This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0022
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS on the implementation of the European Union Work Plan for Sport 2011-2014
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2011-2014
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2011-2014
/* COM/2014/022 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2011-2014 /* COM/2014/022 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U
LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’
Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2011-2014 1. INTRODUZZJONI Wara l-inklużjoni
tal-isport fit-Trattat ta’ Lisbona u b’konformità mal-Artikolu 165 tat-TFUE,
l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri saħħew il-kooperazzjoni
tagħhom fi sforz biex jiżviluppaw iktar id-dimensjoni Ewropea
fl-isport. Wara l-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni tal-2011 dwar l-isport[1],
ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea
għall-Isport (2011-2014)[2]
fetħet paġna ġdida fil-kooperazzjoni Ewropea fuq il-politika
dwar l-isport. Għall-ewwel darba, l-Istati Membri, il-Presidenzi
tal-Kunsill u l-Kummissjoni ġew mistiedna jaħdmu flimkien fil-kuntest
ta’ prinċipji gwida maqbulin, biex jikkonċentraw fuq temi ta’
prijorità (‘l-integrità tal-isport’, ‘il-valuri soċjali tal-isport’,
‘l-aspetti ekonomiċi tal-isport’) u jimplimentaw azzjonijiet
speċifiċi[3].
F’qasam li fih l-UE għandha kompetenza ta’ appoġġ, dan il-Pjan
ta’ Ħidma pprovda qafas siewi sabiex l-atturi kollha jikkooperaw b’mod
koordinat u bir-rispett reċiproku tal-kompetenzi nazzjonali u tal-UE. Sabiex tiġi
sostnuta l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma, iddaħħlu metodi
ta’ ħidma ġodda fil-qasam tal-isport, b’mod partikolari Gruppi ta’
Esperti kif ukoll strutturi ta’ djalogu msaħħin. Il-Kummissjoni
ntalbet tipproduċi rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma
bħala pedament għal Pjan ta’ Ħidma ġdid minn nofs l-2014
’il quddiem. Dan ir-rapport
jivvaluta l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet b’konformità
mat-temi ta’ prijorità identifikati fil-Pjan ta’ Ħidma u janalizza
l-użu tal-metodi ta’ ħidma introdotti, inter alia billi jirreferi
għall-ħidma tal-Gruppi ta’ Esperti[4],
kontribuzzjonijiet bil-miktub sottomessi mill-Istati Membri[5] u konsultazzjonijiet
ma’ partijiet interessati[6].
Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni ħarġet
bil-konklużjonijiet tagħha. 2. PROGRESS LEJN L-IMPLIMENTAZZJONI
TA’ AZZJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-PJAN TA’ ĦIDMA B’mod ġenerali, l-attivitajiet
imwettqin skont il-Pjan ta’ Ħidma kisbu riżultati tajbin ħafna
fl-oqsma ta’ prijorità definiti. Dan huwa kkonfermat mill-konsultazzjoni:
Il-maġġoranza assoluta tal-Istati Membri jaqblu li l-Pjan ta’
Ħidma kellu impatt pożittiv għas-settur tal-isport
f’pajjiżhom (24 SM) u li kien ta’ relevanza għall-iżvilupp (24
SM) u għall-implimentazzjoni (19-il SM) tal-politika dwar l-isport fil-livell
nazzjonali. Kumplessivament, il-Pjan ta’ Ħidma laħaq dak li kienu qed
jistennew il-gvernijiet (25 SM), iffoka fuq il-prijoritajiet it-tajbin (25 SM) u
wassal għal riżultati siewja għall-proċessi tal-politika
(24 SM). Din il-valutazzjoni pożittiva kienet maqsuma b’mod ġenerali
mill-partijiet interessati tal-isport. L-Istati Membri raw valur inqas
pożittiv fl-influwenza tal-Pjan ta’ Ħidma fuq il-proċessi
tal-politika dwar l-isport barra l-UE (16-il SM). It-taqsimiet li ġejjin
jiddeskrivu l-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’
prijorità, filwaqt li jindikaw ukoll fejn l-aspetti tal-isport ittieħdu inkonsiderazzjoni
f’politiki oħrajn tal-UE. 2.1. Azzjoni 1: Ħejji abbozz
tal-kummenti tal-UE għar-reviżjoni tal-Kodiċi tal-WADA L-UE u l-Istati Membri
tagħha għadhom impenjati b’rieda soda fil-ġlieda kontra d-doping
u fl-iżgurar tal-proporzjonalità tagħha u r-rispett
għall-valuri, it-tradizzjonijiet legali u l-liġi applikabbli nazzjonali
u tal-UE. Il-kummenti tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2011
dwar l-isport għadhom relevanti. Filwaqt li l-ambizzjoni tal-Aġenzija
Dinjija tal-Antidoping (WADA) hija li jiġi żgurat approċċ
armonizzat għall-kontroll tad-doping, id-drittijiet individwali tal-atleti
jistgħu jgawdu minn protezzjoni fl-UE; u b’hekk hemm bżonn ta’ flessibbiltà
u li jsiru adattamenti biex tinżamm konformità mal-liġi tal-UE u dik
nazzjonali. Il-kummenti mill-Grupp
tal-Esperti dwar l-Antidoping (XG AD) għar-reviżjoni tal-WADC tħejjew
u ġew sottomessi lill-Kunsill f’sensiela ta’ erba’ darbiet wara xulxin, billi
segwew ir-ritmu tal-fażi ta’ konsultazzjoni tal-WADA.[7] B’mod simili, l-UE
kkummentat fuq l-Istandards Internazzjonali dwar il-Kodiċi f’sensiela ta’
tliet darbiet.[8]
Fir-raba’ kontribuzzjoni tagħha, l-UE estendiet proposta komprensiva lill-WADA
biex taħdem fuq testi gwida mhux vinkolanti biex jithemżu
mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Kodiċi u l-Istandards
Internazzjonali bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ wara l-2015. 2.2. Azzjoni 2: Ippreżenta
sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra d-doping fl-isport
rikreazzjonali li jistgħu jiġu applikati kemm fil-livell tal-UE kif
ukoll dak nazzjonali Fl-2012 il-Kunsill
ivvota biex jestendi l-mandat tal-XG AD “sabiex jiġbor, anki permezz ta’
