EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0063

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-26 ta' Novembru 2014 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2014 – COP 20 f'Lima, il-Perù (1-12 ta' Diċembru 2014) (2014/2777(RSP))

ĠU C 289, 9.8.2016, p. 27–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 289/27


P8_TA(2014)0063

Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2014 – COP 20 f'Lima, il-Perù (1-12 ta' Diċembru 2014)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-26 ta' Novembru 2014 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2014 – COP 20 f'Lima, il-Perù (1-12 ta' Diċembru 2014) (2014/2777(RSP))

(2016/C 289/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

wara li kkunsidra t-13-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 13) tal-UNFCCC u t-tielet sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa għall-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP3), li saru f'Bali fl-2007, u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali (Deċiżjoni 1/COP 13),

wara li kkunsidra l-15-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 15) tal-UNFCCC u l-5 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP5), li saru f'Kopenħagen, id-Danimarka, mis-7 sat-18 ta' Diċembru 2009, u l-Qbil ta' Kopenħagen,

wara li kkunsidra s-16-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 16) tal-UNFCCC u s-6 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP6), li saru f'Cancún, il-Messiku, mid-29 ta' Novembru sal-10 ta' Diċembru 2010, u l-Ftehimiet ta' Cancún,

wara li kkunsidra s-17-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 17) tal-UNFCCC u s-7 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (CMP7), li saru f'Durban, l-Afrika t'Isfel, mit-28 ta' Novembru sad-9 ta' Diċembru 2011 u, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa,

wara li kkunsidra t-18-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 18) tal-UNFCCC u t-8 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP8), li saru f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2012, u l-adozzjoni tal-Portal ta' Doha dwar il-Klima,

wara li kkunsidra d-19-il sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 19) tal-UNFCCC u d-9 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP9), li saru f'Varsavja, il-Polonja, mill-11 sat-23 ta' Novembru 2013, u l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja għal Telf u Ħsara,

wara li kkunsidra l-20 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 20) tal-UNFCCC u l-10 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP10), li saru f'Lima, il-Perù, mill-1 sat-12 ta' Diċembru 2014,

wara li kkunsidra l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2013 dwar “Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030” (COM(2013)0169),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (COP 15) (2), tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 15) (3), tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Cancún (COP 16) (4), tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP 17) (5), tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Doha, il-Qatar (COP 18) (6), u tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Varsavja, il-Polonja (COP 19) (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta' Frar 2009 dwar “L-2050: Il-ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-klima” (8), tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (9) u tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030 (10),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konsultattiva mill-Kummissjoni tas-26 ta' Marzu 2013 bit-titolu “Il-Ftehim Internazzjonali tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima: It-tfassil tal-politika internazzjonali dwar il-klima wara l-2020” (SWD(2013)0097),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2012 dwar is-segwitu għal COP 17/CMP7, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2012 dwar “finanzjament għall-klima – finanzjament rapidu” , il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2011 u tal-24 ta' Ġunju 2013 dwar id-diplomazija tal-UE fil-qasam tal-klima, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2013 dwar l-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex iżidu l-mobilizzazzjoni ta' finanzjament għall-klima,

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima ta' April 2013 u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha,

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) ta' Novembru 2012 bit-titolu “The Emissions Gap Report 2012” (ir-Rapport 2012 dwar id-Distakk fl-Emissjonijiet),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji bit-titolu “Turn Down the Heat: Why a 4 oC Warmer World Must be Avoided” (Inbaxxu t-Temperatura: Għalfejn Jeħtiġilna Nevitaw Dinja Aktar Sħuna b'4 oC), “Turn Down the Heat: Climate Extremes, Regional Impacts, and the Case for Resilience” (Inbaxxu t-Temperatura: Estremi fil-Klima, Impatti Reġjonali, u l-Argument favur ir-Reżiljenza) u “Climate-Smart Development: Adding up the Benefits of Climate Action” (Żvilupp Intelliġenti fil-konfront tal-Klima: Ngħoddu l-Benefiċċji ta' Azzjoni Klimatika",

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Globali dwar l-Ekonomija u l-Klima bit-titolu “Better Growth, Better Climate: The New Climate Economy Report” (Tkabbir Aħjar, Klima Aħjar: Ir-Rapport dwar l-Ekonomija Ġdida tal-Klima),

wara li kkunsidra t-tliet rapporti tal-Grupp ta' Ħidma tal-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni (AR5) tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-Rapport ta' Sinteżi tiegħu,

wara li kkunsidra l-istedina tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, lill-Kapijiet ta' Stat biex jattendu s-Summit dwar il-Klima f'Settembru 2014 bil-ħsieb li jittieħdu impenji ċari għal aktar azzjoni dwar it-tibdil fil-klima,

wara li kkunsidra l-Greenhouse Gas Bulletin Nru 10 tal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija tad-9 ta' Settembru 2014, u r-riżultat tal-laqgħa Social PreCOP dwar it-tibdil fil-klima, li saret fil-Venezwela mill-4 sas-7 ta' Novembru 2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi t-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida urġenti u potenzjalment irreversibbli għas-soċjetajiet umani, għall-bijodiversità u għall-pjaneta u għalhekk irid jiġi indirizzat fil-livell internazzjonali mill-Partijiet kollha;

B.

billi t-tibdil fil-klima qed joħloq theddida mingħajr preċedent għall-bijosfera, għad-disponibbiltà u l-provvista tal-ikel u l-ilma, b'mod partikolari għan-nies foqra fil-biċċa l-kbira tal-kontinenti, u għas-saħħa, l-għajxien u l-iżvilupp ekonomiku madwar id-dinja; billi żviluppi relatati mat-tibdil fil-klima jistgħu jiddestabilizzaw komunitajiet u soċjetajiet, ikunu xprun għal flussi migratorji problematiċi u jgħinu jipprovokaw jew ikebbsu tensjonijiet u kunflitti;

C.

billi fid-deċennji reċenti, it-tibdil fil-klima kellu impatt fuq is-sistemi naturali u umani fil-kontinenti u fl-oċeani kollha; billi f'bosta reġjuni, it-tibdil fl-ammont ta' xita jew il-ħall tal-borra u s-silġ qed ibiddlu s-sistemi idroloġiċi u qed jaffettwaw ir-riżorsi tal-ilma f'termini ta' kwantità u ta' kwlaità; billi l-glaċieri qed ikomplu jiċkienu kważi kullimkien madwar id-dinja, minħabba t-tibdil fil-klima, u dan qed jaffettwa l-ilma skulat u r-riżorsi tal-ilma fid-direzzjoni tax-xmara;

D.

billi l-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom ukoll impatt fuq il-flora u l-fawna tal-pjaneta; billi ħafna speċijiet tal-art, tal-ilma frisk u tal-ilma tal-baħar biddlu l-lokazzjonijiet ġeografiċi tagħhom, l-attivitajiet staġjonali, it-tendenzi migratorji, il-kwantitajiet u l-interazzjonijiet bejn l-ispeċijiet, b'reazzjoni għat-tibdil fil-klima li għadu qed iseħħ;

E.

