Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE1593

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew għall-Investiment dwar “Il-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem” (COM(2015) 80 final) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020” (COM(2015) 80 final)

    ĠU C 383, 17.11.2015, p. 84–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 383/84


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew għall-Investiment dwar “Il-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem”

    (COM(2015) 80 final)

    u

    l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020”

    (COM(2015) 80 final)

    (2015/C 383/12)

    Relatur:

    is-Sinjura Ulla SIRKEINEN

    Korelatur:

    is-Sur Pierre-Jean COULON

    Nhar id-9 u nhar il-25 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew għall-Investiment dwar “Il-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem”

    (COM(2015) 80 final), u

    l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020”

    (COM(2015) 80 final).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju 2015.

    Matul il-509 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-1 u t-2 ta’ Lulju 2015 (seduta tal-1 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni unanimament b’100 vot.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    Il-KESE jikkonkludi li

    1.1

    Sa ċertu punt il-politika tal-enerġija tal-UE rnexxielha b’mod partikolari żżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-għażla għall-konsumatur. Xorta waħda ħafna mill-kwistjonijiet ta’ politika tal-enerġija huma trattati bħala interessi nazzjonali.

    1.2

    L-isfidi żdiedu: riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass; spejjeż ogħla tal-enerġija li jolqtu lill-konsumaturi u jdgħajfu l-kompetittività industrijali; l-effetti ta’ proporzjonijiet akbar ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti fuq l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku.

    1.3

    Hemm bżonn ta’ investimenti massivi biex tiġi żgurata provvista tal-enerġija fl-Ewropa. L-investituri jeħtieġu qafas politiku prevedibbli u affidabbli kemm jista’ jkun.

    1.4

    Sabiex jintlaħaq dak mistenni mill-Ewropej, l-enerġija għandha tiġi indirizzata b’mod aktar koerenti. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u suq intern tal-enerġija li jiffunzjona bis-sħiħ huma inevitabbli.

    1.5

    Qed tiġi approvata l-proposta għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea, u l-implimentazzjoni tagħha hija urġenti. Dan jista’ jwassal sabiex il-moviment liberu tal-enerġija jsir il-ħames libertà tal-UE!

    Il-KESE jirrakkomanda li

    1.6

    Biex din l-inizjattiva tirnexxi se tkun teħtieġ messaġġ aktar ċar – viżjoni ta’ tmexxija – dwar dak li ċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej se jiggwadanjaw mill-Unjoni tal-Enerġija.

    1.7

    Apparti s-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà, għandha tingħata prijorità għolja lill-ispejjeż ogħla tal-enerġija għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. Fejn iż-żidiet fil-prezzijiet finali tal-elettriku huma dovuti għal azzjoni politika, wieħed jistenna bir-raġun kollu li ssir korrezzjoni.

    1.8

    L-enerġija għandha ssir parti ewlenija tal-poltiki esterni tal-UE fid-dawl ta’ kompetizzjoni dejjem akbar għal sorsi tal-enerġija u l-ħtieġa li jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista.

    1.9

    Fit-tħejjija ta’ proposti għal reviżjonijiet ta’ partijiet differenti tal-leġislazzjoni dwar l-enerġija, kif proposti fil-pjan direzzjonali u appoġġjati mill-KESE, il-Kummissjoni għandha tevita l-inkonsistenzi u ż-żieda fl-ispejjeż, iżda pjuttost għandha tipprova tissemplifika l-proċessi.

    1.10

    Għandhom jiġu żviluppati metodi għall-involviment tal-konsumaturi b’kooperazzjoni mal-konsumaturi stess, inkluż bl-użu innovattiv tal-ICT. Il-faqar enerġetiku għandu jiġi indirizzat primarjament permezz ta’ miżuri ta’ politika soċjali.

    1.11

    Biex jiġi sfruttat il-potenzjal kbir ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika fil-bini u, b’mod partikolari, fit-trasport, hemm bżonn ideat għal finanzjament innovattivi.

    1.12

    Hemm ħtieġa għal riforma strutturali tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (EU ETS), filwaqt li huma daqstant ieħor importanti l-miżuri f’setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS.

