Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0413

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-Italja tal-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Italja tal-2014

    /* COM/2014/0413 final */

    52014DC0413

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-Italja tal-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Italja tal-2014 /* COM/2014/0413 final */


     

     

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-programm ta' riforma nazzjonali tal-Italja tal-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Italja tal-2014

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (EU) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropea[4],

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

    (2) Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

    (3) Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għal Tkabbir u Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali, dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

    (4) Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Italja għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Italja għall-2012-2017. Fil-15 ta' Novembru 2013, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013[5], il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Italja għall-2014[6].

    (5) Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[7], li jagħti bidu għas-Semestru Ewropew 2014 tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[8], li fih l-Italja ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

    (6) Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu ttrattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

    (7) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond dwar l-Italja[9], skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Italja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi li jeħtieġu monitoraġġ u azzjoni politika. B’mod partikolari, il-livell persistentament għoli tad-dejn pubbliku flimkien ma’ kompetittività esterna dgħajfa minħabba t-tkabbir kważi staġnat fil-produttività, u aggravat aktar bit-tkabbir imkaxxkar u dgħajjef, jistħoqqilhom attenzjoni u azzjoni politika deċiżivi.

    (8) Fit-22 ta’ April 2014, l-Italja ressqet il-programm nazzjonali ta’ riforma tagħha għall-2014 u l-programm ta’ stabbiltà tagħha għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (9) L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-programm ta’ stabbiltà huwa l-kisba l-objettiv ta’ terminu medju ta’ pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali sal-2016, filwaqt li jikkonforma mar-regola tad-dejn fil-perjodu ta’ tranżizzjoni 2013-2015. Il-programm jikkonferma l-objettiv ta’ terminu medju ta’ pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali, li tirrifletti r-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-aġġustament strutturali (rikalkulat) pjanat fil-programm huwa ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG fl-2014 u ta’ 0,4 punti perċentwali fl-2015. Skont il-programm, dan l-aġġustament limitat lejn l-objettiv ta’ terminu medju huwa ġustifikat minn kundizzjonijiet ekonomiċi severi u l-isforz meħtieġ biex jiġi implimentat programm ambizzjuż ta’ riformi strutturali. B’mod partikolari, huma ppjanati bosta riformi strutturali li jkollhom impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku potenzjali u li eventwalment inaqqsu l-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG fis-snin li ġejjin. L-aġġustament strutturali pjanat fil-programm jippermetti lill-Italja tikkonforma mal-parametru referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni 2013-2015, parzjalment bis-saħħa ta’ pjan ambizzjuż għall-privatizzazzjoni li se jiġi implimentat matul 2014-2017 (li jammonta għal 0,7 punti perċentwali tal-PDG kull sena). Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti l-proġġettazzjonijiet baġitarji fil-programm, li ma ġiex approvat minn korp indipendenti, huwa kemxejn ottimist, b’mod partikolari għall-aħħar snin tal-programm. Hija ppjanata devjazzjoni mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv ta’ terminu medju fl-2014; jekk tirrepeti ruħha s-sena ta’ wara, tkun tista’ tiġi vvalutata bħala sinifikanti, inkluż fuq il-bażi tal-parametru referenzjarju tan-nefqa. Barra minn hekk, il-kisba tal-miri baġitarji mhijiex sostnuta għal kollox b’miżuri dettaljati biżżejjed, b’mod partikolari mill-2015. It-tbassir tar-rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni jindika nuqqas ta’ konformità mal-parametru referenzjarju għat-tnaqqis tad-dejn fl-2014 peress li l-aġġustament strutturali proġġettat (0,1 punti perċentwali biss tal-PDG) ma jilħaqx l-aġġustament strutturali meħtieġ ta’ 0,7 punti perċentwali tal-PDG. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-programm u t-tbassir tal-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li sforzi addizzjonali, inkluż fl-2014, huma meħtieġa biex tintlaħaq il-konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    (10) L-azzjoni riċenti biex tittaffa t-tassazzjoni fuq il-fatturi tal-produzzjoni kienet kemxejn limitata. Għalhekk hemm ambitu biex il-piż tat-taxxa jitressaq aktar fuq il-konsum, il-proprjetà u l-ambjent, f’konformità stretta mal-miri baġitarji. Rigward il-konsum, it-titjib tal-istruttura tas-sistema tat-taxxa jeħtieġ ukoll b'mod kruċjali reviżjoni tar-rati mnaqqsa tal-VAT u tan-nefqiet tat-taxxa diretta, b’attenzjoni xierqa għall-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt distribuzzjonali possibbli. Fir-rigward tal-proprjetà, reviżjoni tal-valuri katastali skont il-valuri attwali tas-suq, tippermetti tassazzjoni rikorrenti aktar ġusta fuq il-proprjetà immobbli. Liġi abilitanti adottata riċentament għar-riforma tat-taxxa tirrappreżenta opportunità biex jitwettqu dawn ir-riformi meħtieġa. Minħabba d-daqs tal-isfida, azzjoni fuq il-kompożizzjoni tal-istruttura tat-taxxa teħtieġ li tiġi kkumplimentata b’miżuri addizzjonali biex tittejjeb l-amministrazzjoni tat-taxxa u l-konformità tat-taxxa u b'miżuri deċiżivi biex tkun miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, l-ekonomija moħbija u x-xogħol mhux dikjarat, li għandhom ikunu ta’ piż kemm fuq il-finanzi pubbliċi kif ukoll fuq il-piż tat-taxxa għall-kontribwenti konformi. F’dan ir-rigward, il-liġi abilitanti għar-riforma tat-taxxa tipprevedi diversi miżuri biex tissaħħaħ l-amministrazzjoni tat-taxxa — sistema ta' estimar komprensiv u monitoraġġ tad-diskrepanza tat-taxxa, miżuri ta’ simplifikazzjoni, azzjonijiet biex titjieb ir-relazzjoni mal-kontribwenti, miżuri li jtejbu l-irkupru tad-dejn tat-taxxa lokali u t-tisħiħ tal-kontrolli tat-taxxa. Id-deċiżjoni li jiġu introdotti prospetti tat-taxxa mimlija minn qabel mill-2015 huwa pass pożittiv addizzjonali biex titjieb il-konformità mat-taxxa.

