Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0700

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-15

    /* COM/2014/0700 final */

    52014DC0700

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-15 /* COM/2014/0700 final */


    Jitlestew is-sisien għall-kredibbiltà

    I. L-aġenda tat-tkabbir — il-Kisbiet & l-Isfidi

    Matul l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni saħħet il-kredibbiltà tal-politika tat-tkabbir u saħħet is-setgħa trasformattiva tagħha billi żgurat punt fokali aktar qawwi fuq l-indirizzar ta’ riformi fundamentali minn kmieni fil-proċess ta’ tkabbir. Il-Kummissjoni poġġiet enfasi partikolari fuq it-tliet pilastri tal-Istat tad-dritt, il-governanza ekonomika u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-istrateġija għat-tkabbir[1] fl-2012 il-Kummissjoni introduċiet approċċ ġdid lejn l-istat tad-dritt. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2013[2], il-Kummissjoni stabbilixxiet qafas għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika, abbażi tal-esperjenza tas-Semestru Ewropew. Din is-sena, il-Kummissjoni tippreżenta ideat ġodda biex tappoġġa r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Dawn it-tliet pilastri huma interkonnessi u l-progress f’dawn l-oqsma se jkun tal-akbar importanza biex jiġi ddeterminat meta l-pajjiżi se jkunu kompletament lesti biex jissieħbu fl-UE.

    Il-politika tat-tkabbir tal-UE tikkontribwixxi għal benefiċċji reċiproċi tal-paċi, is-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa. Hija tirrinforza l-qawwa politika u ekonomika tal-UE u għandha effett trasformattiv ta' saħħa fuq il-pajjiżi kkonċernati. Proċess ta' adeżjoni mħejji tajjeb jiżgura li t-tkabbir ma jkunx akkost tal-effettività tal-Unjoni.

    L-għaxar anniversarju f’Mejju tal-adeżjoni ta’ 10 Stati Membri fl-2004 huwa tfakkira dwar il-progress miksub. Hekk kif l-UE qed tespandi hekk ukoll qed jespandu l-opportunitajiet għall-kumpaniji, l-investituri finanzjarji, il-konsumaturi, it-turisti, l-istudenti u s-sidien tal-proprjetà tagħna. L-adeżjoni bbenefikaw minnha kemm dawk il-pajjiżi li ssieħbu fl-UE kif ukoll l-Istati Membri stabbiliti. Il-kummerċ u l-investiment żdiedu. Il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tjiebet billi l-istandards tal-UE dwar l-ambjent, il-konsumaturi u standards oħra japplikaw b’mod aktar wiesa’.

    Għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-prospettiva ċara ta’ sħubija mal-UE mogħtija mill-Istati Membri tal-UE hija fattur ċentrali ta’ stabbilizzazzjoni. Hija tappoġġa l-progress lejn it-twettiq tal-kundizzjonijiet meħtieġa, inklużi dawk tal-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u kooperazzjoni reġjonali inklużiva huma essenzjali. Kien hemm progress f’dan ir-rigward matul l-aħħar sena, filwaqt li xi kwistjonijiet għadhom miftuħa. Sforzi kontinwi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bilaterali bejn il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir u mal-Istati Membri, inklużi taħt l-awspiċji tan-NU fejn rilevanti, u biex jegħlbu l-wirt tal-imgħoddi huma kruċjali fid-dawl tal-istorja ta’ dan ir-reġjun li sa ftit ilu kienet imkisser minħabba l-kunflitti.

    Il-proċess ta’ adeżjoni huwa rigoruż, mibni fuq kundizzjonalità stretta iżda ġusta, kriterji stabbiliti u l-prinċipju tal-mertu proprju. Dan huwa kruċjali għall-kredibilità tal-politika tat-tkabbir, biex jiġu pprovduti inċentivi għall-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir sabiex iwettqu riformi estensivi u biex jiżguraw l-appoġġ taċ-ċittadini tal-UE. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri, flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, għandhom imexxu dibattitu infurmat dwar l-impatt politiku, ekonomiku u soċjali tal-politika tat-tkabbir.

    ***

    L-aġenda attwali tat-tkabbir tkopri l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija u l-Islanda. Kienet sena sinifikanti għal għadd ta’ pajjiżi tal-Balkani tal-Punent:

    Il-Montenegro ħa passi ulterjuri fin-negozjati tal-adeżjoni. Infetħu 12-il kapitolu. Bdiet l-implimentazzjoni tar-riformi dwar l-istat tad-dritt. Issa huma meħtieġa riżultati konkreti u dawn se jkun kruċjali biex jiddeterminaw il-pass ġenerali tan-negozjati tal-adeżjoni.

    Il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni hu mument deċiżiv fir-relazzjonijiet tal-UE mas-Serbja. Issa jeħtieġ li s-Serbja tilħaq il-prijoritajiet tar-riforma tagħha b’mod sostnut billi l-pass tan-negozjati se jkun jiddependi fuq il-progress f’oqsma ewlenin, b’mod partikolari dwar l-istat tad-dritt u l-proċess ta’ normalizzazzjoni mal-Kosovo*. Jeħtieġ li jiġi ġġenerat momentum ġdid fid-djalogu bejn Belgrad u Pristina biex jiġu trattati l-kwistjonijiet pendenti ewlenin u tinfetaħ fażi ġdida fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet.

    L-Albanija ngħatat status ta’ kandidat f’Ġunju bħala rikonoxximent għal l-isforzi tagħha għar-riformi u l-progress li sar fil-kisba tal-kundizzjonalità meħtieġa. Il-pajjiż jeħtieġ li jikkonsolida u jibni fuq il-momentum tar-riforma u jiffoka l-isforzi tiegħu fuq it-trattament tal-isfidi tal-integrazzjoni tiegħu mal-UE b'mod sostenibbli u inklużiv. Kemm il-gvern kif ukoll l-oppożizzjoni jeħtieġu li jsir dibattitu politiku primarjament fil-Parlament.

    L-inizjalar ta’ Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo f’Lulju huwa punt importanti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kosovo. Issa jeħtieġ li l-Kosovo jwettaq riformi ewlenin, b’mod partikolari l-istat tad-dritt.

    Il-proċess ta’ adeżjoni tal-UE ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jinsab f'fażi ta' staġnar. Hija meħtieġa azzjoni biex jitreġġa' lura r-rigress reċenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-libertà ta’ espressjoni u tal-midja u l-indipendenza tal-ġudikatura. Hemm bżonn urġenti li tinstab soluzzjoni negozjata u reċiprokament aċċettabbli dwar il-kwistjoni tal-isem. Il-gvern u l-oppożizzjoni għandhom jieħdu passi biex jissokta d-djalogu politiku fil-Parlament.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina tinsab wieqfa fi triqitha lejn l-integrazzjoni Ewropea. Wara l-elezzjonijiet, se jkun hemm bżonn li l-pajjiż jitkellem b’vuċi waħda, biex jiġu indirizzati r-riformi soċjoekonomiċi urġenti u li jsir progress rigward l-aġenda Ewropea tiegħu.

    L-implimentazzjoni ta’ ċerti impenji ta’ riforma tat-Turkija kompliet, bħall-pakkett tad-demokratizzazzjoni tal-2013, u ttieħdu passi lejn soluzzjoni għall-kwistjoni Kurda. Madankollu, kien hemm ukoll raġunijiet għal tħassib serju rigward l-indipendenza tal-ġudikatura u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Negozjati tal-adeżjoni attivi u kredibbli jipprovdu l-aktar qafas adattat sabiex jisfrutta l-potenzjal sħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija. Il-ftuħ tan-negozjati fir-rigward tal-kapitoli rilevanti dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jipprovdi pjan ta' direzzjoni għar-riformi f’dawn l-oqsma ewlenin.

    Wara deċiżjoni tal-Gvern tal-Islanda, in-negozjati tal-adeżjoni ġew sospiżi minn Mejju 2013.

    ***

    L-approċċ tal-Kummissjoni biex l-ewwel jiġu indirizzati punti fundamentali jagħti prijorità lil riformi marbuta mal-Istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, il-governanza ekonomika u t-titjib fil-kompetittivita ekonomika, u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi. Dan jinkludi l-amministrazzjoni pubblika, li għadha dgħajfa f’bosta pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir, b’kapaċità amministrattiva limitata, livelli għoljin ta’ politiċizzazzjoni u nuqqas ta’ trasparenza. It-tisħiħ tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi jirrikjedi wkoll proċessi elettorali sodi u l-funzjonament xieraq tal-parlamenti, inkluż djalogu konstruttiv u sostenibbli fl-ispettru politiku kollu. Jeħtieġ li jsir aktar biex jitrawwem ambjent li jippermetti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Soċjetà ċivili b’saħħitha ssaħħaħ ir-responsabbiltà politika u tippromwovi fehim aktar profond ta’ riformi relatati mal-adeżjoni.

    It-Taqsima II ta’ din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-isfidi ewlenin u tanalizza l-progress fl-oqsma tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-governanza ekonomika u l-kompetittività, u l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. It-Taqsima III tqis il-kwistjonijiet reġjonali u bilaterali, b’mod partikolari fil-Balkani tal-Punent. It-Taqsima IV tistabbilixxi konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet kemm fi kwistjonijiet orizzontali kif ukoll fi kwistjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

    Fl-oqsma kollha ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel l-aħjar użu ta’ mekkaniżmi eżistenti u fora biex ir-riformi jimxu 'l quddiem, kemm permezz ta’ strutturi tal-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), kif ukoll permezz tan-negozjati ta’ adeżjoni jew tal-inizjattivi speċifiċi għall-pajjiżi fil-mira mmexxija mill-Kummissjoni bħalma huma djalogi ta’ livell għoli jew djalogi strutturati dwar l-istat tad-dritt. Inizjattivi bħal dawn saru usa’ f’Novembru 2013 bl-istabbiliment ta’ djalogu ta’ livell għoli mal-Albanija dwar il-prijoritajiet ewlenin. Dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-Kummissjoni qed tintroduċi djalogu aktar strutturat u qed tistabbilixxi “gruppi speċjali” mal-pajjiżi involuti fil-proċess ta’ tkabbir.

    Fl-2014 tnieda l-Istrument il-ġdid għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni (Instrument for Pre-Accession Assistance, IPA II). Permezz tal-IPA II, l-UE se tipprovdi EUR 11,7 biljun għall-perjodu 2014-2020 biex tappoġġa lill-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir fit-tħejjija tagħhom għall-adeżjoni kif ukoll għall-kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera. L-IPA II iżid l-iffukar fuq il-prijoritajiet għall-adeżjoni mal-UE fl-oqsma tad-demokrazija u l-istat tad-dritt kif ukoll fil-kompetittività u t-tkabbir, l-IPA II jintroduċi wkoll approċċ settorjali, inċentivi għal konsenja fuq ir-riżultati, is-sostenn baġitarju miżjud u l-prijoritizzazzjoni tal-proġetti. Huwa meħtieġ approċċ koordinat għall-investimenti l-kbar tul il-kurituri ewlenin tal-infrastruttura. Il-koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) qed tiġi msaħħa. Il-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent se jkompli jappoġġa l-investimenti li jsaħħu l-impjiegi u t-tkabbir u l-promozzjoni tal-konnettività fir-reġjun.

    Tliet benefiċċji strateġiċi tat-tkabbir

    (1) l-Ewropa ssir post aktar sikur. Permezz tal-proċess tal-adeżjoni, l-UE tippromwovi d-demokrazija u l-libertajiet fundamentali u ssaħħaħ l-istat tad-dritt madwar il-pajjiżi aspiranti, filwaqt li jitnaqqas l-impatt tal-kriminalità transfruntiera. Il-politika tat-tkabbir attwali qed tirrinforza l-paċi u l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent u qed tippromwovi l-irkupru u r-rikonċiljazzjoni wara l-gwerer tas-snin 90.

    (2) titjib tal-kwalità ta’ ħajjet in-nies permezz tal-integrazzjoni u l-kooperazzjoni f’oqsma bħall-enerġija, it-trasport, l-istat tad-dritt, il-migrazzjoni, is-sigurtà tal-ikel, il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent u t-tibdil fil-klima. It-tkabbir jgħinna niżguraw li l-istandards għoljin tagħna stess jiġu applikati lil hinn mill-fruntieri tagħna, u dan inaqqas ir-riskji taċ-ċittadini tal-UE li qed jiġu affettwati pereżempju minħabba l-importazzjoni tat-tniġġis.

    (3) ikollna aktar prosperità. Ewropa akbar tfisser Ewropa aktar b’saħħitha. Fl-2012, il-PDG tal-UE kien 23 % tal-PDG dinji, li jammonta għal EUR 13-il triljun. L-adeżjoni bbenefikaw minnha kemm dawk il-pajjiżi li ssieħbu mal-UE kif ukoll il-Pajjiżi Membri stabbiliti. Hekk kif l-UE qed tespandi hekk ukoll jespandu l-opportunitajiet għall-kumpaniji, l-investituri, il-konsumaturi, it-turisti, l-istudenti u s-sidien tal-proprjetà tagħna. Suq uniku fuq skala akbar huwa aktar attraenti għall-investituri: L-investimenti barrani dirett mill-bqija tad-dinja lejn l-UE rdoppja bħala perċentwali tal-PDG mill-adeżjoni tal-2004 (minn 15,2 % tal-PDG fl-2004 għal 30,5 % tal-PDG fl-2012).

    ***

    II. Il-punti fundamentali l-ewwel — Il-Konsolidazzjoni tar-Riforma u t-Tisħiħ tal-Kredibbiltà

    Din it-taqsima tidentifika l-isfidi ewlenin u teżamina l-progress fl-oqsma tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-governanza ekonomika u l-kompetittività, u l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Hija tistabbilixxi ideat ġodda għat-tisħiħ tal-konċentrazzjoni fuq ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tirfina aktar l-istrateġija għall-governanza ekonomika. Fil-Komunikazzjoni tas-sena l-oħra saret enfasi partikolari fuq kif il-finanzjament ta’ qabel l-adeżjoni jappoġġa l-proċess ta’ riforma fl-oqsma kollha. Din is-sena, qed tinġibed l-attenzjoni lejn ċerti prattiki fl-oqsma ta’ hawn fuq li huma fis-seħħ fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir u li jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għar-riformi fi bnadi oħra.

    a) Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

    Flimkien mal-istat tad-dritt u l-governanza ekonomika, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (RAP) hija pilastru tal-proċess tat-tkabbir. It-tliet “pilastri” huma marbuta mill-qrib, waqt li jaqsmu b'mod trasversali l-kwistjonijiet ta’ importanza fundamentali għas-suċċess f’riformi politiċi u ekonomiċi u l-bini ta’ bażi għall-implimentazzjoni ta’ regoli u standards tal-UE. Amministrazzjoni pubblika li tiffunzjona tajjeb hija neċessarja għall-governanza demokratika. Għandha wkoll impatt dirett fuq l-abbiltà tal-gvernijiet li jipprovdu servizzi pubbliċi u jrawwmu l-kompetittività u t-tkabbir.

    Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika għandha l-għan li ssaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effettività u tkabbar l-attenzjoni fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittdini u tan-negozji. Il-ġestjoni adegwata tar-riżorsi umani, l-ippjanar aħjar tal-politiki, il-koordinazzjoni u l-iżvilupp, proċeduri amministrattivi sodi u l-ġestjoni mtejba tal-finanzi pubbliċi, inkluża l-amministrazzjoni tad-dħul u l-ġbir huma ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament tal-Istat u għall-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa għall-integrazzjoni fl-UE. Il-pajjiżi jeħtieġ jżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom f’kull livell abbażi tal-istrateġiji globali nazzjonali. Billi tgħarraf l-isfidi li qed jiffaċċaw il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir, il-Kummissjoni qed issaħħaħ l-appoġġ tagħha lejn l-istabbiliment tal-istrutturi amministrattivi meħtieġa u l-kapaċità fil-proċess tal-adeżjoni.

    Il-Kummissjoni se tistruttura l-ħidma tagħha fuq ir-RAP mal-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir madwar il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:

    Kwistjonijiet ewlenin għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika

    1.       Qafas strateġiku għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika — dan jinkludi l-impenn politiku għall-proċess ta’ riforma, inklużi t-tmexxija politika u l-koordinazzjoni teknika u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni..

    2.       L-iżvilupp tal-politika u l-koordinazzjoni — dan jinkludi koordinazzjoni xierqa tal-gvern ċentrali, il-koordinazzjoni inter-ministerjali, l-iżvilupp tal-politika u l-analiżi finanzjarja.

    3.       Is-servizz pubbliku u l-ġestjoni tar-riżorsi umani — dan jinkludi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-servizz pubbliku, inklużi d-depolitiċizzazzjoni, il-meritokrazija fir-reklutaġġ u l-promozzjoni, it-taħriġ u l-professjonalizzazzjoni.

    4.       Responsabbiltà — din tinkludi t-trasparenza tal-amministrazzjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni u l-possibilità ta’ rimedju amministrattiv u legali.

    5.       It-twassil ta’ servizzi — dan jinkludi titjib fis-servizzi għaċ-ċittadini u n-negozji, inklużi proċeduri amministrattivi aħjar u servizzi aħjar tal-gvern elettroniku.

    6.       Ġestjoni finanzjarja pubblika (ĠFP) — dan jinkludi impenn għal approċċ iktar komprensiv lejn it-titjib fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u tal-proċess baġitarju ġenerali permezz tat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ programmi multi-annwali tal-ĠFP u l-impenn għal djalogu politiku tal-ĠFP mal-Kummissjoni u l-IFI. Programm tal-ĠFP rilevanti u kredibbli huwa importanti wkoll għas-sostenn baġitarju settorjali tal-IPA.

    Il-Kummissjoni għandha l-għan li tintegra aħjar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-proċess tat-tkabbir. “Gruppi speċjali għar-RAP” ġew stabbiliti jew huma fil-proċess li jiġu stabbiliti mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fuq il-mudell tas-sottokumitati tal-FSA. Gruppi speċjali diġà qed jiltaqgħu fil-każ tal-Albanija, il-Kosovo, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Montenegro. L-ewwel grupp speċjali għar-RAP mas-Serbja se jiltaqa' f’Ottubru. Il-gruppi speċjali se jsiru l-pjattaforma prinċipali biex jitmexxa 'l quddiem ix-xogħol fuq ir-RAP, li se jkun ibbażat fuq il-kwistjonijiet prinċipali ta’ hawn fuq. Ir-riżultati tal-gruppi speċjali għar-RAP għandhom jitwasslu lill-Kunsill / Kumitat tal-FSA, permezz ta' diskussjoni politika aktar strutturata dwar kwistjonijiet ewlenin fir-RAP.

    Għalkemm ma hemm l-ebda kapitolu fl-acquis li jkopri l-amministrazzjoni pubblika bħala tali, in-negozjati ta’ adeżjoni għandhom jintużaw ukoll biex jinkoraġġixxu r-riformi meħtieġa. Il-kwistjonijiet ewlenin għandhom jiġu indirizzati permezz ta' kapitoli rilevanti — b’mod partikolari l-akkwist pubbliku, il-kontroll finanzjarju, il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, it-tassazzjoni u l-politika ekonomika u monetarja, — u fil-kuntest ta’ konferenzi intergovernattivi fejn dan huwa importanti għal implimentazzjoni tal-acquis. Il-koordinazzjoni mal-IFI speċjalment fil-qasam tal-ĠFP se tkun kruċjali. Il-Kummissjoni qed tkompli tappoġġa l-Iskola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika, li għandha rwol importanti fil-kondiviżjoni tal-esperjenza fir-reġjun dwar ir-RAP, anki f’rabta mal-proċess ta’ integrazzjoni fl-UE.

    Iż-żieda fil-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika fil-Kosovo:

    Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità professjonali u istituzzjonali tal-amministrazzjoni pubblika tagħha, il-Kosovo waqqfet programm għall-professjonisti żgħażagħ. Filwaqt li jiffoka sew fuq il-ħtiġijiet tal-integrazzjoni Ewropea, dan il-programm jipprovdi boroż ta’ studju għall-aqwa studenti biex isegwu programm ta’ Masters speċjali fil-Kosovo flimkien mal-opportunità li jistudjaw fl-UE. Madwar 80 % tal-gradwati ġew impjegati mill-awtoritajiet tal-Kosovo. Dan qed ikun ta’ benefiċċju mhux biss għall-Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea, iżda wkoll għall-ministeri settorjali u l-istituzzjonijiet li se jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-obbligi skont l-FSA li jmiss.

    b) Il-governanza ekonomika u l-kompetittività

    Il-Kummissjoni qed issaħħaħ l-appoġġ tagħha għat-titjib tal-governanza ekonomika u l-kompetittività fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Dan huwa ta’ importanza ewlenija sabiex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini f’ambjent ekonomiku diffiċli b’mod persistenti, b’rata għolja ta’ qgħad u investiment baxx. Dan l-approċċ ġdid huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent peress li l-ebda wieħed minnhom ma huwa meqjus bħala ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Huwa se jibni fuq l-esperjenza tal-Istati Membri tal-UE fis-Semestru Ewropew. Se tingħata aktar enfasi fuq ir-riformi strutturali li huma ta’ natura settorjali. Il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir se jkunu mitluba jissottomettu Programmi Nazzjonali ta’ Riforma Ekonomika. Min-naħa tagħha, l-UE se tipprovdi aktar gwida għal prijoritajiet ta’ riforma u finanzjament immirat aħjar mill-IPA. It-titjib tal-governanza ekonomika fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir huwa importanti wkoll biex jinżamm l-appoġġ għat-tkabbir fl-Unjoni Ewropea.

    Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent jiffaċċaw sfidi ekonomiċi strutturali kbar, b’rati għolja ta’ qgħad u livelli baxxi ta’ investimenti barranin. Għad hemm sfidi sinifikanti fil-pajjiżi kollha involuti fil-proċess tat-tkabbir f'termini ta' riforma ekonomika, kompetittività, ħolqien tal-impjiegi u l-konsolidazzjoni fiskali. Id-dgħufijiet fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-ġestjoni finanzjarja pubblika jaggravaw ir-riskju tal-korruzzjoni, u dan qed ikollu impatt negattiv fuq il-klima tal-investiment. Sal-lum, l-ebda wieħed mill-pajjiżi ma pproduċa aġenda ta’ riforma domestika li hija komprensiva u konvinċenti.

    Is-sitwazzjoni makroekonomika fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir

    Þ Fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir hemm stampa mħallta fir-rigward tal-iżviluppi soċjo-ekonomiċi. Kollox ma’ kollox il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir kollha żammew stabbiltà makro-ekonomika ġenerali iżda r-riskji fiskali żdiedu b’mod sinifikanti f’xi wħud minnhom. L-irkupru modest għadu għaddej. It-tbassir l-aktar riċenti tal-Kummissjoni huwa li l-pajjiżi kandidati fil-Balkani tal-Punent għandhom jikbru b'medja ta' 1,6 % fl-2014. L-irkupru ma wassalx għal aktar impjiegi. Ir-rata tal-qgħad baqgħet għolja, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u bħalissa l-medja fil-Balkani tal-Punent hija ta’ 21 %, iżda ħafna ogħla fil-Bosnja-Ħerzegovina, f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u fil-Kosovo. Il-livelli ta’ faqar għadhom għoljin b’mod allarmanti.

    Þ L-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li tirċievi madwar 60 % tal-esportazzjonijiet mir-reġjun. L-UE hija wkoll l-akbar fornitur tal-investiment dirett barrani.

    Þ Fl-2013, it-Turkija rat it-tkabbir jiżdied għal 4 % u l-istima tat-tkabbir għall-2014 hija ta’ 2,6 %. Il-Lira Torka ddgħajfet u d-defiċit tal-kont kurrenti tela’ għal kważi 8 % tal-PDG fl-2013. Il-prestazzjoni ekonomika riċenti tat-Turkija turi kemm il-potenzjal għoli tal-ekonomija kif ukoll l-iżbilanċi li għad għandha. L-UE tibqa’ s-sieħeb kummerċjali ewlieni tat-Turkija b’aktar minn 40 % tal-esportazzjonijiet tagħha li jmorru lejn l-UE. It-Turkija saret bażi għall-investiment għall-kummerċ Ewropew b’aktar integrazzjoni fil-katina tal-provvista u tal-produzzjoni tal-UE. Madwar 70 % tal-investimenti diretti barranin fit-Turkija jiġu mill-UE.

    L-indikaturi ekonomiċi ewlenin

    || Il-PDG per capita skont l-istandards tal-poter tal-akkwist (% tal-UE) || It-tkabbir tal-PDG (%) || Inflazzjoni (%) || Qgħad (%) || Ir-rata tal-impjiegi, età 20-64 (%) || Ir-rata tal-parteċipazzjoni, età 20-64 (%) || Esportazzjonijiet (% ta' prodotti u servizzi tal-PDG) || Dejn tal-gvern (% tal-PDG) || Id-defiċit tal-gvern (% tal-PDG)

    L-Albanija || 30 || 1,4 || 1,9 || 15,6 || 57,2 || 68,0 || 40,2 || 62,0 || -3,4*

    Il-Bosnja-Ħerzegovina || 29 || 2,5 || -0,2 || 27,5 || m/a || m/a || 30,0 || m/a || -2,2

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja || 35 || 2,9 || 2,8 || 29,0 || 50,3 || 70,4 || 53,9 || 36,0 || -4,1

    Il-Kosovo || m/a || 3,4 || 1,8 || 30,0 || m/a || m/a || 17,4 || m/a || m/a

    Il-Montenegro || 42 || -2,5* || 1,8 || 19,5 || 52,6 || 65,1 || 44,1 || 58,0 || -2,3

    Is-Serbja || 36 || 2,5 || 7,8 || 22,1 || 51,2 || 66,0 || 44,7 || 63,2 || -5,0

    It-Turkija || 55 || 4,0 || 7,5 || 8,8 || 53,4 || 58,4 || 25,7 || 36,2 || -0,3*

    Sors: Eurostat Sena ta’ referenza 2013 ħlief (*) 2012.

    Ø It-titjib fil-governanza ekonomika

    L-istrateġija tat-tkabbir 2013-14 ipproponiet approċċ ġdid biex jgħin lill-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir fit-trattament tal-elementi fundamentali ekonomiċi u biex jilħqu l-kriterji ekonomiċi. L-approċċ il-ġdid jimplika bidla fid-djalogu u rappurtar aħjar sabiex tingħata gwida aktar ċara dwar ir-riformi meħtieġa għall-appoġġ tat-tkabbir fit-tul u l-kompetittività.

    L-isfidi ekonomiċi ewlenin fil-Balkani tal-Punent

    Þ It-tisħiħ ta’ konsolidazzjoni fiskali bit-tnaqqis tad-defiċit tal-baġit u l-implimentazzjoni ta’ riformi kredibbli fis-settur pubbliku, inkluża r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u s-sistemi tal-pensjonijiet.

    Þ It-tisħiħ tal-ġestjoni finanzjarja pubblika, inkluża l-amministrazzjoni tad-dħul u ġbir, it-tfassil u l-eżekuzzjoni tal-baġit, il-kontijiet u r-rappurtar, u s-sorveljanza esterna.

    Þ L-indirizzar tal-piż aħrax ta' selfiet improduttivi.

    Þ Ir-ristrutturar u t-titjib tal-governanza tal-intrapriżi tal-istat,

    Þ It-titjib fl-ambjent tan-negozju, inkluż fl-ekonomija diġitali, u l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat, it-tnaqqis ta’ imposti parafiskali, is-simplifikazzjoni tar-regolamentazzjoni u t-tisħiħ tal-investiment fir-riċerka.

    Þ It-titjib fin-netwerks tal-enerġija u t-trasport u ż-żieda fil-konnettività.

    Þ L-istabbiliment ta' swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw, inkluż biżżejjed flessibbiltà, li tindirizza s-settur informali, it-titjib tal-impjegabbiltà tal-ħaddiema, u l-allinjament aħjar tal-edukazzjoni u tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

    Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma mistiedna jsaħħu l-politika ekonomika u l-governanza tagħha permezz tal-preparazzjoni ta’ Programmi Nazzjonali ta’ Riforma Ekonomika annwali. Dawn il-programmi se jikkonsistu f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonsisti minn verżjoni mtejba tal-Programmi Ekonomiċi eżistenti ta’ Qabel l-Adeżjoni (PEQA) għall-pajjiżi kandidati u Programmi Ekonomiċi u Fiskali (PEF) għall-kandidati potenzjali u estiża wkoll biex tinkludi l-Kosovo. L-ewwel parti tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma Ekonomika se tistabbilixxi qafas makroekonomiku u qafas ta’ politika fiskali fuq perjodu medju, b’konċentrazzjoni akbar fuq il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà esterna u l-ostakoli strutturali għat-tkabbir, kif ukoll miżuri konkreti ta’ riforma li jappoġġaw il-qafas politiku. It-tieni parti tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma Ekonomika se tkopri riformi strutturali li huma ta’ natura settorjali (bħat-trasport, l-enerġija, l-edukazzjoni, l-ambjent, ir-riċerka, l-industrija, il-kompetizzjoni, is-suq intern) u strutturi li l-aktar huma ta’ tħassib għal kompetittività u tkabbir aħjar fil-pajjiżi individwali, inklużi ħtiġijiet ta' investiment fl-infrastruttura. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida ċara u kkonsolidata għall-pajjiżi sabiex jiġi żgurat li dawn il-programmi jkunu mmirati lejn il-kwistjonijiet ewlenin.

