Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0247

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar approċċ ġdid tal-UE għad-detezzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji CBRN-E

/* COM/2014/0247 final */

52014DC0247

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar approċċ ġdid tal-UE għad-detezzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji CBRN-E /* COM/2014/0247 final */


I. Il-kuntest

L-UE, l-Istati Membri tagħha u sħab ewlenin oħra għamlu bosta attivitajiet biex titjieb il-kapaċità biex jiġu evitati inċidenti kimiċi, bijoloġiki, radjoloġiki, nukleari (CBRN) u splussivi u biex jipproteġu liċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-infrastruttura kontra inċidenti bħal dawn.

Madankollu jeħtieġ li jsir aktar. Wara r-rapporti dwar il-progress[1] skont il-Pjan ta' Azzjoni CBRN tal-UE[2] u skont il-Pjan ta' Azzjoni għat-Tisħiħ tas-Sigurtà tal-Isplussivi fl-2012[3], saret konsultazzjoni estenżiva mal-Istati Membri u partijiet interessati oħra dwar kif l-aħjar jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet. Ġiet stabbilita aġenda CBRN-E ġdida biex tiffoka fuq il-prijoritajiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati fuq livell tal-UE.

Il-Kunsill fil-konklużjonijiet li adotta fil-11 ta’ Diċembru 2012 "jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati oqsma fejn l-arranġamenti ta’ sigurtà mhumiex biżżejjed u biex tingħata attenzjoni u ssir aktar prijoritizzazzjoni tal-isforzi komuni biex titjieb is-sigurtà tal-produzzjoni, il-ħażna, l-immaniġġar u t-trasport ta’ materjali CBRN u E b’riskju għoli. Barra minn hekk il-Kunsill jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni “biex tuża l-Pjan ta’ Azzjoni Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari tal-UE, u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Titjib tas-Sigurtà tal-Isplussivi, bħala bażi għall-ħolqien ta’ politika riveduta.”[4]

Din il-komunikazzjoni hija l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-Aġenda CBRN-E l-ġdida. Din għandha l-għan li toħloq progress fil-qasam tad-detezzjoni ta’ theddid CBRN-E, u ddaħħal fis-seħħ miżuri effikaċi għad-detezzjoni u l-mitigazzjoni ta' dawn it-theddidiet u r-riskji fil-livell tal-UE.

II. Sfond u għanijiet

II. 1 Ambjent tat-theddid u r-riskji li qed jinbidel

Il-protezzjoni taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet, l-infrastruttura u l-assi hija waħda mill-erba' pilastri ewlenin tal-Istrateġija ta' Kontra t-Terroriżmu tal-UE[5].  Approċċ tal-UE għat-theddid CBRN-E irid iqis ukoll l-Istrateġija Interna tas-Sigurtà tal-UE[6],  fejn fost l-għanijiet ewlenin hemm id-detezzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji CBRN-E.

Żviluppi riċenti – kif evidenzjat fir-rapporti tal-INTCEN[7] jew l-Interpol – jagħtu lil wieħed x'jifhem li t-theddida mill-materjal u l-isplussivi CBRN għadha għolja u qed tevolvi. Avvenimenti bħall-attakki terroristiċi f’Madrid, Londra u Moska, u l-attakki bil-bombi matul il-Maratona ta' Boston is-sena l-oħra, kif ukoll il-parir reċenti li jħeġġeġ lill-ġiħadisti jattakkaw postijiet iffullati[8], urew kemm l-aggressuri jistgħu jkunu innovattivi u opportunistiċi u li t-theddid fuq avvenimenti pubbliċi u s-sigurtà urbana jridu jkunu identifikati aħjar. Għalkemm it-terroristi kellhom tendenza jużaw splussivi kummerċjali jew li għamlu huma stess, aġenti CBRN bħas-sarin, ir-riċinu jew l-antraċe huma wkoll ta’ theddida serja. Minn meta seħħ l-attakk fil-metro ta' Tokjo b'aġent kimiku (is-sarin) fl-1995 u l-attakk bl-aġent bijoloġiku (salmonella) f'Oregon fl-1984[9],  gruppi terroristiċi ppruvaw jiksbu l-ħiliet biex jimmaniġġaw u joperaw materjali CBRN. L-użu reċenti tal-gass sarin fis-Sirja tefa' l-attenzjoni fuq din il-kwistjoni wkoll.

Kull sena jseħħu mijiet ta' serq u telf ta' materjal CBRN. Is-serq riċenti ta’ uranju arrikit ħafna (fil-Ġeorġja fl-2010 u fil-Moldova fl-2011) juri li t-traffikar ta’ materjal radjoattiv u nukleari għadu problema serja. Aktar minn 150 każ bħal dawn jiġu rrappurtati kull sena lill-Bażi tad-Dejta dwar l-Inċidenti u t-Traffikar (ITDB) tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). Bosta eżempji ta’ każijiet ta’ traffikar illeċitu jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żviluppati kontromiżuri effikaċi li ma jkunux sempliċement ibbażati fuq il-prevenzjoni tat-traffikanti milli jiksbu aċċess għal tali materjal, iżda wkoll fuq strateġija ta’ detezzjoni effikaċi.

It-theddid jista' wkoll jasal minn individwi bi kwalifiki għolja li jkollhom aċċess għal informazzjoni u materjal sensittivi, bħar-riċerkatur anzjan tal-bijodifiża li kien iwettaq riċerka medika għall-militar tal-Istati Uniti li allegatament wettaq l-attakki bl-antraċe fl-2001, jew ix-xjentist Franċiż miċ-CERN[10] li nstab ħati li għen lill-Al-Qaeda twettaq attakki fi Franza.

Id-dibattitu fl-UE dwar ir-radikalizzazzjoni dan l-aħħar intensifika ruħu. L-aħħar rapporti jissuġġerixxu li l-persunili qed jirritornaw mis-Sirja huma ta’ tħassib partikolari. Xi wħud minn dawn u individwi radikalizzati oħra, li jkollhom aċċess għal u jaħdmu f’oqsma sensittivi jistgħu jużaw l-informazzjoni priveliġġata tagħhom biex iwettqu attakki fuq infrastrutturi kritiċi, bħall-impjant tal-purifikazzjoni tal-ilma, jew jistgħu jiddiżattivaw il-provvisti tal-enerġija elettrika ta' xi ferrovija. Tali theddid minn ġewwa jista’ jkollu impatti transnazzjonali u għalhekk joħloq theddid għas-sigurtà tal-UE.

Eżempju reċenti ta’ attakk fuq bersall vulnerabbli huwa l-attakk bil-bombi tal-2013 fil-Maratona ta' Boston, fejn iż-żgħażagħ li wettqu l-attakk, użaw metodu antik biex għamlu l-bombi. Dan l-eżempju kif ukoll l-attakki fuq il-metro u l-ferrovija li ssemmew qabel jenfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ id-detezzjoni tat-theddid.

