EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0339

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi tat-tkabbir imġedded

/* COM/2014/0339 final */

52014DC0339

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi tat-tkabbir imġedded /* COM/2014/0339 final */


1.           Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala investiment li jtejjeb it-tkabbir

L-Ewropa tinsab f’pożizzjoni tajba biex taħtaf l-opportunitajiet tat-tkabbir li jmiss. Bl-akbar suq intern tad-dinja, l-Ewropa tospita ħafna mill-kumpaniji innovattivi pijunieri tad-dinja, u għandha pożizzjoni prominenti f’ħafna oqsma tal-għarfien u tat-teknoloġiji ewlenin bħalma huma s-saħħa, l-ikel, l-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji ambjentali u t-trasport.[1]

Il-ġid tal-Ewropa mhux magħruf jirriżulta minn forza tax-xogħol bi kwalifiki għolja u mill-pożizzjoni fuq quddiem tagħha fl-industriji kulturali u ta’ kreattività. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi sabiex ikun żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq uniku tagħha, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas għan-negozji biex jinnovaw, u sabiex jitħaffu l-investimenti fit-teknoloġiji rivoluzzjonarji f’oqsma li qed jikbru b’rata mgħaġġla.[2]

Opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir jiġu mid-disponibbiltà tal-prodotti u s-servizzi ġodda li jirriżultaw mill-avvanzi teknoloġiċi, minn proċessi u mudelli ta’ negozju ġodda, mill-innovazzjoni mhux teknoloġika u mill-innovazzjoni fis-settur tas-servizzi, flimkien   mal-kreattività, il-ħiliet u t-talent u xprunati minnhom, jew, fi kliem ieħor, mill-innovazzjoni fl-usa' tifsira tagħha. Iridu jgawdu minn direzzjoni qawwija mogħtija mill-politika ekonomika u politiki li jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà bħalma huma t-tixjiħ tal-popolazzjoni, is-sigurtà tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, inkluż il-ġestjoni tar-riskji tad-diżastri, u l-inklużjoni soċjali, li jeħtieġu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji.

Sabiex jittieħdu l-benefiċċji minn dawn il-vantaġġi f’termini ta’ prosperità ekonomika u ta’ kwalità tal-ħajja, il-gvernijiet madwar l-Ewropa jridu jieħdu pożizzjoni attiva fl-appoġġ ta’ politiki li jżidu t-tkabbir, speċifikament ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Is-sitwazzjoni ekonomika li qed titjieb gradwalment tippermetti  lill-Ewropa biex issa titfa’ l-attenzjoni tagħha fuq it-tisħiħ tat-tkabbir filwaqt li jinżamm ir-ritmu tar-riforma u b’hekk jinkiseb irkupru dewwiemi. Hekk kif l-Ewropa qed tinqala’ mill-kriżi, joħroġ dejjem aktar ċar kemm fil-fatt swew dawk il-politiki li jappoġġaw it-tisħiħ tat-tkabbir. Il-provi juru li l-biċċa l-kbira tal-gwadanni tal-produttività ta’ dan l-aħħar ġejjin mill-innovazzjoni[3] u li, bħala medja, dawk il-pajjiżi li kienu investew aktar fir-riċerka u l-innovazzjoni, qabel u waqt il-kriżi, kienu dawk li l-aktar setgħu jirreżistu matul il-perjodu ta’ reċessjoni.[4]

Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala investiment li jsaħħaħ it-tkabbir

Għal din ir-raġuni, l-istrateġija Ewropa 2020 u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-aħħar,[5] jenfasizzaw il-ħtieġa tas-sostenn u fejn possibbli tal-promozzjoni tal-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir fil-qafas ta’ sforzi ġenerali ta’ konsolidazzjoni fiskali. Dan huwa rifless ukoll fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tas-Semestru Ewropew tal-2014.

L-investiment pubbliku jiġġenera l-bażi tal-għarfien u l-ħiliet li l-kumpaniji innovattivi għandhom bżonn u dan jiggwida wkoll l-investiment tan-negozji fir-riċerka u l-innovazzjoni, elementi kruċjali sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. It-trażżin tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni, anki jekk minħabba kundizzjonijiet baġitarji diffiċli, jista’ jkollu wkoll impatt konsiderevoli fuq il-potenzjal tat-tkabbir fuq perjodu fit-tul tal-pajjiż billi jnaqqas il-kapaċità tal-assorbiment tar-riċerka u l-innovazzjoni mwettqa f’postijiet oħra u billi jtellef opportunitajiet attraenti ta’ karrieri għaż-żgħażagħ ta' talent ta' pajjiż.

Il-baġit tal-Unjoni għall-2014-20 juri bidla deċiżiva favur ir-riċerka u l-innovazzjoni u favur elementi oħra li jsaħħu t-tkabbir, b’żieda f’termini reali ta’ 30 % fil-baġit għall-Orizzont 2020, il-programm il-ġdid tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Ammont ieħor ta’ EUR 83 biljun mistenni li jiġi investit fir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll fl-SMEs permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment il-ġodda.

Madankollu, dan l-investiment addizzjonali mill-baġit tal-Unjoni għandu jikkomplementa, u mhux jieħu post, l-investimenti mill-Istati Membri kemm minn sorsi pubbliċi u kemm privati. Biex isir iktar progress lejn il-mira ta’ investiment tal-Ewropa 2020 fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ 3 % tal-PDG,[6] jeħtieġ li l-gvernijiet madwar l-Ewropa jkomplu jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni, billi jiżguraw l-effiċjenza kif ukoll l-ingranaġġ tal-investiment privat. Jeħtieġ ukoll li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas li jiffaċilitaw dan,[7] billi jitqiesu l-orjentazzjonijiet attwali tal-politika industrijali[8]. Nefqa pubblika bħal din mhijiex spiża, iżda investiment fil-futur, realtà li issa hija rikonoxxuta fis-Sistema Ewropea riveduta tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali, il-metodu tal-Eurostat għall-kalkolu tal-infiq pubbliku.[9]

Bosta Stati Membri naqqsu l-infiq dirett tagħhom fir-riċerka u l-Iżvilupp fil-qafas tal-isforzi tagħhom ta’ konsolidazzjoni fiskali, kif murija fil-Grafika 1, anke jekk f’xi każijiet dan huwa parzjalment ikkumpensat biż-żieda fl-inċentivi tat-taxxa tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Dan it-tnaqqis ġie nnutat l-aktar mill-2012. Matul l-ewwel perjodu tal-kriżi, mill-2008 sal-2010, ħafna Stati Membri pproteġew il-baġits tagħhom tarr-Riċerka u l-Iżvilupp u xi wħud saħansitra żiedu l-infiq tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp.

