IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.7.2014
COM(2014) 478 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/010 ES/Castilla y León minn Spanja)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fil-limiti massimi annwali ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011) apparti l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.
Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG għall-applikazzjonijiet ippreżentati sal-31 ta' Diċembru 2013 huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.
Fil-5 ta’ Diċembru 2013, Spanja ssottomettiet l-applikazzjoni EGF/2013/010 ES/Castilla y León għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fi tliet impriżi li kienu qed joperaw fid-Diviżjoni 16 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-injam u tal-prodotti tal-injam u tas-sufra, ħlief għamara; manifattura tal-oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar) fir-reġjun ta' NUTS II ta’ Castilla y León (ES41) fi Spanja.
Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet bi qbil mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.
TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI
|
Dejta ewlenija:
|
|
|
Nru ta’ Referenza tal-FEG
|
EGF/2013/010
|
|
Stat Membru
|
Spanja
|
|
Artikolu 2
|
(b)
|
|
Intrapriżi kkonċernati
|
3
|
|
Reġjun NUTS II
|
Castilla y León (ES41)
|
|
Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2
|
16 (Manifattura ta' njam u prodotti tal-injam u tas-sufra, għajr l-għamara; manifattura ta' oġġetti tat-tiben u ta' materjali għall-immaljar)
|
|
Perjodu ta’ referenza
|
28.12.2012 – 28.9.2013
|
|
Data tal-bidu għas-servizzi personalizzati
|
1.2.2014
|
|
Data tal-applikazzjoni
|
5.12.2013
|
|
Sensji waqt il-perjodu ta' referenza
|
587
|
|
Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri
|
400
|
|
Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR)
|
1 350 000
|
|
Nefqa għall-implimentazzjoni tal-EGF: (EUR)
|
50 000
|
|
Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%)
|
3,57
|
|
Baġit totali (EUR)
|
1 400 000
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (50 %) (EUR)
|
700 000
|
1.L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fil-5 ta' Diċembru 2013 u ġiet issupplimentata b'tagħrif addizzjonali sal-25 ta' Marzu 2014.
2.L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-tħaddim tal-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u ġiet ippreżentata fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.
Rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni
3.Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u t-tibdil ewlieni strutturali fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni, Spanja targumenta li s-suq ta’ prodotti tax-xogħol tal-injam għall-bennejja madwar id-dinja qiegħed jonqos u l-volum tal-kummerċ dinji (esportazzjonijiet madwar id-dinja kollha) ta’ din il-komodità kien qiegħed jonqos matul dawn l-aħħar snin. Skont id-dejta tal-Comtrade tan-NU, fl-2008 l-esportazzjoni dinjija tax-xogħol tal-injam għall-bennejja kienet tammonta għall-14.2 biljun dollaru Amerikan filwaqt li fl-2011 kienet 13.7 biljun dollaru Amerikan, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 3.40 %. Waqt il-perjodu 2008-2011 il-volum tal-esportazzjonijiet tal-UE 27 tal-prodotti tax-xogħol tal-injam għall-bennejja naqas b’10.33 %.
Volum tal-kummerċ dinji tax-xogħol tal-injam għall-bennejja
(miljuni ta’ dollari Amerikani)
|
|
2008
|
2009
|
2010
|
2011
|
|
Fid-dinja
|
14 183,8
|
11 036,9
|
11 711,0
|
13 710,5
|
|
UE27
|
2 445,9
|
1 835,3
|
1 964,8
|
2 193,3
|
Sors: UN Comtrade
Volum tal-kummerċ dinji tax-xogħol tal-injam għall-bennejja
(bidla f’%)
4.L-Istat Membru applikant jirreferi wkoll għall-istatistika tal-Comtrade tan-NU biex juri t-tnaqqis tas-sehem tal-UE 27 fil-volum tal-kummerċ dinji tax-xogħol tal-injam għall-bennejja li naqas minn 17.24 % fl-2008 għall-16 % fl-2011 filwaqt li fl-istess perjodu l-Filippini kwazi rduppjaw is-sehem tagħhom fis-suq (li żdied minn 6.31 % sa 12.13 %) u pajjiżi oħra mil-Lvant Imbiegħed żiedu wkoll s-sehem tagħhom fis-suq għalkemm f’livell inqas, bħaċ-Ċina li s-sehem tagħha fis-suq żied bi 15 % u l-Malasja b’37 %. Dan it-tnaqqis tal-UE 27 fis-sehem tas-suq kellu impatt negattiv fuq in-numru ta’ impriżi li joperaw f’dan is-settur, kif ukoll fuq l-impjiegi. Il-Kummissjoni ddikjarat fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkompanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Strateġija ġdida tal-UE għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti’ li n-numru ta’ impriżi fil-manifattura tal-injam u tal-prodotti tal-injam naqas bi 8 % fil-perjodu 2003-2010 filwaqt li l-impjiegi fis-settur naqsu b’20 % fil-perjodu 2000-2011.