kooperazzjoni mal-partijiet interessati relevanti, l-aħjar prattiki
fil-ġlieda kontra d-doping fl-isport rikreazzjonali fl-Istati Membri
tal-UE, u fuq din il-bażi, sa tmiem l-2013, jippreżenta sett ta’
rakkomandazzjonijiet li jistgħu jiġu applikati kemm fil-livell tal-UE
kif ukoll dak nazzjonali.” Tħejjiet proposta minn Grupp ta’ Esperti “Doping
fl-Isport Rikreazzjonali” u din ser tiġi sottomessa lill-Kunsill. 2.3. Azzjoni 3: Żviluppa
dimensjoni Ewropea tal-integrità tal-isport bl-enfasi inizjali fuq
il-ġlieda kontra l-logħob miftiehem Il-ġlieda kontra
l-logħob miftiehem, bħala wieħed mill-iktar perikli serji
għall-integrità tal-isport, hija parti mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni
fl-oqsma tal-isport, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u l-logħob
tal-azzard online fir-rigward tal-logħob miftiehem relatat mal-logħob
tal-azzard.[9]
Il-Parlament Ewropew adotta wkoll numru ta’ riżoluzzjonijiet relevanti.[10] Il-Kunsill adotta
Konklużjonijiet dwar dan il-qasam f’Novembru 2011.[11] Il-ħidma
tal-Grupp ta’ Esperti dwar Governanza Tajba (XG GG) irrappreżentat pass
importanti fil-proċess lejn titjib tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni
transettorjali fil-livell tal-UE u internazzjonali, hekk kif għall-ewwel
darba ġabar il-partijiet interessati relevanti kollha fil-livell tal-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet
tal-Grupp kienu jsawru l-bażi għall-Konklużjonijiet
tal-Presidenza adottati f’Novembru 2012[12]
u kienu strumentali wkoll fit-tħaffif tal-approvazzjoni tad-Dikjarazzjoni
ta’ Nikosija dwar il-logħob miftiehem fil-Forum tal-UE 2012 dwar l-Isport[13]. Il-Grupp ħadem
f’koordinazzjoni mill-qrib b’inizjattivi paralleli meħudin mill-IOC u
l-Kunsill tal-Ewropa; iddikjara li jappoġġja t-tfassil ta’
Konvenzjoni internazzjonali kontra t-tbagħbis fil-kompetizzjonijiet
sportivi adottata taħt l-awspiċju tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Kummissjoni
tirrappreżenta lill-UE fin-negozjati li għaddejjin fuq dik
il-Konvenzjoni fuq il-bażi ta’ żewġ deċiżjonijiet
tal-Kunsill li jistabbilixxu d-direttivi relevanti tan-negozjar.[14] Il-Konvenzjoni hija
mistennija tkun lesta għal firma u ratifika matul l-2014; tista’
tirrappreżenta qafas utli għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni u
l-kooperazzjoni internazzjonali tal-partijiet interessati relevanti. Rigward
il-miżuri għall-ġlieda kontra l-logħob miftiehem,
il-Kummissjoni beħsiebha tadotta Rakkomandazzjoni dwar l-aħjar
prattiki fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra logħob miftiehem relatat
mal-logħob tal-azzard fl-2014 li għandha tħaffef
il-kooperazzjoni transfruntiera u transettorjali bejn il-korpi tal-isport,
l-operaturi u r-regolaturi tal-logħob tal-azzard. F’dan ir-rigward,
il-Kummissjoni nediet żewġ studji li kumplessivament jolqtu 1) il-kondiviżjoni
ta’ informazzjoni u r-rapportar ta’ attività suspettuża tal-logħob
tal-azzard fost il-partijiet interessati relevanti u 2) valutazzjoni tar-riskji
u mmaniġġjar tad-dispożizzjonijiet dwar il-kunflitt ta’ interess. 2.4. Azzjoni 4: Żviluppa
prinċipji tat-trasparenza dwar governanza tajba Il-Komunikazzjoni tal-2011
dwar l-isport tistipula li l-governanza tajba hija kundizzjoni
għall-awtonomija u l-awtoregolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet sportivi.
F’dan il-kuntest, il-ħidma tal-XG GG iffokat fuq l-identifikazzjoni ta’
lista ta’ prinċipji għall-governanza tajba tal-isport. Ġie
riċevut kontribut minn Stati Membri kif ukoll minn prattiki tajbin
miġburin minn fost partijiet interessati tal-isport u organizzazzjonijiet
oħrajn. Il-prinċipji proposti jirrappreżentaw standards minimi
li jistgħu jiġu ssodisfati minn firxa ta’ korpi sportivi. Huwa
propost li approċċ flessibbli jieħu inkonsiderazzjoni l-firxa
ta’ destinatarji li lilhom huma indirizzati l-prinċipji. Minflok ma
ppropona miżuri stretti ta’ infurzar, il-Grupp issuġġerixxa
approċċ gradwali msejjes fuq l-ewwel fażi ta’ edukazzjoni u
informazzjoni tal-korpi sportivi relevanti. Jekk ikun hemm bżonnhom,
għodod iktar b’saħħithom għall-konformità jistgħu
jitfasslu iktar tard. 2.5. Azzjoni 5: Indirizza
l-kwistjonijiet identifikati relatati mal-aċċess għal u s-superviżjoni
tal-professjoni ta’ aġenti sportivi u mat-trasferimenti fi sports ta'
timijiet Ir-riżultati tal-2013
mill-istudju indipendenti dwar l-aspetti ekonomiċi u legali
tat-trasferimenti ta’ plejers[15],
l-istudju dwar l-aġenti sportivi fl-UE[16]
u l-eżitu tal-konferenza tal-UE dwar l-aġenti sportivi[17] wittew it-triq
għall-ħidma tal-XG GG relatata mal-azzjoni 5. Ir-rakkomandazzjonijiet
adottati mill-Grupp għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-ħidma kurrenti
mwettqa mill-FIFA biex tirrivoluzzjona s-sistema tagħha
għal-liċenzjar tal-aġenti tal-plejers. Filwaqt li l-futbol kien
l-enfasi ewlenija tal-ħidma tal-Grupp, sports oħrajn ta' timijiet
kienu parti mid-diskussjonijiet ukoll. Ir-rakkomandazzjonijiet
tal-Grupp huma indirizzati l-iktar lejn partijiet interessati tal-isport,
b’rikonoxximent tal-importanza tal-awtonomija tal-isport fit-tfassil
tar-regolamenti tiegħu, filwaqt li jfakkru li trid tiġi rrispettata l-liġi
applikabbli, b’mod partikolari l-liġi tal-UE. Il-moviment sportiv huwa
mistieden itejjeb it-trasparenza fit-tranżazzjonijiet li jinvolvu plejers
u aġenti u jżid il-protezzjoni tal-iżgħar plejers.
