Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013SC0482

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

/* SWD/2013/0482 final */

52013SC0482

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT /* SWD/2013/0482 final */


1 Definizzjoni tal-problema 1.1 Introduzzjoni dwar il-problema

L-azzjoni kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali hija parti integrali mill-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni doganali. Il-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam tinkludi r-Regolament 515/97, li jirregola l-għajnuna amministrattiva reċiproka u l-iskambju ta’ informazzjoni, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 917/2009 li tindirizza kwistjonijiet marbutin mal-ksur tal-liġijiet nazzjonali fil-qasam doganali. Il-leġiżlazzjoni doganali tista' tinkiser b'diversi modi, inkluż bl-użu ħażin tas-sistema ta' tranżitu meta merkanzija effettivament importata tiġi ddikajarata li għadha fi tranżitu sabiex jiġu evitati d-dazji doganali applikabbli, b'deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija importata sabiex jittieħed vantaġġ minn dazji aktar baxxi, jew b'dikjarazzjoni ħażina dwar l-oriġini tal-merkanzija għaċ-ċirkomvenzjoni tad-dazji antidumping u biex jiġu evitati l-limiti kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet jew il-kwoti.

1.2 Deskrizzjoni tal-problema

Sabiex tiġi vverifikata l-awtentiċità tal-oriġini ddikjarata tal-merkanzija, l-awtoritajiet doganali jwettqu verifika marbuta mad-dokumenti li madankollu ma jkollhomx informazzjoni ddettaljata dwar ir-rotta loġistika tat-trasport li l-kontejner li jkollu l-merkanzija jsegwi; għaldaqstant l-uffiċjali tad-dwana ma jkollhomx il-mezzi biex jivverifikaw jekk l-oriġini ddikjarata tal-merkanzija hix konformi mar-rotta li ttieħdet realment mill-kontejner inkwistjoni. Dan jagħmilha diffiċli ħafna biex jiġu identifikati każijiet li potenzjalment jista' jkollhom l-oriġini ddikjarata ħażin.

Meta l-awtoritajiet doganali jivverifikaw l-awtentiċità tad-deskrizzjoni tal-merkanzija ddikjarata, huma għandhom jibbażaw ix-xogħol tagħhom fuq il-valutazzjoni tar-riskju sabiex jidentifikaw il-każijiet suspettużi. Il-Kummissjoni toħloq il-profili rilevanti, iżda b’dan, is-servizzi tagħha jkunu qed jagħmlu talbiet ripetittivi għall-istess dejta, u joħolqu piż bla bżonn fuq l-Istati Membri (SM).

Sabiex jikkontrollaw il-merkanzija fi tranżitu, l-awtoritajiet doganali jwettqu kontrolli viżwali u bbażati fuq id-dokumenti. Dawn il-metodi barra li huma limitati mill-ammont ta' persunal disponibbli, ma japprofittawx ruħhom mill-żviluppi tekniċi li jippermettu analiżi awtomatika, bħall-ConTraffic għall-identifikazzjoni ta’ konsenji suspettużi u l-ATIS sabiex jinqabdu anomaliji fl-operazzjonijiet ta' tranżitu, għodod introdotti mill-Kummissjoni.

Waħda mill-problemi speċifiċi fil-ġlieda kontra l-frodi doganali hija li l-investigaturi tal-OLAF iridu jistennew minn 3 xhur sa 7 xhur qabel ma jiksbu d-dokumenti ta' sostenn mill-Istati Membri. Barra minn hekk, hemm każijiet fejn l-Istati Membri ħafna drabi ma jkunux jistgħu, u ġieli anki joqgħodu lura (għax jista' jkun li ma jkunux involuti direttament fl-investigazzjoni inkwistjoni) milli jassisstu lill-OLAF biex jikseb id-dokumentazzjoni ta' sostenn marbuta mal-investigazzjonijiet tiegħu mingħand l-operaturi ekonomiċi. Dan huwa partikolarment problematiku minħabba li d-dejn doganali jista' jiġi rkuprat fi żmien tliet snin.

