Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0527

ANNESS mal- KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali: L-indirizzar ta’ riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ

/* COM/2014/0527 final */

52014DC0527

ANNESS mal- KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali: L-indirizzar ta’ riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ /* COM/2014/0527 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali:

L-indirizzar ta’ riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ

1. Introduzzjoni

Flussi tal-kummerċ mingħajr intoppi u siguri huma ta’ importanza kritika għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea (UE) li hija wkoll l-akbar blokk ta’ kummerċ dinji. Il-ġestjoni effettiva tar-riskji fil-katina tal-provvista internazzjonali hija kruċjali biex tiġi żgurata s-sigurtà u s-sikurezza tar-residenti tal-UE, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin jiġi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu. Is-suq uniku u l-unjoni doganali tal-UE jeħtieġu, biex jaħdmu tajjeb, li d-dwana tindirizza r-riskji b’mod konsistenti. Sabiex tissaħħaħ l-integrità tal-ktajjen internazzjonali tal-provvista, il-ġestjoni tar-riskju mid-dwana tal-UE trid titjieb.   

Wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-Emenda tas-Sigurtà[1] tal-Kodiċi Doganali Komunitarju[2] fl-2011, il-Kummissjoni ppubblikat, f’Jannar 2013, analiżi tal-implimentazzjoni ta’ politika doganali għall-ġestjoni tar-riskju. Il-Komunikazzjoni[3] identifikat lakuni fil-metodu kurrenti u pproponiet triq 'il quddiem. F’Ġunju 2013, il-Kunsill[4] stieden lill-Kummissjoni biex tressaq, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri “strateġija koerenti dwar il-ġestjoni tar-riskji u s-sigurtà tal-katina tal-provvista bbażata fuq pjan ta' azzjoni gradwali u analiżijiet tal-kost-benefiċċji, li jkopru fost l-oħrajn aspetti ġuridiċi, proċedurali u ta' IT”.

Din il-Komunikazzjoni tressaq strateġija biex tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju doganali u s-sigurtà tal-katina tal-provvista (“l-Istrateġija”) u tabella ta’ azzjonijiet ta’ prijorità (“il-Pjan ta’ Azzjoni”)[5] fl-Anness mehmuż.

2. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Istrateġija

L-Istrateġija tinkludi għadd ta’ objettivi ewlenin, mirfuda minn għan ġenerali li jintlaħaq approċċ għall-ġestjoni tar-riskju ta’ kwalità għolja u b’diversi livelli li jkun effikaċi u effiċjenti. Din tiddeskrivi mitigazzjoni tar-riskji u miżuri ta’ kontroll xierqa, biex jiġu applikati fl-aktar mument u post opportun fil-katina tal-provvista. Hija tqis in-natura varjabbli u firxa wiesgħa ta’ riskji li għandhom jiġu indirizzati, u r-responsabbiltà primarja tal-awtoritajiet doganali fis-superviżjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija tal-UE. L-Istrateġija tqis ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra involuti f’movimenti tal-katina tal-provvista, u tenfasizza l-ħtieġa għal komplementarjetà. Hija tirreferi wkoll għall-kuntest internazzjonali tar-riskji u l-importanza ta’ kooperazzjoni internazzjonali fil-ġestjoni tar-riskju. L-istrateġija tqis ukoll l-importanza għall-UE li tiffaċilita u taċċelera l-kummerċ, ir-rwol ċentrali tal-operaturi ekonomiċi, u l-bżonn li jiġi evitat tfixkil bla bżonn fil-loġistika u fil-proċessi tal-katina tal-provvista.

3. Pjan ta’ Azzjoni biex tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju 

Il-Pjan ta’ Azzjoni jiddeskrivi sensiela ta’ miżuri għal kull objettiv. L-azzjonijiet huma mmirati biex jagħlqu l-lakuni identifikati biex progressivament jinkisbu l-kapaċitajiet imsaħħa għal awtoritajiet doganali tal-UE, u aktar kooperazzjoni sistematika ma’ aġenziji oħra, operaturi ekonomiċi u sħab kummerċjali internazzjonali. Il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi attivitajiet biex fejn xieraq jappoġġaw jew jiżviluppaw normi u standards internazzjonali.

L-aktar sfida sottostanti fundamentali tikkonċerna l-ħtieġa għal dejta ta’ kwalità għolja dwar il-movimenti tal-katina tal-provvista, u d-disponibbiltà u l-użu xieraq tagħha għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju mid-dwana u awtoritajiet kompetenti oħra. Element ewlieni tal-progress fil-ġejjieni se jkun li jiġi żgurat li l-kapaċitajiet u metodoloġiji xierqa jiġu żviluppati u implimentati biex jippermettu u jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet.

4. Koerenza u komplementarjetà ma' inizjattivi oħrajn tal-UE

Meta timplimenta l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-komplimentarjetà u l-koerenza ma' inizjattivi li jinsabu għaddejjin u relatati, kemm fid-dwana (eż. il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni[6], l-assistenza amministrattiva reċiproka[7]) kif ukoll f’oqsma oħra ta’ politika. Se jiġu kkunsidrati l-inizjattivi ta’ sigurtà b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà interna[8], is-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru[9], is-sigurtà marittima (inkluż il-qasam e-Marittimu u CISE)[10] u r-rieżami tal-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni[11]. Se jitqiesu wkoll inizjattivi oħra ta’ politika rilevanti ta’ trasport, inkluża d-Direttiva dwar il-formalitajiet tar-rappurtar[12] li tistabbilixxi punti nazzjonali ta' kuntatt għar-rappurtar u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni relatata mal-bastimenti u l-konnessjoni tagħha ma’ sistemi elettroniċi nazzjonali oħra, sistema ta’ skambju tad-dejta tas-SafeSeaNet[13] li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, u e-Freight bħala parti mill-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport[14] bil-għan li l-loġistika ssir aktar effiċjenti u inqas kostuża permezz ta’ simplifikazzjoni tal-aċċess u l-użu tal-informazzjoni fil-loġistika.