Il-Kummissjoni tqis li l-kumitati tad-djalogu soċjali settorjali relevanti
tal-UE huma forum xieraq fejn jiġi diskuss kif ir-rakkomandazzjonijiet
huma relatati mal-applikazzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol. 2.6. Azzjoni 6: Ħejji
proposta għal linji gwida Ewropej dwar karrieri doppji Numru dejjem ikbar ta’
atleti, u ta' età dejjem iżgħar, qed jaffaċċjaw sfidi biex
ikomplu bil-karriera sportiva tagħhom filwaqt li jistudjaw jew jaħdmu
fl-istess ħin. Bħala tweġiba għas-sejħa tal-Kunsill
Ewropew fl-2008 biex jissaħħaħ id-djalogu dwar “karrieri doppji”[18], il-Kummissjoni,
fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2011 dwar l-isport, ipproponiet li jiġu
żviluppati linji gwida dwar karrieri doppji. Wara li ngħata l-mandat
tal-Kunsill, il-Grupp ta’ esperti dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ
fl-Isport (XG ETS) ħejja, bl-għajnuna ta’ esperti speċjalizzati
fil-qasam, Linji Gwida tal-UE dwar il-Karrieri Doppji tal-Atleti. Il-miżuri
identifikati għandhom finalment jgħinu lill-atleti Ewropej sabiex
imorru tajjeb, jikkompetu f’livell internazzjonali għoli, jevitaw milli
jieqfu mill-iskola u l-isport u jħejju ruħhom għall-ħajja
tax-xogħol wara l-karriera sportiva tagħhom. Il-Kunsill, filwaqt li
laqa’ l-linji gwida fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2013 dwar
il-karrieri doppji, ippropona azzjonijiet konkreti bl-għan li
jsaħħaħ l-opportunitajiet għall-atleti sabiex jistudjaw jew
jaħdmu filwaqt li fl-istess ħin ikomplu bil-karriera sportiva
tagħhom.[19]
Il-Kunsill għaraf id-dimensjoni Ewropea tal-arranġamenti
għall-karriera doppja, peress li l-atleti b’talent u fama spiss ikunu
barra pajjiżhom. L-arranġamenti internazzjonali ser jirrekjedu iktar
kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sportivi, l-istituti edukattivi,
iċ-ċentri nazzjonali ta’ taħriġ u s-servizzi ta’
appoġġ. 2.7. Azzjoni 7: Segwitu
għall-inklużjoni ta’ kwalifiki relatati mal-isport fl-NQFs b’referenza
għall-EQF Fl-2010, il-Ministeri
tal-UE għall-Isport urew ir-rieda tagħhom li jissoktaw bl-implimentazzjoni
tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) fil-qasam tal-isport u sejħu sabiex
l-Istati Membri jaraw li dawn il-kwalifiki sportivi jsiru konformi ma’ dan
il-qafas.[20]
Il-Kunsill iddeċieda li jagħti segwitu għal dan fil-Pjan ta’
Ħidma. L-XG ETS ta rapport komprensiv fil-ħarifa 2013 dwar
l-inklużjoni tal-kwalifiki li jinkisbu mingħand fornituri edukattivi,
inklużi rapporti ta’ pajjiżi individwali. Ir-rapport jikkonkludi li
l-proċess ta’ inklużjoni tal-kwalifiki sportivi fl-NQF fil-qasam
tal-edukazzjoni formali għadu għaddej u li l-inklużjoni
tal-kwalifiki sportivi miksubin fis-sistema edukattiva tal-organizzazzjonijiet
sportivi nazzjonali fl-NQFs qajmet sfidi importanti fil-livell nazzjonali. Dan
juri l-bżonn li jingħata sostenn lil federazzjonijiet sportivi
ħalli jiżviluppaw kompetenza fit-trasformazzjoni tal-programmi
edukattivi eżistenti u l-iżvilupp ta’ programmi ġodda. Ser ikun
hemm bżonn ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew, inkluż
it-tlaqqigħ tal-kwalifiki nazzjonali mal-istandards internazzjonali
tal-kwalifiki tal-federazzjonijiet sportivi internazzjonali. Fil-fehma
tal-grupp, il-Kunsill għandu jieħu azzjoni f’dan il-qasam u jsostni
iktar l-inklużjoni tal-kwalifiki sportivi kollha fl-NQFs. Dan għandu
jitqies fil-kuntest tal-ħolqien ta’ qasam Ewropew għall-ħiliet u
l-kwalifiki. 2.8. Azzjoni 8: Esplora modi kif
jiġu promossi attività fiżika ta’ ġid għas-saħħa
u parteċipazzjoni fi sport fil-livell ta' dilettanti Skont il-Pjan ta’
Ħidma attwali għall-Isport, tfittex li jsir progress
fit-tisħiħ tal-profil tal-attività fiżika ta’ ġid
għas-saħħa (HEPA) fil-politiki tal-UE, fid-dawl tar-rati
għoljin ta’ inattività fiżika fl-Unjoni li jimplikaw spejjeż ekonomiċi
diretti u indiretti sinifikanti. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2012
dwar il-promozzjoni tal-HEPA, il-Kunsill għaraf il-bżonn li
tittieħed iktar azzjoni.[21]
Billi bniet fuq il-kontribut mill-Grupp ta’ Esperti dwar l-Isport,
is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni (XG SHP), fuq kontribuzzjonijiet
minn partijiet interessati u fuq ir-riżultati ta’ studju, il-Kummissjoni żviluppat
inizjattiva politika ġdida dwar l-HEPA.[22]
Fuq il-bażi ta’ dan kollu, f’Novembru 2013 il-Kunsill adotta
Rakkomandazzjoni dwar il-promozzjoni tal-HEPA fost id-diversi setturi, li ser
tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom fl-iżvilupp
u l-implimentazzjoni ta’ politiki effettivi tal-HEPA filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni
l-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività Fiżika.[23] Ir-Rakkomandazzjoni
tibni fuq inizjattivi eżistenti rigward l-attività fiżika.