1.3 L-iskala tal-problema

Biss biss, il-frodi li jirriżultaw minn dikjarazzjoni tal-oriġini falza jistgħu jammontaw saħansitra għal telf annwali ta' EUR 100 għall-UE27. Fl-2011, l-Istati Membri rrappurtaw 1 905 każ ta’ frodi u irregolaritajiet oħra li jammontaw għal telf ta’ EUR 107,7 miljun, b'rabta ma' deskrizzjoni mhux eżatta tal-merkanzija. Madankollu, dan huwa biss telf li l-Istati Membri u l-Kummissjoni individwaw. Il-firxa reali tal-problema hija għalhekk sostanzjalment ogħla. Il-każijiet ta’ ksur relatati mat-tranżitu jammontaw għal telf ta’ madwar EUR 12-il miljun fis-sena, filwaqt li mhemmx informazzjoni dwar l-istima ta' 30 000 każ individwat li għandhom il-potenzjal ta' frodi.

Rigward id-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-OLAF, l-esperjenza turi li l-perjodu minn 3 xhur sa 7 xhur li jrid jgħaddi qabel ma jkunu jistgħu jikisbu d-dokumenti ta' sostenn għall-importazzjonijiet u għall-esportazzjonijiet huwa telf sinifikanti. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fl-awditu tal-2010, sabet li “f'274 dikjarazzjoni li ċċekkjat, kien hemm 49 żball, li jissarrfu f'EUR 558 000 inqas f'dazju. Dawn l-ammonti huma preskritti u għalhekk ma jistgħux jiġu rkuprati, u b'mod definittiv intilfu mill-baġit tal-Komunità”.

1.4 X'ikkawża l-problemi identifikati Il-lakuni fis-sistema eżistenti ta' detezzjoni 1.4.1 Dikjarazzjoni ħażina tal-oriġini 

Attwalment il-mezzi sabiex tiġi vverifikata l-oriġini vera tal-oġġetti importati huma limitati. B’mod partikolari, mhuwiex possibbli għall-uffiċjali tad-dwana jivverifikaw jekk l-oriġini ddikjarata tal-merkanzija hijiex konformi mar-rotta li l-kontejner għat-trasport tal-merkanzija importata segwa. Din l-informazzjoni hija kruċjali sabiex jinstabu l-każijiet li għandhom l-oriġini ddikjarata ħażin.

1.4.2 Deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija 

L-identifikazzjoni ta’ każijiet suspettużi mill-awtoritajiet doganali hija bbażata fuq notifiki li jistgħu jiġu minn sorsi varji (pereżempju, awtoritajiet doganali oħra jew operaturi ekonomiċi) u fuq analiżi bbażata fuq id-dejta limitata disponibbli. L-iżvantaġġ ewlieni tal-proċedura attwali huwa li l-kontrolli għadhom mhumiex biżżejjed immirati peress li huma bbażati fuq analiżi tad-dejta li mhix sistematika.

1.4.3 Użu ħażin tas-sistema ta’ tranżitu

Il-proċeduri attwali użati għall-kontroll ta’ merkanzija fi tranżitu jikkonsistu f’kontrolli viżwali u bbażati fuq id-dokumenti, metodi li huma limitati fl-effikaċja u fl-effiċjenza għax mhumiex imsejsa fuq biżżejjed analiżi. Kontrolli aktar estensivi jistgħu mill-banda l-oħra jwasslu għal distorsjoni serja fil-flussi tal-kummerċ. Minbarra l-kontrolli viżwali u bbażati fuq id-dokumenti, l-Istati Membri u l-OLAF jistgħu jużaw ukoll l-ATIS; dan madankollu mhux imsejjes fuq bażi legali b'saħħitha u għandu nieqsa informazzjoni importanti għax m'għandux dejta dwar iċ-ċaqliq nazzjonali u jagħti biss informazzjoni dwar it-tranżitu inizjali.

