Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0638

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat

/* COM/2014/0638 final - 2014/0297 (NLE) */

52014PC0638

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat /* COM/2014/0638 final - 2014/0297 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Nies għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat irid ikollhom aċċess ugwali għal kotba u materjal stampat biex jieħdu sehem fis-soċjetà b’mod sħiħ u effettiv. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa testima li 285 miljun persuna madwar id-dinja kollha għandhom diżabbiltà fil-vista: 39 miljun huma għomja u 246 miljun għandhom vista batuta[1]. Il-World Blind Union tgħid li fl-Ewropa 5 % biss tal-kotba pubblikati huma disponibbli f'format aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà fil-vista, filwaqt li fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw – fejn jgħixu madwar 90 % tal-persuni b'diżabbiltà fil-vista – din ir-rata tinżel għal saħansitra 1 %[2].

Kopji ta' kotba f'formati aċċessibbli normalment issa qed jiġu prodotti u mqassma fil-livell nazzjonali, minn organizzazzjonijiet speċjalizzati, pereżempju libreriji għall-għomja, b'liċenzji jew skont limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, in-nuqqas ta’ qafas legali internazzjonali li jippermetti l-iskambju transfruntier ta’ formati aċċessibbli prodotti skont limitazzjoni jew eċċezzjoni jwassal għal duplikazzjoni tal-isforzi biex isiru dawn il-kopji, saħansitra bejn pajjiżi li jużaw l-istess lingwa. Din hija problema minħabba l-kostijiet tal-produzzjoni tal-kopji f’formati aċċessibbli u r-riżorsi limitati disponibbli għall-organizzazzjonijiet li jaqdu lill-għomja.

L-Unjoni Ewropea ilha marbuta mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà minn Jannar 2011. Din tiġbor fiha d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni (l-Artikolu 21) u d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jieħdu sehem fil-ħajja kulturali fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor (l-Artikolu 30). Il-Konvenzjoni saret parti integrali mill-ordni ġuridiku tal-UE. Ħamsa u għoxrin Stat Membru huma partijiet għall-Konvenzjoni u tliet pajjiżi qed jiffinalizzaw ir-ratifika.

Fl-2009 bdew negozjati fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar il-possibbiltà ta’ trattat internazzjonali li jintroduċi limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur għall-benefiċċju ta' persuni li huma għomja, għandhom diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iskambju transfruntier ta’ kopji f'format aċċessibbli.

Fis-26 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa f’dawn in-negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea[3]. In-negozjati tal-WIPO ġew konklużi b’suċċess fil-konferenza diplomatika li saret f’Marrakexx bejn is-17 u t-28 ta’ Ġunju 2013. Dawn wasslu għall-adozzjoni tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, li għandhom Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat ("it-Trattat") fis-27 ta' Ġunju 2013.

It-Trattat jistabbilixxi sett ta’ regoli internazzjonali li jiżguraw li hemm limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur fil-livell nazzjonali għall-benefiċċju ta’ persuni għomja, li għandhom diżabbiltà fil-vista jew li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, u li jippermettu l-iskambju transfruntier ta’ kopji f'formati aċċessibbli ta’ xogħlijiet pubblikati li jkunu saru skont eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur fi kwalunkwe Parti Kontraenti għat-Trattat.

Il-Kunsill awtorizza l-iffirmar tat-Trattat f’isem l-Unjoni Ewropea[4] fl-14 ta’ April 2014.

B’din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni tfittex awtorizzazzjoni mill-Kunsill, wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, biex tikkonkludi t-Trattat f’isem l-Unjoni Ewropea.

2.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

2.1 Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat

Il-"benefiċjarji" tat-Trattat huma persuni li huma għomja, għandhom diżabbiltà fil-vista jew diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex jaqraw, jew b'xi mod ieħor ma jistgħux, minħabba diżabbiltà fiżika jżommu jew jimmanipulaw ktieb jew jiffokaw jew iċaqalqu għajnejhom sal-grad li normalment ikun aċċettabbli għall-qari.