L-implimentazzjoni tagħha mill-2014 ser teħtieġ koordinazzjoni
politika fil-livell nazzjonali u kooperazzjoni mal-istrutturi relevanti tal-UE
u mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). L-attività fiżika
ngħatat ukoll attenzjoni ikbar fl-attivitajiet tal-Unjoni relatati
mat-tixjiħ attiv, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ u fis-segwitu
għas-Sena Ewropea tal-2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà
bejn il-Ġenerazzjonijiet. Il-Prinċipji ta’ Gwida tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2012[24] isejħu sabiex
l-atturi jipprovdu opportunitajiet għal attività fiżika u mentali
adattati għall-kapaċitajiet tal-anzjani. L-XG SHP żviluppa
prinċipji dwar il-kontribuzzjoni tal-isport għat-tixjiħ attiv li
għenu f’dan il-proċess u ntlaqgħu mill-Kunsill
fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2012 dwar it-tixjiħ attiv[25]. Dan
tal-aħħar sejjaħ sabiex il-Kummissjoni ssostni użu
aħjar mill-Istati Membri tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività
Fiżika u sejjaħ għal strateġiji għall-ġlieda
kontra l-fatturi ta’ riskju, bħan-nuqqas ta’ attività fiżika. Dispożizzjonijiet
ġodda għall-iżvilupp ta’ statistiki ta' kwalità dwar l-attività
fiżika ġew inklużi fil-programm statistiku Ewropew 2013-2017.[26] Il-Kummissjoni nediet
stħarriġ tal-Eurobarometer dwar l-isport u l-attività fiżika, li
r-riżultati tiegħu għandhom ikunu disponibbli kmieni fl-2014. 2.9. Azzjoni 9: Irrakkomanda modi
għall-promozzjoni tal-ġbir ta’ dejta biex jitkejlu
l-benefiċċji ekonomiċi tas-settur sportiv b’konformità
mad-Definizzjoni ta’ Vilnius u l-evalwazzjoni tar-riżultati Il-ħidma mwettqa fil-livell
tal-UE mill-2006 għall-iżvilupp ta’ approċċ komuni Ewropew
għall-kejl tal-impatt ekonomiku tal-isport kienet wasslet għal qbil dwar
id-Definizzjoni ta’ Vilnius tal-Isport, bħala bażi
għall-ġbir u l-produzzjoni ta’ dejta fil-livell nazzjonali u sabiex
dan iservi bħala qafas armonizzat għall-ħolqien ta’ kontijiet
satellitari sportivi (SSAs). L-SSAs jipprovdu statistiki markoekonomiċi
dwar l-ekonomija sportiva. Jista’ jinkiseb iktar progress biex titjieb
il-bażi fattwali dwar l-importanza ekonomika tas-settur u l-potenzjal
tiegħu biex jikkontribwixxi għal għanijiet politiċi usa’,
bħall-istrateġija Ewropa 2020. Imħeġġa
mill-Komunikazzjoni tal-2011 dwar l-isport, il-Pjan ta’ Ħidma, il-konklużjonijiet
tal-2012 tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-bażi fattwali
għat-tfassil tal-politika dwar l-isport[27]
u wara kooperazzjoni intensa fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti dwar
l-Istatistiki Sportivi (XG STAT), sitt Stati Membri (AT, CY, DE, NL, PL, UK) u
CH ipproduċew SSAs nazzjonali. Stati Membri oħrajn issieħbu
fil-proċess ukoll. Ir-riżultati tal-Grupp, bħall-manwali
għat-twaqqif ta’ SSAs, kienu strumentali f’dan il-kuntest. Fl-2011/2012
sar studju dwar il-kontribuzzjoni tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi
fl-UE[28].
Dan juri li 1.76% tal-Valur Gross Miżjud fl-UE kollha u 2.12% tal-impjiegi
huma relatati mal-isport[29].
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2013 dwar il-qgħad fost
iż-żgħażagħ,[30]
il-Kunsill saħaq li t-tkabbir fl-isport huwa intensiv fl-impjiegi u li,
għalhekk, l-isport għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi sabiex
jiġġieled il-qgħad. L-XG STAT ippreżenta wkoll proposti
għal prijoritajiet fil-ġejjieni, inter alia msejsin fuq l-istudju
tal-2013 fuq funzjoni ta’ monitoraġġ possibbli tal-isport
fil-ġejjieni fl-UE[31].
2.10. Azzjoni 10: Modi rakkomandati
biex jissaħħu mekkaniżmi ta’ solidarjetà fi ħdan l-isport Fuq il-bażi
tal-istudju tal-UE dwar il-finanzjament ta’ sport fil-livell ta' dilettenti fl-Ewropa[32], il-Grupp ta’ Esperti
dwar il-Finanzjament Sostenibbli tal-Isport (XG FIN) studja s-sorsi
pubbliċi u privati ewlenin ta’ finanzjament li jaffettwaw
il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà fl-isport u identifika l-opportunitajiet li
l-moviment tal-isport għandu biex jiġbor fondi u juża investiment
pubbliku u privat, kif ukoll l-ostakli li jżommuh milli jagħmel hekk.
Il-Grupp irrakkomanda b’mod partikolari a) il-ħtieġa ta’ progress
rigward gwida dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-Għajnuna
mill-Istat għall-isport, b) l-importanza ta’ gwida dwar l-iskema tal-VAT
applikabbli għas-settur sportiv mingħajr skop ta’ qligħ, c) l-importanza
tal-użu tal-fondi strutturali tal-UE biex isostnu l-isport, u d) filwaqt
li titqies is-sostenibblità fit-tul tal-finanzi tal-isport, il-bżonn li
jiġu implimentati miżuri ta’ riforma biex tiġi żgurata
l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà kummerċjali tal-isport u sabiex
jitħeġġeġ ritorn lejn l-isport fil-livell ta' dilettenti.
Il-Kummissjoni nediet studju biex tanalizza d-drittijiet tal-organizzaturi
tal-isport fl-UE.[33]
L-iskambju tal-fehmiet dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp kompla
jissaħħaħ matul il-Presidenza Irlandiża. Rigward l-Għajnuna
mill-Istat, il-Kummissjoni stabbilixxiet programm ta’ riforma komprensiva dwar
il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (SAM) li nieda
r-reviżjoni ta’ numru ta’ strumenti relatati ma’ xulxin. Wara dan,
f’Ġunju 2013, il-Kunsill tal-Ministri adotta b’mod formali żewġ
regolamenti riveduti dwar eżenzjonijiet tal-għajnuna mill-istat
(Regolament ta’ Awtorizzazzjoni) u proċeduri (Regolament Proċedurali).
Ir-regolament ta’ awtorizzazzjoni jintroduċi kategoriji ġodda
tal-għajnuna, li issa jinkludu l-isport ukoll, li l-Kummissjoni tista’
tiddeċiedi li teżenta mill-obbligu ta’ notifika minn qabel (“eżenzjoni
ta’ kategorija”).[34]
Issa l-Kummissjoni ser tkun tista’ tadotta regolamenti li jiddefinixxu kriterji
li skonthom l-għajnuna f’dawn il-kategorija tista’ tiġi eżentata
min-notifika. 3. METODI TA’ ĦIDMA U
STRUTTURI Minbarra l-istrutturi
ta’ kooperazzjoni eżistenti tal-UE għall-isport, il-Pjan ta’
Ħidma introduċa metodi ta’ ħidma, b’mod partikolari sitt Gruppi
ta’ Esperti (XGs), u sejjaħ għal kooperazzjoni mill-qrib u
strutturata mas-settur sportiv. Il-Kummissjoni tqis li l-Pjan ta’ Ħidma
għen sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-isport. Dan huwa
kkonfermat ukoll mill-eżiti tal-konsultazzjoni: kważi l-Istati Membri
kollha esprimew appoġġ ġenerali għall-istrutturi introdotti
mill-Pjan ta’ Ħidma u qablu li tejjeb il-koordinazzjoni politika dwar
l-isport fil-livell tal-UE kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-moviment
tal-isport. L-Istati Membri osservaw ukoll bi pjaċir l-appoġġ
mill-Kummissjoni, l-arranġamenti ta’ rapportar bil-fomm u bil-miktub u
l-involviment ta’ osservaturi. Il-fehmiet espressi mill-partijiet interessati
tal-isport ikkonfermaw b’mod ġenerali din il-valutazzjoni pożittiva.