Inizjattivi ta’ politika rilevanti għas-sikurezza tal-prodotti[15], tal-annimali, tal-ikel u tal-għalf tal-annimali, il-protezzjoni tal-ambjent b'mod partikolari FLEGT[16] u CITES[17] se jitqiesu wkoll kif ukoll inizjattivi relatati fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) bħalma huma l-Pjan ta’ Azzjoni Doganali tal-UE biex jiġi miġġieled il-ksur tad-DPI[18], il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Infurzar tad-DPI, li jipprevedi l-iżvilupp ta’ skema ta’ diliġenza dovuta tal-UE bħala mezz biex jiġi evitat ksur tad-DPI fuq skala kummerċjali[19], u l-Istrateġija dwar il-Protezzjoni u l-Infurzar tad-DPI f’pajjiżi terzi, li timmira għal titjib fil-kooperazzjoni internazzjonali[20].

5. Analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji biex ikun appoġġat l-approċċ

Il-Kummissjoni kkummissjonat studju sabiex jidentifika u janalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ approċċi alternattivi fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija. L-enfasi primarja tiegħu kienu s-soluzzjonijiet potenzjali għat-titjib tal-kwalità, id-disponibbiltà u l-użu tad-dejta għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju li għandhom x’jaqsmu ma’ oġġetti li jidħlu fl-UE. L-alternattivi vvalutati kienu: (1) approċċ kompletament deċentralizzat bl-iżviluppi kollha jsiru fil-livell tal-Istati Membri u komunikazzjoni bejn il-pari; (2) approċċ ta' servizzi kondiviżi bil-ħolqien ta' repożitorju komuni biex jappoġġa d-disponibbiltà tad-dejta lill-Istati Membri u pjattaforma relatata għall-integrazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-fluss tal-xogħol bejn l-Istati Membri; u (3) approċċ ta' servizzi kondiviżi biż-żieda ta’ interfaċċja esterna komuni għall-preżentazzjoni tad-dejta mill-kummerċ indipendentement mill-Istat Membru kompetenti biex jirċievi d-dejta.

L-istudju kkonkluda li l-ħolqien ta’ repożitorju komuni li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni xierqa u f’waqtha jagħti kontribut essenzjali biex tkun żgurata ġestjoni tar-riskju doganali effikaċi fl-UE. L-interfaċċja esterna komuni għall-kummerċjanti għandha tipprovdi benefiċċji addizzjonali permezz tat-tnaqqis tal-ispiża għall-kummerċjanti.

Il-Kummissjoni ser tqis bir-reqqa l-alternattivi disponibbli u l-kwistjonijiet prattiċi ta’ implimentazzjoni inklużi l-implikazzjonijiet organizzattivi u tal-finanzjament. Din il-ħidma ser titwettaq bħala prijorità.

6.   Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni se tieħu l-inizjattivi meħtieġa biex timplimenta din l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni, notevolment fil-kuntest tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-iżviluppi fl-IT assoċjati, u se tadotta approċċ konsistenti ma’ inizjattivi oħra tal-UE fil-qasam tal-ġbir tad-dejta. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u l-Parlament għall-importanza tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija u pjan ta’ azzjoni. Hija tappella lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħra biex jikkontribwixxu għal implimentazzjoni effikaċi u effiċjenti.

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 648/05.

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2913/92;

[3] COM (2012) 793 finali, 8.1.2013

[4] Konklużjonijiet tal-Kunsill 8761/3/13, tat-18 ta' Ġunju 2013

[5] Dawn ġew żviluppati flimkien ma' esperti tal-Istati Membri

[6] Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 952/13, 9.10.2013

[7] Abbozz ta’ emenda proposta tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97

[8] COM(2010) 673 finali, 22.11.2010 u s-segwitu tagħha

[9] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 17563/10, 7.12.2010

[10] JOIN (2014) 9 finali, 6.3.2014, u l-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima tal-UE, adottata mill-Kunsill 10915/14, 24.6.2014

[11] COM(2014) 244 finali, 24.4.2014

[12] Id-Direttiva 2010/65/UE

[13] Id-Direttiva 2002/59/KE

[14] COM(2011) 144 finali, 28.3.2011

[15] COM(2013) 76 finali, 13.2.2013

[16] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2173/2005, 20.12.2005

[17] Ir-Regolament tal-Kunsill  (KE) Nru. 338/97, 9.12.1996

[18] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2013/C 80/01, 19.3.2013.

[19] COM(2014) 392 finali, 1.7.2014

[20] COM(2014) 389 finali, 1.7.2014

Strateġija tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali:

L-indirizzar ta’ riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ

Fis-superviżjoni tagħhom tal-katina tal-provvista u tal-moviment tal-oġġetti li jaqsmu l-fruntieri tal-UE l-awtoritajiet doganali Ewropej iridu jdaħħlu fis-seħħ miżuri biex: jiggarantixxu l-integrità tal-katina tal-provvista għall-movimenti internazzjonali tal-oġġetti u jipproteġu s-sigurtà u s-sikurezza tal-Unjoni u r-residenti tagħha; jipproteġu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE u l-Istati Membri tagħha; jiffaċilitaw u jaċċelleraw il-kummerċ leġittimu u jippromwovu l-kompetittività tal-UE. Il-ħidma ma' awtoritajiet, negozji u sħab internazzjonali kompetenti oħra hija kruċjali.

Meta ffaċċata b’volum dejjem jikber ta’ movimenti ta’ kummerċ u l-ħtieġa li tissorvelja l-katina tal-provvista, d-dwana tuża l-ġestjoni tar-riskji biex timplimenta kontrolli effikaċi u effiċjenti, tevita tfixkil bla bżonn għan-negozju leġittimu u tqassam ir-riżorsi b’mod effiċjenti. Ir-riżorsi tal-kontroll u l-interventi jistgħu għalhekk jipprijoritizzaw l-oqsma li jippreżentaw l-ogħla u l-aktar riskji serji biex il-kontrolli meħtieġa jitwettqu fiż-żmien u l-post l-aktar xieraq.

Is-suq uniku tal-UE u l-unjoni doganali, flimkien mad-dimensjoni transnazzjonali tat-theddidiet, jissottolinjaw id-dipendenza reċiproka tal-Istati Membri u l-ħtieġa li jiġu indirizzati r-riskji b’mod effikaċi bil-konsistenza u l-uniformità meħtieġa madwar l-UE.

