Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0070

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ Singapor min-naħa l-oħra

/* COM/2014/070 final - 2014/0036 (NLE) */

52014PC0070

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ Singapor min-naħa l-oħra /* COM/2014/070 final - 2014/0036 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fil-25 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) ma' sitt pajjiżi tal-ASEAN, inkluż Singapor. In-negozjati ma’ Singapor tnedew f’Ottubru 2005 u ġew finalizzati fl-aħħar ta’ Mejju 2013. Iż-żewġ partijiet inizjalaw l-FSK f'Singapor fl-14 ta’ Ottubru 2013.

L-FSK ma’ Singapor huwa r-raba’ wieħed mill-ftehimiet tat-"tieni ġenerazzjoni" ma’ pajjiżi individwali tal-ASEAN li ġie inizjalat, wara l-ftehimiet mal-Indoneżja, il-Filippini u l-Vjetnam. Dan se jieħu post il-qafas legali attwali tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja.

Dan il-Ftehim ma' Singapor jikkostitwixxi pass ieħor 'il quddiem lejn involviment politiku u ekonomiku msaħħaħ min-naħa tal-UE fix-Xlokk tal-Asja. L-FSK se jipprovdi wkoll il-bażi għal impenn bilaterali aktar effikaċi min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha ma’ Singapor billi jsaħħaħ id-djalogu politiku u jtejjeb il-kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta’ oqsma.

Huwa jkopri l-klawżoli politiċi standard tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), l-Armi ta' Qerda Massiva (AQM), l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Huwa jinkorpora wkoll il-kooperazzjoni f'oqsma bħalma huma s-saħħa, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-taxxa, l-edukazzjoni u l-kultura, ix-xogħol, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, ix-xjenza u t-teknoloġija, u t-trasport. Il-Ftehim jindirizza ulterjormanet il-kooperazzjoni legali, il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

L-FSK jinkludi Ittra ta' Akkumpanjament, li tifforma parti integrali mill-Ftehim. L-Ittra ta' Akkumpanjament tikkonferma l-fehim tal-partijiet li, fil-mument tal-iffirmar tal-Ftehim, abbażi ta' informazzjoni disponibbli oġġettivament, huma ma jkunu jafu bl-ebda liġi domestika ta’ xulxin, jew bl-applikazzjoni tagħha, li tista' twassal għall-invokazzjoni tal-mekkaniżmu ta' eżekuzzjoni insuffiċjenti.

L-FSK fih ukoll dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tat-taxxa. Fid-dawl tal-iżviluppi fil-livell internazzjonali dwar standard globali ġdid ta’ skambju awtomatiku ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa, hu meqjus xieraq li, fil-mument tal-iffirmar tal-FSK, iż-żewġ partijiet jiffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar din il-kwistjoni. Filwaqt li mhux parti integrali mill-FSK, id-Dikjarazzjoni Konġunta tesprimi impenn politiku sod dwar l-intenzjoni taż-żewġ partijiet li jaderixxu mal-istandard il-ġdid fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom.

L-FSK huwa kkumplimentat minn Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles li ġie inizjalat mill-UE u Singapor fl-20 ta’ Settembru 2013. Iż-żewġ ftehimiet jipprovdu lill-UE u lil Singapor bi pjattaforma biex jirrinfurzaw ir-relazzjonijiet tagħhom.

Il-Kummissjoni tirrimarka li d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2012/272/UE dwar l-iffirmar tal-FSK mal-Filippini hija soġġetta għall-Kawża tal-Qorti C-377/12: il-Kummissjoni talbet lill-Qorti biex tħassar din id-Deċiżjoni sa fejn u sakemm il-Kunsill żied bażijiet ġuridiċi relatati mat-trasport (l-Artikoli 91 u 100 tat-TFUE), mar-riammissjoni (l-Artikolu 79(3) tat-TFUE) u mal-ambjent (l-Artikolu 191(4) tat-TFUE). Il-Kawża tal-Qorti C-377/12 hija rilevanti wkoll għall-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-FSK ma' Singapor. Soġġetta għad-deċiżjoni tal-Qorti fil-Kawża-377/12, din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-FSK ma' Singapor hija msejsa fuq l-Artikoli 207, 212 u 218(5).

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill fuq il-premessa fil-Ftehim li tirrigwarda l-pożizzjoni speċifika tar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka, abbażi tal-Protokolli 21 u 22 tat-Trattati. L-inklużjoni ta' din il-premessa hija dovuta għall-ħolqien ta’ dan it-test biss. Skont l-eżitu tal-Kawża C-377/12, li bħalissa tinsab sospiża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jista' jagħti l-każ li aktar 'il quddiem, din il-premessa tkun trid titneħħa jew tiġi riformulata. Il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li, sakemm din il-kawża tibqa' sospiża, il-proċedura għal konklużjoni ta' dan il-Ftehim ma tistax tiġi finalizzata.        

2014/0036 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ Singapor min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 207 u 212, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[1],

Billi:

(1)       Fil-25 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mar-Repubblika ta' Singapor, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim".

(2)       In-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim ġie inizjalat fl-14 ta’ Ottubru 2013.

(3)       Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard. Huwa akkumpanjat minn Ittra ta' Akkumpanjament li tifforma parti integrali tal-Ftehim u li għandha tiġi ffirmata fl-istess ħin mal-Ftehim.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' Singapor, min-naħa l-oħra, u tal-Ittra ta' Akkumpanjament mehmuża mal-Ftehim, huwa b'dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi[2].

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta' setgħat sħaħ li jawtorizza lill-persuna/persuni indikata/indikati min-negozjatur tal-Ftehim tiffirma/jiffirmaw dan il-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, kif ukoll l-Ittra ta' Akkumpanjament.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU C , , p. .

[2]               It-test tal-Ftehim se jkun ippubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.

ANNESS I FTEHIM TA' SĦUBIJA U KOOPERAZZJONI bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' Singapor, min-naħa l-oħra

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

kif ukoll

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

L-UNGERIJA,

MALTA,

IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,

Il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Istati Membri",

min-naħa l-waħda, u

IR-REPUBBLIKA TA' SINGAPOR,

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa flimkien “il-Partijiet”,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-rabtiet tradizzjonali ta’ ħbiberija bejn il-Partijiet u r-rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi mill-qrib li jgħaqqduhom;

BILLI l-Partijiet jagħtu importanza partikolari għan-natura komprensiva tar-relazzjoni reċiproka tagħhom;

BILLI l-Partijiet iqisu li dan il-Ftehim jifforma parti minn relazzjoni aktar wiesgħa u koerenti bejniethom permezz ta’ ftehimiet li fihom iż-żewġ naħat huma partijiet flimkien;

WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rabta tal-Partijiet sabiex jirrispettaw il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem, u l-libertajiet fundamentali, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fi strumenti internazzjonali applikabbli oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalihom il-Partijiet huma Partijiet Kontraenti;

WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rabta tagħhom lejn il-prinċipji tal-istat tad-dritt u ta’ governanza tajba, u x-xewqa tagħhom li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, b'kont meħud tal-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u tal-ħtieġa li jiġi mħares l-ambjent;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ix-xewqa tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni fl-istabbiltà, fil-ġustizzja u fis-sigurtà internazzjonali bħala prekundizzjoni bażika biex jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli soċjali u ekonomiku, il-qerda tal-faqar u l-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),

WAQT LI JESPRIMU l-impenn sħiħ tagħhom sabiex jiġu miġġielda l-forom kollha ta’ terroriżmu u biex jiġu stabbiliti strumenti internazzjonali effikaċi bil-għan li jiġi żgurat li dan jinqered f'konformità mal-istrumenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) rilevanti, partikolarment ir-Riżoluzzjoni KSNU tal-1373;

BILLI l-Unjoni adottat Pjan ta' Azzjoni komprensiv għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-2001, aġġornatu fl-2004 u konsegwentement ħadet firxa usa' ta' miżuri; b'segwitu għall-attakki f'Madrid, il-Kunsill Ewropew ħareġ Dikjarazzjoni maġġuri dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fil-25 ta' Marzu 2004; l-Unjoni adottat ukoll Strateġija għal Kontra t-Terrorimu f'Diċembru 2005;

WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID li l-aktar delitti serji li huma ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, ma għandhomx jitħallew bla kundanna u li l-prosekuzzjoni effettiva tagħhom trid tiġi żgurata billi jittieħdu miżuri fuq livell nazzjonali u billi tissaħħaħ il-kollaborazzjoni internazzjonali;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-funzjonament ġust u indipendenti tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jikkostitwixxi żvilupp importanti għall-paċi u għall-ġustizzja internazzjonali;

BILLI l-Kunsill Ewropew identifika l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom bħala theddida kbira għas-sigurtà internazzjonali, u fit-12 ta' Diċembru 2003 adotta Strateġija kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa; il-Kunsill tal-Unjoni Ewropew kien adotta diġà, fis-17 ta' Novembru 2003, politika tal-Unjoni ta' simplifikazzjoni tal-politiki ta' nonproliferazzjoni fir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi; l-adozzjoni b'kunsens tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU tal-1540 tenfasizza l-impenn tal-komunità internazzjonali kollha kemm hi, biex tiġġieled kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa (AQM) u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom. Dan l-impenn tal-komunità internazzjonali kien imtenni permezz tal-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU tal-1673 u tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU tal-1810;

