Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0452

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li timplimenta l-Ftehim Ewropew konkluż mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni

/* COM/2014/0452 final - 2014/0212 (NLE) */

52014PC0452

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li timplimenta l-Ftehim Ewropew konkluż mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni /* COM/2014/0452 final - 2014/0212 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Għan

At their own initiative the sectoral social partners in inland waterway transport at EU level (the European Barge Union, the European Skippers Organisation and the European Transport Workers’ Federation) negotiated an agreement on certain aspects of the organisation of working time in inland waterway transport (IWT) in accordance with Article 155(1) of the Treaty on the Functioning of the European Union (TFEU). Huma kkunsidraw li d-Direttiva 2003/88/KE[1] (id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol) ma tissodisfax il-ħtiġijiet tas-settur.

In-negozjati saru bejn Jannar 2008 u Novembru 2011. Il-Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (il-Ftehim) ġie konkluż fil-15 ta’ Frar 2012. Il-firmatarji ppreżentaw il-Ftehim lill-Kummissjoni Ewropea u talbu li jkun implimentat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE.

1.2.        Dispożizzjonijiet eżistenti relatati mal-proposta

Il-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli fl-IWT fl-UE huwa rregolat mid-Direttiva 2003/88/KE, li tistabbilixxi standards minimi komuni għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol f’dak li jirrigwarda l-perjodi ta’ serħan ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, il-limiti numeriċi għall-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa, il-liv annwali u x-xogħol ta’ billejl, fl-interessi tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

L-attivitajiet tal-ħaddiema mobbli f’diversi setturi tat-trasport, inklużi fl-ilmijiet navigabbli interni, kienu oriġinarjament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tal-1993[2]. Dawn iddaħħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha permezz ta’ Direttiva ta’ emenda fis-sena 2000, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2003[3]. Madankollu f'dak l-istadju, ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim sabiex il-ħaddiema kollha ta' dan it-tip jiddaħħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli ġenerali tad-Direttiva dwar il-perjodi minimi ta’ serħan matul il-jum u fil-ġimgħa jew dwar il-limiti għax-xogħol ta’ billejl, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ xogħol distinti u l-karatteristiċi partikolari tal-attivitajiet tagħhom. Għaldaqstant ġie stipulat[4] li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn il-ħaddiema jkunu intitolati għal "serħan adegwat"[5], mingħajr ma dan jiġi kkwantifikat.

Madankollu l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol[6] jippermetti li jiġu stipulati rekwiżiti aktar speċifiċi ta’ ħin tax-xogħol għal impjiegi jew attivitajiet partikolari permezz ta' strumenti oħrajn tal-UE. Din il-proposta issa tipprovdi għal dawn ir-rekwiżiti għall-ħaddiema tat-trasport mobbli fl-IWT. Il-Ftehim konkluż mis-sħab soċjali tal-IWT jikkunsidra d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol u jipproponi diversi rekwiżiti speċifiċi skont il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur, b’mod partikolari rigward il-perjodu ta’ referenza. Barra minn hekk, jipprovdi għal numru minimu ta’ sigħat ta’ serħan kuljum u kull ġimgħa u sigħat massimi ta’ xogħol billejl sabiex jiġu indirizzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi u l-karatteristiċi partikolari tas-settur. Il-Ftehim japplika kemm għall-persunal tan-navigazzjoni (il-membri tal-ekwipaġġ) kif ukoll il-persunal abbord, ikopri l-merkanzija kummerċjali u t-trasport tal-passiġġieri u fih dispożizzjonijiet speċifiċi għax-xogħol staġunali abbord il-bastimenti tal-passiġġieri. Ma japplikax għall-persuni li joperaw bastimenti f’isimhom stess (sidien-operaturi).

1.3.        Kuntest ġenerali

Fit-28 Stat Membru tal-UE, madwar 42 200 persuna jaħdmu direttament fl-IWT, li minnhom 31 000 huma ħaddiema mobbli (73 %)[7]. Madwar 9 650 kumpanija joperaw fis-settur tal-IWT. Il-parti tal-Punent tal-Ewropa hija ddominata minn kumpaniji żgħar li jkollhom/joperaw bastiment wieħed. Għall-kuntrarju, fuq id-Danubju l-eċċezzjoni hija s-sidien ta’ barkuni ta’ bastiment wieħed. B’kollox, hemm aktar minn 16 000 bastiment fl-Ewropa (tbaħħir ta’ merkanzija xotta, tbaħħir ta’ tankers, dgħajjes tal-irmonk u dgħajjes li jimbuttaw). Aktar minn 75 % tal-IWT fl-UE huwa trasport transfruntiera[8].

Fuq bażi annwali, in-netwerk tal-ilmijiet navigabbli interni tal-UE jirrappreżenta 140 biljun tunnellata-kilometru ta’ trasport tal-merkanzija. In-netwerk jikkonsisti f’madwar 37 000 km ta’ ilmijiet navigabbli interni; xmajjar, lagi u kanali, f’20 Stat Membru. L-IWT huwa mod ta’ trasport tal-merkanzija sieket u effiċjenti fl-enerġija. Għandu rwol ewlieni fil-loġistika ta’ kif il-merkanzija tasal mill-portijiet tal-Ewropa lejn id-destinazzjoni finali tagħha. Il-konsum tal-enerġija tiegħu għal kull tunnellata-kilometru ta’ merkanzija ttrasportata huwa madwar 17 % ta' dak tat-trasport tat-triq u 50 % ta' dak tat-trasport bil-ferrovija[9].

In-nuqqas tar-regoli tal-UE dwar il-limiti numeriċi fuq l-għadd ta’ sigħat maħduma kuljum, fil-ġimgħa u billejl mill-ħaddiema mobbli fl-IWT fetaħ it-triq għal varjetà wiesgħa ta’ regoli nazzjonali li ħolqu diffikultajiet għall-kumpaniji tat-trasport u li ma kinux jipproteġu biżżejjed lill-ħaddiema fil-każijiet kollha. Bosta ħaddiema mobbli fl-IWT għandhom xejriet tax-xogħol speċifiċi u irregolari meta mqabbla mal-ħaddiema fuq l-art,  billi jgħixu u jaħdmu abbord u fil-biċċa l-kbira jgħaddu l-perjodi ta' serħan tagħhom hemmhekk. Iqattgħu perjodi itwal ’il bogħod mid-dar. Normalment il-bastimenti joperaw 14-il siegħa kuljum, ħames jew sitt ijiem fil-ġimgħa, xi drabi 24 siegħa kontinwi kuljum. Perjodi li jkunu jinvolvu ammont kbir ta’ xogħol huma segwiti minn perjodi ta’ serħan u perjodi li jinvolvu ammont ta’ xogħol żgħir. Il-medja tal-ħin tax-xogħol fis-settur tal-IWT normalment tinkludi ammont konsiderevoli ta’ ħin inattiv (pereżempju minħabba ħin ta' stennija mhux ippjanat fix-xtiebi ta' kanal jew matul it-tagħbija u l-ħatt tal-inġenju), li jista’ jseħħ ukoll matul il-lejl. Xi drabi l-vjaġġi jistgħu jieħdu aktar fit-tul milli mistenni minħabba ċirkostanzi esterni, bħall-marea fuq xmajjar bil-marea u l-kundizzjonijiet tat-temp.

Dan japplika wkoll għall-persunal tal-lukandi li jaħdmu fl-industrija tal-kruċieri fuq ix-xmajjar interni. Bastiment tal-kruċieri fuq ix-xmajjar tipiku b’150 passiġġier ikollu ekwipaġġ ta’ bejn sitta u tmienja u madwar 30 impjegat ieħor fid-dipartiment tal-lukandi[10]. Peress li l-istaġun tan-navigazzjoni tal-passiġġieri jdum madwar tmien xhur, il-persunal tal-lukandi jkun ’il bogħod mid-dar għal żmien twil. Fl-istudju "Market Observation No.

‘Market Observation No 12 — Analysis of the economic situation — autumn 2010’[11]li saret f’isem il-Kummissjoni Ewropea, tiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-persunal tal-lukandi hekk:

‘There are currently no collective wage agreements for hotel personnel on river cruise ships so that wages are negotiated individually. As the passenger navigation season lasts around eight months, staff are away from home for a very long time so that the annual leave is essentially spent at home in the winter after the season is over. Employees in this segment often have to put up with very long working days and being accommodated for protracted periods in very small cabins with up to three roommates is also not an easy undertaking.’   

1.4.        Koerenza ma’ politiki u għanijiet oħrajn tal-Unjoni

L-UE kkommettiet ruħha li ssegwi l-għan li ċċaqlaq it-trasport lejn modi ta’ trasport li jużaw inqas enerġija, li huma aktar nodfa u aktar siguri. Flimkien mat-trasport bil-ferroviji u bit-tbaħħir fuq distanzi qosra, it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jista’ jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għas-sostenibbiltà tas-sistema tat-trasport. Fir-rapport dwar il-progress ta’ nofs it-term dwar l-implimentazzjoni tal- Programm ta' Azzjoni Ewropew integrat għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (NAIADES)[12], il-Kummissjoni reġgħet iddikjarat l-importanza tad-djalogu soċjali fis-settur u rrikonoxxiet in-negozjati tas-sħab soċjali dwar il-ħin tax-xogħol bħala wieħed mill-komponenti ewlenin tal-kapitolu dwar "L-Impjiegi u l-Ħiliet" tan-NAIADES[13].

F’Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-pakkett NAIADES II, li jkopri l-perjodu 2014-2020[14]. Il-pakkett NAIADES II jinkludi komunikazzjoni li tistabbilixxi programm għal azzjoni f’dawn l-oqsma li ġejjin: infrastruttura ta' kwalità; il-kwalità permezz tal-innovazzjoni; il-funzjonament bla xkiel tas-suq; il-kwalità ambjentali permezz tal-emissjonijiet baxxi; l-integrazzjoni tan-navigazzjoni interna fil-katina tal-loġistika multimodali; u l-forza tax-xogħol bil-ħiliet u l-impjiegi ta’ kwalità.