Barra minn hekk, ħafna Stati Membri għadhom’ il bogħod mill-miri nazzjonali tagħhom tar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif jidher fil-Grafika 2.[10] Dan jirrifletti prinċipalment defiċit fin-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp.[11]

Din il-Komunikazzjoni se tesplora kif il-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala fatturi li jixprunaw it-tkabbir imġedded jistgħu jiġu massimizzati permezz tat-titjib tal-kwalità tal-investimenti fil-qafas tal-istrateġiji tal-Istati Membri ta’ konsolidament fiskali li jiffavorixxu t-tkabbir.

 

Grafika 1. Bidliet fir-riċerka u l-iżvilupp bħala proporzjon tan-nefqa totali tal-gvern (2008-2012)

Grafika 2. L-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp pubbliċi u privati fl-2012, l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi,

2.           Iż-żieda fl-impatt u l-valur għall-flus

2.1         It-titjib tal-kwalità tan-nefqa pubblika fir-riċerka u l-innovazzjoni

F’kuntest ta’ kundizzjonijiet baġitarji diffiċli kontinwi, huwa essenzjali li jiġi massimizzat l-impatt tal-infiq pubbliku billi tittejjeb il-kwalità tiegħu. L-investimenti tal-gvern għalhekk jeħtieġ li jimxu id f’id mar-riformi estensivi fis-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tat-titjib fl-effett tal-ingranaġġ tal-infiq pubbliku fl-investiment privat. Jeħtieġ li l-gvernijiet jsiru aktar intelliġenti dwar kif u meta jinvestu,[12] u b’hekk għandhom ikunu ispirati mill-approċċ strateġiku kuraġġuż żviluppat fl-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u fl-aġenda taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.[13]

Il-valutazzjoni tal-kwalità, l-effiċjenza u l-impatt tal-infiq pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni hija sfida u l-indikaturi disponibbli għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom. Bl-iffokar esklussivament fuq il-kapaċità tas-setturi pubbliċi u privati li jbiddlu l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f’applikazzjonijiet għall-privattivi,[14] kif turi l-Grafika 3, il-metriċi disponibbli jindikaw li ċerti pajjiżi kapaċi jiksbu aktar impatt mill-infiq pubbliku u privat tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp minn pajjiżi oħra. Ix-xejra hi li l-pajjiżi li għandhom effiċjenza ogħla fl-infiq huma wkoll dawk b’livelli ogħla ta’ nfiq pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp u ta’ PDG per capita, u b’bażi ta’ għarfien aktar b’saħħitha. Barra minn hekk, l-investimenti tan-negozji fir-riċerka u l-iżvilupp x’aktarx li jkunu ogħla f’dawk il-pajjiżi b’livelli ogħla ta’ nfiq pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp, minħabba li sistemi effiċjenti ta’ nfiq pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni huma aktar kapaċi għall-ingranaġġ tal-investiment privat fir-riċerka u l-iżvilupp[15]. 

It-titjib fil-kwalità u l-effiċjenza tal-infiq jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ċiklu virtwuż bl-ingranaġġ ta’ livelli ogħla ta’ investiment mis-settur privat u billi dan jiġġenera żieda fil-qligħ ekonomiku.[16] Riformi li jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku huma importanti għall-Istati Membri kollha. B’mod ġenerali, għal dawk li huma iktar ristretti fiskalment u inqas effiċjenti fl-infiq tagħhom (ara l-Grafika 3), huwa importanti li jinkiseb impatt akbar bis-saħħa ta’ riformi estensivi u li jkunu fil-qagħda li jżidu l-investiment b’mod għaqli hekk kif l-ekonomiji tagħhom jirkupraw. Min-naħa l-oħra, għal dawk li għandhom marġni fiskali adegwat u effiċjenza għolja, se jirriżultaw benefiċċji mill-għaqal tagħhom li jinvestu b’mod li jiġġenera aktar valur għall-flus.

     

Grafika 3. Il-punteġġi tal-intensità u tal-effiċjenza tar-riċerka u l-iżvilupp[17]

Iż-żieda tal-effiċjenza fl-infiq tar-riċerka u l-iżvilupp se tikkontribwixxi wkoll għat-titjib fil-kwalità ġenerali tal-finanzi pubbliċi. Din se tippermetti użu aħjar ta’ riżorsi skarsi u b’hekk se tagħti wkoll titjib fuq perjodu ta’ żmien itwal, billi tappoġġa l-valorizzazzjoni tal-eżiti tar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-prattiki trasversali adottati biex titjieb l-effiċjenza tal-politiki jinkludu reviżjonijiet regolari tal-infiq pubbliku jew ibbaġitjar ibbażat fuq prestazzjoni mmirata lejn riżultati. Studji tal-każijiet (Franza, l-Awstrija, l-Isvezja u l-Pajjiżi l-Baxxi) jenfasizzaw li l-Istati Membri li qed jużaw dawn l-approċċi rnexxielhom jiġġeneraw riżultati sinifikanti u kkwantifikati f’termini tat-trasparenza, l-effiċjenza u l-iffrankar baġitarji mingħajr ma jitbaxxa (u saħansitra jittejjeb) il-livell tal-kwalità tas-servizz pubbliku.

2.2         L-assi prijoritarji tar-riformi

Ir-riformi fir-riċerka u l-innovazzjoni jeħtieġ li jkunu adattati skont il-karatteristiċi ta’ kull Stat Membru. Għalhekk, hija sfida ewlenija għall-Istati Membri kollha biex jidentifikaw, ifasslu u jimplimentaw dawn ir-riformi meħtieġa bil-għan li titjieb il-kwalità tal-investimenti tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni. S’issa sar progress fir-rigward ta’ riformi li jirriżultaw mill-Unjoni tal-Innovazzjoni u miż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Ir-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tal-2014 li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni juri ritmu li jiżdied għall-innovazzjoni[18], fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020[19]. Ir-riżultati prinċipali jinkludu ambjent tan-negozju aktar miftuħ għall-innovazzjoni permezz tal-Privattiva Unitarja (Unitary Patent) u l-passaport tal-Kapital ta’ Riskju (Venture Capital). L-appoġġ tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni nbidel mill-qiegħ u ġie inkorporat mill-ġdid f’programm uniku, integrat u simplifikat, l-Orizzont 2020, b’għanijiet ċari li jistgħu jitkejlu u li jiffoka fuq l-eċċellenza xjentifika, it-tmexxija industrijali u l-isfidi tas-soċjetà. 