BILLI l-Kunsill Ewropew esprima l-fehma li l-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) jikkostitwixxu theddida dejjem ikbar għall-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp u fis-16 ta' Diċembru 2005 adotta Strateġija għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ SALW u l-munizzjon tagħhom. F'din l-Istrateġija, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ komprensiv u konsistenti mal-politika ta' sigurtà u żvilupp;

WAQT LI JAGĦRFU l-importanza tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tas-7 ta’ Marzu 1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapor u t-Tajlandja, pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk (l-ASEAN) u tal-protokolli ta’ adeżjoni sussegwenti tiegħu,

WAQT LI JAGĦRFU l-importanza li tissaħħaħ ir-relazzjoni eżistenti bejn il-Partijiet sabiex tiżdied il-kooperazzjoni bejniethom, kif ukoll ir-rieda komuni tagħhom sabiex jikkonsolidaw, japprofondixxu u jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom f’oqsma ta’ interess reċiproku fuq il-bażi ta’ ugwaljanza, rispett lejn l-ambjent naturali u l-ġid reċiproku,

WAQT LI JIKKONFERMAW ix-xewqa tagħhom li, f'konformità sħiħa mal-attivitajiet li jkunu twettqu fil-qafas reġjonali, isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta' Singapor, ibbażata fuq valuri komuni u fuq il-ġid reċiproku,

WAQT LI JIKKONFERMAW ix-xewqa tagħhom li jtejbu l-fehim bejn l-Asja u l-Ewropa fuq il-bażi tal-ugwaljanza, ir-rispett għan-normi kulturali u politiċi ta' xulxin, u l-aċċettazzjoni ta’ fehmiet diverġenti;

WAQT LI JIKKONFERMAW ix-xewqa tagħhom li jsaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali permezz tal-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

WAQT LI JINNUTAW li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Parti Tlieta, Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala parti mill-Unjoni, sakemm l-Unjoni flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jinnotifikawx b'mod konġunt lil Singapor li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda jintrabtu bħala parti mill-Unjoni f'konformità mal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21, l-Unjoni flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda jinfurmaw minnufih lil Singapor bi kwalunkwe bidla fil-pożizzjoni tagħhom, u f'dan il-każ jibqgħu marbutin bid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim f'isimhom stess. L-istess japplika għad-Danimarka, f'konformità mal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness ma' dawn it-Trattati,

FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

Titolu I IN-NATURA U L-KAMP TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Il-Prinċipji Ġenerali

1          Ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif stipulat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fi strumenti internazzjonali rilevanti oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalihom il-Partijiet huma Partijiet Kontraenti, jirfed il-politiki interni u internazzjonali tal-Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

2          Il-Partijiet jikkonfermaw il-valuri komuni tagħhom kif espress fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ("il-Karta tan-NU").

3          Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu żvilupp sostenibbli, li jikkooperaw sabiex jindirizzaw l-isfidi tal-bidla fil-klima kif ukoll tal-globalizzazzjoni, u li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-Miri ta’ Żvilupp tal-Millennju.

4          Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rabta tagħhom lejn il-prinċipji ta’ governanza tajba, l-istat tad-dritt inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

5          Il-Partijiet jikkooperaw, skont dan il-Ftehim, b'tali mod li jkun konformi mal-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 2

L-Għanijiet tal-Kooperazzjoni

Bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali tagħhom, il-Partijiet qed jintrabtu li jżommu djalogu komprensiv u li jippromwovu kooperazzjoni ulterjuri bejniethom fis-setturi ta’ interess reċiproku. B’mod partikolari, l-isforzi tagħhom se jkunu mmirati li:

(a)        jistabbilixxu kooperazzjoni fil-fora u fl-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha;

(b)        jistabbilixxu kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u d-delitti transnazzjonali;

(c)        jistabbilixxu kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-aktar delitti serji ta' tħassib internazzjonali;

(d)       jistabbilixxu kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, u kontra l-ħażna illegali ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-kummerċ illeċitu ta' dawn l-armi fl-aspetti kollha tiegħu;

(e)        jiżguraw il-kundizzjonijiet għall-kummerċ bejn il-Partijiet u jippromwovu ż-żieda u l-iżvilupp tiegħu għall-vantaġġ reċiproku tagħhom;

(f)        jistabbilixxu kooperazzjoni fl-oqsma kollha ta’ interess reċiproku li huma relatati mal-kummerċ u mal-investiment, sabiex jiffaċilitaw il-flussi tal-kummerċ u tal-investiment u biex jipprevjenu u jneħħu l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment, b’mod konsistenti u komplimentari għal inizjattivi reġjonali UE-ASEAN li għaddejjin bħalissa kif ukoll għal dawk futuri;

(g)        jistabbilixxu kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà, inklużi l-istat tad-dritt u l-kooperazzjoni ġuridika, il-protezzjoni tad-dejta, il-migrazzjoni, il-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali, il-ħasil tal-flus u d-drogi illeċiti;

(h)        jistabbilixxu kooperazzjoni fis-setturi l-oħrajn kollha ta’ interess reċiproku, b’mod partikolari, fi kwistjonijiet doganali, fil-politika makroekonomika u fl-istituzzjonijiet finanzjarji, fil-qasam tat-taxxa, fil-politika industrijali u tal-intrapriżi żgħar u medji, fis-soċjetà tal-informazzjoni, fix-xjenza u t-teknoloġija, fl-enerġija, fit-trasport, fl-edukazzjoni u l-kultura, fl-ambjent u r-riżorsi naturali, fis-saħħa u fl-istatistika;

(i)         itejbu l-parteċipazzjoni eżistenti u jinkoraġġixxu parteċipazzjoni ġdida min-naħa tar-Repubblika ta’ Singapor fil-programmi ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni mifruxa mal-Asja kollha;

(j)         iżidu r-rwoli u l-profili taż-żewġ Partijiet fir-reġjuni ta’ xulxin;

(k)        jistabbilixxu djalogu regolari bil-għan li jtejbu l-fehim reċiproku tas-soċjetajiet ta’ xulxin u li jrawmu sensibilizzazzjoni dwar il-varji fehmiet kulturali, reliġjużi u soċjetali kemm fl-Asja kif ukoll fl-Ewropa.

Titolu II

KOOPERAZZJONI BILATERALI, REĠJONALI U INTERNAZZJONALI

Artikolu 3

Il-Kooperazzjoni f’Organizzazzjonijiet Reġjonali u Internazzjonali

1          Il-Partijiet jintrabtu li jiskambjaw il-fehmiet tagħhom u li jikkooperaw fil-qafas ta’ fora u ta' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħan-NU, id-djalogu UE-ASEAN, il-Forum Reġjonali tal-ASEAN, il-Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa (ASEM), u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), meta l-Partijiet jaqblu li tali skambju u kooperazzjoni jkunu ta’ ġid reċiproku.

2          Il-Partijiet jaqblu wkoll li jippromwovu l-kooperazzjoni f’dawn l-oqsma bejn gruppi ta’ riflessjoni, persuni akkademiċi, organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-midja permezz tal-organizzazzjoni ta’ seminars, konferenzi, u attivitajiet oħra relatati, sakemm tali kooperazzjoni tkun ibbażata fuq kunsens reċiproku.

Artikolu 4

Il-Kooperazzjoni Reġjonali u Bilaterali

1          Għal kull qasam ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni kopert minn dan il-Ftehim, u waqt li jagħtu l-importanza mistħoqqa għal dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni bilaterali, iż-żewġ naħat se jaqblu li jwettqu l-attivitajiet relatati fuq livell bilaterali jew reġjonali jew permezz ta’ kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ oqfsa. Huma u jagħżlu l-aktar qafas adattat, il-Partijiet se jfittxu li jimmassimizzaw l-impatt fuq l-involviment tal-UE u tas-sħab tal-ASEAN u li jsaħħuh, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu possibbli mir-riżorsi disponibbli, iqisu l-fattibilità politika u istituzzjonali, u jiżguraw il-koerenza ma’ attivitajiet oħra li jinvolvu lill-UE u lis-sħab tal-ASEAN.

2          Il-Partijiet jistgħu, skont kif ikun xieraq, jiddeċiedu li jestendu s-sostenn finanzjarju lejn attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim jew f'dawk relatati miegħu, f'konformità mal-proċeduri u r-riżorsi finanzjarji rispettivi tagħhom. Din il-kooperazzjoni tista’, b’mod partikolari, tinkludi l-organizzazzjoni ta’ skemi ta’ taħriġ, workshops u seminars, skambji ta’ esperti, studji, u azzjonijiet oħrajn miftiehma bejn il-Partijiet.

