EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0064

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-Pakistan liġijiet dwar atti blasfemi (2014/2969(RSP))

ĠU C 289, 9.8.2016, p. 40–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 289/40


P8_TA(2014)0064

Pakistan: liġijiet dwar il-blasfemija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-Pakistan liġijiet dwar atti blasfemi (2014/2969(RSP))

(2016/C 289/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,

wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija tal-Forom Kollha ta’ Intolleranza u ta’ Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-indipendenza tal-ġudikanti u tal-avukati, Gabriela Knaul, tal-4 ta' April 2013, wara l-missjoni tagħha fil-Pakistan mid-19 sad-29 ta' Mejju 2012,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (1), li jikkundannaw il-persekuzzjoni tal-Insara u ta' minoranzi reliġjużi oħra,

wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin (2),

wara li kkunsidra l-pjan UE-Pakistan ta' impenn fuq ħames snin ta' Marzu 2012, li jinkludi prijoritajiet bħal governanza tajba u djalogu rigward id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll it-Tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan tal-25 ta' Marzu 2014 li hu jorbot ħafna ma' tal-ewwel,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2013 dwar il-Pakistan (3), li jtennu dak li tistenna l-UE rigward il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tagħhom u jikkundannaw kull att ta' vjolenza, inklużi dawk kontra minoranzi reliġjużi,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Ottubru 2014 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri ta' Lahore li tikkonferma l-kundanna tas-Sinjura Asia Bibi fil-Pakistan,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tad-29 ta' Ottubru 2014 maħruġa mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Pakistan, fl-okkażjoni taż-żjara tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Pakistan mis-26 sad-29 ta' Ottubru 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali tal-Paksitan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE (4),

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi Asia Bibi, mara Nisranija mill-Punjab, ġiet arrestata fl-2009 u kkundannata għall-mewt fl-2010 għal atti blasfemi skont it-Taqsima 295-C tal-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan; billi l-Qorti Superjuri ta' Lahore fis-16 ta' Ottubru 2014 ma laqgħetx l-appell ta' Asia Bibi u kkonfermat il-verdett; billi fl-24 ta' Novembru 2014 il-kwerelata rreġistrat appell fil-Qorti Suprema, proċedura li taf iddum is-snin; billi l-President tal-Pakistan, permezz ta' maħfra Presidenzjali, għadu fil-qagħda li jwaqqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri ta' Lahore u jagħti amnestija lil Asia Bibi;

B.

billi fis-7 ta' Novembru 2014 żewġ Insara, Shama Bibi u Shahbaz Masih, ġew imsawta minn marmalja, bl-akkuża li kienu ħarqu paġni mill-Kuran fil-Pakistan tal-Lvant; billi l-iġsma tagħhom ġew maħruqa f'forn għall-ħami tal-briks, u skont xi rapporti, kienu għadhom ħajjin meta xeħtuhom fil-forn;

C.

billi dan l-aħħar inqatgħu diversi sentenzi tal-mewt fuq ċittadini tal-Pakistan għar-raġuni li kienu kisru l-liġijiet dwar atti blasfemi, fosthom is-Sur Sawan Masih, Nisrani, talli allegatament insulta lill-Profeta Muħammad waqt konversazzjoni u koppja Nisranija Shafqat Emmanuel u Shagufta Kausar talli allegatament insultaw lill-Profeta f'SMS;

D.

billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem u avukat Rashid Rehman inqatel fis-7 ta' Mejju 2014; billi Rehman kien ġie mhedded ġimgħat qabel talli ddefenda għalliem universitarju li kien qed jiffaċċja prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Pakistan dwar atti blasfemi;

E.