Barra minn hekk, it-titjib fil-kwalità tax-xogħol u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, u b’mod partikolari r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-provediment ta' qafas legali tal-UE aktar intelliġenti għall-impjieg u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, huma azzjonijiet ewlenin fil-kuntest tal-Komunikazzjoni “An Agenda for new skills and jobs: A European contribution towards full employment[15].

Il-ħolqien ta’ kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ugwali fis-settur tal-IWT huwa konformi mal-għan tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011[16] li tinħoloq Żona Ewropea Unika tat-Trasport billi jitneħħew l-ostakoli kollha bejn is-sistemi nazzjonali. Il-konverġenza ta' livell ogħla u l-infurzar ta’ standards soċjali u oħrajn huma parti integrali minn din l-istrateġija.

B’mod partikolari, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-White Paper ikompli jispeċifika li:

"Is-sħab soċjali qegħdin jaħdmu fuq rakkomandazzjonijiet għal kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar abbord il-bastimenti, fuq arranġamenti ta’ ħinijiet tax-xogħol speċifiċi, fuq il-profili tal-impjiegi tal-UE u r-rekwiżiti ta’ forniment ta’ persunal u l-istabbiliment ta’ standards minimi għat-taħriġ u l-edukazzjoni kif ukoll fuq rakkomandazzjonijiet kontra d-dumping soċjali u l-kompetizzjoni inġusta fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni.”

2.           RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U D-DOKUMENT ANALITIKU

2.1.        Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-Artikolu 155(1) tat-TFUE jipprovdi għas-sħab soċjali fil-livell tal-UE li jidħlu f’relazzjonijiet kuntrattwali, inklużi ftehimiet, jekk ikunu jixtiequ. It-TFUE ma jitlobx li jikkonsultaw ma’ partijiet oħrajn minn qabel.

Peress li l-Ftehim Ewropew rigward ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fl-IWT ġie konkluż fuq inizjattiva tas-sħab soċjali nfushom, il-Kummissjoni teħtieġ li tevalwa l-adegwatezza tal-azzjoni tal-UE fil-qasam.

Il-persunal tal-Kummissjoni ħejja dokument analitiku li jakkumpanja din il-proposta f'konformità mal-linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-impatt[17]. Dan jipprovdi analiżi proporzjonata li tevalwa l-impatt soċjoekonomiku tal-implimentazzjoni tal-Ftehim. Fl-istudju estern tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-Ftehim[18], il-konsulenti identifikaw l-awtoritajiet rilevanti u s-sħab soċjali fl-Istati Membri kollha u talbu għal informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħin tax-xogħol fis-settur tal-IWT u l-impatt potenzjali li jistennew mill-implimentazzjoni tal-Ftehim.

2.2. Dokument analitiku

Il-firmatarji tal-Ftehim ippreżentawh lill-Kummissjoni Ewropea u talbu li jiġi implimentat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE.

Jekk il-maniġment u l-ħaddiema jitolbu b'mod konġunt l-implimentazzjoni tal-ftehim tagħhom permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE, il-Kummissjoni tista’ taċċetta jew tirrifjuta t-talba għal implimentazzjoni leġiżlattiva, iżda ma tistax temenda t-test tal-ftehim. Il-Kummissjoni ma tistax titlob lis-sħab soċjali fil-livell tal-UE sabiex jimplimentaw il-ftehim tagħhom b’mod awtonomu, peress li din hija l-prerogattiva tas-sħab soċjali skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha biss żewġ għażliet x’tikkunsidra:

1. Ma ssirx proposta għall-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE (ix-xenarju bażiku): il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, id-Direttiva 2003/88/EC dwar il-ħin tax-xogħol u d-Direttiva 94/33/EC dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol se tibqa' fis-seħħ għall-ħaddiema mobbli fl-IWT, iżda fil-livell Ewropew mhux se jkun hemm leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol speċifiku għas-settur.

ix-xenarju bażiku huwa kkaratterizzat ferm mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u r-regolamenti dwar is-sikurezza li huma stabbiliti skont il-ftehimiet internazzjonali bħar-Regolamenti għall-persunal tan-navigazzjoni fuq ir-Renu[19] u oħrajn simili[20]. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tvarja u tibqa’ tvarja f’dan is-settur li huwa ppredominat mill-attività transfruntiera. L-ebda limitu espress f’unitajiet ta’ ħin dwar is-serħan minimu ta’ kuljum, is-serħan fil-ġimgħa, il-pawżi u t-tul massimu tax-xogħol billejl ma jkunu pprovduti fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri differenti jvarja. F’ċerti Stati Membri, il-leġiżlazzjoni tapplika biss għall-persunal tan-navigazzjoni, u f’ċerti każijiet għal dawk li jaħdmu għal rashom, iżda mhux għall-persunal abbord. Fi Stati Membri oħrajn, il-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol għas-settur tapplika kemm għall-persunal tan-navigazzjoni kif ukoll għall-persunal abbord.

2. 2. Issir proposta għall-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE: Id-Direttiva 2003/88/KE dwar il-ħin tax-xogħol u d-Direttiva 94/33/KE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol ikunu kkumplimentati minn Direttiva li tipprovdi regoli aktar speċifiċi dwar definizzjonijiet vinkolanti u komuni li fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fl-IWT.

Il-Ftehim jikkonċerna l-oqsma li ġejjin: il-limiti tal-ħin tax-xogħol kuljum u l-medja l-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa espressi f’unitajiet ta’ ħin, il-perjodu ta’ referenza, il-liv annwali, id-definizzjoni ta’ ġranet ta’ xogħol u ġranet ta’ serħan, id-dispożizzjonijiet speċjali rigward ix-xogħol staġunali abbord il-bastimenti tal-passiġġieri, il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kuljum u fil- ġimgħa, il-pawżi, il-ħin ta’ xogħol massimu billejl, id-dispożizzjonijiet speċjali rigward il-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema li għandhom inqas minn 18-il sena, il-kontrolli tal-konformità ("verifiki"), is-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, l-eżami tas-saħħa u d-dritt tat-trasferiment għall-ħaddiema ta’ billejl, is-sikurezza u l-protezzjoni tas-saħħa u x-xejriet tax-xogħol.

Il-Ftehim jagħti definizzjoni vinkolanti u komuni f’unitajiet ta’ ħin tal-perjodi ta' serħan minimi meħtieġa kuljum fil-ġimgħa, u s-sigħat ta’ xogħol massimi fil-ġimgħa u matul il-lejl.

Il-Ftehim ikun japplika għall-ħaddiema mobbli li jkunu persunal tan-navigazzjoni u persunal abbord. F’konformità mal-limiti stabbiliti fit-TFUE, is-sħab soċjali ma qablux dwar dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

Il-Ftehim jinkludi regola dwar l-applikazzjoni tad-"dispożizzjonijiet aktar favorevoli" (il-paragrafu 17(1)). Dan ifisser li fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi fil-preżent ikun fihom dispożizzjonijiet aktar protettivi, xejn ma għandu jinbidel b’konsegwenza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Din il-proposta hija konformi mal-konklużjonijet tad-Dokument Analitiku f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-għażliet ta’ politika.

L-impatt ta’ din l-inizjattiva fuq l-SMEs, essenzjalment l-intrapriżi żgħar u l-mikrointrapriżi huwa limitat. In-negozji żgħar jiffurmaw proporzjon kbir tas-settur. L-għadd ta’ negozji żgħar huwa proporzjonalment ogħla fir-Reġjun tar-Renu minn dak fir-Reġjun tad-Danubju. Prinċipalment, dawn huma sidien-operaturi li joperaw bastimenti għal rashom. Il-Ftehim ma japplikax għas-sidien-operaturi.

Waqt in-negozjati dwar il-Ftehim, l-SMEs kienu rrappreżentati tajjeb mill-ESO u r-rappreżentanti tagħhom kienu fost dawk li appoġġaw b'saħħa l-ftehim, billi huma jikkunsidrawh opportunità biex tinkiseb armonizzazzjoni ma' regoli potenzjalment aktar sempliċi dwar il-ħin tax-xogħol fis-settur.

L-SMEs li jaqgħu taħt il-Ftehim minħabba li jimpjegaw ħaddiema mobbli se jkunu fost dawk l-inqas affettwati. Dawn huma sidien ta’ bastimenti li jbaħħru fuq ir-Renu u fuq id-Danubju taħt l-iskemi ta’ tħaddim A1 u A2[21], li diġà jerrikjedu ċerti perjodi ta’ serħan (skont id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw is-sikurezza tat-trasport marittimu).

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi ġuridika

L-Artikolu 155(2) tat-TFUE jipprovdi li "Il-Ftehim konklużi fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu implementati skont il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 153, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat". Il-Parlament Ewropew għandu jkun informat”.

Il-Ftehim konkluż mill-EBU, l-ESO u l-ETF jirrigwarda ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. Jirreferi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u fih dispożizzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, qasam li huwa rregolat mill-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE. Dan huwa wieħed mill-oqsma li fihom il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata. Għaldaqstant l-Artikolu 155(2) jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-proposta tal-Kummissjoni.

Fil-Komunikazzjoni tagħha Adapting and promoting the social dialogue at Community level[22], il-Kummissjoni enfasizzat li "qabel kwalunkwe proposta leġiżlattiva tiġi ppreżentata lill-Kunsill, il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni li tinvolvi l-konsiderazzjoni tal-istatus rappreżentattiv tal-partijiet kontraenti, il-mandat tagħhom u l-legalità ta’ kull klawżola fil-ftehim kollettiv fir-rigward tal-liġi Komunitarja, u d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju".

Din il-valutazzjoni qiegħda tingħata hawn taħt.

