This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0025
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL AND THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE A vision for the internal market for industrial products
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali
/* COM/2014/025 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali /* COM/2014/025 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW Viżjoni għas-suq intern
għall-prodotti industrijali (Test b’relevanza għaż-ŻEE) 1. Introduzzjoni Fl-2012, l-Unjoni
ċċelebrat l-għoxrin anniversarju tas-suq uniku li jiżgura
l-moviment liberu ta’ prodotti, servizzi, nies u kapital fi ħdan l-Unjoni
Ewropea (UE). L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li ssawwar numru ta’
rakkomandazzjonijiet għal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern
għall-prodotti industrijali, u li tfassal viżjoni usa’
għad-deċennju li jmiss. Ser tintbagħat lill-Kunsill Ewropew, kif
mitlub fil-laqgħa tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Marzu 2013. It-tisħiħ
tal-effettività tas-suq intern għall-prodotti industrijali ntgħażel
bħala prijorità fl-aġġornament ta’ Ottubru 2012
dwar Politika Industrijali Integrata[1]. Dan
ippropona r-riindustrijalizzazzjoni tal-UE, fuq il-bażi ta’
strateġija msejsa fuq erba’ pilastri, fosthom it-titjib
tal-aċċess għas-swieq. Għalhekk,
il-Kummissjoni Ewropea għamlet evalwazzjoni tal-liġi tal-UE fil-qasam
tal-prodotti industrijali biex tivvaluta l-koerenza ġenerali tal-qafas
regolatorju u "l-idoneità tiegħu għall-iskop", kif ukoll biex
tiżviluppa bażi ta’ evidenza fuq l-effetti regolatorji kumulattivi
minn perspettiva industrijali. B’mod parallel, il-Kummissjoni organizzat
konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati. Din il-Komunikazzjoni tibni
fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika, u tanalizza
l-ambjent regolatorju tas-suq intern għall-prodotti industrijali.
Ir-riżultati dettaljati tal-evalwazzjoni, il-konsultazzjoni pubblika u
għadd ta’ studji tal-każijiet huma stabbiliti fid-Dokument ta’
Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Is-suq intern
għall-prodotti kien minn ta’ quddiem nett fl-integrazzjoni ekonomika
tal-UE. Ix-xkiel regolatorju fi ħdan l-Unjoni huwa evitat bid-Direttiva
98/34/KE[2] jew eliminat permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent
reċiproku, jew permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar
l-armonizzazzjoni. L-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni jinqasam fi
tnejn: l-ewwel nett, li jiżgura li l-prodotti mqegħdin fis-suq
Ewropew jiggarantixxu livelli għoljin ta’ protezzjoni
għas-saħħa u s-sikurezza u għall-ambjent; u t-tieni nett, li
jiżgura l-moviment liberu tal-prodotti billi jibdel ir-regoli nazzjonali
ma’ sett uniku armonizzat ta’ kundizzjonijiet għat-tqegħid ta’
prodotti fis-suq intern sabiex dawn ikunu jistgħu jiċċirkolaw
bil-libertà. L-enfasi ta’ din
il-Komunikazzjoni hija fuq il-prodotti industrijali, jiġifieri prodotti
mhux tal-ikel manifatturati permezz ta’ proċess industrijali[3]. Tkopri firxa wiesgħa ta’ prodotti bħal tipi differenti ta’
magni, tagħmir tar-radju, apparati elettriċi u elettroniċi,
ġugarelli u ħafna oħrajn. L-acquis tal-UE għall-prodotti
industrijali espanda b’mod gradwali, u llum hemm iktar minn 30 direttiva u
regolament[4];
it-tnejn li huma jkopru prodotti industrijali speċifiċi (eż.
tagħmir tal-pressjoni, apparati tal-gass) u dawk li japplikaw
orizzontalment fost firxa wiesgħa ta’ gruppi ta’ prodotti, bħar-REACH
(sustanzi kimiċi) u d-Direttiva dwar l-Ekodisinn. Il-leġiżlazzjoni
tal-Unjoni li dan l-aħħar kienet soġġetta għal
reviżjoni fil-fond, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar
l-apparat mediku, il-kożmetiċi, il-prodotti tal-kostruzzjoni, u
s-sikurezza tal-prodotti għall-konsumaturi u s-sorveljanza tas-suq, mhijiex
ikkonċernata minn din il-Komunikazzjoni. Anki l-prodotti kimiċi u
l-vetturi bil-mutur jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-analiżi,
peress li dan l-aħħar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dawn
is-setturi ġiet evalwata jew soġġetta għal kontroll
tal-idoneità regolatorja. Finalment, il-prodotti farmaċewtiċi mhumiex
affettwati minħabba n-natura ferm speċifika tagħhom. 2. X’inhuma
l-benefiċċji tas-suq intern għall-prodotti industrijali? Minn meta s-Suq
Uniku sar realtà fl-1993, il-kummerċ fi ħdan l-UE fil-prodotti kiber
bħala sehem mill-PDG b’madwar 5 punti perċentwali. Il-kummerċ fi
ħdan l-UE kien jirrappreżenta madwar 17% tal-PDG tal-UE fl-1999 u kważi
22% fl-2011. Barra minn hekk, il-kummerċ fi ħdan l-UE
jirrappreżenta perċentwal għoli ħafna tal-PDG f’ħafna
mill-Istati Membri. Figura 1 – L-evoluzzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-UE fi prodotti
bħala sehem mill-PDG tal-UE, 1999-2011 (medja ta’ esportazzjoni u
importazzjoni) - Sors: Eurostat L-evoluzzjoni
tal-kummerċ fi ħdan l-UE fit-tliet kategoriji wisgħin ta’
prodotti industrijali skont il-klassifikazzjoni tal-SITC (Makkinarju u
tagħmir tat-trasport, prodotti manifatturati klassifikati skont
il-materjali u prodotti manifatturati oħrajn) qabżet ir-rata ta’
tkabbir tal-valur totali miżjud tal-manifattura fl-UE bejn l-2000 u l-2012
(ara l-figura ta’ hawn taħt). Figura 2 - Evoluzzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-UE
(esportazzjonijiet, 2000=100) f’setturi tal-manifattura partikolari fir-rigward
tal-valur miżjud gross tal-manifattura - Sors: Eurostat Filwaqt li hemm
differenzi importanti bejn is-setturi koperti mil-leġiżlazzjoni ta’
armonizzazzjoni tal-Unjoni dwar prodotti industrijali, ħafna raw
żieda fil-livell ta’ kummerċ fi ħdan l-UE, b’mod partikolari
bejn l-2003 u l-2008. Għad li tliet setturi raw tnaqqis fil-livell ta’
kummerċ fi ħdan l-UE mill-1999 ’l hawn (jiġifieri magni
tal-uffiċċju u pproċessar awtomatiku ta’ dejta, makkinarju
għax-xogħol tal-metall u apparat fotografiku), ħafna minnu aktarx
li jista’ jkun attribwit għall-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja
fl-2008, iżda anki għal dinamiki oħrajn marbutin,
pereżempju, mal-emerġenza ta’ smartphones u tablets. Figura
3 - L-evoluzzjoni tal-kummerċ fi ħdan l-UE f’setturi tal-manifattura partikolari
(valur tal-importazzjonijiet; 1999=100) - Sors: Eurostat Aċċess