Filwaqt li l-ħidma fil-livell nazzjonali jkompli jkollha rwol vitali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, hija meħtieġa strateġija robusta, imfassla aħjar u proporzjonata biex jiġu antiċipati u mfixkla riskji CBRN-E futuri fil-livell tal-UE, inkluż l-indirizzar tal-metodi illegali tal-produzzjoni, il-maniġġ, il-ħabi u l-ħażna ta’ dan il-materjal.

Għalhekk huwa importanti li jiġi adottat approċċ proattiv u li jidħlu fis-seħħ salvagwardji effikaċi, proporzjonali, inklużi miżuri ta’ prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni fil-livell tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali.

II.2 Kisbiet u l-ħidma li għaddejja fil-livell tal-UE

L-UE u l-Istati Membri tagħha diġà għamlu ħafna biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet CBRN-E. Pereżempju, l-istabbiliment ta’ għodod ta' bażi tad-dejta bħalma huma s-Sistema Ewropea tad-Dejta dwar il-Bombi (EBDS) u s-Sistema ta’ Twissija Bikrija (EWS), kif ukoll l-attivitajiet tan-Netwerk Ewropew ta' Unitajiet għat-Tneħħija ta' Tagħmir Splussiv (EEODN). Eżempju ieħor huwa r-Regolament il-ġdid (98/2013) dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi, li għandu l-għan li jirrestrinġi l-aċċess għall-prekursuri perikolużi għall-membri tal-pubbliku.

Minbarra r-riċerka, it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni, twettqu għadd ta’ attivitajiet prattiċi biex jiġu identifikati u kondiviżi l-aħjar prattiki, testjar u pruvar ta' tagħmir ġdid, l-iżvilupp ta' gwida għal prattikanti, eċċ.

Sar progress fl-oqsma kollha, iżda l-evalwazzjonijiet reċenti ta' żewġ pjanijiet ta’ azzjoni CBRNE wrew li hemm bżonn li jsir aktar, li jiġu prijoritizzati l-oqsma ewlenin ta’ valur miżjud għall-UE u li jingħataw aktar attenzjoni. 

II.3 Ħtieġa li r-riskji CBRN-E jiġu indirizzati fil-livell tal-UE

Bosta investigazzjonijiet ta' wara l-attakki wrew li l-materjal u l-prekursuri splussivi biex isiru l-isplussivi kienu nxtraw fi Stat Membru wieħed u trasferiti fi Stat Membru ieħor fejn seħħew l-attakki. Ir-rapporti ta' kull xahar tal-intelligence tas-CBRN-E tal-Interpol juru wkoll ħafna eżempji ta’ tentattivi biex jinkiseb, jiġi kuntrabandat jew jintuża materjal CBRN-E. Attakki bl-użu ta’ sustanzi CBRN, bħal fil-każ tal-avvelenament radjoloġiku ta' Litvinenko, urew li sustanzi ta' theddida CBRN inġarru bla ma ġew identifikati minn u lejn l-Unjoni Ewropea. Inċidenti radjoloġiċi jew nukleari serji, jew tixrid intenzjonat ta’ aġenti bijoloġiċi (bħas-SARS, H1N1 jew il-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer), jistgħu jaffetwaw ħażin ħafna lin-nies u lill-ekonomiji madwar l-Ewropa.

L-Analiżi tal-UE fl-2012 tal-Lakuni fid-Detezzjoni tal-Isplussivi, imwettqa bħala parti minn pjan ta’ azzjoni dwar l-isplussivi, tissottolinja bosta nuqqasijiet fid-detezzjoni tat-theddid splussiv, minkejja l-avvanzi teknoloġiċi, u tindika ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-kapaċità tad-detezzjoni tal-UE. Ir-rapport, ibbażat fuq analiżi tal-miżuri tas-sigurtà, it-tagħmir u l-proċessi bl-użu tal-aktar teknoloġija moderna, iħeġġeġ għal aktar analiżi u jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħew il-miżuri fl-oqsma differenti tas-sigurtà pubblika. Abbażi ta’ din l-analiżi tal-laguni, il-Kummissjoni nediet ukoll, fl-2013, Analiżi tal-UE tal-Lakuni fid-Detezzjoni ta’ aġenti CBRN ta' theddida.

It-theddid u r-riskji CBRN-E huma komuni għall-Istati Membri kollha tal-UE. Għalhekk l-UE qiegħda f’pożizzjoni tajba biex ikollha rwol ċentrali billi tgħin fid-detezzjoni u l-mitigazzjoni tat-tali theddid u billi tiżgura li: i) tingħata prijorità lil oqsma tal-aktar theddida serja, ii) dawn il-problemi jiġu indirizzati kollettivament, iii) ma jkunx hemm duplikazzjoni u iv) jiġu mmassimizzati l-ekonomiji ta’ skala u s-sinerġiji.

L-UE tista’ żżid il-valur billi tiżviluppa għodod prattiċi u effikaċi għall-prattikanti, li jvarjaw minn laqgħat ta’ ħidma, materjal ta’ gwida, taħriġ u sensibilizzazzjoni biex jiġu appoġġjati r-riċerka u l-attivitajiet ta’ ttestjar. Eżempju wieħed huwa l-għajnuna mogħtija għall-kollaborazzjoni — taħt l-awspiċji tan-netwerk ATLAS — għall-forzi ta' intervent speċjali tal-pulizija tal-UE li jitħarrġu u jaħdmu flimkien.

III. A new approach to the detection and Mitigation of CBRN-E Risks

L-għanijiet ta’ din il-Komunikazzjoni huma li jiġu valutati aħjar ir-riskji, li jiġu żviluppati kontromiżuri, li jiġi kondiviż l-għarfien u l-aħjar prattiki, l-ittestjar u l-validazzjoni ta' salvagwardji ġodda, bl-għan aħħari li jiġu adottati standards ġodda ta’ sigurtà. 

Il-kwistjonijiet li ġejjin hemm bżonn li jiġu indirizzati fi kwalunkwe strateġija effikaċi ta’ mitigazzjoni:

- L-effikaċja u l-prestazzjoni tat-tagħmir u l-proċessi eżistenti;

- Sustanzi ta’ theddid ġodda;

- Modus operandi ġodda għall-attakki;

- Metodi ta’ ħabi ġodda biex jippruvaw jgħaddu mill-kontrolli tas-sigurtà;

- Bersalli tal-attakk ġodda (bersalli vulnerabbli, infrastrutturi kritiċi, oqsma pubbliċi, oqsma mhux tal-avjazzjoni)

L-approċċ il-ġdid se jkun implimentat fil-prattika pass pass, billi jitqiesu t-tipi kollha ta’ theddid u l-ambjent, bl-għan li:

- titjieb id-detezzjoni tar-riskji;

- jitjieb l-użu tar-riżultati tar-riċerka, l-ittestjar u l-validazzjoni; 

- jiġu promossi s-sensibilizzazzjoni, sessjonijiet ta’ taħriġ u eżerċizzji;

- jiġu promossi inizjattivi Mmexxija minn Pajjiż u impenn mal-industrija u partijiet interessati oħra fis-sigurtà;

- titqies id-dimensjoni esterna, meta jkun xieraq.