    1.13

    Sakemm jintlaħqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fuq livell globali trid titqies bis-serjetà l-problema tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-atturi bl-aħjar prestazzjonijiet industrijali għandhom jingħataw kumpens sħiħ għal żidiet fl-ispejjeż diretti jew indiretti.

    1.14

    L-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, inkluża l-bijoenerġija, jitlob appoġġ iżda dan ma għandux iżid l-ispejjeż għall-utent.

    1.15

    Is-soluzzjoni tal-isfidi futuri tal-enerġija titlob finanzjament aktar qawwi għar-riċerka u l-innovazzjoni. Meta l-enerġija tiġi tratttata bħala input fil-produzzjoni bl-iktar mod effiċjenti u sostenibbli possibbli, dan joffri potenzjal wiesa’ għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE.

    1.16

    Governanza ġdida tal-politika dwar l-enerġija għandha tiżgura l-koerenza bejn aspetti differenti tal-enerġija kif ukoll li jintlaħqu l-miri fil-livell tal-UE. Id-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija (DEE), propost mill-KESE, għandu jiġi attivat mingħajr dewmien biex iservi ta’ appoġġ.

    1.17

    Għandhom jiġu implimentati b’mod urġenti l-miżuri biex tiżdied l-interkonnessjoni tal-grilji tal-elettriku, inklużi proċessi ta’ approvazzjoni aktar rapidi. Għandu jiġi mistħarreġ jekk tkunx tassew vijabbli mira ugwali għal kulħadd.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Il-politika tal-enerġija fl-UE għandha tliet għanijiet ewlenin: is-sigurtà tal-provvista, is-sostenibbiltà u l-kompetittività. Il-leġislazzjoni tal-UE tkopri s-swieq tal-enerġija kif ukoll l-aspetti ambjentali u klimatiċi tal-enerġija. Il-finanzjament tal-UE jappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp fl-enerġija u l-iżvilupp tal-infrastruttura. Min-natura tagħha, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija prinċipalment responsabbiltà lokali jew nazzjonali, u għandhom jiġu osservati aspetti tas-suq intern. It-Trattati jagħtu lill-Istati Membri d-dritt li jiddeċiedu dwar l-użu tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom u t-taħlita tal-enerġija tagħhom.

    2.2

    Il-politiki dwar l-enerġija fl-Ewropa rnexxew sa ċertu punt. Il-miri (20-20-20 sal-2020) stabbiliti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u jiżdied l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jidher li se jintlaħqu qabel iż-żmien u l-effiċjenza tal-enerġija tidher li se tkun żviluppata kważi sal-mira stabbilita, għalkemm sa ċertu punt dan huwa riżultat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Is-swieq ġew miftuħa u l-għażla tal-konsumatur żdiedet. Madankollu, fil-prattika l-politika dwar l-enerġija tiġi ttrattata prinċipalment bħala kwistjoni nazzjonali. L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE twettqet bil-mod jew b’mod mhux komplet, u għadu ma ntlaħaqx suq intern li jiffunzjona verament. Fil-livelli tal-UE u nazzjonali, il-politiki dwar aspetti differenti tal-enerġija kienu frammentati u ta’ spiss żbilanċjati.

    2.3

    Sabiex dan jinbidel, fl-2010, l-Istitut Notre Europe-Jacques Delors ippropona l-ħolqien ta’ Komunità tal-Enerġija Ewropea. Din l-inizjattiva kellha l-appoġġ attiv tal-KESE.