It-Trattat jobbliga lil kull Parti Kontraenti li, fil-liġijiet nazzjonali tagħha tad-drittijiet tal-awtur, tipprovdi limitazzjoni jew eċċezzjoni għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ distribuzzjoni u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni pubblika sabiex tiġi ffaċilitata d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet f'formati aċċessibbli għall-benefiċjarji tat-Trattat[5]. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw dawn il-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet għal każijiet fejn kopji f'format aċċessibbli ma jkunux kummerċjalment disponibbli skont termini raġonevoli għall-benefiċjarji fit-territorju tagħhom.

It-Trattat jiddefinixxi “xogħlijiet” bħala xogħlijiet letterarji u artistiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (“il-Konvenzjoni ta’ Berna”), fil-forma ta’ test, notazzjoni u/jew illustrazzjonijiet relatati, kemm jekk ippubblikati u kemm jekk jitqiegħdu għad-dispożizzjoni pubblika fi kwalunkwe midja. Bis-saħħa ta’ dikjarazzjoni maqbula, din tkopri wkoll kotba awditivi (audiobooks).

“Kopja f'format aċċessibbli” hija kopja f’mod u f'forma alternattivi meta mqabbla mal-format li jkun ġie ppubblikat fihom ix-xogħol u li tagħti lill-benefiċjarji aċċess għax-xogħol bl-istess kumdità li jistgħu jaċċessjawh biha persuni li jaraw. Il-kopja f'format aċċessibbli trid tintuża esklussivament mill-benefiċjarji u trid tirrispetta l-integrità tax-xogħol oriġinali.

Kopji f'format aċċessibbli li saru skont limitazzjoni jew eċċezzjoni għad-dritt tal-awtur jistgħu jiġu esportati minn “entitajiet awtorizzati”, definiti bħala istituzzjonijiet governattivi jew organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu edukazzjoni, taħriġ pedagoġiku, qari adattiv jew aċċess għall-informazzjoni lill-għomja, dawk b'diżabbiltà fil-vista, jew li xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, mingħajr skop ta' qligħ. Dawn l-entitajiet iridu jiżguraw li jqassmu formati aċċessibbli lill-benefiċjarji biss, li jiskoraġġixxu r-riproduzzjoni, id-distribuzzjoni u d-disponibbiltà ta’ kopji mhux awtorizzati u li jżommu attenzjoni dovuta meta jimmaniġġaw il-kopji u jżommu rekord ta' dan l-immaniġġar.

Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jippermettu biss l-esportazzjoni ta' kopji f’format aċċessibbli, jekk jiżguraw li l-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet rilevanti għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, distribuzzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jkunu suġġetti għat-“test fi tliet fażijiet”. Dan ifisser li jew għandhom ikunu parti għat-Trattat WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (WCT) jew li altrimenti jridu jiżguraw li l-limitazzjonijiet jew l-eċċezzjonijiet rilevanti jkunu limitati għal ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol u li ma jippreġudikawx b’mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.

It-Trattat jiċċara li sa fejn Parti Kontraenti tippermetti lil benefiċjarju jew lil entità awtorizzata biex jagħmel kopja f'format aċċessibbli ta’ biċċa xogħol, għandha tippermetti wkoll li dawn il-kopji jkunu importati.

Il-Partijiet Kontraenti huma obbligati jieħdu miżuri xierqa, jekk meħtieġ, biex jiżguraw li meta jipprovdu protezzjoni legali adegwata u rimedji legali effettivi kontra ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri teknoloġiċi effettivi, din il-protezzjoni legali ma twaqqafx lill-benefiċjarji milli jgawdu l-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet previsti fit-Trattat.

It-Trattat jirrikjedi wkoll li l-Partijiet Kontraenti jipproteġu l-privatezza tal-benefiċjarji u jikkooperaw biex jiffaċilitaw l-iskambju transfruntier ta’ kopji f'format aċċessibbli. Il-WIPO se jwaqqaf punt ta’ aċċess għall-informazzjoni biex jgħin lill-entitajiet awtorizzati jidentifikaw lil xulxin bil-għan li jaħdmu flimkien. It-Trattat jinkoraġġixxi wkoll lill-entitajiet awtorizzati biex jipprovdu informazzjoni dwar il-politiki u l-prassi tagħhom lill-partijiet interessati u lill-membri tal-pubbliku.