aħjar għas-suq intern u s-swieq globali wassal għal ekonomiji
tal-kobor u kamp ta’ applikazzjoni ikbar u b’hekk saħħaħ
il-kompetittività u l-kosteffiċjenzi fil-livell tad-ditti permezz ta’
konverġenza regolatorja u tal-prodotti fil-livell tal-UE u, sa ċertu
punt, anki fil-livell globali. Qabel ma twaqqaf is-suq uniku, kull Stat Membru
tal-UE kien jimponi obbligi fuq in-negozji fl-interessi tas-sikurezza,
is-saħħa u l-ħarsien tal-konsumaturi. Dan fisser li kien hemm
ostakoli regolatorji konsiderevoli għall-kummerċ fil-prodotti
minħabba r-regoli u r-rekwiżiti differenti, jiġifieri n-negozji
kellhom jittrattaw lil kull Stat Membru tal-UE bħala suq separat u joffru
prodotti differenti. In-negozju fuq
bażi transfruntiera f’dan l-ambjent operattiv kien jimponi kostijiet
konsiderevoli għall-konformità regolatorja fuq in-negozji. Għalhekk,
l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni
suċċessiva vertikali u orizzontali tal-Unjoni indirizzat direttament
il-ħtiġijiet tal-industrija Ewropea. F’ċerti
waqtiet, ma kien hemm fis-seħħ l-ebda regola nazzjonali qabel ma
ġiet adottata l-leġiżlazzjoni tal-UE li indirizzat diskrepanzi
regolatorji, u b’hekk in-negozji setgħu jiżviluppaw suq ikbar għall-prodotti
tagħhom, filwaqt li jiżguraw livelli għoljin ta’ sikurezza
tal-prodotti u protezzjoni. Pereżempju, sal-adozzjoni tad-Direttiva dwar
il-Makkinarji[5]
fl-1989, ħafna oqfsa legali nazzjonali ma kinux jirregolaw b’mod adegwat
is-sikurezza u l-użu tal-makkinarju elettriku u mekkaniku, minkejja
l-livell għoli ta’ riskju involut għal dawk li jħaddmu tali
makkinarju. F’dawn is-setturi, il-leġiżlazzjoni tal-UE ssawret ferm
qabel l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u b’hekk evitat li
jfeġġu regolamenti nazzjonali differenti li kienu jwasslu għal
frammentazzjoni tas-suq, ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti u
piżijiet amministrattivi ikbar għall-konformità regolatorja. L-approssimazzjoni
tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti permezz tal-leġiżlazzjoni
tas-suq intern kienet relevanti fil-promozzjoni tal-kompetittività industrijali,
għaliex il-konverġenza regolatorja fil-livell tal-UE sostnuta minn
standards tekniċi volontarji ppromwoviet l-aċċess għal
swieq ġodda fi ħdan is-suq intern, u wasslet għal kompetizzjoni
iktar ġusta u kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi ekonomiċi.
Il-leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-Unjoni
ssaħħaħ ukoll il-kompetittività b’modi oħrajn, eż.
permezz tal-effetti fuq il-konverġenza globali regolatorja u tal-prodotti,
tisħiħ tal-innovazzjoni u riżultati tal-RTD (permezz ta’
approċċ newtru għat-teknoloġija), il-promozzjoni ta’
konsolidazzjoni tal-industrija li twassal għal ekonomiji ta' skala ikbar, bid-ditti
tal-manifattura li jkunu kapaċi joperaw fi ħdan is-suq intern u lil
hinn. 3. L-evoluzzjoni tal-Liġi
tal-Unjoni dwar il-prodotti industrijali 3.1. L-UE tirregola biss
l-elementi essenzjali… Mill-1985, l-Unjoni
applikat mekkaniżmu uniku għal-leġiżlazzjoni armonizzata
dwar il-prodotti: il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi
r-“rekwiżiti essenzjali” fir-rigward tas-sikurezza, is-saħħa u
interessi pubbliċi oħrajn li n-negozji jridu jikonformaw magħhom
meta jqiegħdu prodotti fis-suq tal-Unjoni. Il-prinċipju fundamentali
huwa li n-negozji jridu juru li kkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali
stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni,
possibbilment bl-għajnuna ta’ standards armonizzati żviluppati
mill-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni. Imbagħad,
il-prodotti jkunu jistgħu jinbiegħu fis-suq intern. L-hekk
imsejjaħ "approċċ ġdid"
għar-regolamentazzjoni tal-prodotti naqqas b’mod konsiderevoli
d-diverġenza fir-regolamenti tekniċi nazzjonali dwar il-prodotti, u
nissel suq uniku mingħajr fruntieri għall-prodotti industrijali
armonizzati. Kisser l-ostakoli għall-aċċess għas-suq
għall-industrija u għamilha faċli sabiex in-negozji joperaw fi
swieq pan-Ewropej. Is-suq intern fil-prodotti industrijali ġab miegħu
benefiċċji ekonomiċi u għall-impjiegi, permezz
tal-kontribuzzjoni tiegħu għal iktar kummerċ fi ħdan l-UE.
B’hekk, spiss jiġi rikonoxxut bħala wieħed mill-iktar ġrajjiet
ta’ suċċess tal-UE. 3.2. … ma’ u għan-nies,
in-negozji, u l-Istati Membri… Ir-regoli Ewropej
dwar il-prodotti industrijali jiddependu ħafna mill-kontribut ferm siewi
ta’ diversi gruppi importanti ta’ atturi: ·
Manifatturi u negozji oħrajn fil-katina tal-provvista huma mistennija jieħdu l-passi li jmiss
biex il-prodotti tagħhom isiru konformi mar-rekwiżiti legali.
Il-manifatturi jridu jsegwu d-diversi proċeduri ta’ valutazzjoni
tal-konformità filwaqt li – b’mod partikolari permezz
tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija – ikunu jistgħu jieħdu
sehem fl-iżvilupp ta’ standards tekniċi u jissorveljaw
l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Anki partijiet interessati rilevanti
oħrajn – eż. gruppi tal-konsumaturi, gruppi ambjentali u trade
unions – jieħdu sehem b’mod attiv f’dan il-proċess. ·
Numru ta’ mekkaniżmi u strutturi li jsostnu
l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni
huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. L-Istati Membri huma
responsabbli għall-iżvilupp ta’ regoli ta’ implimentazzjoni
nazzjonali u sabiex jagħżlu l-korpi kompetenti
għall-valutazzjoni tal-konformità, l-hekk imsejħa "korpi
notifikati" – inkluża d-determinazzjoni ta’ jekk mekkaniżmi ta’
akkreditazzjoni humiex meħtieġa, u għall-monitoraġġ
tal-operat tal-korpi notifikati. Jappoġġjaw u jiggwidaw ukoll
lin-negozji sabiex jiżguraw implimentazzjoni, sorveljanza tas-suq u
infurzar effettivi. ·
Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni
għandha rwol komprensiv importanti fil-monitoraġġ u
l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’
armonizzazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti industrijali, fil-valutazzjoni
tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-bidliet regolatorji possibbli, u t-tiftix
ta’ ksur possibbli tal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll
li titlob lill-korpi ta’ standardizzazzjoni tal-UE jiżviluppaw standards
tekniċi b’appoġġ tal-leġiżlazzjoni, skont
il-prijoritajiet identifikati fil-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni
dwar l-istandardizzazzjoni[6].