Il-qafas komuni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali huwa stabbilit sew, iżda jeħtieġ li jkompli jiġi adattat u żviluppat sabiex isir iktar koerenti, effikaċi u kosteffiċjenti fis-superviżjoni tiegħu tar-riskju tal-katina tal-provvista. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex jiżguraw dan.

I. Il-prinċipji sottostanti tal-ġestjoni tar-riskju doganali tal-UE tal-katina tal-provvista

Din l-Istrateġija tirrigwarda l-ġestjoni tar-riskju u l-kontroll ta’ oġġetti li jidħlu, joħorġu jew jgħaddu mill-Unjoni b’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, l-iskala tar-riskju u l-ispejjeż kemm għad-dwana kif ukoll għall-kummerċ.

Il-ġestjoni tar-riskju tal-moviment tal-oġġetti permezz tal-katina tal-provvista internazzjonali teħtieġ il-kapaċità biex tidentifika, tevalwa u tanalizza l-firxa sħiħa tat-theddidiet u r-riskji assoċjati mal-oġġetti u l-movimenti tagħhom. Hija trid tikkunsidra d-diversità ta’ riskji, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, u l-impatt u l-konsegwenzi tagħhom jekk dawn ir-riskji jimmaterjalizzaw sabiex tieħu miżuri ta' mitigazzjoni u kontroll tar-riskju fl-aktar mument u l-post opportun fil-katina tal-provvista.

1) “Ivvaluta minn qabel, ikkontrolla fejn meħtieġ”

Il-qafas komuni tal-UE għal ġestjoni tar-riskju doganali jrid jipprovdi għall-valutazzjoni tar-riskju ta’ merkanzija qabel titgħabba f’pajjiż terz, il-wasla tagħha fit-territorju tal-UE jew il-wasla fid-destinazzjoni (doganali) finali sabiex jippermetti t-tqegħid fil-post ta’ kontromiżuri xierqa biex jiġi identifikat ir-riskju – essenzjalment “Ivvaluta bil-quddiem, ikkontrolla fejn meħtieġ”.

L-għan huwa li r-riskji jiġu ġestiti bl-aħjar mod possibbli, pereżempju: ir-riskju tas-sigurtà minn apparat esplożiv jew it-theddida minn marda infettiva ħafna jeħtieġ jiġi indirizzat qabel issir it-tagħbija; oġġetti pprojbiti, kuntrabandu jew oġġetti perikolużi jeħtieġu intervent bikri, iżda jistgħu jiġu kkontrollati mal-wasla fit-territorju tal-UE jew fil-post tal-ħatt; xi riskji bħalma huma s-sikurezza tal-oġġetti jistgħu jiġu ttrattati fil-ħin tal-approvazzjoni; il-politika finanzjarja, kummerċjali u riskji oħrajn jistgħu jiġu indirizzati fil-ħin tar-rilaxx, kif ukoll permezz ta’ kontrolli ta’ verifika wara l-approvazzjoni. Programmi ta’ Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati u kunċetti ta' kummerċjant ta' fiduċja huma ta’ importanza partikolari biex jiġi ffaċilitat u jitħaffef il-moviment u l-approvazzjoni doganali tal-kummerċ bejn kummerċjanti li huma siguri b’mod identifikabbli li jippreżentaw riskju aktar baxx.

2.) Kooperazzjoni ta' multiaġenzji

L-awtoritajiet doganali tal-UE bħala l-awtoritajiet responsabbli primarjament għas-superviżjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-Unjoni jirrikonoxxu li l-ġestjoni effikaċi tar-riskju hija kwistjoni ta' multiaġenziji. Dan jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib fost l-awtoritajiet doganali internazzjonalment, bejn id-dwani u awtoritajiet governattivi oħra inklużi l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà, u l-operaturi ekonomiċi.

3.) Approċċ b’diversi livelli u kkoordinat

Konxji ta’ dawn il-ħtiġijiet u sfidi, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jiżguraw u jiddependu fuq sistema b’saħħitha ta’ valutazzjoni tar-riskju bikrija ta’ movimenti ta’ oġġetti. Dan jitlob li jkun hemm approċċ b’diversi livelli u kkoordinat b’input mingħand l-awtoritajiet kompetenti kollha u l-preżentazzjoni f'waqtha ta’ dejta xierqa u armonizzata lid-dwana minn atturi tal-katina tal-provvista.

4.) Użu effiċjenti tar-riżorsi

L-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jipprovdu għall-ġbir, l-integrazzjoni u l-ġestjoni ta’ informazzjoni elettronika minn sorsi multipli li tieħu vantaġġ mill-kapaċitajiet tal-IT eżistenti u minn opportunitajiet ġodda għal kisbiet fl-effiċjenza.

Il-kondiviżjoni xierqa ta' din id-dejta u ta' informazzjoni rilevanti għar-riskju u r-riżultati tal-kontroll fost l-awtoritajiet doganali tal-UE hija kruċjali. Permezz ta’ qafas komuni l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jiżguraw li din l-informazzjoni tista’ tkun disponibbli u tiġi sfruttata kompletament għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju filwaqt li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ rigward il-protezzjoni tad-dejta.

Għal trattament konsistenti tar-riskji l-awtoritajiet doganali tal-UE jridu jiżguraw li l-firxa sħiħa ta’ kapaċitajiet disponibbli, inkluż it-tagħmir, tkun fil-post b’mod adegwat, u jiżguraw evalwazzjoni kontinwa biex jiġi evitat xogħol żejjed u kontrolli u spejjeż bla bżonn.