Titolu III

IL-KOOPERAZZJONI FIR-RIGWARD TAL-ISTABILITÀ, IL-ĠUSTIZZJA, IS-SIGURTÀ U L-IŻVILUPP INTERNAZZJONALI

Artikolu 5

Il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, f'konformità mal-istat tad-dritt u l-obbligi rispettivi tagħhom skont il-Karta tan-NU, ir-riżoluzzjonijiet tal-KSNU rilevanti u l-liġi internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, il-liġi dwar ir-refuġjati u l-liġi umanitarja internazzjonali applikabbli. F’dan il-qafas u, b'kunsiderazzjoni tal-Istrateġija Globali tan-NU għal Kontra t-Terroriżmu li tinsab fir-Riżoluzzjoni Nru 60/288 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-8 ta’ Settembru 2006, kif ukoll fid-Dikjarazzjoni Konġunta UE-ASEAN tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-prevenzjoni u t-trażżin tat-terroriżmu, partikolarment, b'dan li ġej:

(a)        fil-qafas tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU Nru 1373 u ta' riżoluzzjonijiet tan-NU, konvenzjonijiet internazzjonali u strumenti applikabbli oħra;

(b)        bl-iskambju ta' informazzjoni dwar gruppi terroristiċi u n-networks li jappoġġjawhom f'konformità mal-liġijiet internazzjonali u nazzjonali applikabbli;

(c)        bl-iskambju ta' fehmiet dwar il-mezzi u l-metodi użati sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu, inkluż f’oqsma tekniċi u fit-taħriġ, u bl-iskambju ta’ esperjenzi fir-rigward tal-prevenzjoni tat-terroriżmu;

(d)       billi jikkooperaw, sabiex isaħħu l-kunsens internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-qafas normattiv tiegħu, u billi jaħdmu biex jilħqu ftehim mill-aktar fis possibbli fir-rigward tal-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali sabiex tikkomplimenta l-istrumenti eżistenti tan-NU ta’ kontra t-terroriżmu;

(e)        billi jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tan-NU biex jimplimentaw b'mod effikaċi l-Istrateġija Globali tan-NU għal Kontra t-Terroriżmu bil-mezzi kollha adattati;

(f)        billi jiskambjaw l-aħjar prassi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni skont dan l-Artikolu se tkun kif permessa mil-liġijiet, mir-regoli u mir-regolamenti nazzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 6

L-Implimentazzjoni tal-Obbligi Internazzjonali għall-Iskop tal-Punizzjoni ta’ Delitti Serji ta’ Tħassib Internazzjonali

1.         Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-aktar delitti serji li huma ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, m’għandhomx jitħallew bla punizzjoni u li l-prosekuzzjoni effettiva tagħhom trid tiġi żgurata billi jittieħdu miżuri fuq livell nazzjonali u f'konformità mal-obbligi internazzjonali eżistenti rispettivi tagħhom, permezz tal-kooperazzjoni ma' tribunali internazzjonali mwaqqfa għal dan l-iskop.

2.         Il-Partijiet iqisu li t-twaqqif u l-funzjonament effikaċi ta' tribunali bħal dawn jikkostitwixxu żvilupp importanti għall-paċi u l-ġustizzja internazzjonali. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw biex jaqsmu l-esperjenzi u l-għarfien espert tekniku tagħhom dwar l-aġġustamenti ġuridiċi meħtieġa biex jimplimentaw u jirrispettaw l-obbligi internazzjonali rispettivi tagħhom.

3.         Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-impunità u jaqblu li jżommu d-djalogu dwar il-funzjonament indipendenti u ġust tagħha.

Artikolu 7

Il-Ġlieda kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa

1.         Il-Partijiet iqisu li l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, kemm għal atturi Statali kif ukoll għal dawk mhux Statali, tirrappreżenta waħda mill-aktar theddidiet serji għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali.

2.         Il-Partijiet għalhekk jaqblu li jikkooperaw u li jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, bl-implimentazzjoni nazzjonali tal-obbligi eżistenti li għandhom u f’konformità sħiħa magħhom, skont it-trattati u l-ftehimiet internazzjonali dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi u riżoluzzjonijiet tan-NU u strumenti internazzjonali applikabbli oħra, li għalihom il-Partijiet huma Partijiet Kontraenti. Il-Partijiet jaqblu li din id-disposizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

3.         Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw u li jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom billi:

(a)        jieħdu kollha l-passi meħtieġa, biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu ma’, u jimplimentaw b’mod sħiħ l-istrumenti internazzjonali rilevanti l-oħra kollha fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM; u

(b)        joħolqu sistema effikaċi ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni nazzjonali, li tikkontrolla l-esportazzjoni kif ukoll it-tranżitu tal-oġġetti relatati mal-AQM, inkluż kontroll fuq l-użu aħħari tal-AQM għat-teknoloġiji/l-oġġetti b’użu doppju, b’mezzi effikaċi ta’ infurzar ġuridiku jew amministrattiv, li jinkludu penali effikaċi u miżuri preventivi kontra l-ksur tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni.

4.         Bħala parti mill-kooperazzjoni, il-Partijiet jaqblu li jkollhom djalogu regolari dwar kwistjonijiet relatati sabiex jiġġieldu kontra l-proliferazzjoni tal-AQM. Dan id-djalogu jista’ jsir fuq bażi reġjonali.

Artikolu 8

L-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir

1.         Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW), inkluż il-munizzjon tagħhom, u l-akkumulazzjoni eċċessiva u l-firxa mhux ikkontrollata tagħhom, ikomplu jkunu ta' theddida serja għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali.

2.         Il-Partijiet jaqblu li josservaw u li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu ta' SALW, inkluż il-munizzjon tagħhom, skont ftehimiet internazzjonali li għalihom il-Partijiet huma Partijiet Kontraenti, u skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU, kif ukoll skont l-impenji tagħhom fil-qafas ta' strumenti internazzjonali oħra applikabbli f’dan il-qasam, bħall-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Żgħar u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu.

3.         Il-Partijiet jikkommettu ruħhom li jikkooperaw u li jiżguraw il-koordinazzjoni, il-kumplimentarjetà u s-sinerġija fl-isforzi tagħhom, f'konformità mal-obbligi internazzjonali, biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu ta' SALW, inkluż il-munizzjon tagħhom, fuq livell globali, reġjonali, subreġjonali u nazzjonali u jaqblu li jkollhom djalogu politiku regolari li se jakkumpanja u jikkonsolida dan l-impenn.

Titolu IV

IL-KOOPERAZZJONI FI KWISTJONIJIET TA’ KUMMERĊ U TA' INVESTIMENT

Artikolu 9

Il-Prinċipji Ġenerali

1.         Il-Partijiet jidħlu fi djalogu bilaterali fuq kwistjonijiet ta’ kummerċ u ta' investiment bil-ħsieb li jsaħħu u li jiżviluppaw is-sistema kummerċjali multilaterali kif ukoll il-kummerċ bilaterali bejn il-Partijiet.

2.         Għal dan il-għan, il-Partijiet jimplimentaw il-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-kummerċ u fl-investiment inkluż permezz tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles. Il-ftehim imsemmi qabel jikkostitwixxi ftehim speċifiku li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, u jkun jifforma parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali globali u mill-qafas istituzzjonali komuni, kif imsemmi fl-Artikolu 43(3).

3.         Jista' jagħti l-każ li l-Partijiet ikunu jridu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħhom fil-kummerċ u fl-investiment billi jindirizzaw, fost affarijiet oħra, l-oqsma imsemmija fl-Artikolu 10 sal-Artikolu 16.

Artikolu 10

Il-Kwistjonijiet Sanitarji u Fitosanitarji (SPS)

Il-Partijiet jistgħu jiddiskutu u jiskambjaw informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-proċeduri ta’ spezzjoni, b’mod partikolari fil-qafas tal-Ftehim dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji li jinsab fl-Anness 1A ta' mal-Ftehim ta’ Marrakesh li waqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li sar f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994.

Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi dawn li ġejjin:

(a)        li jindirizzaw problemi bilaterali ta' natura sanitarja u fitosanitarja li tkun qajmet xi waħda mill-Partijiet;

(b)        li jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji;

(c)        li jippromwovu l-użu ta' standards internazzjonali fejn dawn ikunu jeżistu; u

(d)       li jistabbilixxu mekkaniżmu għal djalogu dwar l-aħjar prassi relatata mal-istandards, l-ittestjar u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, u li jevalwaw l-istandards reġjonali jew nazzjonali għall-ekwivalenza tagħhom.

Artikolu 11

L-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK)

Il-Partijiet jippromwovu l-użu ta’ standards internazzjonali, u jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar standards, proċeduri ta’ valutazzjoni ta' konformità u regolamenti tekniċi, b’mod speċjali fil-qafas tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ.

Artikolu 12

Id-Dwana

1.         Il-Partijiet jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jeżaminaw il-possibbiltajiet biex jissimplifikaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni u proċeduri doganali oħra, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza tad-dwana u tar-regolamenti dwar il-kummerċ, jiżviluppaw kooperazzjoni doganali u mekkaniżmi effikaċi ta’ għajnuna, bil-għan li tintlaħaq konverġenza ta’ fehmiet u li jkun hemm azzjoni konġunta fil-kuntest ta’ inizjattivi internazzjonali rilevanti, inkluża l-faċilitazzjoni tal-kummerċ.

2.         Il-Partijiet se joqogħdu attenti ħafna għat-titjib tas-sigurtà u s-sikurezza tal-kummerċ internazzjonali, sabiex jiżguraw li jkun hemm approċċ ibbilanċjat bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet.

Artikolu 13

L-Investiment

Il-Partijiet jistgħu jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ ambjent attraenti u stabbli għall-investiment reċiproku billi jinħoloq djalogu konsistenti mmirat lejn it-tisħiħ tal-fehim u tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet marbuta mal-investiment, l-esplorazzjoni ta' mekkaniżmi amminstrattivi li jiffaċilitaw il-flussi tal-investiment, u l-promozzjoni ta' regoli għall-investituri li jkunu stabbli, trasparenti, miftuħa u nondiskriminatorji.

Artikolu 14

Il-Politika dwar il-Kompetizzjoni

Jista' jagħti l-każ li l-Partijiet jippromwovu l-istabbiliment u l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll it-tixrid ta’ informazzjoni sabiex jitkattru t-trasparenza u ċ-ċertezza ġuridika għall-intrapriżi li joperaw fis-swieq ta’ xulxin.