    Fir-rigward ta' aktar iffukar fuq ir-riformi strutturali, is-sena 2015 għandha titqies bħala fażi pilota fl-ewwel sena. Ir-riformi indirizzati f’dawn id-dokumenti se jkunu sostnuti mill-għajnuna tal-IPA. Sabiex tissaħħaħ is-sorveljanza, il-proċess ta’ evalwazzjoni se jirriżulta f’aktar gwida politika mmirata għal kull pajjiż. Diġà f’Mejju 2014, il-Kunsill Konġjunt tal-ECOFIN ħareġ gwida aktar immirata għal kull wieħed mill-Pajjiżi Kandidati.

    It-Turkija u l-UE jikkondividu interessi komuni fil-promozzjoni ta’ aġenda ta’ riforma ekonomika, u l-iskambju ta’ esperjenza, l-allinjament ta’ pożizzjonijiet fil-G20 u l-approfondiment tal-integrazzjoni ekonomika. Barra minn hekk, il-valutazzjoni riċenti tal-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija tistipula elementi importanti għat-titjib ta’ dan il-ftehim kummerċjali. Huwa fl-interess taż-żewġ Partijiet li jsaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom għal livell kumparabbli ma' ftehimiet kummerċjali moderni u l-importanza strateġika tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija. L-aġenda ekonomika tista' tiġi indirizzata permezz ta’ djalogu ekonomiku regolari ta’ livell għoli bejn l-UE u t-Turkija. Dawn il-kuntatti politiċi intensifikati jistgħu jiġu kkumplimentati minn forum annwali ta’ negozju bejn l-UE u t-Turkija.

    Ċiklu annwali ta’ reviżjoni tal-politika ekonomika u gwida għall-Balkani tal-Punent

    il-31 ta’ Jannar — Preżentazzjoni mill-pajjiżi tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma Ekonomika (il-parti 1 dwar il-qafas makroekonomiku u fiskali u r-riformi ta' sostenn, il-parti 2 dwar ir-riformi strutturali li huma ta’ natura settorjali u l-kompetittività) lill-Kummissjoni. Minħabba n-natura fit-tul tar-riformi fil-parti 2, dan ikun suġġett għal sempliċi aġġornament annwali f’kull PNRE sussegwenti.

    Frar — Missjonijiet ta’ valutazzjoni tal-Kummissjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    April — Laqgħat tal-pajjiżi mal-Kummissjoni biex jiddiskutu Gwida Politika Mmirata

    Mejju — Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ECOFIN

    Ġunju / Lulju — Laqgħat speċifiċi għall-pajjiż f’livell Ministerjali.

    Il-Ħarifa — Pakkett ta’ tkabbir tal-Kummissjoni jieħu kont ta’ aktar progress mill-Kunsill tal-ECOFIN, filwaqt li joffri aktar gwida dettaljata li tħares 'il quddiem li għandha tkun riflessa fil-programmi li għandhom jitressqu f'Jannar ta’ wara

    Hija meħtieġa assistenza teknika dedikata biex tgħin f'li ssostni l-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ. L-implimentazzjoni ta’ gwida politika speċifika għall-pajjiż se jkollha tkun appoġġata b'mod rapidu minn proġetti tal-IPA immirati u konkreti għat-titjib tal-governanza ekonomika. Id-Dokumenti ta’ Strateġija Nazzjonali u Multi-nazzjonali tal-IPA 2014-2020 jirriflettu l-importanza tal-governanza ekonomika u jallokaw fondi indikattivi għal dan l-għan. Qed jitħejjew proġetti tal-IPA konkreti li se jitnedew fl-2015.

    Iż-żieda tal-kompetittività u l-introduzzjoni ta' miżuri li jrawwmu l-ħolqien tal-impjiegi fir-reġjun se jtaffu l-pressjonijiet migratorji mill-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir għal fuq l-UE. Fl-aktar tkabbir riċenti, saru arranġamenti tranżizzjonali biex jiddaħħal bil-mod il-mod il-moviment liberu sħiħ tal-ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda. Il-ħtieġa possibbli u n-natura ta’ miżuri tranżitorji u / jew mekkaniżmu ta’ salvagwardja fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema se jiġu indirizzati matul in-negozjati ta’ adeżjoni dwar it-tkabbir fil-futur, waqt li titqies il-valutazzjoni tal-impatt futura.

    Ø Id-djalogu dwar l-impjiegi u r-riforma soċjali

    L-appoġġ tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fil-Balkani tal-Punent imur lil hinn mill-istabbilizzazzjoni makroekonomika u l-kisba tal-istatus ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Sa mill-bidu tal-kriżi, il-Kummissjoni insistiet li jrid isir aktar sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni soċjoekonomika diffiċli, b'mod partikolari l-qgħad għoli.

    Il-Kummissjoni diġà bdiet djalogu ġdid dwar il-programmi tal-impjiegi u r-riforma soċjali (PIRS) mat-Turkija u s-Serbja. Qed jitħejjew djalogi ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mal-Montenegro. Is-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-bqija tal-pajjiżi hija aktar diffiċli u se jkun meħtieġ sostenn addizzjonali biex tinbena l-kapaċità amministrattiva biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fil-proċess il-ġdid. Dawn il-pajjiżi se jiġu gradwalment mistiedna għad-djalogu l-ġdid. Qed tingħata assistenza teknika komprensiva permezz tal-IPA, flimkien ma’ sostenn usa’ fil-qasam soċjali u tal-impjiegi. Il-Kummissjoni se tniedi pjattaforma soċjali u tal-impjiegi bħala għodda oħra biex tgħin lill-pajjiżi jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jħejju għad-djalogu tal-PIRS.

    F'eżerċizzju separat, bl-għan li jitnaqqas id-distakk fil-ħiliet u li jittejbu s-sistemi edukattivi, il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-pjattaforma tal-Balkani tal-Punent dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ.

    Ø Spinta fl-investimenti għat-tkabbir u l-impjiegi; netwerks u kooperazzjoni reġjonali

    In-netwerks transfruntieri tat-trasport, l-enerġija u l-komunikazzjonijiet huma sottożviluppati fil-Balkani tal-Punent. L-investimenti fl-infrastruttura huma meħtieġa ħafna biex jagħtu spinta lill-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun. Fid-dawl tad-daqs tal-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent, l-integrazzjoni aktar mill-qrib hija ta' importanza ewlenija. Il-kooperazzjoni ekonomika reġjonali mhijiex biss opportunità għat-tkabbir sostenibbli iżda wkoll għall-kooperazzjoni politika u għal relazzjonijiet tajbin tal-viċinat. Għaddejja ħidma taħt l-awspiċi tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR) biex tindirizza l-miri u l-prijoritajiet ta’ SEE2020. Il-liberalizzazzjoni ppjanata tas-servizzi fiż-Żona tal-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (Central European Free Trade Area, CEFTA) tkompli tappoġġa dan l-għan.

    In-netwerks tal-enerġija u t-trasport

    It-titjib tal-interkonnessjoni tat-trasport u l-enerġija bejn l-UE u l-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir huwa prijorità għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi, il-kummerċ u l-iskambji kulturali.

    F’Mejju, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija[3] bl-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE. Fuq il-medda qasira ta’ żmien, l-istrateġija tipproponi li l-Kummissjoni tniedi testijiet tal-istress dwar is-sigurtà tal-enerġija għal simulazzjoni ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-gass għax-xitwa li ġejja u biex jiġi vverifikat kif is-sistema tal-enerġija tista’ timmaniġġa r-riskji fis-sigurtà tal-provvista. Filwaqt li tikkunsidra d-dimensjoni pan-Ewropea ta’ sigurtà tal-enerġija, il-Kummissjoni stiednet lill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent u lit-Turkija biex jikkontribwixxu għall-eżerċizzju tat-testijiet tal-istress. L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo, is-Serbja u t-Turkija kkontribwixxew għal dan l-eżerċizzju. Aktar żvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u kooperazzjoni mal-Komunità tal-Enerġija huma essenzjali. Il-Komunità tal-Enerġija, li għandha l-għan li tespandi l-acquis tal-enerġija tal-UE għal pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir u l-pajjiżi tal-viċinat, għandha tissaħħaħ aktar fid-dawl tat-tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista tal-UE. Dan għandu jinkiseb billi jiġu promossi aktar riformi fis-settur tal-enerġija fil-pajjiżi parteċipanti, filwaqt li jiġu appoġġati wkoll il-modernizzazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tagħhom u l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fil-qafas regolatorju tal-UE dwar l-enerġija.

    Fil-ħidma futura tal-Komunità tal-Enerġija għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni u l-infurzar imtejba ta’ riformi sabiex jinħoloq suq intern ġenwin kemm fil-livell tal-ingrossa kif ukoll tal-imnut, partikolarment rigward id-diżaggregazzjoni tal-utilitajiet, it-trasparenza tal-prezzijiet jew il-garanzija tal-aċċess ta’ partijiet terzi għan-netwerks. Il-ħtieġa għal garanzija ta’ aċċess għal partijiet terzi hija waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ddikjarat li l-Ftehimiet Intergovernattivi, iffirmati bejn ir-Russja u għadd ta’ pajjiżi involuti fil-proġett South Stream, iridu jiġu nnegozjati mill-ġdid u l-kostruzzjoni fuq il-proġett għandha tiġi sospiża.

    Il-kooperazzjoni mat-Turkija minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħha u l-potenzjal tagħha bħala mutur tal-enerġija għandhom jiġu żviluppati aktar. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-enerġija bejn l-UE u t-Turkija, kif ukoll il-progress rilevanti fin-negozjati tal-adeżjoni jkomplu jiffaċilitaw aktar progress lejn l-interkonnessjoni u l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija.

    Il-Kummissjoni adottat lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni (PIK) għall-iżvilupp ta' infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea. Ġiet adottata lista ta' Proġetti ta' interess tal-Komunità tal-Enerġija (PIKE) mill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija. Biex jimplimentaw dawn in-netwerks, il-partijiet (bl-għajnuna tal-UE) jeħtieġ li jegħlbu d-diffikultajiet fil-finanzjament ta’ interkonnessjonijiet bejn il-pajjiżi.

    It-Trattat tal-Komunità dwar it-Trasport li se jsir dalwaqt se jippromwovi l-integrazzjoni tas-swieq u l-infrastruttura tat-trasport bl-art filwaqt li jgħin lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jimplimentaw l-istandards tat-trasport bl-art tal-UE. Il-Kummissjoni rrieżaminat in-Netwerks Trans-Ewropej tal-UE fil-qasam tat-trasport (TEN-T) u l-enerġija (TEN-E) bl-għan li ttejjeb il-konnessjonijiet mal-pajjiżi koperti mill-politiki tat-tkabbir u l-viċinat.

    Il-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent (Western Balkans Investment Framework, WBIF) għandu rwol dejjem aktar importanti f'li jgħin fit-tħejjija u l-appoġġ ta' dawk l-investimenti li huma l-aktar meħtieġa biex jissaħħu t-tkabbir u l-impjiegi. Skont id-WBIF, il-Kummissjoni, id-donaturi bilaterali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali qed jappoġġaw EUR 4 biljun f'investimenti kull sena fit-trasport, l-enerġija, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-appoġġ ta' ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, is-settur soċjali u s-settur privat / l-iżvilupp tal-SMEs, fejn il-Kummissjoni qiegħda tikkofinanzja pjattaforma tal-SMEs tal-Balkani tal-Punent immirata sabiex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs permezz ta' garanziji u kapital tar-riskju. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-pajjiżi biex iwaqqfu kumitati ta’ investiment nazzjonali jew mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni simili li jwasslu għal sensiela ta’ proġetti ta’ settur wieħed.

    L-iżvilupp ta’ sensiela unika ta’ proġetti fis-Serbja:

    Is-Serbja qed tistabbilixxi lista ta’ proġetti infrastrutturali ta’ prijorità ta’ rilevanza nazzjonali u rilevanza strateġika għall-UE fis-setturi tal-enerġija, it-trasport, l-ambjent u l-infrastruttura tan-negozju. Dawn il-prijoritajiet se jikkostitwixxu proġetti approvati fil-livell politiku biex jiġu implimentati sa u wara l-adeżjoni. Il-lista qed tiġi żviluppata b’mod koerenti u oġġettiv, b'metodoloġija ta’ selezzjoni, permezz ta' proġett iffinanzjat mill-IPA. Il-proġetti qegħdin jiġu eżaminati bir-reqqa f’termini ta’ tħejjija tal-passi preparatorji / amministrattivi li baqa’ u responsabbiltajiet istituzzjonali dettaljati attribwiti għall-passi kollha kkonċernati. Ladarba politikament approvati mill-gvern, dawn l-elementi kollha ta' hawn fuq, nieqsa fl-imgħoddi, jistgħu jwasslu għal prijoritizzazzjoni aħjar ta’ finanzjament tal-proġetti kif ukoll għal koordinazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali interessati li jipprovdu l-fondi. L-għan huwa li dawk il-proġetti biss fis-sensiela ta’ proġetti uniċi jiġu ffinanzjati mill-IPA u mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI).

    Ø L-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-investimenti u l-ġestjoni effettiva tar-riskju tad-diżastri

    Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma esposti għal firxa wiesgħa ta’ diżastri. L-għargħar gravi li laqat kemm lill-Bosnja-Ħerzegovina kif ukoll lis-Serbja f’Mejju kkawża mhux biss bosta għexieren ta’ midruba, iżda kellu wkoll impatt soċjo-ekonomiku konsiderevoli. Il-ħsara totali hija stmata li tlaħħaq għal madwar EUR 2,04 biljun fil-Bosnja-Ħerzegovina (l-ekwivalenti ta’ kważi 15 % tal-PDG) u EUR 1,52 biljun fis-Serbja. L-għargħar ukoll kellu impatt sinifikanti fuq il-prospetti ta’ tkabbir taż-żewġ pajjiżi, li affettwa b’mod negattiv l-żvilupp sostenibbli tagħhom fit-tul. L-għargħar issottolinja l-importanza ta’ investimenti sostenibbli fil-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri u l-importanza ta’ integrazzjoni effettiva tal-politika tad-DRM fil-politiki ekonomiċi ġenerali ta' dawn il-pajjiżi.

    c) L-Istat tad-Dritt u d-drittijiet fundamentali

    i)     L-istat tad-dritt

    L-istat tad-dritt huwa valur fundamentali li fuqu hija mibnija l-UE u huwa fil-qalba tal-proċess ta’ adeżjoni. Pajjiżi li jkunu jaspiraw li jidħlu fl-Unjoni jenħtiġilhom jistabbilixxu u jippromwovu minn stadju bikri l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet ta' bażi neċessarji biex jiġi assigurat l-istat tad-dritt. L-istat tad-dritt huwa kruċjali għal ambjent kummerċjali stabbli, waqt li jipprovdi ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi, jappoġġa lill-konsumaturi u jistimola l-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi. Kien hemm xi żviluppi pożittivi matul is-sena li għaddiet f’dan il-qasam fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Il-ftuħ tal-Kapitoli 23 u 24 jipprovdi qafas importanti għall-Montenegro biex jimplimenta l-pjanijiet ta’ azzjoni komprensivi tiegħu li jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt. Is-Serbja tinsab fi stadju ferm avvanzat fl-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni simili fiż-żmien ta’ qabel li jibdew in-negozjati tal-adeżjoni f’dawn il-kapitoli. Fl-Albanija, saru sforzi importanti biex tiġi ttrattata l-kriminalità organizzata.

    It-tisħiħ tal-istat tad-dritt huwa sfida ewlenija għall-maġġoranza tal-pajjiżi fil-proċess tat-tkabbir, b’mod partikolari f’termini ta’ titjib fil-funzjonament u l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Dan se jeħtieġ rieda politika b’saħħitha, li wieħed imur lil hinn mid-dikjarazzjonijiet għal riżultati tanġibbli. Jeħtieġ li l-pajjiżi jibnu rekords kredibbli ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni finali f’każijiet ta’ kriminalità organizzata u ta' korruzzjoni, b’mezzi adegwati ta’ kundanna u l-konfiska tal-assi.

    Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jeħtieġ li jsiru riformi ġudizzjarji ambizzjużi bl-għan li tiġi żgurata sistema ġudizzjarja effiċjenti u indipendenti li kapaċi tiżgura proċessi ġusti, fejn l-imħallfin jinħatru u jiġu promossi fuq il-mertu tagħhom u fejn ikunu imparzjali u responsabbli. L-istrateġiji tar-riforma ġudizzjarja jinsabu fis-seħħ fil-parti l-kbira tal-pajjiżi. Madankollu, l-implimentazzjoni għadha fi stadju bikri u għad fadal għadd kbir ta’ sfidi. L-indipendenza tal-kunsilli ġudizzjarji tal-Istat għandha tiġi żgurata, aktar proċeduri sodi għall-ħatra ta’ mħallfin u prosekuturi għandhom jiġu stabbiliti u l-indipendenza ġudizzjarja jeħtieġ li tkun salvagwardjata filwaqt li tkun żgurata r-responsabbiltà. Il-kwalità u l-effiċjenza tal-ġustizzja hija ta' sikwit nieqsa, b’numru eċċessiv ta’ kawżi pendenti f’bosta pajjiżi u diffikultajiet fl-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qorti. Hemm bżonn ta’ bidla fil-kultura ġudizzjarja li tingħata aktar attenzjoni lit-twassil ta’ servizz liċ-ċittadini.

    Taħriġ tal-uffiċjali ġudizzjarji f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja:

    L-Akkademja tal-Imħallfin u l-Prosekuturi twaqqfet fl-2006 u bdiet topera fl-2007. Hija tipprovdi t-taħriġ qabel is-servizz għal imħallfin u prosekuturi futuri permezz ta’ programm ta' sentejn ta’ taħriġ full-time teoretiku u prattiku, kif ukoll taħriġ intern kontinwu għall-imħallfin, prosekuturi, impjegati tal-qrati u l-uffiċjali pubbliċi matul il-karriera tagħhom. It-taħriġ huwa ġeneralment mogħti minn prattikanti, bħal imħallfin ta’ livell għoli. Tmenin imħallef u prosekutur kandidati diġà ggradwaw mill-programm ta' taħriġ ta' qabel is-servizz u s-sena l-oħra l-Akkademja laħqet aktar minn 7 300 parteċipant b’aktar minn 270 avveniment ta’ taħriġ intern. Sistema deċentralizzata tipprovdi wkoll għal parteċipanti barra mill-belt kapitali, kif jipprovdu wkoll il-moduli ta’ tagħlim elettroniku disponibbli permezz tal-portal tal-internet tal-Akkademja. Qed jiġu wkoll promossi kuntatti ma’ organizzazzjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, anki permezz ta’ apprendistati barra l-pajjiż.

    Il-korruzzjoni tibqa' problema serja fil-maġġoranza tal-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir F’oqsma bħall-akkwist pubbliku u fil-privatizzazzjoni, il-prattiki ta’ korruzzjoni jkomplu jiddevjaw ir-riżorsi skarsi mill-baġits nazzjonali, b’effett negattiv fuq il-klima tan-negozju u tal-investiment, li jeħtieġu ċertezza legali biex jirnexxu. Il-korruzzjoni tolqot ukoll liċ-ċittadini direttament meta jaċċessaw ċerti servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa. Għodod għall-prevenzjoni effettiva tal-korruzzjoni għadhom mhumiex jintużaw biżżejjed. Jeħtieġ li l-infurzar tal-liġi jkun aktar proattiv, kordinat tajjeb u effettiv sabiex jiżgura li l-kawżi ta’ korruzzjoni, inklużi dawk f’livell għoli, jkunu investigati, imħarrka u penalizzati kif xieraq. Rekord sostnut ta’ riżultati sostanzjali f’dan il-qasam se jkun meħtieġ.

    Il-pajjiżi għandhom jiżguraw qafas b’saħħtu għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni, bi bżonn ta’ aktar sforzi rigward il-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali, il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, it-trasparenza fl-użu tal-fondi pubbliċi, l-aċċess għall-informazzjoni u s-sekwestru u l-konfiska tal-assi. Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġestjoni finanzjarja pubblika se tkun kruċjali f’dan ir-rigward. Huwa meħtieġ titjib fil-ġbir tad-dejta u l-aċċessibilità sabiex itejjeb it-trasparenza u jgħin fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki ta’ kontra l-korruzzjoni.

    Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għadha kwistjoni sinifikanti fil-maġġoranza tal-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Qed isir progress, iżda jeħtieġ li jsir ħafna aktar biex il-korpi ta’ infurzar tal-liġi u s-servizzi tal-prosekuzzjoni jkunu pprovduti b'għodda legali u investigattivi effettivi biex jiġġieldu u jippenalizzaw kif xieraq il-kriminalità organizzata u biex ikunu żgurati investigazzjonijiet proattivi. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali fil-konfront tal-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi. Il-korpi tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi tal-prosekuzzjoni u l-ġudikatura għandhom isiru iktar reżistenti għall-korruzzjoni u aktar kontrolli għandhom ikunu fis-seħħ sabiex jiġu individwati l-impriżi apparentement legali li jostru l-attivitajiet kriminali. Il-kapaċità li jitwettqu investigazzjonijiet finanzjarji kumplessi kif ukoll li jiġi ttrattat il-ħasil tal-flus teħtieġ li titjieb b’mod sostanzjali u t-theddid il-ġdid bħaċ-ċiberkriminalità jeħtieġ li jiġi indirizzat. Ir-rikavati mill-kriminalità jridu jiġu kkonfiskati b’mod effettiv, jeħtieġ tiġi introdotta sistema ta’ konfiska estiża ta’ assi u jrid jiġi kkriminalizzat l-arrikkiment illeċitu biex ikun indirizzat il-fenomenu ta’ ġid mhux ġustifikat.

    In-natura transfruntiera ta’ ħafna attivitajiet kriminali u gruppi kriminali organizzati teħtieġ kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali mtejba, b’rispons imtejjeb għat-talbiet tal-Istati Membri għal kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Aktar kooperazzjoni operattiva mal-aġenziji Ewropej rilevanti, b’mod partikolari l-Europol, l-Eurojust u l-Frontex qiegħda wkoll tiġi segwita. Ftehimiet operazzjonali mal-Europol daħlu fis-seħħ mas-Serbja u l-Albanija u dawn jinsabu fi stat avvanzat ta’ preparazzjoni mal-Montenegro. Il-Kummissjoni qed tkompli tappoġġa n-netwerk reġjonali tal-prosekuturi u s-sistemi kkoordinati ta’ protezzjoni tax-xhieda fir-reġjun.

    L-iżvilupp ta’ analiżi strateġika tas-sitwazzjoni tal-kriminalità organizzata fil-Montenegro:

    Kull pajjiż li jrid jiġġieled b’suċċess il-kriminalità organizzata jrid ikollu valutazzjoni strateġika koerenti u ġenerali tal-kriminalità organizzata fit-territorju tiegħu. Dan huwa meħtieġ biex il-partijiet ikkonċernati kollha, anki lil hinn mill-komunità tal-infurzar tal-liġi, jifhmu t-theddid li qed jiffaċċa l-pajjiż u jimmaniġġaw ix-xejriet. Fir-rebbiegħa tal-2014, il-Montenegro ppubblika l-Valutazzjoni tat-Theddida Serja u Organizzata tiegħu, li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn it-theddid ta’ kriminalità fir-reġjun u fil-pajjiż li jaffettwa s-sitwazzjoni ta’ sigurtà tal-Montenegro. L-analiżi issa sservi biex tidentifika prijoritajiet komuni għall-korpi ta’ infurzar tal-liġi biex ikunu jistgħu jippreparaw risponsi xierqa u jimplementaw il-kunċett ta’ "infurzar tal-liġi bl-użu tal-intelligence".

    Il-Kummissjoni tkompli tagħti prijorità għolja lill-aspetti kollha tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Fin-negozjati tal-adeżjoni, qed jiġi implementat approċċ ġdid fil-kapitoli li jkopru l-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Dan jeħtieġ rekords sodi tal-implimentazzjoni ta’ riformi li għandhom jiġu żviluppati matul il-proċess ta’ tħejjija għall-adeżjoni. L-UE stabbilixxiet punti ta’ riferiment interim fin-negozjati tal-adeżjoni għall-ewwel darba, mal-Montenegro f’Diċembru 2013. Is-Serbja ngħatat gwida sostanzjali għal pjanijiet ta’ azzjoni komprensivi li qed tħejji bħala bażi għall-ftuħ ta’ negozjati fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt. Din il-gwida u l-parametri referenzjarji se jservu ta’ sfond għal negozjati futuri u jitħaddmu ma’ pajjiżi oħra involuti fil-proċess tat-tkabbir. Il-kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt issa qed jiġu indirizzati fi stadju bikri tal-proċess ta’ adeżjoni mal-pajjiżi kollha involuti fil-proċess tat-tkabbir, u l-progress f’dan il-qasam huwa element importanti meta tittieħed deċiżjoni f'kull stadju tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE.

    L-approċċ il-ġdid għall-Kapitoli 23 / 24 fil-qosor

    L-approċċ il-ġdid fil-kapitolu tan-negozjati 23 “Il-Ġudikatura u d-drittijiet fundamentali” u l-Kapitolu 24 “Ġustizzja, Libertà u Sigurtà”, jipprovdi qafas aktar strutturat għan-negozjati, li jikkunsidra ż-żmien meħtieġ biex ir-riformi jiġu implimentati kif suppost:

    ►     Il-Kapitoli 23 / 24 jridu jinfetħu kmieni fil-proċess u jingħalqu fl-aħħar biex b’hekk jippermettu massimu ta’ żmien għall-iżvilupp ta' rekords tajbin bl-għan ta’ irriversibbiltà fir-rigward tar-riformi.

    ►     ►L-UE tipprovdi gwida sostanzjali bħala bażi għal riforma komprensiva ta’ pjanijiet ta’ azzjoni, li huma meħtieġa bħala parametri referenzjarji ta’ ftuħ u jservu ta’ katalizzatur għar-riformi.

    ►     L-introduzzjoni ta’ "parametri referenzjarji interim" biex ikomplu jiggwidaw il-proċess ta’ riforma u biex jinżamm il-pass ta' dawn ir-riformi.

    ►     Parametri referenzjarji ta’ għeluq huma definiti darba waħda biss ladarba jkun sar progress sostanzjali fl-oqsma kollha, inkluż fir-rekords ta’ implimentazzjoni fuq l-art.

    ►     Salvagwardji u miżuri korrettivi, pereżempju l-aġġornar tal-parametri referenzjarji u sabiex ikun żgurat bilanċ ġenerali fil-progress tan-negozjati tul il-kapitoli kollha, mekkaniżmu li jwaqqaf in-negozjati fil-kapitoli l-oħra jekk ma jkunx sar progress fir-rigward ta' Kapitoli 23 / 24.

    ►     Aktar trasparenza u inklużività tal-proċess, b’konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati dwar ir-riformi mistennija, biex jiġi żġurat appoġġ massimu għall-implementazzjoni tagħhom.