billi, f'Ottubru 2014, Mohammad Asghar, ċittadin Britanniku ta' oriġini mill-Pakistan, li kienet saritlu djanjosi ta' mard mentali fir-Renju Unit iżda li minkejja dan intefa' l-ħabs fuq akkużi ta' atti blasfemi, safa ferut minn gwardjan tal-ħabs b'tir ta' pistola; billi l-aggressur tiegħu ġie arrestat u nstab ħati ta' attentat ta' qtil mill-awtoritajiet provinċjali, u billi tmien gwardjani tal-ħabs oħra ġew sospiżi mill-funzjonijiet tagħhom;

F.

billi fil-5 ta' Novembru 2014 Tufail Haidar, Shia ta' 45 sena, inqatel minn pulizija li kien qed jinterrogah, u li wara qal li s-Sur Haidar kien għadda rimarki derogatorji kontra “kumpanji tal-Profeta Muħammad”;

G.

billi ġie rrappurtat li total ta' 1 438 persuna ġew akkużati li wettqu atti blasfemi fil-Pakistan bejn l-1987 u Ottubru 2014, fosthom 633 Musulman, 494 Ahmadi, 187 Nisrani u 21 Hindu; billi, mill-1990 'l hawn, talanqas 60 inqatlu fi vjolenza tal-marmalja f'każijiet relatati ma' atti blasfemi;

H.

billi bħalissa bosta tużżani ta' nies, fosthom Musulmani, Hindu, Insara u oħrajn, jinsabu l-ħabs fuq akkużi li wettqu atti blasfemi; billi sal-lum ma ġiet eżegwita l-ebda sentenza tal-mewt fuq akkużi ta' twettiq ta' atti blasfemi, iżda bosta persuni akkużati sfaw maqtula mill-vjolenza tal-marmalja; billi ċerti mexxejja reliġjużi qed jeżerċitaw pressjoni tremenda fuq is-sistema ġudizzjarja tal-Pakistan biex din tikkonferma u teżegwixxi sentenzi tal-mewt, li soltu jingħataw minn qrati inferjuri; billi l-proċedimenti ġudizzjarji spiss idumu ħafna snin għaddejja, u għandhom effett devastanti fuq ċittadini innoċenti tal-Pakistan, u fuq il-familji u l-komunitajiet tagħhom;

I.

billi l-liġijiet tal-Pakistan dwar atti blasfemi jagħmluha perikoluża għall-minoranzi reliġjużi li jesprimu lilhom infushom liberament jew jinvolvu ruħhom b'mod miftuħ f'attivitajiet relġijużi; billi l-abbuż komuni ta' dawn il-liġijiet huwa dookumentat sewwa; billi, minflok ma jipproteġu l-komunitajiet reliġjużi, xeħtu star ta' biża' fuq is-soċjetà fil-Pakistan; billi kull tentattiv ta' riforma ta' dawn il-liġijiet jew tal-applikazzjoni tagħhom safa fgat minn theddidiet u assassinji; billi tentattivi ta' diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fil-media, online jew offline, spiss jintlaqgħu b'theddid u fastidju, inkluż min-naħa tal-gvern;

J.

billi l-Pakistan jiżvolġi rwol importanti fit-trawwim tal-istabilità fin-Nofsinhar tal-Asja u hu mistenni li l-pajjiż jagħti l-eżempju billi jsaħħaħ l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

K.

billi l-Pakistan dan l-aħħar irratifika sebgħa mid-disa' drittijiet tal-bniedem internazzjonali prinċipali, jiġifieri l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, li fihom bosta dispożizzjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, mad-dritt għal proċess ekwu, mal-ugwaljanza quddiem il-liġi u man-nondiskriminazzjoni;

L.

billi l-Pakistan intalab, permezz ta' mekkaniżmi tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem, jirrevoka l-liġijiet dwar atti blasfemi, jew tal-anqas, jimplimenta minnufih salvagwardji għall-prevenzjoni ta' abbużi tal-liġi għall-fini ta' vittimizzazzjoni ta' ċittadini, li spiss ikunu minn komunitajiet reliġjużi minoritarji;

M.