5.Skont l-awtoritajiet Spanjoli, waqt il-perjodu 2008-2011, il-volum ta’ esportazzjonijiet tal-prodotti tax-xogħol tal-injam għall-bennejja tal-impriżi f’Castilla y León naqas, bħalma naqsu l-esportazzjonijiet fil-livell Ewropew. Madankollu, filwaqt li l-esportazzjonijiet tal-UE 27 naqsu b’10.33 %, it-tnaqqis tal-esportazzjonijiet tal-impriżi f’Castilla y León kien jammonta għal 37 %.
6.Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli li jiċċitaw id-dejta tal-INE jargumentaw li bħala riżultat tas-suq li qed jiċkien għall-prodotti tax-xogħol tal-injam għall- bennejja madwar id-dinja kollha u t-telf tas-sehem fis-suq tal-UE27, in-numru ta’ impriżi li jimmanifatturaw l-injam u l-prodotti tal-injam u tas-sufra, ħlief għamara f’Castilla y León naqas minn 1 100 fl-2008 għal 855 fl-2013 u dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 22.3 %. Fil-livell nazzjonali t-tnaqqis kien saħansitra ikbar. Fil-perjodu 2008-2013 in-numru ta’ impriżi naqas minn 16 575 għal 11 806 unitajiet. Dan jirrapreżenta tnaqqis ta’ 28.8 %.
7.Is-sensji f’Castilla y León jistgħu jkunu marbuta ma’ dan it-tibdil strutturali maġġuri fil-kummerċ dinji fix-xogħol tal-injam għallbennejja bl-effetti konsegwenti fuq id-Diviżjoni 16 tan-NACE Reviżjoni 2.
Turija tal-għadd ta’ sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)
8.Spanja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess Diviżjoni tar-Reviżjoni 2 tan-NACE f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.
9.L-applikazzjoni tiċċita 587 sensja fi tliet impriżi li qed joperaw fid-Diviżjoni 16 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-injam u tal-prodotti tal-injam u tas-sufra, ħlief għamara; manifattura tal-oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar) fir-reġjun NUTS II ta’ Castilla y León (ES41) waqt il-perjodu ta’ referenza ta’ disa’ xhur mit-28 ta’ Diċembru 2012 sat-28 ta’ Settembru 2013. Fost dawn is-sensji, 560 ġew ikkalkolati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Seba' u għoxrin (27) sensja oħra seħħew fi Kronospan S.A. u ġew ikkalkolati skont it-tielet inċiż tal-istess paragrafu. Il-Kummissjoni rċeviet il-konferma meħtieġa skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(2) li dan huwa l-għadd reali ta’ sensji li saru.
Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk is-sensji
10.L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li bejn l-2003 u l-2005, Puertas Norma għamlet investimenti li jammontaw għal EUR 4,8 miluni f’makkinarju ġdid biex ittejjeb il-valur miżjud tal-prodotti u tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni billi tuża proċessi ta’ manifattura aktar effiċjenti f’tentattiv li taddatta għat-tibdil li għaddej fis-settur tax-xogħol tal-injam għall-bennejja madwar id-dinja kollha. Fl-2006 infetaħ impjant ta’ produzzjoni ġdid b’erja ta’ 40 000 metri kwadri. Dan l-impjant ġdid, li kien wieħed mill-aktar moderni u teknoloġikament avvanzati fl-industrija Ewropea, fiż-żmien kellu 700 impjegat. L-investiment ħalla l-frott u fl-2007, il-fatturat qabeż EUR 70 miljun li jirrappreżenta żieda ta’ 24 % fuq is-sena ta’ qabel. Fl-2008, wara l-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, meta s-settur tal-kostruzzjoni naqas b’madwar 30-35 % u għaldaqstant il-produzzjoni tal-bibien u tal-oqfsa tal-bibien ċkienet, il-fatturat ta’ Puertas Norma naqas biss bi 8 % meta mqabbel mal-2007. Matul is-snin ta’ wara, l-impriża kienet għadha miexja tajjeb, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali. Madankollu fl-2010 l-Grupp Jeld-Wen – azzjonist ewlieni ta’ Puertas Norma – iddeċieda li jsaħħaħ xi linji tan-negozju f’sinerġija mal-pjan ta’ rkupru tal-grupp għad-detriment ta’ linji oħra ta’ negozju. F’Ottubru 2011, wara li ma rnexxilhiex tilħaq ftehim mat-trejdunjins dwar pjan li kien jinkludi tnaqqis fil-paga ta’ 25 % u 286 sensja, l-impriża daħlet fi proċedura ta’ falliment volontarju.
Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema fil-mira tal-għajnuna
11.L-applikazzjoni tirrelata ma' 587 sensja fit-tliet intrapriżi li ġejjin:
|
Impriżi u għadd ta' sensji
|
|
Puertas Norma S.A.
|
553
|
|
Kronospan S.L.
|
27
|
|
Pallets y Embalajes Pascual S.L.
|
7
|
|
Total ta' intrapriżi: 3
|
Total ta' sensji: 587
|
12.Il-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja se jiġu offruti l-possibbiltà li jipparteċipaw fil-miżuri. L-awtoritajiet Spanjoli, wara li bbażaw fuq l-esperjenza preċedenti tagħhom fl-immaniġġjar ta’ każijiet tal-FEG, stmaw li madwar 400 ħaddiem se jagħżlu li jipparteċipaw fil-miżuri tal-FEG.
13.It-tqassim tal-ħaddiema mogħtija s-sensja huwa kif ġej:
|
Kategorija
|
Numru
|
Perċentwal
|
|
Rġiel
|
457
|
77,85
|
|
Nisa
|
130
|
22,15
|
|
Ċittadini tal-UE
|
587
|
100,00
|
|
Ċittadini mhux tal-UE
|
0
|
0,00
|
|
Età bejn il-15 u l-24 sena
|
3
|
0,51
|
|
Età bejn il-25 u l-54 sena
|
426
|
72,57
|
|
Età bejn il-55 u l-64 sena
|
142
|
24,19
|
|
'il fuq minn 64 sena
|
16
|
2,73
|
14.Hemm 17-il ħaddiem bi problema tas-saħħa fit-tul jew ta’ diżabilità.
15.Fir-rigward ta’ kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:
|
Kategorija
|
Numru
|
Perċentwal
|
|
Maniġers
|
14
|
2,39
|
|
Professjonisti
|
13
|
2,21
|
|
Tekniċi u professjonisti assoċjati
|
25
|
4,26
|
|
Skrivana
|
94
|
16,01
|
|
Ħaddiema fl-artiġjanat u snajja’ relatati
|
83
|
14,14
|
|
Operaturi tal-impjanti u tal-magni
|
242
|
41,23
|
|
Xogħlijiet elementari
|
116
|
19,76
|
16.Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, Spanja kkonfermat li ġiet applikata u se tkompli tiġi applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, għall-aċċess għall-FEG.
Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu
17.It-territorju kkonċernat mis-sensji huwa r-reġjun NUTS II ta’ Castilla y León u b’mod partikolari l-kontea ta’ Pinares, territorju fi ħdan il-provinċji kontigwi ta’ Burgos u Soria.
