Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0442

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta

    /* COM/2014/0442 final */

    52014DC0442

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta /* COM/2014/0442 final */


    1. Introduzzjoni

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2013 iffukaw fuq l-ekonomija diġitali, l-innovazzjoni u s-servizzi bħala motivaturi għat-tkabbir u l-impjiegi. Huma talbu li jkun hemm azzjoni tal-UE sabiex tipprovdi l-kundizzjonijiet ta’ qafas tajbin għal suq uniku għal dejta kbira u l-cloud computing.

    Din il-Komunikazzjoni twieġeb billi tfassal il-karatteristiċi tal-ekonomija tal-futur xprunata mid-dejta u billi tistabbilixxi xi konklużjonijiet operattivi għall-appoġġ u l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejha. Tistabbilixxi wkoll attivitajiet attwali u futuri fil-qasam tal-cloud computing.[1]

    Din il-Komunikazzjoni tibni fuq ir-riżultati ta’ diversi konsultazzjonijiet[2] u fuq il-proposti leġiżlattivi rilevanti li diġà tressqu, bħal pereżempju dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni.[3]

    Il-kuntest globali u s-sejħa għall-azzjoni

    Qed naraw rivoluzzjoni industrijali ġdida mmexxija mid-dejta diġitali, il-komputazzjoni u l-awtomazzjoni. L-attivitajiet tal-bniedem, il-proċessi industrijali u r-riċerka kollha jwasslu għall-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta fuq skala mingħajr preċedent, spinta lil prodotti u servizzi ġodda kif ukoll proċessi tan-negozju u metodoloġiji xjentifiċi ġodda.

    Is-settijiet ta’ dejta li jirriżultaw tant huma kbar u kumplessi li jsir diffiċli li tiġi pproċessata "dejta kbira" bħal din bl-għodod u l-metodi tal-ġestjoni tad-dejta attwali. Fl-istess ħin, il-progressi teknoloġiċi joffru modi ġodda ta’ kif jiġu ttrattati dawn l-isfidi. Pereżempju, il-cloud computing jipprovdi informatika fuq skala kbira bħala servizz għall-ekonomija tad-dejta bl-istess mod li bih l-impjanti tal-elettriku jfornu lill-industrija tal-manifattura.

    It-teknoloġija u s-servizzi tad-dejta kbira huma mistennija jikbru fid-dinja kollha għal USD 16,9 miljun fl-2015 b’rata ta’ tkabbir annwali komposta ta’ 40% - b’mod globali madwar seba’ darbiet aktar minn dik tas-suq tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT). Studju reċenti jipprevedi li fir-Renju Unit biss, l-għadd ta’ persunal speċjalista fid-dejta kbira li jaħdem f’ditti kbar se jiżdied b’aktar minn 240% fil-ħames snin li ġejjin.[4]

    Din it-tendenza globali għandha potenzjal enormi f’bosta oqsma b’firxa li tvarja mis-saħħa, is-sigurtà tal-ikel, il-klima u l-effiċjenza tar-riżorsi għall-enerġija, is-sistemi tat-trasport intelliġenti u l-bliet intelliġenti, li l-Ewropa ma tistax tippermetti li titlef.

    Madankollu, l-ekonomija diġitali Ewropea ħadet ħafna żmien biex tilqa’ r-rivoluzzjoni tad-dejta meta mqabbla mal-Istati Uniti tal-Amerika u jonqosha wkoll kapaċità industrijali komparabbli. Il-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) għad-dejta fl-UE huwa subkritiku u l-attivitajiet korrispondenti mhumiex koordinati. Hemm nuqqas ta’ esperti tad-dejta li huma kapaċi li mill-avvanzi teknoloġiċi joħorġu b’opportunitajiet kummerċjali konkreti. Il-kumplessità tal-ambjent legali attwali flimkien mal-aċċess insuffiċjenti għal settijiet tad-dejta kbar u l-infrastruttura għat-twettiq joħolqu ostakli għad-dħul tal-SMEs u joħonqu l-innovazzjoni.

    Bħala riżultat ta’ dan, hemm inqas kumpaniji tad-dejta li għamlu suċċess fl-Ewropa milli fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn atturi kbar irrikonoxxew il-ħtieġa li jinvestu f’għodod, sistemi u proċessi xprunati mid-dejta. Madankollu jeżistu opportunitajiet ġodda sinifikanti f’għadd ta’ setturi (mis-saħħa u l-irziezet intelliġenti għall-agrikoltura) fejn l-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi għadha fil-bidu tagħha u l-atturi dominanti dinjija għadhom ma feġġewx.

    Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi li qed taċċelera, immexxija mill-ħtieġa li timmodernizza, tnaqqas l-ispejjeż u tipprovdi servizzi innovattivi, twassal għal aktar opportunitajiet għall-ottimizzazzjoni tal-ħażna, it-trasferiment, l-ipproċessar u l-analiżi tad-dejta.

