Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XX0406(02)

    Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposti għal Direttiva dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, Direttiva li temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u Regolament dwar id-dokumenti ta’ tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment

    ĠU C 100, 6.4.2013, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 100/12


    Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposti għal Direttiva dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, Direttiva li temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u Regolament dwar id-dokumenti ta’ tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment

    (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR & DE fis-sit tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

    2013/C 100/05

    1.   Introduzzjoni

    1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

    1.

    Nhar it-3 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva dwar il-medjazzjoni fl-assikurazzjoni (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-IM”), proposta għal Direttiva li temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-UCITS”) u proposta għal Regolament dwar id-dokumenti ta’ tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament tal-KID”). Dawn il-proposti ntbagħtu lill-KEPD għall-konsultazzjoni fil-5 ta’ Lulju 2012.

    2.

    Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li huwa ġie kkonsultat mill-Kummissjoni u jirrakkomanda li fil-preamboli tal-istrumenti ġuridiċi proposti ssir referenza għal din l-Opinjoni.

    3.

    Dispożizzjonijiet simili għal dawk imsemmija f’din l-Opinjoni jinsabu f’bosta proposti pendenti u ġejjiena, bħal dawk diskussi fl-Opinjonijiet tal-KEPD dwar il-pakkett leġiżlattiv dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni bankarja, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (MiFID/MiFIR) u l-abbuż tas-suq (1). Għalhekk, din l-Opinjoni għandha tinqara flimkien mal-Opinjonijiet tal-KEPD tal-10 ta’ Frar 2012 dwar l-inizjattivi msemmija hawn fuq.

    4.

    Iż-żewġ Direttivi proposti u r-Regolament propost se jaffettwaw id-drittijiet tal-individwi relatati mal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom b’modi differenti minħabba li jittrattaw is-setgħat investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti, inkluż l-aċċess għar-reġistrazzjonijiet telefoniċi eżistenti u t-traffiku tad-dejta, id-databases, il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi inkluż l-identità ta’ dawk responsabbli u r-rapportar ta’ ksur (l-hekk imsejħa skemi ta’ whistle blowing).

    5.

    Billi l-kwistjonijiet diskussi f’din l-Opinjoni diġà ġew diskussi f’Opinjonijiet imgħoddija tal-KEPD dwar il-qasam Finanzjarju, il-KEPD beħsiebu jippubblika linji gwida dwar dawn il-kwistjonijiet u oħrajn konċernati biex jipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu ttrattati kwistjonijiet marbuta mal-Protezzjoni tad-Dejta fi proposti ġejjiena tal-Kummissjoni f’dan il-qasam.

    1.2.   Objettivi u kamp ta’ applikazzjoni tal-proposti

    6.

    Il-Kummissjoni tiddikjara li swieq ta’ bejgħ bl-imnut b’saħħithom u regolati tajjeb, li għandhom għal qalbhom l-aħjar interessi tal-konsumaturi, huma neċessarji għall-fiduċja tal-konsumatur u t-tkabbir ekonomiku għall-perjodu medju u dak fit-tul. Speċifikament, skont il-Kummissjoni, il-proposti leġiżlattivi msemmija hawn fuq jintroduċu standards ġodda u iktar faċli għall-konsumaturi dwar l-informazzjoni dwar investimenti, jgħollu l-istandards fl-għoti tal-pariri, u jissikkaw ċerti regoli dwar fondi ta’ investiment biex jassiguraw is-sigurtà tagħhom.

    3.   Konklużjonijiet

    34.

    Il-KEPD jirrakkomanda:

    li jiġu inklużi referenzi għal din l-Opinjoni fil-preamboli tal-proposti kollha;

    li fil-proposti kollha jiddaħħlu dispożizzjonijiet li jenfasizzaw l-applikabbiltà sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta. Il-KEPD jissuġġerixxi wkoll li r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE tiġi ċċarata billi jitniżżel b’mod speċifiku li d-dispożizzjonijiet se jkunu japplikaw skont ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE;

    li fil-każ tad-Direttiva tal-IM li qed tiġi proposta, l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti jiġi limitat għal dokumenti u informazzjoni għal ksur serju tad-Direttivi proposti, identifikat speċifikament, u għal każijiet fejn ikun hemm suspett raġonevoli (li għandu jkun imsaħħaħ b’evidenza inizjali konkreta) li twettaq xi ksur;