Nuqqas ta' dispożizzjonijiet legali li jevitaw id-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-OLAF

1.4.4 Id-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-OLAF

Billi riċentement ġiet introdotta d-dwana elettronika, id-dokumenti rilevanti għall-importazzjonji (il-fattura, iċ-ċertifikat tal-oriġini, eċċ.) qed jinżammu mill-operaturi ekonomiċi u mhux mill-awtoritajiet doganali. Dan jikkawża telf ta’ żmien minħabba li diversi atturi jenħtiġilhom jikkontribwixxu/jwieġbu għad-dokumenti mitluba qabel ma' dawn isiru disponibbli għall-OLAF. Attwalment ma hemm l-ebda dispożizzjoni fil-qafas legali li tista' tintuża sabiex jiġu mgħaġġla l-proċeduri li għandhom x'jaqsmu mal-investigazzjonijiet tal-OLAF.

1.5 Ix-xenarju ta' referenza: Kif se tevolvi l-problema

Billi ma seħħitx bidla fil-politika, il-ksur tal-leġiżlazzjoni marbuta mad-dwana se jibqa' parzjalment ma jinqabadx, u dan jikkawża telf finanzjarju kontinwu għall-UE u jippermetti li l-leġiżlazzjoni relatata tkun implimentata fi grad iżgħar.

Il-frodi relatati mad-dikjarazzjoni ħażina tal-oriġini se jiżdiedu. “ConTraffic” wera kemm hija utli l-informazzjoni li għandha x'taqsam mal-kontejner (Container Status Messages — CSMs) u bħala proġett ta’ riċerka se jintemm dalwaqt. Qabel ma jiġi adottat metodu ġdid li jgħin sabiex jiġu individwati d-dikjarazzjonijiet ħżiena tal-oriġini, il-frodi se jkomplu għaddejjin u saħansitra jikbru, bil-frodaturi li jkunu qed jiksbu aktar esperjenza. Għalhekk, telf ta’ EUR 17,6-il miljun marbut mad-dikjarazzjoni ħażina tal-oriġini se jibqa' u probabbilment se jkompli jiżdied. Bl-istess mod, ma huwa mistenni l-ebda titjib fil-ġlieda kontra d-deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija.  Għalissa ma hemm l-ebda indikazzjoni li hemm ippjanat tibdil li jista' jiddaħħal fil-proċeduri doganali sabiex tiġi ffaċilitata l-ġlieda kontra d-deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija. Il-frodi relatati mal-użu ħażin tas-sistema ta’ tranżitu huma mistennija li jiżdiedu. L-ATIS,— is-soluzzjoni attwali, għalkemm huwa utli immens, juri li hemm nuqqasijiet. Id-dejta li għandha x'taqsam mal-merkanzija fi tranżitu, li attwalment tinġabar abbażi ta' dan il-ftehim amministratitv, tista' ma tibqax disponibbli billi l-legalità tal-bażi legali għall-ġbir tagħha hija kkuntestata minn diversi SM. F'ċirkustanzi bħal dawn, il-volum ta' frodi li ma jiġix individwat aktarx li se jiżdied.

Fir-rigward tad-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-OLAF, jekk ma sseħħx bidla fil-proċedura attwali, ma huwa mistenni l-ebda titjib fil-futur qrib. Jekk l-ebda azzjoni ma tittieħed, is-sitwazzjoni wisq probabbli ma tinbidilx.