    Fl-istess ħin, l-użu rrapportat ta’ teknoloġiji simili għall-iskopijiet ta’ sorveljanza, minn atturi pubbliċi jew privati, x’aktarx iwassal għal tħassib u jnaqqas il-fiduċja fl-ekonomija diġitali fost l-individwi u l-organizzazzjonijiet. Il-Kummissjoni dejjem qieset dan it-tħassib b’mod serju. Hija se tkompli tindirizzah billi tistabbilixxi regoli effettivi għall-protezzjoni tad-dejta u għas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni, tappoġġa t-teknoloġiji sikuri u tinforma lill-pubbliku dwar modi kif tnaqqas ir-riskji għall-privatezza u s-sigurtà. Livell għoli ta’ fiduċja huwa essenzjali għall-ekonomija xprunata mid-dejta.[5]

    Sabiex taħtaf dawn l-opportunitajiet u tikkompeti globalment fl-ekonomija tad-dejta, l-UE trid:

    • tappoġġa l-inizjattivi tad-dejta "lighthouse" li huma kapaċi jtejbu il-kompetittività, il-kwalità tas-servizzi pubbliċi u l-ħajja taċ-ċittadini. L-inizjattivi "lighthouse" jimmassimizzaw l-impatt tal-finanzjament tal-UE f’setturi ekonomiċi strateġikament importanti. L-oqsma possibbli jinkludu s-settur tas-saħħa (il-mediċina personalizzata), il-ġestjoni integrata tat-trasport u l-loġistika għal reġjuni sħaħ, il-ġestjoni tal-ktajjen tal-ikel permezz tal-intraċċar tal-oġġetti tal-ikel mir-razzett sal-konsumatur, eċċ.;

    • tiżviluppa t-teknoloġiji implimentattivi tagħha, l-infrastrutturi u l-ħiliet sottostanti, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-SMEs;

    • taqsam, tuża u tiżviluppa b’mod estensiv ir-riżorsi tad-dejta pubbliċi u l-infrastrutturi tad-dejta għar-riċerka tagħha;

    • tiffoka r-R&I (Riċerka u Innovazzjoni) pubblika fuq ostakli teknoloġiċi, legali u oħrajn;

    • tiżgura li l-qafas legali u l-politiki rilevanti, bħal dawk dwar l-interoperabbiltà, il-protezzjoni tad-dejta, is-sigurtà u l-IPR huma favorevoli għad-dejta, biex dan iwassal għal aktar ċertezza regolatorja għan-negozji u joħloq fiduċja tal-konsumatur fit-teknoloġiji tad-dejta;

    • tikkonkludi malajr il-proċessi leġiżlattivi dwar ir-riforma tal-qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE, is-sigurtà tan-netwerk u l-informazzjoni, u tappoġġa l-iskambju u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar rilevanti (pereżempju għall-protezzjoni tad-dejta, il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sigurtà tan-netwerk);

    • taċċellera d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni u s-servizzi pubbliċi sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom; u

    • tuża l-akkwist pubbliku sabiex iġġib ir-riżultati tat-teknoloġiji tad-dejta fis-suq.

    Pjan ta’ azzjoni kkoordinat li jinvolvi lill-Istati Membri u l-UE jista’ jiggarantixxi l-ambitu u l-iskala meħtieġa tal-attivitajiet mitlubin, bħal pereżempju l-bini ta’ konnettività, ħażna u kapaċità ta’ superinformatika għad-dejta ta’ klassi dinjija jew l-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ importanza strateġika għall-Unjoni fejn jistgħu jsiru skoperti importanti.

    Din il-Komunikazzjoni tipprova tibda dibattitu mal-Parlament, il-Kunsill u partijiet interessati oħrajn, inkluż in-netwerk ta’ koordinaturi diġitali nazzjonali[6] dwar l-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni bħal dan, billi tibni fuq attivitajiet settorjali kontinwi li diġà qed jikkontribwixxu għal ekonomija xprunata mid-dejta, pereżempju fil-qasam tal-ivvjaġġar multimodali. Sabiex tiggwida dan id-dibattitu, din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-karatteristiċi tal-ekonomija xprunata mid-dejta u tiddeskrivi b’mod ġenerali sett ta’ azzjonijiet inizjali li jgħinu biex din tiġi żviluppata fl-Ewropa.

    2. Id-dejta tinsab fiċ-ċentru tal-ekonomija tal-għarfien u s-soċjetà futuri

    L-għadd ta’ modi li bihom tiġi ġġenerata, tinġabar, tiġi pproċessata u tintuża d-dejta diġitali qed jiżdied malajr. Pereżempju, il-manifatturi jiġbru u jipproċessaw id-dejta sabiex jottimizzaw il-fluss ta’ materjali u oġġetti filwaqt li l-oġġetti u s-servizzi ġodda jiddependu aktar u aktar fuq l-analitika tad-dejta integrata (pereżempju s-sistemi ta’ kolliżjoni-evitar).

    Skont l-ISO/IEC 2382-1, id-dejta hija "a reinterpretable representation of information in a formalized manner, suitable for communication, interpretation or processing" (rappreżentazzjoni li tista’ terġa’ tiġi interpretata tal-informazzjoni b’mod formalizzat, adattat għall-komunikazzjoni, l-interpretazzjoni jew l-ipproċessar". In-nies jistgħu joħolqu jew ikunu l-awturi tad-dejta jew inkella din tista’ tiġi ġġenerata minn magni/sensuri, ta’ spiss bħala "prodott sekondarju". Eżempji: informazzjoni ġeospazjali, statistika, dejta dwar it-temp, dejta dwar ir-riċerka, eċċ.

    Sakemm ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, meta applikabbli, jiġu ssodisfati, id-dejta, ladarba tiġi rreġistrata, tista’ terġa’ tintuża bosta drabi, mingħajr telf ta’ fedeltà. Din il-ġenerazzjoni ta’ valur aggregat hija l-qalba tal-kunċett tal-katina tal-valur tad-dejta. Pereżempju, l-informazzjoni dwar il-pożizzjoni aggregata tat-telefowns ċellulari tista’ terġa’ tintuża għall-informazzjoni dwar it-traffiku fil-ħin reali.