Programmi Qafas Ewropej suċċessivi tar-Riċerka taw is-sehem
tagħhom għall-iżvilupp ta’ standards għal teknoloġiji
u prodotti li ser ikomplu fil-Programm Orizzont 2020. 3.3. … iżda ma toqgħodx
lura minn riformi kbar meta jkun hemm bżonnhom Il-leġiżlazzjoni
tal-Unjoni dwar prodotti industrijali tistabbilixxi r-rekwiżiti ewlenin
għan-negozji. Eżempji ta’ dawn huma l-marka CE li tindika l-konformità
tal-prodott mal-leġiżlazzjoni tal-UE, u l-passi obbligatorji li jridu
jittieħdu qabel ma prodott ikun jista’ jġorr il-marka CE, bħat-tressiq
ta’ dikjarazzjoni tal-konformità. Għad li
fil-prinċipju r-rekwiżiti amministrattivi għan-negozji huma
ċari (il-marka CE, id-dikjarazzjoni tal-konformità,
l-awtoċertifikazzjoni jew valutazzjoni tal-konformità ta’ partijiet terzi
skont it-tip ta’ Direttiva jew Regolament u l-livell ta’ sikurezza jew riskju
ieħor involut), fil-prattika, feġġew anomaliji u differenzi bejn
testi legali tal-UE. Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li l-volum
ġenerali tal-leġiżlazzjoni żdied, u l-fatt li siltiet
individwali tal-leġiżlazzjoni evolvew b’mod indipendenti.
Pereżempju, ir-rekwiżiti għad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità
kienu jvarjaw bejn id-Direttivi, kemm fir-rigward tal-informazzjoni li kellha
tiġi pprovduta, u kemm fir-rigward ta' jekk id-dikjarazzjonijiet ta’
konformità kellhomx jitqiegħdu flimkien mal-prodott jew setgħux ikunu
fil-manwal ta’ akkumpanjament biss. Għalhekk, kien
hemm bżonn urġenti ta’ standardizzazzjoni, u li tiġi
żgurata konsistenza ikbar f’termini ta’ rekwiżiti għan-negozji u
l-awtoritajiet nazzjonali. Mill-2009, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
dwar il-prodotti industrijali għaddiet minn riformi kbar biex jiġu
eliminati inkonsistenzi żejda bejn bosta siltiet
tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, u biex jiġu
minimizzati l-piżijiet fuq in-negozji: ·
Matul il-perjodu 2009-2013 ser ikunu ġew
proposti u/jew adottati iktar minn ħmistax-il proposta differenti
għar-reviżjoni ta’ direttivi fuq medda wiesgħa ta’ prodotti
industrijali, li jvarjaw minn ġugarelli sa installazzjonijiet ta’ rotot
b’kablaġġ[7].
Ħafna minn dawn id-direttivi u r-regolamenti l-ġodda ser ikollhom
jiġu trasposti jew applikati sa mhux iktar tard mill-2015. ·
Ir-Regolament dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni[8] ġie adottat
fl-2011 u beda japplika mill-2013. ·
Ir-Regolament ta’ Standardizzazzjoni[9] ġie adottat
fl-2012 u beda japplika mill-2013. ·
Barra minn hekk, tressqu żewġ proposti
leġiżlattivi orizzontali għal regolamenti dwar is-sorveljanza
tas-suq u s-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur, u dawn
huma mistennija jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2014. ·
Analiżi preliminari tindika li l-partijiet
interessati jidhru sodisfatti bir-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-makkinarji
u l-ġugarelli. Madankollu, il-Kummissjoni ser tvara evalwazzjoni
tad-Direttiva dwar il-Makkinarji fl-2015 u, fuq il-bażi tal-kontribut
mill-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha fl-2014, ser tanalizza jekk
ir-regoli dwar is-sikurezza tal-ġugarelli għandhomx isiru iktar
effettivi. ·
Il-prinċipju ta’ rikonoxximent
reċiproku huwa wieħed mill-pilastri tas-suq intern, u fil-qasam
tal-prodotti industrijali, huwa stipulat u spjegat fir-"Regolament dwar
ir-Rikonoxximent Reċiproku"[10].
Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2013[11], il-Kummissjoni ser tvara
evalwazzjoni tal-funzjonament tal-prinċipju ta’ rikonoxximent
reċiproku u tirrapporta lill-Kunsill fl-2015. 4. Reviżjoni
tal-Leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti industrijali Valutazzjoni
dettaljata u indipendenti tal-funzjonament ta’ kuljum
tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti industrijali
ħarset lejn l-impatt tagħha fuq in-negozji, l-amministrazzjonijiet
nazzjonali u partijiet interessati oħrajn. Il-konklużjonijiet globali
juru li l-leġiżlazzjoni tas-suq intern hija rilevanti
għall-ilħiq tal-għanijiet tal-UE fir-rigward tal-bżonn ta'
miżuri ta' armonizzazzjoni teknika, b'livelli għoljin ta' protezzjoni
għas-saħħa u s-sikurezza, għall-konsumaturi u
għall-ambjent. Il-qafas leġiżlattiv tas-suq intern iħaddan
fih il-kapaċità li jwieġeb mill-ewwel biex jadatta għat-tibdil. Madankollu, il-valutazzjoni
u l-konsultazzjoni pubblika identifikaw serje ta’ problemi jew punti li jridu
jittejbu, u wasslu għal numru ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawn
ir-rakkomandazzjonijiet, li jiġbru fil-qosor il-fehmiet tal-partijiet
interessati u l-evalwazzjoni indipendenti tal-leġiżlazzjoni, huma
dawn li ġejjin: 4.1. Titjib fl-arkitettura
tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni (1)
Regolamenti flok direttivi għandhom ikunu l-istrument preferut għall-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. Dan jelimina
d-differenzi fl-iskedar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tidħol fis-seħħ
madwar l-Unjoni, u jonqos ir-riskju ta’ traspożizzjoni, interpretazzjoni u
applikazzjoni diverġenti. Madankollu, il-fattibbiltà ta’ dan l-approċċ
għandha tiġi kkonfermata fuq valutazzjoni ta’ każ b’każ,
billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ regolamentazzjoni
aħjar kif ukoll il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Wara analiżi
pożittiva, il-Kummissjoni fost l-oħrajn ipproponiet regolament fil-qasam
tat-tagħmir tar-radju[12]. (2)
Għandhom isiru analiżijiet
perjodiċi tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni
għall-prodotti industrijali sabiex jiġi żgurat li l-qafas
regolatorju jkun konsistenti, u li ma hemm l-ebda diskrepanza, inkonsistenza, jew
piż regolatorju kbar li jistgħu jitnaqqsu jew xi xogħol doppju
fil-leġiżlazzjoni stess jew bejn siltiet differenti
tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti
industrijali. Dawn l-analiżijiet għandhom iseħħu b’mod
regolari biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tibqa’
aġġornata, li qed tilħaq l-għanijiet tagħha
biżżejjed, u li tirrifletti l-iżviluppi fl-industrija u
l-innovazzjoni tal-prodotti. (3)
Għandu jiġi kkunsidrat Regolament
orizzontali msejjes fuq id-Deċiżjoni 768/2008/KE, li
jistabbilixxi definizzjonijiet komuni u elementi komuni oħrajn li
japplikaw fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni ta’ madwar l-Unjoni.
Regolament bħal dan idaħħal iktar koerenza
fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni. (4)
Għandu jsir aġġornament regolari
ta’ gwida mhux vinkolanti dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni ta’
armonizzazzjoni tal-Unjoni bħal “The ‘Blue Guide’ on the
implementation of EU product rules” (“Il-‘Gwida Blu’ dwar l-implimentazzjoni
tar-regoli tal-UE dwar il-prodotti”)[13].