II. Tissaħħaħ il-ġestjoni tar-riskju doganali b’diversi livelli fl-UE

Biex itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju mal-UE kollha, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jikkooperaw, gradwalment, biex jieħdu l-miżuri neċessarji Għall-objettivi u Bil-mezzi msemmija hawn taħt:

1) Titjieb il-kwalità tad-dejta u l-arranġamenti ta’ arkivjar

Għall-preżentazzjoni f’waqtha lill-awtoritajiet doganali ta’ dejta ta' kwalità għolja u komprensiva rigward il-movimenti tal-katina tal-provvista internazzjonali tal-oġġetti li jaqsmu l-fruntieri tal-UE;

Bl-aġġustament ġuridiku, proċedurali u sistemi tal-IT tal-UE biex jiġi żgurat li l-operaturi li għandhom rwol fil-katina tal-provvista kummerċjali jkunu jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa, inkluż informazzjoni bil-quddiem dwar il-merkanzija, b’mod armonizzat, li jqis l-istandards internazzjonali, mingħajr spejjeż żejda għall-mudelli ta’ negozju jew għal awtoritajiet doganali.

2) Tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-dejta fil-katina tal-provvista u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti tar-riskju fost l-awtoritajiet doganali

Għall-faċilità li l-awtoritajiet doganali, tal-Istati Membri janalizzaw u jimmitigaw ir-riskji fejn huma rilevanti u jiżguraw trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi;

Billi jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi guridiċi, proċedurali u tal-IT biex jappoġġaw id-disponibbiltà tad-dejta meħtieġa, komunikazzjoni u kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti għar-riskju, inklużi riżultati tal-kontroll, fost l-awtoritajiet doganali tal-UE permezz tal-proċess ta’ kontroll doganali kollu.

3) L-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontroll u mitigazzjoni tar-riskju fejn meħtieġ

Għall-iżgurar li l-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji u kontroll ikunu mħaddma konsistentement biex jiġu indirizzati b'mod xieraq ir-riskji identifikati tal-UE u nazzjonali filwaqt li tiġi massimizzata l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-fluwidità tal-katina tal-provvista;

Billi jiġu stabbiliti metodoloġiji u proċeduri li jippermettu li jitwettqu kontrolli bbażati fuq ir-riskju fl-aktar ħin u post xierqa fil-katina tal-provvista, ir-riżultati jiġu kondiviżi bejn l-awtoritajiet doganali, u jiġu evitati kontrolli mhux meħtieġa jew duplikati;

BILLI jiġi identifikat fejn u f’liema ħin huma meħtieġa l-kontrolli u l-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji sabiex ir-riskju jiġi indirizzat bl-aħjar mod u jiġu kkunsidrati l-limiti tal-katina loġistika.

4) Jissaħħu l-kapaċitajiet

Għall-iżgurar ta' ekwivalenza f’implimentazzjoni effikaċi tal-qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskju doganali tal-UE madwar l-Istati Membri kollha u biex tiżdied il-kapaċità ta’ rispons għal riskji li jkunu għadhom kemm ġew identifikati;

Billi jiġu identifikati u indirizzati differenzi mhux xierqa fl-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ appoġġ fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati;

Billi jkomplu jiġu analizzati u identifikati aktar kapaċitajiet possibbli fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri li jistgħu jkunu meħtieġa biex jappoġġaw ġestjoni tar-riskju aktar effikaċi u effiċjenti;

Billi tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet doganali tal-UE;

Billi jkomplu jiġu żviluppati u kontinwament evalwati l-kriterji u standards ta' riskju komuni għal firxa sħiħa ta' riskji u tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata tagħhom;

Billi jsiru monitoraġġ u evalwazzjoni sistematiċi tal-implimentazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju tal-UE madwar l-Istati Membri kollha u titqabbel il-prestazzjoni mar-riżultati preżunti.

5) Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn id-dwana u awtoritajiet oħra fuq il-livell tal-Istati Membri u tal-UE

Għall-iżgurar li r-riskji jiġu identifikati u indirizzati b’mod effettiv mill-awtoritajiet kompetenti fl-aktar żmien xieraq u l-post fil-katina tal-provvista u bi tfixkil minimu għall-moviment tal-merkanzija;

Billi jiġu żviluppati aktar l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn id-dwana u l-awtoritajiet l-oħra kompetenti, inklużi aġenziji oħra ta’ infurzar tal-liġi u ta’ sigurtà, bil-ħsieb li tkun żgurata l-komplementarjetà tar-rwoli fil-ġestjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista, jitmexxa 'l quddiem l-iżvilupp ta’ kriterji komuni ta’ riskju, fejn ikun xieraq, u titjieb l-aċċessibilità u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-riskju;

Billi ssir promozzjoni u jinkiseb rikonoxximent usa’ tal-Programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat tal-UE minn awtoritajiet/regolaturi mhux doganali.

6) Tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-kummerċ

Għal iffukar aħjar fuq ir-riskji filwaqt li jiġu ffaċilitati l-katini tal-provvista u jiġi aċċellerat il-kummerċ;

Billi jiġu segwiti sħubiji ma’ operaturi ekonomiċi leġittimi, atturi tal-katina tal-provvista u l-fornituri tal-loġistika, b’mod partikolari biex:

-    jittejjeb l-għarfien u l-viżibbiltà tal-ktajjen internazzjonali tal-provvista, b’mod partikolari fil-qafas tal-inizjattiva e-Freight;

-    jiġu identifikati tendenzi ġodda ta’ kummerċ illegali fil-qsim tal-fruntieri tal-UE u fit-theddidiet tal-katina tal-provvista;

-    jiġi promoss l-użu mill-ġdid ta’ dejta doganali li tintbagħat elettronikament mill-operaturi ekonomiċi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri doganali, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u titjieb l-effiċjenza;

-    jiġi promoss u msaħħaħ il-programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat tal-UE, u jiġi ffaċilitat aktar il-kummerċ leġittimu.

7) Jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ kooperazzjoni doganali internazzjonali

Għal identifikazzjoni aħjar tar-riskji, mitigazzjoni tar-riskju aktar effettiva u tnaqqis tal-ispejjeż għall-operaturi u l-awtoritajiet;

Bil-parteċipazzjoni attiva fl-istabbiliment ta’ standards globali f’fora multilaterali;

Bl-implimentazzjoni jew il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ normi u standards internazzjonali permezz ta’ inizjattivi multilaterali u bilaterali mas-sħab kummerċjali inklużi skambji ta’ informazzjoni doganali u arranġamenti rigward korsija ta' kummerċ fluwidu;

Billi jkompli jiġi segwit ir-rikonoxximent tal-programm tal-OEA tal-UE minn sħab kummerċjali internazzjonali u r-rikonoxximent reċiproku ta’ programmi u kontrolli ta' kummerċjanti ta’ fiduċja, fejn xieraq.