Matul il-proċess kollu huwa importanti li jiġu involuti fil-ħidma l-partijiet interessati kollha, bħall-akkademiċi, is-settur privat jew l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili, u li jingħata sostenn finanzjarju biżżejjed biex jiġi żgurat li l-attivitajiet u l-politiki f’dan il-qasam jiġu implimentati sew. Taħt kull waħda mill-ħames aspetti elenkati hawn fuq, se jiġu identifikati azzjonijiet fejn il-ħidma tal-UE se żżid il-valur. 

III. 1 Detezzjoni aħjar          

Fil-passat, l-istrateġija tagħna tal-prevenzjoni tat-theddid kienet tipikament ibbażata fuq dejta storika dwar l-attakki. Ta’ spiss ġew introdotti miżuri ta’ protezzjoni wara t-twettiq ta’ attakki jew l-iskoperta ta’ konfoffi, u għadna m'aħniex proattivi biżżejjed fl-iżvilupp ta’ strateġija effikaċi ta' detezzjoni u mitigazzjoni tat-theddid.

Strateġija effikaċi tad-detezzjoni tat-theddid tista’ tinkiseb biss jekk is-sustanzi u l-ambjent tat-theddida (l-oqsma tal-avjazzjoni, tal-sport pubbliku, eċċ.) jitqiesu matul l-iżvilupp u l-analiżi tagħha.

L-approċċi użati fil-passat, fejn konna nippruvaw naġġustaw teknoloġija jew proċess tas-sigurtà għat-theddida speċifika, ma jaħdmux. Għal kull missjoni ta’ protezzjoni jridu jitqiesu approċċi bbażati fuq riskji speċifiċi, inkluż firxa ta’ attivitajiet differenti mfassla biex effettivament jaqbdu theddidiet differenti. Għandu jiġi analizzat bir-reqqa kull ambjent li jkollna l-ħsieb li nipproteġu u l-miżuri kkunsidrati ma għandhomx iqisu biss id-dejta storika, iżda wkoll modi ta’ kif jiġi mmitigat it-theddid emerġenti.

Kwalunkwe strateġija ta’ detezzjoni tal-UE għandha tibni fuq il-lakuni identifikati kif enfasizzat fl-Analiżi tal-UE tal-Lakuni dwar id-Detezzjoni tal-Isplussivi tal-2012. Valutazzjoni reċenti tindika wkoll li, minkejja progress sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, fadal ħafna xogħol xi jsir biex jiġu indirizzati b’mod effikaċi n-nuqqasijiet fit-teknoloġiji tad-detezzjoni fl-oqsma differenti tas-sigurtà pubblika, inkluż it-trasport. L-attivitajiet għalhekk jeħtieġ li jindirizzaw id-dgħufijiet identifikati u jiżviluppaw soluzzjonijiet realistiċi għar-riskji li nimmitigaw.

“Persuni fuq ġewwa” jistgħu joħolqu sfida speċifika fir-rigward tat-theddid CBRN-E u huma meħtieġa aktar miżuri kontra t-theddidiet CBRN minn persuni fuq ġewwa. Pereżempju, waħda mill-azzjonijiet taħt il-pjan ta’ azzjoni CBRN titlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaraw kif jistgħu jtejbu l-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal. L-approvazzjoni xierqa tal-persunal involut fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta' splussivi u materjal CBRN hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-theddid minn persuni fuq ġewwa. Sar studju dwar dan is-suġġett, li jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri biex jiġu armonizzati l-proċeduri tal-approvazzjoni għall-industriji CBRN-E, billi l-ewwel u qabel kollox jiġu adottati l-aħjar prassi għall-kontrolli tal-isfond u l-approvazzjoni tas-sigurtà. Billi l-proċessi tal-kontroll tas-sigurtà huma kompetenza tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se taħdem magħhom mill-qrib biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet.

Il-Kummissjoni ilha taħdem mal-utenti aħħarin bħal entitajiet privati u tal-komunità tal-infurzar tal-liġi biex tinħoloq aktar sensibilizzazzjoni dwar il-kapaċità tat-teknoloġija. Dan għamlitu permezz ta' attivitajiet ibbażati fuq laqgħat ta' ħidma fejn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u uffiċjali oħra rċevew informazzjoni klassifikata dwar il-limitazzjonijiet tat-teknoloġija u l-proċessi tas-sigurtà. Madankollu rridu nagħmlu iktar biex ninvolvu lill-utenti aħħarin u lill-prattikanti fil-proċess tat-tfassil tad-detezzjoni fil-futur. Tagħlimiet li ġew mill-Olimpjadi tar-Renju Unit u mill-Kampjonat tal-futbol Ewropew 2012 fil-Polonja jenfasizzaw dan il-messaġġ ewlieni mill-komunità tal-infurzar tal-liġi: għodda ta’ detezzjoni waħda mhijiex dejjem biżżejjed, u taħlita ta’ għodod, bħall-analiżi tad-detezzjoni tal-imġiba flimkien ma’ klieb tad-detezzjoni tal-isplussivi, jistgħu jagħmlu s-sistema taħdem aħjar. Hija l-missjoni tad-detezzjoni li għandha tiddetta x’għodda għandha tintuża u mhux bil-kontra.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-prattikanti, qiegħda twettaq ukoll diversi provi prattiċi f’oqsma li l-ambjent tal-laboratorju ma jistax jirriproduċi. L-għan huwa li jiġu evalwati u ttestjati teknoloġija, prodotti u proċessi fejn jitqiesu objettivi ta’ detezzjoni differenti sabiex id-detezzjoni ssir aktar effettiva. Eżempju ta’ prova bħal din hija "l-ittestjar ta’ tagħmir tad-detezzjoni CBRN-E flimkien mal-awtoritajiet Pollakki matul il-Kampjonat tal-Futbol Ewropew 2012". B'kontinwazzjoni ma' dan, il-Kummissjoni ngħaqdet mal-pulizija Belġjana biex ittestjat tagħmir tad-detezzjoni CBRN-E matul is-samit bejn l-UE u l-Afrika f’April 2014. Il-prova involviet attivitajiet ta’ detezzjoni fuq is-sit tas-samit u fil-metro, il-ferrovija b’veloċità għolja u l-ambjent tal-ajruport tal-Belġju.