    2.4

    Dan l-aħħar, ħarġu fid-dieher sfidi ġodda tal-enerġija. It-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija kiber ħafna f’xi Stati Membri. Il-konsumaturi, speċjalment dawk vulnerabbli, qed iġarrbu żieda fl-ispejjeż tal-enerġija minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. L-industrija qed issibha diffiċli li tkun kompetittiva fil-konfront ta’ prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi f’reġjuni kompetittivi u jekk jissokta t-tnaqqis industrijali f’ħafna Stati Membri flimkien mar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, mhux biss l-impjiegi u t-tkabbir, iżda anke t-tranżizzjoni tal-enerġija stess se tkun mhedda. Minkejja suċċessi kbar fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, l-Ewropa qiegħda fil-periklu li titlef il-pożizzjoni mexxejja tagħha. F’xi pajjiżi l-proporzjon dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli qed iwassal għal problemi ta’ ġestjoni tas-sistema tal-elettriku u l-produzzjoni tradizzjonali tal-enerġija kulma jmur mhux qed tħalli qligħ. Skont, il-Kummissjoni (1), jinħtieġu investimenti ta’ madwar EUR 2  000 biljun għall-perjodu bejn l-2020 u l-2030 biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija, inklużi l-investimenti fil-grilji u fil-produzzjoni, indipendentement minn jekk jintużawx sorsi tradizzjonali jew alternattivi ta’ enerġija.

    3.   Il-Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni

    3.1

    Għall-Kummissjoni l-ġdida taħt Jean-Claude Juncker, il-politika tal-enerġija hija waħda mill-għaxar oqsma ta’ prijorità. F’Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew issettja l-miri għall-politika dwar l-enerġija u l-klima sal-2030: tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mil-livell tal-1990, proporzjon tal-enerġija rinnovabbli ta’ mill-inqas 27 % u effiċjenza enerġetika ta’ mill-inqas 27 %.

    3.2

    Fil-25 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni tagħha dwar Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ‘il quddiem  (2) L-istrateġija għandha ħames dimensjonijiet interrelatati u li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku maħsubin biex iġibu aktar sigurtà tal-enerġija, sostenibilità u kompetittività:

    sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja;

    suq tal-enerġija Ewropew integrat bis-sħiħ;

    effiċjenza enerġetika li tikkontribwixxi għall-moderazzjoni tad-domanda;

    dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; u

    riċerka, innovazzjoni u kompetittività.

    3.3

    L-istrateġija tippreżenta l-viżjoni ġenerali tal-Kummissjoni għal Unjoni tal-Enerġija. Abbażi ta’ deskrizzjonijiet qosra tal-isfidi fil-ħames dimensjonijiet, din tipproponi 15-il punt ta’ azzjoni. Pjan direzzjonali li huwa mehmuż jelenka l-azzjonijiet ippjanati tal-Kummissjoni, li jkopru prinċipalment din is-sena u l-2016. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn huma reviżjonijiet ta’ leġislazzjoni eżistenti.

    3.4

    Fl-istess pakkett, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar Il-ksib tal-mira ta’ 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020  (3) u Komunikazzjoni dwar Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020  (4).

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Il-Kumitat iqis li l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea tixbah l-idea preċedenti ta’ Komunità tal-Enerġija Ewropea, u għaldaqstant jappoġġja din l-inizjattiva.

    4.2

    Sabiex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet enormi, l-investituri jeħtieġu kemm jista’ jkun malajr qafas leġislattiv prevedibbli u affidabbli għall-perjodu mill-2020 ‘il quddiem. Il-punti ta’ azzjoni u l-pjan direzzjonali ppreżentati mill-Kummissjoni ma jinkludux bidliet kbar, iżda r-reviżjoni u l-aġġornament tal-leġislazzjoni attwali. L-aktar ħaġa importanti hija l-implimentazzjoni. Issa huwa importanti ferm li ma niddevjawx mill-ħeffa tal-iskeda ta’ żmien. Naturalment huwa daqstant ieħor importanti li la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma jipprokrastinawx dwar dawn il-kwistjonijiet.

    4.3

    Madankollu, skont il-KESE, biex din l-inizjattiva tirnexxi se jkun meħtieġ messaġġ aktar ċar – viżjoni ta’ tmexxija – dwar dak li ċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej se jiggwadanjaw mill-Unjoni tal-Enerġija. Dawk kollha involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom iżommu dejjem f’moħħhom din il-viżjoni.