    B’mod aktar wiesa’, il-Kummissjoni qed tuża l-istrumenti disponibbli kollha biex issaħħaħ l-istat tad-dritt, inkluż permezz ta’ monitoraġġ regolari, b’mod partikolari permezz ta’ korpi konġunti skont il-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, missjonijiet ta’ valutazzjoni u djalogi strutturati; permezz tar-rappurtar tagħha, speċjalment ir-rapporti ta’ progress; permezz ta’ assistenza finanzjarja, b'attenzjoni speċjali fuq l-istat tad-dritt taħt l-IPA II; permezz tal-bini ta' istituzzjonijiet, Taiex, il-ġemellaġġ, li jġibu lill-imħallfin, lill-prosekuturi u esperti oħra tal-infurzar tal-liġi, tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni mill-Istati Membri f'kuntatt dirett mal-kontroparti tagħom. Twaqqaf grupp ta’ ħidma dwar il-Kapitolu 23 skont l-aġenda pożittiva mat-Turkija. Sabiex tiġi indirizzata aħjar il-kriminalità transnazzjonali, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ kooperazzjoni intensifikata ġudizzjarja u tal-pulizija fir-reġjun, mal-Istati Membri tal-UE kif ukoll mal-Europol u mal-Frontex u dejjem aktar ukoll mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil. Sabiex jiġu żviluppati miżuri adegwati biex jindirizzaw il-fenomenu tal-ġellieda barranin, il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir jeħtieġu jżidu l-kapaċità tagħhom biex jipprevjenu r-radikalizzazzjoni, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prassi, u b’aktar kooperazzjoni mal-Istati Membri. Il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża, flimkien mal-kundizzjonijiet speċifiċi tiegħu għar-riforma, għen lill-pajjiżi biex jiffukaw aħjar fuq l-isforzi tagħhom. Il-pajjiżi jeħtieġu jżidu l-isforzi tagħhom biex jikkonsolidaw dawn ir-riformi. Il-pajjiżi eżenti mill-viża jeħtieġ li jieħdu azzjonijiet immedjati biex jindirizzaw kull abbuż tar-reġim liberalizzat tal-viżi. Huma meħtieġa sforzi konsolidati fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri. Il-kwistjonijiet pendenti f'dawn l-oqsma se jkomplu jiġu indirizzati fil-fora xierqa, bħal fil-qafas tal-FSA, u inkluż fil-Kapitolu 24 dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà.

    ii)   Drittijiet fundamentali

    Il-Kummissjoni qed timmonitorja bir-reqqa s-sitwazzjoni rigward id-drittijiet ċivili, politiċi, soċjali u ekonomiċi, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Id-drittijiet fundamentali huma fil-biċċa l-kbira minquxin fil-liġi, iżda jeħtieġ li jsir aktar biex jiġi żgurat li jkunu rispettati għalkollox fil-prattika. Il-libertà tal-espressjoni u tal-midja tibqa' ta’ tħassib partikolari. Hemm bżonn li jkunu protetti aħjar id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi u li tiġi ttrattata d-diskriminazzjoni u l-ostilità lejn gruppi vulnerabbli, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali. Huwa meħtieġ li ssir aktar ħidma wkoll biex id-drittijiet tan-nisa jiġu promossi, u li tiġi ttrattata l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Hemm bżonn ta’ titjib fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal, jinħtieġu aktar sforzi biex jappoġġaw lill-persuni b’diżabilità. Għad fadal xi sfidi fir-rigward ta’ drittijiet fundamentali oħra bħad-dritt għall-proprjetà. Ta’ spiss, jenħtieġu aktar miżuri effettivi biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja.

    Il-pajjiżi jridu jistabbilixxu qafas istituzzjonali aktar b’saħħtu għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-Ombudsmen, huma stabbiliti iżda jeħtieġ li jingħataw rwol aktar b’saħħtu, li jirrifletti s-serjetà tal-kwistjonijiet involuti. Rakkomandazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet bħal dawn ta’ spiss jiġu injorati, b’segwitu inadegwat mill-korpi statali. Jeħtieġ li titrawwem kultura ta’ aċċettazzjoni tal-ħidma ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Sabiex il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir jiġu integrati aħjar fl-oqfsa tal-UE u biex jiġi appoġġat it-tixrid tal-aħjar prattika, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-qawwa lill-pajjiżi kandidati biex ikomplu l-preparazzjonijiet tagħhom immirati lejn il-parteċipazzjoni bħala osservaturi fil-ħidma tal-Aġenzija dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    Il-garanzija tad-drittijiet fundamentali mill-Qorti Kostituzzjonali fit-Turkija:

    Mill-2011, kull individwu li jsostni li xi wieħed mid-drittijiet fundamentali jew mil-libertajiet tiegħu jew tagħha ggarantiti mill-Kostituzzjoni nkiser mill-awtoritajiet pubbliċi, jista' japplika lill-Qorti Kostituzzjonali, fil-prinċipju wara l-eżawriment tar-rimedji legali ordinarji. Huwa fuq il-bażi ta’ din il-proċedura li l-Qorti Kostituzzjonali Torka, fl-2014, ħadet deċiżjonijiet li

    •      jipproteġu l-libertà ta’ espressjoni u tal-internet.

    •      jissalvagwardjaw id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, kif ukoll id-dritt għal proċess ġust u l-ftuħ tat-triq għal proċessi mill-ġdid f’għadd ta’ kawżi ta’ profil għoli li ppolarizzaw it-Turkija.

    •      jirrikonoxxu diskors ta’ mibegħda fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali bħala reat kriminali.

    Ø Il-libertà tal-espressjoni u l-midja

    Il-qafas legali għal-libertà tal-espressjoni u tal-midja huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu fis-seħħ fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir, b’ġeneralment xeni medjatiċi li huma pluralistiċi. Madankollu, is-sitwazzjoni rigward il-libertà tal-espressjoni u tal-midja fil-prattika marret għall-agħar f’xi pajjiżi matul l-aħħar sena. Ħafna sfidi importanti jeħtieġ li jiġu indirizzati b’urġenza, l-indħil tal-Gvern fil-libertà tal-midja għadu ta’ tħassib serju. Huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-indipendenza politika u finanzjarja tax-xandara tas-servizz pubbliku, biex jissaħħu l-aġenziji regolatorji u biex titrawwem awtoregolamentazzjoni medjatika li tiffunzjona. Jeħtieġ ukoll li tiġi indirizzata l-pressjoni ekonomika informali fuq il-midja, inkluż permezz tat-trasparenza tas-sjieda tal-midja, fejn tiġi evitata l-konċentrazzjoni żejda tagħha u regoli trasparenti dwar l-akkwist tar-riklamar tal-gvern. F’xi pajjiżi, teżisti klima ta’ biża’ u ta' ċensura bil-kontinwazzjoni tal-vjolenza u l-intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti, b'suċċess ftit li xejn mill-awtoritajiet biex jidentifikaw u jissanzjonaw adegwatament l-awturi. Xi drabi l-gvernijiet stess jikkontribwixxu għal atmosfera li tistigmatizza bħala tradituri lil ċerti ġurnalisti li jikkritikaw il-politika tal-gvern, li twassal għal awtoċensura. Għalkemm il-malafama saret depenalizzata, il-prosekuzzjoni tal-ġurnalisti tkompli. Hemm il-ħtieġa li l-ġudikatura tiġi żviluppata u mħarrġa sabiex jiġi evitat l-abbuż tal-poter tal-istat.

    Il-Kummissjoni tkompli tipprijoritizza l-ħidma dwar il-libertà tal-espressjoni u l-midja fil-proċess ta’ adeżjoni mal-UE. Il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li fl-2015 torganizza, flimkien mal-Parlament Ewropew, it-tielet edizzjoni tal-konferenza Speak-Up!, li tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-midja, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet nazzjonali. Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tagħti għall-ewwel darba premju għall-ġurnaliżmu investigattiv.

    Ø Il-protezzjoni tal-minoranzi, inklużi r-Roma

    Kollox ma’ kollox, hemm fis-seħħ oqfsa legali sodi u elaborati biex jipprovdu għall-protezzjoni tal-minoranzi. L-implimentazzjoni fil-prattika hija madankollu ta' spiss ikkumplikata, b’mod partikolari fejn jeżistu rabtiet ma’ kunflitti reċenti. Jeħtieġ li jsir aktar biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ impenji legali u jiġu indirizzati aħjar id-diffikultajiet li jiffaċċaw il-minoranzi etniċi. Kwistjonijiet bħall-użu tal-lingwi tal-minoranzi, l-aċċess għall-edukazzjoni, u r-rappreżentanza politika ta' spiss jeħtieġu aktar attenzjoni. Jeħtieġ li titħeġġeġ kultura ġenerali ta’ aċċettazzjoni tal-minoranzi u li tiġi kkonfrontata l-ostilità soċjali, permezz tal-edukazzjoni, dibattiti pubbliċi wiesgħa u s-sensibilizzazzjoni. Hemm bżonn ta’ approċċ proattiv, ta’ tolleranza żero għall-każijiet ta’ diskors ta’ mibegħda bbażat fuq l-etniċità, d-diskriminazzjoni, il-vjolenza u l-intimidazzjoni. Huwa importanti li jiġi kkonsolidat qafas koerenti dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija f'oqsma bħall-midja awdjoviżiva, l-isport, il-politika, l-edukazzjoni u l-internet.

    Madwar il-Balkani tal-Punent u t-Turkija, is-sitwazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-komunitajiet Rom hija kwistjoni ta' tħassib serju. Ir-Rom huma sikwit vittmi ta' razziżmu, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali u jgħixu f'faqar kbir, u huma nieqsa minn aċċess suffiċjenti għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-akkomodazzjoni u l-impjiegi. In-nuqqas ta’ dokumentazzjoni ċivili huwa wkoll ta’ tħassib. Il-Kummissjoni organizzat Samit ta’ livell għoli dwar ir-Rom f’April 2014 biex tiġbed l-attenzjoni lejn l-isfidi li jiffaċċaw ir-Rom madwar l-Ewropa, inkluż fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Dan is-Samit enfasizza r-rwol partikolari tal-awtoritajiet lokali li jiżguraw l-inklużjoni soċjali tar-Rom. Fl-2014, il-Kummissjoni stabbilixxiet premju għall-inklużjoni tar-Rom biex tkun rikonoxxuta l-kontribuzzjoni ta’ siwi kbir tal-NGOs għall-integrazzjoni tar-Rom.

    Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib ma’ kull wieħed mill-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir biex jiġu żgurati implimentazzjoni adegwata, segwitu u monitoraġġ tal-istrateġiji nazzjonali tar-Rom. L-appoġġ finanzjarju permezz tal-IPA qiegħed ukoll jissaħħaħ u huwa mmirat aħjar biex jappoġġa l-progress sostenibbli fil-ħames oqsma ta’ prijorità tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u d-dokumentazzjoni ċivili. Il-Kummissjoni biħsiebha ssaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u donaturi oħrajn. L-inklużjoni tar-Rom għandha ssir prijorità nazzjonali appoġġata minn rieda politika qawwija fil-livelli kollha, bil-partijiet ikkonċernati kollha jġorru r-responsabbiltà tagħhom.

    Appoġġ għall-edukazzjoni fis-snin bikrin — Assistenti Rom tal-għalliema fis-Serbja:

    Sabiex tiżdied ir-reġistrazzjoni tat-tfal Rom fis-sistema edukattiva u tiġi promossa t-tlestija taċ-ċiklu tal-iskola primarja, jeżistni netwerk ta’ aktar minn 170 assistent pedagoġiku li ilu fis-seħħ mill-2008. L-assistenti jipprovdu appoġġ lill-istudenti minn gruppi vulnerabbli, li ħafna minnhom huma Rom, jorganizzaw lezzjonijiet u jżommu kuntatt mal-ġenituri. Din l-inizjattiva, li issa hija stabbilita fis-sistema ta’ edukazzjoni Serba, wasslet għal żieda sinifikanti fir-rati ta’ reġistrazzjoni għall-gradi iktar baxxi kif ukoll għall-programmi ta' qabel l-iskola.

    Ø L-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sess

    L-omofobija, id-diskriminazzjoni u r-reati ta' mibegħda inklużi l-vjolenza u l-intimidazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru għadhom fenomeni mifruxa ħafna fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija. Hemm ħtieġa urġenti li l-leġiżlazzjoni ta' kontra d-diskriminazzjoni tiġi estiża sabiex tinkludi l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha fit-Turkija u f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Il-leġiżlazzjoni tal-kriminalità marbuta mal-mibegħda għad trid tiġi introdotta f’dawn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll fil-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo. It-taħriġ ta' dawk li jinfurzaw il-liġi, l-istituzzjonijiet tal-ombudsman, l-imħallfin u l-professjonisti tal-midja huwa meħtieġ sabiex tiżdied il-kuxjenza dwar leġiżlazzjoni ġdida, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni kif suppost u sabiex ikun hemm kontribut għal fehim aħjar.

    Approċċ ta’ tolleranza żero fir-rigward ta' diskors ta’ mibegħda, vjolenza u intimidazzjoni huwa meħtieġ kif inhi meħtieġa wkoll tmexxija b'saħħitha mill-awtoritajiet biex iġġib magħha bidla fl-attitudnijiet tas-soċjetà ta' sikwit ostili lejn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI). Jeħtieġ li l-pajjiżi jieħdu miżuri sabiex jiġġieldu kontra l-isterjotipi u l-miżinformazzjoni, inkluż fis-sistema edukattiva. Il-valuri reliġjużi jew kulturali ma jistgħux jiġu invokati biex tiġi ġġustifikata xi forma ta' diskriminazzjoni. Il-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni għandha tkun protetta, inkluż permezz ta’ trattament xieraq ta’ parati tal-Pride.

    Il-Kummissjoni se torganizza konferenza ta’ livell għoli fi tmiem il-ħarifa flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Presidenza Taljana tal-Kunsill li tieħu kont tas-sitwazzjoni attwali u tal-progress miksub fil-kwistjonijiet LGBTI u li taqsam l-aħjar prattika.

    It-titjib tar-reazzjoni tal-pulizija għall-vjolenza kontra persuni LGBTI fil-Bożnja-Ħerzegovina:

    Inċidenti ta’ theddid u vjolenza kontra persuni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom tipikament naqsu milli jiġu rrapportati fir-reġjun kollu. Dan huwa parzjalment minħabba indifferenza u anki ostilità min-naħa tal-pulizija u s-soċjetà inġenerali u minħabba nuqqas ta’ fiduċja fir-rispons tal-awtoritajiet. Il-pulizija f’Sarajevo ħatru uffiċjali ta’ kollegament mħarrġa apposta għat-trattament ta’ każijiet ta’ theddid u attakki omofobiċi. Din l-inizjattiva hija r-riżultat ta’ kooperazzjoni tajba bejn il-pulizija u l-NGOs, u qajmet sensibilizzazzjoni fil-pulizija għall-ħtieġa li dan il-fenomenu jiġi indirizzat b’mod iktar serju u li wieħed jirreaġixxi b’mod adatt għall-każijiet kollha ta’ reati ta’ mibegħda.

    Ø Id-drittijiet tan-nisa

    Jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu appoġġati d-drittijiet tan-nisa u biex tkun żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi. Id-diskriminazzjoni fl-impjieg, kif ukoll ir-rati baxxi ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol jeħtieġ li jiġu indirizzati. Rwoli tradizzjonali tas-sessi jippersistu, f’xi każijiet sal-punt li dawn jillimitaw b’mod serju l-kapaċità tan-nisa li jasserixxu d-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari fit-Turkija. Fil-Kosovo, ostakoli serji jipprevjenu lin-nisa milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirtu l-art. Ħafna mill-pajjiżi tar-reġjun irratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li daħlet fis-seħħ din is-sena. L-implimentazzjoni hija fundamentali, billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-provdiment ta' appoġġ lill-vittmi jibqgħu sfida fil-pajjiżi kollha. Fit-Turkina, il-vjolenza domestika, il-vjolenza bbażata fuq l-unur, u l-kwistjoni ta' żwiġijiet bikrin u sfurzati għadhom sors ta' tħassib serju. Il-Konvenzjoni tistabbilixxi sensiela ta’ reati kkaratterizzati bħala vjolenza kontra n-nisa li jeħtieġ li jiġu kkriminalizzati. Dawn jinkludu vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali, inkluż l-istupru, iż-żwieġ furzat, u l-insegwiment malizzjuż.

    Programm komprensiv ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-Montenegro:

    Żviluppi politiki u leġiżlattivi f’dawn l-aħħar ftit snin ħolqu motiv ġdid biex jindirizza l-aċċess tan-nisa għad-drittijiet tal-bniedem u l-opportunità tagħhom li jikkontribwixxu għall-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali. Biex jiżgura li l-liġijiet u l-politiki huma implimentati, il-Montenegro nieda programm komprensiv bejn is-sessi biex tittejjeb l-integrità personali tan-nisa, l-avvanz ekonomiku u r-rappreżentanza politika. Dan wassal għall-ħolqien ta’ timijiet multidixxiplinari biex jikkumbattu l-vjolenza kontra n-nisa u kkontribwixxa biex iżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-Parlament.

    Ø Id-drittijiet tat-tfal

    Jeħtieġ li jsir aktar sabiex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal, speċjalment biex tkun żgurata l-protezzjoni minn kull forma ta’ vjolenza, biex jitjieb l-aċċess għal ġustizzja u s-sistemi ta’ ġustizzja għall-minorenni u biex jiġu promossi alternattivi komunitarji u bbażati fuq il-familja għall-istituzzjonalizzazzjoni ta’ tfal mingħajr il-kura tal-ġenituri (“deistituzzjonalizzazzjoni”). Ħafna mill-pajjiżi tar-reġjun issa stabbilixxew oqfsa legali u pjanijiet ta’ azzjoni, iżda l-implimentazzjoni għadha lura.

    III. Il-kwistjonijiet reġjonali u bilaterali u l-ħruġ mid-dell tal-passat

    Ir-relazzjonijiet ta' viċinat tajba u l-kooperazzjoni reġjonali huma elementi essenzjali tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Relazzjonijiet tal-viċinat tajbin ġew imsaħħa permezz ta’ kooperazzjoni intensifikata u kuntatti fil-livell bilaterali, anki f’oqsma sensittivi bħad-delitti tal-gwerra, ir-ripatrijazzjoni tar-rifuġjati, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-programm reġjonali għad-djar skont il-proċess ta’ Sarajevo[4], bil-bini ta’ djar li għaddej bħalissa, u fil-kriminalità organizzata u l-kooperazzjoni tal-pulizija. Il-progress li sar jeħtieġ li jiġi kkonsolidat. L-għargħar li laqat b’mod qawwi l-Bosnja-Ħerzegovina u s-Serbja f’Mejju wassal mhux biss għal reazzjoni b’saħħitha mill-UE li enfasizzat is-solidarjetà tal-UE u l-benefiċċji ta' integrazzjoni aħjar, iżda wassal ukoll għal kooperazzjoni tajba bejn dawn iż-żewġ pajjiżi u madwar ir-reġjun. Intweriet solidarjetà kbira lil hinn mil-linji nazzjonali u etniċi, speċjalment — iżda mhux biss — fil-livell bażiku lokali. Il-mexxejja politiċi għandhom jaħtfu l-opportunità li jibnu fuq din ir-rieda tajba li tiffoka fuq aktar kooperazzjoni fi sfidi komuni fil-perkors tagħhom lejn l-UE.

    Huwa meħtieġ sforz imġedded biex jingħelbu t-tilwimiet bilaterali fost il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir u mal-Istati Membri eżistenti. Ħafna kwistjonijiet mhux solvuti, għadhom itaqqlu r-relazzjonijiet bilaterali fir-reġjun, speċjalment dawk ġejjin mill-qsim ta' dik li kienet il-Jugoslavja, bħal kwistjonijiet interetniċi u dwar l-istatus, is-sitwazzjoni tal-minoritajiet, ir-responsabilità għad-delitti tal-gwerra, persuni nieqsa u d-demarkazzjoni tal-fruntieri. Fehmiet fundamentalment opposti fl-istorja reċenti wkoll itaqqlu r-relazzjonijiet. Il-passi inizjali li jappoġġaw l-inizjattiva RECOM għall-verità u r-rikonċiljazzjoni għandhom ikunu segwiti. Ir-rikonċiljazzjoni hija essenzjali biex tipromwovi l-istabbiltà u tappoġġa l-ħolqien ta' ambjent fl-Ewropa tax-Xlokk li jkun jgħin biex jingħeleb id-dell tal-passat, u b'hekk jitnaqqas ir-riskju li kwistjonijiet bilaterali miftuħa jiġu strumentalizzati politikament.

    Il-kwistjonijiet bilaterali jridu jiġu indirizzati mill-partijiet ikkonċernati kmieni kemm jista' jkun u ma għandhomx idewmu l-proċess tal-adeżjoni, li għandu jkun stabbilit fuq il-kondizzjonalità. Il-Kummissjoni qiegħda tħeġġeġ lill-partijiet biex jagħmlu kull sforz biex isolvu t-tilwim pendenti skont il-prinċipji u l-mezzi stabbiliti, inkluż billi jirreferu l-kwistjonijiet kif xieraq lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja jew lil korpi oħra eżistenti jew ad hoc tar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Il-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni jista' jiġġenera impetu politiku għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Il-proċess tan-normalizzazzjoni bejn is-Serbja u l-Kosovo jeħtieġ li jkompli u l-Ftehim ta’ Brussell[5] jiġi implimentat. L-UE integrat il-ħtieġa għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ġewwa l-qafas ta’ negozjar mas-Serbja u l-FSA mal-Kosovo. Fir-rigward ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, iż-żamma ta' relazzjonijiet tajba tal-viċinat tibqa' essenzjali, inkluża soluzzjoni negozjata u aċċettabbli għaż-żewġ naħat għall-istess kwistjoni, taħt il-patroċinju tan-NU, li teħtieġ li tinstab mingħajr aktar dewmien. Il-Kummissjoni se tkompli toffri appoġġ politiku u faċilitazzjoni lill-pajjiżi kollha kkonċernati sabiex isibu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet bilaterali malajr kemm jista' jkun u se tkompli tappoġġa attivament l-isforzi f'fora oħra sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet.

    Relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat jibqgħu jiġu rinfurzati permezz ta’ diversi inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali. Il-Kummissjoni tappoġġa b'mod sħiħ il-ħidma tal-Proċess ta' Kooperazzjoni tax-Xlokk tal-Ewropa (South-East European Cooperation Process, SEECP) u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali, inkluża l-istrateġija Reġjonali 2020. Il-Kummissjoni tilqa’ l-istabbiliment tal-Assemblea Parlamentari Reġjonali tal-SEECP f’Mejju kif ukoll it-tnedija dan l-aħħar tal-kooperazzjoni msaħħa tas-Sitt Balkani tal-Punent bil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Din l-inizjattiva kellha kuntatti importanti dan l-aħħar bejn il-ministri tal-affarijiet barranin u tal-finanzi mir-reġjun biex jiddiskutu sfidi komuni, b’mod partikolari fil-qasam tal-governanza ekonomika. Il-kooperazzjoni kompliet f’fora reġjonali oħra bħaż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (Central European Free Trade Area, CEFTA), il-Komunità tal-Enerġija u l-Iskola Reġjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika. Huwa importanti li dawn l-inizjattivi jkunu kumplimentari, inklużivi u b’appartenenza reġjonali u misjuqa. Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon is-Samit ta’ Berlin f’Awwissu, li wera appoġġ politiku b’saħħtu għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Samits oħrajn annwali huma previsti, mal-Awstrija bħala l-ospitanti li jmiss. Il- “proċess ta’ Berlin” jista’ jkun strumentali biex jiġu mħeġġa r-riformi u jkun hemm qbil dwar prijoritajiet realistiċi għall-investimenti ewlenin ta' konnettività. Jista’ jservi wkoll bħal xprun biex jgħin isolvi l-kwistjonijiet bilaterali pendenti. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa s-segwitu ta’ din l-inizjattiva.

    ***

    IV. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    Abbażi tal-analiżi ta' hawn fuq u l-evalwazzjonijiet tal-pajjiżi fl-anness, il-Kummissjoni tippreżenta l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

    I

    1. Matul l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni saħħet il-kredibbiltà tal-politika tat-tkabbir u tejbet is-setgħa trasformattiva tagħha billi żgurat fowkus aktar qawwi fuq l-indirizzar ta’ riformi fundamentali minn kmieni fil-proċess tat-tkabbir. Il-Kummissjoni poġġiet enfasi partikolari fuq it-tliet pilastri ta’ i) l-istat tad-dritt, ii) il-governanza ekonomika u iii) ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika.

    2. Fl-2012 il-Kummissjoni introduċiet approċċ ġdid lejn l-istat tad-dritt. Fl-2013, il-Kummissjoni stabbilixxiet qafas għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika, abbażi tal-esperjenza tas-Semestru Ewropew. Din is-sena, il-Kummissjoni tippreżenta ideat ġodda biex tappoġġa r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. It-tliet pilastri tal-proċess ta’ tkabbir imsaħħaħ mill-ġdid huma interkonnessi u l-progress f’dawn l-oqsma se jkun tal-akbar importanza biex jiġi ddeterminat meta l-pajjiżi se jkunu kompletament lesti biex jissieħbu fl-UE.

    3. Il-politika ta’ tkabbir tal-UE tkompli tikkontribwixxi għal benefiċċji reċiproċi ta’ paċi, sigurtà u prosperità fl-Ewropa. Hija tirrinforza l-qawwa politika u ekonomika tal-UE u għandha effett trasformattiv b’saħħtu fuq il-pajjiżi kkonċernati. Proċess ta’ adeżjoni mħejji tajjeb jiżgura li t-tkabbir ma jkunx akkost tal-effettività tal-Unjoni.

    4. L-għaxar anniversarju f’Mejju tal-adeżjoni storika ta’ 10 Stati Membri fl-2004 huwa tfakkira tal-progress miksub. Hekk kif l-UE qed tespandi hekk ukoll l-opportunitajiet għall-kumpaniji, l-investituri, il-konsumaturi, t-turisti, l-istudenti u s-sidien ta’ proprjetà tagħna. Mill-adeżjoni bbenefikaw kemm dawk il-pajjiżi li ssieħbu fl-UE kif ukoll l-Istati Membri stabbiliti. Żdiedu l-kummerċ u l-investiment. Il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE tjiebet hekk kif l-ambjent u l-istandards tal-konsumaturi u standards oħra japplikaw b’mod aktar wiesa’.

    5. Għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-perspettiva ċara ta’ sħubija mal-UE mogħtija mill-Istati Membri tal-UE hija fattur ċentrali ta’ stabbilizzazzjoni. Hija tappoġġa l-progress lejn is-sodisfar tal-kundizzjonijiet meħtieġa, inklużi dawk tal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Ir-relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali inklużiva huma essenzjali. Sforzi kontinwi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bilaterali u jegħlbu l-wirt tal-passat huma kruċjali fid-dawl tal-istorja ta’ dan ir-reġjun li sa ftit ilu kien imkisser mill-kunflitt.

    6. It-tkabbir sar strument b’saħħtu tal-politika esterna tal-Unjoni. L-iżviluppi fil-viċinat tal-UE jenfasizzaw l-importanza tal-politika tat-tkabbir bħala għodda li tkompli tapprofondixxi l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet prinċipali tal-politika estera. Id-djalogu ta’ politika barranija bilaterali għandu jissaħħaħ ma’ kull wieħed mill-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Kapitolu 31: Il-Politika tas-Sigurtà Barranija u tad-Difiża għandha tiġi indirizzata minn kmieni mal-pajjiżi ta’ negozjar. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir li gradwalment qed jallinjaw mal-pożizzjonijiet ta’ politika barranija tal-UE. Hija tissottolinja wkoll l-importanza tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, inkluża, pereżempju, il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea.

    7. Il-proċess ta’ adeżjoni huwa rigoruż, mibni fuq kundizzjonalità stretta iżda ġusta, kriterji stabbiliti u l-prinċipju ta’ merti proprji. Dan huwa kruċjali għall-kredibilità tal-politika tat-tkabbir biex jiġu pprovduti inċentivi għall-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir ħalli dawn iwettqu riformi estensivi u biex jiguraw l-appoġġ taċ-ċittadini tal-UE. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri, flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, għandhom imexxu dibattitu infurmat dwar l-impatt politiku, ekonomiku u soċjali tal-politika tat-tkabbir.

    8. F’dak li jirrigwarda l-ewwel pilastru, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt huwa ċentrali fil-proċess ta’ adeżjoni msaħħaħ mill-ġdid. Jinħtieġ li tiġi segwita r-riforma ġudizzjarja b’ħerqa biex tiżgura li jkun hemm ġudikatura indipendenti u imparzjali li twassal il-ġustizzja b’mod effettiv. Il-pajjiżi jridu jibnu rekords kredibbli ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni fil-każijiet ta’ kriminalità organizzata u ta' korruzzjoni. Is-sentenzi għandhom ikunu dissważivi, u l-assi akkwistati permezz ta’ mezzi kriminali għandhom jiġu kkonfiskati. L-istat tad-dritt jappoġġa l-ambjent tan-negozju u l-investiment, li jipprovdi ċertezza legali u jikkontribwixxi għall-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir.