18.Castilla y León hija t-tielet l-ikbar reġjun tal-UE (94 227 km2), li f’żona ta’ art taqbeż 17 mit-28 Stat Membru filwaqt li fl-istess ħin hija reġjun b’densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna: 27.4 abitant għal kull km2. Castilla y León tammonta għal 5.3 % tal-PDG Spanjol u d-dħul reġjonali per capita huwa l-istess bħal medja nazzjonali. Il-mudell ta’ negozju f’Castilla y León huwa prinċipalment wieħed tal-familja jew SMEs mikro (95 % tal-impriżi jaqgħu f’din il-kategorija). Id-distribuzzjoni tal-impriżi skont is-settur hi kif ġej: 68 % servizzi, 16 % industrija, 8 % kostruzzjoni u 8 % agrikoltura.
19.Il-partijiet interessati ewlenin huma Junta de Castilla y León – il-gvern awtonomu tar-reġjun -, is-sindki tas-36 muniċipalità affettwati, it-trejdunjins: MCA-UGT u FECOMA-CCOO , u l-assoċjazzjoni tal-impjegaturi FOES, ASIM, ASIF, CEMCAL u CECALE.
Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali
20.L-impjiegi f’Castilla y León ġew affettwati b’mod ħażin mill-kriżi. Ir-rata ta’ qgħad fir-reġjun żdiedet b’mod mgħaġġel, fejn għoliet minn 8.2 % (l-Ewwel Kwart tal-2008) għal 22.70 % (Q1 2013). Is-sitwazzjoni tal-impjiegi fir-reġjun affettwat tidher partikolarment fraġli, minħabba d-densità tal-popolazzjoni estremament baxxa ta’ Soria – waħda miż-żewġ provinċji affettwati mis-sensji – li hi biss ta’ 9.2 abitanti għal kull km2 (jiġifieri terz tal-medja reġjonali). Minħabba d-densità tal-popolazzjoni estremament baxxa, is-sensji għandhom impatt negattiv fuq l-ekonomija lokali aktar serju minn dak li l-figuri biss jidhru li qed juru.
21.L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li s-sensji fil-manifattura tal-injam u tal-prodotti tas-settur tal-injam se jaggravaw aktar is-sitwazzjoni tal-qgħad, peress li t-territorju affettwat, il-Pinares (litteralment ‘imsaġar tal-arżnu’), jiddependi ħafna fuq is-settur tal-injam u s-siġar tal-arżnu jikkostitwixxu r-riżorsa ekonomika ewlenija li rriżultat f’żona industrijali ta’ pproċessar primarju u sekondarju tal-injam.
Pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u t-tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-kumplimentarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali
22.Il-miżuri kollha li ġejjin jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu l-għan li jintegra mill-ġdid fl-impjieg il-ħaddiema li ngħataw is-sensja:
–Sessjonijiet ta’ lqugħ u informazzjoni: Din hi l-ewwel miżura li se tiġi offruta lill-ħaddiema ssensjati u tinkludi: sessjonijiet ġenerali ta’ informazzjoni u sessjonijiet individwali ta’ informazzjoni dwar rekwiżiti ta’ ħiliet u taħriġ; dwar għoti ta’ pariri disponibbli u programmi ta’ taħriġ; u dwar benefiċċji u inċentivi.
–Gwida u pariri dwar ix-xogħol: Dan jinvolvi l-ġbir tal-profil tal-ħaddiema parteċipanti u d-disinn tal-mogħdija tar-reintegrazzjoni ddisinjat speċifikament għal dak il-ħaddiem partikolari, kif ukoll pariri u segwitu tal-appoġġ personalizzat matul il-perjodu tal-implimentazzjoni.
–Għajnuna intensiva għat-tfittxija ta' impjieg. Dan jinvolvi tfittxija intensiva għal impjieg, inkluż it-tiftix għal opportunitajiet ta’ xogħol lokali u reġjonali u ta’ tqabbil ta’ impjieg mal-ħiliet.