billi skont l-evidenza xjentifika ppreżentata fir-rapporti tal-Grupp ta' Ħidma 2014 tal-AR5 IPCC, it-tisħin tas-sistema klimatika huwa inekwivoku; it-tibdil fil-klima qiegħed tabilħaqq iseħħ u l-attivitajiet tal-bniedem kienu l-kaġun dominanti tat-tisħin li ġie osservat minn-nofs is-seklu 20; l-impatti mifruxa u sostanzjali tat-tibdil fil-klima huma diġà evidenti fis-sistemi naturali u umani fil-kontinenti kollha u fl-oċeani kollha; l-emissjonijiet kontinwi ta' gassijiet serra se jikkaġunaw aktar tisħin u bidliet fl-art, fl-atmosfera u fl-oċeani fir-reġjuni kollha tad-dinja; il-pajjiżi kollha, irrispettivament mill-ġid li jipposjedu, se jiġu affettwati mill-impatti tat-tibdil fil-klima; l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra matul il-perjodu 2000-2010 kienu l-ogħla fl-istorja tal-bniedem; mingħajr azzjoni globali sinifikanti ta' mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, it-temperatura medja globali x'aktarx li se tkun sa 5 oC ogħla sa tmiem is-seklu; billi s-sejbiet tal-IPCC jiddikjaraw li ċerti riskji tat-tibdil fil-klima huma konsiderevoli u jiżdiedu b'mod sproporzjonat hekk kif it-temperatura tiżdied b'bejn 1 u 2 oC;

F.

billi skont is-sejbiet tal-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC (AR5), il-baġit globali tal-karbonju disponibbli wara l-2011 sabiex ikun possibbli li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt iż-2 oC huwa ta' 1,010 Gton ta' CO2, billi l-livell attwali ta' emissjonijiet globali annwali huwa ta' madwar 36 Gton ta' CO2, u bħala konsegwenza ta' dan il-baġit globali tal-karbonju kompatibbli ma' 2 oC ikun ġie eżawrit fi żmien 28 sena jekk l-emissjonijiet jibqgħu fil-livell attwali tagħhom;

G.

billi l-objettiv adottat fil-livell internazzjonali biex it-tisħin globali jkun limitat għal taħt iż-2 oC jibqa ' importanti daqs qatt qabel; billi l-5 rapport tal-IPCC jiddikjara b'mod ċar li jeħtieġ li nfittxu mitigazzjoni aktar “aggressiva” sal-2050, biex nevitaw żieda fit-temperaturi globali ta' 'l fuq minn 2 oC; billi l-Parlament talab biex il-Ftehim tal-2015 ikun immirat lejn it-tneħħija gradwali tal-emissjonijiet globali tal-karbonju sal-2050, u billi għalhekk dan jirrikjedi li l-emissjoni ta' gassijiet serra (GHG) tieqaf tiżdied mill-aktar fis u mbagħad tibda tonqos b'rata stabbli; billi dan il-livell massimu għadu 'l bogħod u l-konċentrazzjoni ta' gassijiet serra fl-atmosfera kibret bl-aktar rata mgħaġġla fl-2013 meta mqabbla ma' kwalunkwe sena oħra mill-1984 'il hawn;

H.

billi l-UE kienet naqqset l-emissjonijiet tagħha bi 19 % fl-2012 meta mqabbla mal-1990 fl-ambitu tal-Protokoll ta' Kjoto, waqt li żiedet il-PDG tagħha b'aktar minn 45 %, u bħala riżultat ta' dan, kważi naqqset bin-nofs l-intensità medja tal-emissjonijiet tagħha bejn l-1990 u l-2012 u naqqset l-emissjonijiet per capita tagħha b'25 %, għal 9 tCO2e (inklużi l-gassijiet u s-sorsi kollha ta' emissjoni, iżda bl-esklużjoni tal-bjar); billi dan għandu jitqies kemm matul id-diskussjonijiet dwar l-ambizzjoni ta' qabel l-2020 b'rabta mal-klima kif ukoll fit-tħejjija ta' miri ambizzjużi għall-2030;

I.

billi bosta pajjiżi qegħdin jieħdu provvedimenti favur l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija fis-setturi tal-industrija u tal-enerġija, billi jinkludu għal diversi raġunijiet il-protezzjoni tal-klima, l-iskarsezza u l-effiċjenza tar-riżorsi, is-sigurtà enerġetika, l-innovazzjoni u l-kompetittività; billi, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AEI), l-emissjonijiet tas-CO2 laħqu livell rekord fl-2012 u, skont l-IPCC, it-temperaturi medji fuq wiċċ id-dinja u l-livelli tal-baħar qed ikomplu jogħlew;

J.

billi skont l-International Energy Outlook 2014, id-domanda għall-enerġija globali hija mistennija li tiżdied b'56 % bejn l-2010 u l-2040 (11), u billi din id-domanda, jekk tiġi ssodisfata, tkun tfisser żieda sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2; billi l-biċċa l-kbira tad-domanda u tal-emissjonijiet dejjem jikbru se tiġi mill-ekonomiji emerġenti; billi madwar id-dinja kien hemm sussidji tal-fjuwils fossili ta' valur ta' USD 1,9 triljun skont figuri tal-FMI fejn l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja huma l-aktar pajjiżi li jagħtu sussidji, li jammontaw għal madwar nofs is-sussidji inkwistjoni (12);

K.

billi l-emissjonijiet antropoġeniċi ta' GHG baqgħu jiżdiedu mill-1970 sal-2010, b'żidiet assoluti akbar fid-deċennji lejn tmiem dan il-perjodu; billi l-emissjonijiet tas-CO2 mill-ħruq ta' fjuwils fossili u proċessi industrijali kkontribwew b'madwar 78 % għaż-żieda fl-emissjonijiet totali ta' GHG mill-1970 sal-2010, b'kontribut perċentwali simili għall-perjodu 2000-2010;

L.

billi l-akbar żewġ emittenti ta' GHG, iċ-Ċina u l-Istati Uniti, reċentement saħħew il-politiki tagħhom dwar il-klima u nedew diskussjonijiet b'rabta mat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili; billi l-UE ħadet l-impenn li tosserva pjan direzzjonali li jwassal għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mill-anqas 20 % sal-2050;

M.

billi r-rwol kruċjali tar-riforma tas-sussidji għall-fjuwils fossili (FFSR – fossil fuel subsidy reform) għadu mhux rikonoxxut fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), minkejja l-benefiċċji klimatiċi kbar tat-tneħħija ta' dawn is-sussidji bil-ħsieb li titnaqqas l-ispiża globali marbuta mal-istabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta' GHG u li l-ekonomiji jitressqu 'l bogħod minn attivitajiet b'użu intensiv tal-karbonju; billi dan jista' wkoll iġib miegħu benefiċċji ambjentali u ta' saħħa sostanzjali, bħat-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja fil-livell lokali, fil-konġestjoni tat-traffiku, fl-inċidenti u fil-ħsara fit-toroq, u jipprovdi inċentivi ulterjuri għal investiment fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli, u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi;

N.

billi skont il-Bank Dinji (13), il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima twassal għal tkabbir addizjonali tal-PDG sa massimu ta' USD 2,6 triljun (EUR 1,9 triljun) fis-sena sal-2030; billi l-applikazzjoni ta' innovazzjonijiet relatati mal-klima fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija, b'mod speċjali fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, tkun ta' vantaġġ għall-Ewropa, minħabba li hi kienet minn tal-ewwel fis-suq dinji dejjem jikber tal-prodotti u s-servizzi relatati mal-enerġija, bil-ħolqien ta' impjiegi, l-istimolu tat-tkabbir ekonomiku, iż-żieda fl-indipendenza enerġetika u l-iżgurar ta' prezzijiet tal-enerġija affordabbli għal kulħadd, filwaqt li tindirizza l-faqar enerġetiku u trażżan it-tibdil fil-klima u tagħmel progress lejn ekonomija sostenibbli;