Madankollu, il-Kummissjoni kellha wkoll l-istess fehmiet bħall-Istati
Membri u l-partijiet interessati li identifikaw limitazzjonijiet f’dawn
l-istrutturi ta’ ħidma. 3.1. Il-ħidma tal-Gruppi ta’
esperti 3.1.1. Valutazzjoni ġenerali Ġeneralment, is-sistema
tal-XGs magħżulin mill-Istati Membri u li jirrapportaw għand
il-Kunsill, iżda sostnuti mill-Kummissjoni, marret tajjeb: l-XGs ipproduċew
riżultati b’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom, u dan wassal
għal riżultati tal-politika li pprovdew informazzjoni
għad-dokumenti tal-Kunsill, taw kontribut għad-dibattitu politiku
dwar l-isport fil-livell tal-UE jew influwenzaw l-iżvilupp u
l-implimentazzjoni tal-politiki fl-Istati Membri. Dan kien partikolarment
minħabba enfasi fuq ftit prijoritajiet u mandat għall-XGs li
ddefinixxew l-azzjonijiet, ir-riżultati u l-iskeda ta’ żmien
għat-tlestija. Il-Kummissjoni temmen li sistema simili tista’ tintuża
b’mod ferm pożittiv skont Pjan ta’ Ħidma fil-ġejjieni, filwaqt
li jittieħdu inkonsiderazzjonijiet il-kwistjonijiet speċifiċi
minn hawn ’il quddiem. 3.1.2. Kwistjonijiet
speċifiċi L-iżgurar ta’
livell għoli u koerenti ta’ parteċipazzjoni fix-xogħol ta’ sitt
XGs fuq l-isport fil-livell tal-UE kien sfida. Id-dipartimenti sportivi
tal-Istati Membri ma setgħux jaħtru esperti għall-gruppi kollha;
mhux l-esperti kollha setgħu jattendu l-laqgħat kollha u mhux
l-esperti kollha nħatru bħala uffiċjali pubbliċi, peress li
uħud kienu ġejjin mis-settur mhux governattiv. Filwaqt li dawn
ir-rappreżentanti msemmijin l-aħħar suppost kienu jirriflettu
l-fehmiet tal-gvernijiet tagħhom, deher li mhux dejjem kellhom mandat
ċar biex jagħmlu hekk. Għalhekk, is-sawra tal-gruppi ma kinitx
omoġena, iżda wriet differenzi fil-livell ta’ rappreżentanza u
l-livell ta’ kompetenza. Minkejja l-bidliet fl-Iskedi ta’ Ħidma tal-Gruppi
biex jiddaħħlu esperti mexxejja għal proġetti
speċifiċi li kellhom jitlestew, riżultati konkreti
mill-ħidma spiss setgħu jinkisbu biss billi twaqqfu “Gruppi ta’
esperti” addizzjonali u permezz tal-kontribut mill-persunal tal-Kummissjoni lil
hinn mir-rwol inizjali ta’ appoġġ tiegħu previst mill-Pjan ta’
Ħidma. Pjan ta’ Ħidma ġdid jista’ jintroduċi sistema li
tippermetti sabiex l-Istati Membri ftit li xejn jallokaw riżorsi
għall-iktar kwistjonijiet relevanti. L-azzjonijiet ta’
prijorità deskritti fl-Anness tal-Pjan ta’ Ħidma pprovdew mandat politiku
għall-XGs, iżda f’xi każijiet dawn ma kinux formulati b’mod
ċar biżżejjed. Bosta Stati Membri sabu li għandu jkun hemm
iktar ħin fil-laqgħat għal kwistjonijiet topiċi u
għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki.
Uħud ipproponew biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni
bejn il-Gruppi u sabiex l-eżiti jkunu mmirati aħjar għal atturi
speċifiċi. F’ħafna
każijiet, ir-riżultati li kellhom jipprovdu l-XGs, kif
ippreżentati lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport ipprovdew
informazzjoni għad-diskussjoni politika dwar l-isport fil-livell tal-UE.
Uħud mir-riżultati li oriġinaw mill-Gruppi, jiġifieri linji
gwida jew rakkomandazzjonijiet, jeħtieġu li jiġu implimentati
l-ewwel, qabel ma l-valur tagħhom għall-politiki nazzjonali jkun
jista’ jiġi vvalutat kif xieraq. Il-fatt li l-partijiet
interessati tal-isport setgħu jieħdu sehem fil-ħidma tal-XGs
bħala osservaturi ntlaqa’ min-naħat kollha. Madankollu, l-Istati
Membri ħassew ukoll li n-numru ta’ osservaturi f’uħud mill-Gruppi
kien għoli wisq u ma ppermettix li jingħata biżżejjed
spazju għad-dibattitu bejn il-membri tal-Gruppi. Filwaqt li l-interazzjoni
ma’ ‘parteċipanti oħrajn’ għandha tkompli, Pjan ta’ Ħidma
ġdid jibbenefika jekk jiġi ċċarat ir-rwol tal-partijiet
interessati tal-isport, fil-kuntest ta’ strutturi mfasslin primarjament
għar-rappreżentanti tal-Istati Membri. 3.2. Djalogu strutturat mas-settur
tal-isport 3.2.1. Valutazzjoni ġenerali Id-djalogu strutturat
mal-partijiet interessati tal-isport kompla jissaħħaħ
fil-kuntest tal-Pjan ta’ Ħidma billi ddaħħlet prattika li fiha
r-rappreżentanti sportivi tħaddtu mal-Istati Membri fl-XGs u, għad
li sa ċertu punt inqas, anke permezz tal-laqgħat ta’ djalogu ta’
livell għoli fil-marġni tal-Kunsill. Id-djalogu strutturat u
stabbilit għall-isport immexxi mill-Kummissjoni baqa’ għaddej
b’suċċess, bil-Forum annwali għall-Isport bħala
l-pjattaforma ewlenija tal-UE għall-iskambju ma’ partijiet interessati
tal-isport. Barra minn hekk, fl-2013 inbeda djalogu annwali ta’ livell
għoli bejn il-Kummissjoni u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali bħala
mezz biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali.[35] Għalhekk, fil-fehma
tal-Kummissjoni, seta’ jsir progress fid-djalogu tal-UE mas-settur tal-isport,
iżda hemm lok sabiex ikompli jissaħħaħ billi jiġu
indirizzati l-kwistjonijiet speċifiċi elenkati hawn taħt. 3.2.2. Kwistjonijiet
speċifiċi Bir-rwol emerġenti
tal-UE fil-politika dwar l-isport, in-numru ta’ atturi sportivi li jixtiequ
jsemmgħu leħinhom fil-ħidma fil-livell tal-UE żdied b’mod
sostanzjali fl-aħħar snin. L-istituzzjonijiet tal-UE qed
jaffaċċjaw l-isfida ta’ tmexxija ta’ djalogu strutturat inklużiv
dwar l-isport mal-partijiet interessati relevanti, filwaqt li jiżguraw
effettività kontinwa. Minkejja l-valur qawwi tiegħu, huma biss ftit
l-Istati Membri li stabbilixxew djalogu regolari dwar kwistjonijiet relatati
mal-isport fl-UE mal-partijiet interessati nazzjonali tal-isport. Il-Kummissjoni
tħaddan l-istess fehmiet bħal dawk li nstemgħu
fil-konsultazzjonijiet li d-djalogu strutturat imniedi organizzat
fil-marġnijiet tal-Kunsill tal-EYCS jista’ jkompli jitjieb, peress li
tqies li ma laħaqx l-għanijiet tiegħu. Il-fehmiet tas-settur
tal-isport irid jibqa’ jkollhom rwol importanti meta jiġu żviluppati
u implimentati politiki u azzjonijiet tal-UE b’relevanza għall-isport.