Bosta Stati Membri qed iwettqu wkoll riformi fl-appoġġ pubbliku tagħhom għar-riċerka u l-innovazzjoni. L-esperjenza turi li l-implimentazzjoni tar-riformi b’mod li jżid il-kwalità tal-infiq u li jiżgura l-impatti ekonomiċi u tas-soċjetà hija proċess kontinwu u sfida fit-tul għall-pajjiżi kollha. It-titjib tal-valur għall-flus jeħtieġ li jiġi massimizzat l-impatt ta’ politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż billi jiġu stabbiliti rabtiet iktar mill-qrib bejn il-kwalità u r-riżorsi allokati lil dawn l-oqsma. Għalhekk huma essenzjali inċentivi konsistenti li jgħollu l-kwalità tal-infiq pubbliku u li jippreservaw l-infiq li jiffavorixxi t-tkabbir, b’mod partikolari nfiq fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Minn din l-esperjenza, joħorġu tliet assijiet ta’ riforma, li huma rilevanti għall-Istati Membri kollha. 

I           It-titjib tal-kwalità tal-iżvilupp tal-istrateġija u tal-proċess tat-tfassil tal-politika

Ir-riċerka u l-innovazzjoni jaffettwaw ħafna oqsma ta’ politika u jinvolvu għadd kbir ta’ atturi u għalhekk għandhom jitmexxew bi strateġija li tiġbor kollox fiha u f’livell politiku suffiċjentement għoli. Strateġija bħal din għandha tinkludi kemm l-attivitajiet tar-riċerka kif ukoll tal-innovazzjoni, inklużi l-investimenti fl-infrastruttura. It-tfassil tal-politika għandu jqis l-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq perjodu ta’ żmien twil u għandu jopera fuq il-bażi ta’ qafas strateġiku pluriannwali stabbli u ta’ ppjanar bil-quddiem tal-investiment pubbliku. Il-benefiċċji ta’ finanzi pubbliċi aktar sodi kkombinati ma’ viżibbiltà msaħħa tal-prijoritajiet tal-gvernijiet fiż-żmien medju jinkisbu billi l-infiq li jgħin it-tkabbir, bħar-riċerka u l-innovazzjoni, jiddaħħal fil-perspettiva ta’ ppjanar pluriannwali ta’ qafas baġitarju fuq perjodu ta’ żmien medju[20]. Dan jista’ jibni l-kredibilità u jtejjeb l-attrazzjoni tas-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni,

Fl-istess ħin l-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li ma jaħlux riżorsi skarsi, billi jiffokaw fuq għadd limitat ta’ aspetti u opportunitajiet ewlenin, permezz tal-proċess tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti kif appoġġati bil-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment. Minħabba l-bidliet dinamiċi fir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tfassil tal-politika għandu jqis ukoll ideat u mudelli emerġenti.[21] L-informazzjoni u l-provi oġġettivi jiffurmaw parti integrali mit-tfassil tal-politika, inkluż l-antiċipazzjoni u l-evalwazzjonijiet sistematiċi ex-ante u ex-post, b’mod partikolari biex jiġi evalwat l-impatt soċjoekonomiku tal-iffinanzjar tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq perjodu ta’ żmien twil. Jeħtieġ li l-Istati Membri jissorveljaw kontinwament l-impatt u li jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom fil-kuntest Ewropew u dak internazzjonali,

Kaxxa 1. Ħafna Stati Membri qed jiddefinixxu mill-ġdid l-istrateġiji tagħhom tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq il-bażi ta’ kunċett wiesa’ ta’ innovazzjoni, li jinkorpora l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Ġermanja ressqet strateġija kompresiva bl-innovazzjoni fil-mira (“The High-Tech Strategy for Germany”) ibbażata fuq analiżi prospettiva, b’attenzjoni fuq teknoloġiji li jħarsu l-quddiem u marbuta mal-isfidi tas-soċjetà, fuq kooperazzjoni bejn ix-xjenza u l-industriia, u fuq it-titjib fil-kundizzjonijiet ta’ qafas għan-negozji innovattivi. Wara l-aġġornament tagħha fl-2010, il-Ġermanja issa qed tippjana biex issaħħaħ l-Istrateġija u l-approċċ globali tal-politika tal-innovazzjoni interdipartimentali tagħha.

Bosta Stati Membri qegħdin jivvalutaw il-kosteffettività tan-nefqa fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala parti mir-reviżjonijiet usa’ tal-infiq pubbliku. Il-Pajjiżi l-Baxxi, pereżempju, waqqfu sistema estensiva tal-monitoraġġ tal-politika għar-rieżami ta’ oqsma ta’ politika magħżula, inkluż ir-riċerka u l-innovazzjoni, biex jidentifikaw l-alternattivi għall-iffrankar fil-ġejjieni u b’hekk jinkiseb aktar valur għall-flus fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet ex ante u ex post. Dawn ir-reviżjonijiet jiġbru flimkien il-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi, il-Ministeru tar-Riċerka, il-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi, u organizzazzjonijiet indipendenti u jibbenefikaw mill-appoġġ pubbliku għar-riċerka b’rabta mal-politika rilevanti kif ukoll minn konklużjonijiet ibbażati fuq l-provi miġbura. L-Estonja żammet strateġija fit-tul ta’ żidiet sostnuti fl-investiment tar-riċerka u l-iżvilupp, billi fl-2000 immultiplikat il-livell inizjali tagħha tal-infiq b’10 darbiet aktar u fuqhom. Il-pajjiż għandu strateġija olistika li tikkonsolida r-riżorsi disponibbli kollha tal-UE b’tali mod li jagħtu impetus għall-iżvilupp.