Il-Kummissjoni se

- tappoġġja aktar provi fuq perjodu ta' żmien qasir għall-prattikanti sabiex tittejjeb id-detezzjoni matul avvenimenti sportivi, kulturali u oħrajn fuq skala kbira futuri, bħall-kampjonat tal-futbol Ewropew tal-2016; finalment twassal għall-ħolqien ta’ approċċ tal-UE għas-sigurtà tal-avvenimenti pubbliċi

- tirrieżamina u tibni fuq l-analiżi tal-lakuni fid-detezzjoni tal-esplussivi

- twettaq analiżi tal-lakuni fid-detezzjoni tal-materjal CBRN

- tħejji dokumenti analitiċi u ta' ħarsa ġenerali tat-theddid u r-riskji CBRN u mill-isplussivi f’oqsma differenti tas-sigurtà pubblika, inkluż it-trasport, biex tgħin il-politika

- torganizza u tappoġġja aktar azzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjoni tat-theddid minn persuni fuq ġewwa, bħal laqgħat ta' ħidma, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u l-għoti ta’ gwida dwar is-suġġett.

- tinkludu r-riskji CBRN fil-"ħarsa ġenerali transsettorjali tar-riskji naturali u magħmula mill-bniedem li l-Unjoni tista’ taffaċċja" li l-Kummissjoni trid tistabbilixxi u taġġorna

- tibni fuq in-netwerks eżistenti tal-UE, u tesplora flimkien mal-Istati Membri l-istabbiliment ta’ grupp ta’ koperazzjoni ċivilimilitari fl-oqsma ta' a) it-teknoloġiji ta’ detezzjoni, u b) il-metodi kif tilqa' kontra apparat esplussiv improvizzat, sistemi ta’ difiża fl-ajru li jinġarru min-nies (MANPADs) u theddid ieħor rilevanti, bħal theddid CBRNE[11]

III. Użu ta’ riċerka, ittestjar u validazzjoni aħjar

L-Istati Membri, id-dinja akkademika, l-industrija u partijiet interessati oħra għandhom jaħdmu flimkien biex jiġu identifikati u ddefiniti l-bżonnijiet li r-riċerka CBRN-E għandna tissodisfa. Il-Kummissjoni ffinanzjat bosta attivitajiet ta’ riċerka taħt is-Seba’ Programm Kwadru (FP7). Ir-riżultati jeħtiġilhom jiġu mxerrda aħjar u jiġu mibdula fi prodotti kummerċjali utli. Il-programm il-ġdid ta’ riċerka Orizzont 2020 għandu jwieġeb aħjar għall-ħtiġijiet tal-politika u għall-ħtiġijiet tal-utenti finali. Il-Kummissjoni se jkollha rwol ewlieni f’dan ir-rigward.

1. S'issa, madwar EUR 200 miljun f'fondi ġew allokati lil 60 proġett marbut mas-CBRN taħt il-FP7. Barra minn hekk, iktar minn EUR 67 miljun ġew allokati għal iktar minn 15-il proġett li jiffokaw fuq l-isplussivi. Eżempji ta' dawn huma l-PREVAIL (PRecursors of ExplosiVes: Additives to Inhibit their use including Liquids)[12] u l-proġett ta' demostrazzjoni fuq skala kbira EDEN[13], ta' rilevanza kbira għall-politika u l-ħidma prattika fuq is-CBRN-E.

2. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni jipprovdi wkoll appoġġ xjentifiku għall-ħtiġijiet ta’ politika tas-CBRN-E.

Pereżempju, għandu l-esperjenza li ilha teżisti dwar is-sikurezza, is-salvagwardji u s-sigurtà nukleari, ipparteċipa f’bosta proġetti ta’ riċerka u kkollabora ma’ sħab ewlenin. Pereżempju, f’kooperazzjoni mas-sħab Amerikani, implimenta il-proġett ITRAP+10 (Programm għall-Valutazzjoni tad-Detezzjoni tat-Traffikar illeċitu tar-Radjazzjoni), li kellu l-għan jittestja u jevalwa l-prestazzjoni ta' tagħmir differenti għad-detezzjoni tar-radjazzjoni. Ir-riżultati jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jidentifikaw tagħmir ta’ detezzjoni li jikkorrispondi l-aħjar għall-ħtiġijiet tagħhom. Il-manifatturi rċevew ukoll rakkomandazzjonijiet dwar kif itejbu il-prestazzjoni, l-affidabilità u l-faċilità tal-użu tat-tagħmir. Din il-ħidma se tkompli tiġi sostnuta mill-Kummissjoni.

Il-JRC qed jimplimenta wkoll proġett li jimmira lejn it-titjib tal-Bażi tad-Dejta tal-Inċidenti u t-Traffikar (ITDB) tal-IAEA. Flimkien mal-Istati Membri, il-JRC ħejja sett tal-aħjar prassi dwar kif tista’ titjieb il-kultura ta’ rappurtar fl-ITDB u titjieb il-kwalità’ tad-dejta disponibbli għall-IAEA. Barra minn hekk, il-JRC qed jiżviluppa protokoll sikur sabiex isir possibbli ir-rappurtar onlajn lill-ITDB.

3. Il-Kummissjoni ħolqot ukoll kooperazzjoni bejn diversi netwerks tal-infurzar tal-liġi. L-għan huwa biex in-netwerks jartikulaw aħjar il-bżonnijiet tagħhom għal teknoloġija ġdida, u jaraw jekk l-ENLETS (Netwerk Ewropew għas-Servizzi Teknoloġiċi tal-Infurzar tal-Liġi ) jistax jintuża bħala ċentru biex in-netwerks tal-infurzar tal-liġi jinfurmaw b'dawk il-bżonnijiet lir-riċerkaturi u lill-industrija.

4. Biex tikkomplimenta l-attivitajiet ta’ riċerka tal-FP7 u tappoġġja l-isforzi ta’ ċertifikazzjoni u standardizzazzjoni f’oqsma differenti, il-Kummissjoni qed tagħmel provi u testijiet fuq tagħmir ġdid. Qed jitnedew provi b’teknoloġija avvanzata eżistenti biex jinstab kif tista’ tiġi adattata bl-aħjar mod għall-ħtiġijiet ta' kull settur. L-esperjenzi mill-ajruporti għandhom iservu bħala eżempji tal-aħjar prassi li tista' tiġi applikata għal setturi oħrajn.

 Il-provi jiffokaw fuq li jistabbilixxu fid-dettall kif il-prattikanti għandhom jużaw tagħmir u proċessi differenti f’ambjenti differenti (trasport, sigurtà pubblika, avvenimenti sportivi, eċċ.). Dawn se jagħtu wkoll lill-prattikanti u lill-Istati Membri kontribut biex jirfinaw aktar l-għodod użati għad-detezzjoni ta’ theddid f'pajjiżhom.