O.

billi l-kontribut li jistgħu jagħtu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-materjali fejn jidħol it-tnaqqis tal-gassijiet serra (GHG) jikkontribwixxi wkoll għal ekonomija ċirkolari kompetittiva;

P.

billi l-objettivi tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima jistgħu jintlaħqu biss billi sseħħ bidla totali fil-kors ġenerali tal-iżvilupp lejn is-sostenibbiltà ekoloġika kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk fil-fażi tal-iżvilupp;

Q.

billi l-appoġġ lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp għall-isforzi ta' adattament u ta' mitigazzjoni tagħhom irid ikun parti mill-isforz globali;

R.

billi l-isfida tal-finanzjament għall-klima hija inestrikabbli mill-isfidi usa' ta' finanzjament għall-iżvilupp sostenibbli globali;

S.

billi l-ilħiq ta' riżultati kbar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huwa essenzjali għall-ilħiq ta' għadd kbir ta' objettivi tal-politiki tal-UE dwar l-ambjent, l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, il-politika ekonomika, għall-affarijiet barranin, ta' sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll għall-prospetti fit-tul għall-ġestjoni tal-flussi migratorji lejn l-UE;

T.

billi l-aġenda għall-iżvilupp ta' wara l-2015 tiffoka fuq is-sostenibbiltà biex tgħin ħalli jingħeleb it-tħassib globali bħal dak li jikkonċerna l-faqar, l-inugwaljanza, is-saħħa, u s-sigurtà tal-ikel u l-ilma;

U.

billi t-tibdil fil-klima tul is-seklu 21 huwa mistenni jżid l-ispustjar tal-persuni; billi r-riskju ta' spustjar jiżdied meta l-popolazzjonijiet ma jkollhomx biżżejjed art, ikel essenzjali jew djar; billi l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-infrastruttura kritika u l-integrità territorjali ta' bosta stati huma mistennija jinfluwenzaw il-politiki ta' sigurtà nazzjonali u l-integrità territorjali ta' stati gżejjer żgħar u stati b'kosti estensivi; billi l-ispustjar dovut għat-tibdil fil-klima jista', b'mod indirett, iżid ir-riskji ta' kunflitti vjolenti fil-forma ta' gwerra ċivili u vjolenza bejn il-gruppi;

V.

billi tul is-seklu 21, l-impatti tat-tibdil fil-klima huma mistennija jnaqqsu t-tkabbir ekonomiku, jagħmluha aktar diffiċli li jitnaqqas il-faqar, ikomplu jnaqqsu s-sigurtà tal-ikel u jżidu l-ostakoli eżistenti li jwasslu għall-faqar, filwaqt li joħolqu oħrajn ġodda; billi l-impatti tat-tibdil fil-klima huma mistennija jkomplu jiddeterjoraw is-sitwazzjoni ta' faqar fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u joħolqu żoni ġodda ta' faqar f'pajjiżi b'inugwaljanza dejjem tiżdied, kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk fil-fażi tal-iżvilupp;

W.

billi d-dinja jeħtiġilha, b'mod urġenti, tilqa' l-isfida enormi u kumplessa tat-tibdil fil-klima billi twettaq bidla fil-pass tal-isforzi ta' mitigazzjoni u adattament, inklużi:

ftehim, waqt il-konferenza dwar il-klima f'Pariġi f'Diċembru 2015 (COP 21), dwar ftehim internazzjonali vinkolanti ambizzjuż għall-azzjoni ta' wara l-2020 li jkun proporzjonat mal-objettiv ta' 2 oC, filwaqt li jirrispetta d-dritt għal żvilupp ġust u sostenibbli;

it-tisħiħ u t-twessigħ urġenti tal-miżuri fis-seħħ li jillimitaw l-emissjonijiet ta' GHG sal-2020 u lil hinn; kif ukoll

it-twessigħ tal-finanzjament fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp għall-mitigazzjoni, l-adattament, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini ta' kapaċità, bi qbil mal-ħolqien tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima u l-impenn ta' provvista ta' finanzjament ġdid u addizjonali li jammonta għal USD 100 biljun fis-sena sal-2020, filwaqt li tiżdied l-għajnuna għall-iżvilupp sabiex jintlaħaq il-livell li ilu ppjanat ta' 0,7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross;

Bżonn urġenti ta' azzjoni

1.

Jirrikonoxxi l-iskala straordinarja u l-gravità tat-theddid ikkawżat mit-tibdil fil-klima u jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-dgħjufija kontinwa tar-rispons internazzjonali għall-isfida li dan it-tibdil iġib miegħu; jinsab imħasseb immens dwar il-fatt li d-dinja tilfet triqitha fir-rigward tal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal żieda ta' anqas minn 2 oC u jistieden lill-gvernijiet biex, mingħajr dewmien, jieħdu miżuri konkreti kontra t-tibdil fil-klima u favur ftehim globali f'Pariġi 2015 biex tintlaħaq din il-mira;

2.

Jinnota li, bi qbil mas-sejbiet tal-AR5 IPCC, il-baġit globali tal-karbonju disponibbli wara l-2011, bil-possibbiltà li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt iż-2 oC, huwa ta' 1,010 Gton ta' CO2; jenfasizza li l-pajjiżi kollha jeħtieġ li jikkontribwixxu u li jekk idumu biex jieħdu azzjoni se jiżdiedu l-ispejjeż u jitnaqqsu l-alternattivi;

3.

Jinnota bi tħassib l-aħħar sejbiet xjentifiċi taċ-Ċentru Tyndall għar-Riċerka dwar it-Tibdil fil-Klima li juru li l-emissjonijiet ta' CO2 se jilħqu rekord għoli ġdid ta' 40 biljun tunnellata (fis-sena) fl-2014 u li t-total tal-emissjonijiet futuri ta' CO2 ma jistax jaqbeż l-1 200 biljun tunnellata – għal probabbiltà ta' 66 % li t-tisħin globali medju jinżamm taħt iż-2 oC;

4.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Ftehim tal-2015 jeħtieġ jilħaq l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet globali għal livell kompatibbli mal-baġit tal-karbonju ta' 2 oC, u għandu jimmira għat-tneħħija gradwali tal-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050;

5.

Ifakkar li l-proċess tal-UNFCCC se jikkunsidra li jsaħħaħ l-għan fuq perjodu twil relatat maż-żidiet fit-temperatura għal 1,5 oC;

6.

Jenfasizza s-sejbiet tar-Rapport dwar l-Ekonomija Ġdida tal-Klima “Better Growth, Better Climate” (Tkabbir Aħjar, Klima Aħjar) li l-pajjiżi fil-livelli kollha ta' dħul issa għandhom l-opportunità li jibnu tkabbir ekonomiku li jdum filwaqt li jnaqqsu r-riskji kbar tat-tibdil fil-klima;

7.