    9. Il-Kummissjoni tkompli timplimenta l-istrateġija l-ġdida għall-istat tad-dritt approvata mill-Kunsill f’Diċembru 2011. It-trattament minn kmieni tal-istat tad-dritt fil-proċess ta’ adeżjoni jimmassimizza l-ħin li l-pajjiżi jkollhom biex jiviluppaw rekords solidi ta’ implimentazzjoni tar-riforma. Dan jgħin jiżgura li r-riformi jkollhom għeruq fondi u irriversibbli. F’konformità mal-approċċ il-ġdid, il-Kummissjoni hija determinata li tiżgura bilanċ ġenerali fin-negozjati. Il-progress fil-Kapitolu 23: il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u l-Kapitolu 24: il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà jrid ikun parallel mal-progress fin-negozjati b'mod ġenerali. Il-Kummissjoni tfakkar l-eżistenza tal-klawżola ta' “bilanċ globali” tal-oqfsa ta’ negozjar u l-possibilità li twaqqaf in-negozjati fir-rigward ta' kapitoli oħrajn jekk il-progress fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istat ta’ dritt jibqgħu lura.

    10. Id-drittijiet fundamentali huma fil-biċċa l-kbira mnaqqxa fil-qafas legali tal-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir iżda jeħtieġ li jsir aktar biex ikun żgurat li dawn jiġu rispettati bis-sħiħ fil-prattika. Il-libertà tal-espressjoni u tal-midja għadha ta’ tħassib partikolari. Hemm bżonn li jkunu protetti aħjar id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi. Id-diskriminazzjoni u l-ostilità fil-konfront ta' gruppi vulnerabbli, inkluż fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali, jibqgħu ta' tħassib serju. Huwa meħtieġ aktar xogħol biex jiġu promossi d-drittijiet tan-nisa, inkluż it-trattament tal-vjolenza domestika, u tat-tfal u tal-persuni b’diżabbiltà. Hemm il-ħtieġa li l-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir jiġu integrati aħjar fl-oqfsa tal-UE u jappoġġaw it-tixrid tal-aħjar prattika. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-qawwa lill-pajjiżi kandidati biex ikomplu t-tħejjijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom bħala osservaturi fil-ħidma tal-Aġenzija dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    11. Fir-rigward tat-tieni pilastru, it-tisħiħ tal-governanza ekonomika u l-kompetittività fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir huwa kruċjali biex jintlaħqu l-kriterji ekonomiċi għas-sħubija mal-UE. Ir-riformi għandhom jiġu intensifikati biex jinkiseb tkabbir sostenibbli, jittejjeb l-ambjent tan-negozju u jitħeġġeġ l-investiment. Jeħtieġ li jiġu ttrattati l-ħtiġijiet marbuta mal-qgħad għoli, partikolarment fost iż-żgħażagħ. L-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku għandu jnaqqas ukoll il-pressjoni migratorja fuq l-UE. Il-ħtieġa possibbli u n-natura ta’ miżuri tranżitorji u / jew mekkaniżmu ta’ salvagwardja dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema se jiġu indirizzati matul in-negozjati ta’ adeżjoni dwar it-tkabbir fil-futur, b’kont meħud ta’ valutazzjoni tal-impatt futura.

    12. Abbażi tal-esperjenza tas-Semestru Ewropew u l-governanza ekonomika msaħħa fl-UE, il-Kummissjoni nediet proċessi mtejba ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Għall-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni tipprevedi t-tħejjija ta’ Programmi Nazzjonali ta’ Riforma Ekonomika li tinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti se tikkonsisti minn verżjoni mtejba tal-Programmi Ekonomiċi eżistenti ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-pajjiżi kandidati u Programmi Ekonomiċi u Fiskali għal kandidati potenzjali, estiża sabiex tinkludi wkoll lill-Kosovo. Din se tistabbilixxi qafas ta' politika fiskali u makroekonomiku fuq perijodu medju, b’konċentrazzjoni akbar fuq il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà esterna u l-ostakoli strutturali għat-tkabbir. It-tieni parti se tkopri riformi strutturali li huma ta’ natura settorjali u l-aktar ta’ tħassib għal kompetittività u tkabbir imtejba, inklużi ħtiġijiet tal-investiment fl-infrastruttura. Sabiex tissaħħaħ is-sorveljanza, il-proċess ta’ evalwazzjoni se jkompli jirriżulta f’aktar gwida politika mmirata għal kull pajjiż. Għat-Turkija, se jiġi stabbilit djalogu ekonomiku ta’ livell għoli.

    13. Fir-rigward tat-tielet pilastru, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (RAP) hija prijorità fil-pajjiżi kollha. Is-servizz pubbliku jibqa’ politiċizzat iżżejjed. It-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-professjonaliżmu u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika jeħtieġ li jittejbu. Enfasi ikbar hija meħtieġa fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tal-impriżi. Il-ġestjoni finanzjarja pubblika wkoll għandha bżonn aktar attenzjoni. Il-Kummissjoni se tintegra aħjar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-proċess tat-tkabbir. “Gruppi speċjali għar-RAP” ġew stabbiliti jew huma fil-proċess li jiġu stabbiliti mal-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir. Dawn il-gruppi se jsiru l-pjattaforma prinċipali biex jitmexxa 'l quddiem ix-xogħol fuq il-PAR. Għandu jkun hemm diskussjoni politika aktar strutturata dwar kwistjonijiet ewlenin fil-Kunsill / Kumitat ta’ Assoċjazzjoni. In-negozjati tal-adeżjoni għandhom jintużaw ukoll biex titħeġġeġ ir-riforma meħtieġa. Il-kwistjonijiet ewlenin għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ kapitoli rilevanti — b’mod partikolari l-akkwist pubbliku, il-kontroll finanzjarju, il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, it-tassazzjoni u politika ekonomika u monetarja, - u fil-kuntest tal-konferenzi Intergovernattivi. Il-gruppi speċjali se jservu wkoll ta' forum biex jiġu indirizzati kwistjonijiet orizzontali dwar ir-RAP mill-kapitoli ta’ negozjar rilevanti, il-monitoraġġ tal-progress u l-iżgurar tal-konsistenza. Ir-riżultati se jiġu integrati fil-kapitoli tan-negozjati.

    14. Biex jappoġġa l-proċess ta’ riforma, it-tisħiħ tal-funzjonament u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi ewlenin fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir huwa essenzjali. Dan jinkludi li jiġi żgurat djalogu konstruttiv u sostenibbli fl-ispettru politiku kollu, b’mod partikolari fil-Parlament. Jeħtieġ ukoll li jsir iktar xogħol biex jitrawwem ambjent li jippermetti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Soċjetà ċivili b’saħħitha ssaħħaħ ir-responsabbiltà politika u tippromwovi fehim aktar profond ta’ riformi relatati mal-adeżjoni.

    15. Relazzjonijiet tajba tal-viċinat huma element essenzjali tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.. Huma meħtieġa sforzi kontinwi biex jegħlbu l-wirt tal-imgħoddi, kif ukoll it-trawwim tar-rikonċiljazzjoni u t-trattament ta' tilwim bilaterali bejn il-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir u mal-Istati Membri. Il-kwistjonijiet bilaterali jridu jiġu indirizzati mill-partijiet ikkonċernati kmieni kemm jista' jkun u ma għandhomx idewmu l-proċess tal-adeżjoni, li għandu jkun ibbażat fuq kondizzjonalità stabbilita.

    16. Il-kooperazzjoni reġjonali ġiet imsaħħa aktar matul is-sena li għaddiet. Il-Kummissjoni tappoġġa b'mod sħiħ il-ħidma tal-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (South-East European Cooperation Process, SEECP) u tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali, inkluża l-istrateġija Reġjonali 2020. L-inklużjoni li qed tiżdied tal-Kosovo f’inizjattivi reġjonali kien żvilupp pożittiv. Il-Kummissjoni tilqa’ t-tnedija ta’ kooperazzjoni msaħħa tas-Sitt Balkani tal-Punent fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Dawn l-iżviluppi jsaħħu d-dimensjoni multilaterali tal-politika tat-tkabbir, jappoġġaw il-kooperazzjoni inklużiva u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar il-governanza ekonomika u jippromwovu l-konnettività fir-reġjun u mal-UE. Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll is-Samit ta’ Berlin f’Awwissu, li wera appoġġ politiku b’saħħtu għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Samits annwali ulterjuri huma previsti, mal-Awstrija bħala l-ospitanti li jmiss. Il-“proċess ta’ Berlin” jista’ jkun strumentali sabiex iħeġġeġ ir-riformi u jaqbel dwar prijoritajiet realistiċi għal investimenti ta' konnettività ewlenija. Jista’ jservi wkoll bħal xprun biex jgħin isolvi l-kwistjonijiet bilaterali pendenti. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa s-segwitu ta’ din l-inizjattiva.

    17. L-2014 rat it-tnedija tal-Istrument il-ġdid għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni. Permezz tal-IPA II, l-UE se tipprovdi EUR 11,7 biljun għall-perjodu 2014-2020 biex tappoġġa lill-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir fit-tħejjija tagħhom għall-adeżjoni kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali u transfruntiera. L-IPA II iżid l-iffukar fuq il-prijoritajiet għall-adeżjoni mal-UE fl-oqsma tad-demokrazija u l-istat tad-dritt kif ukoll il-kompetittività u t-tkabbir. L-IPA II jintroduċi wkoll approċċ settorjali, inċentivi għat-twassil tar-riżultati, sostenn baġitarju miżjud u l-prijoritizzazzjoni tal-proġetti. Approċċ koordinat huwa meħtieġ għall-investimenti l-kbar tul il-kuriduri ewlenin tal-infrastruttura. Il-koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali qed tissaħħaħ. Il-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent se jkompli jappoġġa l-investimenti li jsaħħu l-impjiegi u t-tkabbir u jippromwovi l-konnettività fir-reġjun.

    II

    18. Il-Montenegro: Ittieħdu aktar passi fin-negozjati ta’ adeżjoni. L-eżami analitiku tal-acquis tal-UE (skrinjar) ġie ffinalizzat f’Mejju 2014. F’Diċembru nfetħu negozjati fir-rigward tal-Kapitolu 23 — Il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali u tal-Kapitolu 24 — Ġustizzja, libertà u sigurtà. L-UE stabbilixxiet sett komprensiv ta’ 84 parametru referenzjarju interim għall-Kapitoli 23 u 24, ibbażat fuq pjanijiet ta’ azzjoni adottati mill-Montenegro. Dawn il-parametri referenzjarji jipprovdu gwida ċara għal riformi futuri. B’kollox infetħu n-negozjati fi 12-il Kapitolu u ngħalqu b’mod provviżorju fi tnejn.

    19. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni bdiet. Wara l-allinjament tal-leġiżlazzjoni rilevanti mar-riformi kostituzzjonali ta’ Lulju 2013, numru ta’ uffiċjali ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni ġew eletti u maħtura. Wara diversi tentattivi, il-Parlament finalment ħatar Prosekutur tal-Istat Suprem ġdid f’Ottubru 2014. L-effiċjenza tal-ġudikatura żdiedet. Il-qafas leġiżlattiv għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-liġi dwar l-Ombudsman, issaħħet.

    20. Kien osservat dewmien, madankollu, fil-konfront ta' għadd ta’ miżuri, speċjalment riformi leġiżlattivi, notevolment rigward il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Miżuri leġiżlattivi adottati ma tawx riżultati fil-prattika. Il-Montenegro għandu jiżgura malajr l-adozzjoni ta’ liġi adegwata dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi. Jeħtieġ li jiġi żviluppat rekord kredibbli ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni finali f’kawżi ta’ korruzzjoni, inkluża l-korruzzjoni f’livell għoli. L-użu sistematiku ta’ strumenti ta’ qbid u l-konfiska ta’ assi għandhom jiġu żgurati. Għad hemm tħassib serju fir-rigward tal-libertà ta’ espressjoni u l-midja. Għandha tiġi aċċellerata l-ħidma fl-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ vjolenza kontra ġurnalisti. Jeħtieġ li jiġi stabbilit djalogu politiku kostruttiv u li tiġi rrestawrata l-fiduċja fil-proċess elettorali u fl-istituzzjonijiet Statali. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-integrazzjoni mal-UE se jkun essenzjali biex jinżamm il-momentum fil-perkors lejn l-UE. Id-depolitiċizzazzjoni tas-servizz ċivili u aktar professjonaliżmu huma wkoll meħtieġa. Ir-riforma ekonomika għandha tiġi segwita, mhux l-inqas biex tindirizza l-livell għoli ta’ qgħad, u l-ambjent tan-negozju tjieb. Soluzzjoni sostenibbli u kompatibbli mal-AAS għall-produttur tal-aluminju KAP huwa meħtieġ b’mod urġenti.

    21. Impenn politiku b’saħħtu huwa essenzjali għar-riformi politiċi profondi u dejjiema meħtieġa biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt. Il-Montenegro huwa l-ewwel pajjiż li fetaħ il-Kapitoli 23 u 24 skont l-approċċ il-ġdid tal-istat tad-dritt fin-negozjati ta’ adeżjoni. Il-Kummissjoni tfakkar l-eżistenza tal-klawżola ta' “bilanċ globali” tal-qafas ta’ negozjar. Il-progress fl-ilħuq tal-parametri referenzjarji interim dwar il-kapitoli tal-istat tad-dritt u n-nuqqasijiet rilevanti identifikati hawn fuq, muri minn riżultati tanġibbli, se jkollu impatt fuq il-pass tan-negozjati ta’ adeżjoni b’mod ġenerali, inkluż fuq l-aġendi futura tal-KIG.

    22. Is-Serbja: In-negozjati ta’ adeżjoni tas-Serbja mal-UE qed jitħejjew bħalissa. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiftaħ in-negozjati ttieħdet minħabba l-progress tas-Serbja fir-riformi u l-impenn kontinwu tagħha lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-Kosovo. L-ewwel konferenza intergovernattiva dwar in-negozjati saret f’Jannar 2014. L-eżami analitiku tal-acquis (skrinjar) tal-UE qed jipproċedi skont il-pjan. L-għargħar gravi li laqat lill-pajjiż f’Mejju seta’ kellu impatt soċjo-ekonomiku konsiderevoli. L-UE pprovdiet salvataġġ immedjat u sostanzjali u sforzi ta’ sokkors u organizzat konferenza tad-donaturi li saret f’Lulju. Saru wegħdiet sinifikanti mill-Komunità internazzjonali għall-fażi tal-irkupru u r-rikostruzzjoni.

    23. Is-Serbja għamlet ċertu progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Hija adottat strateġija komprensiva u saħħet il-koordinazzjoni l-ippjanar. Rigward il-ġudikatura, ġew adottati leġiżlazzjoni importanti kif ukoll regoli ta’ evalwazzjoni għall-imħallfin u l-prosekuturi. Għadd importanti ta’ Presidenti tal-Qrati ġew maħtura fuq bażi permanenti. Hemm impetu politiku kbir fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Twettqu bosta investigazzjonijiet f’kawżi ta’ livell għoli u saru l-isforzi biex titjieb il-koordinazzjoni. Is-Serbja pparteċipat b’mod attiv fil-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi reġjonali.

    24. Madankollu, huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tiġi żgurata ġudikatura indipendenti u effettiva. Biċċiet ta’ leġiżlazzjoni importanti għad iridu jiġu adottati, bħalma huma l-liġi dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas, il-liġi dwar l-informaturi, u l-liġi dwar il-konflitti ta’ interess. Il-korruzzjoni għadha tirrenja f'bosta oqsma. Jeħtieġ li s-Serbja tibni rekord ta’ riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Id-drittijiet fundamentali għandhom jiġu rispettati għalkollox fil-prattika, inkluża l-protezzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli. Hemm tħassib dwar il-kundizzjonijiet deterjoranti għall-eżerċizzju sħiħ tal-libertà tal-espressjoni. Dgħufijiet fl-amministrazzjoni pubblika jeħtieġ li jiġu indirizzati. Is-sejbiet tal-korpi indipendenti regolatorji jeħtieġ li jiġu segwiti aħjar. Ir-riformi ekonomiċi huma essenzjali wkoll biex jiġġeneraw it-tkabbir u jindirizzaw ir-rata għolja tal-qgħad.

    25. Bil-mandat b'saħħtu tiegħu, il-gvern il-ġdid għandu jaħtaf l-opportunità li jsegwi r-riformi b’entużjażmu. Is-Serbja għandha quddiemha bosta sfidi fil-ġejjieni. Is-Serbja teħtieġ li trawwem b’mod proattiv l-inklużività u t-trasparenza tal-proċess ta’ adeżjoni. Biex tappoġġa l-proċess ta’ riforma, is-Serbja għandha ttejjeb l-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida u politiki ġodda. F’konformità mal-approċċ il-ġdid għal kwistjonijiet dwar l-istat tad-dritt, ġew stabbiliti parametri referenzjarji ta’ ftuħ fil-Kapitoli 23 u 24. Dawn jeħtieġu li s-Serbja tippreżenta pjanijiet ta’ azzjoni komprensivi. Sabiex jiġi żgurat bilanċ ġenerali fin-negozjati, il-progress skont dawn il-kapitoli se jeħtieġ li jsir b’mod parallel mal-progress fin-negozjati b’mod ġenerali.

    26. Jeħtieġ li s-Serbja żżomm l-impenn tagħha favur il-kooperazzjoni reġjonali u l-impenn attiv u kostruttiv fil-proċess ta’ normalizzazzjoni mal-Kosovo, li ra progress sinifikanti. Is-Serbja għandha tkompli tiżgura l-implimentazzjoni tal-ftehimiet li ntlaħqu fid-djalogu. Il-Kummissjoni tfakkar li, kif inhu l-każ għal kapitoli dwar l-istat tad-dritt, il-qafas ta’ negozjar jitlob li jsir progress fil-proċess ta’ normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo skont il-Kapitolu 35 li għandu jsir b’mod parallel mal-progress fin-negozjati b’mod ġenerali. Il-Kapitolu 35 għandu jinfetaħ kmieni fin-negozjati. Dan se jipprovdi qafas solidu għall-implimentazzjoni ta’ monitoraġġ tal-ftehimiet milħuqa.

    27. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: Il-proċess ta’ adeżjoni mal-UE ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jinsab f’fażi ta' staġnar. Nuqqas ta’ azzjoni fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill ifisser li n-negozjati għall-adeżjoni għadhom ma nfetħux. Fl-istess ħin, in-nuqqas min-naħa tal-gvern milli jikkontribwixxi biżżejjed fil-konfront ta' numru ta’ kwistjonijiet ewlenin kien ta' dannu għas-sostenibbiltà tar-riformi, b’rigress evidenti f’ċerti oqsma.

    28. Sar xi progress fir-rigward tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll fil-kooperazzjoni attiva bejn il-pulizija reġjonali u internazzjonali. Il-pajjiż iżomm livell għoli ta’ allinjament mal-acquis li huwa relattiv għal fejn jinsab fil-proċess ta’ adeżjoni. L-aġenda tal-UE tibqa' l-prijorità strateġika tal-pajjiż.

    29. Madankollu, matul l-aħħar sena, kien hemm tħassib serju dwar iż-żieda fil-politiċizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Istat u l-kontroll tal-gvern fuq il-midja, inkluż fil-kuntest tal-elezzjonijiet kif irrappurtat mill-OSKE / ODIHR. Il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-Istat qed titnaqqar gradwalment. Hemm tħassib li qed iżid dwar il-ġustizzja selettiva. Is-sitwazzjoni dwar il-libertà tal-midja kompliet tmur għall-agħar. Il-kriżijiet politiċi reċenti bejn il-gvern u l-partiti tal-oppożizzjoni wrew li l-interessi tal-partiti dejjem aktar qed ikunu prevalenti fuq l-interessi nazzjonali. Hija r-responsabbiltà kemm tal-gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni li jiżguraw li jsir dibattitu politiku primarjament fil-Parlament u li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet biex dan jiffunzjona tajjeb. Il-gvern jeħtieġ li jiżgura li l-oppożizzjoni għandha l-possibbiltà li teżerċita bis-sħiħ il-funzjoni ta’ kontroll demokratiku tagħha. Fl-istess ħin, l-oppożizzjoni jeħtieġ ukoll li timpenja ruħha b’mod kostruttiv fil-proċessi demokratiċi. Ma saret l-ebda laqgħa tad-Djalogu ta’ Livell Għoli dwar l-Adeżjoni matul is-sena li għaddiet. Rigward is-sitwazzjoni interetnika, trid tinbena fiduċja akbar bejn il-komunitajiet. Ir-rieżami tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid għad irid jitlesta u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għad iridu jiġu implimentati.

    30. Jibqa’ essenzjali li jittieħdu passi deċiżivi biex tissolva l-"kwistjoni tal-isem" mal-Greċja. In-nuqqas tal-partijiet f’din it-tilwima milli jilħqu kompromess wara 19-il sena ta’ taħditiet bl-intervenzjoni tal-NU qed ikollu impatt dirett u ħażin fuq l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiż. Azzjoni determinata hija meħtieġa, kif ukoll appoġġ proattiv mill-mexxejja tal-UE. Il-Kummissjoni tqis li, kieku kienu diġà għaddejjin l-iskrining u d-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas ta' negozjar, seta' nħoloq il-momentum meħtieġ li kien jappoġġa s-sejbien ta' soluzzjoni nnegozjata u aċċettabbli għaż-żewġ naħat għall-kwistjoni tal-isem, anki qabel ma nfetħu l-kapitoli tan-negozjati.

    31. B’mod ġenerali, minħabba li l-pajjiż għamel progress kumulattiv, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kriterji politiċi qed ikomplu jintlaħqu b’mod suffiċjenti u hija żżomm ir-rakkomandazzjoni tagħha biex tiftaħ negozjati ta’ adeżjoni iżda jiddispjaċiha dwar il-passi lura tas-sena ta’ qabel. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni deċiżiva biex jindirizzaw tħassib dwar il-politiċizzazzjoni li qed tikber u n-nuqqasijiet li qed jiżdiedu fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà tal-espressjoni, sabiex ir-rakkomandazzjoni tagħha tkun tista' tiġi sostnuta fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tassisti l-isforzi tal-pajjiż, inkluż permezz ta’ proċess inklużiv ta’ Djalogu ta’ Livell Għoli dwar l-Adeżjoni, fl-indirizzar tar-riformi kollha relatati mal-UE b’tali mod li jkun jista' jinkiseb il-potenzjal sħiħ tar-relazzjonijiet.

    32. L-Albanija: Id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2014 li jagħti lill-Albanija l-istatus ta’ kandidat huwa rikonoxximent għall-passi ta' riforma li ttieħdu. Huwa wkoll inkoraġġiment biex jitħaffef il-pass tar-riformi. F’Novembru 2013, il-Kummissjoni nediet Djalogu ta’ Livell Għoli mal-Albanija biex tgħin lill-pajjiż iżomm l-attenzjoni tiegħu fuq il-proċess ta’ integrazzjoni mal-UE u biex jissorvelja l-progress tar-riforma skont il-prijoritajiet ewlenin identifikati għall-ftuħ ta’ negozjati tal-adeżjoni. F’Mejju 2014, l-Albanija adottat pjan ta' direzzjoni li jistabbilixxi u jirristruttura r-riformi ppjanati skont il-prijoritajiet ewlenin.

    33. L-Albanija għamlet progress matul l-aħħar sena. Ittieħdu aktar passi lejn ir-riforma tal-ġudikatura. Il-gvern wera rieda politika li jaġixxi b’mod deċiżiv fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Issaħħaħ il-qafas leġiżlattiv u tjiebu l-koordinazzjoni tal-politika u l-monitoraġġ fil-livell ċentrali. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata turi xejra pożittiva f’numru ta’ oqsma, b’intensifikazzjoni tal-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari fuq il-qbid tad-droga u reati marbuta mad-droga, u dwar il-kriminalità ekonomika u t-traffikar ta' persuni. Ittieħdu xi passi biex itejbu r-rikonoxximent legali tad-drittijiet ta’ persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali.

    34. Madankollu, għad hemm ħafna nuqqasijiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-istat tad-dritt. Għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata hija sfida sinifikanti. L-Albanija se jkollha tagħmel sforzi sostanzjali u kontinwi biex tindirizza l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin identifikati għall-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni. L-Albanija se jkollha taġixxi b'mod deċiżiv biex: tkompli r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika bl-għan li ttejjeb il-professjonaliżmu u d-depolitiċiżżazzjoni tagħha; ssegwi riforma komprensiva tal-ġudikatura biex issaħħaħ l-indipendenza, l-effiċjenza u r-reponsabbiltà tagħha permezz ta’ proċess inklużiv u b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta’ Venezja; tintensifika l-isforzi tagħha kontra l-korruzzjoni u tieħu aktar passi determinati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, bl-għan li tiġi stabbilita rekord soda ta’ investigazzjonijiet proattivi, prosekuzzjonijiet u kundanni fiż-żewġ oqsma; u tieħu miżuri effettivi biex issaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tar-Rom, u l-politiki ta' kontra d-diskriminazzjoni, filwaqt li timplimenta d-drittijiet tal-proprjetà. Fir-rigward tal-libertà ta’ espressjoni u tal-midja, il-gvern naqas milli jaġixxi fuq il-prijoritajiet identifikati. Il-funzjonijiet statutorji kollha tal-Awtorità tal-Midja Awdjoviżiva jeħtieġu li jiġu restawrati u l-indipendenza tagħha garantiti fil-prattika. L-Albanija għandha ssegwi riformi ekonomiċi bl-għan li żżid il-kompetittività u li tindirizza l-qgħad għoli, kif ukoll li tindirizza l-livell għoli ta’ informalità fl-ekonomija u t-titjib fl-ambjent kummerċjali.

    35. Huwa kruċjali li l-proċess ta’ riforma jkun akkumpanjat minn djalogu politiku konstruttiv u sostenibbli bejn il-gvern u l-oppożizzjoni. Hija r-responsabbiltà kemm tal-gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni li jiżguraw li dibattitu politiku jseħħ primarjament fil-Parlament u li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-funzjonament tajjeb tiegħu. Il-gvern jeħtieġ li jiżgura li l-oppożizzjoni jkollha l-possibbiltà li teżerċita bis-sħiħ il-funzjoni ta’ kontroll demokratiku tagħha. Fl-istess ħin, l-oppożizzjoni jeħtieġ ukoll li timpenja ruħha b’mod kostruttiv fil-proċessi demokratiċi. Ħidma bbażata fuq il-kompromess u kostruttiva fil-Parlament hija essenzjali għas-sostenibbiltà tar-riformi. L-istabbiliment ta’ Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea, li jgħaqqad lill-partijiet ikkonċernati kollha, se jkompli jgħin biex tissaħħaħ l-inklussività tal-proċess ta’ riforma. Huwa importanti wkoll għal kunsens dwar ir-riformi rilevanti qalb is-soċjetà Albaniża.

    36. Il-Bosnja-Ħerzegovina: Il-Bosnja-Ħerzegovina hija wieqfa fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Jibqa’ n-nuqqas ta’ rieda politika kollettiva min-naħa tal-mexxejja politiċi biex jindirizzaw ir-riformi meħtieġa għall-progress fil-perkors lejn l-UE. Ftit li xejn sar progress fil-kwistjonijiet politiċi u ekonomiċi u fuq il-mixja lejn l-istandards Ewropej. L-għargħar gravi li laqat lill-pajjiż f’Mejju seta’ kellu impatt soċjo-ekonomiku konsiderevoli. L-UE pprovdiet salvataġġ immedjat u sostanzjali u sforzi ta’ sokkors u organizzat konferenza tad-donaturi li saret f’Lulju. Saru wegħdiet sinifikanti mill-komunità internazzjonali għall-fażi ta' rkupru u rikostruzzjoni.

    37. Protesti mifruxa, mmexxija miċ-ċittadini fil-bidu tal-2014 enfasizzaw il-fraġilità tas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika. Il-Kummissjoni nediet tliet inizjattivi biex tmexxi l-attenzjoni għal fuq ir-riformi u l-kwistjonijiet ta’ interess dirett għaċ-ċittadini. Hija espandiet id-Djalogu Strutturat tal-Bosnja-Ħerzegovina mal-UE dwar il-Ġustizzja għal kwistjonijiet oħra dwar l-istat tad-dritt, b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Hija waqqfet Grupp ta’ Ħidma konjunt bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE. Hija ffokat fuq it-tisħiħ tal-governanza ekonomika. Dan inkluda l-iżvilupp ta’ "Patt għal Tkabbir u Impjiegi" flimkien ma' atturi ewlenin, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Il-Patt se jkun l-indikatur ta' kejl għar-riforma ekonomika meħtieġa matul ix-xhur li ġejjin. Se jkun ukoll il-bażi għall-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma Ekonomika li l-Kummissjoni tistenna li l-pajjiż jiżviluppa sal-aħħar ta’ Jannar 2015.