Pjan ta’ Ħidma ġdid jista’ jistabbilixxi strutturi ta’ djalogu mtejbin
li jipprovdu għat-tali possibbiltajiet. 4. XI LEZZJONIJIET
GĦALL-ĠEJJIENI 4.1. Prijoritajiet
għall-ħidma fil-ġejjieni Ħafna
mill-kompetenzi fil-qasam tal-isport huma f’idejn l-Istati Membri. B’hekk,
importanti li l-prijoritajiet għal Pjan ta’ Ħidma ġdid tal-UE
jiffokaw fuq azzjonijiet li jipprovdu valur miżjud ċar fil-livell
tal-UE. Il-Kunsill ser jivvaluta l-prijoritajiet tiegħu għal Pjan ta’
Ħidma ġdid fid-dawl tat-tali azzjonijiet. Għalhekk, fil-fehma
tal-Kummissjoni, il-prijoritajiet tal-ġejjieni għandhom a) ikunu
konformi ma’ u jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ġenerali
tal-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE, b) jibnu fuq
il-kisbiet li saru bil-Pjan ta’ Ħidma attwali, b’mod partikolari
l-implimentazzjoni tar-riżultati tal-ħidma, c) ikopru oqsma ta’
prijorità relevanti oħrajn għall-kooperazzjoni (kif elenkati
fil-Komunikazzjoni tal-2011 dwar l-isport jew suġġetti topiċi) u
d) jirriflettu l-bżonn tal-integrazzjoni tal-isport f’politiki
oħrajn. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, Pjan ta’ Ħidma tal-ġejjieni
jista’ jkopri t-temi li ġejjin[36]: 1) L-isport u
s-soċjetà, inkluż l-attività fiżika ta’ ġid
għas-saħħa (HEPA): ·
L-inklużjoni soċjali u l-isport: Kooperazzjoni fil-ġejjieni fl-isport għandha tixħet
attenzjoni fuq il-kwistjonijiet tal-inklużjoni soċjali, b’mod
partikolari għas-segwitu tal-ħidma fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi
mnedija fl-2013. Ħidma tal-esperti tista’ ssaħħaħ
l-għarfien fuq il-kwistjonijiet ta’ parteċipazzjoni,
tħarriġ, tmexxija, fastidju kif ukoll sterjotipi u tikkontribwixxi
għall-iskambju ta’ prattiki u ideat tajbin li għandhom l-għan li
jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport. ·
L-HEPA: L-implimentazzjoni
tar-Rakkomandazzjonijiet tal-2013 tal-Kunsill f’kooperazzjoni mill-qrib
mal-Istati Membri fil-livell tal-UE u d-WTO, kif ukoll koordinazzjoni ma’
proċessi kurrenti, ser tkun prijorità. Oqsma li jeħtieġu
attenzjoni politika jinkludu wkoll attività fiżika fl-ambjent edukattiv u
kooperazzjoni mas-settur tal-kura tas-saħħa. Il-ħidma fil-livell
tal-esperti għandha tiffoka fuq kwistjonijiet relatati mal-HEPA, bħal
imġiba sedentarja, prevenzjoni ta’ korrimenti kif ukoll gruppi
speċifiċi li huma f’riskju. ·
L-edukazzjoni u t-taħriġ fl-isport: Il-ħidma għandha tkompli, eż. fil-forma ta’
laqgħat bejn il-pari, fuq l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar Karrieri
Doppji u l-inklużjoni tal-kwalifiki sportivi fl-NQFs. Il-kwistjoni
tal-kwalifiki tal-federazzjonijiet internazzjonali tal-isport u r-relazzjoni
mal-NQFs u l-EQF għandha tiġi indirizzata wkoll fil-livell tal-UE.