2 Analiżi dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Il-ħtieġa ta' azzjoni fil-livell ta' UE hija bbażata fuq il-fatt li l-Istati Membri waħidhom ma jistgħux b'mod effettiv jidentifikaw u jtaffu r-riskji kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali; u lanqas ma huma kapaċi jwettqu investigazzjonijiet kif suppost jekk ikun hemm involut it-trasferiment transkonfinali tal-merkanzija. Għalhekk, il-ġlieda kontra l-frodi doganali teħtieġ approċċ Ewropew aktar wiesa’. Importanti li l-UE jkollha l-kompetenza esklużiva għall-prevenzjoni tal-frodi u għall-protezzjoni tar-riżorsi finanzjarji tagħha fi kwistjonijiet doganali. Huwa ċar li l-UE qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tkun il-mutur ta' din l-inizjattiva, għax diġà għandha l-esperjenza u s-sistemi meħtieġa.

Il-valur miżjud: Azzjoni fil-livell ta' UE tista’ ttejjeb b'mod sinifikanti l-ġlieda kontra l-frodi doganali, billi żżid l-evidenza disponibbli, ittejjeb il-possibiltajiet sabiex jiġu individwati u mrażżna l-frodi, u biex l-azzjoni ssir aktar effiċjenti u effettiva.

3 Objettivi

L-objettivi ġenerali ta' din l-inizjattiva huma sabiex i) tiġi msaħħa l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (l-individwar u l-investigazzjoni tal-frodi) u ii) tiġi msaħħa l-kooperazzjoni doganali bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn din tal-aħħar u l-Kummissjoni billi tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi doganali.

L-objettivi speċifiċi għandhom iżidu l-proċedimenti kontra l-frodi doganali kif ukoll l-individwar u l-prevenzjoni tagħhom permezz ta' kollaborazzjoni aħjar kemm bejn l-Istati Membri stess kif ukoll bejn l-Istat Membri u l-Kummissjoni fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi doganali, u jtejbu l-proċess li għandu x'jaqsam mal-investigazzjonijiet tal-OLAF.

L-objettivi operattivi tal-azzjoni li għandha tittieħed jikkorrispondu mal-problemi identifikati u mal-objettivi speċifiċi. Tabilħaqq, sabiex jiżdiedu l-proċedimenti kontra l-frodi doganali kif ukoll l-individwar u l-prevenzjoni tagħhom huwa meħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi doganali. Biex tiġi ttrattata l-problema ta’ dewmien fl-investigazzjonijiet tal-OLAF, għandhom jittieħdu passi sabiex jitħaffef il-proċess.

It-tabella ta’ hawn taħt torbot il-problemi identifikati mal-objettivi.

Problema || Objettiv Speċifiku: || L-Objettiv Operattiv ||

Id-dikjarazzjoni ħażina tal-oriġini u telf finanzjarju relatat   || Jittejbu l-proċedimenti kontra l-frodi doganali kif ukoll l-individwar u l-prevenzjoni tagħhom permezz ta' kollaborazzjoni aħjar kemm bejn l-Istati Membri stess kif ukoll bejn l-Istat Membri u l-Kummissjoni (fil-ġlieda tagħhom kontra d-dikjarazzjonni ħażina tal-oriġini tal-merkanzija u d-deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija, kif ukoll l-użu ħażin tas-sistema tat-tranżitu) || 1. Jinħolqu l-kundizzjonijiet li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi doganali relatati mad-dikjarazzjoni ħażina dwar l-oriġini tal-merkanzija

Id-deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija u t-telf finanzjarju relatat || 2. Jinħolqu l-kundizzjonijiet li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi doganali relatati mad-dikjarazzjoni ħażina dwar l-oriġini tal-merkanzija

L-użu ħażin tas-sistema ta’ tranżitu u t-telf finanzjarju relatat || 3. Jinħolqu l-kundizzjonijiet li jsaħħu l-ġlieda kontra l-frodi doganali relatati mal-użu ħażin tas-sistema ta' tranżitu

Id-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-OLAF u (il-preskrizzjoni) || Jitjieb il-proċess marbut mal-investigazzjonijiet tal-OLAF || 4. Jitħaffu l-investigazzjonijiet tal-OLAF

4 Għażliet ta’ politika 4.1 Għażliet li jindirizzaw il-problema ewlenija (l-objettivi operattivi 1, 2 u 3)

· Għażla 0: jinżamm l-istatus quo

Din l-għażla ssegwi d-dekrizzjoni tax-xenarju ta’ referenza.