Artikolu 15

Is-Servizzi

Jista' jagħti l-każ li l-Partijiet jinvolvu ruħhom fi djalogu konsistenti mmirat l-aktar lejn l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-ambjenti regolatorji rispettivi tagħhom, il-promozzjoni tal-aċċess għas-swieq ta’ xulxin, il-promozzjoni tal-aċċess għas-sorsi ta’ kapital u għat-teknoloġija u l-promozzjoni tal-kummerċ fis-servizzi bejn iż-żewġ reġjuni u fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 16

Il-Protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali

Il-Partijiet jagħtu importanza lid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali[1], filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tagħhom li dejjem qed tikber għall-ħolqien ta’ prodotti, servizzi u teknoloġiji innovattivi fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, u jaqblu li jkomplu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni mhux kunfidenzjali dwar l-attivitajiet u l-proġetti miftiehma b’mod reċiproku, bil-għan li jippromwovu, iħarsu u jinfurzaw dawn id-drittijiet, inkluż l-infurzar doganali effikaċi u effiċjenti tagħhom.

Titolu V

IL-KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA, TAL-LIBERTÀ U TAS-SIGURTÀ

Artikolu 17

L-Istat tad-Dritt u l-Kooperazzjoni Ġuridika

1.         Fil-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà, il-Partijiet jagħtu importanza partikolari għall-promozzjoni tal-istat tad-dritt u għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fuq il-livelli kollha fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi u b'mod partikolari tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

2.         Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet se tinkludi wkoll l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni rigward is-sistemi legali u l-leġiżlazzjoni.

Artikolu 18

Il-Protezzjoni tad-Dejta

1.         Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw biex jinvolvu ruħhom fi djalogu bil-għan li jtejbu l-livell ta’ protezzjoni tad-dejta personali, waqt li jirreferu għall-aħjar prassi u prinċipji internazzjonali bħalma huma dawk li hemm fil-Linji Gwida tan-NU għar-Regolamentazzjoni tal-Fajls Kompjuterizzati b’Dejta Personali (ir-Riżoluzzjoni Nru 45/95 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-14 ta’ Diċembru 1990).

2          Il-kooperazzjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali tista’ tinkludi, inter alia, l-iskambju ta’ informazzjoni u ta' għarfien espert.

Artikolu 19

Il-Migrazzjoni

1.         Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta’ ġestjoni konġunta tal-flussi migratorji bejn it-territorji tagħhom.

2.         Il-Partijiet jistabbilixxu mekkaniżmu għal djalogu dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni, inkluż il-migrazzjoni legali u illegali, il-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni internazzjonali għal dawk li huma fil-bżonn. Kwalunkwe djalogu ta' dan it-tip ikun ibbażat fuq aġenda, termini u kwistjonijiet li jkunu ġew miftiehma b'mod reċiproku.

3.         Kull Parti tista’, kif tqis li jkun xieraq, tinkludi t-tħassib tagħha dwar il-migrazzjoni fl-istrateġiji tagħha għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, mill-perspettiva tagħha ta' pajjiż ta’ oriġini, ta' tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni tal-migranti.

4.         Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-Partijiet, li titmexxa b’konsultazzjoni reċiproka bejn il-Partijiet. Il-Partijiet jaqblu li kooperazzjoni bħal din se tkun skont kif permess mil-liġijiet, ir-regoli, ir-regolamenti u l-politiki nazzjonali tagħhom kif ukoll minn dawk tal-Unjoni. Din il-kooperazzjoni tista’ tiffoka, b’mod partikolari, fuq:

(a)        il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

(b)        l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ kull Parti skont il-liġi internazzjonali dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni, inkluż dwar il-protezzjoni internazzjonali għal dawk li huma fil-bżonn;

(c)        ir-regoli tal-ammissjoni, kif ukoll id-drittijiet u l-istatus tal-persuni li jiġu ammessi, it-trattament ġust, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-integrazzjoni ta’ persuni mhux nazzjonali li jkunu qed jgħixu fil-post b’mod legali, il-miżuri kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

(d)       l-istabbiliment ta’ politika effikaċi u preventiva kontra l-immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin inklużi metodi biex jiġu miġġielda n-netwerks ta’ kuntrabandisti u ta’ traffikanti, u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ dan it-tip ta' traffikar;

(e)        ir-ritorn, taħt kundizzjonijiet umani u dinjitużi, ta’ persuni li jkunu qed joqogħdu fil-post illegalment, inkluża l-promozzjoni tar-ritorn volontarju tagħhom;

(f)        kwistjonijiet identifikati bħala ta' interess reċiproku fil-qasam tal-viżi u tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(g)        kwistjonijiet identifikati bħala ta' interess reċiproku fil-qasam tal-kontrolli fuq il-fruntieri.

5.         Fil-qafas tal-kooperazzjoni sabiex tiġi evitata u kkontrollata l-immigrazzjoni illegali, il-Partijiet jaqblu wkoll li:

(a)        ir-Repubblika ta’ Singapor tippermetti l-ammissjoni mill-ġdid ta' kwalunkwe persuni nazzjonali tagħha li jkunu preżenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u mingħajr formalitajiet żejda oħra, ladarba tkun diġà ġiet stabbilita n-nazzjonalità; u

(b)        kull Stat Membru jippermetti l-ammissjoni mill-ġdid ta' kwalunkwe persuni nazzjonali tiegħu li jkunu preżenti illegalment fit-territorju tar-Repubblika ta’ Singapor, fuq talba ta’ din tal-aħħar u mingħajr formalitajiet żejda oħra, ladarba tkun diġà ġiet stabbilita n-nazzjonalità.

L-Istati Membri u r-Repubblika ta’ Singapor se jipprovdu lill-persuni nazzjonali tagħhom b'dokumenti tal-identità xierqa għal dan l-iskop. Meta l-persuna li tkun se tiġi ammessa mill-ġdid fil-pajjiż ma jkollha l-ebda dokument jew prova oħra tan-nazzjonalità tagħha, ir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari kompetenti tal-Parti li għaliha l-persuna tkun se tiġi ammessa mill-ġdid (li tkun jew l-Istat Membru kkonċernat jew ir-Repubblika ta’ Singapor) għandhom, fuq talba tal-Parti l-oħra (li tkun jew ir-Repubblika ta’ Singapor jew l-Istat Membru kkonċernat), jintervistaw lill-persuna sabiex tiġi stabbilita n-nazzjonalità tagħha.

6.         Il-Partijiet qablu li jinnegozjaw, fuq talba, bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta’ Singapor li jirregola l-ammissjoni mill-ġdid ta’ persuni nazzjonali tar-Repubblika ta’ Singapor u tal-Istati Membri, ta' persuni nazzjonali ta’ pajjiżi oħra u ta' persuni apolidi.

Artikolu 20

Il-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata kif ukoll il-korruzzjoni. Kooperazzjoni bħal din timmira partikolarment lejn l-implimentazzjoni u l-promozzjoni, fejn applikabbli, tal-istandards u l-istrumenti internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni.

Artikolu 21

Il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu

1.         Il-Partijiet jaqblu fuq il-ħtieġa li jaħdmu u jikkooperaw bejniethom biex jipprevjenu li s-sistemi finanzjarji tagħhom jintużaw għall-ħasil tar-rikavati minn attivitajiet kriminali, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF).

2.         Il-Partijiet se jiskambjaw l-għarfien espert f’oqsma bħalma huma l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-regolamenti u l-funzjonament effiċjenti ta' standards u ta' mekkaniżmi xierqa.

3.         B’mod partikolari, il-kooperazzjoni tippermetti, kemm jista' jkun, li jsiru skambji ta' informazzjoni u ta' għarfien espert rilevanti dwar l-adozzjoni ta’ standards xierqa, li jkunu ekwivalenti għal dawk adottati mill-korpi internazzjonali attivi f’dan il-qasam bħall-FATF, sabiex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 22

Il-Kooperazzjoni kontra d-Drogi Illeċiti

1.         Il-Partijiet jikkooperaw biex jiżguraw approċċ ibbilanċjat permezz ta’ koordinazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet kompetenti inklużi, kif xieraq, dawk mis-setturi tas-saħħa, tal-ġustizzja, tal-affarijiet interni u tas-setturi doganali, bil-għan li jitnaqqsu l-forniment, it-traffikar u d-domanda ta’ drogi illeċiti kif ukoll il-konsegwenzi negattivi tal-abbuż tad-droga għall-individwi u għas-soċjetà kollha kemm hi. Il-Partijiet se jaħdmu flimkien ukoll sabiex tiġi żgurata prevenzjoni aktar effikaċi tad-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga.

2.         Il-Partijiet jaqblu dwar il-mezzi ta’ kooperazzjoni sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. L-azzjonijiet ikunu bbażati fuq prinċipji komunement miftiehma f'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, mad-Dikjarazzjoni Politika u mad-Dikjarazzjoni Speċjali dwar il-prinċipji ta’ gwida rigward it-tnaqqis fid-domanda tad-drogi, approvati mis-Sessjoni Speċjali dwar id-Drogi tal-Assemblea Ġenerali tan-NU f’Ġunju 1998 u mad-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali lejn Strateġija Integrata u Bbilanċjata fil-Ġlieda Kontra l-Problema Dinjija tad-Drogi, adottati waqt it-52 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi f’Marzu 2009.

3.         Il-Partijiet se jiskambjaw l-għarfien espert f’oqsma bħalma huma l-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni u ta' politiki nazzjonali, it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet u ta' ċentri ta’ informazzjoni nazzjonali, it-taħriġ ta’ persunal, ir-riċerka relatata mad-drogi, u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ prekursuri użati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u ta' sustanzi psikotropiċi.