    (11) Implimentazzjoni bir-reqqa u rapida tal-miżuri adottati tibqa’ sfida ewlenija għall-Italja, kemm f’termini li jiġu indirizzati l-lakuni eżistenti fl-implimentazzjoni u l-prevenzjoni li jiġi akkumulat aktar dewmien. Waħda mill-għodod ewlenin biex titjieb l-implimentazzjoni tal-prestazzjoni tal-pajjiż, u aktar ġeneralment tiġi żgurata azzjoni politika b'inqas intoppi, hija l-koordinazzjoni msaħħa u allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kompetenzi bejn il-livelli differenti ta’ gvern. Dan imbagħad jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-immaniġġar tal-fondi tal-UE, fejn sa issa seħħet biss azzjoni parzjali u mhux sħiħa, speċjalment fir-reġjuni tan-nofsinhar. L-immaniġġar tal-fondi tal-UE għadu jbati minn kapaċità amministrattiva dgħajfa u n-nuqqas ta’ trasparenza, evalwazzjoni u kontroll tal-kwalità. Il-kwalità tas-servizz pubbliku tiggwadanja wkoll minn żieda l-effikaċja u l-orjentazzjoni lejn is-servizz, u bidliet korrispondenti fl-immaniġġar tar-riżorsi umani. Il-korruzzjoni għadha piż sinifikanti fuq is-sistema produttiva tal-Italja u fuq il-fiduċja fix-xena politika u istituzzjonali. Hemm bżonn ta' rieżami tal-istatut tal-limitazzjonijiet. Ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni teħtieġ ukoll li l-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni għall-Evalwazzjoni u t-Trasparenza tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, tingħata setgħa adegwata. Għadhom jippersistu ineffiċjenzi fil-ġustizzja ċivili u l-impatt tal-miżuri adottati jeħtieġ jiġi mmonitorjat bir-reqqa.