IL-PJAN TA’ AZZJONI

Objettiv 1: Titjieb il-kwalità tad-dejta u l-arranġamenti ta’ arkivjar għal ġestjoni effikaċi tar-riskju

Azzjoni || Deskrizzjoni tal-azzjoni || Skeda indikattiva || Atturi responsabbli || Riżultat tanġibbli

1.1. Titħaddem is-setgħa mogħtija mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (UCC) biex jiġu adottati atti tal-Kummissjoni (KUM) || Fir-rigward ta’ merkanzija li tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni: — Tiġi konkluża l-analiżi għat-titjib meħtieġ fid-dejta tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul (ENS), filwaqt li jitqiesu mudelli tan-negozju differenti, ir-riżultati tal-azzjonijiet pilota rigward is-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru, u l-evalwazzjoni tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni (ICS)[1]. — Tiġi proposta soluzzjoni armonizzata għall-ġbir u l-integrazzjoni tad-dejta tal-ENS minn sorsi kummerċjali, abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni assoċjati (inklużi aspetti tekniċi, finanzjarji u organizzattivi). || 2014 - 2015 || il-Kummissjoni (KUM) || — Studju ta’ implimentazzjoni — Adozzjoni tal-atti tal-KUM

1.2. Żvilupp u implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet xierqa tal-IT || — Jiġu aġġustati u jkomplu jiġu żviluppati s-sistemi tal-IT meħtieġa għas-sottomissjoni tad-dejta tal-ENS mill-operaturi ekonomiċi, u l-ġbir u l-integrazzjoni tagħha għall-awtoritajiet doganali. — Jiġi żviluppat l-aċċess tal-awtoritajiet doganali permezz tal-IT għas-sistemi tal-operaturi ekonomiċi fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni || 2016 – 2020[2] || KUM, Stati Membri (SM), Operaturi ekonomiċi (OE) || Is-sistemi tal-IT aġġustati u żviluppati aktar fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-UE

Objettiv 2: Tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-dejta fil-katina tal-provvista u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti tar-riskju u r-riżultati ta’ kontroll fost l-awtoritajiet doganali biex janalizzaw u jtaffu r-riskji u jiżguraw trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi

Azzjoni || Deskrizzjoni tal-azzjoni || Skeda indikattiva || Atturi responsabbli || Riżultat tanġibbli

2.1. Jitressqu soluzzjonijiet u titħaddem is-setgħa mogħtija mill-UCC biex jiġu adottati atti tal-KUM || — Abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni assoċjati (inklużi aspetti tekniċi, finanzjarji u organizzattivi) jiġu proposti soluzzjonijiet armonizzati għall-oġġetti: a) li jiddaħħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni, b) li jitqiegħdu taħt proċedura doganali wara d-dħul tagħhom fit-territorju doganali tal-Unjoni, c) li jiġu esporati u jinħarġu barra mit-territorju doganali tal-Unjoni; || 2014 - 2015 2015 – 2016 2016 – 2017 || KUM || ― Studji ta' implimentazzjoni ― Adozzjoni ta' atti tal-KUM, fejn xieraq ― Linji gwida komuni għall-awtoritajiet doganali

2.2. Żvilupp u implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet xierqa tal-IT || Jiġu aġġustati u jkomplu jiġu żviluppati s-sistemi meħtieġa tal-IT għad-disponibbiltà u l-kondiviżjoni fost l-awtoritajiet doganali, tad-dejta dwar il-katina tal-provvista, id-disponibbiltà u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti dwar ir-riksju, inklużi r-riżultati tal-kontroll, fost l-awtoritajiet doganali tal-UE. || 2016 – 2020[3] || KUM, SM || Is-sistemi tal-IT jiġu żviluppati iktar: ― sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni tar-riskju doganali — ICS, sistema ġdida ta’ tranżitu kompjuterizzata (NCTS), u s-Sistema tal-Ġestjoni tar-Riskju Doganali (CRMS)

2.3. Jiġu proposti soluzzjonijiet għat-traċċabilità ta' movimenti tal-oġġetti matul diversi stadji ta’ kontroll doganali || — Analiżi tal-alternattivi għat-traċċabilità tal-movimenti tal-oġġetti matul diversi stadji ta’ superviżjoni doganali mid-dħul tagħhom fit-territorju doganali tal-Unjoni sal-approvazzjoni finali tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi li jinsabu għaddejjin bħal e-Manifest, e-Freight u/jew permezz tal-aġġustament ta’ sistemi eżistenti tat-tranżazzjonijiet doganali — Jiġi ppreżentat l-approċċ xieraq, filwaqt li jitqiesu l-aspetti rilevanti (IT, ġuridiċi jew proċedurali) || 2015 - 2020 || KUM || — Rapport ta’ analiżi li jidentifika l-alternattiva/i — Implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet li jippermettu traċċabilità

Objettiv 3: L-implimentazzjoni tal-kunċett “Ivvaluta minn qabel - ikkontrolla fejn meħtieġ” li jkun hemm rispons adegwat tar-riskji identifikati tal-UE u nazzjonali filwaqt li tiġi massimizzata l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-fluwidità tal-katina tal-provvista

Azzjoni || Deskrizzjoni tal-azzjoni || Skeda indikattiva || Atturi responsabbli || Riżultat tanġibbli

3.1. Jiġu żviluppati metodoloġiji biex jiġi implimentat il-kunċett ta’ “Ivvaluta minn qabel – ikkontrolla fejn meħtieġ” || Tiġi proposta metodoloġija li tiddetermina l-post u l-ħin l-aktar xierqa għall-applikazzjoni tal-kontrolli doganali u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju bbażati fuq it-tip/livell ta’ riskju, kontroll u l-limiti tal-katina tal-provvista (disponibbiltà ta’ informazzjoni, dokumentazzjoni, u possibilitajiet ta’ kontroll). || 2014 - 2016 || KUM || Dokument ta’ kunċett