    4.4

    Ħafna partijiet interessati jinsabu mħassbin dwar leġislazzjoni inkonsistenti u interferenza f’numru kbir wisq ta’ aspetti tal-ekonomija tal-enerġija. Sabiex jintlaħaq dak mistenni mill-Ewropej, b’mod partikolari b’rabta mal-isfidi ġodda, l-enerġija għandha tiġi indirizzata b’mod aktar koerenti. Dan japplika għall-għanijiet u l-oqsma differenti ta’ politika kif ukoll l-interessi nazzjonali meta mqabbla mal-interessi komuni tal-UE aktar ġenerali.

    4.5

    Il-KESE huwa konvint li biex jintlaħqu l-għanijiet tal-poltika tal-enerġija bilfors irid ikun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u suq intern tal-enerġija li jiffunzjona bis-sħiħ. Aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma meħtieġa sabiex titnaqqas id-dipendenza esterna u l-emissjonijiet. Huwa diġà ċar li sistema tal-elettriku b’ishma akbar ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti se tkun teħtieġ suq akbar minn dak nazzjonali biex tkun tista’ tiffunzjona aħjar. L-ispejjeż għal riserva alternattiva (back-up), kapaċità massima u ħżin (tal-gass) huma wkoll iktar baxxi f’suq akbar.

    4.6

    Apparti s-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà, għandha tingħata prijorità għolja lill-ispejjeż ogħla tal-enerġija għaċ-ċittadini u l-intrapriżi. F’sitwazzjoni fejn iċ-ċittadini jħossuhom aktar u aktar maqtugħa mill-UE u jinsabu f’diffikultajiet minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-ispejjeż tal-enerġija bla dubju jkunu tħassib ewlieni. L-istess jgħodd għall-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, u l-ħaddiema tagħhom li jikkompetu fis-swieq internazzjonali.

    4.7

    Fejn iż-żidiet fil-prezzijiet finali tal-enerġija, b’mod partikolari għall-elettriku, huma prinċipalment dovuti għal deċiżjonijiet politiċi dwar it-taxxi u l-imposti, il-korrezzjoni ta’ dan tista’ tkun ġustament mistennija. Il-Kummissjoni għandha tissokta bil-pjani tagħha dwar ir-reviżjoni tal-prezzijiet u l-gwida għall-miżuri ta’ appoġġ. Fl-istess ħin il-Kummissjoni għandha tispjega x’effetti fuq il-prezzijiet ser ikollhom it-tibdiliet ippjanati fl-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet, kif ukoll it-tnaqqis imwiegħed tas-sussidji għal sorsi tal-enerġija li huma ta’ ħsara għall-ambjent (5).

    5.   Kummenti speċifiċi

    Sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja

    5.1

    Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-ixpruni ewlenin għas-sigurtà tal-provvista huma l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija u konsum tal-enerġija aktar effiċjenti. Barra dan, ix-xena ġeopolitika internazzjonali jistħoqqilha ħafna aktar attenzjoni. Il-kompetizzjoni globali għar-riżorsi tal-enerġija se tiħrax, u din flimkien mad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija lejn l-UE għandhom ikunu partijiet ċentrali tal-azzjonijiet ta’ politika esterna u tal-kummerċ tal-UE.

    5.2

    Id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija hija prinċipalment kwistjoni ta’ taħlita tal-enerġija u l-għażliet fil-provvista fil-livell nazzjonali. L-UE tista’ u għandha tappoġġja l-iżvilupp infrastrutturali. Il-provvista tal-gass issa qed tingħata attenzjoni speċjali. L-iżvilupp fid-domanda għall-gass fl-UE għandu jiġi mistħarreġ bir-reqqa, u l-projezzjonijiet għall-investimenti fl-infrastruttura għandhom jiġu adattati għal dan. Għandha tingħata aktar attenzjoni għal sorsi oħra ta’ enerġija, bħal dawk indiġeni.