    It-terminu "dejta kbira" jirreferi għal ammonti kbar ta’ tipi differenti ta’ dejta prodotti b’veloċità kbira minn għadd kbir ta’ diversi tipi ta’ sorsi. L-immaniġġjar tas-settijiet tad-dejta varjabbli ħafna u fil-ħin reali tal-lum jirrikjedi għodod u metodi ġodda, bħal pereżempju proċessuri b’saħħithom, softwer u algoritmi.[7]

    B’mod ġenerali, l-analiżi tad-dejta[8] tfisser riżultati, proċessi u deċiżjonijiet aħjar. Tgħinna niġġeneraw ideat jew soluzzjonijiet ġodda jew li nipprevedu l-avvenimenti futuri b’mod aktar preċiż. Bil-progress fit-teknoloġija, setturi tan-negozju sħaħ qed jinbidlu billi jibnu sistematikament fuq l-analitika tad-dejta.[9]

    It-terminu "innovazzjoni xprunata mid-dejta" (data-driven innovation - DDI) jirreferi għall-kapaċità tan-negozji u l-korpi tas-settur pubbliku li jużaw l-informazzjoni mill-analitika tad-dejta mtejba sabiex jiżviluppaw is-servizzi u l-oġġetti mtejba li jiffaċilitaw il-ħajja ta’ kuljum tal-individwi u l-organizzazzjonijiet, inklużi l-SMEs.[10]

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, inqas ma jkun hemm restrizzjonijiet u aktar ma jkunu armonizzati r-regoli dwar l-użu mill-ġdid tad-dejta, aktar ikun aħjar. B’riflessjoni tal-politika dwar id-dejta miftuħa tal-Kummissjoni[11], il-Karta dwar id-Dejta Miftuħa tinkorpora l-prinċipju ta’ "iftaħ awtomatikament" u tenfasizza l-ħtieġa li d-dejta tkun tista’ tintuża mill-ġdid b’mod ħieles u miftuħ mill-bnedmin u mill-magni.

    It-terminu "dejta miftuħa" jirreferi għal subsett ta’ dejta, jiġifieri dejta magħmula disponibbli b’mod ħieles biex terġa’ tintuża minn kulħadd, għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal dawk li mhumiex.

    L-eżistenza ta’ settijiet ta’ dejta, kemm dawk li jiġu distribwiti f’postijiet u sorsi differenti, miftuħin jew ristretti, u kemm dawk li possibbilment jinkludu dejta li teħtieġ protezzjoni speċjali, iġġib magħha sfidi ġodda għall-infrastruttura sottostanti. L-analitika tad-dejta tirrikjedi ambjent sikur u ta’ fiduċja li jippermetti operazzjonijiet f’infrastrutturi, pjattaformi u servizzi differenti tal-cloud computing u l-informatika ta’ prestazzjoni għolja (high-performance computing - HPC) [12].

    L-innovazzjoni mmexxija mid-dejta ġġib bosta opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi. Madankollu, tirrikjedi timijiet multidixxiplinarji bi speċjalisti b’ħiliet għoljin fl-analitika tad-dejta, it-tagħlim tal-magni u l-viżwalizzazzjoni kif ukoll fl-aspetti legali rilevanti bħal pereżempju s-sjieda tad-dejta, ir-restrizzjonijiet tal-liċenzji u l-protezzjoni tad-dejta. It-taħriġ tal-professjonisti tad-dejta li jistgħu jwettqu analiżijiet tematiċi profondi, jużaw is-sejbiet tal-magni, jiksbu fehim mid-dejta u jużawh għat-titjib tat-teħid tad-deċiżjonijiet, huwa kruċjali.

    L-Orizzont 2020 tal-UE (H2020) u l-programmi ta’ finanzjament tar-R&I nazzjonali jistgħu jindirizzaw sfidi tekniċi relevanti: mill-ħolqien tad-dejta u l-attwazzjoni permezz tan-netwerks, il-ħażna u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni għall-analiżijiet fuq skala kbira, l-għodod avvanzati tas-softwer u ċ-ċibersigurtà. Fl-aħħarnett, l-appoġġ għall-istimolu tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni speċifiċi għal kull settur huwa importanti.

    3.    Lejn ekonomija tal-UE xprunata mid-dejta

    Karatteristika prominenti ta’ ekonomija xprunata mid-dejta se tkun ekosistema ta’ tipi differenti ta’ atturi li jinteraġixxu f’Suq Uniku Diġitali, u dan iwassal għal aktar opportunitajiet tan-negozju u disponibbiltà miżjuda ta’ għarfien u kapital, b’mod partikolari għall-SMEs, kif ukoll stimolu aktar effettiv għar-riċerka u l-innovazzjoni.