II          It-titjib tal-kwalità tal-programmi, b’enfasi fuq riżorsi u fuq mekkaniżmi ta’ ffinanzjar

Ammonti sinifikanti ta’ fondi pubbliċi għar-riċerka u l-innovazzjoni huma ġestiti fil-qafas ta’ programmi, li l-għanijiet tagħhom tradizzjonalment kienu stabbiliti f’termini ta’ dixxiplini xjentifiċi, ta’ oqsma tat-teknoloġija, jew ta’ setturi industrijali. Bħal fil-programm Orizzont 2020, l-Istati Membri jridu jqisu li jżidu l-enfasi tal-programmi tagħhom fuq l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, għaliex hemm potenzjal ta’ tkabbir konsiderevoli billi dawn jissarfu f’opportunitajiet tan-negozju fil-ġejjini, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu soluzzjonijiet għat-tħassib taċ-ċittadini. Koordinazzjoni aħjar ta’ prijoritajiet bejn l-Istati Membri permezz ta’ programmazzjoni konġunta tal-aġendi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni żżid l-impatt ta’ investiment pubbliku f’qasam partikolari tar-riċerka u l-innovazzjoni. [22]

Kif ġie stabbilit fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, il-kwalità tal-infiq pubbliku tista’ tissaħħaħ permezz ta’ programmi billi l-fondi jiġu allokati fuq bażi kompetittiva, permezz ta’ sejħiet miftuħa għal proposti skont l-eċċellenza, pereżempju fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni internazzjonali bejn il-pari , u billi l-fondi istituzzjonali jiġu allokati fuq il-bażi ta’ prestazzjoni ppruvata. Il-kompetizzjoni miftuħa għandha tapplika ugwalment għal programmi speċifiċi mmirati lejn għanijiet ekonomiċi u/jew tas-soċjetà li għandhom impatti mistennija ċari u definiti u b’sistema ta’ evalwazzjoni robusta li bl-użu ta’ għarfien espert indipendenti, tivvaluta l-proposti mqabbla ma’ dawk l-impatti. F’konformità mal-istrateġiji aktar iffukati u allinjati (“speċjalizzazzjoni intelliġenti”), il-monitoraġġ ta’ riżultati reali u l-impatti tal-proġetti appoġġati għandhom jipprovdu informazzjoni preċiża u komparabbli dwar il-kwalità u l-effiċjenza tal-iffinanzjar permezz ta’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni.

Jeħtieġ li l-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni jkunu rilevanti u aċċessibbli għan-negozji, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-parteċipazzjoni, l-aċċelerazzjoni taż-żmien li jittieħed sa ma tingħata l-għotja, il-monitoraġġ tal-involviment tan-negozji, u billi tittieħed bis-serjetà r-reazzjoni tal-parteċipanti. Ir-rwol essenzjali tax-xjenza fuq il-fruntieri tal-għarfien fl-avvanz tal-ogħla livell ta’ żvilupp u sabiex tistimula innovazzjonijiet teknoloġiċi revoluzzjonarji għandu jiġi indirizzat, billi tibni fuq l-inizjattivi li rnexxew fil-livell tal-UE bħall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka.

Kaxxa 2. Bosta Stati Membri qed jintroduċu kompetizzjoni aktar qawwija fl-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi għar-riċerka u l-innovazzjoni. Wara l-Abbozz dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-2008, l-Isvezja introduċiet l-allokazzjoni kompetittiva ta’ ċertu proporzjon ta’ fondi bażiċi lill-universitajiet -inizjalment 10 % u sussegwentement dan żdied għal 20 % fuq il-bażi tal-prestazzjoni tagħhom f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi u fuq il-kapaċità tagħhom li jattiraw fondi esterni. Fl-2011 il-Polonja introduċiet riformi biex iżżid is-sehem tal-fondi pubbliċi allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni fuq bażi kompetittiva permezz ta’ sejħiet għal proposti vvalutati minn esperti indipendenti u internazzjonali. Mill-2013, il-Kroazja stabbilixxiet mudell ġdid ta’ ffinanzjar pubbliku għar-riċerka fundamentali, li juża kuntratti istituzzjonali ta’ tliet snin ibbażati fuq il-prestazzjoni. Dan l-aħħar il-Greċja waqqfet proċess kompetittiv biex tiddeċiedi dwar għadd limitat ta’ proġetti infrastrutturali nazzjonali tar-riċerka. Science Foundation tal-Irlanda introduċa evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-impatt ekonomiku u fuq is-soċjetà tal-applikazzjonijiet għall-għotja, u dan jikkomplementa l-evalwazzjonijiet xjentifiċi bejn il-pari.

Għadd ta’ aġenziji ta’ ffinanzjar qed jibdew jissorveljaw u jevalwaw b’mod rigoruż l-impatt tal-programmi tagħhom. Is-sistema ta’ monitoraġġ ta’ Tekes, l-Aġenzija tal-Innovazzjoni Finlandiża, turi li għal kull euro investit minn Tekes, il-kumpaniji jżidu n-nefqa tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp b’2 euro, u li l-SMEs li tappoġġa għandhom 20 % żieda aktar fil-fatturat u 17 % żieda aktar fl-impjiegi meta mqabbla ma’ SMEs komparabbli.

III        Il-perfezzjonament tal-kwalità tal-istituzzjonijiet pubbliċi li jwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni

Fl-Istati Membri kollha, sehem kbir ta’ fondi pubbliċi għar-riċerka u l-innovazzjoni jingħata bħala fondi istituzzjonali lill-universitajiet, lill-istituti tat-teknoloġija u lil organizzazzjonijiet tar-riċerka pubbliċi oħrajn. Jeħtieġ li dawn l-istituzzjonijiet jiġu mħeġġa jkunu intraprendenti u jfittxu opportunitajiet u sħubijiet ġodda, inkluż barra l-Ewropa, biex ikun hemm titjib fit-trasferiment tal-għarfien lis-settur privat u biex ir-riżorsi jiġu allokati mill-ġdid favur attivitajiet li jkollhom l-akbar impatt. Għalhekk dawn l-istituzzjonijiet jeħtieġu awtonomija u flessibilità suffiċjenti, filwaqt li tiġi ggarantita l-akkontabililtà, li jfisser li bħala parti minnha, għandhom ikunu suġġetti regolarment għall-evalwazzjoni indipendenti u għall-valutazzjoni tal-kwalità.