    (12) Fuq il-bażi tar-rieżami mmirat tal-kwalità tal-assi li sar is-sena l-oħra taħt il-patroċinju tal-Bank tal-Italja, għadu importanti li jitjieb l-immaniġġar tal-assi indeboliti u jitħeġġeġ it-twarrib tagħhom sabiex terġa' tingħata l-ħajja lill-kapaċità tal-banek li jespandu l-provvista tal-kreditu lill-ekonomija reali. Fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi, l-azzjonijiet prinċipali li ttieħdu sa issa ffukaw fuq li jitħaffef l-aċċess tal-kumpaniji għall-kreditu, iżda l-iżvilupp ta’ strumenti ta’ finanzjament oħra apparti s-self bankarju għadu limitat, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji. L-inizjattivi meħuda fil-qasam tal-governanza korporattiva tal-banek — b’mod partikolari l-prinċipji l-ġodda ħarġu reċentement mill-Bank tal-Italja — huma pass tajjeb. Fl-istess ħin, l-impatt tagħhom se jiddependi fuq l-implimentazzjoni xierqa tagħhom mill-banek u l-infurzar. B’mod partikolari, għadu meħtieġ monitoraġġ mill-qrib ta’ uħud mill-akbar banek kooperattivi (“banche popolari”).

    (13) Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol kompliet tiddeterjora fl-2013, bil-qgħad jiżdied għal 12.2 % u l-qgħad fost iż-żgħażagħ laħaq 40 % fl-Italja. L-iżgurar ta’ implimentazzjoni xierqa u monitoraġġ bir-reqqa tal-effett tar-riformi adottati fis-suq tax-xogħol u l-istipular tal-pagi huwa essenzjali biex ukun iggarantit li l-benefiċċji mistennija f’termini ta’ aktar flessibilità ta’ ħruġ, flessibilità ta' dħul regolata aħjar, sistema aktar komprensiva ta’ benefiċċji tal-qgħad u allinjament aħjar tal-pagi mal-produttività materjalizzata Il-pjanijiet għat-titjib tal-effikaċja tas-servizzi tal-pjazzamenti permezz tat-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg kienu soġġetti għal dewmien u jeħtieġ li jiġu aċċelerati. Miżuri mmirati lejn it-trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu qasir jeħtieġ li jiġu kkumplimentati b’miżuri li jindirizzaw is-segmentazzjoni. Globalment, is-suq tax-xogħol Taljan għadu kkaratterizzat mis-segmentazzjoni u parteċipazzjoni baxxa, li jaffettwaw lin-nisa u liż-żgħażagħ b’mod partikolari. Għalhekk, il-passi limitat li ttieħdu sa issa għandhom bżonn jiġu estiżi, inkluż f’konformità mal-objettivi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ. L-Italja qed tesperjenza tnaqqis fl-introjtu disponibbli għall-unitajiet domestiċi flimkien ma’ żieda fil-faqar u l-esklużjoni soċjali, li qed jaffettwaw lill-familji bit-tfal b’mod partikolari. In-nefqa soċjali fl-Italja tibqa’ orjentata prinċipalment lejn l-anzjani u b’konċentrazzjoni minima fuq l-attivazzjoni, li tillimita l-ambitu biex jiġi indirizzat ir-riskju tal-esklużjoni soċjali u l-faqar. L-iskema pilota tal-għajnuna soċjali introdotta reċentement għandha l-għan li tipprovdi xibka ta’ sigurtà soċjali. L-estensjoni prevista tagħha għall-pajjiż kollu se teħtieġ titjib fl-effikaċja tal-infiq u s-servizzi soċjali fit-territorju kollu.