3.2.        Analiżi tal-Ftehim

3.2.1      Rappreżentattività tal-partijiet kontraenti u l-mandat tagħhom

Il-leġittimità tas-sħab soċjali li għandhom ikunu kkonsultati u li għandhom jingħataw id-dritt li jinnegozjaw ftehimiet li aktarx ikunu implimentati minn deċiżjoni tal-Kunsill hija bbażata fuq ir-rappreżentattività tagħhom.

Il-firmatarji għall-Ftehim huma l-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF). Dawn it-tliet organizzazzjonijiet huma l-membri tal-Kumitat għad-Djalogu Settorjali tat-Trasport fl-ilmijiet navigabbli interni stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 1998[23] dwar l-istabbiliment tal-Kumitati ta' Djalogu Settorjali biex iġibu 'l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew. Il-Kummissjoni tivvaluta regolarment ir-rappreżentattività tas-sħab soċjali li jieħdu sehem fid-djalogu soċjali Ewropew bl-għajnuna ta’ studji esterni. L-aħħar studju tar-rappreżentattività għall-IWT li sar mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), korp magħmul minn tliet partijiet, ġie ppubblikat fl-2010[24].

L-informazzjoni pprovduta mill-firmatarji tikkonferma li huma jiffurmaw parti minn settur speċifiku u li huma organizzati fil-livell Ewropew. Barra minn hekk, huma magħmula minn organizzazzjonijiet li huma nfushom jiffurmaw parti integra u rikonoxxuta mill-istrutturi tas-sħab soċjali tal-Istati Membri u għandhom il-kapaċità biex jinnegozjaw ftehimiet, u jirrappreżentaw għadd ta’ Stati Membri. Fl-aħħar nett, għandhom l-istrutturi meħtieġa li jippermettulhom jipparteċipaw b’mod effettiv fix-xogħol tal-Kumitat għad-Djalogu Settorjali.

Il-Ftehim iffirmat minn dawn l-organizzazzjonijiet ikopri ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. Il-firmatarji taw informazzjoni dwar l-istatus tar-rappreżentanza tagħhom li tindika li jirrappreżentaw għadd suffiċjenti ta’ ħaddiema mobbli fl-IWT u ta’ min jimpjegahom, kemm fit-trasport tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri.

Min-naħa tal-impjegaturi, l-EBU[25] tirrappreżenta organizzazzjonijiet nazzjonali tal-industrija tan-navigazzjoni fuq l-ilmijiet interni (trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri) fi tmien Stati Membri tal-UE[26] u l-ESO[27] tirrappreżenta intraprendituri privati tat-tbaħħir fl-ilmijiet interni (kaptani li jaħdmu għal rashom) f’ħames Stati Membri[28]. Flimkien, dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom l-affiljati f’disa’ Stati Membri. L-istudju dwar ir-rappreżentattività kkonferma "l-importanza tal-EBU u tal-ESO bħala l-vuċijiet Ewropej inkomparabbli tan-negozju fis-settur, anki jekk iż-żewġ assoċjazzjonijiet għandhom biss parti mill-Istati Membri taħt il-ħarsien tagħhom permezz ta’ affiljazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi".

Min-naħa tat-trejdjunjins, il-Ftehim kien iffirmat mill-ETF[29], li t-taqsima tal-ilmijiet navigabbli interni tagħha tiġbor uffiċjali tat-trejdjunjins u rappreżentanti tat-trejdjunjins nazzjonali tat-trasport li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema fis-settur (trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, b’mod partikolari l-vapuri tal-lukandi u tal-kruċieri). L-ETF tirrappreżenta organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema tal-IWT fi 17-il Stat Membru[30]; il-parti l-kbira ta’ dawn l-organizzazzjonijiet huma involuti fin-negozjar kollettiv fil-livell nazzjonali.

Billi l-EBU, l-ESO u l-ETF ma għandhomx affiljati fl-Istati Membri kollha tal-UE, biex il-proċess tan-negozjati jkun trasparenti, bagħtu ittra konġunta lill-ministri tat-trasport u tax-xogħol tal-Istati Membri kollha f’Novembru 2009 fejn fiha infurmawhom dwar il-kontenut prinċipali tan-negozjati tagħhom u talbuhom jippreżentaw l-informazzjoni lill-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali nazzjonali rilevanti. Jidher li ma kien hemm l-ebda tweġiba uffiċjali għal din l-ittra.

L-istudju dwar ir-rappreżentattività li sar mill-Eurofound ma identifikax xi organizzazzjoni tas-sħab soċjali settorjali oħra organizzata fil-livell Ewropew.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li l-EBU, l-ESO u l-ETF huma l-uniċi organizzazzjonijiet fl-UE kollha li jirrappreżentaw iż-żewġ naħat tal-industrija tal-IWT.

F’ittra lill-Kummissjoni datata s-16 ta’ Marzu 2012, il-firmatarji tal-Ftehim ikkonfermaw li kellhom mandat mill-affiljati nazzjonali tagħhom sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu l-Ftehim.

B’konklużjoni, il-firmatarji tal-Ftehim għandhom status rappreżentattiv suffiċjenti fir-rigward tal-IWT inġenerali, ta’ dawk li jħaddmu u tal-ħaddiema li jistgħu jkunu koperti bid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, u kellhom mandat mill-membri nazzjonali tagħhom sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu l-Ftehim.

3.2.2      Legalità tal-klawżoli tal-Ftehim

Il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa kull klawżola tal-Ftehim u ma sabet l-ebda waħda li tmur kontra l-liġi tal-UE.

L-obbligi li kieku jiġu imposti fuq l-Istati Membri ma joħorġux direttament mill-Ftehim bejn is-sħab soċjali: minflok, kieku jirrużultaw mill-implimentazzjoni tiegħu permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill.

Il-kontenut tal-Ftehim jibqa’ fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 153(1) tat-TFUE.

Il-paragrafu 17 tal-Ftehim fih klawżola ta’ nonrigressjoni, li tissalvagwardja l-livell eżistenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema. Barra minn hekk, is-salvagwardji meħtieġa tal-acquis huma inklużi fil-proposta għal Direttiva tal-Kunsill (dispożizzjonijiet aktar favorevoli u nonrigressjoni — ara l-Artikolu 2).

3.3.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika diment li l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE.

Il-proposta tipprovdi "dispożizzjonijiet aktar speċifiċi" fit-tifsira tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. L-Artikolu 14 jirreferi għal "Strumenti tal-Komunità" kif meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, l-għan tal-proposta jista’ biss jinkiseb fil-livell tal-UE.

Il-ħtieġa għall-azzjoni tal-UE hija wkoll iġġustifikata mill-fatt li t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa prinċipalment forma internazzjonali ta’ trasport li tikkonsisti primarjament fl-attività transfruntiera fuq in-netwerk tat-trasport l-ilmijiet navigabbli interni. Biex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta kkawżata minn differenzi kbar bejn ir-regoli tal-ħinijiet tax-xogħol fi Stati Membri differenti, jinħtieġ li jiġu stabbiliti standards minimi fil-livell tal-UE rigward il-ħin tax-xogħol f’dan is-settur.

Biex jirriflettu din il-ħtieġa, is-sħab soċjali, skont l-Artikolu 155(1) tat-TFUE, ikkonkludew ftehim fil-livell tal-UE u talbu li dan il-Ftehim jiġi implimentat minn deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE. Rekwiżiti speċifiċi ta’ dan it-tip diġà ġew stabbiliti minn diversi direttivi għall-ħaddiema tat-trasport mobbli fl-avjazzjoni ċivili[31], fis-servizzi bil-ferrovija transfruntiera[32] u għall-baħħara[33], ibbażati fuq Ftehimiet Ewropej konklużi mis-sħab soċjali għas-setturi kkonċernati.

Għaldaqstant il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Id-Direttiva proposta tissodisfa r-rekwiżit tal-proporzjonalità peress li hija limitata għall-istabbiliment tal-miri li għandhom jintlaħqu u tistabbilixxi standards minimi.

Għaldaqstant hija tħalli spazju għall-flessibbiltà f’dak li jirrigwarda l-għażla ta’ miżuri konkreti ta’ implimentazzjoni.

3.4.        Għażla tal-istrumenti

L-istrument magħżul huwa Direttiva. It-terminu "deċiżjoni" fl-Artikolu 155(1) tat-TFUE "jintuża fit-tifsira ġenerali tiegħu sabiex jawtorizza l-istrument leġiżlattiv li għandu jintgħażel skont l-Artikolu 288 tat-TFUE. Hija l-Kummissjoni li trid tipproponi l-aktar strument xieraq minn fost it-tlieta vinkolanti msemmija f’dak l-Artikolu (regolament, Direttiva jew deċiżjoni).

L-Artikolu 296 tat-TFUE jiddikjara li "Fejn it-Trattati ma jispeċifikawx it-tip ta' att li għandu jiġi adottat, l-istituzzjonijiet għandhom jiddeċiedu każ b' każ, skont il-proċeduri applikabbli, u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità."

F’dan il-każ, minħabba t-tip u l-kontenut tal-ftehim tas-sħab soċjali, huwa ċar li jkun applikat l-aħjar permezz ta’ dispożizzjonijiet li jiġu trasposti mill-Istati Membru u/jew mis-sħab soċjali fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Għaldaqstant l-aktar strument xieraq huwa Direttiva tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-Ftehim ma għandux ikun inkorporat fil-proposta iżda anness magħha.

3.5.        Informazzjoni lill-Parlament Ewropew

Skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE, jekk Ftehim Ewropew ikun implimentat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat.

Il-Kummissjoni għaddiet il-proposta tagħha lill-Parlament Ewropew sabiex ikun jista’, jekk irid, jikkomunika l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

3.6.        Kontenut tal-proposta

L-istruttura tal-proposta hija kif ġej:

Artikolu 1

Dan l-Artikolu huwa ristrett biss għall-Ftehim bejn is-sħab soċjali vinkolanti, li hija l-mira ta’ deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE.

