajiet relatati mat-tniġġis tal-baħar kienu wkoll parti importanti tal-azzjonijiet globali tal-Mekkaniżmu. F’dan il-qasam il-Kummissjoni kkooperat mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (minn hawn 'il quddiem l-EMSA (European Maritime Safety Agency)). Matul il-perjodu 2007-2013, il-MIC/ERCC ġie attivat disa’ darbiet għat-tniġġis tal-baħar, b’erba’ attivazzjonijiet li wasslu għall-iskjerament ta’ total ta’ 13-il espert u tliet uffiċjali ta’ kollegament tal-MIC/ERCC; ħames proġetti ta’ tħejjija u tnejn ta' prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar ġew kofinanzjati, flimkien ma’ eżerċizzju ta’ simulazzjoni tat-tniġġis tal-baħar wieħed.

    Programmi ta' Proġetti Pilota u Azzjonijiet ta' Tħejjija seħħu matul l-2008-2010 u kienu ffinanzjati permezz ta’ fondi addizzjonali mogħtija mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-Azzjoni ta’ Tħejjija ġiet stabbilita sabiex jiġu ttestjati metodi ġodda għat-titjib tal-kapaċità ta’ rispons tal-UE għad-diżastri: għas-sejħa għall-proposti tal-2008 waslu 15-il proposta għall-proġetti u ntgħażlu ħamsa, b’kofinanzjament totali ta’ madwar EUR 3.1 miljun; is-sejħa għall-proposti tal-2009 wasslet għal 15-il proposta, li minnhom seba’ proġetti ġew approvati u rċevew madwar EUR 6 miljun; is-sejħa għall-proposti tal-2010 rriżultat f'14-il proposta, li minnhom ħames proġetti ġew approvati u rċevew finanzjament totali ta’ madwar EUR 7 miljun. Il-Proġett Pilota — Ir-Riserva Tattika tal-UE għal Kontra n-Nirien tal-Foresti (minn hawn ’il quddiem EUFFTR (EU Forest Fire Tactical reserve)) kien jikkonsisti f’żewġ ajruplani ta’ kontra n-nar — riżorsa supplimentari maħsuba biex issaħħaħ il-kapaċità ġenerali tal-UE għat-tifi tan-nar — u intervjenu f’sitta mit-total ta’ disa’ emerġenzi ta’ nirien fil-foresti fl-2009.

    L-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi ġew imfassla biex jiżguraw li l-azzjonijiet bejn l-Istati Parteċipanti u l-pajjiżi terzi kienu kkoordinati aħjar għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri. B’mod partikolari dawn kienu jinkludu: i) azzjonijiet mal-pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, jiġifieri l-Programm tal-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili tal-IPA I, li dam għaddej minn Diċembru 2010 sa Novembru 2012 u kien jikkonsisti f’taħriġ, skambju ta’ esperti, eżerċizzji u workshops; ii) azzjonijiet mal-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew, li fihom l-UE kkooperat ma’ dawn il-pajjiżi permezz tal-Prevenzjoni, it-Tħejjija u r-Rispons għal Diżastri Naturali u Kkaġunati mill-Bniedem (PPRD tan-Nofsinhar u PPRD tal-Lvant); u iii) azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi oħra bħal dawk li magħhom ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni, kif ukoll l-ASEAN u ċ-Ċina.

    3. IR-RILEVANZA TAL-AZZJONIJIET TAL-MEKKANIŻMU FL-2007-2013

    L-evalwazzjoni esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin rigward ir-rilevanza tal-azzjonijiet individwali mekkaniżmu:

    Il-partijiet ikkonċernati kollha kkonsultati fl-evalwazzjoni esterna qiesu li l-MIC/ERCC u għodod assoċjati (CECIS u EWS) huma rilevanti, u kienu sodisfatti bil-monitoraġġ, bl-immaniġġjar tal-informazzjoni u bil-koordinazzjoni pprovduti. L-Istati Parteċipanti kkunsidraw l-MIC/ERCC bħala kruċjali biex jiġi żgurat: rispons ta’ emerġenza mgħaġġel, effettiv u effiċjenti fil-każ ta’ diżastri; l-użu effettiv tat-Timijiet tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE; u l-komplementarjetà tal-interventi tal-UE f’diżastri b’rispons tal-Istati Membri u internazzjonali. Wieħed min-nuqqasijiet ewlenin tal-MIC — in-nuqqas ta’ kopertura 24/7 — enfasizzat ukoll fl-evalwazzjoni interim, ġie indirizzat bit-tranżizzjoni mill-MIC għall-ERCC. Il-maġġoranza tal-Istati Parteċipanti kkunsidraw il-korsijiet ta’ taħriġ bħala rilevanti għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili nazzjonali tagħhom. Ir-rati ta’ okkupazzjoni tal-korsijiet ta’ taħriġ kienu għoljin matul il-perjodu 2007-2013, b’medja ta’ 88.6 % tal-ispazji disponibbli kollha meħuda. Madankollu, l-evalwazzjoni esterna indikat ukoll li ma kien hemm l-ebda valutazzjoni dwar l-aħjar numru ta’ esperti meħtieġa biex jiġu mħarrġa biex ilaħħqu mal-volum ta’ skjeramenti fil-qafas tal-Mekkaniżmu. Il-perċentwal ta’ esperti mħarrġa użat fil-fatt kien stmat għal ftit iktar minn 10 %. L-eżerċizzji ta’ simulazzjoni koprew varjetà wiesgħa ta’ xenarji li kienu rilevanti ħafna għall-Istati Parteċipanti. Il-maġġoranza (kollha ħlief erbgħa) tal-Istati Parteċipanti ħadu sehem fl-eżerċizzji — 18 bħala l-organizzatur ewlieni — li wriet iktar biċ-ċar ir-rilevanza tagħhom. Madankollu, matul il-perjodu 2007-2013, in-numru ta’ proposti rċevuti u l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni kofinanzjati varja u bħala xejra naqas: L-2008 ra numru rekord ta’ 18-il proposta ppreżentati, meta mqabbel mal-ħamsa fl-2013 (tmiem il-perjodu ta’ evalwazzjoni); bl-istess mod tmien eżerċizzji ta’ simulazzjoni ġew kofinanzjati taħt is-sejħiet għall-offerti tal-2007 u tal-2008, meta mqabbla ma’ tnejn fl-2013. Ir-riżultati tal-istħarriġ onlajn tal-parteċipanti fil-programm ta’ skambju ta’ esperti urew li 99 % ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ kienu tal-fehma li l-kompetenzi u l-ħiliet tagħhom tjiebu minħabba l-iskambju. Maġġoranza kbira tal-parteċipanti u l-ospiti ddeskrivu l-amministrazzjoni tal-programmi bħala ta’ għajnuna, ċara u kompetenti biex tikkomunika dettalji relatati mal-organizzazzjoni tal-skambji. Xi partijiet ikkonċernati qiesu l-volum tal-iskambji bħala limitat wisq u huma tal-ħsieb li l-programm għandu jkollu l-kapaċità li jiffinanzja skambji addizzjonali. Barra minn hekk, kien hemm żbilanċ qawwi fil-parteċipazzjoni tal-Istati Parteċipanti fil-programm. Il-moduli u t-TAST intużaw f’għadd ta’ diżastri ġewwa u barra l-UE, bi 12-il modulu skjerati fl-2013 biss. Filwaqt li l-biċċa l-kbira l-Istati Parteċipanti qablu li l-linji gwida relevanti u l-Proċeduri Operattivi Standard għall-moduli kienu żviluppati u implimentati matul il-perjodu 2007-2013, konsultazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra u l-istudju tal-każ urew ħtieġa għal aktar linji gwida u standards għall-istabbiliment internazzjonali u unifikati, it-tħaddim u l-proċeduri komuni tal-moduli. L-eżerċizzji tal-moduli kienu meqjusa minn ħafna partijiet ikkonċernati bħala essenzjali u rilevanti sabiex jidentifikaw u jindirizzaw lakuni fit-tħaddim tal-moduli, b’hekk jiżdied il-livell ta’ kooperazzjoni ma’ moduli oħrajn u titjieb il-koordinazzjoni tal-assistenza. Il-proġetti ta' prevenzjoni u tħejjija magħżula fis-sejħiet għall-proposti tal-2007-2013 kienu konformi mal-għanijiet speċifiċi ddefiniti fis-sejħiet għall-proposti u tqiesu bħala rilevanti għall-għanijiet globali tal-Mekkaniżmu. Il-proċess ta’ għażla kien meqjus bħala xieraq, għalkemm ġie nnutat li t-tul ta’ żmien tiegħu jista' jitnaqqas. Fl-aħħar nett, il-proċess ta’ monitoraġġ tal-proġetti kien meqjus trasparenti u sempliċi. L-Istati Parteċipanti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kemm-il darba sejħu għal azzjoni fuq il-prevenzjoni, għalhekk il-bosta attivitajiet meħudin għall-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika ta’ prevenzjoni wieġbu b’mod ċar għall-bżonnijiet tal-partijiet ikkonċenrati. Ir-rapport interim stipula li l-qafas tal-politika ta’ prevenzjoni tal-UE għandu jkun jista’ jindirizza l-aspetti varji tal-prevenzjoni f’oqsma differenti tal-politika tal-UE u jiffaċilita kooperazzjoni ulterjuri fost l-Istati Parteċipanti. L-evidenza miġbura ssuġġeriet li l-protezzjoni ċivili sadanittant ġiet integrata mat-13-il politika oħra tal-UE u li l-kooperazzjoni kienet mgħejjuna permezz ta’ numru ta’ laqgħat tal-esperti li wasslu biex isir skambju ta’ prattiki tajbin. Ir-rakkomandazzjonijiet għalhekk ġew segwiti. Madankollu, il-prevenzjoni baqgħet prijorità kbira għall-partijiet ikkonċernati, peress li l-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika ta’ prevenzjoni kien reċenti u għalhekk kien jeħtieġ aktar żmien biex jimmatura. L-iżvilupp ta’ qafas legali li jippermetti l-appoġġ tat-trasport kien rilevanti ħafna, billi indirizza ħtieġa li kienet ġiet identifikata qabel. Għalkemm l-adozzjoni saret bil-mod fil-bidu tal-perjodu ta’ evalwazzjoni, l-użu akbar ta’ assistenza tat-trasport matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni wera li sa tmiem il-perjodu ta’ evalwazzjoni kien sar azzjoni stabbilita sew. Wera wkoll li l-Kummissjoni aċċettat ir-rakkomandazzjoni tal-evalwazzjoni interim biex tagħmel il-proċeduri u r-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni inqas ta' piż. L-evidenza ssuġġeriet li l-assistenza tat-trasport ikkontribwixxiet b’mod pożittiv lejn id-deċiżjoni li tiġi pprovduta l-assistenza tal-protezzjoni ċivili. L-involviment tal-Mekkaniżmu fit-tniġġis tal-baħar kienet teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib mal-EMSA. L-attivitajiet tat-tniġġis tal-baħar instabu mill-evalwazzjoni esterna li kkontribwixxew għal tliet objettivi ewlenin tal-Mekkaniżmu: l-MIC/ERCC kkoordina r-risponsi tal-UE għat-tniġġis tal-baħar disa’ darbiet bejn l-2007 u l-2013; l-MIC/l-ERCC iffaċilita wkoll l-appoġġ lejn il-pajjiżi affettwati, ħafna drabi f’kooperazzjoni mal-EMSA, li pprovdiet għarfien espert u appoġġ loġistiku; dawn l-operazzjonijiet ikkontribwixxew għall-protezzjoni tal-persuni u tal-ambjent. Il-proġett pilota u l-proġetti ta' azzjoni ta' tħejjija kkontribwixxew għall-kapaċità ta’ rispons tal-UE msaħħa, billi jirrispondu għal bżonnijiet kritiċi li jinqalgħu f'dizastri kbar. Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati rrappurtaw li d-disponibbiltà u l-prontezza tal-inġenji tal-ajru tal-Canadair li kienu parti mill-proġett pilota kien verament ta’ valur fil-ġlieda kontra n-nirien forestali. Bl-istess mod, l-azzjonijiet ta' tħejjija ppermettu li jiġu ttestjati arranġamenti innovattivi u l-iżvilupp ta’ moduli ġodda li sussegwentement ġew użati taħt il-Mekkaniżmu. L-azzjonijiet f’pajjiżi terzi kienu jikkorrispondu għall-ħtiġijiet ta' kemm il-pajjiżi terzi benefiċjarji kif ukoll l-Istati Parteċipanti. Għall-pajjiżi terzi, l-azzjonijiet ikkontribwixxew biex itejbu l-kapaċità tagħhom biex jirreaġixxu għad-diżastri u għal fehim aħjar tal-Mekkaniżmu u l-kapaċitajiet tiegħu. Għall-Istati Parteċipanti, il-bini tal-kapaċità f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-pajjiżi ġirien, seta' kkontribwixxa biex tonqos il-ħtieġa għall-assistenza tal-Mekkaniżmu fil-futur, billi jiġi evitat li ċerti tipi ta’ diżastri jinxterdu (b'mod transfruntieri), jew billi tiżdied il-veloċità tar-rispons f’każijiet ta’ diżastri.

    B’mod ġenerali, b’kont meħud tal-esperjenza operattiva kollettivi tagħha mal-Mekkaniżmu u l-evoluzzjoni pożittiva tiegħu, il-Kummissjoni taqbel mar-riżultati tal-evalwazzjoni indipendenti li kull azzjoni tal-Mekkaniżmu kienet element rilevanti għal politika ġenerali li tikkontribwixxi għat-titjib tas-sistemi nazzjonali għall-protezzjoni ċivili tal-ġestjoni tad-diżastri fl-Ewropa u lil hinn. Dawn il-konklużjonijiet huma appoġġati aktar minn dejta kwantitattiva[10] li tikkonferma, pereżempju, iż-żieda fin-numru ta’ attivazzjonijiet tal-Mekkaniżmu, talbiet ta’ kofinanzjament tat-trasport, skjeramenti tal-moduli u livelli għoljin ta’ parteċipazzjoni fl-eżerċizzji, sessjonijiet ta’ taħriġ u skambji ta’ esperti.   