    5.3

    Għandu jkun ovvju għall-Istati Membri li jkun jaqblilhom jikkooperaw aktar mill-qrib u jiskambjaw l-informazzjoni f’suq – tal-gass jew oħrajn – fejn jiffaċċjaw fornitur dominanti jew kartell. Madankollu, il-kooperazzjoni ma għandhiex tkun ta’ xkiel għall-funzjonament tas-suq. Huwa mistenni li jkun hemm solidarjetà bejn l-Istati Membri iżda din tista’ tkun ibbażata biss fuq il-fiduċja u r-rispett ta’ impenji u regoli komuni. Il-problemi tal-gżejjer tal-enerġija jeħtieġu attenzjoni speċjali, inklużi l-ispeċifiċitajiet ta’ gżejjer meta mqabbla mal-kontinent.

    Suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ

    5.4

    L-aġġornament tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass huwa ta’ importanza ewlenija biex tintlaħaq Unjoni tal-Enerġija. Il-kwistjoni dwar l-interkonnessjoni tal-elettriku ser tiġi diskussa fil-kapitolu 6 abbażi tal-Komunikazzjoni dwar dan is-suġġett.

    5.5

    L-enerġija, speċjalment is-swieq tal-elettriku, ibatu mill-implimentazzjoni mhux kompluta tad-direttivi rilevanti u mill-kooperazzjoni li għadha dgħajfa bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u r-regolaturi nazzjonali. Il-KESE jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, iżda jwissi kontra żieda fil-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż.

    5.6

    Ir-rabtiet bejn is-swieq tal-ingrossa u dawk tal-imnut huma dgħajfa, jew tal-inqas oskuri – hemm bżonn ta’ aktar trasparenza għall-ipprezzar. Jidher li n-nuqqas ta’ sinjali tal-prezzijiet għall-investimenti u n-nuqqas ta’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda huma kwistjonijiet ewlenin. L-isfidi huma l-proporzjon akbar ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-kwistjoni ta’ kapaċità żejda meta mqabbla mal-ħtieġa għal bilanċ u kapaċità li tlaħħaq mal-livell massimu. Tinħtieġ reviżjoni tar-regolazzjoni relevanti, iżda fl-abbozzar il-Kummissjoni għandha tevita ż-żieda fl-ispejjeż tal-utenti filwaqt li tappoġġa soluzzjonijiet li jwasslu għal swieq transkonfinali.

    5.7

    Is-swieq tal-elettriku u tal-gass qegħdin dejjem aktar jiżviluppaw fi swieq reġjonali de facto ta’ pajjiżi ġirien. Dan huwa żvilupp pożittiv, fit-triq lejn swieq mifruxa mal-UE kollha, u għandu jkollu l-appoġġ ta’ dawk li jagħmlu r-regoli. B’mod partikolari, il-prattiki tajbin u l-esperjenzi għandhom jiġu kondiviżi bejn ir-reġjuni u, tabilħaqq, l-UE. Hawnhekk ukoll, għandhom jiġu evitati aktar piżijiet amministrattivi.

    5.8

    Huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-konsumaturi jipparteċipaw fis-swieq tal-enerġija, iżda dan ma jistax isir bil-forza. Jeħtieġ li jiġu żviluppati metodi magħżula bir-reqqa, b’mod partikolari l-użu innovattiv tal-ICT, f’kooperazzjoni mal-konsumaturi stess sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-rispons skont id-domanda u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż.

    5.9

    Il-konsumaturi vulnerabbli huma saħansitra aktar vulnerabbli fis-sitwazzjoni ekonomika tal-lum f’ħafna Stati Membri. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li għandhom jiġu appoġġjati primarjament dawn il-konsumaturi permezz ta’ miżuri ta’ politika soċjali suffiċjenti. L-osservatorju tal-faqar enerġetiku, propost mill-Kumitat aktar kmieni, għandu jgħin biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet reali.

    L-effiċjenza enerġetika bħala kontribut għall-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija

    5.10

    Dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-biċċa l-kbira tax-xogħol irid isir fil-livell nazzjonali u lokali. Miżuri tal-UE li rnexxew f’dan il-qasam kienu r-regoli dwar l-ittikkettar u l-ekodisinn, li jeħtieġ jiġu riveduti regolarment.

    5.11

    Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposti li jiżguraw li l-miżuri ta’ effiċjenza u ta’ r-rispons skont id-domanda jkunu jistgħu jikkompetu fuq termini ugwali fis-suq tal-enerġija, sakemm dan jitfassal biex jissodisfa l-interessi reali tal-utenti.

