Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014PC0049

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC - Indian Ocean Tuna Commission)

/* COM/2014/049 final - 2014/0024 (NLE) */

52014PC0049

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC - Indian Ocean Tuna Commission) /* COM/2014/049 final - 2014/0024 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/399/KE[1] l-Komunità Ewropea approvat il-Ftehim, li stabbilixxa l-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC - Indian Ocean Tuna Commission). L-IOTC hija Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO - Regional Fisheries Management Organisation) responsabbli għall-ġestjoni ta' speċijiet tat-tonn u dawk simili għat-tonn fl-Oċean Indjan u l-ibħra li jmissu miegħu. L-Unjoni Ewropea saret parti kontraenti tal-IOTC fl-1995.

Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-RFMOs bħal meta jissejħu biex jadottaw atti li jkollhom effetti legali, bl-eċċezzjoni ta' atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tagħhom, iridu jiġu adottati permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

Tali pożizzjoni fi ħdan ir-RFMO bħalissa hija stabbilita skont approċċ b'żewġ livelli. Deċiżjoni tal-Kunsill tistabbilixxi l-prinċipji u l-orjentazzjonijiet ta' gwida tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi pluriennali, filwaqt li wara tiġi aġġustata għal kull laqgħa annwali permezz ta' dokumenti informali tal-Kummissjoni li għandhom jiġu diskussi fil-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill.

Fir-rigward ta-IOTC, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 7537/09 tat-23 ta' Marzu 2009, tistipula reviżjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni qabel il-laqgħa annwali tal-2014. Għaldaqstant, din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan l-IOTC għall-perjodu 2014-2019 u b'hekk tieħu post id-Deċiżjoni tal-Kunsill 7537/09 li tkopri l-perjodu 2009-2014.

Din ir-reviżjoni għandha l-għan li tinkorpora l-prinċipji tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) il-ġdida, filwaqt li tqis ukoll l-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS[2]. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni ġiet aġġustata skont it-Trattat ta' Lisbona. Fl-aħħar, il-pożizzjoni ġiet allineata mal-firxa possibbli meta tqiesu l-ispeċifiċitajiet tar-RFMOs differenti.

Kif hu l-każ għall-pożizzjonijiet attwali, il-pożizzjoni segwenti fiha prinċipji u orjentazzjonijiet. Barra minn hekk, il-proċess standard għall-ispeċifikazzjoni sena b'sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni ġiet imdaħħla kif mitlub mill-Istati Membri għal pożizzjonijiet allineati iktar riċentament.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Id-dimensjoni esterna tal-PKS kienet parti mill-valutazzjoni tal-impatt għall-proposti tar-riforma tal-PKS. Il-prinċipji u l-orjentazzjonijiet maqbulin għall-PKS il-ġdida qed jiġu sempliċiment trasposti fil-pożizzjonijiet riveduti.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni segwenti hija bbażata fuq it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) li jistipula li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'korp imwaqqaf permezz ta' ftehim, meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta atti li jkollhom effetti legali. Dan għandu japplika għall-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, fl-IOTC.

Ir-Regolament (UE) XXX (regolament bażiku ġdid) huwa l-bażi legali li tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiġu riflessi f'dan il-mandat ta' negozjar.

Id-Deċiżjoni segwenti għanda tieħu post id-Deċiżjoni tal-Kunsill 7537/09 li qed tkopri l-perjodu 2009-2014, u għandha tkopri l-perjodu 2014-2019.

2014/0024 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC - Indian Ocean Tuna Commission)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-Artikolu 38 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 39 tiegħu, jistipula li wieħed mill-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li tkun żgurata d-disponibbiltà tal-provvisti.

(2)       Ir-Regolament (UE) XXX (regolament bażiku ġdid) jistipula li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u l-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fuq terminu twil u huma ġestiti b'tali mod li jkun konsistenti mal-għanijiet li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Ir-Regolament jistipula li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament ta' riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar irodd lura u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Ir-Regolament jistipula wkoll li l-Unjoni għandha timmira li tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, biex ikunu promossi l-metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, sa fejn hu possibbli, ta' qabdiet mhux mixtieqa, biex is-sajd isir b'impatt żgħir fuq l-ekosistema tal-baħar u r-riżorsi tas-sajd u biex gradwalment jinqered ir-rimi. Barra minn hekk, ir-Regolament speċifikament jistipula li dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fil-politika esterna tagħha.

(3)       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/399/KE[3] l-Unjoni approvat il-Ftehim, li stabbilixxa l-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC - Indian Ocean Tuna Commission). FI ħdan l-organizzazzjoni, il-Kummissjoni tal-IOTC hija responsabbli għall-adozzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni mfassla biex jiżguraw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fuq terminu twil tar-riżorsi tas-sajd fil-Qasam ta' Kompetenza tal-IOTC u biex jitħarsu l-ekosistemi tal-baħar fejn jinsabu dawn ir-riżorsi. Tali miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni.

(4)       Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd meta jissejħu biex jadottaw atti li jkollhom effetti legali, bl-eċċezzjoni ta' atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tagħhom, għandhom jiġu adottati permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

(5)       Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fil-Qasam ta' Kompetenza tal-IOTC u l-ħtieġa konsegwenti għall-pożizzjoni tal-Unjoni biex tqis żviluppi ġodda, inkluż informazzjoni statistika, bijoloġika u ta' natura oħra mressqa qabel jew matul il-Laqgħa annwali tal-Kummissjoni tal-IOTC, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipji ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni imnaqqxin fl-Artikolu 13(2) tat-TUE, għall-ispeċifikazzjoni sena b'sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Laqgħa annwali tal-Kummissjoni tal-IOTC meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali hija stabbilita fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni sena b'sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-Laqgħa annwali tal-Kummissjoni tal-IOTC għandha titwettaq f'konformità mal-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni attwali għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-Laqgħa annwali tal-Kummissjoni tal-IOTC fl-2019.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tieħu post id-Deċiżjoni tal-Kunsill 7537/09 tat-23 ta' Marzu 2009.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ f'XXX

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President      

[1]               ĠU L 236 tal-05/10/1995, p.24.