    (14) Jeħtieġ li jsiru sforzi biex titjieb il-prestazzjoni edukattiva u l-allokazzjoni tal-kapital uman fil-livelli edukattivi kollha, jiġifieri dak primarju, sekondarju u terzjarju. Il-professjoni tal-għalliema hija kkaratterizzata minn perkors tal-karriera wieħed u bħalissa toffri prospetti limitati f’termini ta’ żvilupp professjonali. Id-diversifikazzjoni tal-karrieri tal-għalliema u rabta aħjar tal-iżvilupp tagħhom mal-mertu u l-prestazzjoni flimkien mal-ġeneralizzazzjoni tal-evalwazzjoni tal-iskejjel, tista’ jsarraf f’riżultati skolastiċi aħjar. Jidher li huma ta' importanza kruċjali li fil-livelli ta' sekondarja għolja u terzjarju tiġi żgurata tranżizzjoni bla intoppi bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, u t-tisħiħ u t-twessigħ tat-taħriġ prattiku, permezz ta’ tagħlim u edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali bbażati aktar fuq ix-xogħol. Is-segwitu tad-digriet leġiżlattiv tal-2013 dwar din il-kwistjoni, li stabbilixxa reġistru nazzjonali tal-kwalifiki huwa essenzjali sabiex ikun żgurat ir-rikonoxximent nazzjonali tal-ħiliet. Filwaqt li tibni fuq l-azzjoni inizjali f’din id-direzzjoni, jekk l-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku lill-universitajiet tibda jsir fuq il-bażi tal-prestazzjoni tar-riċerka u t-tagħlim, dan ikun ta' kontribut kemm biex titjieb il-kwalità tal-universitajiet u potenzjalment tiżdied il-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-pajjiż, fejn din għadha lura.

    (15) Ittieħdu xi passi biex jinkiseb ambjent aktar faċli għan-negozji u ċ-ċittadini, iżda l-impatt tagħhom huwa mxekkel minn dewmien fl-approvazzjoni finali tagħhom u nuqqasijiet fl-implimentazzjoni. Għad hemm għadd ta’ ostakli għall-kompetizzjoni (oqsma ta’ attività riżervati, skemi ta' konċessjonijiet/awtorizzazzjoni, eċċ) fis-servizzi professjonali, l-assigurazzjoni, id-distribuzzjoni tal-fjuwil, il-bejgħ bl-imnut u s-servizzi postali. Serje ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw is-sistema tal-akkwist pubbliku wkoll jeħtieġ li jiġu indirizzati. It-tisħiħ tal-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi lokali hija prijorità oħra. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni attwali li tistipula li l-kuntratti eżistenti li mhumiex konformi mal-liġi tal-UE dwar kriterji interni jridu jiġu rrettifikati sal-31 ta’ Diċembru 2014, jeħtieġ li tiġi implimentata.

    (16) Ostakli fl-infrastruttura jxekklu l-funzjonament tajjeb tas-suq tal-enerġija. Fit-trasport, in-nuqqas ta’ infrastruttura intermodali u n-nuqqas ta’ sinerġiji u kollegamenti ta' postijiet ’il ġewwa fil-pajjiż ma' portijiet Taljani jistħoqqilhom attenzjoni u azzjoni partikolari. F'termini ta' kopertura tal-broadband, l-Italja għandha żoni mhux urbani li mhumiex milħuqa sew.

    (17) Il-Kummissjoni, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Italja. Hija vvalutat il-programm ta’ stabbiltà u l-programm nazzjonali ta’ riforma. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika tas-sostenibbiltà fiskali u soċjoekonomika fl-Italja, imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa ta' tisħiħ fil-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (8) hawn taħt.

    (18) Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Italja, u l-opinjoni tiegħu[10] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (19) Il-Kunsill eżamina l-programm nazzjonali ta' riforma u l-programm ta' stabilità fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummisjoni u ta' din il-valutazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (8) hawn taħt.

    (20) Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro inġenerali. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. L-Italja għandha wkoll tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 sabiex:

    1.           Issaħħaħ il-miżuri baġitarji għall-2014 fid-dawl tad-differenza emerġenti relattiva mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jiġifieri r-regola tat-tnaqqis tad-dejn, abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni. Fl-2015, issaħħaħ b’mod sinifikanti l-istrateġija baġitarja biex tiżgura l-konformità mar-rekwiżit għat-tnaqqis tad-dejn. Minn hemm 'l hemm, tiżgura li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jkun fuq perkors biżżejjed 'l isfel; twettaq il-pjan ambizjuż ta' privatizzazzjoni; timplimenta aġġustament fiskali li jiffavorixxi t-tkabbir abbażi tal-iffrankar sinifikanti mħabbar li jirriżulta minn titjib durabbli tal-effiċenza u l-kwalità tan-nefqa pubblika fil-livelli kollha tal-gvern, filwaqt li jiġi ppreservat l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir bħall-innovazzjoni tar-RŻ, l-edukazzjoni u proġetti ta' infrastruttura essenzjali. Tiggarantixxi l-indipendenza u t-tħaddim sħiħ tal-kunsill fiskali malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn Settembru 2014, fiż-żmien għall-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2015.