    Ekonomija xprunata mid-dejta b’suċċess se jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:

    3.1. Disponibbiltà ta’ settijiet ta’ dejta ta’ kwalità tajba, affidabbli u interoperabbli u infrastruttura għat-twettiq

    (1) Is-settijiet ta’ dejta nfushom: dejta ta’ kwalità tajba, affidabbli u ta’ fiduċja li ġejja minn settijiet ta’ dejta kbar, inkluża d-dejta miftuħa (pereżempju l-osservazzjoni tad-Dinja u dejta ġeospazjali oħra, riżorsi tal-lingwa, dejta xjentifika, dejta tat-trasport, dejta tal-kura tas-saħħa, dejta finanzjarja, diġitizzazzjoni tal-assi kulturali) li hija disponibbli b’mod wiesa’ għal prodotti tad-dejta ġodda. L-ebda restrizzjoni mhux xierqa ma tfixkel il-fluss tad-dejta fis-setturi, il-lingwi u l-fruntieri fis-Suq Uniku Diġitali. L-utenti għandhom fiduċja biżżejjed fit-teknoloġija, l-imġiba tal-fornituri u r-regoli li jirregolawhom;

    (2) Il-flessibbiltà meħtieġa għall-użu tas-settijiet ta’ dejta: formats u protokolli standard u kondiviżi għall-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta minn sorsi differenti b’mod koerenti u interoperabbli fis-setturi u s-swieq vertikali (enerġija, trasport, ambjent, bliet intelliġenti, bejgħ bl-imnut, sigurtà, eċċ); u

    (3) Infrastrutturi, riżorsi u servizzi solidi: portals tad-dejta miftuħin u infrastrutturi tar-riċerka li jappoġġaw l-innovazzjoni xprunata mid-dejta, ibbażati fuq internet rapidu u d-disponibbiltà ta’ riżorsi tal-informatika kbar u flessibbli (b’mod partikolari HPC, infrastruttura u servizzi tal-grilja u l-cloud computing u infrastruttura statistika).

    3.2. Kundizzjonijiet qafas imtejba li jiffaċilitaw il-ġenerazzjoni tal-valur mis-settijiet ta’ dejta

    (1) Bażi ta’ ħiliet xierqa: il-kumpaniji żgħar u kbar u l-universitajiet jikkooperaw biex iħarrġu għadd suffiċjenti ta’ esperti fil-qasam biex tiġi ssodisfata d-domanda kbira fis-suq tax-xogħol. Dan jinvolvi taħlita effettiva u effiċjenti ta’ talent u ħiliet li tinkorpora oqsma differenti; u

    (2) Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi: l-universitajiet/l-istituti tar-riċerka pubblika u s-sħab privati, speċjalment l-SMEs, jikkooperaw fir-R&I fis-setturi kollha permezz ta’ aċċess iffaċilitat għall-għarfien u t-teknoloġija u t-trasferiment tagħhom. Kooperazzjoni pubblika-privata bħal din tiżgura d-disponibbiltà u l-iżvilupp ulterjuri ta’ algoritmi, għodod u metodi affidabbli u xierqa għall-analitika tad-dejta deskrittiva u ta’ previżjoni, l-ipproċessar tad-dejta, is-simulazzjoni, il-viżwalizzazzjoni, l-appoġġ għad-deċiżjonijiet u l-integrazzjoni tar-riżultati fi prodotti ġodda.

    3.3. Medda ta’ oqsma ta’ applikazzjoni fejn l-immaniġġjar tad-dejta kbira jista’ jagħmel differenza

    (1) Sistemi: Sistemi tal-ICT li huma kapaċi jwettqu detezzjoni, attwazzjoni, komputazzjoni u komunikazzjoni integrati f’oġġetti fiżiċi, interkonnessi permezz tal-internet u li jipprovdu liċ-ċittadini u lin-negozju b’medda kbira ta’ applikazzjonijiet u servizzi innovattivi (oġġetti intelliġenti konnessi); u

    (2) Adottanti u katalizzaturi bikrija: korpi tas-settur pubbliku jaġixxu bħala "klijenti tal-varar" u intermedjarji għal servizzi tad-dejta u oġġetti diġitali ġodda. Is-settur pubbliku għandu rwol ewlieni fl-adozzjoni tas-servizzi tal-cloud computing u approċċi ġodda oħrajn u fil-ħolqien tal-fiduċja miċ-ċittadini u n-negozji, inklużi l-SMEs.

    4. Pjan ta’ azzjoni għat-twettiq tal-ekonomija mmexxija mid-dejta tal-futur

    Progress lejn ekonomija xprunata mid-dejta b’suċċess tirrikjedi l-bini ta’ komunità u l-kundizzjonijiet qafas it-tajbin.

    4.1. Il-bini ta’ komunità 1. Sħubija Pubblika-Privata Ewropea għad-Dejta

    Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-kooperazzjoni strateġika permezz ta’ Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali (cPPP)[13] jista’ jkollha rwol importanti fl-iżvilupp ta’ komunità tad-dejta u fit-tħeġġiġ ta’ skambju tal-aħjar prattiki. B’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-H2020, il-Kummissjoni tqis li cPPP definita sew b’mod suffiċjenti tista’ tkun l-aktar mod effettiv biex jiġi implimentat l-H2020 f’dan il-qasam, b’mod partikolari minħabba l-iskala mitluba tal-impatt, ir-riżorsi involuti u l-importanza ta’ impenn fuq terminu twil.

    Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali tħaddan impenji min-naħa tal-Kummissjoni u tal-industrija biex iwettqu attivitajiet tar-R&I u tikkostitwixxi forum ta’ diskussjoni ta’ valur. Tiggwida l-attivitajiet tar-R&I permezz ta’ Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (SRIA), li għandha tiġi kkoordinata mal-aġendi tal-Istati Membri u li tiffoka l-isforzi rilevanti kollha fuq l-aktar sfidi u ostakli importanti, timmassimizza l-effiċjenza u tevita l-irduppjar.