Artikolu 2

L-Artikolu 2 jiddikjara li d-Direttiva tipprovdi biss għal rekwiżiti minimi, u tħalli lill-Istati Membri liberi li jadottaw miżuri li huma l-aktar favorevoli għall-ħaddiema fil-qasam ikkonċernat. L-għan tagħha huwa li tiggarantixxi b’mod espliċitu livelli miksuba ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u tiżgura li japplikaw biss l-aktar standards favorevoli tal-protezzjoni fuq ix-xogħol.

Artikoli 3 sa 6

L-Artikoli 3 sa 6 fihom id-dispożizzjonijiet tas-soltu dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, inkluż l-obbligu li jipprovdu għal pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. B’mod partikolari, l-Artikolu 5 jirreferi għad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

3.7.        Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Anness tal-proposta

Il-Paragrafu 1 (kamp ta' applikazzjoni)

Din il-klawżola tagħmilha ċara li l-Ftehim japplika għall-ħaddiema mobbli impjegati bħala membri tal-ekwipaġġ u l-persunal abbord fuq inġenju mħaddem fis-settur kummerċjali tal-ilmijiet navigabbli interni. Il-paragrafu 1(2) jistipula li s-sidien-operaturi mhumiex koperti mill-Ftehim, anki jekk huma meqjusa bħala ħaddiema fl-impriża tagħhom stess għal raġunijiet ta’ sigurtà soċjali.

Il-paragrafu 1(3) jistabbilixxi r-relazzjoni bejn dan il-Ftehim u d-dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali dwar il-ħin tas-serħan għall-finijiet tas-sikurezza tat-tbaħħir. Jekk hemm differenzi bejn dawn id-dispożizzjonijiet, japplikaw id-dispożizzjonijiet l-aktar favorevoli għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema.

Il-paragrafu 1(4) jistipula li l-ħaddiema mobbli li jaħdmu fuq inġenju fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE barra s-settur kummerċjali tal-ilmijiet navigabbli interni u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma rregolati minn ftehim ta’ xogħol kollettiv jistgħu jkunu koperti minn dan il-Ftehim taħt ċerti kundizzjonijiet.

Il-Paragrafu 2 (Definizzjonijiet)

Il-Ftehim jużaw termini varji: inġenju, bastiment tal-passiġġieri, ħin tax-xogħol, ħin ta’ serħan, jum ta’ serħan, operatur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, skeda tax-xogħol, ħin ta’ billejl, ħaddiem ta’ billejl, ħaddiem bix-xift, persunal abbord, ħaddiem mobbli u staġun. It-tieni paragrafu jistabbilixxi t-tifsiriet ta’ dawn it-termini għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

Il-Paragrafu 3 (Ħin tax-xogħol u perjodu ta’ referenza)

Il-paragrafu 3(1) jistabbilixxi ħin standard ta’ tmien sigħat xogħol kuljum. Il-paragrafu 3(2) jipprovdi għal medja ta’ ħin ta' 48 siegħa xogħol fil-ġimgħa skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol.

Il-paragrafu 3(2) jistipula li l-perjodu ta’ referenza massimu huwa ta’ 12-il xahar. Il-perjodu ta’ referenza huwa l-perjodu li fuqu tiġi kkalkulata l-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa.

Għaldaqstant il-paragrafu 3(3) jiddikjara li l-ħin ta’ xogħol massimu huwa ta’ 2 304 sigħat. Il-liv annwali u l-liv tal-mard huma esklużi minn dan il-kalkolu. Jekk ir-relazzjoni tal-impjieg tkun inqas mill-perjodu ta’ referenza, il-ħin tax-xogħol massimu permissibbli jiġi kkalkulat pro rata.

Il-Paragrafu 4 v(Ħin tax-xogħol ta' kuljum u fil-ġimgħa)

Il-paragrafu 4(1) jistabbilixxi l-ħin tax-xogħol massimu matul kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa u l-ħin tax-xogħol massimu matul kwalunkwe perjodu ta’ sebat ijiem.

Il-paragrafu 4(2) jintroduċi limitu għall-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa ta’ 72 siegħa fi żmien kwalunkwe perjodu ta’ erba’ xhur f’każ ta’ skeda ta’ xogħol speċifika. Din id-dispożizzjoni tikkunsidra l-iskedi tax-xogħol eżistenti fis-settur u l-ammont konsiderevoli ta’ ħin mhux attiv abbord.

Il-Paragrafu 5 (Jiem ta' xogħol u ta' serħan)

It-tendenzi tax-xogħol fis-settur tal-IWT ivarjaw. F’ħafna każijiet il-ħaddiema mobbli jaħdmu ġranet konsekuttivi fuq inġenju sabiex iqattgħu perjodu ta’ serħan id-dar. Il-Paragrafu 5(1) jistipula l-limitu massimu: mhux aktar minn 31 jum jistgħu jinħadmu wara xulxin.

Il-paragrafu 5(2) jipprovdi regolamenti għal mudell ta’ 1:1, fejn ħaddiem ikollu l-istess numru ta’ jiem ta’ serħan u jiem ta’ xogħol. F’dan il-mudell, l-għadd ta’ jiem ta’ xogħol konsekuttivi huwa segwit mill-istess għadd ta’ jiem ta’ serħan. Hemm eċċezzjonijiet possibbli għal din ir-regola taħt il-kundizzjonijiet imsemmija.

Il-paragrafu 5(3) jistabbilixxi metodu għall-kalkolu tal-għadd minimu ta’ jiem ta’ serħan konsekuttivi jekk il-mudell ta’ xogħol ikun jinvolvi aktar jiem ta’ xogħol milli jiem ta’ serħan. Dawn il-jiem ta’ serħan għandhom jingħataw minnufih wara l-jiem ta’ xogħol konsekuttivi.

Il-Paragrafu 6 (Xogħol staġunali fuq bastimenti tal-passiġġieri)

Sabiex jirrikonoxxi n-natura speċjali tax-xogħol staġunali abbord il-bastimenti tal-passiġġieri, il-paragrafu 6 jistabbilixxi limiti massimi fuq il-ħin tax-xogħol: 12-il siegħa fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa u 72 siegħa fi kwalunkwe perjodu ta’ sebat ijiem, li jistgħu jkunu applikati lill-ħaddiema mobbli kollha abbord il-bastimenti tal-passiġġieri.

Il-paragrafu 6(2) jeħtieġ li l-ħaddiema jingħata 0.2 ġranet ta’ serħan f’kull jum ta’ xogħol. Mill-inqas jumejn ta’ serħan għandhom jingħataw matul kwalunkwe perjodu ta’ 31 jum.

Il-paragrafu 6(3) jistipula li għandhom jingħataw jiem ta’ serħan u l-medja massima ta’ 48 siegħa ta' ħin ta’ xogħol fil-ġimgħa għandha tkun irrispettata skont il-ftehimiet kollettivi jew, jekk dan ma jsirx, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-Paragrafu 7 (Perjodi ta’ serħan)

Sabiex jitħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, dan il-paragrafu jistabbilixxi perjodi ta’ serħan espressi f’unitajiet ta’ ħin: 10 sigħat f’kull perjodu ta’ 24 siegħa u 84 siegħa fi kwalunkwe perjodu ta’ sebat ijiem.

Il-Paragrafu 8 (Pawżi)

It-tmien paragrafu jagħti lil kull ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu ta’ kuljum jaqbeż is-sitt sigħat id-dritt għal pawża. Kemm iddum din il-pawża u t-termini li taħthom jingħataw il-pawżi huma ddeterminati bi ftehim kollettiv jew, fin-nuqqas ta’ dan, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-Paragrafu 9 (Ħin tax-xogħol massimu billejl)         Abbażi tal-ħin ta’ seba’ sigħat xogħol billejl, dan il-paragrafu jillimita l-ħin tax-xogħol billejl għal 42 siegħa f’perjodu ta’ sebat ijiem. Il-Paragrafu 10 (Liv annwali)

L-għaxar paragrafu jistabbilixxi perjodu minimu ta’ liv annwali ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat, li ma jistax ikun sostitwit minn ħlas in lieu ħlief meta l-impjieg jiġi tterminat. Dan il-paragrafu jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, li diġà japplika għall-ħaddiema mobbli.     

Il-Paragrafu 11 (Protezzjoni tal-minorenni)  

Il-ħaddiema mobbli fl-IWT taħt it-18-il sena jkomplu jkunu koperti bid-Direttiva 94/33/KE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol[34].

Il-paragrafu 11(2) jippermetti li l-Istati Membri jawtorizzaw ix-xogħol billejl miż-żgħażagħ f’perjodu li huwa pprojbit mid-Direttiva 94/33/KE, jekk ikollhom aktar minn 16-il sena u ma jkunux aktar soġġetti għall-edukazzjoni obbligatorja full-time skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ix-xogħol billejl irid ikun meħtieġ għat-taħriġ tagħhom u huwa permess biss jekk jingħata biżżejjed serħan kumpensatorju u l-għanijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/33/KE ma jkunux ikkontestati.

Il-Paragrafu 12 (Verifiki)       

Il-paragrafu 12(1) jistipula li għandhom jinżammu rekords tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa ta’ kull ħaddiem sabiex tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol f’dan il-Ftehim (il-paragrafi 3-7, 9-11 u 13).       

Il-paragrafu 12(2) jirrikjedi li r-rekords tax-xogħol jinżammu abbord tal-inqas sa tmiem il-perjodu ta’ referenza.  

Il-paragrafu 12(3) jiddikjara li dawn ir-rekords għandhom ikunu kkontrollati u approvati f’intervalli regolari kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-ħaddiem.   

Il-paragrafu 12(4) jistabbilixxi l-informazzjoni minima li għandu jinkludi dan ir-rekord.     