    li fil-każ tad-Direttiva tal-IM li qed tiġi proposta, jiġi introdott ir-rekwiżit li l-awtoritajiet kompetenti jitolbu dokumenti u informazzjoni b’deċiżjoni formali ta’ awtorità ġuridika, li tispeċifika l-bażi legali u l-għan tat-talba u x’informazzjoni hija rikjesta, il-limitu taż-żmien li fih l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta, kif ukoll id-dritt tal-indirizzat li jitlob ir-reviżjoni tad-deċiżjoni minn Qorti.

    li fil-każ tad-Direttiva tal-UCITS li qed tiġi proposta, jiġi introdott r-rekwiżit li l-awtoritajiet kompetenti jitolbu r-reġistrazzjonijiet telefoniċi u t-traffiku tad-dejta b’deċiżjoni formali tal-awtorità kompetenti li tispeċifika l-bażi legali u l-għan tat-talba u x’informazzjoni hija rikjesta, il-limitu taż-żmien li fih l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta, kif ukoll id-dritt tal-indirizzat li jitlob reviżjoni tad-deċiżjoni minn Qorti.

    li fil-każ tad-Direttiva tal-IM li qed tiġi proposta, jiġu ċċarati l-modalitajiet tad-database tal-EIOPA billi jiġu introdotti dispożizzjonijiet aktar dettaljati tar-Regolamenti proposti. Dawn id-dispożizzjonijiet iridu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. B’mod partikolari, id-dispożizzjoni li tistabbilixxi d-database trid (i) tidentifika l-għan tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar u tistabbilixxi liema huma l-użi kompatibbli; (ii) tidentifika liema entitajiet (l-EIOPA, l-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni) se jkollhom aċċess għal liema dejta maħżuna fid-database u liema se jkollhom il-possibbiltà li jimmodifikaw id-dejta; (iii) tiżgura d-dritt ta’ aċċess u informazzjoni xierqa għas-suġġetti kollha tad-dejta li d-dejta personali tagħhom tista’ tinħażen u tiġi skambjata (iv) tiddefinixxi u tillimita l-perjodu ta’ żamma tad-dejta personali għall-minimu neċessarju biex jitwettaq it-tali għan;

    li tiġi vvalutata n-neċessità tas-sistema proposta għall-pubblikazzjoni obbligatorja tas-sanzjonijiet fil-proposti kollha u li jiġi vverifikat li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ interess pubbliku fil-mira, u jekk hemmx miżuri inqas restrittivi biex jintlaħaq l-istess objettiv. Soġġett għar-riżultat ta’ dan it-test tal-proporzjonalità, l-obbligu ta’ pubblikazzjoni għandu f’kwalunkwe każ jiġi appoġġat b’salvagwardji adegwati biex jiġi assigurat ir-rispett tal-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt tal-persuni kkonċernati li joġġezzjonaw, is-sigurtà/il-preċiżjoni tad-dejta, u t-tħassir tagħha wara perjodu ta’ żmien adegwat.

    li fir-rigward tar-rappurtar ta’ ksur, fil-proposti kollha (i) jiddaħħlu dispożizzjonijiet fid-Direttivi proposti li jgħidu li: “l-identità ta’ dawn il-persuni għandha tiġi garantita fl-istadji kollha tal-proċedura, sakemm l-iżvelar tagħha ma jkunx mitlub mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċeduri ġudizzjarji sussegwenti”; (ii) jiżdied paragrafu li jitlob li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ “proċeduri xierqa li jiżguraw id-dritt tal-persuna akkużata għad-difiża u li tinstema’ qabel tiġi adottata deċiżjoni li tikkonċerna lilha u d-dritt li tfittex rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kull deċiżjoni jew miżura li tikkonċerna lilha”; (iii) jitneħħa l-kliem “il-prinċipji stipulati” mid-dispożizzjonijiet.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2012.

    Giovanni BUTTARELLI

    Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


    (1)  L-Opinjonijiet tal-KEPD tal-10 ta’ Frar 2012 huma disponibbli f’http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/edps/Consultation/Opinions


    Top