It-Trattat jikkonferma li l-Partijiet Kontraenti huma ħielsa jiddeterminaw il-metodu xieraq kif jimplimentaw it-Trattat fis-sistema u l-prassi legali tagħhom. Madankollu, huma jridu jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali eżistenti skont il-Konvenzjoni ta’ Berna, il-Ftehim dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ ta’ Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali u d-WCT. It-Trattat jirrikonoxxi li l-Partijiet Kontraenti jistgħu jżommu jew jimplimentaw limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet oħra għal benefiċjarji u persuni b’diżabilitajiet oħra, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat.

L-Artikoli 13 sa 22 fihom dispożizzjonijiet amministrattivi u proċedurali li huma simili ħafna għal dawk fi Trattati oħra tal-WIPO fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur (pereżempju d-WCT)

It-Trattat se jidħol fis-seħħ ladarba jkun ġie rratifikat minn għoxrin Parti Kontraenti.

L-Unjoni Ewropea tista’ ssir parti għat-Trattat wara li għamlet d-dikjarazzjoni matul il-konferenza diplomatika ta' Marrakexx, li hija kompetenti fir-rigward ta’, u li għandha l-leġiżlazzjoni tagħha stess li hija vinkolanti fuq l-Istati Membri kollha tagħha, dwar il-kwistjonijiet koperti minn dan it-Trattat u li ġiet awtorizzata kif dovut, skont il-proċeduri interni tagħha, biex issir parti mit-Trattat. L-Unjoni Ewropea ffirmat l-att finali tal-konferenza diplomatika fit-28 ta’ Ġunju 2013 u ffirmat it-Trattat fit-30 ta’ April 2014 f’Ġinevra.

2.2 Il-bażijiet ġuridiċi

Fid-dawl tas-suġġett tat-Trattat, u bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE li tawtorizza l-iffirmar tat-Trattat, id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tat-Trattat għandha tkun ibbażata fuq l-Artikoli 114, 207, u 218(6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Id-dispożizzjonijiet ċentrali tat-Trattat (l-Artikoli 5, 6 u 9) għandhom l-għan li jiżguraw l-iskambju transfruntier ta’ kopji f’format aċċessibbli bejn il-Partijiet Kontraenti tat-Trattat, inkluż bejn l-UE u pajjiżi terzi. Dan l-iskambju jaqa’ taħt id-dispożizzjoni tat-TFUE dwar il-politika kummerċjali komuni.

Id-drittijiet tal-awturi affettwati mill-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet meħtieġa mit-Trattat (id-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt ta’ distribuzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku inkluż id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni) ġew armonizzati fil-livell tal-UE skont l-Artikoli 2-4 tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni[6]. Lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet tinsab fl-Artikolu 5(2) u 5(3) ta’ din id-Direttiva. Il-premessa 32 tagħmilha ċara li l-Istati Membri ma jistgħux jintroduċu eċċezzjonijiet addizzjonali jew differenti għal dawn id-drittijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom. L-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mal-Artikolu 5(5) (it-“test fi tliet fażijiet”), enfasizzati wkoll fil-premessa 44.

L-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE jipprovdi għal eċċezzjoni jew limitazzjoni fakultattiva għad-drittijiet tal-awtur għal użi, għall-benefiċċju tal-persuni bi kwalunkwe diżabbiltà, li huma direttament relatati mad-diżabbiltà u huma ta’ natura mhux kummerċjali, sal-punt meħtieġ mid-diżabbiltà speċifika. B’differenza mit-Trattat, dan l-Artikolu mhuwiex limitat għal xi diżabbiltà partikolari u l-Istati Membri huma ħielsa jagħżlu jekk jimplimentawx din il-limitazzjoni jew l-eċċezzjoni. Hija ġurisprudenza stabbilita li kwalunkwe diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom meta jużaw kwalunkwe eċċezzjoni jew limitazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29/KE għandha tiġi eżerċitata fil-limiti imposti mil-liġi tal-UE[7].