    Sħubija Pubblika-Privata kuntrattwali għad-dejta għandha tiżviluppa inċentivi għall-kondiviżjoni tas-settijiet ta’ dejta bejn is-sħab u mekkaniżmi biex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija. Għandha tikkollabora ma’ istituzzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka sabiex l-istudenti u r-riċerkaturi jkunu jistgħu jesperimentaw b’settijiet ta’ dejta realistiċi u kbar filwaqt li jippromwovu skambji bejn ix-xjenzati tad-dejta u l-esperti tal-protezzjoni tad-dejta u tas-sigurtà.

    L-industrija organizzat ruħha u qed tħejji proposta għal cPPP bħal din.[14] Jekk tiġi evalwata b’suċċess, tista’ titnieda sa tmiem l-2014.

    2. L-intraprenditorija diġitali u l-inkubatur tad-dejta miftuħa

    Wara li rrikonoxxiet il-potenzjal għoli tat-teknoloġiji diġitali fit-tisħiħ ta’ azzjoni aktar intraprenditorjali u l-bidla tat-tipi kollha ta’ negozji fl-Ewropa, il-Kummissjoni nediet strateġija biex tappoġġa l-Intraprenditorija Diġitali fl-Unjoni[15].

    Fl-istess spirtu, fil-qafas tal-H2020, inkubatur tad-dejta miftuħa se jgħin lill-SMEs jistabbilixxu ktajjen tal-provvista bbażati fuq dejta, jippromwovi kundizzjonijiet ta’ aċċess miftuħin jew ġusti għar-riżorsi tad-dejta, jiffaċilita l-aċċess għall-cloud computing, jippromwovi rabtiet ma’ inkubaturi tad-dejta lokali fl-Ewropa kollha u jgħin lill-SMEs jiksbu parir legali.

    3. L-iżvilupp ta’ bażi ta’ ħiliet

    Il-Kummissjoni se tfassal netwerk Ewropew ta’ ċentri ta’ kompetenza sabiex iżżid l-għadd ta’ professjonisti speċjalisti fid-dejta. Dan se jkun ikkumplimentat mir-rikonoxximent ta’ professjonijiet u ħiliet ġodda tal-e-infrastruttura, skont l-inizjattiva "Grand Coalition on Digital Skills and Jobs" (Gran Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali)[16].

    4. L-għodda ta’ monitoraġġ tas-suq tad-dejta

    Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi għodda ta’ monitoraġġ tas-suq tad-dejta sabiex tkejjel id-daqs u t-tendenzi tas-suq tad-dejta Ewropew. Din l-għodda se turi wkoll ir-relazzjonijiet bejn l-atturi differenti fl-ekonomija tad-dejta Ewropea.

    5. L-identifikazzjoni tal-prijoritajiet settorjali għar-R&I

    Il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati u lill-komunitajiet tar-riċerka (pereżempju mis-setturi tas-saħħa, l-enerġija, l-ambjent, ix-xjenzi soċjali u l-istatistika uffiċjali) sabiex jipproponu inizjattivi "lighthouse" li jistgħu jagħtu l-akbar benefiċċji soċjali u ekonomiċi u għandhom jattiraw il-finanzjament pubbliku u privat meħtieġ.

    4.2. L-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet qafas 4.2.1. Id-disponibbiltà tad-dejta u l-interoperabbiltà

    1. It-tħeġġiġ ta’ politiki tad-Dejta Miftuħa

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar id-dejta miftuħa[17] u l-qafas legali[18], il-Kummissjoni qed tħejji linji gwida dwar liċenzji standard rakkomandati, settijiet ta’ dejta u imposti għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti.

    Il-Kummissjoni u korpi oħrajn tal-UE qed jirrilaxxaw id-dokumenti tagħhom stess bħala dejta miftuħa permezz tal-Portal tal-UE tad-Dejta Miftuħa. Barra minn hekk, infrastruttura pan-Ewropea għas-servizzi diġitali tad-dejta miftuħa taħt il-programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se tipprovdi punt uniku ta’ servizz għad-dejta miftuħa fl-UE kollha.[19] Il-miżuri għall-promozzjoni tal-iskoperta xjentifika u l-kollaborazzjoni bejn il-fruntieri dixxiplinarji u ġeografiċi huma inklużi fil-pakkett ta’ informazzjoni xjentifika tal-Kummissjoni[20].

    L-għan li tinfetaħ aktar id-dejta għall-aċċess u l-użu mill-ġdid qed jiġi segwit ukoll minn għadd ta’ inizjattivi tal-Kummissjoni li jkopru dejta speċifika għal kull settur (trasport, ambjent, eċċ) kif ukoll permezz tal-aċċess miftuħ għar-riżultati tal-H2020[21].

    2. Metodi u għodod għall-immaniġġjar tad-dejta

    Sabiex titħeġġeġ ir-R&I dwar l-intelliġenza tan-negozju, il-proċessi ta’ appoġġ tad-deċiżjonijiet u s-sistemi li jappoġġaw l-SMEs u l-intraprendituri tal-web, l-H2020 tindirizza l-analitika tad-dejta deskrittiva u ta’ previżjoni, il-viżwalizzazzjoni tad-dejta, l-intelliġenza artifiċjali u l-għodod tas-softwer tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-algoritmi.

    Suġġetti oħrajn jinkludu l-provi tal-kunċett u l-prototipi tal-infrastrutturi għat-twettiq tad-dejta bbażati fuq cloud (pereżempju Pjattaforma bħala Servizz u Softwer bħala Servizz) għal settijiet ta’ dejta kbar ħafna jew eteroġenji ħafna u azzjonijiet li jindirizzaw sistemi u servizzi kbar, kumplessi u intensivi fid-dejta.