Il-paragrafu 12(5) jistipula li l-ħaddiema għandhom jingħataw kopja tar-rekords approvati u għandhom iżommu r-rekords magħhom għal sena.  

Il-Paragrafu 13 (Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza)         

Il-paragrafu 13(1) jistipula li f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-kaptan jew ir-rappreżentant tal-kaptan jistgħu jeħtieġu li l-ħaddiem jaħdem aktar sigħat meħtieġa għas-sikurezza tal-persuni u l-merkanzija jew il-bastiment innifsu jew sabiex jassistu lill-persuni jew lill-bastimenti f’diffikultà.     

Il-paragrafu 13(2) jistipula li f’sitwazzjoni bħal din il-kaptan jew ir-rappreżentant tal-kaptan jistgħu jeħtieġu li l-ħaddiem jaħdem aktar sigħat sakemm is-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal.

Il-paragrafu 13(3) jimponi obbligu fuq il-kaptan jew ir-rappreżentant tiegħu li jagħti lill-ħaddiema kollha li jkunu ħadmu waqt perjodu ta’ serħan ippjanat serħan kumpensatorju adegwat, hekk kif ikun prattiku wara li s-sitwazzjoni tkun ġiet għan-normal.           

Il-Paragrafu 14 (Eżami mediku)        

Il-paragrafu 14(1) jistabbilixxi d-dritt tal-ħaddiema kollha għal eżami mediku bla ħlas fis-sena. Waqt dan l-eżami mediku għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-kundizzjonijiet u s-sintomi li jistgħu jkunu r-riżultat ta’ xogħol abbord taħt il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kuljum u/jew il-jiem ta’ serħan minimi skont il-paragrafu 5 u 6 tal-Ftehim.

Il-paragrafu 14(2) jistabbilixxi d-dritt tal-ħaddiema ta’ billejl li jkunu trasferiti għax-xogħol matul il-ġurnata jekk ikunu jbatu minn problemi tas-saħħa marbuta max-xogħol billejl.

Il-paragrafu 14(3) u 14(4) jistipulaw li l-eżami mediku annwali bla ħlas għandu jkun konformi mal-kunfidenzjalità medika u jista’ jsir taħt is-sistema tas-saħħa nazzjonali.        

Il-Paragrafu 15 (Protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa)        

Il-paragrafu 15(1) jagħti lill-ħaddiema ta’ billejl u lill-ħaddiema li jaħdmu bix-xift id-dritt għall-protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa xierqa għan-natura tax-xogħol tagħhom.         

Il-paragrafu 15(2) jistipula li s-servizzi ta’ protezzjoni u ta’ prevenzjoni jew il-faċilitajiet għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema ta’ billejl jew tax-xift għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal ħaddiema oħrajn. Dawn il-faċilitajiet u servizzi għandhom ikunu disponibbli fi kwalunkwe ħin. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 15 huma konformi mal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, li diġà japplika għall-ħaddiema mobbli. 

Il-Paragrafu 16 (Tendenzi tax-xogħol)           

Dan il-paragrafu jkopri sitwazzjonijiet fejn min iħaddem ikun irid jorganizza x-xogħol skont ċerta sistema. F’din is-sitwazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat il-prinċipju tal-adattament tax-xogħol għall-ħaddiem, bil-ħsieb li jtaffi x-xogħol b’rata monotona jew b’rata ddeterminata minn qabel, skont it-tip ta’ attività u r-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza. Din id-dispożizzjoni hija konformi mal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, li tapplika għall-ħaddiema mobbli.           

Il Paragrafu 17 (Dispożizzjonijiet finali)         Dan il-paragrafu fih klawżola dwar dispożizzjonijiet aktar favorevoli: l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet ekwivalenti jew aktar favorevoli minn dawk tal-Ftehim.   

Il-paragrafu 17(2) fih klawżola ta’ nonrigressjoni u l-paragrafu 17(3) jistipula li s-sħab soċjali għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet ta’ saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, fil-kuntest tal-Kumitat Ewropew għad-Djalogu Soċjali għall-IWT.         

Il-paragrafu 17(4) jipprovdi għal reviżjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim mill-firmatarji tal-Ftehim sentejn wara li jintemm il-perjodu tat-traspożizzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ din il-proposta.        

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.           INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

L-Istati Membri huma meħtieġa li jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva.

Ħafna drabi l-Istati Membri ma għandhom l-ebda leġiżlazzjoni speċifika li tindirizza b’mod espliċitu l-kategoriji ta’ ħaddiema koperti mid-Direttiva. Għaldaqstant, ħafna drabi l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri rigward kwistjonijiet koperti mill-proposta tkun tinsab f’għadd ta’ testi leġiżlattivi differenti (Kodiċijiet tax-Xogħol, leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza, dispożizzjonijiet mhux eżawrjenti speċifiċi għas-settur) li jkunu jeħtieġu approċċ u interpretazzjoni sistemiċi.

Il-proposta fiha wkoll għadd ta’ elementi li qabel ma kinux koperti peress li l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol kien jeżentahom mid-dispożizzjonijiet oriġinali tagħha. Tinħtieġ informazzjoni ċara dwar it-traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u s-soluzzjonijiet il-ġodda biex tkun żgurata l-konformità mal-istandard minimu stabbilit mill-proposta. Din tippermetti li l-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva, li huma maħsuba li jipproteġu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, jipprovdu aktar flessibbiltà lill-impriżi u li jrawmu kompetizzjoni ġusta bejn l-impriżi.

Il-piż amministrattiv addizzjonali stmat għall-provvista ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni mhuwiex sproporzjonat (huwa ta’ darba u ma għandux jeħtieġ li jkunu involuti bosta organizzazzjonijiet). Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni jistgħu jkunu mħejjija b’mod aktar effiċjenti mill-Istati Membri.

Fid-dawl ta’ dan, huwa ssuġġerit li l-Istati Membri jintrabtu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom billi jipprovdu dokument ta’ spjegazzjoni jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali.

2014/0212 (NLE)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li timplimenta l-Ftehim Ewropew konkluż mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 155(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-maniġment u l-ħaddiema, minn hawn ’il quddiem imsejħa "s-sħab soċjali", jistgħu, skont l-Artikolu 155(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jitolbu b’mod konġunt li l-ftehimiet konklużi minnhom fil-livell tal-Unjoni jkunu implimentati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.

(2)       L-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) infurmaw lill-Kummissjoni dwar ix-xewqa tagħhom li jidħlu f’negozjati skont l-Artikolu 155(1) tat-TFUE bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim fil-livell tal-Unjoni.

(3)       Fil-15 ta’ Frar 2012, l-EBU, l-ESO u l-ETF ikkonkludew Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ("il-Ftehim").

(4)       Il-Ftehim kien jinkludi talba konġunta li l-Kummissjoni timplimenta l-Ftehim permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 155(2) tat-Trattat.

(5)       Għall-finijiet tal-Artikolu 288 tat-Trattat, l-istrument xieraq għall-implimentazzjoni tal-Ftehim huwa Direttiva.

(6)       Il-Kummissjoni ħejjiet abbozz tal-proposta tagħha għal Direttiva, skont il-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-adattament u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali fil-livell tal-Komunità[35], filwaqt li kkunsidrat l-istatus tar-rappreżentattività tal-partijiet firmatarji u l-legalità ta’ kull klawżola tal-Ftehim.

(7)       Kwalunkwe terminu użat fil-Ftehim u li mhuwiex definit b’mod speċifiku jista’ jkun definit mill-Istati Membri skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, bħalma huwa l-każ għal Direttivi oħrajn dwar il-politika soċjali li jużaw termini simili, diment li dawk id-definizzjonijiet jirrispettaw il-kontenut tal-Ftehim.

(8)       L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali, fuq it-talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jistgħu fi kwalunwke ħin jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva.

(9)       Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[36] tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ saħħa u s-sikurezza għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inkluż dak tal-ħaddiema fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni.

(10)     Din id-Direttiva u l-Ftehim jistabbilixxu rekwiżiti aktar speċifiċi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, għall-finijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88/KE.

(11)     Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni eżistenti tal-Unjoni li huma aktar speċifiċi jew li jagħtu livell ogħla ta’ protezzjoni lill-ħaddiema mobbli fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni.

(12)     Din id-Direttiva ma tistax tintuża biex ikun iġġustifikat tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti mill-Ftehim.

(13)     Din id-Direttiva u l-Ftehim jistabbilixxu standards minimi; l-Istati Membri u s-sħab soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli.

(14)     Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE billi bagħtet it test tal-proposta tagħha għal Direttiva li kien jinkludi l-Ftehim.

(15)     Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha.

(16)     Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva li hija maħsuba għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema f’settur bi predominanza transfruntiera ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(17)     L-implimentazzjoni tal-Ftehim tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet taħt l- Artikolu 151 tat-TFUE.

(18)     Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni[37], l-Istati Membri ntrabtu li jakkumpanjaw, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Rigward din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva timplimenta, għall-finijiet tal-Artikolu 155(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Ftehim Ewropew dwar ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, konkluż fil-15 ta’ Frar 2012 mill-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU), l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

1.           L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.           Taħt l-ebda ċirkostanza, l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali li jistabbilixxu, fid-dawl tat-tibdil fiċ-ċirkostanzi, arranġamenti leġiżlattivi, regolatorji jew kuntrattwali differenti minn dawk prevalenti fil-ħin tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, dejjem diment li r-rekwiżiti minimi stipulati f’din id-Direttiva jiġu rrispettati.

3.           L-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni, drawwa jew prattika tal-Unjoni jew tal-pajjiż li tipprovdi kundizzjonijiet aktar favorevoli lill-ħaddiema kkonċernati.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema pieni huma applikabbli meta jinkisru d-dispożizzjonijiet nazzjonali promulgati konformement ma’ din id-Direttiva. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 4

1.           L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.           L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9-19

[2]               L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/104/KE dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ĠU L 307, 13.12.1993, p. 18 ("Id-Direttiva tal-1993").