billi l-UE u l-Pakistan approfondew u wessgħu r-rabtiet bilaterali tagħhom, kif jixhdu l-pjan ta’ impenn fuq ħames snin, varat fi Frar 2012, u t-tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan, li sar f’Ġunju 2014; billi l-għan tal-pjan ta’ impenn fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan huwa li tinbena relazzjoni strateġika u li tissawwar sħubija għall-paċi u l-iżvilupp imsejsa fuq valuri u prinċipji kondiviżi;

N.

billi l-Pakistan daħal fl-iskema GSP+ għall-ewwel darba fl-1 ta' Jannar 2014; billi din l-iskema 'għandha tagħti inċentiv qawwi għar-rispett tad-drittijiet ċentrali tal-bniedem u tax-xogħol, tal-ambjent u tal-prinċipji tal-governanza tajba';

1.

Jinsab profondament imħasseb u ddispjaċut bid-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri ta' Lahore, tas-16 ta’ Ottubru 2014, li tikkonferma s-sentenza ta’ mewt għal Asia Bibi minħabba atti ta’ blasfemija; jistieden lill-Qorti Superjuri sabiex malajr u bla dewmien tiftaħ il-proċedimenti tagħha fuq il-każ u ssostni l-istat ta’ dritt u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem fis-sentenza tagħha;

2.

Jistieden anki lill-qrati Pakistani biex jipproċedu malajr bir-rieżami tas-sentenzi ta' mewt fil-konfront ta' Sawan Masih, Mohammad Asgar u Shafqat Emmanuel u l-mara tiegħu Shagufta Kausar, u essenzjalment għal dawk iċ-ċittadini kollha l-oħra li fil-preżent huma kkundannati għall-mewt talli allegatament marru kontra l-liġijiet dwar atti blasfemi;

3.

Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta’ Shama Bibi u Shahbaz Masih u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tagħhom, kif ukoll lill-familji tal-vittmi innoċenti kollha maqtula minħabba l-liġijiet dwar atti ta’ blasfemija fil-Pakistan; jitlob li min iwettaq dawn l-atti jitressaq quddiem il-liġi; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-gvern ta’ Punjab li tistabbilixxi kumitat biex l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Shama Bibi u Shahbaz Masih tkun aċċelarata u tordna protezzjoni addizzjonali permezz tal-pulizija għall-inħawi fil-provinċja fejn jgħixu l-Insara; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li fil-Pakistan tintemm il-klima ta’ impunità u li jkun hemm riformi aktar wiesgħa li jittrattaw il-kwistjoni ta' vjolenza kontra minoranzi reliġjużi, li għadha mifruxa;

4.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li fil-Pakistan il-liġijiet kontroversjali dwar atti ta’ blasfemija jistgħu jintużaw ħażin u anki jistgħu jolqtu nies ta' kull tip ta' fidi; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu li fil-Pakistan il-liġijiet dwar atti ta’ blasfemija, li kienu opposti pubblikament mill-ex Ministru Shahbaz Bhatti, l-ex Gvernatur Salman Taseer u Rashid Rehman, li sfaw maqtula għall-pożizzjoni tagħhom favur it-tolleranza reliġjuża, huma dejjem iżjed użati sabiex jitqiegħdu fil-mira gruppi ta' minoranza vulnerabbli, inklużi Ahmedis u Insara;

5.

Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex iwettaq rieżami dettaljat tal-liġijiet dwar atti ta’ blasfemija u l-applikazzjoni attwali tagħhom, b'mod partikolari it-Taqsimiet 295 B u C tal-Kodiċi Penali, li jippreskrivu sentenzi obbligatorji ta' għomor il-ħabs (295 B u C) jew anki l-piena tal-mewt (295 C) għal atti allegati ta' blasfemija, bil-għan li dawn il-liġijiet jitħassru; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan ineħħi l-piena tal-mewt, inkluż għal atti ta’ blasfemija jew apostasija, u jistabbilixxi salvagwardji li jimpedixxu l-abbuż ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi dwar atti ta’ blasfemija jew apostasija;

6.

Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jiggarantixxu l-indipendenza tal-qrati, l-istat tad-dritt u proċess ġust f'konformità ma' standards internazzjonali dwar proċedimenti ġudizzjarji, inkluż billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati; jitlob, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Pakistani jipprovdi protezzjoni biżżejjed għal dawk kollha involuti fil-każijiet dwar atti ta’ blasfemija, inkluż billi l-imħallfin jiġu mħarsa minn pressjoni esterna, bil-protezzjoni tal-akkużat kif ukoll tal-familji u l-komunitajiet tagħhom mill-vjolenza tal-folla, u billi jipprovdu soluzzjonijiet għal dawk li jiġu liberati iżda ma jistgħux jirritornaw lura għall-postijiet ta' oriġini tagħhom;

7.

Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u d-drittijiet tal-minoranzi huma garantiti mill-kostituzzjoni tal-Pakistan; jilqa' l-miżuri meħuda fl-interess tal-minoranzi reliġjużi mill-Gvern tal-Pakistan minn Novembru tal-2008 'l hawn, bħall-istabbiliment ta' kwota ta' 5 % għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, ir-rikonoxximent tal-festi pubbliċi li mhumiex Musulmani u d-dikjarazzjoni ta' Jum Nazzjonali tal-Minoranzi;

8.

Iħeġġeġ lill-Gvern Pakistani, madankollu, biex iżid l-isforzi għal fehim interreliġjuż aħjar, biex jittratta attivament l-ostilitajiet reliġjużi minn atturi tas-soċjetà u jiġġieled l-intolleranza reliġjuża, l-atti ta' vjolenza u intimidazzjoni, u biex jaġixxi kontra l-impunità jew il-perċezzjoni tagħha;

9.

Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi kif ukoll it-tipi kollha ta' diskriminazzjoni u intolleranza għal raġunijiet ta' reliġjon u twemmin; jenfasizza li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Pakistani kollha, irrispettivamnet mill-fidi u r-reliġjon tagħhom, jixirqilhom rispett ugwali, u l-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

10.

Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni jużaw kwalunkwe strument għad-dispożizzjoni tagħhom, inkluż kif ifformulat fil-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, biex jgħinu lil komunitajiet reliġjużi u biex jitfgħu lill-Gvern Pakistani taħt pressjoni sabiex jagħmel aktar għall-ħarsien ta’ minoranzi reliġjużi; japprezza, f’dan ir-rigward, iż-żjara reċenti tal-Rapppreżentant Speċjali tal-UE għall-Pakistan għad-Drittijiet tal-Bniedem, u d-diskussjonijiet li kellu hemm;

11.

Jenfasizza li l-għoti tal-istatus GSP+ huwa bil-kondizzjoni u, fost affarijiet oħra, soġġett għar-ratifika u l-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni internazzjonali, kif indikat fl-Anness VIII għar-Regolament Bażiku GSP il-ġdid, b’ħafna minnhom dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li l-UE tista' tiddeċiedi li tirtira l-preferenzi GSP+ jekk pajjiż ma jissodisfax l-impenji tiegħu;

12.

Iħeġġeġ lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jissorveljaw b'mod strett il-konformità tal-Pakistan mal-impenji tiegħu skont il-GSP+, u biex jippromwovu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan;

13.

Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jaħdmu mal-awtoritajiet Pakistani sabiex jirriformaw il-mod kif jintużaw il-liġijiet dwar atti blasfemi, inkluż bl-implimentazzjoni tal-miżuri ssuġġeriti fil-paragrafu 6 hawn fuq;

14.

Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan sabiex jaħdem mal-entitajiet tan-NU, inkluż ir-Rapporteur tan-NU dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin, biex jittratta tħassib validu dwar problemi tad-drittijiet tal-bniedem;

15.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0575.

(2)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/137585.pdf

(3)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/135946.pdf

(4)  Testi adottati, P7_TA(2014)0208.


Top