    4. IL-KOERENZA TAL-AZZJONIJIET TAL-MEKKANIŻMU FL-2007-2013

    L-evalwazzjoni esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

    94 % tal-Istati Parteċipanti li rrispondew fl-istħarriġ onlajn qiesu li l-MIC/ERCC tejjeb il-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri fir-rigward tal-assistenza għall-protezzjoni ċivili waqt l-interventi. Dan huwa sinjal ċar li l-Kummissjoni segwiet ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni interim li jkun mixtieq titjib fil-koordinazzjoni bejn l-MIC/ERCC u l-Istati Parteċipanti u s-sħab internazzjonali. Fil-livell tal-UE, l-MIC/ERCC kien involut fil-koordinazzjoni ta’ kull tip ta’ rispons għal diżastru u żgurat koerenza sħiħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra tal-UE f’każ ta’ diżastri (pereżempju l-kooperazzjoni mad-DĠ SANCO f’Ħaiti, DĠ ENER fil-Ġappun, is-SEAE fil-Pakistan, u l-EMSA fl-Istati Uniti tal-Amerika). Is-sħab internazzjonali kollha intervistati qiesu l-MIC/ERCC bħala sieħea affidabbli u li jista' jipprovdi informazzjoni u jagħti appoġġ. L-MIC/ERCC kkollabora estensivament ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni u mas-sħab internazzjonali: aktar minn 60 darba matul il-perjodu 2007-2013. Ir-rabtiet bejn il-korsijiet ta’ taħriġ kienu ddisinjati biex ikunu koerenti, billi l-korsijiet koprew suġġetti ta' introduzzjoni, operazzjonali u maniġerjali u kienu interkonnessi ma’ xulxin. Ftit kummenti minuri kkonċernaw oqsma speċifiċi (pereżempju l-ġestjoni tal-midja) li jistgħu jiġu introdotti b’mod koerenti tul il-korsijiet differenti. L-eżerċizzji ta’ simulazzjoni kienu koerenti mal-azzjonijiet l-oħra tal-Mekkaniżmu, b’mod partikolari l-korsijiet ta’ taħriġ u l-eżerċizzji tal-moduli, fejn il-konċentrazzjoni u l-modus operandi kienu differenti u ġġeneraw riżultati kumplimentari. Skont ix-xenarju tal-eżerċizzju, għadd ta’ eżerċizzji ta’ simulazzjoni ppermettew ukoll l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li saħħet aktar il-koerenza esterna tal-Mekkaniżmu. Madankollu, intqal diġà fl-evalwazzjoni interim li l-koerenza tal-eżerċizzji ta’ simulazzjoni tista’ tittejjeb jekk tiġi stabbilita strateġija globali jew qafas għall-programm ta’ eżerċizzji ta’ simulazzjoni. Din ir-rakkomandazzjoni hija attwalment implimentata bħala riżultat ta’ rekwiżiti introdotti fid-Deċiżjoni tal-2013. Il-programm tal-iskambju ta’ esperti kien kultant meqjus mill-Istati Parteċipanti bħala alternattiva għall-korsijiet ta’ taħriġ minflok azzjoni li tikkumplimenta u forum ta’ skambju tal-għarfien u ta’ prattiki tajbin. Il-programm kien madankollu meqjus bħala li joħloq opportunitajiet għal aktar tagħlim dwar ir-rwol tal-Mekkaniżmu u li jipprovdi opportunitajiet ta’ netwerking li jistgħu jirriżultaw bħala essenzjali f’każ ta’ diżastru. Il-moduli interoperabbli u definiti minn qabel irrappreżentaw kapaċitajiet addizzjonali li jistgħu jiġu skjerati rapidament u b’hekk kienu importanti għall-kisba tal-għan tal-Mekkaniżmu biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. L-eżerċizzji tal-modulu kienu koerenti sa fejn ipprovdew taħriġ essenzjali u ttestjar ta’ kapaċitajiet u proċeduri b’xenarji ta’ emerġenza realistiċi ħafna. Il-Proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija magħżula kienu konformi mal-prijoritajiet stabbiliti kull sena fis-sejħa għall-proposti. Azzjonijiet implimentati mill-proġetti magħżula kienu wkoll koerenti ma’ dawk iffinanzjati permezz ta’ strumenti oħra tal-UE. Madankollu, ġie ssuġġerit li l-prijoritajiet għal proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija definiti fis-sejħa għal proposti kienu pjuttost wiesgħa: id-definizzjoni aktar preċiża tal-prijoritajiet tista' tikkontribwixxi b’mod aktar effettiv għall-Mekkaniżmu u biex jiġi evitat kwalunkwe riskju potenzjali ta’ duplikazzjoni tal-isforzi ma’ strumenti ta’ finanzjament relatati tal-UE. Il-qafas ta’ politika ta’ prevenzjoni kompla jiġi integrat f’politiki oħra tal-UE u kien ukoll koerenti mal-politiki u aġendi ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri internazzjonali. Minbarra l-isforzi eżistenti, ġie ssuġġerit li jistgħu jiġu previsti azzjonijiet ulterjuri biex jintegraw aktar l-attivitajiet ta’ prevenzjoni fil-politiki nazzjonali tal-protezzjoni ċivili, u jgħaqqdu l-prevenzjoni mat-tħejjija u r-rispons. Il-komponenti differenti fil-proċess ta’ assistenza tat-trasport (jiġifieri l-fażi tal-ġbir flimkien; l-identifikazzjoni ta’ għażliet ta’ trasport fis-suq kummerċjali; u l-kofinanzjament) direttament ikkontribwixxa għall-għanijiet ewlenin tal-Mekkaniżmu, li kellhom jikkoordinaw il-forniment ta’ assistenza u l-iskjerament ta’ din l-assistenza meta tkun meħtieġa. Fir-rigward tat-tniġġis tal-baħar, serje ta’ għanijiet komuni ġew stabbiliti għall-kooperazzjoni bejn l-EMSA u l-Kummissjoni (DĠ ECHO) u ġew stabbiliti mekkaniżmi differenti biex jiżguraw diviżjoni ċara tal-kompiti u koordinazzjoni tajba. Il-Kummissjoni kkooperat attivament ukoll ma’ erba’ ftehimiet reġjonali żviluppati fil-baċiri tal-baħar tal-UE, kollaborazzjoni li kienet ivvalutata bħala b’saħħitha ħafna u organizzata tajjeb mill-evalwazzjoni esterna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet sehem f’Laqgħa Inter-Secretarjali bejn il-ftehimiet reġjonali, il-Kummissjoni u l-EMSA. Dawn is-sejbiet jikkonfermaw ukoll li l-Kummissjoni kienet ta’ suċċess u ħadet passi xierqa biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-evalwazzjoni interim, jiġifieri li titjib fil-koordinazzjoni mal-EMSA kien meħtieġ. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-proġetti ta’ azzjonijiet ta’ tħejjija kien li t-tagħmir u r-riżorsi oħra jsiru magħmula disponibbli biex jiġu mmobilizzati biex jirrispondu għad-diżastri, li kien il-każ f’numru ta’ sitwazzjonijiet (pereżempju t-terremot fil-Ħaiti). Għall-proġett pilota, ikkontribwixxiet għat-tisħiħ tal-kapaċità globali tal-UE għat-tifi tan-nar. Ir-riżultati miksuba permezz tal-proġett pilota u l-azzjonijiet ta' tħejjija ġew għalhekk ikkunsidrati mill-evalwazzjoni esterna bħala konformi mal-objettivi tagħhom, jiġifieri li jimlew lakuni eżistenti b’mod koerenti. Ir-riċerka sekondarja u l-intervisti mal-partijiet ikkonċernati li saru fil-qafas tal-evalwazzjoni esterna ta’ azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi kkonkludew li l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ attivitajiet taħt il-programmi tal-IPA, il-PPRD tan-Nofsinhar u tal-Lvant ikkontribwixxiet għal aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali kif ukoll il-pajjiżi ġirien u l-UE, u b’hekk trawmet kollaborazzjoni aktar koerenti fl-azzjonijiet ta' prevenzjoni, tħejjija u rispons.