3.2. Titwettaq “prova tal-kunċett” fl-oqsma ewlenin tal-politika u jiġu proposti soluzzjonijiet xierqa || — Jiġu identifikati l-oqsma ewlenin tal-politika u jitwettqu azzjonijiet operattivi biex jittestjaw is-soluzzjonijiet eż. permezz ta’ Żona ta' Kontroll ta' Prijorità (Priority Control Area — PCA) azzjonijiet f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti Il-KUM se tipproponi klawżoli li jirrigwardaw il-kontroll doganali għal leġiżlazzjoni mhux doganali dwar oqsma ta’ politika ttestjati, fejn xieraq u billi tqis ir-riżultati tal-“prova tal-kunċett” || 2015 - 2016 || KUM || ― Il-Prova tal-Kunċett — Proposta tal-KUM għal klawżoli aġġornati rigward il-kontroll doganali għal leġiżlazzjoni mhux doganali, fejn xieraq

Objettiv 4: Jissaħħu l-kapaċitajiet biex tkun żgurata ekwivalenza f’implimentazzjoni effikaċi tal-Qafas Komuni għall-Ġestjoni tar-Riskju (CRMF) u biex tiżdied il-kapaċità ta’ rispons għal riskji identifikati reċentement

Azzjoni || Deskrizzjoni tal-azzjoni || Skeda indikattiva || Atturi responsabbli || Riżultat tanġibbli

4.1. Jiġu identifikati u indirizzati dgħufijiet u differenzi mhux adatti fl-implimentazzjoni tal-QKĠR, fejn rilevanti permezz ta’ appoġġ fil-livell tal-UE || — Jiġu analizzati, determinati u mressqa soluzzjonijiet xierqa (inkluż fl-IT), fejn rilevanti permezz ta’ appoġġ fil-livell tal-UE: a) biex jindirizzaw id-differenzi mhux xierqa fl-implimentazzjoni ta’ kriterji u standards komuni ta’ riskju, b) għal rekwiżiti tekniċi u funzjonali neċessarji tas-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji ta' SM, c) għal rekwiżiti ta’ ħiliet professjonali fil-qasam tal-analiżi tar-riskju u l-immirar. || 2014 - 2020 || KUM, SM || — Rapport tal-analiżi. — Fil-livell ta' SM u/jew UE jiġu żviluppati aktar IT meħtieġa, u kapaċitajiet oħrajn rilevanti tal-immaniġġjar tar-riskju (pereż. skemi ta’ taħriġ)

4.2. Jiġu żviluppati aktar kapaċitajiet possibbli u jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali || — Abbażi ta' rekwiżiti strateġiċi jiġu identifikati liema kapaċitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju għandhom jiġu żviluppati aktar fil-livell tal-Istati Membri, u fil-livell tal-UE (filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji ta’ repożitorju tad-dejta tal-UE jew alternattivi kif ukoll ir-riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka rilevanti ffinanzjati mill-UE). — Jiġu identifikati modi, marbuta mal-azzjoni 2.1 u b’aktar analiżi, biex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni proattiva bejn l-Istati Membri biex: a) jingħata appoġġ effikaċi u effiċjenti għall-ġestjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista, b) jiġi żgurat li l-kontrolli jkunu allokati u mwettqa fil-post l-aktar xieraq fil-katina, ir-riżultati jiġu skambjati bejn l-awtoritajiet doganali u jiġu evitati lakuni jew kontrolli bla bżonn, c) tissaħħaħ il-komplementarjetà bejn kontrolli doganali bbażati fuq ir-riskju u investigazzjonijiet doganali, billi inter alia tiġi definita l-governanza xierqa sabiex ikun żgurat li l-iżvilupp u l-amministrazzjoni tas-sistemi tal-IT attwali u futuri jkunu kondiviżi bejn is-servizzi rilevanti tal-KUM f’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta — Tiġi ffaċilitata l-analiżi u l-valutazzjoni ta’ approċċi potenzjali, inkluż il-ħolqien possibbli ta’ struttura flessibbli u soluzzjonijiet għal valutazzjoni aħjar tar-riskji fuq il-bażi ta’ ħin reali, permezz ta' proġetti pilota b'inizjattivi konġunti bejn Stati Membri li lesti jieħdu sehem — Jitressqu u jiġu implimentati soluzzjonijiet xierqa (inkluż fl-IT) għall-iżvilupp ulterjuri ta' kapaċitajiet meħtieġa ta’ ġestjoni tar-riskju f’livell tal-SM u tal-UE (filwaqt li jitqiesu wkoll is-soluzzjonijiet proposti minn proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE) inkluż it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali || 2014 - 2020 || KUM, SM || — Rapport tal-analiżi u/jew evalwazzjoni tar-riżultati tal-inizjattiva/i pilota — Fil-livell tal-Istati Membri jiġu żviluppati aktar kapaċitajiet meħtieġa tal-IT u oħrajn rilevanti għall-ġestjoni tar-riskju — Fil-livell tal-UE jiġu żviluppati aktar kapaċitajiet meħtieġa tal-IT għall-ġestjoni tar-riskju (pereż. tisħiħ tas-CRMS), jew kapaċitajiet rilevanti oħra

4.3. Jiġu żviluppati aktar il-valutazzjonijiet dwar it-theddid u r-riskji doganali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, għall-firxa sħiħa ta’ theddid u riskji || — Fil-livell tal-SM u tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-istrumenti l-proċeduri u l-metodoloġiji attwali, jiġi żgurat li: a) jkunu stabbiliti valutazzjonijiet dwar it-theddid u r-riskji doganali għall-firxa sħiħa ta’ riskji u kondiviżi bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-KUM b) dawn il-valutazzjonijiet jiġu integrati fil-ġestjoni tar-riskju doganali, inkluż fejn xieraq, fil-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju || 2015 ’il quddiem || KUM, SM || — Valutazzjonijiet tat-theddid u tar-riskju doganali żviluppati fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE

4.4. Jiżviluppaw aktar standards u kriterji ta’ riskju komuni tal-Unjoni (CRC) għal firxa sħiħa ta’ riskji, f’kooperazzjoni mas-servizzi kompetenti || — Jiżviluppaw aktar u jimplimentaw CRC għal firxa sħiħa ta’ riskji, fejn meħtieġ flimkien mas-servizzi kompetenti, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet identifikati u inizjattivi. || 2014 ’il quddiem || KUM || — Atti tal-KUM fil-qafas tas-CCC u l-UCC attwali li jistabbilixxu CRC, — Il-CRC implimentat permezz ta’ Azzjonijiet ta’ Kontroll Prijoritarji

4.5. B’mod sistematiku jsir monitoraġġ, evalwazzjoni u titjib fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju tal-UE mill-SM u titkejjel il-prestazzjoni tal-QKĠR || — Monitoraġġ u evalwazzjoni sistematiċi ta’ miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju tal-UE, biex tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata, effikaċi u effiċjenti — Aktar evalwazzjoni u titjib fl-effikaċja u l-effiċjenza tal-KRK attwali permezz ta’ rapporti annwali ta’ evalwazzjoni tal-KUM u s-segwitu tagħhom — Titjib ulterjuri tal-metodi u proċeduri għal monitoraġġ, evalwazzjoni u rieżami fil-livell tal-UE tal-effikaċja tas-CRC, fejn meħtieġ f’kooperazzjoni ma’ servizzi kompetenti, u tiġi identifikata l-informazzjoni li jeħtieġ tinġabar u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-KUM mill-Istati Membri || 2014 ’il quddiem || KUM, SM || Implimentazzjoni tal-kejl tal-prestazzjoni tas-CRMF: ― Rapporti ta’ evalwazzjoni annwali tal-KUM ― Rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar iż-Żona ta' Kontrolli ta' Prijorità

Objettiv 5: Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn id-dwana u awtoritajiet oħra fuq il-livell tal-SM u tal-UE biex tkun żgurata ġestjoni effikaċi tar-riskju

Azzjoni || Deskrizzjoni tal-azzjoni || Skeda indikattiva || Atturi responsabbli || Riżultat tanġibbli

5.1. Jiġu żviluppati aktar l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni transsettorjali, tittejjeb il-kondiviżjoni u l-aċċessibbiltà ta’ informazzjoni (dwar ir-riskju), u l-involviment doganali fil-valutazzjonijiet tar-riskju u theddidiet || — Fl-oqsma ta’ politika rilevanti jiġi esplorat kif jistgħu jittejbu aktar: a) l-aċċessibbiltà, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u l-integrazzjoni f’waqtha tal-informazzjoni (tar-riskju) għall-ġestjoni tar-riskju tal-katini ta’ provvista, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, b) l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni biex tkun żgurata l-komplementarjetà bejn il-kontrolli doganali bbażati fuq ir-riskju u l-kontrolli mwettqa minn awtoritajiet kompetenti oħra, c) l-aċċess għal valutazzjonijiet tat-theddid u tar-riskju mid-dwani fil-livell tal-SM u f’livell tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali — Jitressqu soluzzjonijiet possibbli fil-livell tal-SM u tal-UE filwaqt li jitqies it-tqassim ta’ kompetenzi differenti bejn l-awtoritajiet f'kull SM, l-aktar fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u inizjattivi relatati, bħall-e-Freight u s-CISE || 2015 - 2020 || KUM, SM || — Titjib fil-kondiviżjoni u l-aċċessibbiltà għall-informazzjoni (tar-riskju) sistematiċi — Att ta’ implimentazzjoni tal-KUM fil-qafas tal-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali (COM (2013) 265) — Aċċess xieraq għad-dwani għall-valutazzjonijiet ta’ riskju u theddid

5.2. Jissaħħaħ il-programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) tal-UE permezz ta’ rikonoxximent u promozzjoni usa’ minn awtoritajiet oħra ||  — Jiġu identifikati oqsma ta’ prijorità f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa — Titwettaq analiżi tar-rekwiżiti fir-rigward ta’ programmi ta’ sħubija oħra jew reġimi ta’ kontroll li jirriżultaw minn awtoritajiet oħra bil-għan li jidentifikaw: a) kumplimentaritajiet u sinerġiji bejn l-AEO u programmi oħra b) il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi integrat l-istatus ta’ AEO fir-reġimi ta’ kontroll ta' awtoritajiet kompetenti oħra c) kriterji ta' konformità żviluppati minn awtoritajiet oħra li għandhom ikunu riflessi fil-programm tal-AEO — KUM se tipproponi soluzzjonijiet adegwati, fejn meħtieġ u possibbli || 2014 - 2020 || KUM || — Studji ta’ fattibilità segwiti minn proposti fejn xieraq

5.3. Jiġi promoss l-użu ta’ prattiki tajba u l-metodi ta’ koperazzjoni bejn id-dwani u awtoritajiet nazzjonali oħra || — l-Istati Membri jniedu, flimkien mal-KUM, metodi ta' appoġġ, skambju ta’ prattiki tajba u kooperazzjoni || 2014 - 2020 || SM/KUM || Studju/rapport b’rakkomandazzjonijiet

Objettiv 6: Tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni mal-kummerċ permezz ta’ sħubija ma’ operaturi ekonomiċi u fornituri loġistiċi sabiex ikun hemm iktar iffukar fuq ir-riskji u tiġi aċċellerata l-approvazzjoni doganali tal-kummerċ leġittimu

Azzjonijiet || Deskrizzjoni tal-azzjoni || Skeda indikattiva || Atturi responsabbli || Riżultat tanġibbli

6.1. Jitkompla jissaħħaħ u jiġi promoss il-programm tal-AEO, billi tiġi indirizzata kull dgħufija identifikata u b'hekk jipprovdi aktar benefiċċji || — Mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, ikomplu jiġu żviluppati analiżijiet sistematiċi u jiġu indirizzati nuqqasijiet rilevanti tal-implimentazzjoni tal-AEO biex jiġi żgurat li l-programm ikun robust. — Jiġu identifikati benefiċċji addizzjonali tal-AEO fil-proċessi doganali u jiġu proposti miżuri adegwati, filwaqt li jitqiesu l-aspetti ġuridiċi u proċedurali || 2014 - 2020 || KUM || — Adozzjoni tal-atti tal-KUM fil-qafas tal-UCC, fejn xieraq — Aġġornament tal-linji gwida komuni tal-AEO