[3]               L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol biex jitkoprew is-setturi u attivitajiet esklużi minn dik id-Direttiva, ĠU L 195, 1.8.2000, p. 41 ("Id-Direttiva tas-sena 2000").

[4]               Ara l-premessi 3 sa 11 tad-Direttiva tas-sena 2000, u l-Artikolu 17a kif imdaħħal mid-Direttiva tas-sena 2000 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol).

[5]               Kif definit mill-Artikolu 2(9) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol.

[6]               L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88/KE jikkorrispondi għall-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-1993; għall-interpretazzjoni, ara Bowden vs Tufnalls Parcels Express, Kawża C-133/00, sentenza datata l-4 ta’ Ottubru 2001.

[7]               ‘Study on the expected impacts of the implementations of the European Agreement on working time in inland waterway transport — a comparison with the status quo’ (Studju dwar l-impatti mistennija mill-implimentazzjonijiet tal-Ftehim Ewropew dwar il-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni – tqabbil mal-istatus quo), Ecorys, 2013.

[8]               Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Towards quality inland waterway transport — NAIADES II, (COM(2013) 623 finali.

[9]               http://ec.europa.eu/transport/modes/inland/index_en.htm.

[10]             Market Observation No 12 — Analysis of the economic situation — Autumn 2010, CCNR http://www.ccr-zkr.org/files/documents/om/om10II_en.pdf.

[11]             Ibid.

[12]             Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ‘NAIADES’ — programm ta’ azzjoni Ewropew integrat għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, COM(2006) 6 finali.

[13]             SEC(2011) 453 finali.

[14]             Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Towards Quality Inland Waterway Transport Naiades II, COM(2013) 623 finali.

[15]             Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni An Agenda for new skills and jobs: A European contribution towards full employment, COM(2010) 682 finali.

[16]             Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti COM(2011) 144 finali.

[17]             Http://ec.europa.eu/governance/impact/commission_guidelines/docs/iag_2009_en.pdf.

[18]             Study on the expected impacts of the implementations of the European Agreement on working time in inland waterway transport — a comparison with the status quo, (Studju dwar l-impatti mistennija mill-implimentazzjonijiet tal-Ftehim Ewropew dwar il-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni – tqabbil mal-istatus quo), Ecorys, 2013.

[19]             http://www.ccr-zkr.org/13020500-en.html#04.

[20]             Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-Danubju huma identiċi għal dawk tar-Regolamenti għall-persunal tan-navigazzjoni fuq ir-Renu.

[21]             Skont ir-Regolamenti tar-Renu, bastiment li jopera skont skeda A1 ifisser li l-bastiment huwa operat għal massimu ta' 14-il siegħa kontinwa fil-ġurnata;; Skont l-iskema A2 il-bastiment huwa operat għal massimu ta' 18-il siegħa kontinwa fil-ġurnata.

[22]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tadatta u tippromwovi d-djalogu soċjali fil-livell tal-Komunità,

                COM(1998) 322 finali.

[23]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE tal-20 ta’ Mejju 1998 dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati ta’ Djalogu Settorjali biex iġibu ’l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew, ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27.

[24]             Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (2010), Ir-Rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali Ewropej: It-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (http://www.eurofound.europa.eu/eiro/studies/tn0809017s/tn0809017s.htm).

[25]             http://www.ebu-uenf.org/membership.

[26]             Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u r-Rumanija.

[27]             http://www.eso-oeb.org/organisations.

[28]             Il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Polonja.

[29]             http://www.itfglobal.org/etf/etf-affiliates.cfm.

[30]             Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Finlandja u r-Renju Unit.

[31]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/79/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej (AEA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji tal-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Arju (IACA) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) — ĠU L 302, 1.12.2000, p. 57–60.

[32]             Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/47/KE tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar il-Ftehim bejn il-Komunità tal-Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea għall-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli fis-settur tal-ferroviji — ĠU L 195, 27.7.2005, p. 15–17.

[33]             Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (ECSA) u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FST) — Anness: Ftehim Ewropew dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-baħħara — ĠU L 167, 2.7.1999, p. 33–37.

[34]             Id-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta’ Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol, ĠU L 216, 20.8.1994.

[35]             COM(1998) 322 finali.

[36]             ĠU L 299, 18.11.2003, pp. 9–19.

[37]             ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

ANNESS

Billi:   

1. Id-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċertu aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tistabbilixxi standards minimi ġenerali li, bl-eċċezzjoni tat-taqsimiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) (il-perjodi ta' serħan kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi għas-serħan, l-ammont ta' xogħol matul il-lejl) jirrelataw ukoll mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. Madankollu, billi dawn ir-regolamenti ma jikkunsidrawx biżżejjed il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien speċifiċi għas-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, jinħtieġu aktar regoli speċifiċi, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/88/KE.

2. Dawn ir-regoli aktar speċifiċi għandhom jassiguraw livell għoli ta' saħħa u sikurezza tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni.      

3. It-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa forma ta' trasport internazzjonali kkaratterizzat l Għalhekk is-settur tat-trasport Ewropew fl-ilmijiet navigabbli interni għandu jfittex li joħloq kundizzjonijiet ta' qafas omoġenji għas-suq tax-xogħol f'dan is-settur u jevita l-kompetizzjoni inġusta msejsa fuq id-differenzi bejn l-istrutturi statutorji tal-ħin tax-xogħol.         

4. Fid-dawl tal-importanza tas-settur tat-trasport għall-kompetittività ekonomika, l-Unjoni Ewropea stabbiliet il-mira li tħeġġeġ dawn il-modi ta' trasport li jużaw inqas enerġija, li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jew li huma aktar sikuri[1]. It-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa mod ta' trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent b'kapaċità disponibbli li tagħti kontribut sostenibbli għat-tneħħija tal-merkanzija mit-toroq u mil-linji ferrovjarji tal-Ewropa.  

5. L-organizzazzjoni tax-xogħol tvarja fis-settur. L-għadd ta' ħaddiema u l-ħin tax-xogħol tagħhom abbord ivarjaw skont il-mod li bih jiġi organizzat ix-xogħol, l-impriża kkonċernata, iż-żona ġeografika ta' operazzjoni, it-tul tal-vjaġġ u d-daqs tal-inġenju. Xi wħud mill-bastimenti jaħdmu kontinwament, jiġifieri 24 siegħa kuljum, bil-persunal jaħdem bix-xift. Min-naħa l-oħra, b'mod partikolari impriżi ta' daqs medju għandhom it-tendenza li jħaddmu l-bastimenti tagħhom 14-il siegħa kuljum għal ħames jew sitt ijiem fil-ġimgħa. Fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, il-ħin tax-xogħol ta' ħaddiem abbord mhux l-istess bħall-ħin tal-operat ta' inġenju.           

6. Wieħed mill-fatturi speċjali tas-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa li l-ħaddiema jista' jkollhom mhux biss il-post tax-xogħol tagħhom abbord iżda wkoll l-akkomodazzjoni jew il-kwartieri fejn jgħixu fuq il-bastiment. Għalhekk, ta' sikwit il-ħaddiema jqattgħu wkoll il-ħin ta' serħan abbord. Ħafna mill-ħaddiema fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, speċjalment dawk li jkunu 'l bogħod mid-dar, jaħdmu bosta jiem konsekuttivi abbord biex ifaddlu s-sigħat ta' vjaġġar u b'hekk ikunu jistgħu jqattgħu ħafna jiem id-dar jew f'postijiet oħra tal-għażla tagħhom. Pereżempju, bil-mudell tax-xogħol 1:1, ħaddiem ikollu l-istess għadd ta' jiem ta' serħan u jiem ta' xogħol. Għal din ir-raġuni l-għadd ta' jiem ta' xogħol konsekuttivi abbord u l-għadd ta' jiem ta' serħan jistgħu jikkorrispondu għal ċifra ogħla minn kif inhu l-każ għal xogħol fuq l-art.           

7. Il-medja tal-ħin tax-xogħol fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni jinkludi normalment ammont sinifikanti ta' ħin meta wieħed ikun xogħol għal dak li jista' jinqala' ("on-call") (pereżempju minħabba ħin ta' stennija mhux ippjanat fix-xtiebi ta' kanal jew matul it-tagħbija u l-ħatt tal-inġenju), li jistgħu jseħħu wkoll billejl. Għalhekk il-ħin massimu tax-xogħol ta' kuljum u fil-ġimgħa jista' jkun itwal minn dak stabbilit fid-Direttiva 2003/88/KE.         

8. Fl-istess ħin irid jiġi rikonoxxut li l-ammont tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni huwa influwenzat minn diversi fatturi, bħall-istorbju, il-vibrazzjoni u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Bla ħsara għad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol[2], huwa previst li jsiru eżamijiet tas-saħħa kull sena għall-protezzjoni tal-ħaddiema, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi f'dan is-settur.       

9. Għandu jitqies il-piż addizzjonali li jinġarr mill-membri tal-ekwipaġġ matul ix-xogħol billejl billi l-għadd massimu ta' sigħat permessi billejl jiġi limitat u billi x-xogħol jiġi organizzat kif xieraq.    

10. Apparti jimpjega l-ħaddiema, is-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni iħaddem ukoll ħaddiema għal rashom[3]. L-istatus ta' ħaddiem għal rasu huwa determinat f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.   

11. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fuq il-bastimenti tal-passiġġieri jvarjaw minn dawk fuq forom oħra ta' trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u għalhekk dispożizzjonijiet speċjali huma ġġustifikati. L-ambjent soċjali differenti, l-attivitajiet ta' xogħol diversi u n-natura staġunali ta' dan is-subsettur tas-settur tat-trasport Ewropew fl-ilmijiet navigabbli interni jidhru wkoll fid-differenzi fil-mod ta' kif ix-xogħol huwa organizzat.   