· Għażla 1: Liġi mhux vinkolanti — Bir-rakkomandazzjonijiet xierqa tiżdied l-identifikazzjoni tal-frodi doganali li għandhom x'jaqsmu mad-dikjarazzjoni ħażina tal-merkanzija u mal-użu ħażin tas-sistema ta' tranżitu.

Fir-rigward tal-objettiv 1, ir-rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tikseb CSMs mingħand l-operaturi ekonomiċi.

Fir-rigward tal-objettivi 2 u 3, ir-rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri biex jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex ikollha aċċess għad-dejta/kopja tad-dejta, li tkun attwalment disponibbli fuq pjattaforma tal-Kummissjoni, u sabiex jipprovdu wkoll dejta addizzjonali dwar it-tranżitu[1].

· Għażla 2: Il-Kummissjoni tingħata f'idejha r-responsabbiltà li ssib il-frodi doganali relatati ma’ dikjarazzjoni ħażina dwar l-oriġini tal-merkanzija, ma' deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija u mal-użu ħażin tas-sistema ta’ tranżitu.

Din l-għażla tinvolvi l-ħolqien ta’ bażi tad-dejta ċentrali tal-UE għas-CSMs u għad-dejta relatata mal-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu. Din il-bażi tad-dejta tkun tibni fuq l-esperjenza miksuba mill-ConTraffic u mill-ATIS. L-informazzjoni dwar it-tranżitu nazzjonali u dwar tranżitu ieħor sussegwenti, bħal bdil fl-iskeda tar-rotta jew ir-riżultati tal-kontrolli, se tiġi inkluża wkoll fil-bażi tad-dejta ċentrali tal-UE.

· Għażla 3: L-Istat Membru jingħata f'idejh r-responsabbiltà li jsib il-frodi doganali relatati ma’ dikjarazzjoni ħażina dwar l-oriġini tal-merkanzija, ma' deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija u mal-użu ħażin tas-sistema ta’ tranżitu.

Din l-għażla tinvolvi, kontra dik ta' qabilha, li l-Istat Membru jingħata r-responsabbiltà biex jiġbor u janalizza d-dejta rilevanti. Għalhekk, kull SM se joħloq il-bażi tad-dejta nazzjonali tiegħu għas-CSM, id-dejta rilevanti dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu. Skambju regolari u aċċess miftuħ għandhom jippermettu lill-Istati Membri biex jikkomunikaw u jiskambjaw id-dejta u sabiex iħejju analiżi regolari.

· Għażla 4: Responsabbiltà kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati l-frodi doganali li għandhom x'jaqsmu mad-dikjarazzjoni ħażina dwar l-oriġini tal-merkanzija, mad-deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija u mal-użu ħażin tas-sistema ta' tranżitu.

Skont din l-għażla s-CSM u d-dejta dwar it-tranżitu tinġabar fil-livell tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri jkunu responsabbli għad-dejta li għandha x'taqsam mal-importazzjoni u mal-esportazzjoni. Dan it-tqassim jista' jkun aktar plawżibbli minħabba li jieħu inkonsiderazzjoni l-konfigurazzjoni attwali (il-Kummissjoni li tiġġestixxi l-ConTraffic u l-ATIS); għaldaqstant ir-responsabbiltajiet jinqasmu skont il-każ.

· Għażla 5: Ix-xenarju ta' referenza "plus"

F'din l-għażla tiżdied il-manodopera li tiġi assenjata għall-individwar u l-prevenzjoni tal-frodi doganali rilevanti. B'aktar uffiċjali tal-kontroll u b'aktar investigaturi huwa mistenni li jiġu individwati aktar frodi u possibbilment evitati wkoll. L-irduppjar propost tar-riżorsi jista' jikkonċerna kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni (OLAF). Wara analiżi profonda, din l-għażla f’dan l-istadju għandha titwarrab.