    38. In-nuqqas ta’ kull mekkaniżmu effettiv ta’ koordinazzjoni fil-kwistjonijiet tal-UE jkompli jaffettwa negattivament l-interazzjoni tal-pajjiż mal-UE. It-tensjonijiet politiċi fil-Kunsill tal-Ministri marbutin mad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-livelli differenti ta’ gvern komplew. Dan kompla jaggrava bil-komplessità tal-arranġamenti istituzzjonali fil-pajjiż. Dan ipprevjena t-twettiq ta’ tlieta minn dawn l-aħħar sitt laqgħat tas-sottokumitati skont il-Ftehim Interim. Il-Bożnja u Ħerżegovina wkoll għadha qed tirrifjuta li tadatta dan il-Ftehim biex iqis il-kummerċ tradizzjonali tagħha mal-Kroazja qabel ma din tal-aħħar issieħbet mal-UE. Il-Kummissjoni ħadet passi biex tissospendi l-Bożnja u Ħerzegovina minn ċerti vantaġġi kummerċjali jekk il-proċess ta' adattament ma jkunx għadu ġie ffinalizzat sa tmiem l-2015. Il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) iffirmat fl-2008 u ratifikat fl-2011 għadu ma daħalx fis-seħħ minħabba li l-Bosnja-Ħerzegovina għadha ma laħqitx il-kundizzjonijiet.

    39. L-atturi politiċi involuti ma setgħux jaqblu mal-istrateġiji għall-pajjiż kollu meħtieġa għall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni f’setturi bħall-enerġija, it-trasport u l-ambjent. Dan wassal għal tnaqqis sostanzjali ta’ finanzjament f’dawn l-oqsma kif ukoll għal iffukar mill-ġdid fuq assistenza li tibbenefika liċ-ċittadini direttament. L-ilħiq tal-ftehim meħtieġ se jwitti t-triq għall-Bosnja-Ħerzegovina biex tibbenefika b’mod sħiħ mill-finanzjament disponibbli.

    40. Minkejja sforzi ta’ faċilitazzjoni intensivi tal-Kummissjoni biex jissolvew l-ostakoli li fadal, id-deċiżjoni ta' Sejdić-Finci tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma ġietx implimentata. Id-deċiżjoni tkompli tiġi strumentalizzata għal interessi dojoq partiġġjani politiċi u etniċi u s-soluzzjoni għaliha li hija marbuta ma’ kwistjonijiet oħra.

    41. Sabiex il-Bosnja-Ħerzegovina tkun tista’ tagħmel progress fil-perkors tagħha lejn l-UE huwa importanti li l-livelli kollha tal-gvern jiġu ffurmati malajr wara l-elezzjonijiet u li jittieħdu malajr il-passi konkreti ta’ riforma. It-tmexxija politika għandha dmir lejn iċ-ċittadini tal-Bosnja-Ħerzegovina biex tipprovdi lill-pajjiż b’direzzjoni ċara. L-effiċjenza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet politiċi fil-livelli kollha tal-gvern jeħtieġ li jittejbu. Dan japplika b’mod partikolari għall-interazzjoni bejn il-livelli differenti tal-gvern. Dan jirrikjedi t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jaħdem sew fil-kwistjonijiet relatati mal-UE. Jeħtieġ ukoll it-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha.

    42. Il-Kosovo: It-tlestija tan-negozjati ta’ Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kosovo u l-inizjalar ta' dan l-istess Ftehim fl-Lulju huma pass importanti għall-Kosovo fi triqtu lejn l-integrazzjoni Ewropea. Dan se jkun l-ewwel ftehim komprensiv bejn l-UE u l-Kosovo. Il-FSA jipprovdi għal djalogu politiku msaħħaħ, jqarreb l-integrazzjoni tal-kummerċ, inkluż il-ftuħ tas-swieq tal-UE għall-prodotti industrijali u agrikoli tal-Kosovo, u jipprovdi għal forom ġodda ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni issa qed tistenna bil-ħerqa l-iffirmar tiegħu u l-konklużjoni. Wara l-elezzjonijiet f’Ġunju, kien hemm ambjent politiku dejjem aktar ippolarizzat u l-Kosovo wasal għal sitwazzjoni ta’ staġnar politiku, waqt li qed jipposponi ċerti riformi ewlenin.

    43. Il-Kosovo għamel progress fid-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Il-kooperazzjoni tajba mal-missjoni tal-UE dwar l-Istat tad-Dritt, l-EULEX, baqgħet tissokta. L-awtoritajiet tal-Kosovo għamlu impenn politiku sostanzjali li jġeddu l-mandat tal-missjoni filwaqt li jieħu aktar responsabilitajiet, u qablu li tiġi stabbilita qorti speċjalizzata għas-smigħ ta’ każijiet li jirriżultaw mill-investigazzjoni mmexxija mit-Task Force Investigattiv Speċjali. Sabiex dan il-proċess jitlesta, jeħtieġ li l-Kosovo jadotta l-bidliet leġiżlattivi meħtieġa inkluż fil-kostituzzjoni tiegħu. Il-Kosovo għandu jikkoopera mal-qorti ppjanata u jittratta l-imgħoddi.

    44. Il-Kosovo għandu quddiemu għadd ta’ sfidi. L-istat tad-dritt fil-Kosovo, inkluża l-indipendenza ġudizzjarja, u riżultati limitati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni jibqgħu kwistjoni ta’ tħassib serju. Jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li tqajmu fid-djalogu dwar il-viżi, inkluża l-mitigazzjoni tar-riskji relatati mas-sigurtà u l-migrazzjoni tal-liberalizzazzjoni potenzjali tal-viża. Il-bżonn għal riformi ekonomiċi strutturali li jindirizzaw il-livell għoli tal-qgħad qiegħed isir urġenti. Riformi importanti, bħalma huma r-riforma elettorali u l-amministrazzjoni pubblika jeħtieġ li jingħataw prijorità u l-protezzjoni tal-minoranzi jeħtieġ li tiġi indirizzata.

    45. Il-Kosovo jeħtieġ li jaħdem b’mod attiv fuq l-aġenda tiegħu ta’ riforma tal-UE u fuq il-prijoritajiet enfasizzati fl-Istudju tal-2012 tal-Fattibbiltà u r-Rapporti ta’ Progress l-aktar reċenti. Skont il-FSA, il-Kosovo impenja ruħu għal riforma komprensiva u l-allinjament leġiżlattiv mal-acquis tal-UE, inkluż f’setturi bħalma huma l-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni pubblika, l-ekonomija, il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Il-Kosovo għandu jiffoka fuq it-tħejjija ta’ implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-FSA inklużi l-istrutturi meħtieġa. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa lill-Kosovo hekk kif huwa jimxi lejn dan l-istadju l-ġdid importanti fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE, u li ssaħħaħ id-djalogu tagħha mal-Kunsill Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni Ewropea.

    46. Il-progress tal-Kosovo lejn il-futur Ewropew tiegħu huwa possibbli minħabba l-progress li għamel il-Kosovo fir-riformi u l-impenn kontinwu tiegħu lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mas-Serbja, li ra progress sinifikanti. F’dan ir-rigward, il-gvern il-ġdid fil-Kosovo se jkollu bżonn iżomm l-impenn għall-kooperazzjoni reġjonali u l-involviment kostruttiv u attiv fil-proċess ta’ normalizzazzjoni mas-Serbja. Il-Kosovo għandu jkompli jiżgura l-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa fid-djalogu.

    47. Is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Kosovo tibqa’ waħda ta’ tensjoni. L-atturi kollha għandhom jikkooperaw mal-EULEX, u jżommu lura milli tieħu passi unilaterali. L-EULEX għandu jkunu appoġġat bis-sħiħ biex iwettaq il-mandat tiegħu fit-Tramuntana tal-Kosovo. Għandhom isiru aktar sforzi biex jippermettu lill-erba’ muniċipalitajiet tat-Tramuntana jiffunzjonaw skont il-qafas legali tal-Kosovo.

    48. It-Turkija: It-Turkija hija pajjiż kandidat u sieħeb strateġiku għall-Unjoni Ewropea. L-ekonomija dinamika tagħha tagħti kontribut siewi lill-prosperità tal-kontinent Ewropew. L-iżviluppi serji ħafna fir-reġjun, b’mod partikolari fis-Sirja u l-Iraq, jagħmlu l-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ politika barranija saħansitra aktar kruċjali. Il-pożizzjoni strateġika tat-Turkija tissottolinja wkoll l-importanza ta’ aktar kooperazzjoni fl-oqsma tal-politika tal-migrazzjoni u s-sigurtà tal-enerġija. Il-valur ta’ tali kooperazzjoni huwa saħansitra iktar ċar fid-dawl tal-isfidi konsiderevoli li jirriżultaw minn żviluppi riċenti fil-viċinat komuni tagħna, inkluż il-kriżi fl-Ukraina.

    49. In-negozjati tal-adeżjoni attivi u kredibbli jipprovdu l-aktar qafas adattat sabiex jisfrutta l-potenzjal sħiħ tar-relazzjonijiet UE-Turkija. Minħabba l-ambitu tiegħu importanti u l-profondità uniku tiegħu, il-proċess ta’ adeżjoni, li l-ebda alternattiva ma tista’ tissostitwixxi, jippromwovi riformi relatati mal-UE u jipprovdi bażi importanti biex ikun intensifikat id-djalogu dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija u tas-sigurtà u għat-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika u l-opportunitajiet ta’ kummerċ. Il-proċess ta' adeżjoni jgħin ukoll biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u l-ġustizzja u l-affarijiet interni, inklużi l-politika ta’ migrazzjoni / tal-viżi / ir-riammissjoni. In-negozjati tal-adeżjoni jeħtieġ li jerġgħu jiksbu l-forza tagħhom, b'rispett għall-impenji tal-UE u għall-kundizzjonalità stabbilita. Bl-istess mod, l-UE għandha tibqa' ankra importanti għar-riformi ekonomiċi u politiċi tat-Turkija. F'dan ir-rigward, huwa fl-interess kemm tat-Turkija kif ukoll tal-UE li l-parametri referenzjarji ta' ftuħ għall-Kapitolu 23: il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali, u l-Kapitolu 24: Il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, jiġu definiti malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li jwasslu għall-ftuħ ta’ negozjati f'dawn iż-żewġ kapitoli. It-Turkija tista' taċċellera l-pass tan-negozjati billi tavvanza fl-ilħiq ta' dawn il-parametri referenzjali, waqt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-qafas ta' negozjar u tirrispetta l-obbligazzjoni kuntrattwali tagħha lejn l-UE. Dan jista' jagħti spinta sinifikanti lill-proċess ta' adeżjoni. Sadanittant, il-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija għandhom jiżviluppaw f’oqsma kruċjali, notevolment f'dawk diġà identifikati f’din l-aġenda pożittiva.

    50. It-Turkija għandha rwol reġjonali importanti u hi involuta b’mod attiv fil-viċinat usa’ tagħha. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ l-iżvilupp ulterjuri tad-djalogu u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ politika barranija ta’ interess komuni. Il-parteċipazzjoni kontinwa tat-Turkija f’missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, u l-offerti reċenti tagħha biex tikkontribwixxi għall-EUFOR CAR u għall-EUBAM Libya, qed jintlaqgħu tajjeb. Ir-rwol tat-Turkija fil-konfront tas-Sirja, speċjalment fir-rigward tal-appoġġ umanitarju importanti mogħti lis-Sirjani li qed jaħarbu mill-vjolenza billi jaqsmu l-fruntiera, hija kruċjali. L-UE wegħdet li tkompli tappoġġa lill-gvernijiet u lill-komunitajiet ospitanti tal-ġirien tas-Sirja sabiex ikunu jistgħu jittrattaw b’mod effettiv il-fluss dejjem jikber ta’ rifuġjati u jibnu r-resiljenza tagħhom. It-Turkija wriet biċ-ċar li hija lesta li jkollha rwol attiv fil-koalizzjoni kontra l-ISIL. Id-djalogu politiku għandu jintuża biex tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar mill-qrib kontra l-ISIL u n-netwerks tal-finanzjament tagħha. Id-djalogu attiv kontra t-terroriżmu bejn l-UE u t-Turkija qed jintlaqa' tajjeb u għandu jkompli jiġi msaħħaħ, b’mod partikolari fil-qasam tal-“ġellieda barranin”. Din il-kooperazzjoni se tkompli tissaħħaħ bl-adozzjoni mit-Turkija ta’ aktar leġiżlazzjoni rilevanti kontra t-terroriżmu. L-UE tkompli tħeġġeġ lit-Turkija biex tiżviluppa l-politika estera tagħha b’mod komplementari u f’koordinazzjoni mal-UE, u biex tallinja lilha nnifisha progressivament mal-politiki u l-pożizzjonijiet tal-UE.

    51. L-implimentazzjoni tar-riformi adottati fis-snin preċedenti, b’mod partikolari l-miżuri mħabbra fil-pakkett ta’ demokratizzazzjoni ta' Settembru 2013, qiegħda tkompli. Il-Qorti Kostituzzjonali ħadet għadd ta’ deċiżjonijiet importanti li wrew ir-reżiljenza tas-sistema kostituzzjonali tal-pajjiż. Il-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija ġie ffirmat f’Diċembru 2013, fl-istess waqt tat-tnedija tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2014, u ħoloq momentum ġdid fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija. Kien hemm sforzi mġedda lejn soluzzjoni paċifika tal-kwistjoni Kurda, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li għandha l-għan li “twassal għal bażi legali aktar b’saħħitha lejn il-proċess”. Dan il-proċess huwa ta’ sinifikat storiku għat-Turkija u għandu jiġu segwiti b’rieda tajba fuq in-naħat kollha.

    52. Ir-rispons tal-gvern wara allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni f’Diċembru 2013 wassal għal tħassib serju rigward l-indipendenza tal-ġudikatura u s-separazzjoni tal-poteri. L-assenjazzjonijiet mill-ġdid mifruxa u s-sensji ta’ uffiċjali tal-pulizija, imħallfin u prosekuturi, minkejja li l-gvern sostna li dawn ma kinux marbuta mal-każ ta’ kontra l-korruzzjoni, kellhom impatt fuq il-funzjonament effettiv tal-istituzzjonijiet rilevanti, u jqajmu mistoqsijiet dwar il-mod kif intużaw il-proċeduri biex jifformalizzaw dan kollu. Huwa kruċjali li l-investigazzjonijiet ta’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni jitwettqu b’mod xieraq bi trasparenza sħiħa u li l-kapaċitajiet operattivi tal-ġudikatura u l-pulizija jkunu assigurati. Tentattivi biex jipprojbixxu l-midja soċjali, aktar tard imħassra mill-Qorti Kostituzzjonali, u l-pressjonijiet fuq l-istampa li wasslu għal awtoċensura mifruxa, jirriflettu approċċ restrittiv għal-libertà ta’ espressjoni. L-approċċ meħud fil-qasam tal-libertà tal-għaqda għadu restrittiv. Il-leġiżlazzjoni Torka u l-implimentazzjoni tagħha dwar id-dritt tal-għaqda u ta’ intervent minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li tinġieb f’konformità mal-istandards Ewropej.

    53. F’dan il-kuntest, il-prijoritajiet għat-Turkija se jkunu li tippromwovi d-djalogu fl-ispettru politiku kollu u fis-soċjetà b’mod usa’, biex jissaħħu l-isforzi ta’ riforma tagħha dwar l-istat tad-dritt u biex jingħata attenzjoni partikolari lir-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-liġi u fil-prattika. Il-ftuħ tan-negozjati fir-rigward tal-Kapitolu 23 u 24 se jipprovdu lit-Turkija bi pjan ta' direzzjoni komprensiv għar-riformi f’dan il-qasam essenzjali. It-Turkija hija mistiedna biex tieħu sehem b’mod aktar sistematiku mal-Kummissjoni u korpi rilevanti oħrajn bħall-Kunsill tal-Ewropa, inkluża l-Kummissjoni ta’ Venezja. B’mod ġenerali, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Il-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej għandu rwol kruċjali fl-iżgurar tal-koordinazzjoni u l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni l-ġdida mal-liġijiet tal-UE. Il-Kummissjoni tistenna bil-ħerqa s-segwitu konkret mit-Turkija tal-istrateġija tal-UE li għadha kif adottat dan l-aħħar, strateġija li għandha l-għan li ssaħħaħ mill-ġdid il-proċess ta’ adeżjoni tat-Turkija.

    54. L-Aġenda Pożittiva, imnedija fl-2012, qed tkompli tappoġġa u tikkumplimenta n-negozjati mat-Turkija dwar l-adeżjoni permezz ta' kooperazzjoni msaħħa f'numru ta' oqsma ta' interess komuni. Aktar kuntatti ta' livell għoli bejn it-Turkija, l-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni. L-isfidi fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, b’mod partikolari fil-qasam tal-migrazzjoni, iridu jiġu indirizzati permezz ta’ sforzi konġunti msaħħa. L-UE tistenna l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-obbligi tat-Turkija skont il-Ftehim ta’ riammissjoni vis-à-vis l-Istati Membri kollha.

    55. It-Turkija, bl-ekonomija kbira u dinamika tagħha, hija sieħeb kummerċjali importanti għall-UE u komponent importanti tal-kompetittività tal-UE permezz tal-Unjoni Doganali. Wasal iż-żmien li naħdmu lejn l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-Unjoni Doganali. L-UE għandha timpenja ruħha mat-Turkija dwar it-twessigħ u l-immodernizzar tar-relazzjonijiet kummerċjali reċiproċi għall-benefiċċju taż-żewġ naħat. Għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-funzjonament tal-Unjoni Doganali, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni mwettqa fl-2014, għandhom ukoll jiġu indirizzati. Huwa wkoll kruċjali li jiġi żviluppat djalogu ekonomiku estensiv u attiv. Tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni tal-enerġija bejn l-UE u t-Turkija u progress fin-negozjati tal-adeżjoni jiffaċilitaw l-interkonnessjoni u l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija. Il-kooperazzjoni ekonomika tittejjeb sew bil-ftuħ tan-negozjati tal-Kapitolu 5 (l-Akkwist Pubbliku), il-Kapitolu 8 (il-Kompetizzjoni) u l-Kapitolu 19 (il-Politika Soċjali u l-Impjiegi), hekk kif jintlaħqu l-parametri referenzjarji mit-Turkija.

    56. Il-Kummissjoni tenfasizza d-drittijiet sovrani kollha tal-Istati Membri tal-UE. Dawn jinkludu, fost oħrajn, id-dritt ta' dħul fi ftehimiet bilaterali, u l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali skont l-acquis tal-UE u l-liġi internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-dritt marittimu. F'konformità mal-pożizzjonijiet ripetuti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mis-snin li għaddew, issa huwa urġenti li t-Turkija twettaq l-obbligi tagħha li timplimenta b'mod sħiħ il-Protokoll Addizzjonali u li tagħmel progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mar-Repubblika ta' Ċipru. Dan jista' jagħti momentum ġdid lill-proċess tal-adeżjoni, u jippermetti b'mod partikolari li jsir progress fuq it-tmien kapitoli koperti mill-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2006. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll l-evitar ta' kull tip ta' theddida, sors ta' tensjoni jew azzjoni provokattiva li tista' tagħmel ħsara lir-relazzjonijiet tajbin tal-viċinat u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim. Il-Kummissjoni tilqa’ l-appoġġ tat-Turkija li terġa’ tibda t-taħditiet dwar ftehim komprensiv f’Ċipru. Issa huwa importanti li dan l-appoġġ jiġi segwit permezz ta’ rapporti kostruttivi u azzjoni konkreta.

    57. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ Ċipru, il-Kummissjoni tilqa’ l-bidu mill-ġdid ta’ taħditiet dwar ftehim komprensiv bejn il-mexxejja komunitarji Griegi Ċiprijotti u dawk Torok Ċiprijotti taħt l-awspiċji tan-NU u l-ħatra ta' Espen Barth Eide bħala l-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Ċipru. Il-Kummissjoni tistenna li ż-żewġ naħat jidħlu mingħajr dewmien f'negozjati sostanzjali strutturati li se jwittu t-triq għal ftehim dwar soluzzjoni komprensiva għall-problema ta’ Ċipru għall-benefiċċju ta’ kulħadd. Il-Kummissjoni tħeġġeġ passi li jikkontribwixxu għal klima pożittiva bejn il-komunitajiet u li jibbenefikaw liċ-Ċiprijotti fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u tilqa’ l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili għal dan l-għan. L-UE ddikjarat li hija lesta li taċċetta t-termini ta' soluzzjoni li jkunu konformi mal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Dikjarazzjonijiet li ma jwasslux għall-ħolqien ta’ atmosfera pożittiva fil-kuntest ta’ taħditiet dwar ftehim li għaddejjin għandhom jiġu evitati.

    58. L-Islanda: Wara deċiżjoni tal-Gvern tal-Islanda, in-negozjati tal-adeżjoni ġew sospiżi minn Mejju 2013. Minħabba l-pożizzjoni tal-gvern, il-Kummissjoni pproċediet bl-eliminazzjoni gradwali tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-IPA mal-Islanda. L-Islanda tibqa’ sieħeb importanti għall-UE permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, is-sħubija tagħha fiż-żona Schengen kif ukoll permezz tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet tal-Artiku.

    ANNESS

    Sommarju tas-sejbiet tar-rapporti ta’ progress dwar il-Montenegro, is-Serbja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, il-Kosovo, u t-Turkija

    Il-Montenegro

    Il-pajjiż qed ikompli jissodisfa b’mod suffiċjenti l-kriterji politiċi. Il-Gvern baqa' ffukat fuq l-integrazzjoni tal-UE. L-istrutturi għan-negozjati tal-adeżjoni ġew imsaħħa aktar. L-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-2014-15 għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-istabbiliment ta’ grupp speċjali ġdid dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-qafas tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), għandhom jappoġġaw il-progress f’dan il-qasam. L-amministrazzjoni pubblika trid tkompli tiġi razzjonalizzata, it-trasparenza miżjuda biex ikun limitat l-ambitu għall-korruzzjoni u trid tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-qasam tal-integrazzjoni Ewropea żgurat. Sforzi serji huma meħtieġa biex jindirizzaw il-livell għoli ta’ politiċizzazzjoni fis-servizz ċivili u biex jiżguraw reklutaġġ ibbażat fuq il-mertu u l-promozzjoni. Iżjed professjonaliżmu u effiċjenti huma importanti, mhux l-inqas li l-amministrazzjoni tiġi mgħammra għall-isfidi tan-negozjati ta’ adeżjoni u tal-implimentazzjoni tal-acquis. Dwar il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, jeħtieġ li l-kapaċità ta’ tbassir finanzjarju tissaħħaħ u li l-konformità mal-istandards Ewropej tiġi rrinforzata.

    Allegazzjonijiet ta’ mġiba illeċta ħassret iċ-ċikli elettorali li saru f’għadd ta’ muniċipalitajiet kmieni fl-2014. Fejn xieraq, dawn għandhom jiġu investigati u, fejn ikun meħtieġ, ipproċessati mill-awtoritajiet kompetenti. Minħabba l-klima politika polarizzata, il-formazzjoni ta’ amministrazzjonijiet ġodda f’ċerti muniċipalitajiet wara l-elezzjonijiet kienet proċess diffiċli. Ġiet adottata leġiżlazzjoni elettorali ġdida fi Frar u Marzu. Din tissodisfa diversi rakkomandazzjonijiet tal-OSKE / ODIHR li kienu pendenti, filwaqt li xi kwistjonijiet għad iridu jiġu indirizzati b’konformità mal-istandards u l-aħjar prattiki Ewropej. L-adozzjoni ta’ emendi għal-liġi dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi kienet immarkata minn kontroversja, filwaqt li l-grupp ta' tmexxija prinċipali vvota kontra. Wara deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali f’Ġunju, parti sinifikanti tal-emendi għal-liġi dwar l-iffinanzjar tal-partiti politiċi tqieset bħala mhux kostituzzjonali. Il-Montenegro jeħtieġ li jikseb mingħajr dewmien il-qafas leġiżlattiv tiegħu f’dan il-qasam f’konformità sħiħa mal-istandards Ewropej u mal-aħjar prattiki, kif ukoll jipprovdi rekord inizjali dwar l-implimentazzjoni korretta tal-liġi, inkluża l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet deterrenti fejn meħtieġ. Is-segwitu ġudizzjarju fuq l-allegat abbuż tal-fondi pubbliċi favur l-għanijiet tal-partiti politiċi għad irid jitlesta u r-responsabbiltà politika għad trid tipi żgurata.

    Fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja, l-implimentazzjoni ta’ miżuri f’konformità mal-iskedi ta’ żmien previsti fil-Pjan ta’ Azzjoni għadha għaddejja. Wara l-allinjament tal-leġiżlazzjoni rilevanti mar-riformi kostituzzjonali ta’ Lulju 2013, bosta uffiċjali ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni ġew eletti. Wara diversi tentattivi, il-Parlament finalment ħatar Prosekutur tal-Istat Suprem ġdid f’Ottubru 2014. Għandhom jitlestew ir-riformi li introduċew sistema unika ta’ reklutaġġ mal-pajjiż kollu għall-imħallfin u l-prosekuturi, kif ukoll sistema ta’ promozzjoni objettiva u bbażata fuq il-mertu, u sistema dixxiplinarja mtejba. Filwaqt li l-effiċjenza tal-qrati b’mod ġenerali żdiedet, l-isforzi biex tkompli titjieb l-effiċjenza tal-ġudikatura għandhom jissoktaw.

    L-impatt tal-miżuri kontra l-korruzzjoni sa issa kien limitat. Diġà qabel il-bidu tal-operazzjoni tal-Aġenzija l-ġdida kontra l-korruzzjoni, l-istituzzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-korruzzjoni jeħtieġ li jissaħħu biex jittieħed approċċ aktar proattiv. Il-korruzzjoni għadha prevalenti f'bosta żoni u qed tkompli tkun problema serja. Rekord kredibbli ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni f’każi ta’ korruzzjoni, inkluża l-korruzzjoni f’livell għoli, jeħtieġ li jiġi żviluppat. L-użu sistematiku ta’ strumenti ta’ qbid u konfiska ta’ assi għandu jiġi żgurat. Filwaqt li r-rekord kompliet tiżviluppa fil-qasam tal-ġlieda kontra d-drogi u tnedew każijiet ġodda fuq il-kuntrabandu tal-migranti, għad baqa’ d-diffikultajiet fl-indirizzar ta’ forom oħra ta’ kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, iċ-ċiberkriminalità u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. L-għadd ta’ kundanni finali, kemm għall-korruzzjoni kif ukoll għall-kriminalità organizzata, huwa limitat, b'kawżi ta’ sikwit irreferuti għal proċess mill-ġdid abbażi ta' ksur proċedurali. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi.

    Il-qafas legali u istituzzjonali għall-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem jinsab fis-seħħ u l-elementi ewlenin tal-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ġew inkorporati fis-sistema legali. Il-kapaċità tal-istituzzjonijiet responsabbli mill-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ li tissaħħaħ, inkluż għall-ġudikatura u l-pulizija. Gruppi vulnerabbli, pereżempju r-Rom u persuni b’diżabbiltà, huma l-aktar milquta minn nuqqasijiet f’dan il-qasam.

    Għad hemm tħassib serju fir-rigward tal-libertà ta’ espressjoni, li ġiet mhedda minn każijiet ta’ vjolenza kontra l-ġurnalisti, u attakki fuq il-proprjetà tal-midja. Każijiet antiki u reċenti ta’ theddid u vjolenza kontra l-ġurnalisti għad iridu jiġu investigati fil-fond u mressqa l-qorti, biex jidentifikaw mhux biss l-awturi materjali iżda wkoll dawk wara l-attakki. Każijiet aktar antiki b’mod partikolari jeħtieġ li jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ urġenza biex ikun evitat li jiġu preskritti. F'Diċembru ġiet stabbilita Kummissjoni għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-investigazzjoni ta’ kawżi antiki u reċenti ta’ theddid u vjolenza kontra l-ġurnalisti. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għandhom jiġu segwiti bis-sħiħ mill-awtoritajiet. Il-gvern għandu jkompli jippromwovi u jappoġġa pubblikament il-libertà tal-midja, filwaqt li trid tiġi evitata kull dikjarazzjoni li tista’ tiġi mifhuma bħala intimidazzjoni. Il-korpi li jirregolaw lilhom infushom responsabbli għaż-żamma u l-promozzjoni ta’ standards professjonali u etiċi huma dgħajfa.

