Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0257

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

/* COM/2014/0257 final - 2014/0135 (NLE) */

52014PC0257

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea /* COM/2014/0257 final - 2014/0135 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1) Il-kuntest tal-proposta

110 || · Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha / il-kuntest ġenerali Il-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Ġeorġja ġie nnegozjat abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill adottata f’Ġunju 2009 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati. Il-Ftehim ġie ffirmat fit-2 ta’ Diċembru 2010.

120 || Ir-Repubblika tal-Kroazja ngħaqdet mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013. Skont l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar il-Kundizzjonijiet tal-Adeżjoni, il-Kroazja ntrabtet li taderixxi mal-ftehimiet konklużi jew iffirmati mill-Istati Membri u l-Unjoni ma’ wieħed jew aktar pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-proċedura ssimplifikata tapplika għall-adeżjoni mal-Ftehim mal-Ġeorġja msemmi hawn fuq. Għaldaqstant għandu jiġi ffirmat Protokoll skont dik il-proċedura u skont l-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll jipprevedi l-addattamenti lingwistiċi meħtieġa tal-Ftehim li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja.

130 || · Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam kopert mill-proposta Id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll jieħdu post jew jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet fil-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Ġeorġja.

140 || · Il-konsistenza ma’ politiki u objettivi oħra tal-Unjoni Il-Ftehim mal-Ġeorġja kien l-ewwel ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru ffirmat ma’ sieħeb tal-avjazzjoni ewlieni fir-reġjun tal-Kawkasu. Huwa jifforma parti mill-qafas ta’ politika esterna tal-avjazzjoni tal-Unjoni stabbilit bil-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2005)79: “Developing the agenda for the Community’s external aviation policy” (Niżviluppaw l-aġenda għall-politika esterna tal-avjazzjoni tal-Komunità) u reċentement rivedut bil-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2012)556: “The EU’s External Aviation Policy - Addressing Future Challenges” (Il-Politika Esterna tal-Avjazzjoni tal-UE - Nindirizzaw l-Isfidi Futuri) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill korrispondenti.

2) Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt

|| · Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

211 || Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin indirizzati u l-profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu Mhux applikabbli

212 || Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu Mhux applikabbli

3) L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

305 || · Sommarju tal-miżuri proposti Il-Protokoll jiżgura l-emenda meħtieġa li għandha ssir fil-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Ġeorġja wara l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013.

310 || · Il-bażi legali L-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 6(2) tal-Att ta’ Adeżjoni.

4) L-implikazzjonijiet baġitarji

409 || Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

5) INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

570 || · Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta Il-Kunsill huwa mitlub japprova l-iffirmar tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Ġeorġja. Dan il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-firma tiegħu.

2014/0135 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b’mod partikolari, it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Kroazja, biex tikkonkludi Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll”).

(2)       In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fil-5 ta’ Diċembru 2013.

(3)       Il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(4)       Skont l-Artikolu 3(2) tiegħu, il-Protokoll għandu jiġi applikat b’mod provviżorju.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.           L-iffirmar tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, suġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

2.           It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ lill-persuna/i indikata/i min-negozjatur tal-Protokoll biex jiffirma(w) il-Protokoll, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja, bi qbil mal-Artikolu 3(2) tiegħu, malli jiġi ffirmat mill-partijiet, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

PROTOKOLL

Li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

ir-Repubblika tal-Kroazja,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

L-UNGERIJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

MALTA,

IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,

billi huma partijiet fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u billi huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem, l-"Istati Membri"), u

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda;

u l-ĠEORĠJA,

min-naħa l-oħra;

Wara li kkunsidraw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-Repubblika tal-Kroazja hija Parti fil-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni, iffirmat mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u mill-Ġeorġja, fit-2 ta’ Diċembru 2010 (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”).

Artikolu 2

It-test tal-Ftehim bil-lingwa Kroata, li huwa mehmuż ma’ dan il-Protokoll, għandu jsir awtentiku bl-istess kundizzjonijiet tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra.

Artikolu 3

1.         Dan il-Protokoll għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri tagħhom. Għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Madankollu, jekk dan il-Protokoll jiġi approvat mill-Partijiet wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, imbagħad jidħol fis-seħħ, b’konformità mal-Artikolu 29(1) tal-Ftehim, xahar wara d-data tal-aħħar nota fi skambju diplomatiku bejn il-Partijiet fejn jikkonfermaw li l-proċeduri kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll ikunu tlestew.

2.         Dan il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja minn meta jiġi ffirmat mill-Partijiet.

Artikolu 4

Magħmul fi ............., b'żewġ kopji, nhar il-.......... 2014, bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bit-Taljan, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Isvediż, bl-Ungeriż u bil-Ġeorġjan, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.

GĦALL-ISTATI MEMBRI   GĦALL-ĠEORĠJA

GĦALL-UNJONI EWROPEA

Top