    Fl-aħħar nett, l-H2020 sejra tistimula l-istabbiliment u n-netwerking ta’ ċentri ta’ kompetenza biex jappoġġaw lill-SMEs fl-iżvilupp, l-aċċess u sabiex jibdew jużaw it-teknoloġija jew is-servizzi tad-dejta fil-prodotti, il-proċess tan-negozju jew attivitajiet oħrajn tagħhom.

    3. L-appoġġ ta’ standards miftuħa ġodda

    L-istandards miftuħin u l-interoperabbiltà tad-dejta huma prijoritajiet f’bosta politiki tal-Kummissjoni. Dan huwa rifless f’inizjattivi kontinwi għall-istabbiliment ta’ standards fl-UE kollha f’setturi ekonomiċi importanti, bħalma huwa t-trasport. Il-programm ISA[22] jiffaċilita l-użu ta’ standards tad-dejta komuni għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. Sabiex tgħin fil-ħolqien ta’ klima ta’ skambju ta’ dejta miftuħa, il-Kummissjoni sejra tappoġġa l-immappjar ta’ standards rilevanti eżistenti għal għadd ta’ oqsma ta’ dejta kbira (pereżempju l-grilja intelliġenti, is-saħħa, it-trasport, l-ambjent, il-bejgħ bl-imnut, il-manifattura, is-servizzi finanzjarji).

    L-azzjonijiet futuri skont l-H2020 se jidentifikaw is-setturi industrijali li huma omoġenji biżżejjed fl-attivitajiet tagħhom sabiex jiżviluppaw aktar l-istandards rilevanti.

    4.2.2. L-infrastruttura implimentattiva għal ekonomija xprunata mid-dejta 1. Cloud computing

    L-azzjonijiet tal-Istrateġija Ewropea tal-Cloud Computing dwar it-trasparenza tal-istandards, iċ-ċertifikazzjoni volontarja fl-UE kollha, termini u kundizzjonijiet kuntrattwali sikuri u ġusti għall-utenti tal-cloud u l-istabbiliment ta’ Sħubija Ewropea tal-Cloud (ECP) jiffaċilitaw adozzjoni aktar rapida tal-cloud computing affidabbli li tagħti spinta lill-ekonomija xprunata mid-dejta.

    Dan l-aħħar, il-Bord ta’ Tmexxija tal-ECP ippubblika r-rapport tiegħu Trusted Cloud Europe (TCE)[23]. Ir-riżultati ta’ stħarriġ sussegwenti indikaw appoġġ konsistenti għal viżjoni ta’ Trusted Cloud Europe bbażata fuq l-adozzjoni rapida tar-regolament dwar il-protezzjoni tad-dejta ġenerali fl-Ewropa u mekkaniżmi effettivi li jiżguraw "sovranità tad-dejta" Ewropea fil-cloud. Bħala segwitu, il-Kummissjoni biħsiebha twieġeb għar-rapport TCE billi tikkonsulta dwar pakkett ta’ azzjonijiet ta’ politika li jikkombinaw għażliet regolatorji kif ukoll għażliet koregolatorji xprunati mis-suq sal-2015.

    Fl-istess ħin, l-azzjonijiet futuri tar-R&I skont l-H2020 se jindirizzaw l-iprem użu u konfigurazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-cloud computing għall-analitika tad-dejta u l-infrastrutturi u s-servizzi avvanzati[24].

    2. E-infrastrutturi u Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja

    L-aċċess għall-aħjar faċilitajiet u servizzi tas-superinformatika għall-industrija, l-SMEs u l-akkademja huwa diġà pprovdut minn PRACE[25], infrastruttura tal-HPC ta’ klassi dinjija għar-riċerka.

    L-azzjonijiet futuri se jinkludu l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ eċċellenza fl-applikazzjoni tal-HPC biex jiġu indirizzati l-isfidi xjentifiċi, industrijali jew soċjetali permezz tas-cPPP eżistenti dwar l-HPC[26]. Se jingħata wkoll appoġġ għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji tal-HPC bħala element ewlieni orizzontali għat-twettiq ta’ mmudellar, simulazzjoni u applikazzjonijiet tad-dejta kbira avvanzati.[27]

    Minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu pprovduti eluf ta’ riċerkaturi fl-Ewropa kollha b’ħiliet fl-informatika, l-elementi ewlenin għat-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER)[28], bħal pereżempju l-inizjattiva tal-Grilja Ewropea, se jiġu appoġġati wkoll.

    3. Netwerks/ Broadband /5G

    Is-cPPP kontinwa dwar il-5G[29] taħdem fuq il-bażi teknoloġika tal-internet mobbli tal-futur u takkompanja l-inizjattivi regolatorji u ta’ finanzjament[30] imfassla biex iħeġġu investiment privat fl-infrastruttura tal-broadband; tappoġġa l-evoluzzjoni ta’ netwerks ċentrali billi żżid il-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw ammonti kbar ta’ dejta.

    4. L-Internet tal-Oġġetti (Internet of Things - IoT)[31]

    Serje ta’ proġetti fuq skala kbira se jiġu ffinanzjati sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet emerġenti ta’ disponibbiltà, kwalità u interoperabbiltà relatati mad-dejta miġbura permezz tal-oġġetti konnessi b’mod intelliġenti u teknoloġija oħra tal-IoT.