L-istituzzjonijiet għandhom ukoll ikunu kapaċi jattiraw l-aqwa riċerkaturi biex jaħdmu magħhom. Madankollu, kif identifikati miż-Żona Ewropea tar-Riċerka, f’xi pajjiżi, in-nuqqas ta’ reklutaġġ miftuħ, trasparenti u msejjes fuq il-mertu jdgħajjef il-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet u jżomm lura l-attrattiva u l-iżvilupp tal-karriera għar-riċerkaturi l-aktar kapaċi.

Kaxxa 3. Bosta Stati Membri, fosthom l-Awstrija, il-Polonja u l-Italja, introduċew regolamenti nazzjonali li jistipulaw li l-postijiet vakanti fl-universitajiet u f’organizzazzjonijiet tar-riċerka pubbliċi oħrajn għandhom ikunu ppublikati internazzjonalment, pereżempju permezz tal-portal tar-riċerkaturi Ewropej “EURAXESS”.

Sħubijiet ġodda li jinvolvu l-istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni qed jagħtu spinta lill-iżvilupp ekonomiku fil-livell reġjonali. Sħubija ta’ sitt universitajiet bejn il-Ġermanja, Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu qed tiffaċilita speċjalizzazzjoni akbar, il-qsim ta’ korsijiet u t-titjib fit-trasferiment tal-għarfien lin-negozji. F’April 2014, il-Gvern tar-Renju Unit ħabbar il-Greater Cambridge City Deal ta’ £1 biljun fi sħubija mal-Università ta’ Cambridge biex jinvestu fit-tkabbir tar-raggruppament tat-teknoloġija tar-reġjun, li diġà jimpjega aktar minn 54 000 persuna f’aktar minn 1 500 kumpanija bbażati fuq it-teknoloġija, li jiġġenera dħul annwali ta’ aktar minn £12 biljun. L-inizjattiva “Vanguard” tiġbor flimkien 18-il reġjun tal-UE (Asturias, Baden-Wurttenberg, Euskadi, Cataluña, Lombardia, Małopolska, Nordrhein-Westfalen, Norte, Oberösterreich, Pays de la Loire, Rhône-Alpes, l-Iskozja, Śląsk, Skåne, Tampere, il-Fjandri, il-Wallonja u Zuid Nederland) li b’mod konġunt jimplimentaw strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u b’hekk jimmobilizzaw ir-riżorsi pubbliċi u privati favur ir-riċerka u l-innovazzjoni madwar raggruppament ta’ inizjattivi għal teknoloġiji emerġenti u ta’ trasformazzjoni.

2.3         L-appoġġ tal-Kummissjoni għar-riformi tal-Istati Membri

Biex tgħin lill-Istati Membri fil-proċess tal-implimentazzjoni tar-riformi tar-riċerka u l-innovazzjoni bbażati fuq l-assi prijoritarji identifikati fit-Taqsima 2.2 ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tirrevedi l-għodod attwalment disponibbli għall-valutazzjoni tal-kwalità u l-effikaċja tar-riformi ta’ prijorità tar-riċerka u l-innovazzjoni u se tniedi diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-riformi prijoritarji u l-ħtieġa possibbli ta’ sistema integrata, ibbażata fuq il-provi għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell tal-Istati Membri. B’hekk se tibbaża fuq l-esperjenza rilevanti miksuba mill-għodda ta’ awtovalutazzjoni ppreżentata fl-Unjoni tal-Innovazzjoni u mill-analiżi tal-progress fir-rigward taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u se tagħmel użu mill-indikaturi rilevanti, inkluż it-Tabella tal-Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tal-Kummissjoni u l-indikatur dwar l-eżitu tal-innovazzjoni.[23] Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll dejta, analiżi u informazzjoni ta’ klassi dinjija, dwar il-politiki u l-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni u fil-livell tal-UE, u fil-livell nazzjonali,[24] u se tuża l-Faċilità tal-Appoġġ tal-Politika prevista f’Orizzont 2020 inklużi l-assistenza teknika, l-evalwazzjonijiet bejn il-pari u t-tagħlim reċiproku.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll aktar riċerka biex tipprovdi bażi ta’ evidenza aħjar għat-tfassil tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni, pereżempju bl-użu ta’ approċċi tad-dejta kbira u billi ttejjeb il-mod kif l-impatt pożittiv fit-tul tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġi kkunsidrat f’uħud mill-mudelli makroekonomiċi użati sabiex jappoġġaw it-tfassil tal-politika.[25]

Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju ta’ esperjenzi bit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri indiretti bħal inċentivi fiskali tar-riċerka u l-iżvilupp ibbażati fuq n-nefqa, bil-għan li tiġi żgurata l-kosteffettività, jiġu evitati effetti transfruntieri mhux mixtieqa, u jiġi eżaminat jekk il-kumpaniji ġodda li qed jikbru malajr, u li jirrappreżentaw għadd kbir sproporzjonat ta’ impjiegi ġodda, jistgħux jibbenefikaw minnhom.

3.           It-tisħiħ tal-ekosistema tal-innovazzjoni

L-innovazzjoni b’suċċess tiddependi mhux biss fuq il-kwalità tal-politiki pubbliċi iżda wkoll fuq kundizzjonijiet ta’ qafas li jiffavorixxu l-innovazzjoni.