    L-esperjenza tal-Kummissjoni mal-operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu u l-konklużjonijiet tas-sessjonijiet ta' feedback u informazzjoni mal-partijiet relevanti kollha wara l-operazzjonijiet/eżerċizzji/taħriġ, jappoġġaw ir-riżultati tal-evalwazzjoni esterna, li sabet li l-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu kienu kumplementari għal xulxin u għal azzjonijiet oħra fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li hemm aktar lok għal ftehim aktar komprensiv fit-tfassil ta’ kull azzjoni tal-Mekkaniżmu u għat-tisħiħ tal-opportunitajiet għat-tagħlim bejn l-azzjonijiet u se timmira li tindirizza dan billi tistabbilixxi qafas strateġiku ġenerali għat-taħriġ, l-eżerċizzji u t-tagħlimiet meħuda. Ir-riżultati tal-kordinazzjoni interna tal-Kummissjoni, li tinsab għaddejja bejn servizzi differenti, kif ukoll il-kuntatti mal-partijiet ikkonċernati esterni rilevanti, jappoġġaw il-konklużjoni tal-evalwazzjoni esterna li l-implimentazzjoni ġenerali tal-Mekkaniżmu kienet konsistenti ma’ azzjonijiet u programmi relatati tal-UE u internazzjonali.

    5. L-EFFETTIVITÀ TAL-AZZJONIJIET TAL-MEKKANIŻMU FL-2007-2013

    L-evalwazzjoni esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

    L-MIC/ERCC tqies bħala pjattaforma effettiva bil-karatteristiċi xierqa u r-riżorsi adegwati biex jilħaq l-għanijiet tiegħu u biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu. L-Istati Parteċipanti kollha li wieġbu fl-istħarriġ onlajn qiesu li l-MIC/ERCC irnexxielu jiżgura l-komunikazzjoni bejn il-livell tal-UE u l-Istati Parteċipanti u kważi kollha kienu tal-fehma li l-MIC/ERCC kien aċċessibbli u kapaċi jirreaġixxi immedjatament 24/7. Diversi partijiet ikkonċernati qalu li ż-żmien meħtieġ mill-MIC/ERCC biex jikkoordina u jorganizza l-assistenza tal-UE naqas matul is-snin. Kien hemm xi kritika minn grupp iżgħar ta’ Stati Parteċipanti u partijiet ikkonċernati oħra rigward: i) l-għażla ta’ esperti nazzjonali li għandhom jintużaw fl-emerġenzi (il-fehma kienet li l-MIC/l-ERCC għandu jkollu rwol ikbar fl-għażla tal-esperti sabiex ikun hemm allinjament aħjar tal-kompetenzi mal-ħtieġijiet fil-post); u ii) in-nuqqas ta’ esperjenza fil-qasam tal-persunal tal-MIC/ERCC. Il-korsijiet ta’ taħriġ laħqu l-objettivi tagħhom li jtejbu l-ħiliet individwali u l-kompetenzi tal-esperti u li jistabbilixxu fehim komuni għall-kooperazzjoni f’interventi ta’ protezzjoni ċivili. L-evalwazzjoni tissuġġerixxi li r-rabta bejn il-ħiliet meħtieġa fuq il-post u t-tagħlimiet meħuda mill-iskjeramenti u l-korsijiet ta’ taħriġ tista' tissaħħaħ u li dan il-proċess jista’ jsir aktar sistematiku. L-eżerċizzji ta’ simulazzjoni laħqu ferm sew l-objettivi tagħhom, b’mod partikolari l-promozzjoni ta' koordinazzjoni aħjar u rispons aktar veloċi, u kkontribwixxew għall-Mekkaniżmu globali. Għadd ta’ għanijiet usa’ inkisbu wkoll mill-eżerċizzji ta’ simulazzjoni, bħall-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni bejn l-UNDAC u t-Timijiet għall-Protezzjoni Ċivili tal-UE u l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema ta’ kollaborazzjoni operattiva u strateġika bejn l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili fuq livell nazzjonali u tal-UE. Il-programm ta' skambju ta’ esperti ġie kkunsidrat effettiv sa fejn dan laħaq l-għanijiet tal-parteċipanti. Bosta esperti rrapportaw li huma żviluppaw ħiliet speċjalizzati direttament applikabbli. Madankollu, l-istennija tagħhom li jiġu skjerati f’Timijiet tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE wara l-iskambju ma ġietx sodisfatta għal ħafna minnhom. Filwaqt li l-programm kien ġeneralment apprezzat ħafna mill-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet ospitanti, il-proċess ta' rispons jista’ jitjieb peress li huwa vitali biex ikejjel l-effettività tiegħu. L-evalwazzjoni interim irrakkomandat li l-kunċett tal-moduli għandu jiġi żviluppat iktar, inkluż permezz ta’ eżerċizzji speċjalizzati u l-iżvilupp ta’ proċeduri operattivi standard. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati bis-sħiħ. L-għadd ta’ moduli u TAST irreġistrati fil-bażi tad-dejta tas-CECIS żdied matul il-perjodu 2007-2013, b’hekk laħaq total ta’ 150 modulu fi tmiem l-2013. 16-il tip differenti ta’ modulu kienu rreġistrati, minn 17-il wieħed definit. Sabiex tiżdied l-effettività tal-moduli rreġistrati, il-partijiet ikkonċernati ssuġġerew li jiġu żviluppati aktar ir-rekwiżiti minimi u l-linji gwida għall-moduli. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Parteċipanti mistħarrġa kkunsidraw li l-eżerċizzji tal-modulu laħqu l-objettivi tagħhom sa fejn ħeġġu l-persunal tal-protezzjoni ċivili sabiex iqisu l-lezzjonijiet li tgħallmu u jintroduċu titjib għall-operazzjoni tal-moduli. Madankollu, ġie ssuġġerit li aktar opportunitajiet frekwenti biex jiġu eżerċitati l-moduli, anke fuq skala iżgħar u b’eżerċizzji inqas kumplessi, jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tagħhom f’termini ta’ ħiliet miksuba. Ir-riżultati tal-proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija laħqu l-objettivi ffissati fil-programmi ta’ ħidma annwali u rriżultaw f’azzjonijiet konkreti, bħall-appoġġ għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ prevenzjoni tad-diżastri u t-tqajjim ta' kuxjenza dwar kwistjonijiet speċifiċi. Madankollu, l-impatt u s-sostenibbiltà ta’ proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija baqa’ limitat wisq: b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tar-riżultati fil-livell nazzjonali kienet daqsxejn nieqsa, ir-riżultati ma kinux promossi sistematikament u magħmula viżibbli, u t-trasferiment lejn Stati Parteċipanti oħra waqa' lura meta mqabbel mal-aspettattivi. Id-diversi attivitajiet ta’ prevenzjoni żviluppati u implimentati kkontribwixxew biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni. B’mod partikolari l-attivitajiet ikkontribwixxew għal politiki għall-prevenzjoni tad-diżastri aktar ibbażati fuq l-għarfien, għall-konnessjoni bejn l-atturi u l-politiki ta’ prevenzjoni mal-atturi rilevanti tat-tħejjija u r-rispons, u għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni tad-diżastri fl-istrumenti finanzjarji u leġislattivi eżistenti tal-UE. 77 % tal-Istati Parteċipanti li ħadu sehem fl-istħarriġ iqisu li l-għoti ta’ appoġġ tat-trasport permezz ta’ għotjiet ikkontribwixxa b’mod effettiv għat-titjib tar-rispons għall-emerġenzi. Għadd ta’ partijiet ikkonċernati sostnew li s-sensar tat-trasport ġie adattat għal sitwazzjonijiet li jeħtieġu livelli għolja ta’ flessibbiltà u li hemm potenzjal għal titjib kunsiderevoli fl-użu tiegħu. Fl-aħħar nett, l-esperjenza minn ċerti diżastri ssuġġeriet li l-kofinanzjament tal-UE limitat għal 50 % naqqas b’mod sinifikanti l-effettività tal-istrument. Dan jidwi waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni interim, li kienet li tinvestiga l-potenzjal għal livelli differenti ta’ kofinanzjament. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni għamlet progress f’dak ir-rigward, bl-introduzzjoni ta’ rati ġodda, ogħla ta’ kofinanzjament fid-Deċiżjoni tal-2013. L-effettività ta’ azzjonijiet tat-tniġġis tal-baħar tiddependi direttament fuq il-kooperazzjoni tajba tal-EMSA. Fl-operazzjonijiet kollha li jinvolvu l-EMSA din il-kooperazzjoni kienet ikkunsidrata bħala effettiva. Bl-istess mod, il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u proġetti ta’ tħejjija tqiesu bħala effikaċi ħafna, u kisbet riżultati li b’xi mod ieħor ma kinux ikunu possibbli mingħajr l-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni (DĠ ECHO). L-evalwazzjoni tal-eżerċizzju ta’ simulazzjoni dwar it-tniġġis tal-baħar kienet inkonklużiva, kif il-Kummissjoni u l-EMSA kellhom perspettivi differenti dwar l-effettività tagħha. Ħafna Stati Parteċipanti li ħadu sehem fl-istħarriġ iqisu li l-proġett pilota u l-azzjonijiet ta’ tħejjija taw kontribuzzjoni għal rispons għad-diżastri iktar effettiv billi kkumplimentaw il-kapaċitajiet eżistenti minflok ma dduplikaw l-isforzi u r-riżultati preċedenti. Pereżempju, meta mqabbla mas-soluzzjonijiet individwali tal-Istati Parteċipanti, il-proġett pilota offra għajnuna kruċjali fl-avvenimenti rari iżda serji f'għadd ta’ nirien kbar fil-foresti li seħħu fl-istess ħin. L-effettività ta’ proġetti ta' azzjoni ta’ tħejjija kienet limitata sal-punt li t-tixrid tar-riżultati seta' kien usa’. B’mod ġenerali, l-evidenza miġbura indikat li l-għanijiet tal-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, jiġifieri l-programm IPA u l-programmi PPRD tan-Nofsinhar u l-Lvant, inkisbu. Xi partijiet ikkonċernati enfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm aktar konċentrazzjoni fuq l-azzjonijiet ta' prevenzjoni fil-futur, skont l-iżviluppi tal-Mekkaniżmu.