    L-awtoritajiet Montenegrini ħadu aktar passi biex issaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni lesbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI). L-ewwel parata Pride f’Podgorica saret f’Ottubru 2013, appoġġata b’mod xieraq mill-awtoritajiet. Madankollu, l-attakki kontra persuni LGBTI qed ikomplu u l-kundanni kriminali relatati magħhom għadhom ftit. L-ostilità kontra tagħhom għadha mifrux fis-soċjetà kollha.

    Sar xi progress rigward is-sitwazzjoni tar-Rom, speċjalment fir-rigward tal-attendenza skolastika; minkejja dan, ir-rati tal-abbandun bikri mill-iskola u s-sehem baxx ta' studenti femminili Rom fost il-popolazzjoni totali tal-istudenti Rom, huma kwistjonijiet ta' tħassib. Id-diskriminazzjoni kontra r-Rom u s-sottorappreżentazzjoni politika tagħhom jeħtieġ li jiġu indirizzati.

    Il-Montenegro jkompli jżomm relazzjonijiet bilaterali tajba mal-pajjiżi l-oħra involuti fil-proċess tat-tkabbir u mal-Istati Membri tal-UE tal-viċinat u huwa involut ħafna fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali. Ġie inizjalat ftehim fuq il-fruntieri mal-Bożnja u Ħerzegovina.

    Il-Montenegro għadu jżomm il-ftehim bilaterali ta' immunità mal-Istati Uniti tal-2007, li jagħti eżenzjonijiet mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali. Il-Montenegro jeħtieġ jallinja ruħu mal-pożizzjoni tal-UE fil-qafas tan-negozjati ta’ adeżjoni

    Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, il-Montenegro għamel xi ftit aktar progress lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Il-pajjiż għandu jkun jista' jlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fuq it-terminu l-medju, sakemm ikompli jindirizza d-dgħufijiet kurrenti permezz ta' riformi strutturali xierqa.

    L-ekonomija rkuprat fl-2013 minn reċessjoni doppja, iżda l-irkupru jibqa’ fraġli minħabba domanda domestika dgħajfa, bażi ta’ produzzjoni żgħira, u dipendenza għolja fuq l-ambjent estern. Id-defiċit tal-kont kurrenti b’xi mod naqas iżda l-iżbilanċi esterni għadhom għoljin. Id-defiċits baġitarji sostanzjali u persistenti jindikaw il-ħtieġa għal miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali biex jiġi żgurat it-tnaqqis tad-dejn pubbliku. Minkejja titjib marġinali, il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol għadhom prekarji minħabba rati għoljin ħafna ta’ qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ u dawk li ilhom qiegħda fit-tul.

    Il-Montenegro għandu jżid il-mobbiltà tal-ħaddiema u jssaħħaħ l-effikaċja tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, kif ukoll issaħħaħ il-kwalità tal-edukazzjoni, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Bħala appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi ssimplifikat l-ambjent regolatorju u legali, inkluż it-tisħiħ tal-infurzar tal-kuntratti, it-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi u l-ostakoli, u l-faċilitazzjoni ta’ proċeduri ta’ privatizzazzjoni. Is-sitwazzjoni mqallba tal-konglomerat tal-aluminju KAP titlob għal soluzzjoni sostenibbli, implimentata f’konformità mar-regoli tal-FSA, sabiex tiġi evitata sensiela ġdida ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti.

    Fir-rigward tal-abbiltà li jintrefgħu l-obbligi tas-sħubija, il-Montenegro jinsab fi gradi differenti ta' allinjament. Bħala riżultat tal-eżami analitiku ("screening"), il-Kummissjoni vvalutat li, f’20 kapitolu, il-Montenegro avvanza biżżejjed biex jinfetħu n-negozjati fir-rigward ta' dawn il-kapitoli mingħajr ma jistabbilixxu parametri referenzjarji tal-ftuħ. Minn dawn il-kapitoli, 10 nfetħu diġà, b’parametri referenzjarji interim jew tal-għeluq stabbiliti, filwaqt li tnejn minnhom ingħalqu provviżorjament. Minbarra l-kapitoli tal-istat tad-dritt, ġew stabbiliti parametri riferenzjarji tal-bidu fi 11-il kapitolu[6]. It-twettiq tal-parametri referenzjarji ta’ ftuħ, kif ukoll il-parametri referenzjarji interim stabbiliti għall-kapitoli dwar l-istat tad-dritt u l-parametri referenzjarji tal-għeluq, stabbiliti għal tmien kapitoli oħrajn[7], għandhom jiggwidaw lill-Montenegro fi triqtu lejn l-integrazzjoni.

    Kollox ma’ kollox, il-Montenegro huwa avvanzat fl-allinjament tiegħu f’ċerti kapitoli tal-acquis, inkluż il-liġi dwar il-proprjetà intelletwali, ix-xjenza u r-riċerka, l-edukazzjoni u l-kultura, il-protezzjoni tal-konsumaturi u tas-saħħa u l-politika barranija, tas-sigurtà u d-difiża. Il-Montenegro ġeneralment allinja ruħu u implementa miżuri restrittivi, introdotti b’deċiżjonijiet tal-Kunsill, inklużi miżuri restrittivi tal-UE fil-kuntest tal-annessjoni illegali Russa tal-Krimea u l-avvenimenti fil-Lvant tal-Ukraina.

    L-allinjament mal-acquis u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva meħtieġa jibqgħu sfida sostanzjali għall-Montenegro. L-amministrazzjoni Montenegrina se jeħtiġilha tiffoka fuq l-indirizzar tal-parametri referenzjarji ta' ftuħ stabbiliti li għadhom pendenti. Għandha tingħata prijorità biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-FSA fil-każ tal-KAP. Il-kapaċità amministrattiva fl-oqsma kollha tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima għandha tissaħħaħ f'livell kemm ċentrali kif ukoll lokali biex tiżgura l-allinjament ma’, u l-implimentazzjoni tal-acquis dwar l-ambjent u l-klima.

    Is-Serbja

    Is-Serbja qed tkompli tissodisfa b’mod suffiċjenti l-kriterji politiċi. Elezzjonijiet parlamentari bikrija f’Marzu kkonfermaw l-aspirazzjonijiet ta’ integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż. L-adeżjoni mal-UE tibqa' l-għan prinċipali tal-gvern il-ġdid. Dan jista’ jistrieħ fuq maġġoranza ta’ żewġ terzi mingħajr preċedent fil-Parlament biex iwettaq ir-riformi ta’ prijorità ewlenin meħtieġa biex jiggwidaw lill-pajjiż fi triqtu lejn l-Ewropa. Il-Gvern Serb stabbilixxa għanijiet ekonomiċi ambizzjużi għalih innifisu f’dan ir-rigward. Ir-riformi kostituzzjonali minn kmieni fil-leġiżlatura l-ġdida jirrappreżentaw progress deċiżiv fin-negozjati tal-adeżjoni. Għandha tingħata attenzjoni biex tkompli titjieb l-inklużività u t-trasparenza tal-proċess ta’ riforma. Il-proċedura parlamentari ta’ urġenza għandha tkun limitata għal każijiet fejn dan hu strettament meħtieġ. Ir-rwol tal-korpi regolatorji indipendenti għandu jkun kontinwament rikonoxxut u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom segwiti. Twaqqfet Konvenzjoni Nazzjonali dwar l-Unjoni Ewropea bħala pjattaforma għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-proċess tan-negozjati tal-adeżjoni f’Ġunju, li għandha timmaterjalizza f’konsultazzjoni kontinwa akbar tas-soċjetà ċivili, speċjalment fi żminijiet ta’ sfidi ekonomiċi u soċjali partikolari għaċ-ċittadini Serbi.

    Is-Serbja qed tagħmel progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika tagħha. Hija adottat strateġija komprensiva u koordinazzjoni u ppjanar ta’ politiki pubbliċi msaħħa bit-twaqqif ta’ Segretarjat ġdid għall-politiki Pubbliċi. Madankollu, xorta għadha meħtieġa riforma b’saħħitha u komprensiva, imsejsa fuq analiżi xierqa u għodod ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni.

    Ittieħdu l-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali dwar ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni adottati s-sena li għaddiet. Is-Serbja ħadet kont tal-sfidi sinifikanti li l-ġudikatura tagħha qed tiffaċċa. Saru attivitajiet leġiżlattivi intensivi. Ġew adottati regoli ta’ evalwazzjoni għall-imħallfin u l-prosekuturi. Inħatar numru importanti ta’ Presidenti tal-Qrati fuq bażi permanenti. L-ewwel ġenerazzjoni ta’ nutara pubbliċi bdiet il-mandat tagħha. Madankollu, għad iridu jiġu adottati leġiżlazzjonijiet ewlenin, bħalma hija l-liġi dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas. Il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-liġijiet adottati reċentement tinsab pendenti. Huwa meħtieġ progress biex jiżgura ġudikatura indipendenti effettiva. Ir-reklutaġġ u l-ħatra tal-maġistrati jibqgħu rregolati permezz ta’ kriterji li mhumiex ċari. Il-ġeneralizzazzjoni tas-sistema kontradittorja u l-modifika tan-netwerks tal-Qorti għad ma kellhomx impatt notevoli fuq l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġudikatura.

    Jeżisti impetu politiku qawwi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni. Bosta investigazzjonijiet f’kawżi ta’ livell għoli ġew imwettqa u saru sforzi biex jittejbu l-koordinazzjoni u t-tmexxija istituzzjonali f’dan il-qasam. Madankollu, il-korruzzjoni għadha prevalenti f’ħafna oqsma u qed tkompli tkun problema serja. Il-proporzjon ta’ kundanni għal atti ta’ akkużi huwa baxx. Mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta għad iridu jiġu stabbiliti. Għadhom iridu jinbnew mekkaniżmi effettivi ta' prevenzjoni u trażżin. L-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u r-rwol tal-Kunsill jeħtieġ li jiġu appoġġati fl-ogħla livell u r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tagħhom segwiti kif xieraq. Għad iridu jinstabu alternattivi effettivi għar-rikors eċċessiv għall-inkriminazzjonijiet skont ir-reat ta’ abbuż ta’ pożizzjoni fis-settur privat.

    Is-Serbja pparteċipat b’mod attiv fil-kooperazzjoni reġjonali fl-infurzar tal-liġi, li tat riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, u li wasslet notevolment għal arrest ta’ profil għoli b’rabta ma’ gruppi ta’ kriminalità organizzata. Tenħtieġ valutazzjoni tat-theddid strateġiku fil-qasam tal-kriminalità organizzata, bl-għan li jiġi żviluppat ippjanar strateġiku u l-analiżi u sussegwentement reazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi xierqa, inkluż permezz tal-kunċett ta’ attivitajiet tal-pulizija bbażati fuq l-intelligence. Għandhom jiġu żviluppati rekords kredibbli ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni finali f’kawżi ta’ korruzzjoni u kriminalità organizzata, inklużi dawk ta’ livell għoli. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi.

    B’ħarsa lejn il-ġejjieni, l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni kredibbli u komprensivi għall-Kapitoli 23 u 24, f’konformità mal-approċċ il-ġdid, se tkun pass kruċjali għas-Serbja.

    Il-qafas legali għall-protezzjoni tal-minoranzi ġeneralment huwa fis-seħħ iżda l-implimentazzjoni konsistenti tiegħu fis-Serbja kollha għadha trid tinbena, f'oqsma bħall-edukazzjoni, l-użu tal-lingwi, u l-aċċess għall-midja u s-servizzi reliġjużi fil-lingwa minoritarji. Il-miżuri pożittivi meħuda għat-titjib tas-sitwazzjoni tar-Rom għandhom bżonn jitħaffu, partikolarment fir-rigward tal-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u l-impjiegi. Jinħtieġu aktar sforzi kontinwi biex titjieb is-sitwazzjoni tar-rifuġjati u l-persuni spustati.

    Il-Parata Pride, li saret f’Belgrad fit-28 ta’ Settembru, mingħajr inċidenti kbar, hija pass importanti lejn l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-bniedem b’mod ġenerali u b'mod partikolari d-drittijiet ta' persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI). Is-Serbja ħadet pass importanti lejn l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-midja tal-2011 billi adottat f’Awwissu pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar il-midja, li huwa mfassal biex itejjeb it-trasparenza tas-sjieda u l-finanzjament tal-midja u biex jallinja l-leġiżlazzjoni u l-prattika mal-qafas tal-UE. Madankollu, għad hemm tħassib dwar il-kundizzjonijiet deterjoranti għall-eżerċizzju sħiħ tal-libertà tal-espressjoni. L-awtoritajiet għandhom responsabbiltà kruċjali f’li jikkontribwixxu b'mod attiv għall-eżerċizzju mingħajr xkiel tal-libertà tal-espressjoni, inkluż billi juru appoġġ xieraq lejn il-korpi indipendenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti indipendenti. Il-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali kollha u l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra d-diskriminazzjoni se jeħtieġu approċċ aktar dedikat u proattiv.

    Is-Serbja kompliet tadotta approċċ kostruttiv fil-kooperazzjoni reġjonali u sar titjib sinifikanti fir-relazzjonijiet ma’ wħud mill-ġirien tagħha.

    Fir-rigward tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, is-Serbja baqgħet impenjata fid-djalogu u kumplessivament impenjata għall-implimentazzjoni tal-Ewwel Ftehim ta' April 2013 dwar il-prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet u ftehimiet oħra milħuqa fid-djalogu. Dan wassal għal għadd ta’ bidliet irriversibbli fuq l-art, bit-tmexxija ta’ elezzjonijiet lokali u parlamentari għall-ewwel darba fil-Kosovo kollu, u ż-żarmar ta’ strutturi tal-pulizija u tal-ġustizzja Serba avvanza b’mod sostantiv. Ġiet approvata soluzzjoni permanenti għall-inklużjoni tal-Kosovo fil-Proċess ta’ Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (South-East European Cooperation Process, SEECP). Filwaqt li ma kien hemm l-ebda laqgħat ta’ livell għoli minn mindu ssejħu l-elezzjonijiet bikrija fil-Kosovo, tkompliet il-ħidma fil-livell tekniku, li wasslet għal progress fl-oqsma tal-ġbir tad-dwana, l-IBM, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni.

    Madankollu, il-progress fl-implementazzjoni tad-djalogu naqas b’mod ġenerali. Sarhu elezzjonijiet ġenerali kmieni kemm fis-Serbja kif ukoll fil-Kosovo. Huwa importanti li jerġa’ jibda d-djalogu ta’ livell għoli. Huwa essenzjali wkoll li ż-żewġ naħat ikomplu jimpenjaw ruħhom b’mod sħiħ fl-implimentazzjoni in bona fede tal-ftehimiet eżistenti kollha. Aktar progress għandu jwassal gradwalment għan-normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo, fil-forma ta’ ftehim legalment vinkolanti sa tmiem in-negozjati tal-adeżjoni tas-Serbja, bl-ħsieb li kemm is-Serbja kif ukoll il-Kosovo jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tagħhom u jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom.

    Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, is-Serbja għamlet xi progress lejn it-twaqqif ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Jeħtieġ li tiġi implementata firxa wiesgħa ta' riformi strutturali biex is-Serbja tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u mal-forzi tas-suq fl-Unjoni, fit-terminu l-medju.

    L-ekonomija naqset fl-ewwel nofs tas-sena, affetwata wkoll mill-għargħar qawwi. Il-Gvern ta bidu serju għall-programm ambizzjuż tiegħu ta’ riformi ekonomiċi u strutturali bl-adozzjoni tal-ewwel sett ta’ liġijiet importanti fuq ix-xogħol, il-privatizzazzjoni, u l-falliment. Minkejja s-sensiela ta’ miżuri ġodda, l-iżbilanċi fiskali għadhom għolja ħafna u d-dejn tal-gvern baqa’ jiżdied. Madankollu, żieda fl-esportazzjoni kkontribwixxiet għat-tnaqqis tal-iżbilanċi esterni. L-inflazzjoni laħqet livelli storikament baxxi, taħt il-marġni fil-mira tal-bank ċentrali. Il-qgħad baqa' għoli ħafna.

    Huma meħtieġa sforzi sinifikanti biex titnaqqas in-nefqa tal-gvern u biex jiġu implimentati r-riformi strutturali adottati, sabiex tiġi restawrata s-sostenibbiltà fiskali u fl-aħħar mill-aħħar ikun appoġġat it-tkabbir. It-tnaqqis tal-influwenza qawwija tal-istat fl-ekonomija jirrikjedi li jiġu ttrattati l-ineffiċjenzi fis-settur pubbliku ġenerali, l-avvanz tal-privatizzazzjoni f’konformità mal-iskeda, is-semplifikazzjoni tal-għajnuna mill-istat, u t-titjib tal-governanza korporattiva tal-kumpaniji pubbliċi. Il-ġbir tat-taxxi jeħtieġ li jitjieb, anki billi jiġi indirizzat is-settur informali ġenerali. L-ambjent tan-negozju qed ibati minn burokrazija eċċessiva, minn dħul u ħruġ mis-suq b'pass kajman, minn bosta ostakoli għall-investiment, bħas-sistema legali dgħajfa u l-infurzar kajman tal-kuntratti. Is-sehem għoli ta’ self improduttiv jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod effettiv biex itejjeb is-self mill-banek. It-titjib fl-infrastruttura fiżika, speċjalment wara l-ħsara kkawżata mill-għargħar, jeħtieġ sforzi persistenti u l-ħolqien ta’ aktar spazju fiskali. Is-sistema edukattiva għandha ssir iktar effiċjenti fid-dawl ta’ tnaqqis fin-numru ta’ studenti u ta’ diskrepanzi ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol.

    Rigward il-kapaċità tagħha li tassumi l-obbligi tas-sħubija, is-Serbja kompliet tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE f’ħafna oqsma. Il-Montenegro kompla jimplimenta mingħajr intoppi l-obbligi tiegħu skont il-Ftehim ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA). Jista’ jiġi rrapurtat progress tajjeb fis-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja bl-adozzjoni tal-pakkett ta’ tliet liġijiet li jimplimentaw l-istrateġija 2013 tal-midja biex b'hekk il-qafas legali tas-Serbja jkompli jiġi allinjat mal-acquis. Il-leġiżlazzjoni dwar it-trasport bil-ferrovija, bl-ajru u bit-triq qed jiġi wkoll allinjat. Komplew jinħarġu r-riżultati taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tal-agrikoltura. L-istrateġija l-ġdida tar-riforma tal-amministazzjoni pubblika minn Jannar 2014 tinkludi kontroll finanzjarju intern pubbliku fost il-prijoritajiet tar-riforma.

    Fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà, l-allinjament tas-Serbja mad-dikjarazzjonijiet tal-UE u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandu jittejjeb sabiex is-Serbja tissodisfa r-rekwiżit skont il-qafas ta’ negozjar li tallinja b’mod progressiv il-politika tagħha u d-deċiżjonijiet f’dan il-qasam ma’ dawk adottati mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fil-perijodu sal-adeżjoni. Is-Serbja teħtieġ b’mod urġenti telabora u timplimenta monitoraġġ kredibbli u b’saħħtu u mekkaniżmi ta’ superviżjoni għall-allinjament tal-acquis fl-oqsma kollha. Huma meħtieġa wkoll sforzi sinifikanti mhux biss biex isaħħu u jinfurzaw bis-sħiħ il-qafas legali ġenerali, iżda wkoll, u l-iktar importanti, bl-għan li dawn ir-riformi jkunu appoġġati b’riżorsi finanzjarji u umani adegwati. Hemm ukoll nuqqas ta’ koordinazzjoni u tmexxija istituzzjonali f’ċerti oqsma tal-acquis u l-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-indipendenza tal-korpi regolatorji. Il-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi allinjati mal-acquis u għandha tiġi effettivament applikata għall-impriżi kollha, inklużi dawk fil-proċess ta’ ristrutturazzjoni u privatizzazzjoni. Huma meħtieġa aktar sforzi biex jitħaffef il-proċess ta’ ażil f’konformità mal-istandards tal-UE u l-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni permanenti jeħtieġ li jittejbu. Is-Serbja għandha żżid l-isforzi tagħha lejn l-allinjament fil-qasam tal-enerġija, inkluż fir-rigward tal-pajpijiet tal-gass South Stream. Hemm bżonn ta' separazzjoni fis-settur tal-gass u r-ristrutturar tal-kumpanija pubblika tal-gass Srbijagas bħala kwistjoni ta’ prijorità. Allinjament ulterjuri fl-oqsma tat-tassazzjoni, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, u l-organiżmi ġenetikament modifikati huwa wkoll meħtieġa, flimkien ma’ tisħiħ sostanzjali fis-saħħa ġenerali u fis-sistema ta’ protezzjoni soċjali.

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

    B'mod ġenerali, il-pajjiż ikompli jissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi. Il-pajjiż wettaq il-biċċa l-kbira ta’ riformi tiegħu fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja u l-amministrazzjoni pubblika u għamel progress minn mindu sar pajjiż kandidat fl-2005. Il-livell ta’ allinjament leġiżlattiv huwa għoli meta l-pajjiż jitqabbel ma' fejn jinsab fil-proċess ta’ adeżjoni. Madankollu, għad hemm sfidi serji jippersistu, li f’xi oqsma żdiedu. Dawn jirrigwardaw, b’mod partikolari, kultura politika dejjem aktar diviżiva, tħassib serju dwar il-politiċizzazzjoni u l-kontroll tal-gvern dejjem jikbru fuq l-istituzzjonijiet tal-Istat u tal-midja, kif ukoll sitwazzjoni interetnika li għadha fraġli.

    L-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari bikrin ta’ April 2014 ġew ivvalutati mill-OSKE / ODIHR bħala amministrati b’mod effiċjenti, iżda milquta minn nuqqas ta’ separazzjoni bejn l-attivitajiet tal-istat u dawk tal-partiti u rapportar preġudikat mill-midja. Jeżisti tħassib dwar in-nuqqas ta’ ċarezza bejn l-Istat u l-partiti fil-gvern li qed inaqqas il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi. Nuqqas ta’ djalogu u diviżjonijiet persistenti bejn il-partiti wassal għal kriżi politika mġedda, li tirriżulta minn allegazzjonijiet b’rabta mal-elezzjonijiet, li raw il-partit prinċipali tal-oppożizzjoni jassenti lilu nnifsu mill-Parlament. Il-partiti politiċi ewlenin jagħmlu biżżejjed sforzi biex jimpenjaw ruħhom f’politika kostruttiva fl-interess tal-elettorat kollu u l-pajjiż inġenerali. Il-Gvern u l-oppożizzjoni għandhom jieħdu passi biex jissoktaw id-djalogu politiku fil-Parlament. Il-gvern jeħtieġ li jiżgura li l-oppożizzjoni jkollha l-possibbiltà li teżerċita bis-sħiħ il-funzjoni ta’ kontroll demokratiku tagħha. Fl-istess ħin, l-oppożizzjoni teħtieġ ukoll li timpenja ruħha b’mod kostruttiv fil-proċessi demokratiċi.

    Il-politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak lokali, huwa ta’ tħassib serju. Il-prinċipji ta’ trasparenza, responsabilità u mertu għadhom ma ġewx applikati b’mod sħiħ. L-OSKE / ODIHR barra minn hekk irrapportaw dwar allegazzjonijiet kredibbli ta’ pressjoni li ġiet eżerċitata fuq l-impjegati fis-settur pubbliku matul l-elezzjonijiet ta’ April 2014. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati, inkluż permezz tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid.

    L-indipendenza u l-kompetenza tal-qrati jridu jkunu msaħħa aktar u trid titqiegħed enfasi akbar fuq il-kwalità tal-ġustizzja pprovduta liċ-ċittadin. Il-livell għoli tal-pajjiż ta’ avvanzi tekniċi u leġiżlattivi f’dan il-qasam qed iġib miegħu tħassib dejjem jikber fir-rigward tas-selettività tal-ġustizzja. Qed jiġu żviluppati rekords, iżda l-korruzzjoni għadha prevalenti f’ħafna oqsma u qed tkompli tkun problema serja. Il-qafas ta’ kontra l-korruzzjoni jeħtieġ li jiġi implimentat b’mod aktar effettiv.

    Sar aktar titjib fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin. Għandhom jitkomplew l-isforzi biex jinbena rekord ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni f’kawżi ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi.

    Il-qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jinsab fis-seħħ iżda għandha titqiegħed aktar enfasi fuq l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Sforzi kontinwi huma meħtieġa biex jindirizzaw tħassib dwar il-preġudizzju u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni tar-Rom u biex jiġu miġġielda l-intolleranza kontra persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI).

    Is-sitwazzjoni dwar il-libertà tal-midja kompliet tmur għall-agħar. L-influwenza tal-gvern fuq l-output tal-midja hija eżerċitata permezz ta’, inter alia, reklamar iffinanzjat mill-Istat. Teżisti skarsezza ta’ rapportar verament indipendenti u nuqqas ta’ informazzjoni preċiża u oġġettiva li qed tkun disponibbli permezz tal-midja prinċipali lill-pubbliku, kif ukoll nuqqas ta’ dibattitu pubbliku informat.

    Rigward ir-relazzjonijiet interetniċi, il-Ftehim Qafas ta’ Ohrid, li ġab fi tmiem il-kunflitt tal-2001, jipprovdi qafas li jiggarantixxi l-karattru multi-etniku tas-soċjetà. Madankollu, nuqqas ta’ fiduċja bejn il-komunitajiet jipprevali. It-tensjonijiet jistgħu jiġu faċilment minħabba avvenimenti jew inċidenti. Approċċ aktar proattiv u konġunt għall-promozzjoni ta’ soċjetà multietnika inklużiva huwa meħtieġ. Ir-rieżami tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid għad irid jitlesta u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għad irid jiġu implimentati.

    Il-pajjiż ġeneralment għandu relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi l-oħra involuti fil-proċess tat-tkabbir u għandu rwol attiv fil-kooperazzjoni reġjonali. Approċċ kostruttiv għar-relazzjonijiet mal-Istati Membri tal-UE ġirien jibqa' importanti. Azzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jaffettwaw ħażin ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien għandhom jiġu evitati.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tibqa' fi stadju avvanzat sew u, f’ċerti oqsma, għamlet xi progress ulterjuri fil-ħolqien ta’ ekonomija tas-suq funzjonanti. Biex tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni fit-terminu medju, il-pajjiż jeħtieġ li jindirizza sfidi importanti permezz tal-implimentazzjoni determinata tar-riformi strutturali.

    Ir-rilanċ ekonomiku kompla jagħmel progress, iżda jibqa’ strettament ibbażat fuq is-settur estern, u kellu impatt limitat fuq il-qgħad li għadu għoli b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ. Riformi li jindirizzaw ir-riġiditajiet strutturali tas-suq tax-xogħol għamlu progress ftit li xejn. Inżammet l-istabbiltà finanzjarja u l-influssi mill-IDB żdiedu. Id-dixxiplina fiskali kif ukoll it-trasparenza u l-kwalità tal-infiq tal-gvern iddeterjoraw.

    Il-prospettivi għat-tkabbir u l-impjiegi jiddependu ħafna fuq l-ambjent kummerċjali tas-settur privat nazzjonali. Biex tgħin fil-kisba ta’ dan, hemm bżonn li jiġu ffaċilitati aktar proċeduri ta’ liċenzjar, bl-għan ukoll li jiġu inkoraġġuti rabtiet b’lura bejn kumpaniji domestiċi u barranin; jeħtieġ li jitħaffu l-proċeduri ta’ ħruġ mis-suq; u, b’mod ġenerali, li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji kollha meta tiġi infurzata r-regolamentazzjoni tan-negozju. L-aċċess għall-finanzi se jkollu jitjieb, inkluż billi jissewwa l-metodu tas-self bankarju. Jeħtieġ li jkun hemm allinjament aħjar tal-ħiliet tal-ħaddiema mad-domanda tax-xogħol permezz ta’ riformi ulterjuri tas-sistema edukattiva, inkluża l-implimentazzjoni ta’ strateġija tat-taħriġ vokazzjonali. Rigward il-finanzi pubbliċi, id-deterjorament mill-ġdid tad-dixxiplina fiskali fl-2013 u l-2014 jitlob titjib fil-proċeduri ta’ ppjanar tal-baġit u konsistenza aħjar ta’ eżekuzzjoni tal-baġit annwali bl-istrateġija fiskali fuq żmien medju. Il-kwalità tan-nefqa pubblika għandha tittejjeb, permezz taċ-ċaqliq tal-kompożizzjoni tan-nefqa kapitali lejn investiment li jistimula t-tkabbir.