Fejn possibbli, il-gwida għandha tagħti kontribut fuq ir-raġuni
wara rekwiżiti jew standards partikolari. (5)
F’għadd ta’ oqsma li jaqgħu taħt
prodotti professjonali, il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-fażi
tal-użu (eż. installazzjonijiet, manutenzjoni) stabbiliti
fil-livell nazzjonali timponi iktar ostakoli li jnaqqsu l-benefiċċji
tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni. Filwaqt li t-tali aspetti
jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’
armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti industrijali, l-iżvilupp u
d-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni għandhom
jieħdu f’kunsiderazzjoni t-tali aspetti bil-għan li jnaqqsu kemm
jista’ jkun kwalunkwe xkiel. 4.2. Tisħiħ
tal-effettività tal-qafas regolatorju (6)
Il-Kummissjoni għandha tkompli tieħu
f’kunsiderazzjoni modi kif issaħħaħ il-parteċipazzjoni
tal-SMEs u l-partijiet interessati mis-soċjetà ċivili (eż.
assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u assoċjazzjonijiet ta’ utenti
professjonali) fit-tħejjija ta’ inizjattivi għal azzjoni
leġiżlattiva tal-UE u fil-proċessi ta’ standardizzazzjoni.
Possibbiltà minnhom tkun li tiżgura li l-assoċjazzjonijiet
tal-industrija li jiffokaw fuq l-SMEs ikunu rappreżentati aħjar fi
gruppi ta’ ħidma dwar leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni
speċifika tal-Unjoni għal prodotti industrijali, bl-appoġġ
ipprovdut għall-kostijiet ta’ parteċipazzjoni tagħhom fejn dan
ikun possibbli. (7)
L-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istandards
għandhom jitħeġġu jagħmlu sommarji tal-istandards
armonizzati disponibbli b’xejn fuq il-websajts tagħhom.
Il-manifatturi, b’mod partikolari l-SMEs, mhux bilfors ikunu jafu minn qabel
eżattament liema standards jeħtieġu. It-tqegħid
għad-dispożizzjoni tas-sommarji b’xejn inaqqas iż-żmien u
l-kostijiet relatati max-xiri ta’ standards mhux adattati. (8)
Għandu jkun hemm tranżizzjoni
mgħaġġla lejn “sorveljanza tas-suq elettroniku” li fiha
l-operaturi ekonomiċi jagħmlu informazzjoni dwar il-konformità
disponibbli fuq l-internet kemm jista’ jkun. Dokumentazzjoni u dejta teknika
iktar sensittiva mitluba mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jistgħu
jiġu ttrasferiti b’mod elettroniku permezz ta’ trażmissjoni sigura
tad-dejta. Dan jippromwovi modi iktar effiċjenti ta’ żgurar ta’
trasparenza u forniment bidirezzjonali ta’ informazzjoni u dejta dwar
il-konformità bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u n-negozji. (9)
Sabiex titħaffef it-tranżizzjoni lejn
ġejjieni bla karti għas-sorveljanza tas-swieq, l-awtoritajiet ta’
sorveljanza tas-suq (u, fejn xieraq, l-awtoritajiet doganali) għandhom
ikunu mgħammra b’apparat għat-tgħarbil jew qarrejja ta’ smartphones
li jikkollegaw mat-taqsima ta’ konformità tal-websajt tal-operaturi
ekonomiċi jew websajt awtonoma ddedikata. Dan huwa soġġett
għall-identifikazzjoni tar-riżorsi u jeħtieġ investiment
konġunt mill-industrija u mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq. (10)
In-negozji għandhom jingħataw
flessibbiltà ikbar fl-ilħuq tar-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà
sabiex jippromwovu użu ikbar tat-tikkettar elettroniku. Dan
jgħin sabiex jitħaffef it-tħassib il-kbir li n-negozji
għandhom fir-rigward tar-rekwiżiti attwali dwar it-traċċabbiltà
għall-prodotti u għall-imballaġġ biex jipprovdu
informazzjoni sħiħa dwar id-destinatarju. Dawn jitqiesu żejda, u
jitqiesu li jnaqqru mill-estetika tal-prodott u d-disinn industrijali.
It-tikkettar elettroniku jipprovdi rotta alternattiva vijabbli
għall-ilħuq tal-istess rekwiżiti. (11)
Meta grupp ta’ prodotti li attwalment ma jkunux
armonizzati isir parti minn grupp ta’ prodotti armonizzati, għandha
tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk huwiex possibbli li jiġu
integrati gruppi ta’ prodotti ġodda f’siltiet eżistenti
tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti
industrijali, minflok ma tiġi proposta leġiżlazzjoni
ġdida. Eżempju tajjeb f’dan ir-rigward kien il-makkinarju agrikolu
biex jitferrxu pestiċidi, li ġie inkorporat fid-Direttiva dwar
il-Makkinarju. 4.3. Tisħiħ tal-iskema
ta’ implimentazzjoni għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni
tal-Unjoni (12)
Il-mekkaniżmi biex jitħaffu
l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn
l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u l-Kummissjoni, bħal RAPEX[14] u ICSMS[15], għandhom ikomplu
jiġu sostnuti. Il-koordinazzjoni u l-azzjonijiet ta’ appoġġ
tal-UE relatati mas-sorveljanza tas-suq permezz tal-"Pakkett dwar
is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq"[16] huma fundamentali u
għandhom jinżammu f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza
tas-suq bl-għan tal-iktar użu effiċjenti tar-riżorsi. (13)
L-użu ta’ akkreditazzjoni għandu
jissaħħaħ iktar permezz ta’
approċċ konsistenti fil-qasam irregolat skont ir-Regolament (KE)
Nru 765/2008[17].
(14)
Is-sinerġiji għandhom jiġu
sfruttati bis-sħiħ bejn strutturi differenti fl-iskema ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’
armonizzazzjoni tal-Unjoni għal prodotti industrijali. Hemm bżonn ta’
sinerġiji ikbar bejn SOLVIT, li jsolvi problemi ġenerali relatati
mal-funzjonament ħażin tas-suq intern, in-Netwerk Enterprise Europe,
li jgħin lill-SMEs jibbenefikaw minn opportunitajiet fis-suq intern, u
l-Punti ta’ Kuntatt dwar il-Prodotti, li għandhom għarfien iktar
speċjalizzat dwar il-leġiżlazzjoni tal-prodotti mhux armonizzati.
Pereżempju, jista’ jkun hemm riferimenti ta’ każijiet bejn SOLVIT,
in-Netwerk Enterprise Europe u l-Punti ta’ Kuntatt dwar il-Prodotti.