5. Il-Kummissjoni qed twettaq ukoll ħafna attivitajiet f’dan il-qasam biex tiżgura żvilupp armonizzat ta’ standards u proċeduri ta’ ttestjar. Jeħtieġ li jiġu żviluppati u applikati madwar l-UE kollha standards adattati bbażati fuq id-detezzjoni tat-theddid u r-riskji ħalli ċ-ċittadini tagħha jkollhom l-istess livell ta’ protezzjoni. Dawn l-istandards għandhom jgħinu wkoll lill-fornituri tat-teknoloġija biex jifhmu aħjar ir-rekwiżiti speċifiċi tal-infurzar tal-liġi.

Standards ta’ detezzjoni għar-reazzjoni għal attakki magħrufa huma żviluppati sew. Madankollu, teknoloġija, prassi u esperjenzi militari għandhom jitqiesu wkoll u jiġu adattati — fejn ikun xieraq — għal applikazzjonijiet ċivili. L-infurzar tal-liġi għandu jaħdem flimkien mal-militar biex jiġu skambjati l-esperjenzi u jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għal problemi komuni.

Il-Kummissjoni se

— tkompli tiżgura li r-riċerka tqis il-ħtiġijiet tal-politika tas-sigurtà, u tgħin biex tiġi żviluppata programmazzjoni b'mod li l-prijoritajiet tar-riċerka jirriflettu l-ħtiġijiet tal-infurzar tal-liġi u ta’ utenti aħħarija oħra, kif ukoll il-ħtiġijiet tal-politika.

— tappoġġja aktar ir-riċerka CBRN-E, l-attivitajiet tal-ittestjar u l-validazzjoni, u l-progress lejn standards ta' detezzjoni xierqa adattati għal kull tip ta’ ambjent, inklużi proġetti bħall-ERNCIP (Netwerk ta' Referenza Ewropew għall-Protezzjoni tal-Infrastruttura Kritika)

— tkompli tappoġġja L-FAŻI 2 tal-ITRAP, il-proġett ta’ segwitu li għall-ewwel darba se jivvaluta l-fattibilità tal-integrazzjoni tad-detezzjoni tar-riskji radjoloġiċi u nukleari u tal-isplussivi fl-istess apparat. Tgħin ukoll lil-laboratorji tal-Istati Membri jiksbu akkreditazzjoni fid-detezzjoni tar-riskji radjoloġiċi u nukleari, jevalwaw tagħmir ġdid tad-detezzjoni tar-riskji radjoloġiċi u nukleari u li tagħmel possibbli d-definizzjoni, f’kollaborazzjoni mill-qrib mad-diversi organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni, Ewropej jew internazzjonali.

III. 3. Taħriġ, sensibilizzazzjoni u bini tal-kapaċità

Taħriġ effikaċi u s-sensibilizzazzjoni fost il-komunità tas-sigurtà huma essenzjali biex il-miżuri ta’ sigurtà jiġu implimentati sew. Għalhekk il-Kummissjoni teħtieġ tipprovdi aktar finanzjament għal u ttejjeb l-inizjattivi ta’ taħriġ li jipprovdu lill-komunità tal-infurzar tal-liġi u lill-industrija privata bl-appoġġ xieraq ta' taħriġ. Hawn taħt hawn xi eżempji:

- appoġġ għan-Netwerk Ewropew tal-Unitajiet għat-Tneħħija tal-Isplussivi (EEODN), li joffri lill-esperti tal-isplussivi tal-Istati Membri forum operazzjonali biex jaqsmu l-aħjar prassi u jitħarrġu fl-oqsma tat-theddid mill-isplussivi u s-CBRN.

- ittejjeb il-faċilitajiet tat-taħriġ għall-prattikanti tal-infurzar tal-liġi sabiex tgħin lill-Istati Membri jittrattaw mar-riskji CBRN-E, pereżempju permezz ta’ netwerks differenti tal-infurzar tal-liġi tal-UE (Atlas, Airpol, Railpol, Aquapol, eċċ).

- biex tgħin fl-iżvilupp ta' approċċ komuni biex jiġu indirizzati attakki futuri fuq bersalli vulnerabbli, bħal wara l-attakk fl-ajruport ta’ Burgas, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, qed tiżviluppa manwal ta’ gwida għall-bersalli vulnerabbli fl-ajruporti.

- ittejjeb il-kooperazzjoni ċivili militari, bħat-taħriġ konġunt bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u lill-Kummissjoni (fir-rebbiegħa 2014) dwar sistemi ta’ difiża tal-ajru li jinġarru mill-bniedem (MANPAD), gwida tal-vulnerabbiltà u metodoloġija ta’ valutazzjoni, li se jsir fil-kuntest tan-netwerk tal-pulizija tal-ajruporti (Airpol).

- il-Grupp ta’ Esperti fit-Teknoloġija tad-Detezzjoni tad-Dwana tal-UE li jaqsam l-informazzjoni u l-aħjar prassi, bl-għan li titjieb il-kapaċità tad-detezzjoni tat-theddid CBRNE u l-istandards tal-prestazzjoni tat-tagħmir ta’ detezzjoni eżistenti u ġdid.

- opportunitajiet ta’ taħriġ fiċ-Ċentru Ewropew għat-Taħriġ fis-Sigurtà Nukleari (EUSECTRA) fl-oqsma tad-detezzjoni, ir-reazzjoni u l-forensika nukleari. Dan se jikkumplimenta t-taħriġ nazzjonali u se jitwettaq f’kooperazzjoni ma’ sħab mill-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-programmi ta’ taħriġ se jinvolvu aspetti multidixxiplinari inkluż l-infurzar tal-liġi, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, u l-analiżi tal-materjal.

L-isforzi biex jitjiebu s-sensibilizzazzjoni u l-bini tal-kapaċità għandhom jiżdiedu wkoll. Għandhom jinkludu aktar ħidma fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prassi u l-iżvilupp tal-iggwidar. Eżempji ta' attivitajiet bħal dawn huma:

1) ATLAS, in-netwerk ta’ unitajiet tal-pulizija speċjali ta’ intervent, huwa eżempju eċċellenti ta’ kif l-UE tibni l-kapaċità u l-fiduċja fost dawn l-unitajiet, li jintużaw meta miżuri oħra jfallu. Appoġġ għal netwerks bħal dawn jgħinu lill-UE tibni l-kapaċità tagħha biex tkun preparata għal kriżijiet, toħloq sinerġiji u telimina d-duplikazzjoni fost l-Istati Membri fil-protezzjoni taċ-ċittadin tal-UE.