    L-opinjoni tal-Kummissjoni hija li, kif muri mill-esperjenza operazzjonali tal-Kummissjoni u mir-rispons estensiv fit-twettiq ta' ħafna azzjonijiet ta’ prevenzjoni ta' suċċess, attivitajiet ta' tħejjija bħal eżerċizzji, u operazzjonijiet ta' rispons imwettqa fil-perjodu 2007-2013, l-objettiv politiku ġenerali tal-Mekkaniżmu kollu, jiġifieri li jiffaċilita l-kooperazzjoni aktar mill-qrib, intlaħaq b’mod sħiħ. Is-suċċess ta’ dawn l-azzjonijiet huwa f’xi każijiet immedjatament viżibbli, bħal pereżempju fil-każ tal-proġett pilota li setgħa jappoġġa lill-Istati Parteċipanti fil-ġlieda kontra n-nirien forestali fin-nuqqas ta’ kapaċitajiet ta’ rispons disponibbli oħra, filwaqt li drabi oħra, ir-riżultati huma anqas tanġibbli immedjatament, u jikkonsistu pereżempju, f’timijiet li jitgħallmu jaħdmu ma’ xulxin bil-ħsieb ta’ kooperazzjoni possibbli f’emerġenza fil-ħajja reali. L-opinjoni tal-Kummissjoni hija appoġġata mir-riżultati tal-evalwazzjoni esterna, li kkonkludiet li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu kienet effettiva sa fejn l-azzjonijiet individwali tal-Mekkaniżmu kollha kisbu l-għanijiet speċifiċi ta’ politika tagħhom.

    6. L-EFFIĊJENZA TAL-AZZJONIJIET TAL-MEKKANIŻMU FL-2007-2013

    L-evalwazzjoni esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

    1. Total ta’ madwar EUR 20 miljun ġie allokat fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 biex jiffinanzja l-funzjonijiet differenti tal-MIC/ERCC, inkluż il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-MIC/ERCC, is-CECIS u l-EWS u l-iskjeramenti. L-evalwazzjoni nnutat li l-MIC/ERCC kien partikolarment effiċjenti biex jiffaċilita l-għoti tal-assistenza b’mod koordinat li ppermetta l-użu effiċjenti tar-riżorsi. Il-bidla mill-MIC għall-ERCC, li kellha l-persunal u għalhekk kienet aktar aċċessibbli 24/7, kienet fattur importanti ieħor ta’ kisbiet fl-effiċjenza, speċjalment fir-rigward tal-ippjanar u r-rispons imħaffef għall-emerġenzi. Waħda mill-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim kienet li kien hemm lok għal titjib operazzjonali fl-EWS. Minn dak iż-żmien 'lhawn, kien hemm investiment kunsiderevoli fl-EWS. Il-baġit allokat għall-EWS żdied minn EUR 0.7 miljun fl-2009 għal EUR 1.6 miljun fl-2013 u intuża biex tiġi żviluppata kopertura sħiħa kontra l-bosta perikoli kważi f’ħin reali tal-EWS.