Għandha tinxteħet enfasi ikbar fuq ir-rikonoxximent ta’ tagħlim
mhux formali pprovdut mill-isport u l-impjegabbiltà
taż-żgħażagħ permezz tal-isport, inkluża l-parti
edukattiva tal-karrieri doppji ta’ atleti żgħażagħ ta’
talent. 2) Id-dimensjoni
ekonomika tal-isport: ·
Bażi fattwali għall-isport: Għandha tkompli ssir ħidma fil-livell tal-esperti biex
tkompli tinġabar iktar informazzjoni u dejta fuq l-isport u l-attività
fiżika, abbażi ta' metodoloġiji eżistenti. Għandha
tingħata attenzjoni wkoll lejn it-tisħiħ tal-bażi fattwali min-naħa
ekonomika, eż. ir-rwol tal-isport għal iktar impjegabbiltà u ffrankar
ta’ spejjeż fil-kura tas-saħħa. ·
Is-sostenibbiltà tal-isport: Azzjoni ulterjuri fil-livell tal-Kunsill tista’ tgħin sabiex
jiġi żgurat li l-interessi tas-settur jiġu integrati
fil-politiki tal-UE li jħallu impatt fuq il-finanzjament tal-istrutturi u
l-attivitajiet sportivi. Il-ħidma tal-esperti tista’ tkompli
tiċċara l-impatt tal-qafas legali tal-UE li qed jiġi
żviluppat (eż. fil-qasam tal-għajnuna mill-istat) fuq il-finanzjament
tal-isport u tista’ twassal għal gwida speċifika; id-djalogu
mal-organizzazzjonijiet sportivi għandu jkompli jsaħħaħ
il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà fi ħdan l-isport; il-ħidma
tal-esperti għandha tesplora s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u
ambjentali ta’ avvenimenti sportivi kbar ħafna. 3) L-integrità
tal-isport: ·
L-antidoping: Il-ħidma
għandha tkompli tiffoka fuq il-konformità mal-liġi tal-UE u
l-protezzjoni tad-drittijiet tal-atleti. Bħala parti mill-implimentazzjoni
tal-WADC 2015 mill-Istati Membri, l-UE għandha toffri l-assistenza tagħha
lill-WADA, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ gwida
xierqa mhux vinkolanti. Il-ħidma fuq il-prevenzjoni tad-doping
għandha tkompli tiġi żviluppata fuq il-bażi
tal-konklużjonijiet tal-2012 tal-Kunsill. Kwistjonijiet identifikati fid-dokumenti
tal-Kummissjoni, eż. inizjattivi dwar il-kummerċ illegali u
l-liġi kriminali possibbli, l-użu ta’ djalogu soċjali, jistgħu
jerġgħu jiġu indirizzati. ·
Il-ġlieda kontra l-logħob miftiehem: Ser tkompli l-ħidma, b’mod partikolari biex tiġi
żgurata l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni msemmija hawn fuq fuq
l-aħjar prattiki fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra logħob
miftiehem relatat mal-logħob tal-azzard u tal-Konvenzjoni
tal-ġejjieni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra t-tbagħbis
tal-kompetizzjonijiet sportivi. ·
Il-protezzjoni tal-integrità fiżika u
morali tal-atleti żgħażagħ: Għandhom
jiġu esplorati modi biex jiġu protetti atleti
żgħażagħ u biex tissaħħaħ l-imġiba
etika, b’mod partikolari fir-rigward tal-fastidju sesswali. Il-Kapitlu dwar
l-Isport f’Erasmus+ ser jagħti appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet
sportivi fil-livell ta' dilettenti u jinkludi medda ta’ strumenti biex
jappoġġja l-kooperazzjoni u l-azzjoni f’ħafna minn dawn l-oqsma.
4.2. Metodi ta’ ħidma u
strutturi Biex tibni fuq
l-esperjenza pożittiva tal-ewwel Pjan ta’ Ħidma u, fl-istess
ħin, tindirizza l-isfidi identifikati hawn fuq, il-Kummissjoni tara valur
f’forma adattata tal-metodi ta’ ħidma li tippermetti lill-atturi relevanti
jikkooperaw b’mod effettiv u jkopru l-prijoritajiet ta’ hawn fuq fil-kuntest
ta’ Pjan ta’ Ħidma ġdid. Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet
tiegħu stess u bħala tweġiba għall-fehmiet iddikjarati
fil-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-titjib li ġej
jista’ jiġi introdott b’mod utli u jieħu post l-arranġamenti
tax-xogħol kurrenti: ·
Minflok is-sitt Gruppi ta’ Esperti attwali,
għandhom jiġu stabbiliti tliet ‘Gruppi ta' Strateġija għall-Isport’
(SSG), kull wieħed imsawwar minn rappreżentanti mill-Istati Membri u
l-Kummissjoni, biex ikopru l-prijoritajiet ġenerali ewlenin
għall-kooperazzjoni tal-UE fl-isport, jiġifieri ‘L-isport u
s-soċjetà, inkluża l-HEPA’, ‘Id-dimensjoni ekonomika tal-isport’ u
‘L-integrità tal-isport’. L-SSGs imexxu l-iżviluppi (jiġifieri
implimentazzjoni tar-riżultati miksubin skont il-Pjan ta’ Ħidma
attwali) u jaqsmu fehmiet dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan
ta’ Ħidma l-ġdid. Ikunu wkoll il-fora biex jindirizzaw l-integrazzjoni
tal-isport, jiddiskutu suġġetti topiċi u jiskambjaw l-aħjar
prattiki, inklużi riżultati mill-implimentazzjoni ta’ Erasmus+. L-SSGs
iħejju s-sottomissjonijiet għall-istrutturi tal-Kunsill, b’mod
partikolari fuq kwistjonijiet li jeħtieġu appoġġ politiku
jew segwitu. Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ lill-SSGs u tieħu
sehem fil-ħidma tal-Gruppi biex tagħti gwida u tiżgura
involviment issoktat. L-SSGs għandu jkollhom mandat definit b’mod ċar
fuq il-bażi tar-riżultati mitlubin mill-Kunsill b’dati mira
speċifiċi għat-tlestija. ·
Għal kompiti speċjali ta’ għamla
teknika, il-ħidma għandha tiġi organizzata fil-livell
tal-esperti. “Il-“gruppi ta’ esperti” (GoE), taħt il-kappa tal-SSGs,
għandhom jiġu stabbiliti biex ikomplu bil-ħidma li bdiet
bil-Pjan ta’ Ħidma attwali u jwettqu kompiti ġodda li jirrekjedu
kompetenza teknika. ·
Biex il-partijiet interessati tal-isport jiġu
assoċjati mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma
l-ġdid, għandhom jiġu stabbiliti pjattaformi ta’ djalogu li
jikkorrispondu mas-sustanza tat-tliet SSGs, immexxijin mill-Kummissjoni u
l-presidenti tal-SSGs. Ir-rappreżentanti magħżulin minn dawn
il-pjattaformi jkunu mistiedna f’laqgħa tal-SSGs biex jippreżentaw
l-opinjoni tal-partijiet interessati. ·
Id-djalogu strutturat kurrenti mniedi
fil-marġnijiet tal-Kunsill għandu jkun sostitwit 'waħda
mill-għażliet li ġejjin għal-laqgħat organizzati mill-Presidenza
u li jinvolvi rappreżentanti ewlenin tal-awtoritajiet pubbliċi tal-UE
u l-moviment tal-isport[37]: –
Żewġ laqgħat ta’ livell għoli
fis-sena, fil-bidu ta’ kull terminu tal-Presidenza, biex jindirizzaw
il-prijoritajiet għas-semestru; –
Żewġ laqgħat ta’ livell għoli
fis-sena, waħda tiffoka fuq suġġetti topiċi b’relevanza
għall-isport professjonali, waħda fuq suġġetti topiċi