Għandha tiġi mistħarrġa wkoll il-possibbiltà li
tintuża s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern[18] għall-kollegament
tal-Punti ta’ Kuntatt nazzjonali dwar il-Prodotti. Persunal li jaħdem
fl-istrutturi differenti jista’ jiġi mgħarraf iktar dwar
il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u l-punti ta’ kuntatt
għall-industrija li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet relatati mas-suq
intern tal-prodotti industrijali. (15)
Ir-rwol tal-Punti ta’ Kuntatt dwar il-Prodotti
stabbilit mir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku[19] għandu jitwessa'
għall-prodotti armonizzati sabiex jipprovdu l-ewwel punt ta’ kuntatt
għad-ditti. Ħafna ditti ma jafux lil minn jikkuntattjaw, u hemm
livell baxx ta’ għarfien fost id-ditti ż-żgħar u
l-mikroimpriżi fuq il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern, u anki
fuq jekk leġiżlazzjoni armonizzata jew mhux armonizzata tapplikax
għall-prodott tagħhom. Dan isaħħaħ il-viżibbiltà
tal-Punti ta’ Kuntatt dwar il-Prodotti, u jipprovdi lill-SMEs b’sors ta’
informazzjoni ċara. 4.4. Tnaqqis tal-piżijiet
amministrattivi għan-negozji (16)
Peress li l-prodotti kollha jridu jissodisfaw
ir-rekwiżiti legali dwar is-sikurezza, is-saħħa u interessi
pubbliċi oħrajn, hemm kamp ta’ applikazzjoni limitat
għall-eżenzjonijiet tal-SMEs mid-dispożizzjonijiet legali
fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti
industrijali. Minkejja dan, it-Test tal-SMEs[20]
dejjem għandu jiġi applikat sabiex jiġi żgurat li
r-rekwiżiti amministrattivi ma jimponux piżijiet sproporzjonati fuq
l-SMEs, filwaqt li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni
tilħaq l-għanijiet tagħha. (17)
Sors uniku ta’ referenza dwar it-tibdiliet li
jsiru fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodotti
industrijali u aġġornamenti għall-istandards, u li jindikaw meta
dawn jidħlu fis-seħħ, għandhom ikunu disponibbli
għad-ditti. Tali informazzjoni tiffranka ħin u riżorsi
għall-industrija, b’mod partikolari l-SMEs. Imbagħad, in-negozji li
jabbonaw għas-servizz ikunu jistgħu jirċievu
aġġornamenti bil-posta elettronika li jispjegaw il-bidliet li jkunu
se jsiru u li jgħarrfuhom meta se jseħħu. Madankollu,
iċ-ċaqliq minn approċċ imsejjes fuq
il-leġiżlazzjoni għal wieħed fuq il-prodotti biex
l-operaturi ekonomiċi jkunu mgħarrfin dwar il-leġiżlazzjoni
ta’ armonizzazzjoni applikabbli tal-Unjoni għall-prodotti industrijali u
standards volontarji jkun eżerċizzju intensiv fit-teknika u
l-użu tar-riżorsi. Ikun jeħtieġ ukoll kooperazzjoni u
appoġġ b’saħħithom tal-assoċjazzjonijiet
tal-industrija u l-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni, bi wħud
minnhom diġà jwettqu ħidma relevanti f’dan il-qasam. (18)
In-negozji għandhom jitħallew ikomplu jagħżlu
bejn il-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni unika ta’ konformità u dikjarazzjoni
differenti ta’ konformità għal kull silta ta’ leġiżlazzjoni ta’
armonizzazzjoni applikabbli tal-Unjoni għall-prodotti. (19)
Huwa kruċjali li l-industrija ma
jingħatalhiex wisq piż xi ġġorr b’bidliet
leġiżlattivi spissi wisq, peress li saru
ħafna bidliet fl-aħħar għaxar snin, b’oħrajn li
għad iridu jidħlu fis-seħħ fil-futur qarib. Azzjoni jew miżuri
regolatorji għandhom jibqgħu jkunu soġġetti għal
konsultazzjoni pubblika, u jiġu sostnuti minn valutazzjonijiet tal-impatt.
4.5. Estensjoni tal-kopertura
tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti (20)
Il-Kummissjoni għandha tippromwovi
konverġenza internazzjonali fil-leġiżlazzjoni u standards
tekniċi għall-prodotti industrijali, peress
li din tista’ tgħin sabiex jonqsu l-kostijiet tal-konformità
għall-industrija, u b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività
industrijali. Is-Sħubija fil-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) li qed
tiġi nnegozjata bejn l-UE u l-Istati Uniti hija pass importanti
fid-direzzjoni t-tajba, u għandha tiġi mixtarra kooperazzjoni
msaħħa mar-regolaturi u korpi tal-istandards f’pajjiżi terzi
oħrajn li huma swieq ta’ esportazzjoni ewlenin għall-Ewropa, speċjalment
f'pajjiżi li spiss jibbażaw l-istandards fuq standards Ewropej jew
inkella fuq standards internazzjonali tal-ISO u l-IEC. 5. Viżjoni
għall-ġejjieni L-importanza
tal-indirizzar tal-ostakli regolatorji sejra biss tiżdied mal-pass
tal-bidla teknoloġika u hekk kif id-dinja u l-ktajjen tal-provvista
globali jsiru dejjem iktar integrati. F’dan il-kuntest, u filwaqt li tiġi
kkunsidrata l-ħtieġa fundamentali li jiġu minimizzati
l-piżijiet amministrattivi, speċjalment għall-SMEs, l-oqsma li
ġejjin jidhru li huma dawk li fuqhom għandha tiġi ffokata
l-attenzjoni. 5.1. Suq intern li jaħdem sew
għall-prodotti jeħtieġ mekkaniżmi ta’ infurzar
b’saħħithom It-tisħiħ
tas-sorveljanza tas-suq, u l-iżgurar li l-Istati Membri jinvestu
r-riżorsi umani u finanzjarji neċessarji fis-sorveljanza tas-suq,
huma importanti għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ infurzar.
L-isfida hija doppja. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet iridu
jiżguraw li l-leġiżlazzjoni hija infurzata bħala
għodda għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi importanti
bħas-saħħa u s-sikurezza, il-protezzjoni tal-ambjent u
s-sigurtà, u l-ħarsien tal-konsumaturi. Min-naħa l-oħra,
il-mekkaniżmi ta’ infurzar jgħinu biex tiġi eliminata
kompetizzjoni inġusta u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi
għall-operaturi ekonomiċi. Il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn
l-awtoritajiet ta’ infurzar fis-suq intern huma essenzjali wkoll. Kważi
l-organizzazzjonijiet kollha tan-negozji laqgħu bi ħġarhom il-"Pakkett
ta’ Sorveljanza tas-Suq" il-ġdid tal-Kummissjoni, iżda
ddispjaċiehom li s-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli
armonizzati ma kinux applikati b’mod koerenti. Dawn is-sanzjonijiet mhumiex
minnhom infushom parti mis-sorveljanza tas-suq iżda iktar huma konsegwenza
tagħha. Uħud mill-partijiet interessati jargumentaw li sistema
diżaggregata u mferrxa tas-sanzjonijiet ekonomiċi tirriżulta
f’nuqqas ta’ konformità mal-liġi tal-UE li dejjem tmur lejn il-qasam fejn
is-sanzjonijiet huma l-iktar ħfief f'mument determinat. Din is-sitwazzjoni
tista’ tiġi evitata li kieku l-penali ekonomiċi tal-Istati Membri
differenti jiġu simplifikati jew armonizzati, tal-inqas b’tali mod li
jevita diskrepanzi kbar u jittratta l-ksur kollu tal-leġiżlazzjoni
dwar il-prodotti b’mod simili mal-UE kollha. Għalhekk,
il-Kummissjoni ser tikkunsidra t-tfassil ta' proposta leġiżlattiva
fuq kif jiġu ssimplifikati u armonizzati s-sanzjonijiet ekonomiċi ta’
natura amministrattiva u ċivili għan-nuqqas ta’ konformità
mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni biex jiġi
żgurat trattament indaqs tan-negozji kollha fi ħdan is-suq intern
għall-prodotti industrijali. Pjattaforma tal-awtoritajiet ta’ infurzar li
tiffaċilita l-ħidma tagħhom u l-kooperazzjoni reċiproka ser
tkun ta’ valur miżjud. 5.2. Leġiżlazzjoni
‘orizzontali’ dwar il-prodotti Ħafna
partijiet interessati talbu li jkun hemm inqas regoli settorjali u aktar regoli
orizzontali fost is-setturi tal-prodotti industrijali, sabiex jiġu evitati
rekwiżiti li jidħlu f’xulxin jew f’kunflitt. Leġiżlazzjoni
“ġenerika” orizzontali legalment vinkolanti li tistabbilixxi l-elementi
komuni fost is-setturi kienet rakkomandata minn ħafna partijiet
interessati. Madankollu, kien hemm ukoll ħafna fehmiet differenti fuq dan
il-punt, bi wħud mill-partijiet interessati jippreferu li t-test relevanti
kollu jiġi inkluż f’kull Direttiva. Bosta awtoritajiet kompetenti,
awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq u assoċjazzjonijiet tal-industrija
kienu favur it-trasformazzjoni tad-Direttiva 768/2008/KE f’Regolament, peress
li Regolament orizzontali bħal dan inaqqas il-volum
tal-leġiżlazzjoni attwali, li spiss jitqies li huwa xogħol
doppju u mhux adattat għall-SMEs. Għall-kuntrarju
tad-Deċiżjoni 768/2008/KE li fiha biss dispożizzjonijiet ta’
referenza, ir-regolament “ġeneriku” orizzontali jkun legalment vinkolanti
u direttament applikabbli wkoll. Eżempju
fil-livell nazzjonali jeżisti fir-regolament nazzjonali orizzontali
adottat fil-Ġermanja bbażat fuq id-Deċiżjoni 768/2008/KE.