    2. Total ta’ madwar EUR 29 miljun ġew allokati għall-korsijiet ta’ taħriġ fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013. Bejn l-2009 u l-2010, l-għadd ta’ korsijiet ta’ taħriġ offruti rdoppja minn sitta għal tnax. Bejn l-2010 u l-2013, kien hemm żieda kostanti ta’ parteċipanti fil-korsijiet ta’ taħriġ, filwaqt li l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji investiti baqa’ kostanti. Il-parteċipanti tat-taħriġ ikkonfermaw li l-parteċipazzjoni fit-taħriġ ħolqot fehim komuni tal-Mekkaniżmu, li mbagħad iġġenera effiċjenzi billi pprovda rispons ikkoordinat u b’hekk aktar effettiv.

    3. Id-daqs ġenerali tal-baġit allokat għall-eżerċizzji ta’ simulazzjoni fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 kien ta’ 'l fuq minn EUR 20 miljun. Skont l-ambitu u l-kumplessità tax-xenarju, il-baġits individwali varjaw ħafna. Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull xenarju, paragun ta' effiċjenza bejn l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni kien diffiċli. Madankollu, skont rapporti finanzjarji u tal-verifika minn partijiet terzi li ġew eżaminati matul l-evalwazzjoni esterna, il-baġit ta’ kull eżerċizzju ta’ simulazzjoni kien meqjus xieraq u proporzjonat mal-għanijiet individwali tagħhom.

    4. L-ammont totali ddedikat għall-programm ta’ skambju ta’ esperti fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 kien jammonta għal EUR 1.75 miljun. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni esterna juru li xi Stati Parteċipanti qiesu l-kapaċità ġenerali tal-programm bħala limitata, u kkummentaw dwar il-ħinijiet ta’ stennija twal biex l-esperti jiġu assenjati għall-iskambji. L-amministrazzjoni attwali tal-iskambji kienet deskritta mill-esperti bħala tajba u l-proċess ta’ għażla kien xieraq u wassal sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-programm.

    5. Il-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 allokaw total ta’ aktar minn EUR 13-il miljun għall-eżerċizzji tal-moduli. Skont l-evalwazzjoni esterna, waqt li l-eżerċizzji tal-moduli kienu ġeneralment ipperċepiti b’mod pożittiv ħafna, xi partijiet ikkonċernati ma kinux ċerti jekk l-investiment fil-preparazzjoni ta’ numru daqshekk sinifikanti ta’ moduli kienx effiċjenti meta s-sehem ta'  moduli li ntużaw fil-fatt taħt il-Mekkaniżmu baqa' relattivament żgħir f’dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, l-eżerċizzji tal-moduli kienu maħsuba li ma nkludewx bl-istess mod it-tipi kollha ta’ moduli, iżda fil-biċċa l-kbira ffukaw fuq ftit.

    6. Il-baġit globali disponibbli għal proġetti ta’ prevenzjoni kien ta’ madwar EUR 14-il miljun u għal proġetti ta’ tħejjija madwar EUR 10.5 miljun fil-perjodu 2007-2013. Il-maġġoranza tal-Istati Parteċipanti li ħadu sehem fl-istħarriġ qiesu li d-daqs tal-baġit kien xieraq u proporzjonat għal dak li l-proġetti kienu maħsuba li jilħqu. Il-biċċa l-kbira tal-baġits tal-proġetti li tlestew kienu proporzjonati fir-rigward tar-rizultati konkreti prodotti.

    7. Il-kunsens fost l-Istati Parteċipanti kien li l-prevenzjoni hija mod kosteffettiv u leġittimu biex jitnaqqsu l-ispejjeż umani u ekonomiċi tad-diżastri. Madankollu, ġie nnutat li ma kienx ċar jekk l-attivitajiet ta’ prevenzjoni kkontribwixxewx kompletament sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-immaniġġjar tad-diżastri fil-livell tal-UE, u kif l-attivitajiet ta’ prevenzjoni kellhom interazzjoni ma’ azzjonijiet oħra tal-Mekkaniżmu.

    8. Il-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 allokaw total ta’ EUR 62.9 miljun għall-assistenza tat-trasport, li rriżulta f’kontribuzzjoni netta tal-Kummissjoni għall-assistenza tat-trasport ta’ madwar EUR 11-il miljun matul dan il-perjodu. Ħarġu żewġ osservazzjonijiet ewlenin fl-evalwazzjoni esterna: il-fażi tal-ġbir flimkien tat-trasport mandata mill-qafas legali kienet maħsuba li tiżgura l-ġbir flimkien effiċjenti u l-operazzjonijiet ta’ trasport kombinati, madankollu, fid-dawl limitat tar-riżultati attwali tal-ġbir flimkien, il-ħtieġa tal-fażi tal-ġbir flimkien ma kinitx ċerta; u għalkemm l-użu tas-sensar tat-trasport kien imfassal b’mod li jiżgura l-kosteffettività, l-użu tiegħu kien madankollu minimu.

    9. Il-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 m'allokawx finanzjamenti separat għall-azzjonijiet tat-tniġġis tal-baħar. Billi t-tniġġis aċċidentali tal-baħar ġie integrat permezz tal-azzjonijiet differenti tal-Mekkaniżmu, dan iddaħħal fil-linji baġitarji differenti u vvalutat bħala parti minnhom.

    10. L-Awtorità Baġitarja tal-UE allokat total ta’ EUR 22.5 miljun għall-proġett pilota u l-azzjonijiet ta’ tħejjija għall-perjodu 2008-2010. L-evalwazzjoni esterna nnutat li l-baġit disponibbli ma kienx adegwat biex jikseb l-attivitajiet ippjanati u li ntuża biex jagħti riżultati konkreti, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons, id-disinn tal-eżerċizzji u/jew il-moduli, il-programmi ta’ taħriġ u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni.

    11. L-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi kienu ffinanzjati permezz ta’ strumenti finanzjarji differenti. Il-Programm ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni Ċivili tal-IPA I kien iffinanzjat taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) għall-perjodu 2010-2012. Il-PPRD tan-Nofsinhar kien fis-seħħ bejn l-2009 u l-2012 b’baġit ta’ EUR 5 miljun, billi l-PPRD tal-Lvant kopra l-perjodu 2010-2014 b’baġit ta’ EUR 6 miljun. Barra minn hekk, il-proġett ta’ Ġestjoni tar-Riskju ta’ Diżastri bejn l-UE u ċ-Ċina li tnieda fl-2012 u kien iffinanzjat permezz tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, b’baġit totali li jammonta għal EUR 6 miljun. L-evalwazzjoni esterna nnutat li minħabba d-diversità tal-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-mekkaniżmu differenti ta’ finanzjament, l-effiċjenza globali tal-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi kienet potenzjalment imnaqqsa minħabba n-nuqqas ta’ qafas globali għal dawn l-azzjonijiet.