b’relevanza għall-isport fil-livell ta' dilettenti; –
Laqgħa annwali ta’ livell għoli, quddiem
il-Kunsill jew bħala parti minn laqgħa informali tal-Ministri tal-UE
għall-Isport. Struttura ta’
ħidma bħal din ikollha l-vantaġġ a) li żżomm
in-numru ta’ Gruppi u laqgħat kontrollabbli, filwaqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni
riżorsi skarsi fl-Istati Membri, u fl-istess ħin twieġeb għall-ħtiġijiet
tal-politika, b) li tagħti segwitu għar-riżultati mill-Pjan ta’
Ħidma kurrenti, filwaqt li tingħata l-possibilità li jiġu
indirizzati prijoritajiet ġodda, c) li jkun hemm sawra omoġena tal-gruppi
u li ssir distinzjoni bejn politika u ħidma fil-livell tal-esperti u d) li
ssaħħaħ id-djalogu strutturat mal-partijiet interessati
tal-isport. 5. KONKLUŻJONI Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill,
il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huma
mistiedna jieħdu nota ta’ dan ir-rapport. Il-Presidenza hija
mistiedna tieħu dan ir-rapport bħala bażi
għat-tħejjija tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE li jmiss
għall-Isport matul l-ewwel nofs tal-2014. Bħala parti
mill-Pjan ta’ Ħidma tal-UE li jmiss għall-Isport, il-Kunsill huwa
mistieden iqis il-prijoritajiet għall-ħidma tal-ġejjieni u
l-introduzzjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol riveduti identifikati
f’dan ir-rapport. [1] COM(2011)
12 finali, 18.1.2011 [2] ĠU C 162, 1.6.2011,
http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/11/st09/st09509-re01.mt11.pdf [3] L-Anness
I tal-Pjan ta’ Ħidma [4] Rapporti
mill-Gruppi ta’ Esperti:
http://ec.europa.eu/sport/library/consultation-and-co-operation_en.htm [5] Tweġibiet
minn 27 Stat Membru: http://ec.europa.eu/sport/library/documents/b22/eu-workplan-sport-results-consultation-ms.pdf [6] Workshops
ta’ konsultazzjoni fil-Forum tal-UE dwar l-Isport 2013; kontribuzzjonijiet
bil-miktub minn partijiet interessati. [7] L-ewwel kontribuzzjoni tal-UE għar-reviżjoni,
adottata mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2012 u sottomessa
lill-WADA, tkopri l-Kodiċi eżistenti tal-2009. It-tieni
kontribuzzjoni tal-UE, adottata mill-Kunsill
fil-5 ta’ Ottubru 2012 u sottomessa lill-WADA, tkopri l-Abbozz
tal-Kodiċi tal-2015, il-verżjoni 1.0. It-tielet kontribuzzjoni
tal-UE, adottata mill-Kunsill fit-28 ta’ Frar 2013 u sottomessa
lill-WADA, tkopri l-Abbozz tal-Kodiċi 2015, il-verżjoni 2.0. Ir-raba’
kontribuzzjoni tal-UE, adottata mill-Kunsill fit-22 ta’ Lulju 2013
u sottomessa lill-WADA, tkopri l-Abbozz tal-Kodiċi 2015, il-verżjoni
3.0. [8] It-tieni kontribuzzjoni tal-UE għar-reviżjoni
tkopri l-Istandards Internazzjonali (bosta snin ta’ adozzjoni jew
reviżjoni). It-tielet kontribuzzjoni tal-UE tkopri l-Abbozz tal-Istandards
Internazzjonali 2015, il-verżjoni 1.0. Ir-raba’ kontribuzzjoni tal-UE
tkopri l-Abbozz tal-Istandards Internazzjonali 2015, il-verżjoni 2.0. [9] Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni: COM(2011)12 finali;
COM(2011)308 finali; COM(2012)596 finali [10] Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2009
(2008/2215(INI)), tal-15 ta’ Novembru 2011 (2011/2084(INI)), tat-2 ta’ Frar 2012
(2011/2087(INI)), tal-10 ta’ Settembru 2013 (2012/2322(INI)) [11] Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda
kontra l-logħob miftiehem (2011/C 378/01) [12] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/educ/133873.pdf
[13] http://ec.europa.eu/sport/library/documents/b1/eusf2012-nicosia-declaration-fight-against-match-fixing.pdf [14] Deċiżjonijiet tal-Kunsill 10178/13 u 10180/13 [15] http://ec.europa.eu/sport/library/documents/f-studies/cons-study-transfers-final-rpt.pdf [16] http://ec.europa.eu/sport/documents/study_on_sports_agents_in_the.pdf [17] http://ec.europa.eu/sport/library/sport-and_en.htm#C10_Sports-Agents [18] http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/08/st17/st17271-re01.mt08.pdf [19] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2013:168:0010:01:MT:HTML [20] http://ec.europa.eu/sport/documents/summary_be_presidency_imm_en.pdf [21] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2012:393:0022:0025:MT:PDF [22] COM(2013) 603 finali [23] http://ec.europa.eu/sport/news/documents/hepa_en.pdf [24] http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/12/st17/st17468.mt12.pdf [25] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2012:396:0008:0011:MT:PDF [26] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0928:FIN:MT:PDF [27] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2012:393:0020:0021:MT:PDF [28] Rapport finali, Novembru 2012:
http://ec.europa.eu/sport/library/documents/f-studies/study-contribution-spors-economic-growth-final-rpt.pdf [29] Il-figuri
huma bbażati fuq id-“Definizzjoni Wiesgħa”, jiġifieri effetti
diretti biss, ebda effetti multiplikaturi minn fornituri ta’ prodotti
intermedji. Il-figuri aggregati kif ukoll l-istrutturi jvarjaw sew bejn
l-Istati Membri. [30] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/educ/139733.pdf [31] http://ec.europa.eu/sport/library/documents/f-studies/final-rpt-may2013-study-monitoring-function.pdf [32] http://ec.europa.eu/internal_market/top_layer/services/sport/study_en.htm [33] Avviż ta’ kuntratt fil-ĠU tal-Unjoni Ewropea fis-6 ta’ Lulju 2012
(2012/S 128-211223) [34] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:204:0011:0014:MT:PDF [35] L-approċċi
tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal djalogu strutturat ġew stabbiliti
f’dokumenti ta’ politika: ĠU C 322/1 tas-7.11.2010; COM(2007) 391 finali;
COM(2011) 12 finali. Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll regoli dwar
il-parteċipazzjoni fil-Forum għall-Isport. [36] Il-fatt li ċerti suġġetti mhumiex elaborati
f’din il-Komunikazzjoni ma jimplikax li mhumiex importanti
għall-Kummissjoni, iżda li d-dokumenti ta’ politika eżistenti
għadhom bażi suffiċjenti għall-indirizzar tagħhom. [37] B’konformità
mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 fuq
djalogu strutturat tal-UE dwar l-isport (ara n-nota f’qiegħ il-paġna
35).