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kompliet b'aktar progress biex ittejjeb l-abbiltà tagħha biex tassumi l-obbligi tas-sħubija. Il-pajjiż qed ikompli jkun involut fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jissodisfa l-impenji tiegħu skont il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    Il-pajjiż għandu firxa wiesgħa ta’ kooperazzjoni mal-UE fl-oqsma kollha tal-acquis u huwa f’livell avvanzat ta’ allinjament leġiżlattiv, fuq livell kemm strateġiku kif ukoll istituzzjonali. B'mod ġenerali, il-pajjiż kiseb livell ta' allinjament li huwa suffiċjenti biex jgħaddi għall-istadju li jmiss fil-proċess tal-adeżjoni. Il-punt fokali issa għandu jkun fuq il-kapaċità amministrattiva u implimentazzjoni effettiva.

    Diġà nkiseb livell tajjeb ta' allinjament fil-qasam tas-suq intern, għall-movimenti tal-kapital, is-servizzi postali u l-liġi tal-kumpaniji. Fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet barranin, il-pajjiż huwa avvanzat sew fit-tħejjijiet tiegħu dwar il-politika tal-viżi, il-fruntieri esterni u Schengen u l-kooperazzjoni tal-pulizija. Min-naħa l-oħra, huma meħtieġa sforzi ulterjuri b’mod partikolari fil-qasam tal-politika reġjonali, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, il-politika soċjali u l-edukazzjoni. Il-kontroll finanzjarju intern pubbliku jeħtieġ li jissaħħaħ ukoll filwaqt li jiġi żviluppat fl-amministrazzjoni pubblika kollha.

    Il-Kunsill għadu ma ddeċidiex dwar il-proposta tal-Kummissjoni tal-2009 dwar il-passaġġ għat-tieni stadju tal-Assoċjazzjoni, skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

    L-Albanija

    L-Albanija għamlet progress ulterjuri lejn it-twettiq tal-kriterji politiċi. Tnieda Djalogu ta’ Livell Għoli dwar il-Prijoritajiet Ewlenin u ġew stabbiliti Gruppi ta’ ħidma Konġunti biex jiġi strutturat ix-xogħol relatat mar-riformi meħtieġa. Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea għad irid jiġi stabbilit sabiex titrawwem l-inklużività u tgħaqqad lill-partijiet ikkonċernati kollha fil-proċess ta’ riforma. Djalogu politiku konstruttiv u sostenibbli bejn il-gvern u l-oppożizzjoni huwa vitali għas-sostenibbiltà tar-riformi.

    Il-Parlament adotta b’kunsens Riżoluzzjoni dwar l-Integrazzjoni Ewropea. Huwa approva għadd ta’ miżuri leġiżlattivi rilevanti għall-integrazzjoni tal-UE, prinċipalment fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u vvota wkoll dwar il-ħatriet tal-ġudikatura. It-trasparenza tal-proċedura leġiżlattiva tjiebet. Madankollu, il-klima politika mimlija tensjoni qed ikollha effett fuq il-ħidma parlamentari, li qed jirriżulta f’li l-oppożizzjoni spiss tastjeni mill-ħidma parlamentari kollha li ilha tibbojkottja minn Lulju. Kemm il-gvern kif ukoll l-oppożizzjoni jeħtieġu li jiġi żgurat li jsir dibattitu politiku l-ewwel u qabel kollox fil-Parlament. Il-gvern jeħtieġ li jiżgura li l-oppożizzjoni jkollhaa l-possibbiltà li teżerċita bis-sħiħ il-funzjoni ta’ kontroll demokratiku tagħha. Fl-istess ħin, l-oppożizzjoni jeħtieġ ukoll li timpenja ruħha b’mod kostruttiv fil-proċessi demokratiċi.

    Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika mxiet 'il quddiem, b’mod partikolari l-liġi dwar is-Servizz Civili tidħol fis-seħħ, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni implimentattiva rilevanti u passi biex jittejbu l-proċeduri ta’ reklutaġġ. L-implimentazzjoni jeħtieġ li tiġi segwita bil-ħsieb li jissaħħu d-depolitiċizzazzjoni, ir-responsabilità u l-istandards professjonali tal-amministrazzjoni pubblika. Il-Kodiċi tal-Proċeduri Amministrattivi jeħtieġ li jiġi ffinalizzat u adottat f’konformità mal-istandards tal-UE. Iridu jittieħdu passi biex tissaħħaħ l-indipendenza u l-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet indipendenti.

    L-Albanija ħadet passi ulterjuri lejn ir-riforma tal-ġudikatura billi involviet ruħha mal-Kummissjoni ta’ Venezja bl-għan li ssaħħaħ l-indipendenza, ir-responsabbiltà u l-professjonaliżmu tas-sistema ġudizzjarja u billi bdiet tabbozza l-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2014-2020. Saru xi passi biex titjieb ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-ġudikatura, inkluż permezz ta’ emendi leġiżlattivi li jirregolaw l-immunitajiet tal-imħallfin u l-prosekuturi. Proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin wasslu għal numru ta’ sanzjonijiet. Il-Qrati Amministrattivi bdew jiffunzjonaw, għalkemm għad hemm bżonn li jsiru kompletament operattivi. Ġew introdotti bidliet għal-Liġi dwar il-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja bl-għan li jitjieb il-funzjonament tiegħu. Madankollu, ġie espress tħassib dwar l-adozzjoni mgħaġġel tagħhom mingħajr ma ġew inklużi u kkonsultati l-atturi rilevanti kollha. Għad hemm ħafna nuqqasijiet u teżisti sensibilizzazzjoni ġenerali li r-riforma fil-fond tal-ġudikatura hija meħtieġa b’mod urġenti. Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi sostanzjali biex jiġu żgurati l-indipendenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà tal-ġudikatura, inkluż permezz ta’ emendi kostituzzjonali. L-Albanija se jkollha bżonn issegwi dan il-proċess b’mod vigoruż bil-kooperazzjoni kostruttiva tal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni kontinwa mal-Kummissjoni ta’ Venezja. Hemm il-ħtieġa għal azzjoni determinata biex tissaħħaħ is-sistema dixxiplinarja għall-imħallfin, għall-prosekuturi u għall-avukati, kif ukoll biex tittejjeb aktar l-effiċjenza tal-qrati.

    Il-gvern wera rieda politika kontinwa li jaġixxi b’mod deċiżiv fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-qafas leġiżlattiv ġie msaħħaħ u l-koordinazzjoni tal-politika u l-monitoraġġ fil-livell ċentrali tjiebu. Inħatar Koordinatur Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u ġie stabbilit netwerk ta’ punti fokali kontra l-korruzzjoni fil-ministeri kompetenti kollha. Madankollu, il-korruzzjoni għadha prevalenti f’ħafna oqsma, inkluż fil-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi, u għadha problema partikolarment serja. L-Albanija teħtieġ tieħu miżuri biex tinfurza l-qafas leġiżlattiv u tadotta l-istrateġija kontra l-korruzzjoni 2014-20 u l-pjanijiet ta’ azzjoni. Jeħtieġ titjieb il-kooperazzjoni interistituzzjonali, u l-ostakoli eżistenti ta’ investigazzjonijiet proattivi jridu jitneħħew. L-Albanija trid ukoll tkompli tiżviluppa r-rekord ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni f’kawżi ta’ korruzzjoni, speċjalment fuq livell għoli.

    Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata turi xejra pożittiva f’numru ta’ oqsma, b’intensifikazzjoni tal-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi inkluż fis-sekwestri tad-droga u f'reati relatati mad-drogi, mal-kriminalità ekonomika, u t-traffikar tal-bnedmin. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ħadu passi serji biex jiġġieldu l-kultivazzjoni u t-traffikar tal-kannabis, li għadha ta’ tħassib serju, notevolment permezz ta’ operazzjoni kbira tal-pulizija fil-villaġġ ta’ Lazarat u fit-tramuntana tal-pajjiż. Il-kooperazzjoni internazzjonali ssaħħet. Madankollu, jeħtieġ li l-isforzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jingħataw aktar importanza. Il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi għandha tkompli tittejjeb aktar u l-ostakoli leġiżlattivi li jaffettwaw l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet għandhom jitneħħew. L-Albanija se jkollha bżonn sforzi sostenibbli, flimkien ma’ investigazzjonijiet finanzjarji proattivi u sistematiċi, kif ukoll infurzar konsistenti tal-leġiżlazzjoni, sabiex jiġi miġġieled kull tip ta’ attività kriminali inkluż il-ħasil tal-flus, u t-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi. L-Albanija għandha tkompli taġixxi b’mod deċiżiv kontra l-kultivazzjoni tal-kannabis. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi.

    Fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, kif wkoll il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, ġeneralment qed ikomplu jiġu rispettati. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istat u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar id-drittijiet ta’ persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI) qed tittejjeb. Il-qafas legali għal persuni b’diżabbiltà ġie rivedut; għandha tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu. Id-dispożizzjonijiet legali dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess iridu jitneħħew, il-kapaċità istituzzjonali għall-protezzjoni tat-tfal għandha tissaħħaħ u x-xogħol furzat tat-tfal għandu jiġi indirizzat. Ġie adottat pjan ta’ azzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal. Jeħtieġ li l-Albanija tiffoka fuq miżuri ta’ implimentazzjoni biex tittejjeb l-inklużjoni tar-Rom u jkunu mħarsa l-gruppi vulnerabbli. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà jeħtieġ li tkompli tissaħħaħ, inkluż permezz tar-rieżami tal-istrateġija tar-riforma 2012 rigward il-proprjetà u t-tisħiħ tas-sigurtà ta’ sjieda legali. Fir-rigward tal-libertà ta’ espressjoni u tal-midja, il-Gvern naqas milli jaġixxi fuq il-prijoritajiet identifikati. Il-funzjonijiet statutorji kollha tal-Awtorità tal-Midja Awdjoviżiva jridu jiġu restawrati u l-indipendenza tagħha garantita fil-prattika. L-użu mhux awtorizzat ta’ frekwenzi minn diversi xandara għadu problema.

    L-impenn pożittiv tal-Albanija fil-kooperazzjoni regjonali u fir-relazzjonijiet tajbin mal-viċinat jibqa' essenzjali.

    Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, l-Albanija għamlet xi progress lejn li ssir ekonomija tas-suq li tiffunzjona. L-Albanija għandha tkun tista' tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u mal-forzi tas-suq fl-Unjoni fil-perjodu medju, sakemm hija tkompli taċċellera aktar ir-riformi strutturali.

    L-Albanija ppreservat l-istabbiltà makroekonomika, ipproċediet bl-approvazzjoni tal-arretrati u ħadet passi biex ittejjeb l-amministrazzjoni tat-taxxa u l-ġbir. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku naqas aktar u d-defiċit tal-kont kurrenti għadu għoli, li jirrifletti kompetittività dgħajfa. Id-defiċit tal-baġit qabeż il-mira tal-2013 u l-livell għoli ta’ dejn pubbliku żdied aktar waqt li kompla jirrestrinġi l-ispazju fiskali għall-manuvrar. L-inflazzjoni baqgħet baxxa, li ppermettiet l-illaxkar monetarju jkompli, iżda dan ma wassalx għal tkabbir tal-kreditu minħabba l-livell għoli ta’ self improduttiv fil-banek kummerċjali. Il-qgħad huwa għoli u l-ekonomija informali għadha mifruxa.

    L-Albanija għandha ssegwi l-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali bl-għan li jitnaqqas id-dejn pubbliku, filwaqt li fl-istess ħin tippreserva lok għal nefqa li tiffavorixxi t-tkabbir. Is-settur tal-enerġija għandu jiġi riformat u r-riformi tal-amministrazzjoni tat-taxxa u tal-pensjoni għandhom jiġu implimentati aktar sabiex jitnaqqsu r-riskji li joħolqu għall-finanzi pubbliċi. Is-self mill-banek u t-tkabbir tal-kreditu għandhom ikunu sostnuti mill-pagament kontinwu ta’ arretrati tal-Istat lil kumpaniji u bl-indirizzar ta’ self improduttiv. L-ostakoli fir-rigward tal-iżvilupp tas-settur privat għandhom jitneħħew billi jittejjeb l-ambjent tan-negozju, li huwa kkaratterizzat minn nuqqasijiet fl-istat tad-dritt, dgħufijiet fil-qafas regolatorju u inċertezza dwar is-sjieda tal-proprjetà. Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment privat, u b’mod partikolari l-investiment dirett barrani, huwa essenzjali biex jiddiversifika l-bazi dejqa ta' produzzjoni. L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jittejbu aktar biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol u jżidu l-impjegabbiltà.

    Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), li daħal fis-seħħ f’April 2009, kompla jiġi implimentat ġeneralment bla xkiel. L-Albanija kompliet tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha mar-rekwiżiti tal-UE f’għadd ta’ oqsma, filwaqt li tejbet il-kapaċità tagħha li tassumi l-obbligi tas-sħubija. Ġie adottat Pjan Nazzjonali ġdid għall-Integrazzjoni Ewropea għall-2014-2020. Madankollu, it-titjib konkret kien moderat fil-parti l-kbira tal-oqsma. L-Albanija se jkollha bżonn tagħmel sforzi sostanzjali biex ittejjeb it-tħejjijiet tagħha għall-implementazzjoni tal-acquis tal-UE. Aktar sforzi huma meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Is-soluzzjoni tal-kwistjoni bejn il-gvern u l-kumpanija tad-distribuzzjoni tal-enerġija CEZ wasslet biex wittiet it-triq għal aktar riformi fis-settur tal-enerġija. Iż-żieda fl-isforzi f’dan il-qasam, inkluża d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u l-iffunzjonar tas-suq tal-elettriku, hija vitali għall-iżvilupp ekonomiku. L-Albanija trid ukoll issaħħaħ il-ħarsien ambjentali, u tindirizza n-nuqqasijiet innutati fl-oqsma tat-trasport, is-sikurezza tal-ikel, u l-protezzjoni tal-konsumatur u tas-saħħa. Il-kapaċità amministrattiva u l-l-istandards professjonali tal-korpi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-acquis jeħtieġ li jiġu msaħħa u l-indipendenza tal-korpi regolatorji mħarsa. It-titjib fit-trasparenza u r-responsabbiltà, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwist pubbliku u tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, jibqa’ essenzjali.

    Il-Bosnja-Ħerzegovina

    Il-pajjiż għamel progress limitat ħafna fl-indirizzar tal-kriterji politiċi. Ma sar l-ebda progress konkret fl-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet funzjonali u sostenibbli. Bl-istess mod, l-Assemblea Parlamentari tal-Bosnja-Ħerzegovina ftit li xejn għamlet progress biex tadotta leġiżlazzjoni relatata mal-UE. Nuqqas ta’ qbil fuq linji politiċi u etniċi kellhom effett negattiv kbir fuq il-ħidma tal-Assemblej fil-livell Statali u fil-Federazzjoni.

    Il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-livelli tal-Istat, l-Entità u l-livelli kantonali għadha dgħajfa. Kif kien jidher mill-protesti soċjali kmieni fl-2014, il-gvernijiet kollha għandhom, bħala prijorità, jiffokaw fuq l-indirizzar tal-ħtiġijiet soċjoekonomiċi taċ-ċittadini, b’mod partikolari t-trattament tal-qgħad għoli ħafna fost iż-żgħażagħ u l-għajnuna għal dawk fil-bżonn, anki wara l-għargħar kbir ta' Mejju.

    Meta wieħed iqis il-klima politika, ftit li xejn sar progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u fit-titjib tal-kapaċità tagħha li tissodisfa r-rekwiżiti tal-integrazzjoni mal-UE. Il-frammentazzjoni tal-qafas legali amministrattiv f’livelli differenti tal-gvern għadha kwistjoni ta’ tħassib serju, peress li taffettwa ħafna l-funzjonalità tas-sistema tas-servizzi pubbliċi. Jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija ġdida dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika wara l-2014. Ir-riformi meħtieġa fil-ġestjoni finanzjarja pubblika jridu jiġu indirizzati b’mod komprensiv.

    Il-qasam tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja ra ftit progress. Id-Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja jibqa’ pjattaforma importanti biex jintlaħaq kunsens dwar ir-riformi ġudizzjarji u kompla jikber fil-firxa tiegħu biex jittratta kwistjonijiet oħra relatati mal-istat ta' dritt. Ir-riforma tal-ħtiġijiet ġudizzjarji fil-livell ta’ Stat jeħtieġ li titwettaq bħala kwistjoni ta’ prijorità. In-nuqqas ta’ riżorsi umani fil-livelli kollha biex jiġi ttrattat ix-xogħol b’lura fir-rigward ta' kawżi ta’ delitti tal-gwerra ġie indirizzat parzjalment, iżda s-sostenibilità għad trid tiġi żgurata permezz ta’ ppjanar xieraq u ta' allokazzjonijiet rilevanti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-ġudikatura teħtieġ tisħiħ ulterjuri ta’ għodod dixxiplinari u regolamenti xierqa tal-kunflitt ta’ interess.

    Kien hemm ftit progress fl-avvanz tar-riformi biex titnaqqas il-korruzzjoni, li qed tkompli taffettwa s-settur pubbliku kollu u li qed tippersisti l-aktar fl-oqsma tal-provvista tas-servizzi u l-aċċess għall-impjiegi. In-netwerks tal-patroċinju politiku huma mifruxa u jinfluwenzaw il-livelli kollha tal-gvern. L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni f’każijiet ta’ profil għoli jibqgħu insuffiċjenti u l-livell ġenerali ta’ investigazzjonijiet effettivi, prosekuzzjoni u kundanni huwa baxx. Hemm ftit rieda politika għal avvanz lil hinn mir-retorika biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni, inkluż fl-investigazzjonijiet u l-kundanni f’kawżi bi profil għoli. B’mod ġenerali kien hemm progress limitat fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li għadha tikkawża tħassib serju minkejja xi operazzjonijiet konġunti li intemmu b’suċċess, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi tal-viċinat. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi.

    Il-qafas legali u istituzzjonali għall-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem jinsab fis-seħħ u l-elementi ewlenin tal-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ġew inkorporati fis-sistema legali. Madankollu, il-pressjoni politika u finanzjarja ikbar fuq il-midja kif ukoll l-intimidazzjoni u t-theddid kontra l-ġurnalisti u l-edituri huma ta’ tħassib serju. Hemm bżonn ta’ iktar sforz sabiex l-iskejjel isiru aktar inklużivi u biex tiġi indirizzata l-eżistenza kontinwa ta’ "żewġ skejjel taħt saqaf wieħed" fil-Federazzjoni. Il-prevenzjoni effettiva u l-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ diskors ta’ mibegħda, vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI) jridu jiġu żgurati. Filwaqt li sar progress tajjeb ħafna fit-trattament tal-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni għar-Rom, l-isforzi fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-impjiegi jeħtieġ li jissaħħu. Fir-rigward tar-rifuġjati u l-persuni spostati internament, l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija riveduta, għandha tiġi żgurata, b’mod partikolari l-aspetti soċjo-ekonomiċi tagħha. Il-Bosnja-Ħerzegovina kompliet tipparteċipa attivament fil-kooperazzjoni reġjonali u żżomm relazzjonijiet tajba mal-ġirien tagħha.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, il-Bożnja u Ħerżegovina għamlet ftit progress lejn l-istabbiliment ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Huma meħtieġa passi konsiderevoli biex jiġu indirizzati dgħufijiet strutturali persistenti biex il-pajjiż ikun kapaċi jlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u mal-forzi tas-suq fl-Unjoni fit-tul.

    It-tkabbir ekonomiku reġa' lpirja bil-mod u d-defiċit tal-kont kurrenti naqas fost l-iżbilanċi esterni persistenti. L-irkupru jibqa’ fraġli minħabba domanda domestika dgħajfa u bażi ta’ produzzjoni limitata. L-għargħar kbir fir-rebbiegħa mistenni li jiggrava s-sitwazzjoni ekonomika u fiskali fuq perjodu ta’ żmien qasir. Saru sforzi biex titjieb il-koordinazzjoni fiskali fil-Federazzjoni kif ukoll fil-ġbir ta’ taxxi indiretti.

    Il-Bożnja u Ħerzegovina għandha ssegwi aktar miżuri urġenti biex tiġi ppreservata d-dixxiplina fiskali. Barra minn hekk, huma meħtieġa sforzi biex tiġi indirizzata l-preżenza sinifikanti tal-istat fl-ekonomija u biex jitnaqqas il-livell u fl-istess ħin jitjiebu l-kompożizzjoni u l-mira tal-infiq pubbliku. Barra minn hekk, l-ineffiċjenza tal-intrapriżi pubbliċi għandha wkoll tiġi adegwatament indirizzata. Koordinazzjoni aħjar fl-entitajiet u bejniethom tiffaċilita b'mod sinifikanti u ttejjeb it-tfassil tal-politika ekonomika. Żbilanċi għolja fis-suq tax-xogħol kif riflessi mill-qgħad persistentement għoli, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, kif ukoll il-parteċipazzjoni baxxa ħafna, jirrikjedu passi deċiżivi biex jitneħħew id-diżinċentivi għax-xogħol u biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni. Nuqqasijiet fl-ambjent legali u kummerċjali, partikolarment it-tul tal-infurzar tal-kuntratti u l-proċeduri kumplessi u għaljin ta’ dħul u ħruġ tan-negozju kif ukoll l-infrastruttura sottożviluppata għandhom jiġu indirizzati biex ikunu ta’ appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat u jiġbdu l-investiment, speċjalment l-investiment barrani. F’dan il-kuntest, is-settur informali jibqa’ wkoll sfida importanti. Barra minn hekk, il-livell għoli ta’ self improduttiv jeħtieġ li jiġi ttrattat.

    Simili għas-sena li għaddiet, in-nuqqas ta’ appoġġ politiku ġenwin għall-aġenda tal-UE, in-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jiffunzjona dwar kwistjonijiet tal-UE u t-tilwim intern dwar il-kompetenzi wasslu għal progress limitat f'dak li għandu x'jaqsam mal-approssimazzjoni lejn il-liġijiet u l-istandards tal-UE. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-oqsma tal-moviment ta’ persuni u l-forza tax-xogħol, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, il-moviment liberu tal-merkanzija, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-impjiegi u l-politiki soċjali, l-edukazzjoni, il-kultura u r-riċerka, il-qasam tal-industrija u l-SMEs, l-oqsma tal-ambjent u l-klima u l-qasam tat-trasport. F’għadd ta’ oqsma l-progress huwa mxekkel minn nuqqas ta’ strateġiji għall-pajjiż kollu.

    Ftit sar progress fl-oqsma tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja u s-sajd. Għad hemm nuqqas ta’ allinjament mal-ħtiġiet tal-UE f’dan il-qasam li qed jipprevjeni l-esportazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali lejn l-UE, sitwazzjoni li sfortunatament teħtieġ sforzi serji u kkoordinati tajjeb biex tingħeleb. Fil-qasam tat-tassazzjoni, il-Bożnja u Ħerzegovina adottat skema ta’ taxxa fil-birreriji ż-żgħar li mhix konformi mal-obbligi skont il-Ftehim Interim billi din tiddiskrimina kontra l-importazzjonijiet tal-birra. Ma tantx sar progress fis-settur tal-enerġija minħabba l-kumplessità tal-istruttura amministrattiva, it-tilwim dwar il-kompetenzi bejn il-livell tal-Istat u tal-entitajiet u n-nuqqas ta’ rieda politika. Dan wassal inter alia għal ksur serju u persistenti tal-obbligi tal-pajjiż skont it-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija fil-qasam tal-gass li jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod urġenti. Jista’ jiġi rraportat progress inter alia fil-qasam tas-suq intern bl-adozzjoni tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku, li tippermetti lill-pajjiż ikun konformi mad-Direttivi tal-UE tal-2004. Il-kooperazzjoni bejn il-korpi statistiċi fil-livell tal-Istat u tal-entitajiet tjiebet b’mod partikolari fil-kuntest taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar.

    Il-Kosovo

    Fir-rigward tal-kriterji politiċi, din l-aħħar sena rat l-aġenda politika tal-Kosovo ddominata mill-elezzjonijiet ġenerali u lokali u l-konsegwenzi tagħhom. L-elezzjonijiet ġenerali ta’ Ġunju kienu trasparenti u organizzati tajjeb. Jum l-elezzjoni għadda mingħajr inċidenti sinifikanti u l-votanti tefgħu l-vot tagħhom b’mod liberu madwar il-Kosovo kollu, inkluż fl-erba’ muniċipalitajiet tat-Tramuntana. L-elezzjonijiet ikkonsolidaw il-progress li sar fl-elezzjonijiet lokali ta’ tmiem l-2013. Fiż-żewġ każijiet, il-proċess elettorali tjieb. Kien hemm inqas każijiet ta’ frodi elettorali milli fl-elezzjonijiet tal-2010, u dawn kienu mmaniġġati b’mod effiċjenti. Għadd konsiderevoli ta’ każijiet tal-2010 għadhom pendenti fil-qrati. Il-Kosovo għad irid jindirizza r-rakkomandazzjonijiet mill-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali u mill-esperti. Dawn jinkludu l-adozzjoni ta’ kodiċi elettorali komprensiv u t-titjib tal-eżattezza tal-lista tal-votanti. Ir-riforma elettorali jeħtieġ li tiżgura li l-qafas legali għall-elezzjonijiet jirrifletti l-aħjar prattika fl-UE. Is-sħubija reċenti tal-Kosovo mal-Kummissjoni ta’ Venezja tista' tgħin f’dan ir-rigward.

    In-nuqqas milli tiġi kkostitwita leġiżlatura ġdida mingħajr xkiel u f’waqtha kien pass lura. Jeħtieġ li l-gvern il-ġdid u l-Assemblea jkebbsu mill-ġdid l-aġenda ta’ riforma tal-Kosovo. Iż-żewġ istituzzjonijiet iridu jibnu fuq il-kunsens politiku li diġà jeżisti fil-Kosovo dwar l-integrazzjoni tal-UE. Il-gvern tal-Kosovo wera l-kapaċità tiegħu li jikkoordina l-aġenda ta' integrazzjoni mal-UE, notevolment fir-rigward tan-negozjati tal-FSA. Filwaqt li bnew fuq il-kompetenzi fid-diversi dipartimenti u istituzzjonijiet, in-negozjaturi tal-Kosovo poġġew sforz sostanzjali fuq l-iskrutinju tat-test propost u fuq l-analiżi tal-impatt possibbli tiegħu. Dan jirrifletti ħakma tajba tal-impatt tal-impenji magħmula.

    Biex jimplimentaw u jilħqu l-obbligi skont l-FSA futur, l-eżekuttiv u l-Assemblea tal-Kosovo jeħtieġ li jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki. Il-pjanijiet leġiżlattivi u ta’ politika jeħtieġ li jirriflettu b’mod realistiku r-riżorsi meħtieġa. Il-leġiżlatura l-ġdida tipprovdi opportunità tajba biex ittejjeb is-sorveljanza tal-eżekuttiv u l-proċess leġiżlattiv. Ir-rwol tal-Assemblea fis-superviżjoni tal-istituzzjonijiet indipendenti u tal-awtoritajiet regolatorji jeħtieġ li jissaħħaħ. Jeħtieġ li tinżamm l-indipendenza ta’ dawn il-korpi u li l-ħatriet għal dawn il-korpi jipproċedu mingħajr dewmien u jkunu bbażati fuq proċess ta’ għażla ġusta u mingħajr influwenzi politiċi bi kriterji oġġettivi.

    Issoktat kooperazzjoni tajba mal-missjoni tal-UE dwar l-istat tad-dritt, l-EULEX. L-awtoritajiet tal-Kosovo daħlu għal impenn politiku sostanzjali għall-estensjoni tal-mandat tal-missjoni u qablu li jistabbilixxu qorti speċjalista biex tiddeċiedi s-sejbiet tat-Task Force Investigattiva Speċjali. Sabiex dan il-proċess jitlesta, jeħtieġ li l-Kosovo jadotta l-bidliet leġiżlattivi neċessarji, inklużi fil-kostituzzjoni tiegħu. L-awtoritajiet ġudizzjarji rnexxielhom ilaħħqu sew mal-isfidi strutturali bħar-riforma ġudizzjarja komprensiva adottata fl-2013 u l-proċess ta’ trasferiment ta’ xi funzjonijiet tal-EULEX lill-awtoritajiet lokali. Id-Djalogu Strutturat dwar l-Istat tad-Dritt kompla jappoġġa dan il-proċess. L-għadd ta’ każijiet pendenti u l-iżgurar ta' ġustizzja imparzjali u indipendenti jibqgħu sfida. Jeħtieġ li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Kosovo isegwu b’mod proattiv l-akkużi msejsa fuq provi ammissibbli, u joħorġu sentenzi raġunati sew u f’waqthom, irrispettivament mill-opinjoni pubblika jew politika prevalenti.

    Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, l-għadd ta’ investigazzjonijiet ta’ reati relatati mad-droga żdied u xi gruppi tat-traffikar tal-bnedmin ġew żarmati. Madankollu, b'għadd baxx ta’ kundanni attwali u sekwestri tad-drogi, il-Kosovo għadu fi stadju bikri fil-ġlieda tiegħu kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi qed iżommu lura milli jibdew investigazzjonijiet finanzjarji, u l-għadd ta’ każijiet ta’ ffriżar u konfiska ta’ assi ordnati mill-ġudikatura u mwettqa mill-pulizija jibqa’ baxx. L-intimidazzjoni tax-xhieda għadha problema kbira. Il-gvern il-ġdid u l-Parlament jeħtiġilhom juru tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u rieda politika ċara għall-ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Il-klassi politika tal-Kosovo jeħtieġ li turi r-rieda tagħha li taċċetta r-riżultat tal-proċessi ġudizzjarji indipendenti. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi.

    L-implimentazzjoni tal-istrateġija (2010-13) u l-pjan ta’ azzjoni (2012-14) dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika kienet sfida ewlenija għall-Kosovo, li tat riżultati limitati ħafna. Bl-appoġġ ta’ impenn politiku serju, il-Kosovo jeħtieġ li jistabbilixxi qafas strateġiku realistiku għat-tfassil tal-politika, ippjanar leġiżlattiv u implimentazzjoni prattika tar-riformi. It-twettiq tal-qafas leġiżlattiv għas-servizz ċivili, biex ikun żgurat li dan tal-aħħar jiġi ddepolitiċizzat u t-twettiq ta’ evalwazzjonijiet tal-prestazzjoni tas-servizz ċivili huma prijoritajiet. Jeħtieġ ukoll li l-Kosovo jadotta liġi dwar il-proċeduri amministrattivi ġenerali, li hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ ambjent li jiffavorixxi n-negozju. Filwaqt li xi regoli u regolamenti tal-ġestjoni finanzjarja pubblika huma fis-seħħ, il-Kosovo jrid jiżgura approċċ aktar komprensiv għar-riformi f’dan il-qasam. Jeħtieġ li l-Kosovo jiżgura l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi u jtejjeb is-segwitu għar-rapporti tal-Awditur-Ġenerali.

    Id-drittijiet fundamentali u tal-bniedem għadhom ġeneralment iggarantiti mil-liġi fil-Kosovo. Il-Kummissjoni Indipendenti tal-Midja qed titħaddem mill-ġdid. L-awturi tal-vjolenza kontra l-Kosovo 2.0 Journal rċevew sentenzi sospiżi. Theddid u attakki fuq l-attivisti leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI) u fuq il-ġurnalisti komplew, li tibqa’ kwistjoni ta’ tħassib serju. Il-kundizzjonijiet għall-libertà tal-espressjoni u l-midja jeħtieġ li jkunu stabbiliti. Id-drittijiet tal-proprjetà għandhom jiġu infurzati b’mod effettiv, inkluż l-aċċess tan-nisa għall-proprjetà li jirtu. Il-Kosovo għad irid jissimplifikata s-sistema istituzzjonali tiegħu li tittratta l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Ir-responsabbiltajiet rispettivi mhumiex ċari, u dan ifixkel l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-monitoraġġ.

    Ġiet allokata l-art lil xi familji spostati internament mill-komunità tar-Rom li jgħixu f’kamp fil-Montenegro. Il-bini prinċipali tal-kamp tar-Rom f’Leposaviq / Leposavić ingħalaq. Il-Kunsill ta' Implimentazzjoni u ta' Monitoraġġ iffaċilita l-protezzjoni mtejba tal-wirt kulturali u reliġjuż. Madanakollu, jeħtieġ li l-Kosovo jżid l-isforzi tiegħu biex jiżgura l-implimentazzjoni ta’ oqfsa leġiżlattivi u politiċi, inkluż il-pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni tal-komunitajiet Rom, Ashkali u Eġizzjani. Jeħtieġ li l-inċidenti ta’ sigurtà u r-reati mmirati lejn persuni li jappartjenu għal minoranzi u l-proprjetà tagħhom, jiġu investigati u mħarrka b’mod sħiħ u fil-pront. Il-liġijiet dwar iċ-ċentru storiku ta’ Prizren u ta' Velika Hoča / Hoçë e Madhe jridu jiġu implimentati. Il-Liġi dwar Velika Hoča / Hoçë e Madhe hija ta’ tħassib partikolari minħabba li ma kien hemm l-ebda progress fl-implimentazzjoni tagħha, minkejja deċiżjoni muniċipali ta’ Frar 2013 biex din timxi 'l quddiem u minkejja l-għoti ta’ struzzjonijiet amministrattivi mill-Ministeru tal-Ambjent u l-Ġestjoni tat-Territorju. Tinħtieġ azzjoni soda biex jiġu evitati l-bini illegali u t-twaqqigħ ta’ siti ta’ wirt kulturali.

    Dwar il-kooperazzjoni reġjonali, il-Kosovo għamel aktar progress, u kkonkluda aktar ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali ma’ diversi mill-ġirien tiegħu.

    Rigward in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mas-Serbja, il-Kosovo baqa' impenjat fid-djalogu u ġeneralment impenja ruħu għall-implimentazzjoni ta’ l-Ewwel ftehim ta’ April 2013 dwar il-prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet u ta' ftehimiet oħra milħuqa fid-djalogu. Dan wassal għal għadd ta’ bidliet irriversibbli fuq l-art, bit-tmexxija ta’ elezzjonijiet lokali u parlamentari għall-ewwel darba fil-Kosovo kollu, u b'avvanz sostantiv fiż-żarmar ta’ strutturi tal-pulizija u tal-ġustizzja Serba. Ġiet approvata soluzzjoni permanenti għall-inklużjoni tal-Kosovo fil-Proċess ta’ Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk (South-East European Cooperation Process, SEECP). Filwaqt li ma kien hemm l-ebda laqgħa ta’ livell għoli minn mindu ssejħu elezzjonijiet bikrija fil-Kosovo, tkompliet il-ħidma fil-livell tekniku, li wasslet għal progress fl-oqsma tal-ġbir tad-dwana, tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni.

    Madankollu, il-progress fl-implimentazzjoni tad-djalogu ġeneralment naqas. L-elezzjonijiet ġenerali saru kmieni kemm fis-Serbja kif ukoll fil-Kosovo. Huwa importanti li jerġa’ jibda d-djalogu ta’ livell għoli. Huwa essenzjali wkoll li ż-żewġ naħat ikomplu jimpenjaw ruħhom b’mod sħiħ fl-implimentazzjoni in bona fede tal-ftehimiet eżistenti kollha. Aktar progress għandu jwassal gradwalment għan-normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo, fil-forma ta’ ftehim legalment vinkolanti sa tmiem in-negozjati dwar l-adeżjoni tas-Serbja, bil-prospett li kemm is-Serbja kif ukoll il-Kosovo jkunu jistgħu jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tagħhom u jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom.

    Rigward il-kriterji ekonomiċi, il-Kosovo għamel progress limitat fil-mixja tiegħu lejn li jsir ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Huma meħtieġa sforzi sostanzjali fit-trattament tan-nuqqasijiet strutturali biex dawn ilaħħqu mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq fl-Unjoni fit-tul.

    It-tkabbir ekonomiku baqa’ pożittiv bi 3,4 % iżda ma wassal għall-ebda titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. L-iżbilanċi esterni għoljin qed jippersistu minkejja xi tnaqqis fid-defiċit kummerċjali. L-istabbiltà makroekonomika kienet ġeneralment ippreservata minkejja żidiet sinifikanti ad hoc ta’ qabel l-elezzjoni fin-nefqa kurrenti, b’mod partikolari fuq il-pagi u l-pensjonijiet. Tali prattika tiddeterjora t-trasparenza, il-prevedibbiltà u l-kredibbiltà tal-politika fiskali, tikkomplika l-ippjanar fiskali u ċċaqlaq il-kompożizzjoni tal-infiq lejn infiq anqas favorevoli għat-tkabbir.

    It-tisħiħ tal-ippjanar fiskali u l-implementazzjoni b’mod effettiv tar-regola fiskali huma vitali. Barra minn hekk, deċiżjonijiet dwar proġetti kbar ta’ infrastruttura, bħal fis-settur tat-trasport, għandhom ikunu bbażati fuq l-evalwazzjonijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji xierqa sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji ekonomiċi. Fid-dawl ta’ dan il-qgħad għoli ħafna u persistenti, għandhom isiru sforzi biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tas-settur privat permezz ta’ titjib fl-ambjent tan-negozju. Għal dan l-għan, l-ostakoli li ġejjin minn kapaċitajiet amministrattivi dgħajfa, l-aċċess diffiċli għall-finanzjament u l-proċeduri ta’ privatizzazzjoni twal u kumplessi għandhom jiġu indirizzati malajr kemm jista' jkun. Il-Kosovo għandu jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-sistema legali u ġudizzjarja, isaħħaħ l-infurzar tal-kuntratti u jnaqqas effettivament id-dewmien fil-qrati. Jeħtieġ li titjieb l-istatistika ekonomika.

    Rigward l-approssimazzjoni lejn il-liġijiet u l-istandards tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-Kosovo urew il-ħila tagħhom f'li jwasslu r-riżultati fil-prijoritajiet politiċi, bħalma huma n-negozjati dwar l-FSA, id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-visa u d-djalogu mas-Serbja. Dan kien ir-riżultat ta’ impenji politiċi b’saħħithom. It-twassil ta’ riżultati f’oqsma ta’ riformi prijoritarji oħra kien aktar irregolari. Il-qafas legali bażiku li jippermetti għall-moviment tal-kapital jibqa’ fis-seħħ, iżda l-ostakoli għax-xiri ta’ proprjetà immobbli mill-barranin jippersistu. Rigward il-kompetizzjoni, ir-rekord tal-Kosovo hija limitata, u dan huwa dovut għal superviżjoni dgħajfa ħafna ta’ prattika antikompetittiva u għajnuna mill-Istat. L-Kosovo jrid jiżgura li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkunu effettivi u indipendenti. Il-liġi dwar l-akkwist pubbliku ġiet emendata biex tintroduċi preferenzi għall-produtturi lokali. Dawn il-preferenzi se jkollhom jitneħħew fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-FSA.

    Kien hemm titjib kostanti fil-provvista tal-enerġija tal-Kosovo b’tali mod li l-qtugħ tad-dawl issa huwa rari. Splużjoni fl-impjant A tal-Kosovo enfasizzat il-fraġilità tas-sistema. Jeħtieġ li l-Kosovo jipprepara b’mod aktar attiv id-diżattivazzjoni ta' dan l-impjant. Kien hemm progress tajjeb fl-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel, minkejja riżorsi skarsi. It-trasferiment ta’ spetturi għall-aġenzija ċentrali jrid jimtela b’mod urġenti. Dan huwa essenzjali biex jiġu infurzati l-istandards tal-ikel u veterinarji, li huma importanti għall-kummerċ fil-kuntest tal-FSA. In-nuqqas ta’ interess fl-ambjent sar kwistjoni serja għas-saħħa pubblika u għall-kwalità tal-ħajja fil-Kosovo.

    It-Turkija

    Rigward il-kriterji politiċi, is-sena kienet immarkata għal darb’oħra minn kuntrasti kbar.

    Min-naħa l-waħda, l-implimentazzjoni tar-riformi adottati fis-snin preċedenti kompliet. Bosta miżuri fit-tielet u r-raba' pakketti tar-riforma ġudizzjarja, kif ukoll il-miżuri mħabbra fil-pakkett ta' demokratizzazjoni ppreżentat f'Settembru 2013 ġew adottati u implementati. Dawn il-miżuri, fost affarijiet oħra, naqsu l-limitu għall-appoġġ baġitarju għall-partiti politiċi, ippermettew it-twettiq ta’ attività politika f’lingwi u djaletti oħrajn barra t-Tork, u pprovdew għal edukazzjoni privata f’lingwi u djaletti oħrajn barra t-Tork. L-adozzjoni f’Marzu ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Prevenzjoni tal-Ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) kienet pass importanti bl-għan li tallinja l-qafas legali u l-prattika tat-Turkija mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB). Il-Qorti Kostituzzjonali kompla japplika l-proċedura ta’ applikazzjoni individwali. Hija ħadet numru ta’ deċiżjonijiet importanti li jsaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-pajjiż u li juru l-kapaċità ta’ rkupru tas-sistema kostituzzjonali tal-pajjiż.

    F’Ġunju, il-Parlament Tork adotta liġi li “toħloq bażi legali aktar b’saħħitha għall-proċess ta’ riżoluzzjoni” bl-iskop li tinsab soluzzjoni għall-kwistjoni Kurda. Il-liġi ġiet adottata b’appoġġ wiesa’ mill-partiti politiċi kollha. Hija tinkludi miżuri biex jiġi eliminat it-terroriżmu, tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali, jintegraw mill-ġdid dawk li jitilqu mill-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) u jċedu l-armi, u titħejja l-opinjoni pubblika għar-ritorn ta’ eks ġellieda. Il-liġi ssaħħaħ il-bażi għall-proċess ta’ riżoluzzjoni u tagħti kontribut pożittiv għall-istabbiltà u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija.

    F’Settembru, il-Ministeru tal-Affarijiet tal-UE ppreżenta “Strateġija tal-Unjoni Ewropea” maħsuba biex tagħti ħajja ġdida fil-proċess ta’ adeżjoni tat-Turkija. L-Istrateġija kienet ibbażata fuq tliet pilastri: ir-riformi politiċi; it-trasformazzjoni soċjoekonomika fil-proċess ta’ adeżjoni; strateġija ta' komunikazzjoni. Huwa mistenni li din tiġi segwita minn pjanijiet ta’ azzjoni b’azzjonijiet u skedi ta’ żmien konkreti.

    Min-naħa l-oħra, it-tweġiba tal-gvern għall-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mmirati lejn personalitajiet ta’ livell għoli, inklużi membri tal-gvern u l-familji tagħhom, qajmet tħassib serju dwar l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istat tad-dritt. Dan ir-rispons kien jikkonsisti b’mod partikolari f’emendi għal-Liġi dwar il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi u assenjazzjonijiet mill-ġdid numerużi u sussegwenti kif ukoll sensji ta' imħallfin u prosekuturi, kif ukoll assenjazzjonijiet mill-ġdid, sensji, jew anki detenzjoni, ta’ għadd kbir ta’ uffiċjali tal-pulizija. Dan qajjem tħassib fir-rigward tal-kapaċitajiet operattivi tal-ġudikatura u l-pulizija u tefa' dubji serji fuq il-kapaċità tagħhom li jwettqu investigazzjonijiet f’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni b’mod nondiskriminatorju, trasparenti u imparzjali. Il-Parlament emenda l-leġiżlazzjoni u reġa' rrestawra d-dispożizzjonijiet preċedenti wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabet li għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi kienu antikostituzzjonali.

    Dawn l-iżviluppi wasslu wkoll għal żieda fil-polarizzazzjoni fl-ispettru politiku. Diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni proposti mill-maġġoranza fil-gvern, inkluż dwar kwistjonijiet fundamentali għad-demokrazija Torka, ġew adottati mingħajr dibattitu parlamentari xieraq jew konsultazzjoni adegwata mal-partijiet ikkonċernati u mas-soċjetà ċivili. Il-proċess globali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm nazzjonalment kif ukoll lokalment, għandu jinvolvi konsultazzjoni aktar strutturata u sistematika tas-soċjetà ċivili. Huwa essenzjali li l-ambjent legali eżistenti jiġi rriformat u jsir aktar konduċenti għall-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'mod ġenerali.

    Rigward il-libertà tal-espressjoni, kompla d-dibattitu pubbliku wiesa’ dwar temi li qabel kienu meqjusa bħala sensittivi, inklużi kwistjonijiet tal-Armeni u l-Kurdi. Għadd ta' dispożizzjonijiet fil-qafas legali Tork u l-interpretazzjoni tagħhom minn membri tal-ġudikatura qed ikomplu jxekklu l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-midja. Emendi għal-Liġi tal-Internet irristrinġew il-libertà tal-espressjoni fuq l-internet. Il-projbizzjonijiet ġenerali fuq YouTube u Twitter qajmu tħassib serju. Dawn il-projbizzjonijiet sussegwentement tqiesu li kienu mhux kostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali. L-uffiċjali tal-Istat baqgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet b'effett intimidanti fuq il-midja. Dan, flimkien mal-istruttura tas-sjieda tas-settur tal-midja Torka, wassal għal awtoċensura mifruxa fl-istampa, kif ukoll għal riżenji u tkeċċijiet ta’ ġurnalisti.

    Il-leġiżlazzjoni Torka dwar id-dritt ta’ assemblea li tiffoka aktar fuq il-legalità aktar milli fuq in-natura paċifika tad-demostrazzjoni, u l-implimentazzjoni tagħha minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, għandha tinġieb f’konformità mal-istandards Ewropej. Għandha tiġi adottata leġiżlazzjoni dwar it-twaqqif ta' kummissjoni ta' monitoraġġ għall-infurzar tal-liġi bħala korp indipendenti ta' monitoraġġ għar-reati kontra l-pulizija.

    Id-definizzjoni mhux ċara fil-leġiżlazzjoni kriminali tas-sħubija f'organizzazzjoni armata qed tkompli tkun is-sors ta' numru kbir ta' arresti u prosekuzzjonijiet. Irid jiġi stabbilit qafas legali kompatibbli mal-KEDB fuq kwistjonijiet ta' fidi u oġġezzjoni tal-kuxjenza. Huma meħtieġa sforzi sostanzjali sabiex jiġu garantiti b'mod effettiv id-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u tal-individwi leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneri u intersesswali (LGBTI). Il-vjolenza domestika, il-qtil okkażjonali f'ġieħ l-unur, u l-kwistjoni ta' żwiġijiet bikrin u sfurzati jibqgħu sors ta' tħassib serju. It-Turkija trid tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet kollha tal-proprjetà, inklużi dawk tal-komunitajiet reliġjużi mhux Musulmani.

    Dawn in-nuqqasijiet iridu jiġu indirizzati u l-awtoritajiet jeħtieġ li jsaħħu l-isforzi tagħhom biex iħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali biex iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom mingħajr xkiel.

    L-iffirmar tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija fis-16 ta’ Diċembru 2013 b’mod parallel mal-bidu tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża ħoloq impetu ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija. Il-ftehim ta’ riammissjoni daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2014, filwaqt li l-ewwel rapport dwar il-progress tat-Turkija fil-qafas tal-pjan direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża se jiġi ppubblikat fl-20 ta’ Ottubru 2014. Huwa importanti li dawn iż-żewġ proċessi jimxu 'l quddiem. L-implimentazzjoni sħiħa u effettiva vis-à-vis l-Istati Membri kollha hija kruċjali.

    Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-Turkija tejbet il-programm tagħha għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, ikkonsolidat in-netwerk ta’ unitajiet ta’ protezzjoni tax-xhieda u organizzat mill-ġdid ir-responsabbiltajiet fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Madankollu, twettqu tkeċċijiet fuq skala kbira ta’ uffiċjali tal-pulizija li qajmu tħassib dwar l-impatt tagħhom fuq il-kapaċitajiet operattivi tas-servizzi ewlenin tal-pulizija involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali sabiex tiġi miġġielda l-influwenza illeċta tal-gruppi ta' kriminali fir-rigward tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi.

    Dwar il-politika barranija, it-Turkija kompliet twettaq rwol importanti fil-viċinat usa’ tagħha. Kellha rwol partikolarment importanti fis-Sirja, fejn ikkundannat bil-qawwa u repetutament il-vjolenza tar-reġim Sirjan kontra persuni ċivili, u appoġġat l-iżvilupp ta' oppożizzjoni atkar unifikata u pprovdiet għajnuna umanitarja essenzjali lil aktar minn miljun Sirjan li kienu qed jaħarbu minn pajjiżhom. Kompliet ukoll tipprovdi appoġġ prattiku għat-taħdidiet E3+3 mal-Iran. Tpoġġew is-sisien sodi għal aktar sigurtà fl-enerġija Ewropea bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-investiment finali għat-twettiq tat-tliet proġetti tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. Id-djalogu politiku regolari bejn l-UE u t-Turkija kompla, u jkopri kemm kwistjonijiet internazzjonali ta' interess komuni, bħal-Lvant Nofsani u l-Asja Ċentrali, kif ukoll kwistjonijiet globali bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u n-nonproliferazzjoni. It-Turkija kompliet bil-politika tagħha ta' ingaġġ fil-Balkani tal-Punent, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-Proċess tal-Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk u l-kontribuzzjoni tagħha għall-missjonijiet militari, tal-pulizija u tal-istat tad-dritt immexxija mill-UE. Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi serji fil-viċinat immedjat tat-Turkija, id-djalogu mal-UE għandu jkompli jintensifika u l-allinjament mal-pożizzjonijiet tal-UE għandu titjieb.

    It-Turkija appoġġat il-bidu mill-ġdid ta’ taħditiet dwar ftehim komprensiv bejn il-mexxejja taż-żewġ komunitajiet f’Ċipru taħt il-bon offiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU. It-Turkija u l-Greċja promwovew żjarat reċiproċi miż-żewġ Negozjaturi Ewlenin f’Ankara u f’Ateni fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin.

    Madankollu, it-Turkija kompliet toħroġ dikjarazzjonijiet li jisfidaw id-dritt tar-Repubblika ta’ Ċipru li tisfrutta r-riżorsi tal-idrokarburi fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ Ċipru għall-benefiċċju taċ-Ċiprijotti kollha. Huwa mistenni li t-Turkija tappoġġa b’mod attiv in-negozjati li jwasslu għal soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli għall-kwistjoni ta’ Ċipru fil-qafas tan-NU, f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u f’konformità mal-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE. L-impenn tat-Turkija f’termini konkreti għal soluzzjoni komprensiva bħal din jibqa’ kruċjali. Minkejja appelli ripetuti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, it-Turkija għadha ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li tiżgura implimentazzjoni sħiħa u mhux diskriminatorja tal-Protokoll Addizzjonali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u ma neħħietx l-ostakoli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija, inklużi r-restrizzjonijiet għall-kollegamenti tat-trasport diretti ma’ Ċipru. Ma sar l-ebda progress dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali mar-Repubblika ta’ Ċipru.

    It-Turkija trid tikkommetti ruħha b'mod inekwivoku għal relazzjonijiet tajba tal-viċinat u għar-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, b'rikors, jekk meħtieġ, għall-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. F'dan il-kuntest, l-UE esprimiet għal darb'oħra tħassib serju u ħeġġet lit-Turkija sabiex tevita kull tip ta' theddid jew azzjoni diretta kontra Stat Membru, jew sors ta' frizzjoni jew azzjonijiet, li jistgħu jkunu ta' ħsara għar-relazzjonijiet tajba tal-viċinat u għar-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim.

    L-UE esprimiet sodisfazzjon għall-fatt li l-inizjattivi ta' kooperazzjoni bejn il-Greċja u t-Turkija għat-titjib tar-relazzjonijiet bilaterali qed ikomplu. Twettqet it-58 sensiela ta' taħdidiet esploratorji dan l-aħħar għad-delimitazzjoni tal-blata kontinentali. Il-Greċja u Ċiprju rreġistraw ilmenti formali dwar aktar kontravvenzjonijiet u kontravvenzjonijiet ripetuti tal-ilmijiet territorjali u l-ispazju tal-ajru tagħhom mit-Turkija, inklużi titjiriet fuq il-gżejjer Griegi.

    Fir-rigward tal-kriterji ekonomiċi, it-Turkija titqies bħala ekonomija tas-suq li tiffunzjona. Hija għandha tkun kapaċi tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u mal-forzi tas-suq fl-Unjoni fit-terminu l-medju, sakemm taċċellera l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali komprensivi tagħha.

    Wara t-tnaqqis fl-2012, il-produzzjoni u l-impjiegi żdiedu b’rata moderatament għolja. Madankollu, il-qgħad żdied bħala riżultat ta’ forza tax-xogħol li qed tikber sew. Id-defiċit fil-kont kurrenti, filwaqt li naqas xi ftit fl-2014, baqa’ f’livell għoli. Id-dipendenza fuq l-influssi kapitali sostnuti tagħmel lit-Turkija vulnerabbli għal bidliet fis-sentiment ta’ riskju globali, li jirriżulta f'varjazzjonijiet kbar fir-rata tal-kambju.

    Minkejja li d-defiċit fiskali u d-dejn pubbliku baqgħu f’livelli moderati, l-issoktar ta’ nfiq baġitarju aktar milli ppjanat fuq in-naħa tal-infiq jappella għat-tisħiħ tal-qafas fiskali. Il-politika fiskali għandha tgħin biex jiżdied il-livell ġenerali tat-tfaddil nazzjonali fid-dawl tal-ħtieġa li jitnaqqas id-defiċit estern. Waqt li tikkunsidra li l-inflazzjoni għandha xerja’l fuq, waqt li tkompli tkun diverġenti mill-mira tal-Bank Ċentrali, il-politika monetarja teħtieġ issegwi kors restrittiv u tkun iffukata b’mod ċar fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet. Minkejja xi progress fir-rigward tal-privatizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, huwa essenzjali li r-riformi strutturali jiġu aċċellerati fuq bażi wiesgħa biex itejbu l-funzjonament tas-swieq għall-prodotti, is-servizzi u x-xogħol. Dawn ir-riformi għandhom jinkludu aktar titjib fis-sistema ġudizzjarja u ta’ kapaċità amministrattiva, bi trasparenza akbar fl-għajnuniet mill-Istat, u b'sistema tal-akkwist pubbliku miftuħa, ġusta u kompetittiva.

    Fir-rigward tal-abbiltà li jintrefgħu l-obbligi tas-sħubija, it-Turkija kompliet tallinja ruħha mal-acquis. Fl-2013, infetaħ kapitolu ieħor ta' negozjar (il-Kapitolu 22 — Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali). Kien hemm progress tajjeb fin-netwerks trans-Ewropej. It-Turkija ħadet ukoll passi importanti f’oqsma ewlenin tal-Kapitolu 24, b’mod partikolari fir-rigward tal-migrazzjoni u l-politika tal-asil, minkejja l-piż kunsiderevoli ħafna rrappreżentat mill-kriżi kontinwa tar-rifuġjati. Inkiseb progress fl-enerġija, speċjalment fis-sigurtà tal-provvista u s-suq intern għall-elettriku, fil-liġi tal-kumpaniji, fil-politika industrijali u tal-impriżi, fl-istatistika, fix-xjenza u r-riċerka, fil-moviment liberu tal-kapital rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp rurali.

    Kollox ma’ kollox, it-Turkija avvanzat fl-allinjament tagħha f’diversi kapitoli tal-acquis, inkluż fil-moviment liberu tal-merkanzija, fil-liġi tal-kumpaniji, il-liġi tal-proprjetà intellettwali, is-servizzi finanzjarji, l-enerġija, il-politika ekonomika u monetarja, l-istatistika, il-politika tal-impriżi u dik industrijali, in-netwerks trans-Ewropej, ix-xjenza u r-relazzjonijiet esterni.

    Fl-oqsma kollha, jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni. Għandhom jitkomplew l-isforzi komprensivi fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, u l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Huwa meħtieġ progress sinifikanti ulterjuri fil-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali, fil-politika soċjali u fl-impjiegi, speċjalment fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol u fis-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali. L-allinjament leġiżlattiv jeħtieġ li jitkompla, speċjalment fl-akkwist pubbliku, fil-politika tal-kompetizzjoni, fl-għajnuna mill-Istat, fis-soċjetà tal-informazzjoni u fil-midja.

    [1]               COM(2012) 600 finali.

    [2]               COM(2013) 700 finali.

    *               Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi ma' UNSCR 1244/99 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

    [3]               COM(2014) 330 finali.

    [4]               Il-Kroazja, is-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro.

    [5]               “L-ewwel ftehim ta’ prinċipji li jirregola n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet” ta' April 2013.

    [6]               Il-moviment liberu tal-merkanzija; id-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (il-Montenegro wettaq il-Parametru Referenzjarju ta' Ftuħ għal dan il-Kapitolu u, b'konsegwenza ta' dan, ġie mistieden jissottometti l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu); il-politika dwar il-kompetizzjoni; l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali; is-sikurezza alimentari, il-politika veterinarja u fitosanitarja; is-sajd; l-enerġija; il-politika ekonomika u monetarja; il-politika soċjali u tal-impjiegi; il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta' strumenti strutturali; l-ambjent u t-tibdil fil-klima.

    [7]               Il-moviment liberu tal-kapital; l-akkwist pubbliku; il-liġi tal-kumpaniji; il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali; is-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja; l-il-politika industrijali u tal-impriżi; il-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża; il-kontroll finanzjarju.

    Top