    5.12

    Il-KESE jaqbel li fis-setturi tal-bini u tat-trasport il-potenzjal tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija – jew fil-fatt l-iffrankar – huwa kbir u għandu jiġi sfruttat permezz ta’ miżuri mfassla bir-reqqa. Pereżempju, iċ-ċertifikazzjoni tal-enerġija u s-sistemi ta’ tikkettar tal-materjal tal-bini jkunu jeħtieġu reviżjonijiet. Hawn domanda għall-ideat għal finanzjament innovattiv.

    Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija

    5.13

    Il-KESE qed iħejji opinjoni separata dwar “it-triq lejn Pariġi”. Il-KESE prinċipalment jappoġġja l-isforzi tal-UE dwar din ir-rotta għal kollox kruċjali biex jintlaħqu biżżejjed impenji globali legalment vinkolanti.

    5.14

    Il-KESE jappoġġja wkoll, bħal f’opinjonijiet preċedenti, il-proposti ta’ riforma strutturali tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet (EU ETS). Daqstant importanti huma d-deċiżjonijiet dwar miżuri futuri, prinċipalment dawk nazzjonali, fis-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS.

    5.15

    Sakemm jintlaħqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fuq livell globali, l-UE trid tqis bis-serjetà l-problema tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-industriji li jużaw ħafna enerġija li huma mhedda mir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju għandhom jiġu żgurati kumpens għal żidiet fl-ispejjeż tal-EU ETS kemm diretti kif ukoll indiretti b’rabta mal-effiċjenza tal-gassijiet b’effett ta’ serra tagħhom, filwaqt li jingħata kumpens sħiħ lil dawk bl-aħjar prestazzjoni. Għall-kumpens indirett hemm bżonn qafas mifrux mal-UE kollha sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-UE.

    5.16

    Il-KESE bi pjaċir jappoġġja l-objettiv li jiżgura li l-UE tkun fuq quddiem nett f’livell dinji rigward l-enerġija rinnovabbli. Hemm bżonn ta’ miżuri ta’ appoġġ, iżda dawn għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq, ikunu bbażati fuq is-suq u jevitaw żieda fil-prezzijiet tal-utent aħħari tal-enerġija. L-appoġġ għal teknoloġiji maturi u kompetittivi għandu jitneħħa gradwalment. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni.

    5.17

    Barra mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-UE għandu jkollha bħala għan l-iżvilupp ta’ kull tip ta’ teknoloġija u soluzzjoni ta’ dekarbonizzazzjoni – teknoloġija nadifa.

    5.18

    Il-KESE jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-UE teħtieġ investimenti fil-bijoekonomija bbażata fuq il-pjanti bħala sors importanti ta’ enerġija rinnovabbli mhux intermittenti. Fit-tħejjija tal-pjani għal dan il-qasam għandu jitqies l-impatt fuq l-ambjent, l-użu tal-art u l-produzzjoni tal-ikel. Anke l-idroenerġija għandha potenzjal x’toffri.

    Unjoni tal-Enerġija għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kompetittività

    5.19

    Il-KESE jappoġġja l-istrateġija l-ġdida proposta għar-riċerka u l-innovazzjoni iżda jtenni l-fehma tiegħu minn opinjonijiet preċedenti li huma meħtieġa aktar riżorsi biex jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi futuri tal-enerġija. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa, b’mod partikolari, li jitħeġġeġ il-finanzjament privat bl-użu ta’ miżuri tal-UE u li jkun hemm aktar involviment fil-kooperazzjoni globali dwar ir-riċerka u l-iżvilupp.

    5.20

    Madankollu, il-kompetittività tal-UE ma tfissirx biss li jkollha l-aħjar teknoloġiji rigward l-enerġija u l-klima. Huwa daqstant ieħor important, jekk mhux iktar, li l-enerġija titqies bħala input għall-produzzjoni bl-iktar mod effiċjenti u sostenibbli possibbli, f’mod aħjar mill-kompetituri. Dan huwa mod aktar mifrux u sigur biex jiġu żgurati t-tkabbir u aktar impjiegi fl-Ewropa.