6.2 Jittejjeb l-għarfien tal-katini tal-provvista, tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-kummerċ u tiġi sfruttata dejta prezzjuża disponibbli għall-kummerċ || — Jitressqu u jiġu implimentati soluzzjonijiet xierqa għat-titjib tal-ġestjoni tar-riskju doganali permezz ta’ żieda fil-viżibbiltà tal-katina tal-provvista permezz ta’: a) l-esplorazzjoni, fil-qafas tal-inizjattiva e-Freight, dwar kif l-aħjar li jiġu utilizzati r-riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka rilevanti (pereż. Il-FP 7Cassandra u CORE), u billi jitlesta l-proġett pilota li jinsab għaddej ENS-Container Status Message (CSM), b) jiġi esplorat kif isir l-aħjar użu ta’ bażijiet tad-dejta kummerċjali — Titwettaq, fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE, outreach, sensibilizzazzjoni mal-kummerċ biex jintlaħqu standards konsistenti fil-kwalità tad-dejta doganali u fehim aħjar tal-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista, it-theddidiet u t-tendenzi || 2014 - 2020 || KUM, SM || — CSM jinġabar u jiġi sfruttat għal skopijiet ta’ ġestjoni tar-riskju — Rapport ta’ analiżi fir-rigward ta’ bażijiet tad-dejta kummerċjali u proġetti ta’ riċerka — Fil-livell tal-SM u tal-UE outreach u kampanji ta' sensibilizzazzjoni organizzati mal-kummerċ

6.3. Tiġi promossa l-ġestjoni tal-konformità minn amministrazzjonijiet doganali f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kummerċ || — Jiġu identifikati l-aħjar prattiki billi jitqabblu l-programmi nazzjonali u jiġu esplorati l-possibbiltajiet għat-twaqqif ta’ approċċ armonizzat fir-rigward tas-segmentazzjoni tal-klijenti, bħala element tal-kunċett kumplessiv li jikkumplimenta l-programm OEA || 2014 - 2020 || KUM || — L-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki u analiżi tal-fattibbiltà

6.4. Jiġi promoss l-użu mill-ġdid ta’ dejta doganali li tkun ntbagħtet elettronikament mill-operaturi ekonomiċi biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri doganali || — Jiġu identifikati, f’kooperazzjoni mal-kummerċ, formalitajiet, proċessi u oqsma doganali fejn l-użu mill-ġdid ta’ dejta meħtieġa minn leġiżlazzjoni doganali tal-UE, se jżid l-effiċjenza għall-operaturi ekonomiċi u l-amministrazzjonijiet doganali || 2014 - 2020 || KUM, SM || — Analiżi tal-fattibbiltà

Objettiv 7: Jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ kooperazzjoni doganali internazzjonali, biex tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista

Azzjonijiet || Deskrizzjoni tal-azzjoni || Skeda ta' żmien || Atturi responsabbli || Riżultat tanġibbli

7.1. Tiġi żviluppata l-kooperazzjoni internazzjonali permezz ta’ inizjattivi multilaterali u bilaterali || — Skont l-imsieħba kummerċjali differenti jiġu determinati mudelli ta’ kooperazzjoni operattivi, inklużi r-rikonoxximent reċiproku doganali tal-AEO (AEO MR), korsiji ta' kummerċ ta’ fiduċja u fluwidi u rekwiżiti ta' skambju tal-informazzjoni — Filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fil-livell globali, jiġu definiti standards tal-UE għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar: a) dejta AEO MR b) dejta minn sistemi ta’ tranżazzjoni doganali c) informazzjoni rilevanti għar-riskju — Tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni bilaterali ma’ pajjiżi terzi inkluż permezz ta’ azzjonijiet pilota, it-tqabbil u l-ittestjar ta’ teknoloġiji tas-sigurtà tal-katina tal-provvista — Il-KUM se tipproponi soluzzjonijiet adegwati || 2014 - 2020 || KUM, Kunsill u PE || — Mudelli ta’ kooperazzjoni internazzjonali spjegati fid-dettall — Standards tal-UE għall-iskambju ta’ informazzjoni doganali ma’ pajjiżi terzi — Dispożizzjonijiet xierqa fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni doganali internazzjonali — Rapporti fil-kuntest tal-proġett ta' riċerka dwar is-sigurtà fil-katina tal-provvista CORE (FP7

7.2 Jiġu implimentati soluzzjonijiet adatti u kosteffettivi tal-IT biex tkun possibbli l-kooperazzjoni internazzjonali || Jiġu implimentati soluzzjonijiet meħtieġa u kosteffettivi tal-IT biex tkun possibbli l-kooperazzjoni internazzjonali li tappoġġa lill-awtoritajiet doganali tal-UE biex jiskopru r-riskji (jiġifieri skambju ta’ dejta AEO MR, informazzjoni minn sistemi doganali tat-tranżazzjoni u informazzjoni rilevanti dwar ir-riskji) || 2014 - 2020 || KUM, SM || Qed jiġu żviluppati kapaċitajiet tal-IT fil-livell ta' SM u/jew tal-UE

7.3. Jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom rwol proattiv fl-iżvilupp ta’ standards globali fil-fora multilaterali rilevanti || Ikompli jiġi żgurat kontribut proattiv tal-UE fl-istabbiliment tal-istandards internazzjonali u jiġi żgurat li normi u standards internazzjonali jkunu rispettati u implimentati, bħal dawk żviluppati mid-WCO, IMO, ICAO, UPU u UNECE || 2014 - 2020 || KUM, SM || Standards internazzjonali żviluppati b’kontribut proattiv tal-UE

[1] COM(2012) 793, 8.1.2013.

[2] L-iskedi ta’ żmien se jiġu mirquma aktar bħala parti minn Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma għall-KDU (2014/255/UE, 29.4.2014)

[3] L-iskedi ta’ żmien se jiġu mirquma aktar bħala parti minn Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma għall-UCC (2014/255/UE, 29.4.2014)

Top