–Taħriġ Il-miżura tat-taħriġ se tinkludi varjetà ta’ korsijiet ta’ taħriġ: (1) Taħriġ f’ħiliet trasversali. L-offerta ta’ taħriġ se tinkludi sessjonijiet ta’ ħidma dwar tekniki tat-tiftix tax-xogħol, taħriġ f’ħiliet personali u soċjali, f’teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), u f’lingwi barranin. (2) Taħriġ vokazzjonali. It-taħriġ vokazzjonali se jiffoka fuq setturi fejn jeżistu l-opportunitajiet jew fejn dawn mistennija li jirriżultaw, bħal assistenti tal-infermiera fil-ġerjatrika, mikoloġija (taħriġ dwar faqqiegħ selvaġġ, kif tagħraf il-varjetajiet li jittieklu, ġbir sostenibbli tal-faqqiegħ, eċċ.), turiżmu fiż-żoni rurali jew impjiegi li jeħtieġu liċenzji vokazzjonali b’mod partikolari dawk relatati ma’ professjonijiet fil-qasam tal-injam, is-sufra u l-għamara. (3) Penetrazzjoni tat-testijiet lejn rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz ta’ esperjenza tax-xogħol.
–Promozzjoni tal-intraprenditorija. Firxa wiesgħa ta’ appoġġi qed ikunu magħmulin għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema ssensjati li qed jikkunsidraw jibdew in-negozju tagħhom. (1) Moduli introduttorji ffokati fuq il-promozzjoni tal-inizjattivi tan-negozji għall-impjieg indipendenti u fuq il-ġenerazzjoni ta’ ideat ta’ negozji. (2) Taħriġ għall-Intraprenditorija li jkopri livelli differenti tal-proċess tal-intraprenditorija minn informazzjoni bażika jew l-ewwel kuntatt għall-kwistjonijiet aktar elaborati bħall-ippjanar, it-twettiq ta’ studji dwar il-fattibilità, il-preparazzjoni ta’ pjanijiet ta’ negozju, eċċ. (3) Għoti ta’ pariri dwar proġetti u inizjattivi mmirati biex jiżviluppaw, jipproduċu u jiggwidaw proġetti ta’ negozji vijabbli jew impjieg indipendenti. (4) Akkumpanjament lejn il-ħolqien tan-negozju: Din il-miżura se tikkonsisti f’tutela personalizzata waqt il-proċess kollu tal-bidu ta’ negozju. (5) Appoġġ loġistiku u finanzjarju: Dan jirrelata mal-ġbir ta’ fondi u appoġġ dwar rekwiżiti amministrattivi biex tkun tista’ ssir applikazzjoni b’suċċess għall-inċentivi biex jinbeda negozju. Huwa stmat li 100 ħaddiem se jipparteċipaw fl-ewwel tliet stadji (moduli introduttorji, taħriġ u pariri) filwaqt li 50 se jipparteċipaw fl-istadji aktar avvanzati (akkumpanjament lejn ħolqien ta’ negozju u ġbir ta’ fondi).