    5.21

    It-tranżizzjoni hija eminenti fis-setturi kollha tal-ekonomija. Il-KESE jenfasizza l-fehma qawwija tiegħu li t-tranżizzjoni għandha tkun ġusta u ekwa. It-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma miżuri ewlenin għas-suċċess. Id-djalogu soċjali fil-livelli nazzjonali u tal-UE għandu rwol ċentrali f’dan il-proċess.

    Il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija

    5.22

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura koerenza bejn l-aspetti differenti tal-politika dwar l-enerġija u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-governanza l-ġdida għandha timmira li jintlaħqu l-miri fil-livell tal-UE għall-2030. Madankollu ma għandhomx jitqiegħdu aktar obbligi ta’ ppjanar jew rapportar fuq l-Istati Membri, u minflok, għandhom jiġu semplifikati r-rekwiżiti attwali.

    5.23

    Il-KESE jinsab kuntent li l-inizjattiva tiegħu għal djalogu dwar l-enerġija mal-partijiet interessati ntlaqgħet mill-Kummissjoni. Issa huwa mistenni pjan ta’ azzjoni dettaljat.

    6.   Rimarki dwar il-komunikazzjoni dwar il-kisba tal-mira ta’ interkonnessjoni ta’ 10 %

    6.1

    Proporzjonijiet ogħla ta’ elettriku intermittenti u rinnovabbli jeħtieġu kapaċità tan-netwerk akbar, l-istess bħal fil-każ tal-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż għal kapaċità massima u għal kapaċità ta’ riserva. Il-bżonn għal aktar kapaċità ta’ interkonnessjoni huwa ovvju f’ħafna każijiet, u saħansitra urġenti. Hija sorpriża li f’ħafna każijiet il-mira ta’ 10 % għadha ‘l bogħod milli tintlaħaq. Il-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni huma milqugħa b’sodisfazzjon. Il-KESE kkummenta aktar kmieni dwar din il-kwistjoni, inkluż f’opinjoni fuq inizjattiva proprja reċenti dwar il-kooperazzjoni Ewropea fin-netwerks tal-enerġija.

    6.2

    L-approċċ skont Proġetti ta’ Interess Komuni jidher li huwa adatt. Jidher ukoll li jkun effettiv li tingħata prijorità għall-finanzjament ta’ proġetti li jżidu b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ interkonnessjoni mil-livelli li attwalment huma taħt l-10 %. Iżda jidher ukoll raġonevoli li tittieħed kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiżi kkonċernati.

    6.3

    L-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament TEN-E hija urġenti. L-isforzi biex jitqassar it-tul tal-proċeduri ta’ approvazzjoni huma meħtieġa ħafna. Barra minn hekk, dan huwa qasam fejn għandhom jiġu mistħarrġa l-possibbiltajiet kollha għall-iffaċilitar u t-tħaffif tal-proċessi permezz tal-involviment bikri tal-partijiet interessati lokali. Għal dan il-għan, il-KESE ppropona, fost oħrajn, li jitwaqqaf Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija. Dan għandu jitqies meta tiġi żviluppata l-proposta dwar Forum tal-Infrastruttura tal-Enerġija.

    6.4

    Madankollu, jista’ jiġi esplorat jekk mira komuni għall-Istati Membri kollha, irrispettivament mid-daqs, it-taħlita tal-enerġija, il-viċinat eċċ., tkunx verament vijabbli. Prezz tal-elettriku li ma jkomplix jogħla jista’ jintuża bħala indikatur ta’ kapaċità ta’ interkonnetturi suffiċjenti.

    Brussell, l-1 ta’ Lulju 2015.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  COM(2014) 903 final

    (2)  COM(2015) 80 final

    (3)  COM(2015) 82 final

    (4)  COM(2015) 81 final

    (5)  Il-Fond Monetarju Internazzjonali jistma li dawn ser jammontaw għal EUR 330 biljun fis-sena għall-Ewropa.


    Top