F’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni għamlet sforz qawwi biex tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq intern u biex tiġi rrestawrata l-fiduċja ekonomika. Il-Kummissjoni ppromwoviet il-funzjonament tas-Suq Uniku,[26] ħadet passi biex tlesti l-Unjoni Bankarja,[27] u ħadet miżuri biex tiffaċilita u tiddiversifika l-aċċess għall-finanzi,[28] biex tissimplifika l-leġiżlazzjoni u biex tnaqqas il-piżijiet regolatorji,[29] u tinsab impenjata li tippromwovi l-iffinanzjar fit-tul tal-ekonomija Ewropea.[30]

Il-Kummissjoni ppromwoviet ukoll l-użu effettiv tal-akkwist pubbliku u ta’ strumenti min-naħa tad-domanda, indirizzat l-ostakli għall-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozju, u ħeġġet sistema favorevoli u effiċjenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Il-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat jappoġġaw lill-Istati Membri biex mill-ġdid jiggwidaw l-għajnuna mill-Istat lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, pereżempju fir-Regolament il-ġdid dwar l-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u billi jżidu l-livelli limiti għan-notifika u billi jwessgħu l-kategoriji ta’ għajnuna, pereżempju biex jappoġġaw il-kostruzzjoni u t-titjib tal-infrastrutturi tar-riċerka u biex jippermettu l-appoġġ aktar mill-qrib għas-suq. Bl-istess mod, il-linji gwida riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat għal Finanzjament ta’ Riskju jippermettu flessibbiltà akbar li tappoġġa l-kapital ta’ riskju u strumenti finanzjarji oħra favur in-negozji innovattivi, u b’hekk jgħinuhom jegħlbu l-aktar stadji kritiċi taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. B’mod parallel, ir-regoli riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat jintroduċu rekwiżiti ġodda dwar l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ skemi kbar ta’ għajnuna li se jikkontribwixxu għal miżuri aktar effettivi b’effett ċar ta’ inċentiv.[31]

Madankollu, il-valutazzjoni tal-progress mehmuża fil-kuntest tal-Unjoni tal-Innovazzjoni turi li hemm għadd ta’ oqsma fejn hemm bżonn li jsiru iktar sforzi:

– Is-Suq Uniku jikkostitwixxi assi ewlieni li jista’ jattira investimenti innovattivi lejn l-Ewropa.  Madankollu, il-frammentazzjoni u l-ineffiċjenzi fis-Suq Uniku jimmina l-investimenti tan-negozji fir-riċerka u l-innovazzjoni b’mod partikolari fl-oqsma tat-teknoloġija għolja bħall-ICT, inklużi n-netwerks diġitali, il-kontenut u s-servizzi, u l-kura tas-saħħa. Bil-kontra ta’ dan, l-Ewropa hija mexxejja globali fir-riċerka u t-teknoloġija tat-trasport, imsaħħa minn suq uniku żviluppat tajjeb, li, madankollu, jeħtieġ li jżomm il-pass mal-innovazzjoni rapida hekk kif is-settur tat-trasport iżid l-effiċjenza fl-enerġija, itejjeb is-sikurezza u jindirizza l-konġestjoni.  Barra minn hekk, għandhom jiġu antiċipati l-innovazzjonijiet kbar bl-iżvilupp ta’ oqfsa tas-Suq Uniku li jippermettu l-adozzjoni kummerċjali fuq skala kbira.[32] L-implimentazzjoni sħiħa tas-suq uniku tas-servizzi, li jirrappreżenta 60 % tal-ekonomija tal-UE, għandu jkollu impatt qawwi fuq l-innovazzjoni, b’mod partikolari fuq l-innovazzjoni mhux teknoloġika, bħall-iżvilupp ta’ mudelli tan-negozju ġodda u t-tfassil ta’ servizzi. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-oqfsa regolatorji jippromwovu l-użu kummerċjali ta’ għarfien ġdid u li jiffaċilitaw id-dħul ta’ kumpaniji ġodda.

– Is-settur pubbliku huwa attur ekonomiku importanti u jeħtieġ li jsir aktar intraprendenti biex jibbenefika mill-innovazzjoni bil-għan li jiżdiedu l-produttività, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll biex tinħoloq domanda għal innovazzjoni fis-settur privat.[33] It-tagħlim reċiproku huwa ta’ rilevanza partikolari f’dan il-kuntest. L-akkwist pubbliku, li jammonta għal madwar għoxrin fil-mija tal-PDG tal-Unjoni kollha kemm hi, jista’ jipprovdi swieq li jesiġu soluzzjonijiet innovattivi. Dan jeħtieġ sforz ikkoordinat mill-awtoritajiet tal-akkwist kollha sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tad-domanda. Il-bidla għal dejta miftuħa għandha l-potenzjal kbir li ttejjeb is-servizzi pubbliċi, toħloq opportunitajiet għal prodotti u servizzi ġodda, u ssaħħaħ l-akkontabilità u t-trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika. Iż-żieda fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi u tal-finanzjament pubbliku teħtieġ bażi robusta ta’ provi għal deċiżjonijiet baġitarji u ta’ politika skont il-prinċipji tar-regolamentazzjoni intelliġenti. Azzjonijiet pilota li jiffokaw fuq l-utenti, l-użu intelliġenti tal-ICT u l-ftuħ ta’ servizzi pubbliċi diġitali se jippermettu lis-settur pubbliku jiżviluppa b’mod effiċjenti u jipprovdi servizzi ġodda.

– It-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea għal kompetittività sostenibbli tirrikjedi bażi ta’ riżorsi umani bil-ħiliet meħtieġa u b’ħafna aktar riċerkaturi li jkollhom ħiliet intraprendenti u tan-negozju. Dan jeħtieġ ukoll li x-xjenza fuq il-fruntieri tal-għarfien tavvanza l-livell ta’ żvilupp tekniku u li jkollha rwol attiv fl-istimolu ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jipprovdu ħiliet ta’ innovazzjoni mifruxa (il-ġenerazzjoni ta’ ideat, is-soluzzjoni ta’ problemi, il-ħsieb kritiku, il-komunikazzjoni bejn il-kulturi, eċċ.) li jippermettu lill-impjegati u lill-istituzzjonijiet,[34] jaddattaw rwieħhom għaċ-ċirkostanzi l-ġodda. It-teknoloġiji diġitali jġibu magħhom opportunitajiet ġodda ta’ aċċess għall-edukazzjoni,[35] iżda jeħtieġu innovazzjonijiet kbar fis-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni, bħall-promozzjoni ta’ prattiki ta’ tagħlim miftuħa u ta’ taħriġ diġitali.

– Iċ-ċittadini Ewropej iridu jifhmu li r-riċerka u l-innovazzjoni qed itejbu l-kwalità ta’ ħajjithom u qed iwieġbu għat-tħassib tagħhom, pereżempju, billi l-individwi jitħallew jesprimu l-fehma tagħhom meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet.[36] Jeħtieġ li l-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħti inċentivi u tippermetti lill-individwi biex jidħlu għall-innovazzjoni bħala kokreaturi u bħala klijenti pijunieri, tippromwovi l-innovazzjoni u l-intraprenditorija soċjali, u tippermetti kumpaniji innovattivi li jittestjaw u jintroduċu soluzzjonijiet fl-ambjenti reali.