    B’mod ġenerali, il-Kummissjoni taqbel mar-riżultati tal-evalwazzjoni esterna li l-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu ġew imfassla biex ikunu kost-effettivi (pereżempju fil-każ ta’ korsijiet ta’ taħriġ, il-baġit baqa’ stabbli bejn l-2010 u l-2013 madankollu l-għadd ta’ parteċipanti li jibbenefikaw mit-taħriġ żdied) u kienu ġeneralment implimentati b’mod effiċjenti. Lil hinn mill-eżami estern tad-dejta kwantitattiva u kwalitattiva, l-esperjenza operazzjonali tal-Kummissjoni mal-Mekkaniżmu tpinġi stampa kemxejn differenti. Pereżempju, l-investiment li żdied fl-EWS kien relattivament żgħir meta mqabbel mal-baġit allokat għal azzjonijiet oħra tal-Mekkaniżmu, iżda wassal għal benefiċċju operattiv sinifikanti għall-Mekkaniżmu. Bl-istess mod, l-investimenti fit-taħriġ wasslu għal għadd kbir ta’ esperti mħarrġa iżda mhux neċessarjament użati fuq operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu; din il-konstatazzjoni tissottovaluta l-benefiċċju sinifikanti li jkun hemm esperti mħarrġa fil-Mekkaniżmu fl-operazzjonijiet nazzjonali u l-potenzjal tagħhom li jferrxu l-għarfien.

    7. IL-VALUR MIŻJUD TAL-UE TAL-AZZJONIJIET TAL-MEKKANIŻMU FL-2007-2013

    L-evalwazzjoni esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

    Il-valur miżjud tal-MIC/ERCC kien differenti ħafna. Għall-Istati Parteċipanti, l-MIC/ERCC irappreżenta servizz komplut għar-rispons għad-diżastri, b’valur miżjud ċar fuq ir-rispons bilaterali. Is-CECIS tqies mill-partijiet ikkonċernati kollha bħala pjattaforma ċentralizzata utli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni b’valur miżjud ċar tal-UE. Għall-pajjiżi terzi u s-sħab internazzjonali, l-MIC/ERCC ippermettilhom li jitolbu assistenza permezz ta’ pjattaforma unika, b'hekk il-kooperazzjoni tkun aktar faċli. L-EWS ippermettiet li l-Istati Parteċipanti jkollhom aċċess għal sistemi ta’ twissija avvanzati li jkopru l-firxa sħiħa ta’ perikli, kif ukoll interfaċċa operattiva/tax-xjenza aktar b’saħħitha biex tippermetti l-innovazzjoni. Il-korsijiet ta’ taħriġ urew valur miżjud qawwi tal-UE, li rriżulta fil-parteċipanti mhux biss jiksbu ħiliet u għarfien dwar il-Mekkaniżmu iżda wkoll fit-tisħiħ tan-netwerk ta’ professjonist tal-protezzjoni ċivili. Kien argumentat mill-evalwazzjoni esterna li dan l-effett ta’ netwerking għamel il-kooperazzjoni u l-interventi aktar faċli. Abbażi tal-intervisti, f’mill-inqas ħamsa minn sitt każijiet, l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni ma kinux iseħħu mingħajr il-kofinanzjament tal-UE. L-iskambju ta’ esperjenzi u tagħlim mill-aqwa prattiki kien wieħed mir-riżultati ewlenin u pprovda wkoll valur miżjud qawwi tal-UE. Barra minn hekk, l-eżerċizzji ppermettew il-ħolqien mill-ġdid ta’ xenarji ta’ emerġenza u tqiesu mill-partijiet ikkonċernati bħala komplementari għall-korsijiet ta’ taħriġ. L-iskambju ta’ esperjenzi u tagħlim mill-aqwa prattiki kien wieħed mir-riżultati ewlenin tal-programm tal-iskambju ta’ esperti. Il-programm irriżulta f’rabtiet b’saħħithom li ġew imrawma fuq livell nazzjonali u Ewropew, li għamel il-kooperazzjoni ħafna eħfef. Mingħajr l-assistenza finanzjarja tal-UE, tqies li ma kienx probabbli li dawn l-iskambji kienu jsiru. Il-valur miżjud tal-UE minn moduli u eżerċizzji tal-moduli huwa ovvju sa fejn dawn direttament appoġġaw ir-rispons nazzjonali għad-diżastri f’pajjiżi affettwati. L-ittestjar tal-ħiliet u l-proċeduri matul l-eżerċizzju tal-modulu ħoloq fehim komuni għal assistenza koordinata. Il-proġetti ta' prevenzjoni u tħejjija kisbu riżultati li ma setgħux jilħqu l-Istati parteċipanti b’mod individwali. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti involvu diversi sħab minn Stati Parteċipanti differenti, u b’hekk tejbu l-għarfien reċiproku u kkontribwixxu għall-bini tal-fiduċja fost l-Istati Parteċipanti. L-attivitajiet ta' prevenzjoni urew il-valur miżjud tal-UE: qabel l-iżvilupp ta’ politika ta’ prevenzjoni fil-livell tal-UE, mhux l-Istati parteċipanti kollha kellhom politiki żviluppati sew immirati lejn il-prevenzjoni tad-diżastri — l-attivitajiet li twettqu fil-livell tal-UE taw inċentivi lil dawk l-Istati Parteċipanti biex jagħmlu sforzi addizzjonali biex jiżviluppaw politiki bħal dawn. L-Istati Parteċipanti bbenefikaw ukoll mill-iskambju ta’ prattiki u laqgħat ta’ esperti fil-livell tal-UE. L-assistenza tat-trasport proposta mill-Mekkaniżmu ġabet valur miżjud tal-UE billi direttament appoġġat l-implimentazzjoni tal-għajnuna ta’ appoġġ għad-diżastri fil-pajjiżi affettwati. Eżempji konkreti jinkludu l-iffrankar tal-ispejjeż fil-livell tal-Istat Parteċipanti u tal-UE bl-appoġġ għall-ġbir flimkien tal-assi ta’ trasport u l-flessibbiltà meta ġġustifikati mis-sitwazzjoni f’dan il-qasam. Il-Mekkaniżmu nstab li wassal valur miżjud tal-UE fit-tniġġis tal-baħar, primarjament billi qarreb il-komunitajiet tat-tniġġis tal-baħar u tal-protezzjoni ċivili aktar lejn xulxin u bl-appoġġ għall-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni fejn meħtieġ. Il-proġetti ta' prevenzjoni u tħejjija tat-tniġġis tal-baħar ġew enfasizzati bħala inizjattiva ta’ valur miżjud ewlenija. Il-proġett pilota u l-azzjonijiet ta' tħejjija kkontribwixxew għall-iżvilupp/disponibbiltà ta’ kapaċitajiet addizzjonali li kieku ma kinux jiġu żviluppati/magħmula disponibbli mill-Istati Parteċipanti b’mod individwali. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Parteċipanti ssaħħet. F’xi każijiet, ir-riżultati tal-azzjonijiet ta' tħejjija wasslu għal valutazzjoni ġenerali tal-ħtiġijiet ta’ kapaċità u għall-użu ta’ proċeduri standard. Il-partijiet ikkonċernati kollha kkonfermaw il-valur miżjud tal-UE tal-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. L-aktar riżultat irrappurtat importanti kien it-tnaqqis tal-impatt tad-diżastri billi tjiebu l-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili. Il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet ta’ pajjiżi terzi kienet ukoll maħsuba li għandha impatt pożittiv fuq il-politiki nazzjonali. Ħafna mill-partijiet ikkonċernati minn pajjiżi terzi intervistati kellhom ukoll esperjenza personali mal-attivazzjonijiet tal-Mekkaniżmu u rrikonoxxew il-valur miżjud tal-UE tagħhom f’pajjiżi terzi.