2) Il-grupp ta’ ħidma tal-klieb tad-detezzjoni tal-isplussivi, forum għall-prattikanti, li ppromwova b'suċċess il-kondiviżjoni tal-aħjar prassi dwar it-taħriġ, l-użu u ċ-ċertifikazzjoni, fosthom materjal u manwali ta’ gwida. Dan jikkonsisti f'esperti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll osservaturi mill-Kanada u l-Istati Uniti.

3) Splussivi artiġanali u l-faċilità relattiva li biha wieħed jista' jikseb il-materjal biex jagħmel il-bombi, jenfasizzaw il-ħtieġa li jsir aktar f’dan il-qasam u biex jiġu implimentati mingħajr dewmien id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 98/2013 dwar li jiġi limitat l-aċċess illeċitu għall-prekursuri tal-isplussivi li jistgħu jintużaw biex isiru l-bombi.

4) Huwa importanti wkoll li jitqies il-fattur uman. Minbarra l-għażla u t-taħriġ bażiku, proċessi bħar-riżoluzzjoni tal-alarmi, jeħtieġ li jiġu ottimizzati u rfinuti sabiex niżguraw li l-operaturi li jużaw it-tagħmir ikunu ta' ħila, imħarrġa u motivati sew ħalli titjieb il-prestazzjoni ta' dak li jkun, filwaqt li jsir użu sħiħ mit-teknoloġija disponibbli.

5) Il-leġiżlazzjoni adottata riċentement dwar il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE[14] twitti t-triq għall-ħolqien ta’ Kapaċità ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi Ewropea fil-forma ta’ pula volontarja ta’ kapaċitajiet ta’ reazzjoni preimpenjati. Dan jinkludi kapaċitajiet speċifiċi li jittrattaw l-inċidenti CBRN (pereżempju d-detezzjoni ta' CBRN u moduli ta' kampjunar u ta’ timijiet ta’ Tfittxija u Salvataġġ Urban għal kundizzjonijiet CBRN).

                                                                                                                                

Il-Kummissjoni se

- tiżviluppa aktar għodod ta’ taħriġ, tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi u tiżviluppa materjal ta' gwida biex tgħin lill-prattikanti b'taħriġ avvanzat, b’mod partikolari tgħin lill-prattikanti tal-infurzar tal-liġi jtejbu l-prassi ta' detezzjoni, pereżempju permezz ta' attivitajiet EEODN

- tkompli tissensibilizza dwar il-limitazzjonijiet tat-tagħmir tad-detezzjoni tal-isplussivi

- tippubblika manwal ta’ gwida dwar il-bersalli vulnerabbli fl-ajruporti tal-UE f’nofs l-2014, li se jkun disponibbli għal kull uffiċjal tal-pulizija fl-ajruporti tal-UE li huwa membru tan-netwerk tal-pulizija tal-ajruporti, l-AIRPOL.

- tiżviluppa programm mudell tal-kontroll tal-kwalità tal-ittestjar tal-effikaċja tal-klieb tad-detezzjoni tal-isplussivi (eż. il-Belġju, l-Ungerija, l-Italja);

- tipprovdi taħriġ għall-valutazzjonijiet tal-MANPAD fl-ajruporti għall-membri tal-Airpol;

- tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw protokolli għaċ-ċertifikazzjoni tal-klieb tad-detezzjoni tal-isplussivi, rikonoxxuti bħala l-aħjar mudelli globali;

- ittejjeb il-linji gwida tagħha dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 98/2013 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi;

- tindirizza r-riskji tal-fattur uman billi tippromwovi programm biex tiżgura li dawk li joperaw tagħmir ta’ detezzjoni jkunu mħarrġa u mmotivati sew, u tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-industrija, il-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà u l-Istati Membri permezz ta’ laqgħat ta' ħidma u għodod u ttejjeb il-livell ta’ sigurtà.

- tiżgura li r-riskji CBRN jitqiesu sew fl-iżvilupp tal-Kapaċità Ewropea ta’ Reazzjoni għall-Emerġenzi

- Jiġu esplorati rabtiet eqreb mat-taħriġ u l-eżerċizzji pprovduti fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-UE tal-Protezzjoni Ċivili

- tespandi l-portafoll tal-korsijiet tat-taħriġ relatati mas-sigurtà nukleari fiċ-Ċentru Ewropew għat-Taħriġ fis-Sigurtà Nukleari (EUSECTRA)

III. 4. Tippromwovi aktar inizjattivi b'pajjiż mexxej u ħidma mal-industrija

L-għan tal-inizjattivi b'pajjiż mexxej li l-Kummissjoni nediet fl-2012 huwa li l-Istati Membri jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni CBRN u tal-isplussivi b’mod aktar attiv. Il-Kummissjoni stednithom biex joffru li jkunu pajjiżi mexxejja għal azzjonijiet li huma jqisu ta’ prijorità u li jistgħu jikkoordinaw l-implimentazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE. Sa issa tnedew jew waslu biex jitnedew ħames inizjattivi[15].

Inizjattivi mmexxija minn pajjiż għandhom jitqiesu bħala mezz kif titħaffef il-fażi tal-bidu ta’ proġett kbir. L-inizjattivi jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti. L-ewwel wieħed wassal għal proġett fuq is-sigurtà tal-bejgħ tal-kimiċi b’riskju għoli u li l-Kummissjoni pprovdiet finanzjament għalih. Oħrajn jittrattaw kwistjonijiet bħall-arranġamenti tas-sigurtà f’faċilitajiet tal-maniġġar u l-proċessar ta’ aġenti u tossini bijoloġiċi b'riskju għoli, jew għat-tixrid aħjar tar-riżultati tar-riċerka.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ id-djalogu mas-settur privat — bħall-operaturi tal-faċilitajiet tal-maniġġ ta' materjal CBRN-E, il-manifatturi tat-tagħmir u l-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà — biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet u t-tħassib tagħha. L-għan huwa li jinħoloq djalogu effettiv bejn is-settur pubbliku u dak privat fuq it-theddid u r-riskji CBRN-E, simili għal dak li kien sar fir-rigward tal-prekursuri tal-isplussivi, bit-twaqqif tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri. Dan il-kumitat jinkludi kemm l-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll l-assoċjazzjonijiet industrijali.

Il-Kummissjoni se

- timpenja ruħha b’mod proattiv mal-partijiet interessati u torganizza laqgħat mar-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet tas-CBRN-E biex tittratta aħjar il-miżuri ta’ prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni;

- tistabbilixxi pjattaforma għall-iskambju tal-informazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u partijiet interessati oħra, u torganizza laqgħat ta' ħidma regolari dwar il-ħtiġijiet ta’ riċerka tal-utenti aħħarin;

— tkompli tgħin l-Istati Membri jressqu 'l quddiem azzjonijiet b'pajjiż mexxej taħt waħda jew aktar mill-azzjonijiet fil-pjanijiet ta’ azzjoni tas-CBRN jew l-isplussivi. Il-Kummissjoni b’mod partikolari se tinkoraġġixxi inizjattivi li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ detezzjoni.