    2.           Tkompli ċċaqlaq il-piż tat-taxxa minn fuq il-fatturi produttivi għal fuq il-konsum, il-proprjetà u l-ambjent, f’konformità mal-miri baġitarji. Għal dan l-għan, tevalwa l-effikaċja tat-tnaqqis riċenti tal-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol u tiżgura l-finanzjament tiegħu għall-2015, tirrevedi l-ambitu tan-nefqiet diretti tat-taxxa u twessa' l-bażi tat-taxxa, b’mod partikolari fuq il-konsum. Tikkunsidra l-allinjament tad-dazji tas-sisa fuq diżil għal dawk fuq il-petrol u indiċjar tagħhom fuq l-inflazzjoni, u tneħħi sussidji li huma ta’ ħsara għall-ambjent. Timplimenta l-liġi abilitanti għar-riforma tat-taxxa sa Marzu 2015, anke billi tadotta d-digrieti li jwasslu għar-riforma tas-sistema katastali biex tkun żgurata l-effettività tar-riforma tat-tassazzjoni tal-proprjetà immobbli. Tkompli ttejjeb il-konformità mat-taxxa billi ttejjeb il-prevedibbiltà tas-sistema tat-taxxa, tissemplifika l-proċeduri, ittejjeb l-irkupru tad-dejn tat-taxxa, u timmodernizza tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Tkompli l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u tieħu passi addizzjonali kontra l-ekonomija moħbija u x-xogħol mhux dikjarat.

    3.           Bħala parti minn sforz usa' biex ittejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika, tikkjarifika l-kompetenzi fil-livelli kollha tal-Gvern. Tiżgura mmaniġġar aħjar tal-fondi tal-UE billi tieħu azzjoni deċiżiva biex tittejjeb il-kapaċità amministrattiva, it-trasparenza, l-evalwazzjoni u l-kontroll tal-kwalità fil-livell reġjonali, speċjalment fir-reġjuni tan-nofsinhar. Ittejjeb aktar l-effikaċja tal-miżuri kontra l-korruzzjoni, inkluż billi tirrevedi l-istatut tal-limitazzjonijiet sal-aħħar tal-2014, u ssaħħaħ il-poteri tal-awtorità nazzjonali ta' kontra l-korruzzjoni. Timmonitorja fil-ħin l-impatt tar-riformi adottati biex tiżdied l-effiċjenza tal-ġustizzja ċivili bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tagħhom u jiġu adottati miżuri addizzjonali jekk ikun meħtieġ.

    4.           Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju u tiżgura l-kapaċità tiegħu li jimmaniġġa u jiddisponi minn assi indeboliti biex jerġa’ tingħata l-ħajja lis-self fl-ekonomija reali. Trawwem aċċess għall-finanzi mhux bankarju għall-kumpaniji, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji. Tkompli tippromwovi u timmonitorja l-prassi ta’ governanza korporattiva effiċjenti fis-settur bankarju kollu, b’attenzjoni partikolari għall-banek kooperattivi kbar (‘banche popolari”) u l-fondazzjonijiet, bil-għan li titjieb l-effikaċja tal-intermedjazzjoni finanzjarja.