Dan jipprovdi umbrella regolatorja u qafas ġenerali li skonthom trid
tiġi strutturata l-leġiżlazzjoni settorjali fil-livell
nazzjonali mnissla mil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-prodotti. Il-proposta
dwar kif jiġu ssimplifikati u armonizzati s-sanzjonijiet ekonomiċi
ta’ natura amministrattiva jew ċivili għan-nuqqas ta’ konformità
mal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni għandha
tieħu pass ġdid fis-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-qafas
legali komuni eżistenti għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti
industrijali, inklużi l-manutenzjoni u s-servizz ta’ wara l-bejgħ
tagħhom. 5.3. L-innovazzjoni u
l-ġejjieni diġitali Is-soċjetà
diġitali qed tevolvi b’rata dejjem iktar mgħaġġla. Ngħidu
aħna, ir-robotika tal-ġejjieni u t-teknoloġiji ġodda
fil-manifattura, bħall-manifattura adittiva, magħrufa wkoll
bħala “stampar 3-D”, jistgħu jġibu ammont importanti
tal-produzzjoni ta’ żminijietna lura lejn dimensjoni lokali, forsi iktar
sostenibbli. L-istampar 3-D għandu l-potenzjal li jġib
kundizzjonijiet ekwi bejn l-SMEs u l-industrija l-kbira billi jnaqqas
il-kostijiet tal-iżvilupp u jippermetti lid-ditti jiżviluppaw
prototipi u disinji inizjali huma stess, minflok ma jkollhom jesternalizzawhom
bi spiża għolja wisq. Fl-istess waqt, ir-revoluzzjoni tal-mowbajls se
tibqa' għaddejja, b'firxa sħiħa ta' apparat intelliġenti u
li wieħed jista' jilbes, bħal arloġġi jew
nuċċalijiet intelliġenti, tessili intelliġenti, eċċ.. F'kelma waħda,
id-dinja miexja dejjem iktar lejn l-"internet tal-oġġetti",
li bih l-oġġetti kollha ser ikunu mgħammrin b’apparati ta’
identifikazzjoni ċkejknin. Jekk l-oġġetti kollha fil-ħajja
ta’ kuljum ikunu mgħammrin b’tags tar-radju, ikunu jistgħu jiġu
identifikati u jiddaħħlu f’inventarji b’kompjuters. Is-softwer ser
jieħu ħsieb kull ma hemm bżonn biex il-prodotti jkunu
jistgħu jiġu ttraċċati u magħduda, u l-ħela,
it-telf u l-kostijiet jistgħu jitnaqqsu sew. Is-softwer se jgħarraf
lill-utenti meta l-affarijiet ikunu jeħtieġu li jinbidlu, li
jissewwew jew li jissejħu lura, u jekk humiex friski jew għaddiex
żmienhom. Madankollu, meta
ġiet adottata l-biċċa l-kbira mil-leġiżlazzjoni ta’
armonizzazzjoni tal-Unjoni, ftit li xejn kien hemm għodod elettroniċi
disponibbli. Il-konformità mar-regoli għadha tinvolvi mili ta’ dokumenti
għan-negozji u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq. Sabiex jibqa’
kompetittiv, is-suq Ewropew għall-prodotti industrijali jeħtieġ
qafas regolatorju li jiffaċilita l-innovazzjoni u ma joħloqx xkiel
żejjed għall-użu fil-ħin ta’ teknoloġiji ġodda u
l-introduzzjoni fis-suq ta’ innovazzjonijiet. Il-leġiżlazzjoni u
l-istandards tal-UE jridu jippermettu lill-prodotti u t-teknoloġiji l-ġodda
jkunu disponibbli fis-suq malajr, sabiex l-Ewropa tkun tista’ tisfrutta
l-vantaġġ bħala pijuniera fis-suq tax-xogħol globali. Fl-istess waqt, sfidi ġodda miġjuba mit-teknoloġiji
l-ġodda se jkollhom jitqiesu dejjem aktar, bħar-riskju ta'
produzzjoni mhux irregolata ta' prodotti perikolużi mill-istampaturi 3-D,
jew bħall-impatt ta' tagħmir għar-reġistrazzjoni
awdjoviżiva potenzjalment mistur f'apparati intelliġenti, li se kulma
jmur se jkunu aktar preżenti. Il-Kummissjoni
ser tieħu f’kunsiderazzjoni l-innovazzjoni u l-iżviluppi
teknoloġiċi fit-tfassil ta’ kwalunkwe proposta ġdida fis-suq
intern għall-isfera tal-prodotti. Ser tvara wkoll inizjattiva dwar il-konformità
elettronika li biha l-konformità mal-leġiżlazzjoni ta’
armonizzazzjoni tal-Unjoni tista’ tintwera b’mod elettroniku u f’diversi
lingwi, pereżempju permezz tat-tikkettar elettroniku, is-sorveljanza
tas-suq diġitali u dikjarazzjonijiet elettroniċi ta’ konformità
fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. 5.4. Id-distinzjoni li qed
tgħib bejn il-prodotti u s-servizzi kollegati tagħhom (installazzjoni,
manutenzjoni, eċċ.) Id-ditti
tal-manifattura qed joffru dejjem iktar servizzi flimkien mal-prodotti
tradizzjonali tagħhom. L-interazzjoni bejn il-manifattura u s-servizzi
saret iktar kumplessa. Is-servizzi u l-prodotti manifatturati jintużaw
bħala inputs intermedji biex jiġi prodott numru ikbar ta’ prodotti
finali u servizzi. Il-kontenut tas-servizzi tal-manifattura ilu jikber fl-UE u
f’partijiet oħrajn tad-dinja. Fl-2011, iktar minn terz tal-valur
miżjud inkorporat fil-produzzjoni finali tal-manifattura kien ġej
mis-servizzi. Għad li
l-prodotti tal-manifattura jintużaw ukoll għall-produzzjoni ta’
servizzi, il-kontenut tal-manifattura tas-servizzi huwa kważi tliet
darbiet iżgħar mill-kontenut tas-servizzi tal-manifattura, u
żdiedet ferm inqas maż-żmien. Il-kontenut medju tal-manifattura
tas-servizzi prodott fl-UE huwa madwar 10%. Hemm grad
għoli ta’ komplimentarjetà bejn il-prodotti u s-servizzi tal-manifattura[21]. Servizzi bħall-manutenzjoni u t-taħriġ huma elementi
ferm importanti fil-forniment ta’ prodotti manifatturati kumplessi. Servizzi
oħrajn, bħat-trasport, huma essenzjali għat-tlestija ta’
prodotti manifatturati, iżda għadhom soġġetti għal
ċerti restrizzjonijiet tas-suq. Fl-istess ħin, l-importanza
tas-servizzi speċjalizzati bħal intermedjazzjoni finanzjarja,
komunikazzjonijiet, assigurazzjoni u servizzi kummerċjali
speċjalizzati b’intensità għolja ta’ għarfien (KIBS) qed isiru
inputs importanti fil-produzzjoni sofistikata tal-manifattura. Dan
il-proċess huwa wieħed mill-bosta spjegazzjonijiet għall-kontribuzzjoni
dejjem ikbar tas-servizzi għall-produzzjoni ġenerali ta’ ekonomija[22]. Il-kwistjoni
ta’ komplimentarjetà tal-prodotti u s-servizzi għandha importanza dejjem
ikbar għall-ekonomija. Il-Kummissjoni ser tanalizza kif tista' ttejjeb
l-interfaċċja bejn il-prodotti tal-manifattura u s-servizzi fi
ħdan is-suq intern. 5.5. Iktar Regolamenti, inqas
Direttivi… Id-Direttivi kienu
l-istrumenti ppreferuti għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni
tal-prodotti u għamlu s-suq intern tal-prodotti industrijali realtà.