III. 5. Id-dimensjoni esterna

It-theddid CBRN-E ma jafx fruntieri, kif jixhdu l-viruses tas-SARS u l-bird-flu (H1N1). Għalkemm dawn kienu riżultat ta’ distribuzzjoni tal-virus mhux intenzjonata, il-konsegwenzi kienu ta’ proporzjonijiet globali. Theddid minn splussivi kummerċjali u artiġanali, bħall-bombi fil-merkanzija fil-Jemen fl-2010, huma eżempju ieħor ta’ theddid estern li jmorr lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li nibnu relazzjonijiet ma’, u nappoġġjaw miżuri ta' tħejjija u detezzjoni f’pajjiżi terzi biex niżguraw li jkunu nistgħu nipproteġu l-UE b’mod adegwat.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li tikkonsolida l-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-Ċentri tal-Mitigazzjoni tar-Riskji CBRN tal-UE ta' Eċċellenza[16], li bħalissa tinvolvi aktar minn 44 pajjiż fi 8 reġjuni madwar id-dinja. Din l-inizjattiva tal-UE tipprovdi appoġġ u għarfien espert (pereżempju l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet CBRN nazzjonali; abbozzar ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali; proġetti CBRN reġonali) ma' pajjiżi sħab fuq bażi volontarja u approċċ minn isfel għal fuq.

Huwa importanti wkoll li tkompli l-kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali prinċipali.  Eżempju wieħed huwa l-forum tal-esperti tal-isplussivi bejn l-UE u l-Istati Uniti, li organizza l-ħames laqgħa bejn l-UE u l-Istati Uniti f’Novembru 2013. It-tliet gruppi ta’ ħidma dwar id-detezzjoni, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-taħriġ nnutaw progress tajjeb f’dawn l-oqsma. Il-Forum jagħti lill-esperti tal-Istati Membri l-opportunità li jkunu involuti fi skambji ta’ taħriġ frekwenti, jaqsmu informazzjoni dwar bosta tagħmir għall-produzzjoni tal-bombi u dwar aġenti CBRN permezz ta’ mekkaniżmi eżistenti bħall-avviżi tal-Interpol, l-Europol u s-sistema TRIPwire tal-Istati Uniti.

Eżempju ieħor ta’ kooperazzjoni bħal din huwa l-interess tal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi fil-grupp ta’ ħidma tal-klieb tad-detezzjoni tal-isplussivi u l-prassi u l-istandards tal-UE għall-klieb tad-detezzjoni tal-isplussivi u l-implimentazzjoni potenzjali tagħhom fil-Kanada.

Il-Kummissjoni tipparteċipa wkoll b’mod attiv f’laqgħat internazzjonali ta’ esperti bħall-Grupp Tekniku Internazzjonali ta’ Ħidma tal-Forensika Nukleari jew l-Inizjattiva Globali għall-Ġlieda kontra t-Traffikar Illeċitu, li jservu ta' riżorsa għall-iżvilupp ta’ prassi tajba u dokumenti ta’ gwida.

Il-Kummissjoni se:

- taħdem lejn riżultati fil-kuntest tal-esperti tal-isplussivi tal-UE u l-Istati Uniti, inkluż billi tikkondividi tagħlimiet mill-implimentazzjoni tar-regolamenti rilevanti tal-prekursuri kimiċi u miżuri oħra ta’ kontroll; tikkonsidra modi ġodda ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-aħjar prassi fir-rigward li tinforma lill-membri tas-settur pubbliku u privat dwar indikaturi ta' inċidenti ta’ apparat splussiv improvviżat u miżuri protettivi;

- torganizza proġetti pilota li jipprovdu assistenza teknika u taħriġ f’pajjiżi terzi, pereżempju dwar il-valutazzjoni tal-vulnerabilità bil-ħsieb li tgħin fil-bini tal-kapaċità tagħhom. L-ewwel taħriġ jista' jibni fuq il-materjal ta’ gwida tal-UE dwar il-Bersalli Vulnerabbli fl-Ajruporti.

- tiżviluppa programmi tal-klieb tad-detezzjoni tal-isplussivi mal-Istati Uniti, bl-użu tar-riżorsi tal-grupp ta' ħidma dwar il-klieb tad-detezzjoni tal-isplussivi;

- tappoġġja l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi u l-informazzjoni tal-UE dwar programmi tal-klieb tad-detezzjoni tal-isplussivi ma’ pajjiżi terzi li huma interessati f’dan it-tip ta’ skambju (il-Kanada, l-Istati Uniti u oħrajn).

- taħdem mal-Istati Membri sabiex tappoġġja l-ħidma ta’ gruppi ta’ esperti internazzjonali tas-Sigurtà Nukleari

Il-Kummissjoni se tikkonsidra wkoll modi biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet proposti.

Sa issa, il-programm ta’ finanzjament attwali tal-Kummissjoni, il-programm tal-Ġlieda kontra l-Kriminalità u l-Prevenzjoni tagħha (2007–13), ipprovda aktar minn EUR 20 miljun ta’ finanzjament għal kważi 30 proġett CBRN u aktar minn 20 proġett li jiffokaw fuq l-isplussivi. Huma jkopru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, minn sessjonijiet u attivitajiet ta’ taħriġ (bħal dawk tal-EEODN) u l-iżvilupp ta’ metodi ġodda ta’ skrining ta’ detezzjoni, għal għodod tal-IT għall-iskambju ta’ informazzjoni, bħalma hi s-Sistema Ewropea ta’ Dejta dwar il-Bombi (EBDS).

Qiegħed jitħejja l-programm ta' finanzjament li jmiss — il-Fond tas-Sigurtà Interna — Pulizija (2014–20). Matul id-djalogi ta’ politika ma’ kull Stat Membru, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa għal kapaċità ta’ reazzjoni għas-CBRN-E aħjar, il-ħtieġa li jintużaw is-sistemi u l-bażijiet tad-dejta attwalment fis-seħħ għall-iskambju ta’ informazzjoni (bħas-SCEPYLT[17], is-Sistema ta’ Twissija Bikrija u l-EBDS ibbażat fuq l-Europol) u l-importanza tas-sensibilizzazzjoni dwar ir-regolament il-ġdid dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi.