Jistenna li l-Kummissjoni l-ġdida tieħu rwol proattiv fl-indirizzar tal-kriżi klimatika globali, inkluż f'termini ta' finanzjament għall-klima addizjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmilha ċara li l-isfida klimatika hija waħda mill-prijoritajiet strateġiċi ewlenin tagħha u biex torganizza ruħha b'tali mod li jirrifletti dan, fil-livelli kollha u fis-setturi kollha fil-politiki u azzjonijiet interni u esterni, inter alia permezz ta' investiment fl-agrikoltura sostenibbli, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Ikel, u fit-trasport sostenibbli;

8.

Jenfasizza li l-politiki globali dwar it-tibdil fil-klima huma bbażati fuq il-Konferenza tan-NU tal-1992 dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED) u li huma parti integrali mill-isforzi globali għall-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli madwar id-dinja; jenfasizza li l-politiki dwar it-tibdil fil-klima jridu jitqiesu f'dan il-kuntest usa' u jridu jiġu konnessi mas-segwitu dwar il-Konferenza ta' Rio, l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u l-aġenda ta' wara l-2015;

Progress fuq il-Pjattaforma ta' Durban

9.

Ifakkar fis-sommarju tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-Summit dwar il-Klima tan-NU li enfasizza li ħafna mexxejja, mir-reġjuni kollha u l-livelli kollha ta' żvilupp ekonomiku, kienu favur quċċata fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra qabel l-2020, tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet minn hemm 'il quddiem, u newtralità tal-klima fit-tieni nofs tas-seklu;

10.

Jistenna li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom rwoli kostruttivi ewlenin fil-COP 20 f'Lima sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jintlaħaq ftehim globali vinkolanti ta' suċċess dwar il-klima f'Pariġi fl-2015; jenfasizza li l-gvernijiet tad-dinja għandhom ir-responsabbiltà kollettiva, inkluż lejn il-ġenerazzjonijiet futuri, li jieħdu azzjoni adegwata dwar il-klima;

11.

Ifakkar li f'Varsavja l-Partijiet kollha qablu mad-deċiżjoni UNFCCC 1/CP.19, li tistieden lill-Partijiet kollha jagħtu bidu jew isaħħu l-preparazzjonijiet nazzjonali għall-Kontribuzzjonijiet Intenzjonati Determinati Nazzjonalment tagħhom (INDCs) u biex jikkomunikawhom ferm qabel ma tibda l-COP 21 (sa l-ewwel tliet xhur tal-2015 minn dawk il-Partijiet li jkunu lesti jagħmlu dan) b'mod li jiffaċilita ċ-ċarezza, it-trasparenza u l-fehim tal-INDCs u jippermetti l-kwantifikazzjoni tagħhom; jistieden lill-Partijiet jiżguraw li l-INDCs tagħhom jikkonformaw mal-baġit tal-karbonju limitat ta' 2 oC u li tintlaħaq malajr kemm jista' jkun quċċata ta' emissjonijiet globali;

12.

Jistieden lill-Konferenza ta' Lima taqbel dwar ir-rekwiżiti tal-informazzjoni bil-quddiem sabiex l-INDCs ikunu trasparenti, kwantifikabbli u komparabbli – u differenzjati skont it-tip ta' kontribuzzjoni; jistieden ukoll lill-Konferenza ta' Lima taqbel fuq fażi ta' valutazzjoni qabel ma tibda l-COP ta' Pariġi sabiex tqis jekk l-INDCs ippreżentati humiex kollettivament biżżejjed fid-dawl tal-objettiv ta' “anqas minn 2 oC”, u ġusti f'livell individwali;

13.

Jenfasizza li l-pajjiżi li diġà impenjaw ruħhom għal mira ta' tnaqqis fl-emissjonijiet fl-ekonomija kollha għandhom ikomplu jnaqqsu aktar l-emissjonijiet tagħhom, u li l-oħrajn, b'mod partikolari dawk bl-ogħla emissjonijiet u dawk bl-akbar responsabbiltajiet u kapaċitajiet, għandhom jimpenjaw ruħhom favur miri fl-ekonomija kollha li jistabbilixxu limiti fl-emissjonijiet u jnaqqsu l-intensità ta' GHG;

14.

Jitlob li jkun hemm tisħiħ ġenerali tal-politika tal-UE dwar il-klima u li jintlaħaq ftehim malajr dwar miri ambizzjużi u vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, minbarra bijofjuwils li jagħmlu ħsara soċjali u ambjentali, sal-2030, billi dan jgħin biex tingħata spinta lid-diskussjonijiet internazzjonali dwar il-klima bi qbil mal-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta' GHG tagħha għal bejn it-80 % u l-95 % tal-livelli tal-1990 sal-2050;

15.

Itenni li qafas ambizzjuż għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 se jippermetti lill-UE żżomm il-pożizzjoni tagħha ta' forza motriċi u jista' jħeġġeġ lis-sħab internazzjonali jżidu l-ambizzjonijiet tagħhom kif xieraq;

16.

Jenfasizza li l-Parlament stieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu mira vinkolanti tal-UE għall-2030 li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra nazzjonali tal-anqas b'40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, mira vinkolanti tal-UE ta' 40 % fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, f'konformità mar-riċerka dwar il-potenzjal ta' ffrankar fl-użu tal-enerġija kosteffettiv u mira vinkolanti tal-UE għall-2030 li jiġu prodotti tal-anqas 30 % tal-konsum tal-enerġija finali totali minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu dawn il-miri fid-diskussjonijiet kontinwi tagħhom;

Elementi tal-Ftehim tal-2015

17.

Jenfasizza li l-Ftehim tal-2015 irid ikun ambizzjuż mill-bidu malli jiġi adottat f'Pariġi, sabiex id-dinja tinżamm fit-triq it-tajba lejn l-objettiv ta' “anqas minn 2 oC”, u jistieden lill-UE taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha għal dan il-għan;

18.

Huwa tal-fehma li l-Konferenza ta' Lima għandha tistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-Ftehim tal-2015, filwaqt li tibni fuq il-progress miksub fl-2014 fil-qafas tal-Pjattaforma ta' Durban, u jtenni li l-mitigazzjoni, l-adattament, il-finanzjament għall-klima u l-mezzi ta' implimentazzjoni se jkunu lkoll elementi essenzjali tal-Ftehim tal-2015;

19.

Jistieden lill-UE tinkludi lill-partijiet kollha fil-ħidma tagħha lejn Ftehim tal-2015 ambizzjuż u ġust li jkun kemm f'konformità mal-aħħar żviluppi xjentifiċi kif ukoll reattiv għal sejbiet xjentifiċi ġodda u għat-tibdil fiċ-ċirkostanzi, sabiex b'hekk jibqa' adatt għall-iskop tiegħu u sostenibbli għal ħafna snin lil hinn mill-2020; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmu li jippermetti li l-impenji ta' mitigazzjoni jiġu rieżaminati regolarment, sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jaġġustaw jsaħħu l-impenji tagħħhom fid-dawl tal-objettiv ta' “anqas minn 2 oC”, mingħajr mal-Ftehim ikollu għalfejn jerġa' jinfetaħ għan-negozjar;

20.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' reġim ta' konformità effikaċi li japplika għall-Partijiet kollha fil-qafas tal-Ftehim tal-2015; jenfasizza li l-Ftehim tal-2015 irid jippromwovi t-trasparenza u r-responsabbiltà permezz ta' reġim komuni bbażat fuq ir-regoli li jinkludi regoli ta' kontabilità u arranġamenti ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika; jenfasizza li r-regoli għandhom ikunu differenzjati abbażi tat-tip ta' impenn li l-Partijiet jiddeċiedu li jagħżlu, filwaqt li jibnu fuq it-tagħlimiet meħuda mill-Konvenzjoni u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha;

21.