Titolu VI

IL-KOOPERAZZJONI F’SETTURI OĦRAJN

Artikolu 23

Il-Kooperazzjoni fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem

1.         Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw, fejn ikun intlaħaq ftehim b'mod reċiproku, fil-promozzjoni u fil-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fl-implimentazzjoni ta’ strumenti internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem, li għalihom il-Partijiet huma Partijiet Kontraenti.

2.         Din il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, inter alia:

(a)        il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-edukazzjoni dwarhom;

(b)        it-tisħiħ ta’ istituzzjonijiet nazzjonali u reġjonali adattati relatati mad-drittijiet tal-bniedem;

(c)        djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jkollu sinifikat u li jissejjes fuq bażi wiesgħa;

(d)       it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-istituzzjonijiet tan-NU relatati mad-drittijiet tal-bniedem.

Artikolu 24

Kooperazzjoni fis-Servizzi Finanzjarji

Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex irawmu kooperazzjoni fis-servizzi finanzjarji fir-rigward ta' kwistjonijiet ta’ interess reċiproku fil-qafas tal-programmi u tal-leġiżlazzjoni rispettivi tagħhom u, fejn applikabbli, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles imsemmija fl-Artikolu 9(2). Din il-kooperazzjoni sseħħ bejn ir-regolaturi u s-superviżuri finanzjarji tal-Unjoni u tar-Repubblika ta’ Singapor dwar kwistjonijiet finanzjarji regolatorji u superviżorji. Ir-regolaturi u s-superviżuri finanzjarji se jikkonsultaw lil xulxin biex jiddeterminaw liema hu l-aktar mezz xieraq għall-kooperazzjoni.

Artikolu 25

Djalogu dwar il-Politika Ekonomika

1.         Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fir-rigward tal-promozzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet u l-politiki ekonomiċi rispettivi tagħhom, u tal-kondiviżjoni tal-esperjenzi fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi fil-kuntest tal-kooperazzjoni u tal-integrazzjoni ekonomiċi reġjonali.

2.         Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex japprofondixxu d-djalogu bejn l-awtoritajiet tagħhom fir-rigward ta' kwistjonijiet ekonomiċi li, kif ġie miftiehem mill-Partijiet, jista’ jinkludi oqsma bħall-politika monetarja, il-politika fiskali (inkluż it-taxxa), il-finanzi pubbliċi, l-istabbilizzazzjoni makroekonomika u d-dejn estern.

Artikolu 26

Il-Kooperazzjoni fil-Qasam tat-Taxxa

1.         Bil-għan li jissaħħu u li jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jkun żviluppat qafas regolatorju xieraq, il-Partijiet jirrikonoxxu u jikkommettu ruħhom li jimplimentaw, kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 3, il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.

2.         Għal dak l-għan, f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet li jirrikonoxxu l-importanza tal-ġlieda kontra prattiki ta' taxxa dannużi miftiehma reċiprokament, se jtejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa bil-għan li jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa u se jimplimentaw l-Istandard miftiehem fuq livell internazzjonali għat-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa, kif spjegat fil-Konvenzjoni Mudell Fiskali tal-OECD tal-2008 dwar l-Introjtu u l-Kapital, bil-ħsieb li jkunu jistgħu japplikaw b'mod effikaċi r-regoli tat-taxxa rispettivi tagħhom.

3.         Il-Partijiet jaqblu li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji sseħħ notevolment fil-qafas ta’ ftehimiet bilaterali eżistenti jew futuri dwar it-taxxa bejn ir-Repubblika ta' Singapor u l-Istati Membri.

Artikolu 27

Il-Politika Industrijali u l-Kooperazzjoni mal-SMEs

1.         Il-Partijiet, waqt li jikkunsidraw il-politiki u l-objettivi ekonomiċi rispettivi tagħhom, jaqblu li jrawmu l-kooperazzjoni fil-politika industrijali fl-oqsma kollha li huma jqisu bħala adattati, partikolarment bil-ħsieb li jtejbu l-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

2.         Din il-kooperazzjoni tikkonsisti fi:

(a)        skambju ta’ informazzjoni u ta' esperjenzi dwar il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet qafas għall-SMEs sabiex dawn itejbu l-kompetittività tagħhom;

(b)        promozzjoni ta’ responsabbiltà u kontabbiltà soċjali korporattiva u l-inkoraġġiment ta’ prattiki ta’ negozju responsabbli, inklużi l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. Din il-kooperazzjoni tkun ikkomplimentata minn perspettiva tal-konsumatur bħall-informazzjoni ta’ fuq il-prodott u r-rwol tal-konsumatur fis-suq;

(c)        promozzjoni ta’ kuntatti bejn l-operaturi ekonomiċi, l-inkoraġġiment ta' investimenti konġunti u t-twaqqif ta' impriżi konġunti u ta' netwerks ta’ informazzjoni l-aktar permezz tal-programmi orizzontali eżistenti tal-Unjoni, l-istimolu b’mod partikolari tat-trasferimenti ta’ soft u hard technology bejn l-imsieħba; u

(d)       l-iffaċilitar ta' aċċess għall-finanzjament, l-għoti ta' informazzjoni u l-istimolu tal-innovazzjoni.

3.         Il-Partijiet se jinkoraġġixxu t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn is-setturi privati taż-żewġ Partijiet f’fora ġodda jew f'fora eżistenti, inklużi mekkaniżmi mmirati lejn l-assistenza taż-żewġ naħat fil-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs.

Artikolu 28

Is-Soċjetà tal-Informazzjoni

1.         Billi jirrikonoxxu li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) huma elementi ewlenin tal-ħajja moderna u huma ta’ importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-Partijiet se jagħmlu ħilithom sabiex jikkoordinaw il-politiki rispettivi tagħhom f’dan il-qasam, bil-ħsieb li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku.

2.         Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam tiffoka fuq:

(a)        il-parteċipazzjoni fid-djalogu reġjonali komprensiv dwar il-varji aspetti tas-soċjetà tal-informazzjoni, b'mod partikolari l-politiki dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-aħjar prassi regolatorja fl-oqsma li jinkludu, iżda li mhumiex limitati għal, ħruġ ta' liċenzji ta' servizzi ta' telekomunikazzjoni; it-trattament ta' servizzi ġodda ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni bħalma huma s-servizzi tal-VoIP (Protokoll tal-Vuċi fuq l-Internet); l-eliminazzjoni tal-ispam; l-immaniġġjar tal-imġiba ta' operatur dominanti, u ż-żieda fit-trasparenza u fl-effiċjenza tal-awtorità regolatorja;

(b)        l-interkonnessjoni u l-interoperabilità tan-netwerks u tas-servizzi tal-Partijiet;

(c)        l-istandardizzazzjoni u d-disseminazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni ġodda;

(d)       il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka bejn il-Partijiet fil-qasam tal-ICT;

(e)        il-kooperazzjoni fi proġetti ta’ riċerka konġunta fil-qasam tal-ICT;

(f)        l-aspetti ta' sigurtà tas-soċjetà tal-informazzjoni, kif miftiehma b'mod reċiproku; u

(g)        il-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tat-telekomunikazzjonijiet (inkluż it-tagħmir tar-radju).

Artikolu 29

Il-Kooperazzjoni fil-Qasam Awdjoviżiv u fil-Qasam tal-Midja

Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu b’mod ġenerali l-kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv u fil-qasam tal-midja. L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni se jinkludu, iżda mhux se jkunu limitati għal:

(a)        skambju ta' fehmiet fir-rigward tal-politika fil-qasam awdjoviżiv u fil-qasam tal-midja;

(b)        organizzazzjoni konġunta ta' avvenimenti ta' interess reċiproku;

(c)        attivitajiet ta' taħriġ konġunti; u

(d)       l-iffaċilitar ta' koproduzzjonijiet, u t-tnedija ta' diskussjonijiet li jirrigwardaw ftehimiet dwar koproduzzjoni awdjoviżiva.

Artikolu 30

Il-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika

1.         Il-Partijiet jinkoraġġixxu, jiżviluppaw u jiffaċilitaw kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni f’setturi ta’ interess reċiproku, f'konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti taż-żewġ Partijiet.

2.         L-għanijiet ta’ din il-kooperazzjoni jkunu li:

(a)        jiġi inkoraġġut l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, għal politiki u programmi;

(b)        jiġu promossi relazzjonijiet dejjiema bejn il-komunitajiet xjentifiċi, iċ-ċentri ta’ riċerka, l-universitajiet u l-industriji tal-Partijiet;

(c)        jiġu promossi t-taħriġ u l-mobilità ta' riċerkaturi u studenti ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri.

3.         Soġġetta għal diskussjoni bejn il-Partijiet, u b’konsultazzjoni mal-aġenziji li jiffinanzjaw ir-riċerka f'kull pajjiż, il-kooperazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ proġetti konġunti ta’ riċerka u/jew ta' skambji, laqgħat, workshops u taħriġ ta’ xjenzati u studenti ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri permezz ta’ skemi ta’ mobilità internazzjonali, li jagħtu lok għad-disseminazzjoni massima tar-riżultati tar-riċerka.

4.         F’din il-kooperazzjoni, il-Partijiet jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri, taċ-ċentri ta’ riċerka u tas-setturi produttivi rispettivi tagħhom, inklużi l-SMEs.

5.         Il-Partijiet jaqblu li jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza u tat-teknoloġija offruti mill-programmi rispettivi tagħhom.