    5. L-Infrastrutturi tad-Dejta Pubblika

    Il-Kummissjoni se tfittex l-appoġġ tal-Istati Membri għal netwerk interkonness ta’ faċilitajiet għall-ipproċessar tad-dejta, permezz tal-kollegament taċ-ċentri reġjonali tad-dejta u l-infrastrutturi għat-twettiq, sabiex tibbenefika mis-sinerġiji u tissaħħaħ l-effiċjenza, b’mod partikolari għall-SMEs, l-organizzazzjonijiet akkademiċi tar-riċerka u s-settur pubbliku. Bit-tisħiħ tan-netwerk GÉANT[32], il-Kummissjoni se tinvesti wkoll fil-kollegament mal-pajjiżi mhux tal-UE, speċjalment fid-dinja li qed tiżviluppa.

    4.2.3. Kwistjonijiet regolatorji 1. Il-protezzjoni tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-konsumatur

    Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta personali japplika għad-dejta kbira meta tkun personali: l-ipproċessar tad-dejta jrid jikkonforma mar-regoli kollha applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.

    Il-pakkett tar-riforma tal-Kummissjoni għandu l-għan li jibni qafas dwar il-protezzjoni tad-dejta uniku, modern, b’saħħtu, konsistenti u komprensiv għall-UE. Billi jissaħħu l-fiduċja u l-kunfidenza tal-individwi fl-ambjent diġitali u tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, dan se jipprovdi ambjent regolatorju li huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ oġġetti u servizzi tad-dejta li huma innovattivi u sostenibbli.

    Wara l-adozzjoni tal-pakkett tar-riforma, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati biex tiżgura li n-negozji, u b’mod partikolari l-SMEs, jirċievu gwida xierqa, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet bħal pereżempju l-anonimizzazzjoni u l-psewdonimizzazzjoni tad-dejta, il-minimizzazzjoni tad-dejta, l-analiżi tar-riskju tad-dejta personali, u għodda u inizjattivi li jsaħħu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll b’mod attiv ir-R&I għal soluzzjonijiet tekniċi relatati li "bid-disinn tagħhom" isaħħu l-privatezza.

    Fuq din il-bażi, l-għodod diġitali għandhom il-potenzjal li jgħinu lill-utenti jikkontrollaw aħjar id-dejta tagħhom u jagħmluha aktar sikura. Il-Kummissjoni se tniedi proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-kunċett ta’ teknoloġiji kkontrollati mill-utent u bbażati fuq cloud għall-ħażna u l-użu tad-dejta personali ("spazji għad-dejta personali"), u tappoġġa lir-R&I fuq għodod li jgħinu lill-utenti fl-għażla tal-politiki dwar il-kondiviżjoni tad-dejta li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom l-aħjar. Se tappoġġja wkoll proġetti mmirati lejn it-tnaqqis tal-infrazzjonijiet tad-dejta personali u li jiżguraw li d-dejta tintuża b'modi kompatibbli ma' dawk li għalihom tkun inġabret.

    Il-liġi dwar il-konsumaturi orizzontali u l-kummerċjalizzazzjoni tapplika wkoll għall-prodotti bbażati fuq it-teknoloġija tad-dejta kbira. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-SMEs u l-konsumaturi, il-fornituri u l-utenti, jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa, li ma jiġux imqarrqa u li jkunu jistgħu jserħu rashom fuq kuntratti ġusti, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tad-dejta miġbura mingħandhom. Dawn il-miżuri se jsawru l-fiduċja li hija meħtieġa biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija mmexxija mid-dejta.

    2. L-estrazzjoni tad-dejta

    Il-Kummissjoni qed tinvestiga modi li bihom l-innovazzjoni xprunata mid-dejta bbażata fuq l-estrazzjoni tad-dejta, inkluża l-estrazzjoni tat-test, tkun tista’ tissaħħaħ, inkluż b’rabta mal-aspetti rilevanti tad-drittijiet tal-awtur.

    Il-Kummissjoni tinnota l-inizjattivi tal-Istati Membri li jiffaċilitaw dawn l-attivitajiet billi jimplimentaw (jew jagħmlu rieżaminazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom) l-eċċezzjonijiet disponibbli skont il-qafas attwali tad-drittijiet tal-awtur.

    3. Sigurtà

    Il-Kummissjoni sejra teżamina l-pajsaġġ tar-riskji tas-sigurtà relatati mad-dejta kbira u se tipproponi miżuri għall-ġestjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji, inklużi linji gwida, pereżempju dwar il-prattiki tajbin għall-ħażna tad-dejta sikura, sabiex tibni kultura ta’ sigurtà f’bosta setturi tas-soċjetà u tgħin biex jiġu skoperti u jkun hemm reazzjoni aħjar għaċ-ċiberattakki.

    Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lir-R&I sabiex tgħin biex jitnaqqas ir-riskju tal-ksur tad-dejta u tal-użu moħbi tal-bażijiet ta’ dejta għal skopijiet illegali.

    4. Is-sjieda/it-trasferiment tad-dejta

    F’bosta setturi, ir-rekwiżiti dwar il-postijiet fejn tinżamm id-dejta jillimitaw il-fluss transfruntier tal-informazzjoni u jiffurmaw ostaklu għal suq uniku għall-cloud computing u d-dejta kbira. Il-Kummissjoni se tistudja ostakli bħal dawnu se tikkunsidra azzjonijiet ta’ politika futuri, b’mod partikolari billi tqis ir-rapport Trusted Cloud Europe u r-rakkomandazzjonijiet imressqa mis-Sħubija Ewropea tal-Cloud.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tagħti bidu għal konsultazzjoni u grupp ta’ esperti sabiex tivvaluta l-ħtieġa għal gwida dwar kwistjonijiet speċifiċi tas-sjieda tad-dejta u r-responsabbiltà tal-provvista tad-dejta, b’mod partikolari għad-dejta miġbura permezz tat-teknoloġija tal-IoT.