Jemmen li l-qsim tal-isforzi għandu jkun ibbażat fuq prinċipji ta' ekwità li jiffokaw, b'mod partikolari, fuq emissjonijiet ta' GHG kurrenti u akkumulati tal-passat u fuq kapaċitajiet, ivvalutati, pereżempju, bl-għajnuna ta' ċifri dwar il-PDG per capita, indiċijiet tal-faqar u tal-iżvilupp tal-bniedem kif ukoll indikaturi li jagħtu stampa tal-livell ta' diffikultà biex jitnaqqsu jew jiġu limitati l-emissjonijiet; jinnota li, biex isir progress ġenerali lejn ftehim ġdid dwar il-klima, huwa importanti li jsir progress fil-qasam tal-finanzjament għall-klima;

Ambizzjoni ta' qabel l-2020 u l-Protokoll ta' Kjoto

22.

Jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa urġenti li jinkiseb progress biex jingħeleb il-“gigatonne gap” li hemm bejn is-sejbiet xjentifiċi u l-impenji attwali tal-Partijiet għall-perjodu sal-2020; jistieden lil dawk il-Partijiet li għadhom ma impenjawx ruħhom biex jagħmlu dan; jenfasizza r-rwol importanti ta' miżuri oħra ta' politika, inklużi l-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar sostanzjali tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u t-tnaqqis gradwali tal-idrofluworokarburi (HFCs), l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili u t-tisħiħ tar-rwol ta' pprezzar mifrux tal-karbonju, biex jikkontribwixxu għall-għeluq tal-“gigatonne gap”;

23.

Jistieden lill-Partijiet, lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-atturi sottonazzjonali u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi kollha jiżviluppaw, iwessgħu u jimplimentaw b'urġenza politiki nazzjonali u inizjattivi ta' kooperazzjoni internazzjonali għall-għeluq tal-“gigatonne gap”, b'mod speċjali billi jibnu fuq l-inizjattivi mfassla fis-Summit tal-SĠNU dwar il-Klima (bħall-Koalizzjoni favur il-Klima u l-Arja Nadifa) u fuq id-djalogi ta' politika li jidentifikaw opportunitajiet b'impatt kbir għall-klima, l-iżvilupp u t-tkabbir imwettqa f'livelli tekniċi u politiċi fil-qafas tal-UNFCCC;

24.

Jieħu nota tal-bilanċ favorevoli sinifikanti ta' unitajiet ta' konformità tal-Protokoll ta' Kjoto (AAUs, CERs u ERUs) li jridu jiġu ttrasferiti lill-kontijiet tal-UE u tal-Istati Membri għat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, filwaqt li jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex, skont id-Deċiżjoni 1/CMP.8 li tesiġi li l-Partijiet jirrevedu sal-2014 l-impenji ta' tnaqqis tagħhom għat-tieni perjodu ta' impenn, jikkanċellaw numru ta' unitajiet bil-għan li jallinjaw ruħhom mal-emissjonijiet reali mbassra u ma' perkors kosteffettiv għat-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali lejn il-mira klimatika tal-UE għall-2050;

25.

Jistenna b'ħerqa li l-UE u diversi Stati Membri tagħha, kif ukoll Partijiet oħra, jgħaddu minn valutazzjoni multilaterali tal-progress li rreġistraw rigward il-miri ta' tnaqqis tagħhom għall-2020 matul il-Konferenza ta' Lima, bħala parti mill-proċess ta' Valutazzjoni u Rieżami Internazzjonali (IAR); jemmen li tali trasparenza hija neċessarja biex l-isforzi reċiproċi jinftiehmu aħjar u titkattar il-fiduċja fost il-Partijiet kollha;

26.

Jinnota li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba sabiex tilħaq tnaqqis tal-emissjonijiet 'il fuq sew mill-mira attwali ta' 20 %, u jtenni li l-UE offriet li żżid il-mira ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tagħha sa 30 % sal-2020 jekk pajjiżi oħra b'livelli għoljin ferm ta' emissjonijiet jimpenjaw ruħhom li jadottaw miri ta' tnaqqis komparabbli;

27.

Jiċċara li, għalkemm it-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto se jkun limitat fit-tul tiegħu, għandu jitqies bħala pass intermedju importanti ħafna, u għalhekk jistieden lill-Partijiet, inklużi lill-Istati Membri tal-UE, biex jirratifikaw it-tieni perjodu ta' impenn malajr;

28.

Jenfasizza l-kontribut li jistgħu jagħtu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ fejn jidħol it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, peress li l-materja prima hija sors sinifikanti tal-produzzjoni ta' GHG; itenni l-importanza li wieħed jimxi lejn ekonomija ċirkolari b'rati aktar għoljin ta' riċiklaġġ;

29.

Jinnota li l-UE jeħtiġilha twettaq ir-rwol vitali tagħha fit-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz ta' politiki maħsuba biex iwaqqfu l-iżvilupp ta' fjuwils fossili mhux konvenzjonali li jiġġeneraw ħafna gassijiet serra, bħalma hu r-ramel bituminuż;

30.

Jinnota li ħafna pajjiżi diġà qed jagħtu eżempju, fatt li juri li strateġiji ta' żvilupp b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u t-tkabbir ekonomiku jimxu id f'id; jenfasizza li ftehim internazzjonali b'saħħtu se jħeġġeġ aktar azzjoni nazzjonali ambizzjuża;

Finanzjament għall-klima

31.

Ifakkar fl-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jintesifikaw il-mobilizzazzjoni ta' finanzjament għall-klima, sabiex jagħtu sehemhom għall-impenn meħud fil-qafas tal-Qbil ta' Kopenħagen li jisfruttaw il-Fond Ekoloġiku għall-Klima (GCF) u b'mod konġunt jimmobilizzaw USD 100 biljun kull sena sal-2020 minn firxa wiesgħa ta' sorsi, pubbliċi u privati, bilaterali u multilaterali, inklużi sorsi alternattivi ta' finanzjament; jistieden lil pajjiżi donaturi oħra jagħmlu l-parti tagħhom sabiex titrawwem aktar mobilizzazzjoni ta' finanzjament għall-klima;

32.

Jitlob lill-UE taqbel dwar pjan direzzjonali biex iżżid finanzi prevedibbli, ġodda u addizzjonali, f'konformità mal-impenji eżistenti, sabiex tilħaq sehemha mill-ammont ta' USD 100 biljun kull sena sal-2020, u jitlobha tistabbilixxi mekkaniżmu maħsub biex jiffaċilita r-responsabbiltà u l-monitoraġġ; jilqa' l-impenji reċenti meħuda li jsiru kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-Fond Ekoloġiku għall-Klima u jħeġġeġ lil pajjiżi oħra jikkontribwixxu s-sehem ġust tagħhom, f'kuntest fejn il-pajjiżi żviluppati qed jipprovdu għotjiet ta' USD 15-il biljun għall-Fond Ekoloġiku għall-Klima fit-tliet snin li ġejjin;

33.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom ferm qabel il-konferenzi u jikkoordinaw aħjar it-tħabbiriet tagħhhom rigward il-finanzjament għall-klima mal-UE, sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni mal-partijiet terzi dwar il-kontribuzzjoni globali tal-UE u sabiex iħallu l-aktar impatt pożittiv possibbli fuq in-negozjati; jenfasizza l-fatt li l-impenji finanzjarji meħuda waqt is-Summit ta' Ban Ki-moon kienu sinjal tajjeb u kellhom impatt pożittiv fuq l-immaġni tal-UE qabel ma bdew in-negozjati ta' Lima;

34.