4.           Konklużjonijiet

Sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta’ tkabbir imġedded, l-elementi li ġejjin huma kruċjali:

– F’konformità mal-kunċett ta’ konsolidament fiskali, jeħtieġ li l-Istati Membri jipprijoritizzaw in-nefqa li ssaħħaħ it-tkabbir, b’mod partikolari fir-riċerka u l-innovazzjoni.

– Dawk l-investimenti jridu jimxu id f’id mar-riformi li jżidu l-kwalità, l-effiċjenza u l-impatti tal-infiq pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż bl-ingranaġġ tal-investiment tan-negozji fir-riċerka u l-iżvilupp

– Huma u jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jiffokaw fuq it-tliet assijiet tar-riforma, marbuta mal-kwalità tal-iżvilupp tal-istrateġija u l-proċess tat-tfassil tal-politika, il-kwalità tal-programmi, l-iffokar tar-riżorsi u tal-mekkaniżmi tal-iffinanzjar; u l-kwalità tal-istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni.

– Biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni b’suċċess tar-riformi tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni se tibbaża fuq l-esperjenza miksuba bl-inizjattiva ewlenija l-Unjoni tal-Innovazzjoni u fiż-Żona Ewropea għar-Riċerka, u se tisfrutta bis-sħiħ l-Osservatorju tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Faċilità tal-Appoġġ tal-Politika previsti fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 sabiex tappoġġa t-tfassil ta’ politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet baġitarji bbażati fuq approċċ integrat, mibni fuq il-provi.

– It-tisħiħ tal-ekosistema tal-innovazzjoni usa’ u l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet ta’ qafas tajbin li jistimolaw il-kumpaniji tal-Ewropa biex jinnovaw huma kruċjali. Minn mindu tnediet l-Unjoni tal-Innovazzjoni, sar progress siewi iżda jeħtieġ li jsiru aktar sforzi fl-approfondiment tas-Suq Uniku, billi jiġi ffaċilitat u diversifikat l-aċċess għall-finanzi, tissaħħaħ il-kapaċità innovattiva tas-settur pubbliku, jinħolqu impjiegi reżistenti f’attivitajiet li huma intensivi fl-għarfien, tiġi żviluppata bażi ta’ riżorsi umani b’ħiliet, għall-innovazzjoni, titħeġġeġ ir-riċerka fuq il-fruntieri tal-għarfien, tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni, u billi x-xjenza u l-innovazzjoni jiġu integrati aktar fis-soċjetà. Ir-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 se tanalizza l-progress li sar bl-Unjoni tal-Innovazzjoni.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex iniedi diskussjonijiet dwar it-titjib tal-kwalità tal-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni f’konformità ma’ din il-Komunikazzjoni, bħala parti mill-proċess usa’ tagħha ta’ diskussjonijiet dwar it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi u dwar l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex jiddiskuti l-isfidi tal-politika futura tar-riċerka u l-innovazzjoni.

[1]               Rapport dwar il-Kompetittività tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2013, SWD (2013) 505.

[2]               COM(2014) 014.

[3]               Sa ċertu punt, it-tkabbir tal-PDG fil-pajjiżi tal-OECD mill-1985 sal-2009 rriżulta mit-tkabbir tal-kapital u tal-produttività bbażata fuq fatturi multipli, b’din tal-aħħar xprunata mill-eżiti tas-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni. Ara OECD (2011) “Productivity and growth accounting”. 

[4]               Conte (2014), “Efficiency of R&D Spending at national and regional level”, Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Il-Kummissjoni Ewropea, għandha tiġi ppubblikata. Ciriaci, D., Moncada Paternò Castello, P., u Voigt, P. (2013) “Innovation and job creation: a sustainable relation?”, IPTS Working Papers on Corporate R&D and Innovation serje Nru. 01/2013, Il-Kummissjoni Ewropea.

[5]               COM(2013) 800 final.

[6]               F’din il-Komunikazzjoni, l-infiq tar-riċerka u l-iżvilupp jintuża għal skopijiet statistiċi. Ma jkoprix l-innovazzjoni fit-tifsira usa’ tagħha, li taqa’ barra d-definizzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp.

[7]               Dawn jinkludu l-aċċess għall-finanzjament, strateġiji adegwati għar-riżorsi umani, l-implimentazzjoni sħiħa tas-Suq Uniku għas-servizzi, u l-appoġġ tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-ġejjieni, inkluż it-trawwim tal-ekonomija diġitali.

[8]               COM(2014)014

[9]               Is-Sistema Ewropea ta’ Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (SEC 2010) se tiġi aġġornata f’Settembru 2014.

[10]             COM(201) 130final/2.

[11]             F’dan ir-rigward, matul l-aħħar snin seħħet evoluzzjoni importanti li tikkomplementa l-investiment pubbliku dirett fir-riċerka u l-innovazzjoni bil-miżuri indiretti bħalma huma l-inċentivi fiskali tar-riċerka u l-iżvilupp.

[12]             Il-Kummissjoni Ewropea, 2012, “The quality of public expenditures in the EU”, Occasional Paper (DĠ ECFIN) nru. 125

[13]          COM(2010) 546; COM(2012) 392

[14]             Conte (2014), “Efficiency of R&D Spending at national and regional level”, Technical Report, Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Il-Kummissjoni Ewropea, jippreżenta analiżi komprensiva tal-għażliet u l-approċċi metodoloġiċi biex jitqabblu l-punteġġi għall-kejl tal-effiċjenza tas-sistemi tar-riċerka u l-iżvilupp. Il-punteġġi għall-effiċjenza tal-Grafika 3 huma kkalkulati bl-użu ta’ teknika statistika (Stochastic Frontier Analysis), li tikkalkula l-livell tal-effiċjenza billi tuża l-intensità totali tar-riċerka u l-iżvilupp bħala l-kejl tal-input u l-privattivi r-ras bħala l-kejl tal-produzzjoni, matul il-perjodu 2005-2011. Għandu jiġi nnutat li l-varjabbiltà ta’ miżuri relattivi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-prestazzjoni tal-privattivi huma akbar fis-setturi minn madwar il-pajjiżi kollha (Meliciani, 2000), u li l-proporzjon tal-privattivi mal-infiq tar-riċerka u l-iżvilupp ukoll ivarjaw ħafna fis-setturi tal-manifattura (Danguy et al, 2013). Għalhekk il-punteġġi tal-effiċjenza bl-użu tal-privattivi huma affettwati fil-parti l-kbira, mill-profili tal-ispeċjalizzazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ kull pajjiż. Jistgħu jintużaw ukoll indikaturi ta’ produzzjoni oħra għall-approssimazzjoni tal-effiċjenza, inklużi b’mod partikolari l-pubblikazzjonijiet u l-kwotazzjonijiet xjentifiċi. Madankollu, l-indikaturi komposti jistgħu jintużaw ukoll għal dan il-għan.