    5.           Tevalwa, sa tmiem l-2014, l-impatt tar-riformi tas-suq tax-xogħol u l-istipular tal-pagi fuq il-ħolqien tax-xogħol, il-proċeduri ta' tkeċċija, id-duwaliżmu fis-suq tax-xogħol u l-kost tal-kompetittività, u tevalwa l-bżonn ta’ azzjoni addizzjonali. Taħdem lejn protezzjoni soċjali komprensiva għall-persuni qiegħda, filwaqt li tillimita l-użu tal-iskemi ta' supplimentazzjoni tal-pagi biex tiffaċilita r-riallokazzjoni tax-xogħol. Issaħħaħ ir-rabta bejn politiki attivi u passivi tas-suq tax-xogħol, u tibda bi pjan direzzjonali dettaljat għal azzjoni minn Settembru 2014, u ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg madwar il-pajjiż. Tadotta azzjoni effettiva biex tippromwovi l-impjieg tan-nisa, billi jiġu adottati miżuri biex jitnaqqsu d-diżinċentivi fiskali għal dawk li huma tieni sors tad-dħul minn Marzu 2015 u tipprovdi servizzi ta’ ndukrar adegwati. Tipprovdi servizzi adegwati madwar il-pajjiż liż-żgħażagħ mhux reġistrati u tiżgura impenn aktar b’saħħtu tas-settur privat biex joffri apprendistati u skemi ta’ taħriġ ta’ kwalità sal-aħħar tal-2014, f’konformità mal-objettivi ta’ garanzija għaż-żgħażagħ. Tindirizza l-iskopertura għall-faqar u l-esklużjoni soċjali, tkabbar l-iskema pilota ta’ għajnuna soċjali, b’mod fiskalment newtrali, li tiggarantixxi li tkun immirata kif xieraq, kundizzjonalità stretta u uniformità territorjali u ssaħħaħ ir-rabta mal-miżuri ta’ attivazzjoni. Ittejjeb l-effikaċja tal-iskemi ta’ għajnuna u servizzi ta’ kwalità għall-familji bi dħul baxx li jiffavorixxu l-unitajiet domestiċi bit-tfal.

    6.           Timplimenta s-Sistema Nazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Iskejjel biex ittejjeb l-eżiti tal-iskola u tnaqqas r-rati ta’ tluq bikri mill-iskola. Iżżid l-użu tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fis-sekondarji għolja u ssaħħaħ l-edukazzjoni terzjarja b'orjentazzjoni vokazzjonali. Toħloq reġistru nazzjonali tal-kwalifiki biex tiżgura rikonoxximent wiesgħa tal-ħiliet. Tiżgura li l-finanzjament pubbliku jippremja aħjar lill-kwalità tal-edukazzjoni għolja u r-riċerka.

    7.           Tapprova l-leġiżlazzjoni pendenti mmirata lejn is-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju għan-negozji u ċ-ċittadini u tindirizza d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Trawwem il-ftuħ tas-suq u titneħħi l-ostakli li fadal, u r-restrizzjonijiet, għall-kompetizzjoni fis-servizzi professjonali u s-servizzi pubbliċi lokali, l-assigurazzjoni, id-distribuzzjoni tal-fjuwil, il-bejgħ bl-imnut u s-setturi tas-servizzi postali. Ittejjeb l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku, speċjalment billi tissimplifika l-proċeduri inkluż permezz tal-użu tal-akkwist elettroniku, tirrazzjonalizza l-korpi ċentrali tal-akkwist u tiżgura applikazzjoni xierqa tar-regoli ta’ qabel u ta’ wara l-għoti. Fis-servizzi pubbliċi lokali, timplimenta b’mod rigoruż il-leġiżlazzjoni li tipprovdi għar-rettifika tal-kuntratti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti dwar l-għoti intern sal-31 ta’ Diċembru 2014.

    8.           Tiżgura t-tħaddim bla telf ta' żmien u sħiħ tal-Awtorità tat-Trasport sa Settembru 2014. Tapprova l-lista tal-infrastruttura strateġika fis-settur tal-enerġija u ttejjeb l-immaniġġar tal-portijiet u l-kollegamenti ma’ postijiet fin-naħa ta' ġewwa tal-pajjiż.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    [2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    [3]               COM(2014) 413 final.

    [4]               P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129.

    [5]               ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.

    [6]               C(2013) 8005 final.

    [7]               COM(2013) 800 final.

    [8]               COM(2013) 790 final.

    [9]               SWD(2014) 83 final.

    [10]             Skont l-Artikolu 5(2) tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

    Top