4.2 Għażliet li jindirizzaw id-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-OLAF u t-telf finanzjarju relatat (l-Għażla 4)

· Għażla 0: jinżamm l-istatus quo

Din l-għażla tinvolvi li jinżamm l-istatus quo. F'din l-għażla ma tittieħed l-ebda miżura addizzjonali sabiex l-investigazzjonijiet tal-OLAF isiru aktar malajr.

· Għażla 1: Liġi mhux vinkolanti — Toħroġ rakkomandazzjoni sabiex il-proċedura sseħħ aktar malajr.

F'din l-għażla tinħareġ rakkomandazzjoni li tistieden lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għal proċedura li ssir b'aktar ħeffa. Rakkomandazzjoni hija strument li ma jorbotx, li tista' tinftiehem bħala appell lill-Istati Membri biex itejbu l-prattika attwali kif ukoll jikkontribwixxu fil-proċess li jħaffef l-investigazzjonijiet u jindividwa l-frodi.

· Għażla 2: Jitħaffef il-proċess ta' investigazzjoni billi l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li titlob direttament lill-operaturi ekonomiċi d-dokumenti ta' sostenn.

Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li titlob direttament lill-operaturi ekonomiċi d-dokumenti ta' sostenn. Din l-għażla timplika li l-Istati Membri jiġu infurmati, iżda mhux li jkollhom rwol attiv.

· Għażla 3: Jiżdied l-għadd tal-investigaturi fil-Kummissjoni/fl-OLAF

F'din l-għażla l-fluss tax-xogħol fl-OLAF jitjieb billi jiżdied l-għadd tal-investigaturi impjegati mill-OLAF. Għalhekk iż-żmien użat fl-investigazzjonijiet għandu jiqsar, u dan għandu jnaqqas il-problema ta' investigazzjonijiet li jieħdu fit-tul.

· Għażla 4: L-operaturi ekonomiċi jintalbu jipprovdu informazzjoni addizzjonali fil-livell nazzjonali billi jiġu previsti d-disposizzjonijiet neċessarji fil-leġiżlazzjoni tal-UE relevanti

F'din l-għażla jerġa' jkun hemm is-sitwazzjoni ta' qabel l-2010 (jiġifieri qabel ma ġiet introdotta d-dwana elettronika). L-operaturi ekonomiċi jkunu obbligati jagħtu tagħrif dwar id-dokumenti ta’ sostenn kollha lil awtoritajiet nazzjonali rispettivi tagħhom, li mbagħad għandhom ikunu f’pożizzjoni fejn jistgħu jipprovdu immedjatament l-informazzjoni mitluba.

· Għażla 5: Jiġi impost limitu ta’ żmien sa meta jistgħu jingħataw id-dokumenti ta’ sostenn

F'din l-għażla tiġi imposta data tal-għeluq speċifika għall-Istati Membri sa meta jistgħu jagħtu lill-Kummissjoni d-dokumenti relevanti. Madankollu, din l-għażla hija kkunsidrata bħala wisq intrussiva u mhux prattika, ġaladarba skadenza waħda għall-każijiet kollha ma tqisx id-differenzi ta' bejn il-kumplessitajiet tal-investigazzjonijiet.

5 Analiżi tal-impatti 5.1 Sommarju tal-impatti

L-impatti tal-għażliet relatati mal-objettivi 1,2 u 3

Kriterji Għażla || Effettività || Effiċjenza (l-objettivi kollha) || Impatti ekonomiċi (l-objettivi kollha) || Simplifikazzjoni || Koerenza (l-objettivi kollha) || Valutazzjoni ġenerali

Obj. 1 || Obj. 2 || Obj. 3 || Obj. 1 || Obj. 2 || Obj. 3

Għażla 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || -- || 0

Għażla 1 || + || + || + || + (L-ispiża totali: negliġibbli) || + || + || + || + || + || +