[2]               COM(2011) 424 tat-13.7.2011.

[3]               ĠU L 236 tal-05/10/1995, p.24

ANNESSI

għal

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC - Indian Ocean Tuna Commission).

ANNESS I

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kummissjoni tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan

1. Prinċipji

Fil-qafas tal-IOTC, l-Unjoni għandha:

a)           taġixxi f'konformità mal-għanijiet li l-Unjoni għandha l-għan li tikseb fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd, notevolment permezz tal-approċċ prekawzjonarju biex tistipula għall-isfruttament sostenibbli f'livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment sostenibbli massimu mill-IOTC, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd u jiġu limitati l-impatti ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd, biex jiġu evitati jew jitnaqqsu kemm jista' jkun qabdiet mhux mixtieqa, u gradwalment jinqered ir-rimi, u biex jiġi minimizzat l-impatt ta' attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet marbutin mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

b)           tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan l-IOTC jikkonformaw mal-għanijiet tal-Ftehim tal-IOTC;

c)           tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan l-IOTC ikunu konsistenti mal-liġi internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, mal-Ftehim tan-NU marbut mal-Konservazzjoni u l-Ġestjoni tal-Istokkijiet tal-Ħut Transżonali u tal-Ħut li Jpassi Ħafna u mal-Ftehim għall-promozzjoni tal-konformità mal-miżuri internazzjonali tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-bastimenti tas-sajd fl-ibħra miftuħa; u l-Ftehim tal-2009 dwar il-Miżuri tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura tal-Istat tal-Port

d)           tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti fi ħdan l-Organizzazzjonijiet ta' Ġestjoni tas-Sajd Reġjonali, u, fejn applikabbli, ma' Konvenzjonijiet Reġjonali tal-Baħar fl-istess qasam;

e)           tfittex sinerġija mal-politika li l-Unjoni għandha l-għan li tikseb bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha notevolment fir-relazzjonijiet esterni, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka, l-innovazzjoni u oħrajn;

f)            tiżgura li l-impenji internazzjonali tal-Unjoni jiġu rispettati;

g)           tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd[1].

2. Orjentazzjonijiet

L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-IOTC tal-azzjonijiet li ġejjin:

a)           miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fil-Qasam ta' Kompetenza tal-IOTC abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, inklużi TACs u kwoti jew regolamenti dwar l-isforzi għal speċijiet regolati mill-IOTC, li jistgħu jwasslu għal jew iżommu l-produzzjoni għar-rendiment sostenibbli massimu sa mhux iktar tard mill-2020. Fejn meħtieġ, miżuri speċifiċi għal stokkijiet li huma soġġetti għal sajd żejjed għandhom jiġu meqjusa biex l-isforz tas-sajd jinżamm konformi mal-opportunitajiet disponibbli tas-sajd;

b)           miżuri biex ikunu prevenuti, skoraġġuti jew eliminati attivitajiet tas-sajd IUU fil-Qasam ta' Kompetenza tal-IOTC, inkuż l-elenkar IUU;

c)           miżuri ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fil-Qasam ta' Kompetenza tal-IOTC biex tkun żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità ma' miżuri adottati fi ħdan l-IOTC;

d)           miżuri biex ikun minimizzat l-impatt negattiv ta' attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità tal-baħar u ekosistemi tal-baħar, inklużi miżuri protettivi għall-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fil-Qasam ta' Kompetenza tal-IOTC f'konformita mar-Riżoluzzjonijiet tal-AĠNU, inklużi miżuri biex ikunu evitati u mnaqqsa kemm jista' jkun qabdiet mhux mixtieqa, speċjalment speċijiet ekoloġikament marbuta, u biex gradwalment jinqered ir-rimi.

e)           miżuri li għandhom l-għan li jipprojbixxu s-sajd mwettaq biss għall-ksib tal-ġwienaħ tal-kelb il-baħar u, biex ikun meħtieġ li kull kelb il-baħar jittella' l-art bil-ġewnaħ imwaħħal b'mod naturali;

f)            żvilupp ta' approċċi komuni ma' Organizzazzjonijiet ta' Ġestjoni tas-Sajd Reġjonali oħra, b'mod partikolari dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-Oċean Indjan u ilmijiet li jmissu miegħu u fis-sajd għat-tonn;

g)           miżuri tekniċi addizzjonali bbażati fuq pariri mill-korpi sussidjarji ta-IOTC.

ANNESS II

Speċifikazzjoni sena b'sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed

fil-laqgħa annwali tal-Kummissjoni fl-IOTC

Qabel kull Laqgħa annwali tal-Kummissjoni tal-IOTC, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u ta' natura oħra trażmessa mill-Kummissjoni Ewropea f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

B'dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tittrażmetti lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu fi żmien li jkun twil biżżejjed qabel kull Laqgħa annwali tal-Kummissjoni tal-IOTC dokument bil-kitba li jistabbilixxi l-partikolari tal-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.

Jekk, matul laqgħat oħra, inkluż dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq ftehim sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi rreferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

[1]               ara d-dok. 7086/12 PECHE 66

Top