Ifakkar li jistgħu jkunu meħtieġa sorsi finanzjarji innovattivi sabiex jiġi żgurat li l-mira ta' USD 100 biljun fis-sena tintlaħaq sal-2020 u lil hinn, u jistieden lin-nazzjonijiet iħarsu lejn l-opzjonijiet f'Lima;

35.

Itenni l-istedina biex id-dħul minn strumenti bbażati fuq is-suq għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-avjazzjoni u t-trasport marittimu jiġi ddedikat lill-finanzjament tal-politiki klimatiċi internazzjonali wara l-2020 u lill-Fond Ekoloġiku għall-Klima; iqis li l-UE għandha tagħmel proposti għal finanzjament internazzjonali xieraq u prevedibbli għall-klima għall-Ftehim tal-2015;

36.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw parti mid-dħul iġġenerat permezz tas-swieq tal-karbonju għall-finanzjament għall-klima u għall-għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jindika, madankollu, li dan il-mekkaniżmu qed jiffaċċja problemi kbar peress li d-dħul ħa tisbita flimkien mal-prezz globali għall-karbonju; f'dan il-kuntest, iqis li jridu jittieħdu miżuri biex l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (ETS) issir strument ferm aktar effiċjenti, tallinja ruħha mal-emissjonijiet reali mbassra u ma' perkors kosteffettiv għat-tnaqqis ta' emissjonijiet nazzjonali lejn il-mira klimatika tal-UE għall-2050, u b'hekk ikunu jistgħu jiġu ġġenerati riżorsi sostanzjali li għandhom jgħinu fil-finanzjament tal-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

37.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiddefinixxu b'mod ċar ir-rwol tal-finanzjament privat fil-kuntest ta' aktar użu ta' self fil-finanzjament, filwaqt li jirrikonoxxi li dan ma jistax jieħu post il-bżonn ta' finanzjament pubbliku, b'mod partikolari għall-adattament, biex jisħqu fuq il-ħtieġa ta' rappurtar trasparenti u responsabbiltà b'rabta ma' tali finanzjament u biex jiżguraw l-implimentazzjoni ta' salvagwardji rilevanti fil-qasam soċjali u ambjentali;

Adattament – telf u ħsara

38.

Jistieden lill-ekonomiji żviluppati l-kbar jagħmlu użu mill-infrastruttura avvanzata eżistenti tagħhom sabiex jippromwovu, itejbu u jiżviluppaw it-tkabbir sostenibbli u jikkommettu ruħhom biex jappoġġaw lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ħalli dawn ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità tagħhom stess biex b'hekk jiżguraw li t-tkabbir ekonomiku futur fil-partijiet kollha tad-dinja jinkiseb mingħajr ebda impatt ulterjuri fuq l-ambjent;

39.

Jenfasizza li azzjoni ta' adattament hija bżonn inevitabbli u teħtieġ rwol ċentrali fil-ftehim il-ġdid; jenfasizza li l-azzjoni fil-preżent għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra se tiswa anqas lill-ekonomiji globali u nazzjonali u tnaqqas l-ispejjeż għall-azzjonijiet ta' adattament; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jieħdu miżuri xierqa biex jippjanaw, jadattaw u jirrispondu għall-impatti tat-tibdil fil-klima bil-għan li jipproteġu lin-nies, lis-soċjetajiet, lill-ekonomiji u lill-ambjent tagħhom u li jiksbu żvilupp sostenibbli reżiljenti għat-tibdil fil-klima; jinnota li l-fatt li wieħed jirreaġixxi għar-riskji marbuta mat-tibdil fil-klima jinvolvi teħid ta' deċiżjonijiet f'dinja li qed tinbidel, b'nuqqas kontinwu ta' ċertezza dwar meta se jseħħu l-impatti tat-tibdil fil-klima u kemm se jkunu ħorox u b'limiti rigward l-effikaċja tal-adattament;

40.

Ifakkar li l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'mod partikolari l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u l-Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw, huma l-iċken kontributuri għall-konċentrazzjoni dejjem akbar ta' gassijiet serra fl-atmosfera, iżda huma l-aktar pajjiżi vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u l-anqas pajjiżi li għandhom kapaċità ta' adattament; jistieden lill-pajjiżi kollha li jinsabu fil-qagħda li jagħmlu dan biex jappoġġaw lil dawk il-pajjiżi li huma l-aktar vulnerabbli fl-isforzi tgħhom biex jadattaw u jirrispondu għall-impatti tat-tibdil fil-klima bil-għan li jiksbu żvilupp sostenibbli reżiljenti għat-tibdil fil-klima u li jfittxu li jilħqu ftehimiet dwar it-tisħiħ tal-proċessi nazzjonali ta' ppjanar għall-adattament, il-finanzjament għall-klima, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini ta' kapaċità;

41.

Jirrikonoxxi l-enfasi li tqiegħdet fl-aħħar żewġ Konferenzi tal-Partijiet fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati t-telf u l-ħsara assoċjati mal-impatti tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi l-anqas żviluppati li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima; jinnota l-ħtieġa li jiġu implimentati bis-sħiħ id-deċiżjonijiet meħuda f'Varsavja u li dawn jiġu indirizzati ulterjorament f'Lima;

42.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-finanzjament għall-klima għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp sabiex dan jgħin lil dawn il-pajjiżi fl-isforzi ta' adattament u mitigazzjoni tagħhom b'rabta mat-tibdil fil-klima; f'dan il-kuntest, jenfasizza li l-pajjiżi li jikkontribwixxu għall-Fond Ekoloġiku għall-Klima se jkollhom bżonn jiċċaraw liema sorsi ta' finanzjament se jużaw u kif se jiġbru l-flus, peress li din l-informazzjoni tkun tista' tiżgura l-prevedibbiltà tad-dħul għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

43.

Jagħraf id-diffikultajiet li wieħed irid jiffaċċja biex jissepara l-azzjonijiet favur il-klima u dawk favur l-żvilupp kif ukoll il-ħafna sinerġiji tagħhom fil-livell tal-pajjiżi, iżda jinsisti li għadu possibbli li jsiru valutazzjonijiet kredibbli u trasparenti ta' kif l-addizzjonalità hija rispettata;

44.

Jiddeplora l-fatt li, għalkemm l-infiq fuq il-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament qed jiżdied, dan l-infiq jidher li mhu xejn meta mqabbel mal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-gvernijiet tal-pajjiżi żviluppati għadhom jissussidjaw b'mod attiv il-produzzjoni u l-konsum tal-fjuwils fossili;

45.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima jkunu msejsa fuq approċċi li jħeġġu l-parteċipazzjoni u li jirrispettaw l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu ttrattati l-impatti tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari biex jingħata appoġġ lill-persuni u lill-komunitajiet fqar u emarġinati;

Is-settur tal-art

46.