Madankollu, illum, minħabba l-livell għoli ta’ integrazzjoni
tas-swieq, l-isfidi huma ġodda u l-għanijiet tal-politiki saru
saħansitra iktar ambizzjużi. F’dinja dejjem
iktar kumplessa, l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-regoli
għall-prodotti huwa ferm importanti. Il-kostijiet assoċjati
mas-sejbien tal-informazzjoni t-tajba jistgħu jkunu konsiderevoli. Dan
huwa minnu speċjalment għall-kummerċ transfruntier.
L-aċċess għall-informazzjoni jista’ jibqa’ problema fis-suq
uniku għal prodotti fejn id-Direttivi huma vinkolanti fuq ir-riżultat
li jrid jinkiseb, iżda jħallu f’idejn l-Istati Membri
l-għażla tal-forma u l-metodi. Minħabba din il-flessibbiltà,
it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE u l-implimentazzjoni
tagħhom jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, u jistgħu
jipperikolaw il-koerenza tal-qafas regolatorju ġenerali
għall-prodotti. Ir-riskju huwa partikolarment għoli meta
l-kunċetti huma vagi jew id-dispożizzjonijiet ikunu
impreċiżi, kif spiss jirriżulta mill-konċiljazzjoni
tal-interessi ta’ 28 pajjiż jew iktar. Fil-fatt, nuqqas ta’ informazzjoni
jew differenzi regolatorji jistgħu jikkostitwixxu ostakolu ferm
sinifikanti għall-kummerċ fi ħdan l-UE, u, ovvjament, dan
iseħħ l-iktar għall-SMEs. Dan ma jsirx eħfef jekk
in-negozji jkollhom bżonn jikkomunikaw ma’ għadd kbir ta’
awtoritajiet governattivi f’bosta lingwi differenti. Il-qlib minn
Direttivi għal Regolamenti jwassal għal inqas burokrazija u iktar
ċertezza għan-negozji. Soġġetta għal valutazzjoni
każ b’każ, minn issa l-Kummissjoni ser tibda tagħti prijorità
għall-forma ta’ Regolament bħala s-sors ewlieni tal-liġi
tal-Unjoni għan-negozji u l-awtoritajiet, sabiex ma jkunx hemm regolamentazzjoni
żejda u l-għadd ta’ każijiet ta’ ksur jonqos għall-minimu. 5.6. … u approċċ
favorevoli għan-negozji fir-regoli dwar il-prodotti Għandu jsir
iktar biex in-negozji jkunu megħjuna fil-konformità mal-liġi tal-UE
dwar il-prodotti industrijali. Huwa essenzjali li jinżamm il-bilanċ
it-tajjeb bejn il-kostijiet tar-regolament u l-għanijiet fil-mira
tiegħu. Bħalissa, in-negozji jħabbtu wiċċhom ma’
diversi atti leġiżlattivi li japplikaw għall-istess prodotti / manifatturi
u d-distinzjoni bejn ħafna minn dawn l-atti kultant ma tkunx ċara.
Il-liġi dwar is-suq intern hija maqsuma fuq mijiet ta’ Direttivi li jista’
jkollhom kamp ta’ applikazzjoni, proċeduri, approċċi,
eċċ. differenti u jirrekjedu miżuri ta’ traspożizzjoni
addizzjonali. Għalhekk,
simplifikazzjoni u kjarifika tar-regoli dwar il-prodotti huma fil-qalba
tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni. Hemm bżonn ta’ integrazzjoni
regolatorja msaħħa tas-suq intern għall-prodotti. Idealment,
l-approċċ regolatorju li bih il-prodotti jkunu soġġetti
għal diversi Direttivi li jkollhom fil-mira interessi pubbliċi simili
jew differenti u trasposti b’mod differenti fl-Istati Membri, jista’ jitnaqqas
billi jinħolqu “punti uniċi ta’ servizz” leġiżlattivi
għall-manifatturi ta’ kategorija partikolari ta’ prodotti.
Approċċ bħal dan ikun ifisser li bosta rekwiżiti
applikabbli għal grupp wieħed ta’ prodotti jista’ jkun kopert minn approċċ
leġiżlattiv uniku u koerenti. Simplifikazzjonijiet regolatorji kbar
għandhom ikunu objettiv fuq żmien medju sa twil. Għandhom ikunu
soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati u
sinkronizzati mal-analiżijiet perjodiċi tal-leġiżlazzjoni.
B’hekk, il-Kummissjoni tagħraf l-effetti kumulattivi tal-frekwenza
tal-bidliet għal-leġiżlazzjoni Ewropea, kif ukoll it-talba
ċara tal-industrija għal perjodi ta’ stabbiltà regolatorja b’bidla
inkrementali, minflok rivoluzzjoni qawwija spissa tal-leġiżlazzjoni
armonizzata dwar il-prodotti. Minbarra regoli
favorevoli għan-negozji, importanti wkoll li l-istandards ma joħolqux
frammentazzjoni tas-suq. Minħabba l-possibbiltà limitata
għall-Kummissjoni li tintervjeni fil-proċess ta’ standardizzazzjoni,
l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma mħeġġin jinvolvu
ruħhom b’mod attiv fl-iżvilupp tal-istandards, sabiex jiġu
evitati sitwazzjonijiet li fihom l-istandards huma appellati biss fi tmiem
il-proċess. Meta ssir
analiżi perjodika tal-leġiżlazzjoni settorjali, il-Kummissjoni
ser tikkunsidra jekk huwiex fattibbli li tgħaqqadha ma’
leġiżlazzjoni oħra applikabbli għall-istess kategorija ta’
prodotti. 5.7. Is-suq globali L-importanza
tal-indirizzar tal-ostakoli regolari sejra biss tiżdied hekk kif id-dinja
ssir iktar multipolari u hekk kif ċentri ġodda
għall-iżvilupp ekonomiku u l-kummerċ, bl-ambjent regolatorju
tagħhom, ifeġġu f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u li qed
jikbru b’rata mgħaġġla. Qabel, l-UE
setgħet isserraħ rasha mill-attrazzjoni tal-mudell regolatorju
tagħha, peress li konformità mar-regolamentazzjoni tal-UE kienet tfisser
li l-imsieħba kummerċjali jiksbu aċċess għall-ikbar
importatur ta’ prodotti fid-dinja. Minħabba d-daqs tas-suq intern, l-UE
kienet “tistabbilixxi l-istandards” fix-xena internazzjonali. Madankollu, biex
tibqa’ kompetittiva u tiżgura li l-kumpaniji tal-UE għandhom l-aqwa
opportuntiajiet, l-UE trid tagħraf li din is-sitwazzjoni qed tinbidel u
trid tadatta għar-realtà l-ġdida. Il-kompetittività internazzjonali
tan-negozji tal-UE jrid ikollha rwol ikbar fl-evalwazzjoni tar-regolamentazzjoni
eżistenti tal-UE u l-kunsiderazzjoni tal-alternattivi għal
inizjattivi ġodda. L-approċċ
tal-UE lejn l-imsieħba kummerċjali tagħha jvarja. Minn
naħa, l-għan fir-rigward tal-pajjiżi li jaspiraw li
jissieħbu fl-UE, u msieħba ġirien oħrajn, huwa li jinkiseb
allinjament sħiħ mal-mudell regolatorju tal-UE. Min-naħa
l-oħra, għad li l-approċċ lejn imsieħba iktar distanti
ma jistax ikun daqstant ieħor ambizzjuż, xorta għadu mmirat lejn
konverġenza regolatorja. Mill-perspettiva tal-operaturi ekonomiċi,
il-konverġenza regolatorja tippreżenta vantaġġi kbar meta
mqabbla ma’ ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku, b’mod partikolari
f’termini ta’ ċertezza legali. F’ambjent globali
li qed isir dejjem iktar iffokat fuq tariffi baxxi, ostakoli regolatorji jew