Il-Kummissjoni se tuża aħjar ir-riżorsi disponibbli taħt il-Fond tas-Sigurtà Interna u tuża aħjar il-finanzjament taħt il-programm il-ġdid ta’ riċerka Orizzont 2020 ħalli l-attivitajiet finanzjati mill-UE, jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet tal-utenti u jkunu aktar skont il-politiki tas-CBRN-E fil-livell tal-UE. 

IV. KONKLUŻJONIJIET

B'konsegwenza tal-innovazzjoni u l-opportuniżmu li qed juru t-terroristi li jippruvaw jikkawżaw danni billi jużaw materjal CBRN-E, l-UE jeħtiġilha tadotta approċċ aktar proattiv lejn id-detezzjoni tal-materjal CBRN-E. Dan l-approċċ ġdid pass pass, jinkludi li jitqiesu kull theddida u l-ambjent, l-użu ta' riċerka, ittestjar u validazzjoni aħjar, il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni, it-taħriġ u l-eżerċizzji, filwaqt li jkunu involuti l-partijiet interessati kollha. B’dan l-approċċ, il-Kummissjoni temmen li tista’ taqdi rwol attiv fuq livell tal-UE biex tgħin lill-Istati Membri u lil atturi importanti oħrajn biex l-Ewropa ssir post iktar sikur għaċ-ċittadini tagħha.

Għadha kif bdiet il-ħidma fuq l-implimentazzjoni tal-inizjattivi proposti f’din il-komunikazzjoni, li tifforma l-ewwel element tal-aġenda CBRN-E l-ġdida. L-ewwel sena se tkun iddedikata biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti fir-rigward tad-detezzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji CBRN-E. Fl-istess ħin, se titkompla l-ħidma mal-Istati Membri u l-partijiet interessati fuq l-oqsma ewlenin l-oħra kollha identifikati fl-Aġenda. L-għan huwa li jiġu proposti azzjonijiet f’oqsma oħra wkoll biex effettivament jipprevjenu u jirreaġixxu għat-theddid u r-riskji CBRN-E fil-livell tal-UE.

                                                                                        

[1] Ir-Rapport dwar il-Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-CBRN, Mejju 2012 (verżjoni pubblika): http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/securing-dangerous-material/docs/eu_cbrn_action_plan_progress_report_en.pdf

Ir-Rapport dwar il-Progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-Isplussivi (verżjoni pubblika): http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/explosives/docs/progress_report_on_explosives_security_2012_en.pdf

[2] Dokument tal-Kunsill 15505/1/09 REV 1

[3] Dokument tal-Kunsill Doc. 8109/08

[4] Dokument tal-Kunsill 16980/12

[5] Dokument tal-Kunsill 14469/4/05 REV 4

[6] COM(2010) 673 finali

[7] Iċ-Ċentru ta’ Analiżi tal-Intelligence tal-UE

[8] It-12-il ħarġa (Rebbiegħa 2014) tar-rivista onlajn “Inspire” tal-Al-Quaeda fil-Peniżola Għarbija tagħti pariri li jħeġġu lill-ġiħadisti jattakkaw postijiet iffullati bħal avvenimenti sportivi, ċentri turistiċi, manifestazzjonijiet elettorali, u festivals bl-użu ta’ tagħmir splussiv improvvizzat ġo vetturi

[9] Fl-1984 l-attakk bijoterroristiku tal-kult reliġjuż Rajneeshee kien l-akbar attakk bijoloġiku fl-istorja tal-Istati Uniti li avvelena aktar minn 750 persuna.

[10] Organizzazzjoni Ewropeja għar-Riċerka Nukleari

[11] Kif dikjarat ukoll fil-COM(2013)542 finali; Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn settur tad-difiża u tas-sigurtà aktar kompetittiv u effiċjenti

[12] Il-PREVAIL, sostnut mill-FP7 b’ammont ta’ EUR 4,3 miljuni, kien l-ewwel proġett fid-direzzjoni tal-"prevenzjoni" tal-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE. Jindirizza l-problema tas-sigurtà maħluqa minn sustanzi kimiċi li huma disponibbli għall-pubbliku minħabba l-użi leġittimi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum, iżda li jistgħu jiġu użati ħażin għall-manifattura ta’ splussivi magħmula d-dar. L-ewwel għan tal-PREVAIL kien li jillimita l-utilità ta’ dawn is-sustanzi kimiċi fil-ħajja ta' kuljum bħala splussivi jew prekursuri tal-isplussivi, billi jidentifika inibituri li jistgħu jiġu miżjuda magħhom. It-tieni għan tal-PREVAIL kien li jtejjeb id-detezzjonabbiltà ta’ splussivi magħmula d-dar abbażi ta' fertilizzant, billi jsib markaturi li jistgħu jiġu miżjuda mal-fertilizzanti u jiżviluppa detetturi għal dawk il-markaturi. B'dan il-mod PREVAIL għen direttament il-politika tal-UE billi inibixxa l-prekursuri potenzjali ta' ċerti kimiċi fil-ħajja ta' kuljum, b'hekk illimita d-disponibilità tal-prekursuri tal-isplussivi, u tejjeb id-detezzjonabbiltà u l-ittraċċar tagħhom

[13] Il-proġett ewlieni tal-FP7 dwar is-CBRN huwa l-proġett fuq skala kbira ta' dimostrazzjoni EDEN (b'39 sieħeb, EUR 24 miljun kontribuzzjoni mill-UE). Il-proġett EDEN se jingrana l-valur miżjud ta’ għodod u sistemi minn sforzi ta' R&Ż preċedenti u jtejjeb ir-reżiljenza tas-CBRNE permezz tal-adattament u l-integrazzjoni tagħhom. Il-kunċett tal-proġett EDEN huwa li jipprovdi Sett Eden li jkun “kaxxa tal-għodda ta’ kaxex tal-għodod” biex jagħti aċċess lill-partijiet interessati għall-kapaċitajiet interoperabbli li huma jqisu importanti, jew affordabbli minn sett ċertifikat ta’ applikazzjonijiet. Se jaqsam il-piż tal-iżvilupp u jippermetti li wieħed jitgħallem kif ukoll li jissaħħu l-applikazzjonijiet.

[14] Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

[15] L-inizjattivi li bdew uffiċjalment:

1. Azzjonijiet C7 u C11 tal-Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE; mmexxija mill-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit.

2. Azzjonijiet B2 immexxija minn Franza

3. Azzjoni H29 immexxija mir-Renju Unit

4. Azzjoni H63 immexxija mill-Isvezja f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit

[16] Dan beda fl-2010 taħt l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS) u llum qed jitkompla taħt l-Istrument il-ġdid li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi (IcSP 2014-2020).

[17] SCEPYLT — is-Sistema ta’ Informazzjoni pan-Ewropea tal-Kontroll tal-Isplussivi biex Tipprevjeni l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu. Is-sistema tintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar trasferimenti interkomunitarji ta’ splussivi

Top