    Il-Kummissjoni tikkonkludi, abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni esterna, il-lezzjonijiet meħuda minn għadd kbir ta’ operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu fl-Ewropa u lil hinn minnha, u l-feedback minn pajjiżi li talbu l-għajnuna tal-Mekkaniżmu, li l-Mekkaniżmu wera’ valur miżjud tal-UE fuq diversi livelli, inkluż billi saħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Parteċipanti, indirizza l-ħtieġa għal attivitajiet ta’ prevenzjoni xierqa, iffaċilita l-iskjerament ta’ timijiet u assistenza u offra “pakkett” wieħed ta’ appoġġ, inklużi l-esperti, il-moduli u t-TAST tal-protezzjoni ċivili. B’mod ġenerali, il-Mekkaniżmu jikkostitwixxi qasam ta’ politika tal-UE ta’ suċċess b’domanda dejjem tikber mingħand l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra.

    8. KONKLUŻJONIJIET

    B'kont meħud tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni esterna u tal-esperjenza operazzjonali u t-tagħlimiet meħuda tagħha stess, kif ukoll il-valutazzjoni tagħha tal-provi u d-dejta kwalitattivi u kwantitattivi, il-konklużjoni ġenerali tal-Kummissjoni hija li l-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu li rċevew għajnuna finanzjarja fil-perjodu 2007-2013 kellhom prestazzjoni sodisfaċenti ħafna u laħqu l-objettivi tagħhom. L-evalwazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu osservat ġeneralment riżultati tajbin ħafna u wriet b’mod ċar ir-rilevanza, il-koerenza, l-effettività, l-effiċjenza u l-valur miżjud tal-UE tal-Mekkaniżmu kollu kemm hu u tal-azzjonijiet individwali tiegħu. L-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu kienu ta’ suċċess f’ħafna aspetti, mhux inqas fit-titjib tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni u fit-tisħieħ tal-kapaċitajiet ta’ rispons u tħejjija tal-Istati Parteċipanti; b'hekk jiġi pprovdut rispons għall-emerġenzi effiċjenti, rapidu u effettiv; u jiġi pprovdut aċċess għar-riżorsi tat-trasport li jiżguraw rispons rapidu.

    Il-Kummissjoni tinnota l-progress sinifikanti li għamel il-Mekkaniżmu bejn l-2007 u l-2013, mhux b'inqas il-bidla mill-MIC għall-ERCC, l-attenzjoni ikbar fuq il-politika u l-azzjonijiet ta’ prevenzjoni, u ż-żieda fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Ħafna mill-ideat li kienu qed jitwieldu fil-bidu tal-perjodu tal-evalwazzjoni issa huma azzjonijiet komprensivi tal-Mekkaniżmu li jwasslu benefiċċji sinifikanti lill-Istati Parteċipanti bħalma huma l-assistenza tat-trasport u l-kunċett tal-moduli. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll il-progress sostanzjali magħmul mill-Mekkaniżmu mindu sar ir-rapport ta’ evalwazzjoni Interim fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li kollha ġew ikkunsidrati sa tmiem il-perjodu ta’ evalwazzjoni u ġew implimentati jew qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati, inkluż bħala riżultat tad-Deċiżjoni tal-2013.

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni Ewropej fil-qasam tal-protezzjoni ċivili għamlu progress sostanzjali mill-2007 u stabbilixxew bażi tajba biex jitkomplew dawn l-iżviluppi pożittivi. L-evalwazzjoni esterna toffri għadd ta’ eżempji pożittivi li juru l-estent sa fejn il-Mekkaniżmu u l-koordinazzjoni tar-rispons tal-UE għad-diżastri evolvew u saru aħjar biex jilħqu l-għanijiet. Il-finanzjament tas-CPFI użat għal dan l-għan iġġenera valur miżjud tal-UE sostanzjali.

    L-evalwazzjoni esterna, minkejja l-valutazzjoni pożittiva tagħha tal-prestazzjoni tal-Mekkaniżmu u l-azzjonijiet kollha tiegħu, enfasizzat ukoll xi potenzjal għal aktar titjib. L-aktar rakkomandazzjonijiet sinifikanti inkludew il-ħolqien ta' qafas aktar koerenti għall-azzjonijiet ta’ tħejjija tal-Mekkaniżmu, inklużi eżerċizzji, taħriġ, proġetti, skambji ta’ esperti, u ppjanar aħjar, kif ukoll proċeduri ta’ rispons aktar simplifikati u rati ogħla ta’ kofinanzjament tat-trasport mill-UE. Il-Kummissjoni taqbel li f’għadd ta’ oqsma għad hemm lok biex jissaħħaħ u jiġi żviluppat aktar il-mekkaniżmu u tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni esterna.

    Id-Deċiżjoni tal-2013 tipprovdi l-bażi legali għal aktar progress sinifikanti fil-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons, u speċifikament tindirizza ħafna mill-kwistjonijiet identifikati fl-evalwazzjoni esterna (pereżempju d-Deċiżjoni tal-2013 teħtieġ qafas strateġiku għall-eżerċizzji ta’ simulazzjoni). Il-Kummissjoni għalhekk se timmira li tieħu kont tal-biċċa l-kbira ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet fl-implimentazzjoni li diġà għaddejja tad-Deċiżjoni tal-2013. Ir-rakkomandazzjonijiet relatati mal-operazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-ħidma kontinwa dwar it-titjib tal-proċeduri (pereżempju s-sejħiet għall-proposti) jew it-tmexxija ta’ programmi.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta' dawn ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet.

    [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta' Ottubru 2001 li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju li jiffaċilita l-kooperazzjoni msaħħa fl-interventi ta' assistenza tal-protezzjoni ċivili (link)

    [2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom tat-8 ta’ Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili (imfassla mill-ġdid) (link)

    [3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom tal-5 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (Civil Protection Financial Instrument, CPFI) (link)

    [4] Id-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (link)

    [5] COM(2011) 696 finali (link)

    [6] SEC(2011) 1311 finali (link)

    [7] Proġetti pilota u azzjonijiet ta' tħejjija f’konformità mal-Artikolu 49(6) (a) u (b) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ir-Regolament Finanzjarju); Il-linja baġitarja tal-UE għall-2008 07 04 04 u 07 04 05; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008)1740; Il-linja baġitarja tal-UE għall-2009 07 04 05; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3356; Il-linja baġitarja tal-UE għall-2010 07 04 05; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010)1206  

    [8] L-EWS żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (Joint Research Centre, JRC) tinkludi s-Sistema Globali ta' Twissijiet u l-Koordinazzjoni għad-Diżastri (Global Disaster Alerts and Coordination System, GDACS), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti (European Forest Fire Information System, EFFIS) u s-sistema Ewropea ta’ Twissija għall-Għargħar (European Flood Alert System, EFAS)

    [9] Il-MIC/ERCC jiżgura wkoll koordinazzjoni operattiva tas-Servizz tal-Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus, li nbeda fl-2012, inkluż il-komponent tiegħu ta' evalwazzjoni u l-interazzjoni ma’ utenti awtorizzati

    [10] Statistika uffiċjali tal-MIC/ERCC; ara wkoll ir-rapport ta’ evalwazzjoni esterna, paġni 32-34, 53-56; 69-71, 77-78, 114-116

    Top