“wara l-fruntieri” huma responsabbli għal kostijiet amministrattivi
relattivament ogħla u kostijiet tal-konformità sostantivi
għall-industrija. L-UE għandha ttejjeb id-djalogi
strateġiċi tagħha ma’ pajjiżi terzi ewlenin bħala mezz
kif tibni fiduċja reċiproka u ttejjeb il-prevedibbiltà
tal-iżviluppi regolatorji. Din hija għodda essenzjali sabiex
l-industrija tippjana bil-quddiem. L-UE diġà qed
tinnegozja ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi
industrijalizzati importanti. Dawn in-negozjati fetħu opportunitajiet biex
jonqsu l-ostakoli regolatorji bejn imsieħba kummerċjali ewlenin,
filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni
tal-interessi pubbliċi. Jikkontribwixxu għal riflessjoni
ġenerali dwar regoli komuni u globali dwar il-prodotti. Għall-UE dan
ifisser aċċess usa’ għal swieq emerġenti ewlenin fejn hemm
tkabbir ekonomiku u domanda kbar. Ftehim
Trans-Atlantiku għall-Kummerċ li jelimina l-ostakoli tradizzjonali
għall-kummerċ għall-prodotti u s-servizzi jkun pass kbir lejn
regoli globali bħal dawn. Jista’ jnaqqas il-kostijiet relatati
mal-konformità regolatorja għall-kumpaniji fi ħdan l-ekonomija.
L-adozzjoni ta’ regolamenti trans-Atlantiċi komuni għal
teknoloġiji ġodda tista’ tiffranka miljuni, u tista' tgħin biex
jiġu ddefiniti standards u regolamenti globali miftuħin
għall-industriji tal-ġejjieni. L-UE
għandha tkompli tippromwovi l-konverġenza internazzjonali
fil-leġiżlazzjoni u fl-istandards tekniċi għall-prodotti
industrijali, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ produzzjoni tal-interessi
pubbliċi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura enfasi ikbar fuq
l-impatt tar-regolamentazzjoni tal-UE fuq il-kompetizzjoni internazzjonali
tan-negozju tal-UE. 6. Konklużjoni Minkejja l-istadju
ta’ żvilupp u integrazzjoni avvanzata li jinsab fih, is-suq intern
għall-prodotti jrid jibqa’ jevolvi biex iżomm il-pass mal-isfidi
teknoloġiċi u soċjetarji tas-seklu wieħed u għoxrin.
Madankollu, dan irid jiġi bbilanċjat mat-talba tal-partijiet
interessati industrijali għal perjodi ta’ stabbiltà regolatorja mingħajr
rivoluzzjoni profonda tar-regoli. Għalhekk, fit-terminu qasir,
il-Kummissjoni ser tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq
il-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni u fuq it-tisħiħ
tal-mekkaniżmi ta’ infurzar, bla ma jiżdied il-piż fuq
l-industrija. Il-Kummissjoni ser taħdem fuq proposta li tikkonsisti
f’approċċ armonizzat lejn sanzjonijiet ekonomiċi u qafas komuni
għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti industrijali fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 768/2008/KE. [1] COM(2012) 582 finali “Industrija Ewropea Aktar
B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku -
Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali”. [2] Id-Direttiva 98/34/KE tistabbilixxi proċedura
li timponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jinnotifikaw lill-Kummissjoni u
lil xulxin bl-abbozzi kollha tar-regolamenti tekniċi li jikkonċernaw
prodotti, u dalwaqt ukoll lis-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni,
qabel ma jiġu adottati fil-liġi nazzjonali. [3] Il-kunċett ta’ "prodott industrijali" ma
għandux jitqies f’kuntrast ma' "prodott għall-konsumatur".
Filwaqt li l-ewwel definizzjoni hija msejsa fuq il-proċess
tal-produzzjoni, tal-aħħar hija msejsa fuq l-użu finali.
Għalhekk ħafna prodotti industrijali huma prodotti
għall-konsumatur ukoll, għad li mhux kollha (uħud huma għall-użu
professjonali biss). [4] Lista indikattiva tal-atti ta’ armonizzazzjoni
tal-Unjoni hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/documents/internal-market-for-products/new-legislative-framework/index_en.htm#h2-2
[5] ĠU L 157/24, 9.6.2006. [6] COM(2013) 561 finali. [7] Id-Direttiva 2013/29/UE dwar l-oġġetti
pirotekniċi diġà ġiet adottata u l-leġiżlatur
laħaq ukoll ftehim dwar id-Direttiva tas-Snajja’ ta’ rikreazzjoni.
Il-proposti dwar it-tagħmir tar-radju, il-kompatibbiltà elettromanjetika,
prodotti b’vultaġġ baxx, lifts, tagħmir użat f’atmosferi
splussivi (ATEX), splussivi ċivili, strumenti ta’ tkejjil, strumenti ta’
tkejjil mhux awtomatiċi, reċipjenti sempliċi taħt
pressjoni, tagħmir tal-pressjoni, tagħmir personali protettiv, rotot
b’kablaġġ, u apparati tal-gass għadhom pendenti. [8] ĠU L 88/5, 4.4.2011. [9] ĠU L 316/12, 14.11.2012. [10] Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi
l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi
nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru
ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE. [11] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika dwar
is-Suq Uniku (16443/13). [12] COM(2012) 584 finali. [13] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/documents/internal-market-for-products/new-legislative-framework/index_en.htm#h2-3 [14] Is-Sistema ta’ Twissija Bikrija għal prodotti
perikolużi mhux tal-ikel. Iktar informazzjoni dwar RAPEX hija disponibbli
fuq: http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/index_en.htm
[15] Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni dwar
is-Sorveljanza tas-Suq. Iktar informazzjoni dwar l-ICSMS hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/internal-market-for-products/icsms/index_en.htm
[16] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/internal-market-for-products/market-surveillance/index_en.htm#h2-1
[17] ĠU L 218/30, 13.8.2008. [18] Sir af iktar dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Suq
Intern hawn: http://ec.europa.eu/imi-net
[19] ĠU L 218/21, 13.8.2008. [20] Analiżi tal-effetti ta’ proposta
leġiżlattiva fuq l-SMEs. Hemm iktar informazzjoni disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/sme-test/
[21] Il-grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Servizzi
Kummerċjali propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Att dwar
is-Suq Uniku” (COM(2010) 608) jiddiskuti l-komplimentarjetà bejn il-prodotti u
s-servizzi. Ir-rapport finali huwa mistenni fir-rebbiegħa tal-2014. [22] Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2013.