Għażla 2 || +++ || +++ || +++ || ++ (L-ispiża totali għall-Kummissjoni)  EUR 850 000– għall-implimentazzjoni; EUR 200 000– għall-manutenzjoni annwali F'każ ta' rappurtar globali (global dump) – l-ebda spiża għall-operaturi ekonomiċi, f'każ ta' rappurtar selettiv, – minn EUR 3 000 sa 200 000) || +++ || +++ || +++ || +++ || +++ || +++

Għażla 3 || ++ || ++ || ++ || --- (L-ispiża totali għall-Istati Membri): EUR 850 000– għall-implimentazzjoni EUR 200 000– għall-manutenzjoni annwali L-ispiża totali għall-operaturi ekonomiċi: skont l-Għażla 2 || +++ || ++ || ++ || ++ || _ || +

Għażla 4 || +++ || ++ || +++ || - (L-ispiża totali għall-Istati Membri): EUR 320 000– għall-implimentazzjoni EUR 200 000– għall-manutenzjoni annwali L-ispiża totali għall-Kummissjoni: EUR 530 000 - għall-implimentazzjoni ; EUR 120 000– għall-manutenzjoni annwali L-ispiża totali għall-operaturi ekonomiċi: skont l-Għażla 2 || ++ || +++ || ++ || +++ || + || +

L-impatti tal-għażliet relatati mal-objettiv 4

Kriterji || Effikaċa fil-kisba tal-objettiv || Effiċjenza || Impatti ekonomiċi || Koerenza || Simplifikazzjoni

Għażla 0 || 0 || 0 || 0 || 0 || 0

Għażla 1 || + || + || +- || + || ++

Għażla 2 || +++ || ++ || +++ || + || ++

Għażla 3 || ++ || -- || + || - || 0

Għażla 4 || +++ || --- || - || - || --

6 L-għażliet imqabbla bejniethom 6.1 Għażliet li jindirizzaw l-objettivi 1, 2 u 3

Kif muri fix-xenarju ta' referenza, l-Għażla 0 mhux biss ma tilħaqx l-objettivi iżda tista’ tiggrava s-sitwazzjoni attwali.

In-natura volontarja ta' Għażla 1 inevitabbilment tinvolvi riskju ta’ dejta mhux kompluta, u anki jekk is-sitwazzjoni tista’ titjieb meta mqabbla mal-istatus quo, huwa ċar li dan mhux biżżejjed u għalhekk din l-għażla hija meqjusa negattiva. L-Għażla 2 min-naħa l-oħra, hija kkunsidrata bħala pożittiva ħafna minħabba li l-Kummissjoni hija diġà fil-pussess tas-sistemi u tal-esperjenza meħtieġa biex tħaddem b'suċċess il-bażijiet tad-dejta inkwistjoni. Barra minn hekk, l-Għażla 2 hija dik ppreferuta mhux biss mill-Istati Membri iżda wkoll mill-operaturi ekonomiċi billi tagħti soluzzjoni kosteffiċjenti u effikaċi għall-problema tal-frodi doganali. L-Għażla 3 hija kkunsidrata bħala pożittiva, iżda kontra l-Għażla 2, il-ħolqien ta' bażijiet ta' dejta nazzjonali jwassal għal duplikazzjoni u jikkumplika x-xogħol minħabba li tkun qed tinġabar, tiġi pproċessata u interpretata l-istess dejta minn diversi SM. Aktar importanti minn hekk, tkun qed titfa' piż finanzjarju sostanzjali fuq l-Istati Membri. F'dan ir-rigward, l-Għażla 4 tidher li hija soluzzjoni aħjar mill-Għażla 3 għaliex ma jiġux imponuti piżijiet finanzjarji eċċessivi fuq l-Istati Membri ġaladarba l-ispejjeż relatati kif ukoll ir-responsabbiltajiet iridu jinqasmu mal-Kummissjoni. Madankollu, meta mqabbla mal-Għażla 2, hemm ir-riskju li ma jibqax importanti l-element transkonfinali fil-kuntest tal-ġbir u tal-użu tad-dejta għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet. L-istess bħall-Għażla 3, l-Għażla 4 għandha l-potenzjal li twassal għad-duplikazzjoni tad-dejta tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet f’diversi bażijiet tad-dejta nazzjonali. Abbażi tat-tqabbil ta' hawn fuq, l-Għażla 2 hija l-għażla ppreferuta.