Artikolu 31

L-Enerġija

1.         Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex ikabbru l-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija bil-ħsieb li:

(a)        jiddiversifikaw fil-provvisti tal-enerġija u jiżviluppaw forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli fuq bażi kummerċjali;

(b)        jiksbu użu razzjonali tal-enerġija, notevolment billi jippromwovu l-immaniġġjar orjentat fuq id-domanda;

(c)        irawmu t-trasferiment tat-teknoloġija mmirata lejn l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(d)       jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima, inkluż permezz tal-ipprezzar tal-karbonju;

(e)        isaħħu l-bini ta' kapaċità, billi jinkludu t-taħriġ possibbli u l-iffaċilitar tal-investiment fil-qasam tal-enerġija, abbażi ta' regoli trasparenti, nondiskriminatorji u kompatibbli mas-suq;

(f)        jippromwovu l-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija.

2.         Għal dawn il-finijiet, il-Partijiet jagħmlu ħilithom sabiex jippromwovu l-kuntatti bejn l-entitajiet rilevanti għall-ippjanar tal-enerġija u biex iwettqu riċerka konġunta bejn l-istituti ta’ riċerka u l-universitajiet, b’mod partikolari fil-qafas ta’ fora reġjonali rilevanti. Iż-żewġ naħat se jesploraw aktar possibbiltajiet għal kooperazzjoni akbar fis-sikurezza u fis-sigurtà nukleari koperti mill-oqfsa u l-politiki ġuridiċi eżistenti tagħhom. B’referenza għall-Artikolu 34 u għall-konklużjonijiet tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD) li sar f’Johannesburg fl-2002, jista' jagħti l-każ li l-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jindirizzaw ir-rabtiet li hemm bejn aċċess għas-servizzi tal-enerġija bi prezz raġonevoli u l-iżvilupp sostenibbli. Għandu mnejn dawn l-attivitajiet ikunu promossi f’kooperazzjoni mal-Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Enerġija, imnedija waqt il-WSSD.

Artikolu 32

It-Trasport

1.         Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu ulterjorment, b’kunsens reċiproku, il-kooperazzjoni tagħhom fl-oqsma rilevanti kollha tal-politika dwar it-trasport bil-ħsieb li jtejbu l-moviment ta’ oġġetti u passiġġieri, li jippromwovu s-sikurezza u s-sigurtà, li jiġġieldu kontra l-piraterija u s-serq bl-użu ta' armi kontra vapuri, li jippromwovu l-ħarsien ambjentali u standards operattivi għolja, u li jżidu l-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport tagħhom.

Il-Partijiet ifakkru l-ftehim tagħhom skont l-Artikolu 1(5) u jaffermaw mill-ġdid li l-kooperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti ta’ trasport se tkun soġġetta għal-liġijiet, għar-regoli u għar-regolamenti nazzjonali rispettivi tagħhom.

2.         Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet skont il-paragrafu 1 ikollha l-għan li tippromwovi:

(a)        l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-politiki tat-trasport rispettivi tagħhom, speċjalment f'dak li jirrigwarda t-trasport urban u l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks ta’ trasport multimodali kif ukoll l-immaniġġjar tal-linji tal-ferrovija, tal-portijiet u tal-ajruporti;

(b)        l-użu ta’ sistemi globali ta’ navigazzjoni bis-satellita, b’enfasi fuq kwistjonijiet regolatorji u industrijali u kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp tas-suq li huma ta' interess reċiproku;

(c)        djalogu fil-qasam tat-trasport bl-ajru li jimmira lejn kooperazzjoni akbar fi kwistjonijiet ta' politika dwar l-avjazzjoni u bil-ħsieb li jittieħdu azzjonijiet konġunti fil-qasam tas-servizzi tat-trasport bl-ajru permezz, inter alia, tan-negozjar u tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet. Il-Partijiet se jkomplu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħhom u, meta jkun xieraq, se jesploraw it-twaqqif ta’ ftehim komprensiv futur dwar is-servizzi bl-ajru. Il-Partijiet se jsaħħu wkoll, kull meta jkun ta’ benefiċċju għat-tnejn, il-kooperazzjoni teknika u regolatorja f’oqsma bħalma huma s-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sigurtà tal-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, inkluża l-ekoloġizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni u r-regolamentazzjoni ekonomika tal-industrija tal-avjazzjoni, bil-ħsieb li jappoġġjaw il-konverġenza regolatorja u t-tneħħija tal-ostakli għat-twettiq ta' negozju u għat-tisħiħ tad-djalogu dwar kwistjonijiet ambjentali marbuta mal-avjazzjoni bħall-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq fil-ġlieda kontra t-tisħin globali inkluż permezz tal-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet. Fuq din il-bażi, il-Partijiet se jesploraw il-kamp ta' applikazzjoni possibbli għal kooperazzjoni saħansitra aktar mill-qrib fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili;

(d)       djalogu fil-qasam tas-servizzi tat-trasport marittimu li jimmira għal aċċess illimitat għas-swieq u għall-kummerċi marittimi internazzjonali fuq bażi kummerċjali u nondiskriminatorja, u bil-ħsieb li jappoġġja l-impenji favur l-eliminazzjoni gradwali ta’ skemi eżistenti ta' riżervazzjoni tal-merkanzija, l-astensjoni mill-introduzzjoni ta’ klawżoli dwar il-kondiviżjoni tal-merkanzija, l-għoti tad-dritt ta' stabbiliment lill-intrapriżi li joffru servizzi ta' trasport marittimu inklużi s-servizzi awżiljarji, il-klawżola ta' trattament nazzjonali rigward l-aċċess għas-servizzi awżiljarji u għas-servizzi tal-portijet għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Parti l-oħra jew li jkunu operati minn persuni nazzjonali jew minn kumpaniji tal-Parti l-oħra u d-dritt li jiġu organizzati servizzi tat-trasport minn bieb għal bieb; u

(e)        l-implimentazzjoni ta’ standards ta’ sigurtà, ta' sikurezza u ta' prevenzjoni tat-tniġġis, speċjalment fir-rigward tat-trasport marittimu u tal-avjazzjoni, f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li għalihom iż-żewġ Partijiet huma firmatarji, inkluża l-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali adattati li jkollhom l-għan li jiżguraw infurzar aħjar tar-regolamenti internazzjonali.

Artikolu 33

L-Edukazzjoni u l-Kultura

1.         Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-kultura, li tkun tirrispetta kif xieraq id-diversità tagħhom, bil-għan li jiżdiedu l-fehim reċiproku u l-għarfien tal-kulturi rispettivi tagħhom.

2.         Il-Partijiet jagħmlu ħilithom sabiex jieħdu miżuri xierqa bil-għan li jippromwovu skambji kulturali u li jwettqu inizjattivi konġunti f’diversi sferi kulturali inkluża l-organizzazzjoni konġunta ta’ avvenimenti kulturali. F’dan ir-rigward, il-Partijiet jaqblu wkoll li jkomplu jappoġġjaw l-attivitajiet tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa.

3.         Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw u li jikkooperaw bejniethom fil-fora internazzjonali rilevanti bħall-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-NU, sabiex ifittxu li jiksbu objettivi komuni u biex jippromwovu d-diversità kulturali.

4.         Barra minn hekk, il-Partijiet ipoġġu l-enfasi fuq miżuri mfassla biex jinħolqu rabtiet permanenti bejn l-aġenziji speċjalizzati rispettivi tagħhom u li jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni u ta' kompetenzi, studenti, esperti, żgħażagħ u ħaddiema żgħażagħ u riżorsi tekniċi, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-faċilitajiet offruti mill-programmi tal-Unjoni fl-Asja tax-Xlokk fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-kultura kif ukoll l-esperjenza li kisbu ż-żewġ Partijiet f’dan il-qasam.

5.         Il-Partijiet jinkorraġixxu skambji u kooperazzjoni akbar bejn l-istituzzjonijiet edukattivi tagħhom sabiex jippromwovu l-fehim, l-għarfien u l-apprezzament reċiproku tal-kulturi, l-ekonomiji u s-sistemi soċjali rispettivi tagħhom. B’mod partikolari, il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw il-mobilità ta’ studenti u studjużi fil-qafas tal-programm Erasmus Mundus jew ta' programmi simili oħra.

Artikolu 34

L-Ambjent u r-Riżorsi Naturali

1.         Il-Partijiet jaqblu dwar il-ħtieġa li jippreservaw u jimmaniġġjaw b’mod sostenibbli r-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika bħala bażi għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet preżenti u ta' dawk futuri.

2.         L-implimentazzjoni tal-eżitu tal-Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992, tal-WSSD tal-2002 u tal-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012, tittieħed inkunsiderazzjoni fl-attivitajiet kollha li jsiru mill-Partijiet fil-qafas ta' dan il-Ftehim.

3.         Il-Partijiet jagħmlu ħilithom sabiex ikomplu bil-kooperazzjoni tagħhom fil-ħarsien ambjentali, inkluż permezz ta’ kondiviżjoni tal-aħjar prassi f’oqsma bħal pereżempju:

(a)        it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

(b)        it-teknoloġiji ambjentali u nodfa partikolarment dawk li huma sikuri u sostenibbli;

(c)        il-bini ta' kapaċità fin-negozjar u fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent;

(d)       l-ambjent kostali u dak tal-baħar;

(e)        l-indirizzar ta' qtugħ illegali tas-siġar u tal-kummerċ assoċjat miegħu, u l-promozzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

Artikolu 35

L-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

1.         Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u tal-affarijiet soċjali, inkluża l-kooperazzjoni fil-koeżjoni reġjonali u soċjali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi, ix-xogħol deċenti u d-djalogu soċjali, bil-ħsieb li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni.