Fid-dawl tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 154 u 155(2) tiegħu, il-firmatarji jitolbu b'mod konġunt li dan il-Ftehim konkluż fil-livell tal-UE jiġi implimenatat b'Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-partijiet firmatarji qablu dwar dan li ġej:

Paragrafu 1

Kamp ta’ applikazzjoni       

1. Dan il-Ftehim għandu japplika għal ħaddiema mobbli impjegati bħala membri tal-persunal tan-navigazzjoni (membri tal-ekwipaġġ) jew b'funżjoni oħra (persunal abbord) fuq inġenju li jopera fit-territorju ta' Stat Membru fis-settur kummerċjali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni.   

2. L-operaturi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni ma għandhomx jitqiesu bħala ħaddiema skont it-tifsira ta' dan il-Ftehim, anki jekk ikollhom l-istatus ta' ħaddiema fl-impriża tagħhom stess.       

3. Dan il-Ftehim għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali marbuta mas-sikurezza tat-trasport bil-baħar li japplikaw għal ħaddiema mobbli u għall-persuni msemmija fil-Paragrafu 1.2.          

4. Meta jkunu jeżistu differenzi rigward il-perjodi ta' serħan għal ħaddiema mobbli bejn dan il-ftehim u xi dispożizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li jikkonċernaw is-sikurezza tat-trasport bil-baħar, dawk id-dispożizzjonijiet li joffru grad ogħla ta' protezzjoni għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema għandu jkollhom preċedenża.  

5. Il-ħaddiema mobbli impjegati abbord inġenju li jopera fit-territorju ta' Stat Membru barra s-settur kummerċjali tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma soġġetti għal ftehimiet kollettivi ta' negozjati u ta' salarji, konklużi bejn l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema jistgħu jkunu koperti b'dan il-ftehim wara li dawn l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-ħaddiema jkunu ġew ikkonsultati u jkunu taw il-kunsens tagħhom, kemm-il darba d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ikunu aktar favorevoli għall-ħaddiema.        

Paragrafu 2

Definizzjonijiet         

Għall-fini ta' dan il-Ftehim għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin: 

a)           "inġenju" tfisser vapur jew unità li żżomm f'wiċċ l-ilma;    

b)           "bastiment tal-passiġġieri" tfisser bastiment li jintuża għal mawra ta' jum jew bastiment bil-kabini mibni u mgħammar biex iġorr aktar minn 12-il passiġġier;   

c)           "ħin tax-xogħol" tfisser il-ħin li matulu ħaddiem huwa skedat li jaħdem jew li matulu jrid ikun disponibbli li jaħdem (ħin "on call") fuq u għal inġenju skont l-istruzzjonijiet tal-impjegatur jew tar-rappreżentant tal-impjegatur;   

d)           "ħin ta' serħan" tfisser il-ħin barra l-ħin tax-xogħol; dan it-terminu jkopri l-perjodi ta' serħan fuq inġenju li qed ibaħħar, fuq inġenju wieqaf jew fl-art. Ma jinkludix pawżi qosra (sa 15-il minuta);    

e)           "jum ta' serħan" tfisser perjodu kontinwu ta' serħan ta' 24 siegħa li l-ħaddiem iqatta' f'post tal-għażla tiegħu;         

f)            "operatur fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni" tfisser kull persuna li topera bastimenti għal raġunijiet kummerċjali fis-settur tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fuq kont tagħha;           

g)           "skeda tax-xogħol" tinkludi l-jiem ta' xogħol ippjanati flimkien mal-jiem ta' serħan komunikati lill-ħaddiem bil-quddiem mill-impjegatur;           

h)           "ħin ta' billejl" tfisser il-ħin bejn il-23:00 u s-06:00; 

i)            "ħaddiem ta' billejl" tfisser    aa)     minn naħa: kull ħaddiem li, tul il-ħin ta' billejl, jaħdem tal-inqas tliet sigħat tal-jum tax-xogħol tiegħu bħala ħidma normali;            bb)     min-naħa l-oħra: kull ħaddiem li aktarx li billejl iwettaq ċertu proporzjon tal-ħin annwali tax-xogħol tiegħu, li huwa ddeterminat mill-Istat Membru kkonċernat:

aaa) bil-leġiżlazzjoni nazzjonali, wara konsultazzjoni maż-żewġ partijiet tal-industrija, jew

bbb) bi ftehimiet kollettivi jew ftehimiet konklużi bejn iż-żewġ partijiet tal-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali;

j)            "ħaddiem bix-xift" tfisser kull ħaddiem li l-iskeda tax-xogħol tiegħu hija parti minn xogħol bix-xift;      

k)           "il-persunal abbord" huwa ddefinit skont id-definizzjoni Nru 103 fl-Artikolu 1.01 tal-Anness II tad-Direttiva 2006/87/KE[4] ;       

l)            “ħaddiem mobbli” tfisser kull ħaddiem impjegat bħala membru ta' persunal tal-ivvjaġġar minn impriża li topera servizzi ta' trasport għall-passiġġieri jew għall-merkanzija fl-ilmijiet navigabbli interni; u referenza għall-"ħaddiema" f'dan il-Ftehim għandha tinftiehem skont dan;

m)          "staġun" tfisser perjodu ta' mhux aktar minn disa' xhur konsekuttivi minn tnax-il xahar li matulu l-attivitajiet ikunu marbuta ma' ċertu żminijiet tas-sena minħabba f'ċirkustanzi esterni, eż. il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi jew id-domanda għat-turiżmu.

Paragrafu 3

Ħin tax-xogħol u perjodu ta' referenza      

1. Bla ħsara għall-Paragrafu 4, l-istandard tal-ħin tax-xogħol huwa msejjes fuq jum ta' tmien sigħat.           

2. Il-ħin tax-xogħol jista' jiġi estiż skont il-Paragrafu 4 sakemm il-medja ta' 48 siegħa fil-ġimgħa ma tinqabiżx fi 12-il xahar (il-perjodu ta' referenza).        

3. Il-ħin massimu tax-xogħol fil-perjodu ta' referenza huwa ta' 2 304 sigħat (skont dan il-kakolu: 52 gimgħa li minnhom jitnaqqsu minimu ta' erba' ġimgħat liv immultiplikati bi 48 siegħa). Il-perjodi ta' liv annwali bi ħlas u l-perjodi ta' liv tal-mard ma għandhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-medja jew inkella għandhom ikunu newtralizzati. L-intitolament għall-ħin ta' serħan li jirriżulta mill-btajjel pubbliċi statutorji għandu jitnaqqas ukoll.

4. Għar-relazzjonijiet tal-impjieg b'inqas żmien mill-perjodu ta' referenza, il-ħin massimu tax-xogħol permess għandu jiġi kkalkolat pro rata.

Paragrafu 4

Ħin tax-xogħol ta' kuljum u fil-ġimgħa      

1. Il-ħin tax-xogħol ma għandux jaqbeż:         

a)      l-14-il siegħa f'kull perjodu ta' 24 siegħa; u    

b)      l-84 siegħa f'kull perjodu ta’ sebat ijiem.        

2. Jekk skont l-iskeda tax-xogħol hemm aktar jiem ta' xogħol minn jiem ta' serħan, il-medja ta' 72 siegħa ta' ħin tax-xogħol fil-ġimgħa ma għandhiex tinqabeż fuq perjodu ta' erba' xhur.  

Paragrafu 5

Jiem ta' xogħol u ta' serħan 

1. L-għadd tal-jiem ta' xogħol konsekuttivi ma jistax jaqbeż il-31.     

2. Jekk skont l-iskeda tax-xogħol, l-għadd ta' jiem ta' xogħol ma jaqbiżx l-għadd ta' jiem ta' serħan, il-jiem ta' xogħol konsekuttivi għandhom ikunu segwiti minnufih bl-istess għadd ta' jiem ta' serħan konsekuttivi. L-eċċezzjonijiet għall-għadd ta' jiem ta' serħan konsekuttivi li jridu jingħataw minnufih għandhom ikunu permessi bil-kundizzjoni li:  

a)      l-għadd massimu ta' 31 jum ta' xogħol konsekuttivi ma jinqabiżx, u 

b)      l-għadd minimu ta' jiem ta' serħan konsekuttivi msemmi fi 3.a), 3.b) jew 3.c) jingħata minnufih wara l-jiem ta' xogħol konsekuttivi maħduma, u       

c)      il-perjodu ta' jiem ta' xogħol estiż jew mibdul jiġi bbilanċjat fil-perjodu ta' referenza.          

3. Jekk skont l-iskeda tax-xogħol, hemm aktar jiem ta' xogħol milli jiem ta' serħan, l-għadd minimu ta' jiem ta' serħan konsekuttivi li jsegwu minnufih il-jiem ta' xogħol konsekuttivi għandu jkun kif ġej:         

a)      Mill-ewwel jum sal-għaxar jum ta' xogħol konsekuttivi: 0.2 jiem ta' serħan għal kull jum ta' xogħol konsekuttiv (eż. 10 jiem ta' xogħol konsekuttivi = 2 jiem ta' serħan);

b)      Mill-11-il jum sal-20 jum ta' xogħol konsekuttivi: 0.3 jiem ta' serħan għal kull jum ta' xogħol konsekuttiv (eż. 20 jum ta' xogħol konsekuttivi = 5 jiem ta' serħan);

c)      Mill-21 jum sal-31 jum ta' xogħol konsekuttivi: 0.4 jiem ta' serħan għal kull jum ta' xogħol konsekuttiv (pereżempju 31 jum ta' xogħol konsekuttivi = 9.4 jiem ta' serħan).   

B'dan il-kalkolu, il-jiem ta' serħan parzjali għandhom jiżdiedu mal-għadd minimu ta' jiem ta' serħan konsekuttivi u jingħaddu biss bħala jiem sħaħ.