–L-inċentivi Se jkun hemm erba’ tipi ta’ inċentivi: (1) Inċentivi għall-parteċipazzjoni. Biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżuri, il-ħaddiema se jirċievu somma sħiħa ta’ EUR 150 wara tliet xhur ta’ parteċipazzjoni attiva u kkompletar ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri tal-pakkett tagħhom personalizzat ta’ miżuri. Huwa stmat li l-ħaddiema kollha se jirċievu din l-inċentiva. (2) Kontribuzzjoni tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Dawk il-ħaddiema li qed jipparteċipaw f’miżura li qed issir barra l-belt tar-residenza tagħhom se jirċievu kontribuzzjoni tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar daqs l-ispiża tat-trasport pubbliku mill-belt tagħhom għall-belt fejn il-miżura qiegħda sseħħ. Jekk minħabba nuqqas ta’ trasport pubbliku adegwat fost l-ibliet lokali, il-parteċipanti jkollhom jużaw il-vetturi tagħhom biex jivvjaġġaw, huma jirċievu EUR 0.19 għal kull kilometru. Huwa stmat li 180 ħaddiem se jirċievu dan l-inċentiv. (3) Kontribuzzjoni tal-ispejjeż għat-tibdil tar-residenza. Il-ħaddiema li jibdlu r-residenza u jimxu għal belt differenti sabiex jibdew jaħdmu, se jirċievu somma sħiħa ta’ EUR 1 000 biex ikopru l-ispiża neċessarja. Huwa stmat li 26 ħaddiem se jirċievu dan l-inċentiv. (4) Appoġġ biex jinbeda negozju. Il-ħaddiema li jiftħu n-negozju tagħhom se jirċievu sa EUR 3 000 sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-bidu. Huwa stmat li 15-il ħaddiem se jirċievu dan l-inċentiv. (5) Inċentivi għall-impjieg Se jitħallas sussidju ta’ EUR 350 fix-xahar għall-massimu ta’ għaxar xhur lil dawk il-ħaddiema li jirritornaw lejn l-impjieg bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Huwa stmat li 30 ħaddiem se jirċievu dan l-inċentiv. (6) Kontribuzzjoni tal-ispejjeż tal-persuni li jieħdu ħsieb persuni dipendenti. Ħaddiema b’persuni dipendenti (tfal, anzjani jew persuni diżabbli) se jirċievu EUR 100 fix-xahar (sa sitt xhur) filwaqt li jipparteċipaw fil-miżuri. Dan l-ammont qed jingħata biex ikopri l-ispejjeż addizzjonali li jkollhom il-ħaddiema li għandhom responsabilitajiet ta’ kura sabiex ikunu disponibbli għat-taħriġ jew miżuri oħrajn. Huwa stmat li 35 ħaddiem se jirċievu dan l-inċentiv. (7) Benefiċċju għat-taħriġ. Il-parteċipanti li jattendu 75 % jew aktar tas-sessjonijiet tat-taħriġ skedati fil-mogħdija personalizzata tagħhom lejn l-impjieg, se jirċievu EUR 150 wara li jlestu t-taħriġ. Huwa stmat li 140 ħaddiem se jirċievu dan l-inċentiv.
23.In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta' ġestjoni u ta' kontroll kif ukoll tagħrif u pubbliċità.
24.Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Spanjoli huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Spanjoli jikkalkolaw li l-ispejjeż totali huma ta’ EUR 1 400 000, li EUR 1 350 000 minnhom huma nefqa għas-servizzi personalizzati filwaqt li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG hija ta' EUR 50 000 (3,57 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 700 000 (50 % tal-ispejjeż totali).
|
Azzjonijiet
|
Stima tal-għadd ta' ħaddiema fil-mira
|
Stima tal-ispiża għal kull ħaddiem fil-mira
(EUR)
(*)
|
Spejjeż totali (FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)
(**)
|
|
Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)
|
|
Merħba u informazzjoni
(Acogida, diagnóstico y derivación)
|
400
|
90
|
36 000
|
|
Gwida u pariri dwar ix-xogħol
(Orientación y asesoramiento)
|
400
|
293
|
117 000
|
|
Għajnuna intensiva għat-tfittxija ta' impjieg
(Intermediación y gestión)
|
300
|
150
|
45 000
|
|
Taħriġ
(Formación y recualificación profesional)
|
225
|
1 373
|
309 000
|
|
Promozzjoni tal-intraprenditorija
(Programa de autoempleo y emprendimiento)
|
100
|
5 200
|
520 000
|
|
Inċentivi
(Programa de incentivos)
|
400
|
807
|
323 000
|
|
Subtotal tas-servizzi personalizzati
|
|
1 350 000
|
|
Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)
|
|
Attivitajiet preparatorji
|
|
0
|
|
Ġestjoni
|
|
20 000
|
|
Tagħrif u pubbliċità
|
|
20 000
|
|
Attivitajiet ta’ kontroll
|
|
10 000
|
|
Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG
|
|
50 000
|
|
Total tal-istima tal-ispejjeż
|
|
1 400 000
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (50 % tal-ispejjeż totali)
|
|
700 000
|
(*) Biex jiġu evitati d-deċimali, l-ispejjeż stmati għal kull ħaddiem tqarrbu sal-eqreb ċifra. Madankollu t-tqarrib ma għandu l-ebda impatt fuq l-ispiża totali ta’ kull miżura li jifdal bħal fl-applikazzjoni ppreżentata minn Spanja.