2.         Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li jappoġġjaw il-proċess tal-globalizzazzjoni li huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd u li jippromwovu l-impjieg sħiħ u produttiv u x-xogħol deċenti bħala element ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u tat-tnaqqis tal-faqar, kif approvat mir-Riżoluzzjoni Nru 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-24 ta’ Ottubru 2005 u mid-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-segment ta’ livell għoli tas-sessjoni sostantiva tal-2006 tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU E/2006/L.8 tal-5 ta’ Lulju 2006) u kif stipulat fid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta. Il-Partijiet jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi rispettivi u n-natura differenti tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom.

3.         F'konformità mal-obbligi tagħhom bħala membri tal-ILO u f'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq il-Post tax-Xogħol u s-Segwitu Tagħha, li ġiet adottata mill-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fis-86 Sessjoni tagħha fl-1998, il-Partijiet jintrabtu li jirrispettaw, jippromwovu u jimplimentaw b'mod effettiv il-prinċipji li jirrigwardaw id-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol, jiġifieri:

(a)        il-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv;

(b)        l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe forma ta' xogħol furzat jew obbligatorju;

(c)        l-abolizzjoni effettiva tat-tħaddim tat-tfal; u

(d)       l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u l-okkupazzjonijiet.

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jimplimentaw b’mod effettiv il-Konvenzjonijiet tal-ILO li r-Repubblika ta' Singapor u l-Istati Membri rratifikaw rispettivament. Il-Partijiet se jagħmlu sforzi kontinwi u sostnuti sabiex jirratifikaw u jimplimentaw b’mod effettiv il-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, u se jiskambjaw l-informazzjoni f’dan ir-rigward. Il-Partijiet se jikkunsidraw ukoll ir-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva ta' konvenzjonijiet oħra tal-ILO, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-Partijiet se jiskambjaw l-informazzjoni f’dan ir-rigward.

4.         Jista' jagħti l-każ li l-Partijiet jagħtu bidu għal attivitajiet ta’ kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku li jistgħu jinkludu, inter alia, programmi u proġetti speċifiċi, kif miftiehma b'mod reċiproku, kif ukoll djalogu, kooperazzjoni u inizjattivi dwar suġġetti ta’ interess komuni fuq livell bilaterali jew multilaterali, bħall-ASEM, l-ASEAN-UE u l-ILO.

Artikolu 36

Is-Saħħa

1.         Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fis-settur tas-saħħa bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa li jkopru, inter alia, l-oqsma ta’ mard prinċipali li jittieħed bħall-HIV/AIDS, l-influwenza tat-tjur u influwenzi oħra b'potenzjal pandemiku li jaffettwaw il-bniedem kif ukoll il-mard prinċipali li ma jitteħidx u l-fatturi ta’ riskju tagħhom, inkluż permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u tal-kollaborazzjoni għall-identifikazzjoni bikrija, għall-prevenzjoni u għall-kontroll u permezz ta’ ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa.

2.         Soġġetta għar-riżorsi disponibbli, din il-kooperazzjoni tista' ssir permezz ta’:

(a)        proġetti dwar l-epidemjoloġija tal-mard prinċipali li jittieħed u li ma jitteħidx;

(b)        skambji, boroż ta' studju u programmi ta' taħriġ;

(c)        programmi u proġetti għat-titjib tas-servizzi tas-saħħa u tal-kundizzjonijiet tas-saħħa;

(d)       kondiviżjoni ta' informazzjoni u kollaborazzjoni xjentifika fir-regolamentazzjoni tad-drogi u fir-regolamentazzjoni tat-tagħmir mediku; u

(e)        il-promozzjoni ta' implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa, bħalma huma r-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa u l-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk.

Artikolu 37

L-Istatistika

Il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jippromwovu, f'konformità mal-attivitajiet eżistenti ta' kooperazzjoni fl-istatistika bejn l-Unjoni u l-ASEAN, l-armonizzazzjoni ta’ metodi u ta' prassi statistiċi li jinkludu l-ġbir u d-disseminazzjoni ta' statistika, b'tali mod li jkunu jistgħu jużaw, fuq bażi aċċettabbli b'mod reċiproku, l-istatistika dwar il-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi, dwar l-investimenti barranin diretti u, b’mod aktar ġenerali, dwar kwalunkwe qasam ieħor kopert minn dan il-Ftehim li huwa adatt għall-ġbir, l-ipproċessar, l-analiżi u d-disseminazzjoni tal-istatistika.

Artikolu 38

Is-Soċjetà Ċivili

Il-Partijiet jirrikonoxxu l-kontribut potenzjali ta’ soċjetà ċivili organizzata fil-proċess ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni skont dan il-Ftehim u jagħmlu ħilithom li jiffavorixxu d-djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata.

Titolu VII

IL-MEZZI TA’ KOOPERAZZJONI

Artikolu 39

Ir-Riżorsi tal-Kooperazzjoni

1.         Il-Partijiet jaqblu li jpoġġu għad-dispożizzjoni r-riżorsi xierqa, inklużi mezzi finanzjarji, sakemm ikunu jippermettu r-riżorsi u r-regolamenti rispettivi tagħhom, sabiex jissodisfaw l-objettivi ta’ kooperazzjoni stabbiliti f’dan il-Ftehim.

2.         Il-Partijiet jinkoraġġixxu lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex ikompli bl-azzjonijiet tiegħu fir-Repubblika ta' Singapor, f'konformità mal-proċeduri u mal-kriterji ta' finanzjament tiegħu.

Artikolu 40

Il-Kooperazzjoni fl-Iżvilupp ta’ Pajjiżi Terzi

1.         Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw informazzjoni fir-rigward tal-politiki tagħhom dwar l-assistenza għall-iżvilupp bil-ħsieb li jiġi stabbilit djalogu regolari dwar l-objettivi ta’ dawn il-politiki u dwar il-programmi rispettivi tagħhom ta’ għajnuna għall-iżvilupp f’pajjiżi terzi.

2.         Il-Partijiet jippromwovu wkoll azzjonijiet konġunti maħsuba biex jipprovdu assistenza teknika u biex jippromwovu l-iżvilupp tar-riżorsi umani fil-pajjiżi inqas żviluppati fl-Asja tax-Xlokk u lil hinn minnha.

Titolu VIII IL-QAFAS ISTITUZZJONALI

Artikolu 41

Il-Kumitat Konġunt

1.         Il-Partijiet jaqblu li, fil-qafas ta' dan il-Ftehim, iwaqqfu Kumitat Konġunt, magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ naħat fuq livell għoli addattat, li l-kompiti tiegħu jkunu li:

(a) jiżgura l-funzjonament korrett u l-implimentazzjoni korretta ta’ dan il-Ftehim;

(b) jistabbilixxi l-prijoritajiet fir-rigward tal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(c) jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jippromwovi l-objettivi ta’ dan il-Ftehim.

2.         Normalment il-Kumitat Konġunt jiltaqa’ minn tal-inqas kull sentejn f'Singapor u fi Brussell alternattivament, f’data li għandha tiġi ffissata bi ftehim reċiproku. Il-Kumitat Konġunt jiġi kopresedut minn rappreżentant minn kull waħda miż-żewġ naħat. L-aġenda għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt tiġi stabbilita bi ftehim bejn il-Partijiet. Jistgħu jiġu konvenuti wkoll laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt bi ftehim bejn il-Partijiet.

3.         Il-Kumitat Konġunt jista’ jwaqqaf sottokumitati speċjalizzati sabiex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Dawn is-sottokumitati jagħmlu rapporti dettaljati dwar l-attivitajiet tagħhom u jippreżentawhom lill-Kumitat Konġunt f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu.

4.         Il-Kumitat Konġunt, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u jwettaq il-kompiti tiegħu b’kunsens. Fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-Kumitat Konġunt jiddetermina l-modalitajiet għall-konsultazzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 44, u jagħmel ħiltu biex jilħaq ftehim dwar lingwa ta’ ħidma komuni.

5.         Il-Kumitat Konġunt jiddiskuti, fejn miftiehem b'mod reċiproku u fejn xieraq, dwar il-funzjonament u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe ftehim speċifiku, kif imsemmi fl-Artikolu 43(3).

Titolu IX

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 42

Il-Klawżola dwar Żviluppi Futuri

1.         Il-Partijiet jistgħu, b’kunsens reċiproku, jestendu dan il-Ftehim, bil-ħsieb li jsaħħu l-livell ta’ kooperazzjoni, inkluż billi jissumplimentawh permezz ta' ftehimiet jew protokolli dwar setturi jew attivitajiet speċifiċi.

2.         Fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista' tressaq suġġerimenti għat-tkabbir tal-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza li tkun inkisbet mill-applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 43

Ftehimiet Oħrajn

1.         Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, la dan il-Ftehim u lanqas kwalunkwe azzjoni li tittieħed bis-saħħa tiegħu ma jaffettwaw b’xi mod is-setgħat tal-Istati Membri biex iwettqu attivitajiet ta’ kooperazzjoni bilaterali mar-Repubblika ta' Singapor jew biex jikkonkludu, fejn xieraq, ftehimiet ġodda ta’ sħubija u ta' kooperazzjoni mar-Repubblika ta' Singapor.