Jenfasizza li, f'konformità mas-sejbiet tal-IPCC, l-użu tal-art (agrikoltura, foresti u użi oħra tal-art) huwa fost l-aktar setturi esposti u vulnerabbli tal-ekonomiji tagħna, filwaqt li għandu fl-istess ħin potenzjal kosteffettiv sinifikanti għall-mitigazzjoni u t-tisħiħ tar-reżiljenza; jinnota l-importanza li l-Partijiet kollha jinkludu komponent tal-art fil-kontribuzzjoni nazzjonali tagħhom, b'metrika xierqa komuni sabiex jimmonitorjaw, jirrappurtaw u jivverifikaw il-progress kwantifikabbli lejn diversi objettivi interkonnessi (jiġifieri l-mitigazzjoni, il-produttività u r-reżiljenza); jenfasizza li l-ftehim għandu jistabbilixxi qafas ta' kontabilità komprensiv għall-emissjonijiet u l-assorbimenti li jirriżultaw mill-użu tal-art;

47.

Jenfasizza li trid tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni għall-popolazzjonijiet vulnerabbli li qed jiffaċċjaw it-tibdil fil-klima;

L-avjazzjoni u t-trasport marittimu internazzjonali

48.

Itenni l-importanza tat-trasport marittimu u bl-ajru f'termini ta' tnaqqis ta' emissjonijiet ta' GHGs, u l-ħtieġa li jsir progress rapidu u li jkun hemm ambizzjoni biex jinkisbu riżultati sodisfaċenti u f'waqthom kemm fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali kif ukoll fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, f'konformità mal-iskala u l-urġenza tal-isfida tal-klima;

Diplomazija klimatika

49.

Jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li, waqt il-Konferenza, l-UE, bħala attur ewlieni, titkellem “b'vuċi waħda” fl-isforzi tagħha biex tikseb progress lejn ftehim internazzjonali u li tibqa' magħquda f'dak ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jikkoordinaw b'mod effikaċi l-pożizzjonijiet tagħhom ma' dik tal-UE; jenfasizza li l-UE jeħtiġilha teżerċita pressjoni fuq il-Partijiet li mhumiex fuq perkors konformi mal-objettiv ta' 2 oC; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE tisħaq fuq dawk l-impenji meħuda minn gvernijiet oħra meta ffirmaw il-Protokoll ta' Kjoto;

50.

Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet diplomatiċi intensivi mal-pajjiżi sħab tagħna, sabiex javvanzaw il-pożizzjonijiet tal-UE fin-negozjati, filwaqt li jikkoordinaw mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni, inkluż permezz tan-Netwerk Diplomatiku Ekoloġiku;

51.

Jilqa' s-Summit tal-SĠNU dwar il-Klima fi New York fit-23 ta' Settembru 2014 li ppermetta diskussjonijiet dwar it-tibdil fil-klima għall-ewwel darba wara Kopenħagen u li ġabar flimkien 'il fuq minn 130 kap ta' stat u ta' gvern u bosta atturi mis-socjetà ċivili u mill-ambitu tan-negozji; jilqa' b'mod partikolari t-tħabbiriet tal-mexxejja rigward azzjonijiet konkreti mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-investiment fl-enerġija nadifa u t-tkabbir b'livell baxx ta' karbonju, l-appoġġ għall-ipprezzar tal-karbonju u l-kontribut għall-finanzjament għall-klima; jenfasizza li s-segwitu fuq l-impenji tal-mexxejja li ttieħdu fi New York se jkun kritiku biex jinżamm ir-ritmu fil-preparamenti għall-Konferenzi ta' Lima u ta' Pariġi;

52.

Iqis li l-kredibbiltà tal-UE fil-kuntest tan-negozjati dwar il-klima tiddependi mill-ambizzjoni tal-azzjoni tagħha fi ħdanha stess;

53.

Jisħaq fuq il-fatt li l-aġenda globali ta' wara l-2015 għandha tirrinforza l-impenn tal-komunità internazzjonali lejn l-iżvilupp sostenibbli u għandha wkoll tappoġġa l-impenji u l-miri internazzjonali, inklużi dawk dwar it-tibdil fil-klima;

54.

Jenfasizza li l-COP 21 hija opportunità unika biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u ssir rabta mal-ħidma tan-NU dwar l-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015 u mat-tħejjijiet għall-konferenza ta' Marzu 2015 dwar il-Qafas ta' Hyogo għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri; jappella għal diplomazija aktar attiva min-naħa tal-UE fil-qasam tal-klima sabiex dawn il-proċessi jintrabtu bejniethom, filwaqt li l-objettivi ta' żvilupp sostenibbli jiġu segwiti b'mod koerenti u ambizzjuż;

Industrija u kompetittivà

55.

Huwa mħasseb dwar iż-żieda fl-emissjonijiet globali ta' CO2 fl-2013, skont id-data tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), minkejja tnaqqis fl-emissjonijiet fl-Ewropa u fl-Istati Uniti; jissuġġerixxi, għalhekk, li jiġu kkunsidrati responsabbiltajiet differenzjati sabiex kull pajjiż jikkontribwixxi għall-isforzi globali fil-qasam tal-politika industrijali u enerġetika; jappella għal użu aħjar ta' teknoloġiji bħas-satelliti spazjali għall-ġbir preċiż ta' data dwar l-emissjonijiet u t-temperaturi, kif ukoll għal kooperazzjoni trasparenti u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi;

56.

Jenfasizza li l-Ewropa għandha tkompli żżid il-penetrazzjoni fis-suq tat-teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent, inkluż fl-oqsma tal-ICT, tal-enerġiji rinnovabbli, tat-teknoloġiji innovattivi u effiċjenti b'livell baxx ta' emissjonijiet u, b'mod partikolari, tat-teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jisħaq fuq il-fatt li qafas ġuridiku internazzjonali stabbli jħeġġeġ l-investiment fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli u jipprovdi opportunitajiet għan-negozji tal-UE li huma minn ta' quddiem f'dawn is-setturi; jinnota li l-investimenti sostenibbli innovattivi jistgħu joħolqu tkabbir u impjiegi;

57.

Jemmen li ftehim internazzjonali ambizzjuż u vinkolanti jgħin biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u dwar il-kompetittività tas-setturi rilevanti, b'mod partikolari s-setturi b'użu intensiv tal-enerġija;

Riċerka u innovazzjoni

58.

Jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji innovattivi sostenibbli huma fatturi kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, fl-istess ħin, biex jikkonvinċu lil sħab l-UE madwar id-dinja li t-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa fattibbli, bla ma jrażżan it-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkattir tal-impjiegi;

59.

Jitlob li jkun hemm impenn internazzjonali favur iż-żieda tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) f'teknoloġiji innovattivi sostenibbli fis-setturi rilevanti; iqis li huwa essenzjali li l-UE tagħti l-eżempju billi tiddirieġi l-infiq tagħha ddedikat għar-riċerka lejn id-demostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi li jirrispettaw il-klima u li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti, u li l-UE tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika stretta f'dan il-qasam ma' sħab internazzjonali, bħalma huma l-pajjiżi BRIC u l-Istati Uniti tal-Amerika;

Il-politika tal-enerġija

60.

Jilqa' s-sinjali reċenti li taw il-gvernijiet tal-Istati Uniti u taċ-Ċina rigward miżuri klimatiċi u rigward ir-rieda tagħhom li jkollhom rwol aktar sinifikanti fl-isforzi globali bil-għan li jindirizzaw it-tibdil fil-klima; jiddispjaċih li ċerti pajjiżi żviluppati qed ikomplu jżidu l-emissjonijiet tagħhom per capita;

61.