6.2 Għażliet li jindirizzaw l-objettiv 4

L-Għażla 1 hija meqjusa bħala pjuttost negattiva ġaladarba mhux probabbli li twassal għall-objettiv mixtieq. L-Għażla 2 hija meqjusa iktar effettiva mill-Għażla 1 għaliex tippresupponi li l-uniku żmien li hemm bżonn sabiex jinkisbu d-dokumenti rilevanti jkun iż-żmien meħtieġ mill-operaturi ekonomiċi sabiex jagħtu din l-informazzjoni lill-OLAF. Dan joffri l-possibbiltà realistika li jitnaqqas b'mod sostanzjali ż-żmien meħtieġ sabiex jinksbu d-dokumenti rilevanti. Barra minn hekk, il-problema li l-OLAF qed jiffaċċja bħalissa (u dawn huma l-każijiet fejn l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jassistu lill-OLAF biex dan jikseb id-dokumenti) tingħeleb għax it-talbiet jiġu indirizzati direttament lil dawk li huma fil-pussess tad-dokumenti inkwistjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Għażla 2 hija meqjusa bħala pożittiva ħafna. L-Għażla 3 hija meqjusa pjuttost pożittiva għax għandha l-potenzjal tindirizza l-problema. Madankollu, minħabba l-piżijiet finanzjarji sinifikanti, ma hijiex ta' benefiċċju daqs l-Għażla 2. Abbażi tat-tqabbil ta' hawn fuq, l-Għażla 2 hija l-għażla ppreferuta.

7 Monitoraġġ u evalwazzjoni 7.1 Monitoraġġ

It-tabella ta' hawn taħt tipprovdi ħarsa ġenerali ta’ indikaturi.

Objettiv || Indikatur

1, 2 u 3 || – CSMs/dejta dwar l-esportazzjoni/l-importazzjoni/it-tranżitu: – l-għadd ta’ każijiet ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni misjuba, – l-għadd ta’ investigazzjonijiet li nfetħu abbażi ta' din id-dejta, – l-għadd ta’ talbiet minn investigaturi għall-użu tad-dejta, – l-ammonti rkuprati abbażi ta’ din l-informazzjoni

4 || It-tul ta' żmien li l-investigazzjonijiet relatati tal-OLAF ħadu (jekk it-tibdil irriżultax fi proċeduri aktar mgħaġġlin; jekk żiedx l-għadd ta' investigazzjonijiet u l-ammonti rkuprati)

7.2 Evalwazzjoni

Rigward l-objettivi operattivi, is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli se jiżguraw li ssir l-evalwazzjoni kull ħames snin. Il-kamp ta' applikazzjoni se jkopri r-riżultati u l-impatti relatati mad-detezzjoni mtejba tal-frodi bis-saħħa tal-bażi tad-dejta u tal-analiżi mwettqa abbażi tad-dejta u tal-informazzjoni disponibbli kif ukoll bis-saħħa tal-effiċjenza u r-rilevanza tal-miżuri introdotti. L-evalwazzjoni se tieħu għamla ta’ preżentazzjoni tar-riżultati mill-Kummissjoni/mill-OLAF fil-Kumitat għall-Għajnuna Reċiproka.

[1]     Dejta dwar it-tranżitu nazzjonali u informazzjoni sussegwenti dwar it-tranżitu, bħal bidliet fl-iskeda tar-rotot jew ir-riżultati tal-kontrolli.

Top