Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0246

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel

/* COM/2014/0246 final - 2014/0132 (COD) */

52014PC0246

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel /* COM/2014/0246 final - 2014/0132 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel.

1.         IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

F'Diċembru 2012 il-Kummissjoni nediet Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni[1] (REFIT) biex tiżgura qafas regolatorju sempliċi, ċar, stabbli u prevedibbli għan-negozji, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini.

F'dan il-kuntest il-Kummissjoni ntrabtet li tħassar ir-regoli li saru superfluwi jew skadew.

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE kellha l-għan li tiżgura t-tmexxija bla intoppi tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel billi tippromwovi l-appoġġ xjentifiku mingħand l-Istati Membri u toħloq koperazzjoni mal-korpi nazzjonali kompetenti dwar kwistjonijiet xjentifiċi fejn tidħol is-sikurezza tal-oġġetti tal-ikel. Għall-ewwel, il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel stabbilixxietu d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 74/234/KEE[2] u wara nbidel bil-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/273/KE[3] u fl-aħħar inbidel bil-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE[4].

Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5], il-kompiti xjentifiċi fdati lill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel ħaduhom il-Kumitat Xjentifiku u l-Bordijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA). Wara, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE li tistabbilixxi l-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE[6].

Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-EFSA saret ukoll il-korp kompetenti li jippromwovi l-koperazzjoni xjentifika mal-Istati Membri u mal-korpi nazzjonali rilevanti li jaħdmu fl-oqsma relatati mal-missjoni tal-Awtorità.

Għaldaqstant id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE skadiet u għandha titħassar.

In-natura tad-Direttiva tal-Kunsill ma teħtieġ l-ebda dokument ta' spjegazzjoni previst fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011[7].

Il-Kummissjoni se tadotta din il-proposta u tgħaddiha minnufih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

2.         IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2014/0132 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta' kwistjonijiet dwar l-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Fil-qafas tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) il-Kummissjoni ntrabtet li tiżgura qafas regolatorju sempliċi, ċar, stabbli u prevedibbli għan-negozji, għall-ħaddiema u għaċ-ċittadini.

(2)       Id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE[9] kellha l-għan li tiżgura t-tmexxija bla intoppi tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel billi tippromwovi l-appoġġ xjentifiku lil dak il-Kumitat mingħand l-Istati Membri u toħloq koperazzjoni mal-korpi nazzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet xjentifiċi fejn tidħol is-sikurezza tal-oġġetti tal-ikel.

(3)       Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[10], il-kompiti tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel imsemmija fid-Direttiva 93/5/KEE ħadithom l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) u attwalment jipprevedihom ir-Regolament (KE) Nru 178/2002.

(4)       Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE[11] li tistabbilixxi l-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE[12].

(5)       Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-EFSA saret ukoll il-korp kompetenti li jippromwovi l-koperazzjoni xjentifika mal-Istati Membri u mal-korpi nazzjonali rilevanti li jaħdmu fl-oqsma relatati mal-missjoni tal-EFSA. B'mod partikolari, l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprovdi li l-EFSA għandha taġixxi f'koperazzjoni mill-qrib mal-korpi kompetenti tal-Istati Membri u li l-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-EFSA biex ikun żgurat li titwettaq il-missjoni tagħha.

(6)       Għaldaqstant id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE skadiet u għandha titħassar.

 

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Tħassret id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [last day of the 12th month following publication of this Directive in the Official journal of the European Union]. Lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jgħaddulha minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet li jirreferu għal din id-Direttiva jew li jkollhom magħhom din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

Lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jgħaddulha t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jaddottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM(2012)746 final.

[2]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 74/234/KEE tas-16 ta' April 1974 dwar it-twaqqif ta' Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (ĠU L 136, 20.5.1974, p. 1).

[3]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/273/KE tas-6 ta' Lulju 1995 dwar it-twaqqif ta' Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (ĠU L 167, 18.7.1995, p 22).

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE tat-23 ta' Lulju 1997 li tistabbilixxi Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumatur u s-sikurezza tal-ikel (ĠU L 237, 28.8.1997, p. 18).

[5]               Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

[6]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE tat-3 ta' Marzu 2004 li twaqqaf Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent (ĠU L 66, 4.3.2004, p. 45).

[7]               ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

[8]               ĠU C […], […], p. […].

[9]               Id-Direttiva tal-Kunsill 93/5/KEE tal-25 ta' Frar 1993 dwar assistenza lill-Kummissjoni u koperazzjoni mill-Istati Membri fl-eżami xjentifiku ta’ kwistjonijiet dwar l-ikel (ĠU L 52, 4.3.1993, p. 18).

[10]             Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

[11]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE tat-23 ta' Lulju 1997 li tistabbilixxi Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumatur u s-sikurezza tal-ikel (ĠU L 237, 28.8.1997, p. 18).

[12]             Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/210/KE tat-3 ta' Marzu 2004 li twaqqaf Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent (ĠU L 66, 4.3.2004, p. 45).

Top