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29/KE jipprovdi protezzjoni legali komprensiva għal miżuri teknoloġiċi użati mid-detenturi tad-drittijiet u l-Artikolu 6(4) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jibbenefikaw minn dawk l-eċċezzjonijiet fejn ikun hemm fis-seħħ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika, fin-nuqqas ta’ ftehimiet volontarji. L-Artikoli 3, 4, 7, 10 u 11 tat-Trattat jaffettwaw dawn id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE.

Bħala riżultat, huwa meqjus li:

a) l-iskambju transfruntier ta’ kopji f’format aċċessibbli ma’ pajjiżi terzi huwa element predominanti tat-Trattat, għalhekk l-Artikoli rilevanti tiegħu jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni (l-Artikolu 207 TFUE); kif ukoll

b) l-Artikoli tat-Trattat dwar eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet mandatorji jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-UE, jaffettwaw jew jibdlu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regoli komuni, jiġifieri dawk fid-Direttiva 2001/29/KE u f’kull każ huma f’qasam li huwa diġà kopert sew mir-regoli tal-UE (l-Artikolu 114 tat-TFUE)[8].

Il-Kummissjoni għalhekk qed tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill relatata mal-konklużjoni tat-Trattat. Skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu qabel tiġi adottata d-Deċiżjoni.

2014/0297 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 114 u 207, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[9],

Billi:

(1)       Mit-22 ta' Jannar 2011, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE[10], l-Unjoni Ewropea ntrabtet mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà, li d-dispożizzjonijiet tagħha saru parti integrali mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni.

(2)       Fis-26 ta' Novembru 2012 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, ftehim internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar aċċess aħjar għall-kotba għall-persuni b'diffikultà biex jaqraw materjal stampat.

(3)       In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fil-konferenza diplomatika li saret f’Marrakexx bejn is-17 u t-28 ta’ Ġunju 2013. It-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, li għandhom Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (it-“Trattat ta' Marrakexx”) ġie adottat fis-27 ta' Ġunju 2013.

(4)       Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE[11], it-Trattat ta’ Marrakexx ġie ffirmat, f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, fit-30 ta’ April 2014, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(5)       It-Trattat ta’ Marrakexx jistabbilixxi sett ta’ regoli internazzjonali li jiżguraw li hemm limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur fil-livell nazzjonali għall-benefiċċju ta’ persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-drittijiet tal-awtur ġew armonizzati permezz tal-liġi tal-Unjoni, peress li dawn jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern. It-Trattat se jippermetti wkoll l-iskambju transfruntier ta’ kopji ta’ xogħlijiet ippubblikati li jkunu saru f’format aċċessibbli skont limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur, u għalhekk jaqa’ fil-qasam tal-politika kummerċjali. It-Trattat se jiffaċilita l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għall-benefiċjarji tiegħu fl-Unjoni Ewropea u barra minnha.

(6)       It-Trattat ta' Marrakexx għandu jkun approvat f'isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, li għandhom Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tat-Trattat ta' Marrakexx huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat sabiex jaħtar lill-persuna/persuni bis-setgħa li tiddepożita/jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni Ewropea, l-istrument ta' ratifika pprovdut għalih fl-Artikolu 19 tat-Trattat ta' Marrakexx, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bit-Trattat.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Skeda informattiva Nru 282, Ġunju 2012; http://www.who.int.

[2]               http://www.worldblindunion.org.

[3]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’negozjati għal ftehim internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar aċċess aħjar għal kotba għal persuni li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat; 16259/12 EU RESTRICTED.

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat. (ĠU L115, 17.4.2014, p. 1.)

[5]               Il-Partijiet Kontraenti jistgħu wkoll jipprevedu limitazzjoni jew eċċezzjoni għad-dritt tal-prestazzjoni pubblika u, skont id-dikjarazzjoni miftiehma mehmuża, għad-dritt tat-traduzzjoni sal-limitu permess mill-Konvenzjoni ta’ Berna.

[6]               ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

[7]               Ara pereżempju l-Kawża C-145/10 Eva Maria Painer, paragrafu 104.

[8]               Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014 fil-Kawża C-114/12, il-Kummissjoni vs. il-Kunsill.

[9]               ĠU C , , p. .

[10]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. (ĠU L23, 27.1.2010, p. 35.)

[11]             Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat. (ĠU L115, 17.4.2014, p. 1.)

Top