Jinnota li l-prezzijiet ta' sorsi differenti tal-enerġija jiżvolġu rwol ewlieni biex jiddeterminaw l-imġiba tal-protagonisti fis-suq, inklużi l-industrija u l-konsumaturi, u jinnota li l-fatt li l-qafas politiku internazzjonali attwali mhuwiex kapaċi jinternalizza kompletament l-ispejjeż esterni jipperpetwa t-tendenzi ta' konsum mhux sostenibbli; barra minn hekk, itenni li suq globali tal-karbonju li għandu prezz tan-negozjar għoli biżżejjed ikun bażi soda biex jinkisbu kemm tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet kif ukoll ambjent fejn il-kundizzjonijiet għall-industrija jkunu ndaqs għal kulħadd; jistieden lill-UE u lis-sħab tagħha jsibu, fil-futur immedjat, l-aktar mod effikaċi biex jippromwovu rabtiet bejn l-ETS tal-UE u skemi oħra ta' negozjar li jkollhom l-għan ta' suq globali tal-karbonju, li jiżguraw diversità akbar fil-possibbiltajiet ta' tnaqqis, titjib fil-likwidità u fid-daqs tas-suq, trasparenza u, finalment, allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi għas-settur tal-enerġija u l-industrija;

62.

Jappella għal koordinament aktar mill-qrib bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE sabiex l-UE tkun tista' titkellem b'vuċi koordinata f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-AIE, l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli, is-Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, u b'hekk ikollha rwol aktar attiv u influwenti, partikolarment biex tirsisti favur politiki li jġibu 'l quddiem l-enerġija sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika u s-sigurtà enerġetika;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw mingħajr dewmien miżuri konkreti għat-tneħħija gradwali tas-sussidji kollha li jagħmlu ħsara lill-ambjent sal-2020, inklużi s-sussidji għall-fjuwils fossili, taħt il-gwida tal-Kummissjoni, bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq l-azzjoni u b'monitoraġġ imwettaq bis-saħħa tas-Semestru Ewropew; jappella wkoll għall-implimentazzjoni koordinata fil-livell internazzjonali tal-objettiv tas-Summit tal-G-20 f'Pittsburgh tat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili li, skont l-AIE, kienu jammontaw għal USD 544 biljun madwar id-dinja fl-2012, peress li dan ikun jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet ta' CO2 u jgħin ukoll għat-tnaqqis tad-defiċit pubbliku f'ħafna pajjiżi; jilqa' l-intenzjoni tas-Summit tal-G-20 f'San Pietruburgu li tiġi stabbilita sistema ta' rieżami mill-pari għat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili; jiddeplora n-nuqqas ta' progress dwar miżuri konkreti favur l-implimentazzjoni ta' dan l-objettiv; jappella għal rieżami tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM), b'enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni ta' impatti negattivi ta' proġetti tas-CDM fuq id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà tal-ikel u l-ambjent;

64.

Iqisha ħaġa deplorevoli li l-potenzjal ta' ffrankar tal-enerġija mhux qed jiġi indirizzat b'mod adegwat fil-livell internazzjonali u fl-UE; jisħaq fuq il-fatt li l-iffrankar tal-enerġija jippermetti l-ħolqien tal-impjiegi, l-iffrankar ekonomiku u s-sigurtà enerġetika, kif ukoll żieda fil-kompetittività u tnaqqis fl-emissjonijiet, u jiżvolġi rwol ċentrali biex l-emissjonijiet ma jibqgħux marbuta mat-tkabbir ekonomiku; jistieden lill-UE tirsisti għal aktar attenzjoni u azzjoni rigward l-iffrankar tal-enerġija fin-negozjati internazzjonali, meta tkun qed tiddiskuti kemm it-trasferiment tat-teknoloġiji, kemm il-pjanijiet ta' żvilupp għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp kif ukoll l-assistenza finanzjarja; jenfasizza li, sabiex ikunu kredibbli, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jiddefinixxu u jilħqu miri ambizzjużi b'rabta mal-effiċjenza enerġetika; jisħaq fuq l-importanza li tonqos il-ħela tal-enerġija fl-industriji tal-kostruzzjoni u t-trasport u f'sistemi u apparati elettriċi domestiċi, sabiex jiżdiedu l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika;

65.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu introdotti sistemi ta' trasport li jiġġeneraw konsum baxx ta' enerġija u li jaħdmu bl-idroġenu;

L-HFCs u l-Protokoll ta' Montreal

66.

Jistieden lill-Partijiet jeżaminaw il-mekkaniżmi ta' votazzjoni u ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Protokoll ta' Montreal, li rnexxa, l-approċċ differenti tiegħu għar-responsabbiltajiet, kif ukoll il-mekkaniżmi ta' infurzar u ta' sanzjoni u l-finanzjament tiegħu, bħala eżempju li jista' jintuża wkoll fil-qafas tal-UNFCCC; jistieden lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tirregola t-tnaqqis gradwali globali tal-HFCs skont il-Protokoll ta' Montreal;

67.

Ifakkar li l-UE adottat leġiżlazzjoni ambizzjuża biex tnaqqas gradwalment l-HFCs b'79 % sal-2030 issa li alternattivi li jirrispettaw il-klima huma disponibbli fil-wisa' u l-potenzjal tagħhom għandu jintuża bis-sħiħ; jinnota li t-tnaqqis gradwali tal-użu tal-HFCs jirrappreżenta mira li faċli tinkiseb għall-azzjonijiet ta' mitigazzjoni ġewwa u barra l-UE u jistieden lill-UE timpenja ruħha b'mod attiv biex tiffaċilita l-azzjoni globali dwar l-HFCs;

68.

Jilqa' d-dokument ta' diskussjoni mressaq lill-Partijiet tal-Protokoll ta' Montreal dwar tnaqqis gradwali globali tal-HFCs, u f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu proposta formali għall-emendar biex tiġi kkunsidrata fis-27 laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Montreal li għandha ssir fl-2015;

Id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew

69.

Jemmen li d-delegazzjoni tal-UE għandha rwol kruċjali fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima u, għaldaqstant, isibha inaċċettabli li xi Membri tal-Parlament Ewropew ma setgħux jattendu l-laqgħat ta' koordinament tal-UE waqt Konferenzi tal-Partijiet preċedenti; jistenna li tal-anqas il-President tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew jitħalla jattendi l-laqgħat ta' koordinament tal-UE f'Lima;

o

o o

70.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, u jitlob li r-riżoluzzjoni tkun iċċirkolata lill-Partijiet Kontraenti kollha li mhumiex membri tal-UE.


(1)  ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.

(2)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 1.

(3)  ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 25.

(4)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 77.

(5)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 83.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2012)0452.

(7)  Testi Adottati, P7_TA(2013)0443.

(8)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 44.

(9)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.

(10)  Testi Adottati, P7_TA(2014)0094.

(11)  http://www.eia.gov/forecasts/ieo/?src=Analysis-b2

(12)  http://www.imf.org/external/pubs/ft/survey/so/2013/int032713a.htm

(13)  http://documents.worldbank.org/curated/en/2014/06/19703432/climate-smart-development-adding-up-benefits-actions-help-build-prosperity-end-poverty-combat-climate-change-vol-1-2-main-report


Top