(**) It-totali ma jaqblux minħabba t-tqarrib.
25.Spanja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li mhux se jitħalla jsir iffinanzjar doppju.
26.L-objettivi ewlenin tal-programmi operattivi 2007-13 tal-FSE għall-Comunidad de Castilla y León huma li jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja tal-ħaddiema u jnaqqsu r-riskju tat-tluq mill-iskola qabel iż-żmien, jiffokaw b’mod partikolari fuq l-aktar persuni vulnerabbli jew persuni fir-riskju tal-esklużjoni soċjali, filwaqt li l-miżuri tal-FEG se jkunu ffokati fuq ex-ħaddiema tal-injam mingħajr ma japplikaw xi restrizzjoni relatata mal-età, l-edukazzjoni, eċċ.
27.Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-miżuri tal-FSE u dawk tal-FEG għandu jkun hemm prosegwiment kontinwu tal-azzjonijiet tal-FSE u tal-FEG li għandhom l-istess għanijiet, u tal-ħaddiema kkonċernati.
Id-data/i meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati
28.Spanja bdiet toffri s-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-FEG għall-kofinanzjament fl-1 ta' Frar 2014. Għalhekk, din id-data tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta’ eliġibbiltà għal kull għajnuna li tista’ tingħata mill-FEG.
Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali
29.L-applikazzjoni proposta ġiet diskussa f’żewġ laqgħat li saru fil-25 u fit-28 ta’ Novembru 2013. Ex-ħaddiema ta’ Puertas Norma – l-impriża ewlenija li tat is-sensji-, FAYECYL u l-imsieħba soċjali msemmija taħt il-Punt 17 ipparteċipaw fiż-żewġ laqgħat.
30.L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE dwar is-sensji kollettivi.
Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi
31.Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Spanjoli fl-applikazzjoni tagħhom:
ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;
urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;
ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra.
Sistemi ta' ġestjoni u kontroll
32.Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribut finanzjarju se jkun immaniġġjat u kkontrollat mill-istess entitajiet li jimmaniġġjaw u jikkontrollaw il-FSE. ECYL, is-servizz pubbliku tal-impjiegi tal-Comunidad de Castilla y León se jkun il-korp intermedjajru għall-awtorità maniġerjali.
Finanzjament
33.Fuq il-bażi tal-applikazzjoni ta’ Spanja, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inklużi l-ispejjeż għall-intervent tal-FEG) hija ta' EUR 700 000, li tirrappreżenta 50 % tan-nefqa totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat minn Spanja.
34.Filwaqt li tqis l-ammont massimu possibbli ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-allokazzjoni mill-ġdid ta’ approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mobilizzat għall-ammont totali msemmi hawn fuq.
35.Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG se tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba.
36.B’mod separat il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2014 iddaħħal approprjazzjonijiet ta' impenn speċifiċi, kif mitlub mill-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-2 ta' Diċembru 2013.
Sors tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament
37.Se jintużaw approprjazzjonijiet allokati lil-linja baġitarja tal-FEG fil-baġit tal-2014 biex ikopru l-ammont ta’ EUR 700 000 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/010 ES/Castilla y León minn Spanja)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, u b’mod partikolari l-Punt 13 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jiġu megħjunin fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020.
(3)Spanja ssottomettiet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fi tliet impriżi li qed joperaw fid-Diviżjoni 16 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-injam u tal-prodotti tal-injam u tas-sufra, ħlief għamara; manifattura tal-oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar) fir-reġjun NUTS II ta’ Castilla y León (ES 41), fil-5 ta’ Diċembru 2013 u ssupplimentata b’informazzjoni addizzjonali sal-25 ta’ Marzu 2014. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li jiġi mobilizzat l-ammont ta' EUR 700 000.
(4)Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 700 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President