Paragrafu 6

Xogħol staġunali fuq bastimenti tal-passiġġieri

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 u 5 tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu applikati għall-ħaddiema kollha impjegati fuq bastiment tal-passiġġieri matul l-istaġun:     

1. Il-ħin tax-xogħol ma għandux jaqbeż:         

a)      it-12-il siegħa f'kull perjodu ta' 24 siegħa; u   

b)      it-72 siegħa f'kull perjodu ta’ sebat ijiem.      

2. Għal kull jum ta' xogħol kull ħaddiem għandu jingħata kumpens ta' 0.2 jiem ta' serħan. Fil-fatt għandhom jingħataw tal-inqas jumejn ta' serħan għal kull perjodu ta' 31 jum. Il-bqija tal-jiem ta' serħan għandhom jingħataw skont il-Ftehim.   

3. Filwaqt li jitqiesu s-subparagrafu preċedenti, il-Paragrafu 3, u s-subparagrafu 4, il-jiem ta' serħan għandhom jingħataw u l-medja tal-ħin tax-xogħol ta' 48 siegħa għandha tinżamm skont il-Paragrafu 3 abbażi tal-ftehimiet kollettivi jew tal-ftehimiet bejn iż-żewġ partijiet tal-industrija jew, fl-assenza ta' ftehimiet bħal dawn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali.     

Paragrafu 7

Perjodi ta' Serħan    

Il-ħaddiema għandu jkollhom perjodi ta' serħan regolari li jkunu twal u kontinwi biżżejjed u li jitkejlu f'unitajiet ta' ħin biex jassiguraw li minħabba l-għeja jew tendenzi irregolari tax-xogħol, ma jkorrux lilhom infushom, lil ħaddiema sħabhom jew lil oħrajn u li ma jkunux ta' ħsara għal saħħithom, la fi żmien qasir u lanqas fit-tul.     Il-perjodi ta' serħan ma għandhomx ikunu iqsar minn:          

a)           10 sigħat f'kull perjodu ta' 24 siegħa li minnhom tal-inqas sitt sigħat ikunu kontinwi, u    

b)           84 siegħa f’kull perjodu ta’ sebat ijiem.       

Paragrafu 8

Pawżi 

Kull ħaddiem li l-ħin tax-xogħol ta' kuljum tiegħu jaqbeż is-sitt sigħat għandu jingħata pawża ta' serħan li d-dettalji tagħha, b'mod partikolari t-tul u l-kundizzjonijiet biex tingħata, għandhom jiġu stipulati fil-ftehimiet kollettivi jew fil-ftehimiet bejn is-sħab soċjali jew, fl-assenza ta' dawn, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.         

Paragrafu 9

Ħin tax-xogħol massimu billejl

Kull ġimgħa l-ħin massimu tax-xogħol billejl għandu jkun 42 siegħa għal perjodu ta' sebat ijiem, abbażi ta' ħin ta' billejl ta' seba' sigħat.

Paragrafu 10

Liv annwali   

1. Kull ħaddiem għandu jkun intitolat għal liv annwali bi ħlas ta' mill-inqas erba' ġimgħat, jew għal proporzjon korrispondenti minnu jekk il-perjodu ta' impjieg ikun inqas minn sena, skont il-kundizzjonijiet għall-intitolament u l-għoti ta' liv bħal dan stipulat bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prassi nazzjonali.        

2. Il-perjodu minimu ta' liv annwali bi ħlas ma jistax jinbidel b'benefiċċju bħala kumpens, għajr meta r-relazzjoni tal-impieg tintemm.         

Paragrafu 11

Protezzjoni tal-minorenni    

1. Il-ħaddiema li għadhom taħt it-18-il sena għandhom ikunu koperti bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/33/KE dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol[5].           

2. Bħala eċċezzjoni, permezz ta' dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ix-xogħol ta' żgħażagħ li għandhom aktar minn 16-il sena u li ma għadhomx aktar soġġetti għall-obbligu tal-iskola full-time skont il-liġi nazzjonali matul il-perjodu li fih ix-xogħol ta' billejl huwa pprojbit skont id-Direttiva 94/33/KE jekk dan huwa meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta' kors ta' taħriġ rikonoxxut u diment li jingħataw il-ħin ta' serħan kumpensatorju xieraq u sakemm l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/33/KE ma jiġux kompromessi.    

Paragrafu 12

Verifiki

1. Kuljum għandhom jinżammu r-rekords tal-ħinijiet tax-xogħol u l-ħinijiet ta' serħan ta' kull ħaddiem, biex tkun tista' tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonjiet tal-Paragrafi 3, 4, 5, 6, 7, 9, 10, 11 u 13.     

2. Dawn ir-rekords għandhom jinżammu abbord tal-inqas sa tmiem il-perjodu ta' referenza.

3. Ir-rekords għandhom jiġu eżaminati u vverifikati f'intervalli xierqa (mhux aktar tard mill-aħħar tax-xahar li jsegwi) b'mod konġunt mill-impjegatur jew mir-rapprezentant tiegħu u mill-ħaddiem.      

4. Ir-rekords għandu jkollhom tal-inqas dan it-tagħrif li ġej:

a)      isem il-bastiment,

b)      isem l-impjegat,

c)      isem il-kaptan kompetenti,

d)      id-data,

e)      jum ta' xogħol jew ta' serħan,

f)       il-ħin tal-bidu u tat-tmiem tal-perjodi ta' xogħol u ta' serħan ta' kuljum.       

5. Il-ħaddiema għandhom jingħataw kopja  tar-rekords tagħhom verifikati. Dawn għandhom iżommuhom dejjem magħhom għal sena. 

Paragrafu 13

Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza          

1. Il-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jkollu d-dritt li jitlob li ħaddiem iwettaq xi sigħat ta' xogħol meħtieġa għas-sikurezza immedjata tal-inġenju, tal-persuni abbord jew tat-merkanzija, jew biex jassisti lil vapuri jew persuni oħra fil-perikolu fuq il-baħar. 

2. Skont is-subparagrafu 1, il-kaptan tal-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu jista' jitlob lil ħaddiem iwettaq kemm-il siegħa ta' xogħol tkun meħtieġa sakemm is-sitwazzjoni terġa lura għan-normal.  

3. Hekk kif ikun prattikabbli wara li s-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal, il-kaptan tal-vapur jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jiżgura li l-ħaddiema kollha li jkunu wettqu xogħolhom matul perjodu skedat ta' serħan jingħatalhom perjodu xieraq ta' serħan.   

Paragrafu 14

Eżami mediku           

1. Il-ħaddiema kollha għandhom ikunu intitolati għal eżami mediku mingħajr ħlas kull sena. Matul dan l-eżami għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu identifikati sintomi jew kundizzjonijiet li jistgħu jkunu r-riżultat tax-xogħol abbord flimkien mal-perjodi minimi ta' serħan kuljum u/jew l-għadd minimu ta' jiem ta' serħan skont il-Paragrafi 5 u 6.        

2. Il-ħaddiema ta' billejl li jsofru minn problemi ta' saħħa rikonoxxuti bħala problemi marbuta mal-fatt li huma jwettqu xogħol ta' billejl għandhom jiġu ttrasferiti kull meta jkun possibbli lejn xogħol ta' binhar li għalih huma aktar adattati. 

3. L-eżami mediku bla ħlas għandu jkun konformi mal-prinċipju tal-kunfidenzjalità medika.           

4. L-eżami mediku bla ħlas jista' jitwettaq taħt is-sistema nazzjonali tas-saħħa.         

Paragrafu 15

Protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa         

1. Il-ħaddiema ta' billejl u l-ħaddiema tax-xift għandu jkollhom il-protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa xierqa għan-natura ta' xogħolhom. 

2. Is-servizzi jew il-faċilitajiet ta' protezzjoni u ta' prevenzjoni xierqa fir-rigward tas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema ta' billejl u tal-ħaddiema tax-xift għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal ħaddiema oħrajn u disponibbli f'kull waqt. 

Paragrafu 16

Tendenzi tax-xogħol 

Impjegatur li jkollu l-intenzjoni li jorganizza x-xogħol skont ċertu tendenza għandu jqis il-prinċipju ġenerali tal-adattazzjoni tax-xogħol għall-ħaddiem, b'mod partikolari bil-għan li jtaffi l-monotonija tax-xogħol u x-xogħol b'rata ta' xogħol predeterminata, li jiddependi mit-tip tal-attività u tar-rekwiżiti tas-sikurezza u tas-saħħa, speċjalment fir-rigward tal-pawżi matul il-ħin tax-xogħol.    

Paragrafu 17

Dispożizzjonijiet finali          

1. Dispożizzjonijiet aktar favorevoli     Dan il-Ftehim għandu jkun bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri

a) biex iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji; jew

b) biex jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehimiet kollettivi jew ftehimiet bejn is-sħab soċjali

li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema mid-dispożizzjonijiet stipulati f'dan il-Ftehim.      

2. Klawsola ta’ nonrigressjoni 

Fl-ebda ċirkostanza, l-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ma għandha tikkostitwixxi raġunijiet biżżejjed għal ġustifikazzjoni għat-tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema koperti b'dan il-Ftehim.          

3. Is-segwitu għall-Ftehim

Is-sħab soċjali għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim fil-kuntest tal-kumitat dwar id-djalogu settorjali għat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet tas-saħħa okkupazzjonali.       

4. Reviżjoni

Is-sħab soċjali għandhom jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta' implimentazzjoni stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill li ddaħħal fis-seħħ dan il-Ftehim.     

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2012

L-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna (EBU)       L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani (ESO) || Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF)

[1]               Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni "Naiades", COM(2006) 6 finali, 17.1.2006.

[2]               ĠU L 183, 29.06.1989 p. 1.

[3]               Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010) 373 finali, 13.7.2010: Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri, Taqsima 1.1.

[4]               Id-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE (ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1-260).

[5]               ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12.

Top