2.         Dan il-Ftehim ma jaffettwax l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni tal-impenji meħuda mill-Partijiet rispettivi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-partijiet terzi.

3.         Minkejja l-Artikolu 9(2), il-Partijiet jistgħu wkoll jikkomplimentaw dan il-Ftehim billi jikkonkludu ftehimiet speċifiċi fi kwalunkwe qasam ta’ kooperazzjoni li jaqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Tali ftehimiet speċifiċi jkunu parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali globali rregolati minn dan il-Ftehim u jiffurmaw parti minn qafas istituzzjonali komuni.

Artikolu 44

L-eżekuzzjoni insuffiċjenti tal-Ftehim

1.         Jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra tkun naqset milli tissodisfa xi obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, hija tista’ tieħu miżuri xierqa f'dan ir-rigward. Qabel ma tagħmel hekk, minbarra f’każijiet ta’ urġenza speċjali, dik il-Parti tfittex li torganizza konsultazzjonijiet, bil-ftehim tal-Parti l-oħra, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni li tkun sodisfaċenti għaż-żewġ naħat. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jseħħu taħt l-awspiċi tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 41, li jista' jsolvi l-kwistjoni mressqa quddiemu permezz ta’ rakkomandazzjoni jew bi kwalunkwe mod ieħor li jkun aċċettabbli fuq bażi reċiproka għall-Partijiet.

2.         F’każijiet ta’ urġenza speċjali, il-miżura xierqa li jkun previst li tittieħed, tiġi nnotifikata immedjatament lill-Parti l-oħra. Fuq talba tal-Parti l-oħra, il-konsultazzjonijiet isiru għal perjodu massimu ta’ 15-il jum bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni li tkun sodisfaċenti għaż-żewġ naħat. Wara dan il-perjodu, ikun possibbli li tapplika miżura xierqa.

3.         Huma u jintgħażlu l-miżuri xierqa għandha tingħata prijorità lil dawk li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim jew ta' kwalunkwe ftehim ieħor. Dawn il-miżuri jiġu nnotifikati immedjatament lill-Parti l-oħra u jkunu soġġetti għal konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt fuq talba tal-Parti l-oħra.

4. Il-Partijiet jaqblu li, għall-iskop tal-interpretazzjoni korretta u tal-applikazzjoni prattika ta’ dan il-Ftehim, it-terminu “miżuri xierqa” f’dan l-Artikolu jfisser is-sospensjoni jew l-eżekuzzjoni insuffiċjenti temporanja tal-obbligi fil-qafas ta' dan il-Ftehim jew ta' kwalunkwe ftehim speċifiku msemmi fl-Artikolu 9(2) u fl-Artikolu 43(3), jew kwalunkwe miżura oħra rrakkomandata mill-Kumitat Konġunt. Il-miżuri xierqa jittieħdu f'konformità mal-liġi internazzjonali u jkunu proporzjonali man-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-obbligi fil-qafas ta' dan il-Ftehim. Barra minn hekk, il-Partijiet jaqblu li t-terminu “każijiet ta’ urġenza speċjali” fil-paragrafi 1 u 2 ifisser:

(a)        ripudju ta' dan il-Ftehim, li ma jkunx sanzjonat mir-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali; jew

(b)        ksur ta’ element essenzjali tal-Ftehim, kif deskritt fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 7(2).

Artikolu 45

Il-Faċilitajiet

Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, iż-żewġ Partijiet jipprovdu l-garanziji u l-faċilitajiet meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 46

L-Applikazzjoni Territorjali

Dan il-Ftehim japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorju li fih japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dawn it-Trattati, u min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Repubblika ta' Singapor.

Artikolu 47

Definizzjoni tal-Partijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “il-Partijiet” tfisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f'konformità mas-setgħat rispettivi tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' Singapor, min-naħa l-oħra.

Artikolu 48

Id-Divulgazzjoni ta’ Informazzjoni

L-ebda dispożizzjoni f'dan il-Ftehim ma għandha tiġi interpretata li tobbliga lil kwalunkwe waħda mill-Partijiet biex tiżvela xi informazzjoni, li hija tkun tqis li d-divulgazzjoni tagħha tmur kontra l-interessi essenzjali fir-rigward tas-sigurtà tagħha jew iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Artikolu 49

Id-Dħul fis-Seħħ u d-Durata

1.         Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar l-ikkompletar tal-proċeduri ġuridiċi meħtieġa għal dan l-iskop.

2.         Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu ta' ħames snin. Huwa jiġi awtomatikament estiż għal perjodi suċċessivi ta’ sena, sakemm waħda mill-Partijiet, jiġifieri jew ir-Repubblika ta' Singapor min-naħa l-waħda, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li ma testendix dan il-Ftehim, sitt xhur qabel it-tmiem ta’ kwalunkwe perjodu sussegwenti ta’ sena.

3.         Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim issir bi ftehim bejn il-Partijiet. Kwalunkwe emenda ssir effettiva biss wara li l-aħħar Parti tkun innotifikat lill-Parti l-oħra li l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu ġew ikkompletati.

4.         Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat permezz ta’ avviż ta' rinunzja bil-miktub ippreżentat jew mir-Repubblika ta’ Singapor min-naħa l-waħda, jew mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, lill-Parti l-oħra. It-terminazzjoni tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika.

Artikolu 50

Id-Dikjarazzjonijiet u l-Ittri ta' Akkumpanjament

Id-Dikjarazzjonijiet Konġunti u l-Ittra ta' Akkumpanjament għal dan il-Ftehim jiffurmaw parti integrali ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 51

In-Notifiki

In-notifiki magħmula skont l-Artikolu 49 jiġu indirizzati lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika ta' Singapor, rispettivament.

Artikolu 52

Test Awtentiku

Dan il-Ftehim ġie miktub bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku. F’każ ta’ kwalunkwe diverġenza fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

Magħmula fi […], […]

Għall-Unjoni Ewropea            Għar-Repubblika ta' Singapor

Għar-Renju tal-Belġju

Għar-Repubblika tal-Bulgarija

Għar-Repubblika Ċeka

Għar-Renju tad-Danimarka

Għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Għar-Repubblika tal-Estonja

Għall-Irlanda

Għar-Repubblika Ellenika

Għar-Renju ta' Spanja

Għar-Repubblika Franċiża

Għar-Repubblika tal-Kroazja

Għar-Repubblika Taljana,

Għar-Repubblika ta’ Ċipru

Għar-Repubblika tal-Latvja

Għar-Repubblika tal-Litwanja

Għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu

Għall-Ungerija

Għal Malta

Għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Għar-Repubblika tal-Awstrija

Għar-Repubblika tal-Polonja

Għar-Repubblika Portugiża

Għar-Rumanija

Għar-Repubblika tas-Slovenja

Għar-Repubblika Slovakka

Għar-Repubblika tal-Finlandja

Għar-Renju tal-Isvezja

Għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-Artikolu 44

(L-eżekuzzjoni insuffiċjenti tal-Ftehim)

Il-Partijiet jaqblu li “ksur ta’ element essenzjali tal-Ftehim” imsemmi fl-Artikolu 44(4)(b) jirreferi għal każijiet partikolarment eċċezzjonali ta’ nuqqas sistematiku, serju u sostanzjali ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 7(2).

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 52

(Test Awtentiku)

F’każ ta’ kwalunkwe diverġenza fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, għandu jitqies il-fatt li dan il-Ftehim ġie nnegozjat bl-Ingliż.

[Ittra ta' Akkumpanjament]

B’referenza għall-Ftehim ta’ Sħubija u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ Singapor min-naħa l-oħra, iż-żewġ naħat jikkonfermaw li, fil-mument tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim, mhumiex mgħarrfa, abbażi tal-informazzjoni disponibbli oġġettivament, dwar kwalunkwe liġijiet nazzjonali ta’ xulxin, jew dwar l-applikazzjoni tagħhom, li jistgħu jwasslu għall-invokazzjoni tal-Artikolu 44 ta’ dan il-Ftehim.

Għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha        Għar-Repubblika ta' Singapor

[1]               Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, id-"drittijiet tal-proprjetà intellettwali" tirreferi għal:

(a)           il-kategoriji kollha tal-proprjetà intellettwali li huma soġġetti għat-Taqsimiet minn 1 sa 7 tal-Parti II tal-Ftehim dwar Aspetti relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, li jinsab fl-Anness 1C tal-Ftehim ta’ Marrakesh li waqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li sar f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994, jiġifieri:

(i)            id-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħra relatati;

(ii)           il-privattivi;

(iii)          il-marki kummerċjali;

(iv)          id-disinni;

(v)           id-disinni tat-tqassim (topografiji) ta’ ċirkwiti integrati;

(vi)          indikazzjonijiet ġeografiċi;

(vii)         il-protezzjoni ta' informazzjoni sigrieta; u

(b)           id-drittijiet għal varjetajiet ta’ pjanti.

Fil-każ tal-Unjoni, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, il-“privattivi” jinkludu d-drittijiet li jinkisbu permezz taċ-ċertifikati supplimentari ta’ protezzjoni.

ANNESS II DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

B’referenza għall-Artikolu 26 tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta’ Singapor, min-naħa l-oħra, iż-żewġ partijiet jiddikjaraw li huma determinati ferm li l-Istandard Globali l-ġdid dwar l-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni hekk kif adottat mill-OECD, jiġi implimentat permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali kull meta xi waħda mill-partijiet titlob li jsir hekk.

GĦALL-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA || GĦAR-REPUBBLIKA TA' SINGAPOR

…….., ….. 2014

Top