    5. Konklużjonijiet

    Ekonomija xprunata mid-dejta, ta’ suċċess, tikkontribwixxi għall-benesseri taċ-ċittadini kif ukoll għall-progress soċjoekonomiku permezz ta’ opportunitajiet ġodda għan-negozju u permezz ta’ servizzi pubbliċi aktar innovattivi. Din l-ekonomija se tiffjorixxi f’Suq Uniku Diġitali Ewropew irregolat minn regoli moderni u innovattivi.

    L-azzjonijiet previsti, ladarba jkunu implimentati, se jirriżultaw f’innovazzjoni aċċellerata, tkabbir fil-produttività u aktar kompetittività fid-dejta fl-ekonomija kollha kif ukoll fis-suq dinji bl-Ewropa bħala attur ewlieni.

    Il-Kummissjoni se tikkonsulta aktar lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti sabiex tfassal pjan ta’ azzjoni aktar dettaljat, b’saffi multipli u bbażat fuq l-evidenza għall-progress lejn l-ekonomija xprunata mid-dejta tal-futur u biex tindirizza l-isfidi soċjetali futuri tal-Ewropa.

    [1]        Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tal-Cloud Computing, COM(2012), 529.

    [2]        Pereżempju http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/trusted-cloud-europe-survey; https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/content/consultation-research-data-infrastructures-framework-action

    [3]        COM(2012) 10 finali, COM(2012) 11 finali u COM(2013) 48 finali

    [4]        Big Data Analytics – An assessment of demand for labour and skills (Analitika tad-Dejta Kbira – Valutazzjoni tad-domanda għax-xogħol u l-ħiliet), 2012-2017. rapport tal-e-skills UK f’isem SAS UK.

    [5]       Ara wkoll JOIN(2013) 1, Cybersecurity Strategy of the European Union: An Open, Safe and Secure Cyberspace, tas-07/02/2013 li stabbilixxiet l-azzjonijiet mitlubin biex l-ambjent onlajn tal-UE jkun l-aktar wieħed sikur fid-dinja (p. 3).

    [6]        Irid jiġi stabbilit skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2013.

    [7]        Li jmorru lil hinn mill-għodod tradizzjonali tal-"estrazzjoni tad-dejta" iddisinjati biex jimmaniġġjaw settijiet ta’ dejta bi ftit varjetà, fuq skala żgħira u statiċi, ta’ spiss manwalment.

    [8]        Dan jista’ jinkludi d-"dejta kbira" ġenwina u bosta settijiet ta’ dejta oħrajn ("dejta żgħira").

    [9]        Negozji li jużaw metodu ta’ "teħid tad-deċiżjonijiet xprunati mid-dejta" jibbenefikaw minn żieda ta’ 5-6% fil-produttività, Big Data for All: Privacy and User Control in the Age of Analytics, O. Teme/J. Polonetsky, Northwestern Journal of Technology and Intellectual Property 2012.

    [10]       Data-Driven Innovation – A Guide for Policymakers: Understanding and Enabling the Economic and Social Value of Data, SIIA White Paper, 2013.

    [11]      Dejta miftuħa. Mezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti, COM(2011) 882; Direttiva 2013/37/UE.

    [12]     Kompjuting ta' Prestazzjoni Għolja: Post l-Ewropa f'Tellieqa Globli, COM(2012) 45.

    [13]       Ara l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 1291/2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020.

    [14]       www.bigdatavalue.eu

    [15]       http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/digital-enterpreneurship/index_en.htm

    [16]       http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/grand-coalition-digital-jobs-0

    [17]     COM(2011) 882 final

    [18]       Direttiva 2013/37/UE

    [19]       Ir-Regolament 2014/283/UE dwar linji gwida għal networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni.

    [20]       Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika, COM(2012) 401; Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha, C(2012) 4890.

    [21]       http://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/grants_manual/hi/oa_pilot/h2020-hi-oa-pilot-guide_en.pdf

    [22]       http://ec.europa.eu/isa/; http://ec.europa.eu/isa/documents/isa_lexuriserv_en.pdf

    [23]       "Establishing a Trusted Cloud Europe: A policy vision document by the Steering Board of the European Cloud Partnership", http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/news/trusted-cloud-europe

    [24]       Ara diġà, pereżempju, http://www.helix-nebula.eu/, Cloud għal inizjattiva tax-Xejnza ta’ ESA, CERN, EMBL u oħrajn.

    [25]       http://www.prace-ri.eu/

    [26]       http://ec.europa.eu/research/press/2013/pdf/ppp/hpc_factsheet.pdf

    [27]       http://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/h2020/calls/h2020-fethpc-2014.html

    [28]       Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir, COM(2012) 392.

    [29]       http://5g-ppp.eu/

    [30]       Bħal pereżempju l-pakkett Kontinent Konness (http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/connected-continent-single-telecom-market-growth-jobs) u l-parti tat-telekomunikazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/connecting-europe-facility).

    [31]       L-IoT hija infrastruttura dinamika tan-netwerk globali fejn l-"oġġetti" fiżiċi u virtwali ta’ kull tip jikkomunikaw u jiġu integrati b’mod sħiħ.

    [32]       Netwerk tad-dejta pan-Ewropew għall-komunità tar-riċerka u l-edukazzjoni, http://www.geant.net/.

    Top