[15]             Il-provi juru li l-livell ta’ kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u n-negozji huwa influwenzat b’mod pożittiv mill-intensità tal-infiq pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp. Id-dejta tal-2011 turi korrelazzjoni statistikament sinifikanti bejn il-livell ta’ finanzjament privat tar-riċerka u l-iżvilupp pubbliku u l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp pubbliku.

[16]             Jeżistu wkoll differenzi persistenti: fil-prestazzjoni globali tal-innovazzjoni fl-Istati Membri kollha, kif tidher fit-Tabella tal-Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni; fil-prodotti tal-innovazzjoni kif ikkonfermati mill-indikatur tal-produzzjoni tal-innovazzjoni tal-Kummissjoni u fil-kwalità ġenerali tal-Gvern, kif jidher mis-6 Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni.

[17]         Il-livelli ta’ effiċjenza fl-Istati Membri huma spjegati f’din il-Grafika fuq il-bażi tar-relazzjoni bejn il-privattivi per capita u l-intensità totali tar-riċerka u l-iżvilupp. Ara Conte (2014).

[18]             Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal “State of the Innovation Union, Taking Stock 2010 – 2014”.

[19]             COM(2014 130).

[20]             kif tinkoraġixxi d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri, li tistipula, fost l-oħrajn, il-karatteristiċi u l-benefiċċji ta’ oqfsa baġitarji kredibbli fuq perjodu medju.

[21]             bħal fil-każ tad-dejta ta’ volum kbir, l-innovazzjoni miftuħa, u x-Xjenza 2.0. L-għarfien ġdid rigward l-effetti tal-globalizzazzjoni u tal-innovazzjoni fuq il-ħolqien tal-impjiegi u fuq l-inugwaljanza jew fuq ir-rwol tal-innovazzjoni fil-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv għandu jiġi kkunsidrat. Xjenza 2.0 tiddeskrivi l-bidliet għaddejjin bħalissa fil-mod ta’ kif titwettaq ir-riċerka u kif inhi organizzata x-xjenza. Bis-saħħa tat-teknoloġiji diġitali u mmexxija mill-globalizzazzjoni tal-komunità xjentifika, din twiegħed valur aħjar għall-flus minħabba aktar trasparenza, ftuħ, netwerking u kollaborazzjoni, iżda tinvolvi wkoll ir-riskji, f’dak li jirrigwarda l-frodi, u l-integrità xjentifika.

[22]             Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija “SET-plan”, COM(2013)253, jipprovdi eżempju ta’ kif pjan direzzjonali uniku integrat ta’ prijoritajiet fil-livell tal-UE jappoġġa koordinazzjoni aħjar ta’ investimenti industrijali, u tal-programmi tal-Istati Membri u tal-UE.

[23]             COM(2013) 624 final.

[24]             Bħala parti mill-attivitajiet tal-Osservatorju tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni.

[25]             Dan l-aħħar ir-Royal Netherlands Academy of Arts and Sciences ippubblika r-rapport tiegħu “Public knowledge investments and the value of science”, li jargumenta li, filwaqt li l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom tradizzjoni twila tal-użu ta’ mudelli makroekonomiċi biex jiġi eżaminat l-impatt tal-politiki u l-baġits pubbliċi, dawn ma jirriflettux biżżejjed il-benefiċċji fit-tul tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka u l-innovazzjoni.

[26]             COM (2011) 206; COM(2012) 573. 

[27]             Fl-20 ta’ Marzu 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar il-propost Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Mechanism - SRM) għall-Unjoni Bankarja. Il-mekkaniżmu jikkomplementa l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (Single Supervisory Mechanism - SSM) li, bis-saħħa tiegħu, ladarba jkun kompletament operattiv lejn it-tmiem tal-2014, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) se jissorvelja direttament il-banek fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri l-oħra li jiddeċiedu jissieħbu fl-Unjoni Bankarja.

[28]             Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-kumpaniji matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-innovazzjoni. Minbarra l-kapital ta’ riskju, tappoġġa l-iffinanzjar permezz ta’ “business angels”, bit-trasferiment tat-teknoloġija jew b’self aktar tradizzjonali tal-banek.

[29]             COM(2012) 746; COM(2013) 685. 

[30]             COM(2014) 168.

[31]             Ara ĠU C 19, 11.1.2014, paġna 4.

[32]             Pereżempju, is-swieq ġodda tal-bijofjuwils avvanzati, tal-iskart u r-riċiklaġġ, tal-enerġija rinnovabbli u tat-teknoloġiji ambjentali li jikkostitwixxu l-oqsma fejn l-UE hija f’saħħitha fl-innovazzjoni.

[33]             L-evidenza tappoġġa wkoll ir-rwol tal-Gvern fil-promozzjoni tal-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jagħmlu tajjeb għall-fallimenti tas-suq, li jinkludu l-inċertezza teknoloġika u l-indiviżibilitajiet u l-ekonomiji ta’ skala, u fid-diffużjoni ta’ effetti oħrajn tal-għarfien.

[34]             F’kooperazzjoni mal-OECD u fil-qafas tal-inizjattiva “HEInnovate”, il-Kummissjoni żviluppat għodda ta’ awtovalutazzjoni għall-appoġġ tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex dawn isiru aktar intraprendenti.

[35]             COM(2012) 173 final. “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”

[36]             Ara pereżempju l-proġett “Voices” (www.voicesforinnovation.eu/) li jippermetti liċ-ċittadini jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar it-temi tar-riċerka u li huwa ffinanzjat fil-qafas tal-programm Orizzont 2020 dwar l-iskart bħala riżors.

Top