This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0738
Proposal for a COUNCIL DECISION on the position to be adopted, on behalf of the European Union, in the EEA Joint Committee amending Annex II (Technical regulations, standards, testing and certification) to the EEA Agreement
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
/* COM/2013/0738 final - 2013/0354 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE /* COM/2013/0738 final - 2013/0354 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Sabiex jiġu żgurati
ċ-ċertezza legali u l-omoġeneità meħtieġa tas-Suq
Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra
l-leġiżlazzjoni kollha relevanti tal-UE fil-Ftehim ŻEE mill-aktar
fis possibbli wara l-adozzjoni tiegħu. 2. RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT L-Istati Membri tal-EFTA taż-ŻEE
jilqgħu r-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar il-Bijoċidi.
L-Istati Membri tal-EFTA taż-ŻEE jixtiequ li jkunu assoċjati
mill-iktar qrib possibbli mal-ħidma tal-Aġenzija Ewropea
għas-Sustanzi Kimiċi f’dan ir-rigward u l-Istati Membri tal-EFTA
taż-ŻEE mhux biss se jikkonformaw mar-Regolament, iżda jixtiequ
wkoll jikkontribwixxu attivament għax-xogħol previst fir-Regolament 528/2012.
L-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
(anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) sar b’dan il-ħsieb. Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza ċerti
karatteristiċi tal-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt
taż-ŻEE. Id-dħul fis-seħħ ta’ din
id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt fil-Liechtenstein se
jseħħ aktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istati
l-oħra tal-EFTA. Il-Liechtenstein għandu ftehim
mal-Isvizzera dwar il-prodotti bijoċidali. Abbażi ta' dan il-Ftehim,
l-Isvizzera tipproċessa l-applikazzjonijiet tal-Liechtenstein u
l-Liechtenstein jawtorizza (jew jipprojbixxi) il-prodott bijoċidali
inkwistjoni. Fil-futur qrib, l-Isvizzera se tallinja
il-leġiżlazzjoni tagħha f’dan il-qasam mal-iżviluppi
l-ġodda fl-UE (ir-Regolament 528/2012) u fid-dawl ta’ dan, il-Ftehim
bejn il-Liechtenstein u l-Isvizzera li jistabbilixxi l-kooperazzjoni fil-qasam
tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-prodotti bijoċidali se
jiġi aġġornat. Din is-soluzzjoni tiżgura livell
għoli ta’ protezzjoni kemm tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll dik
tal-annimali u tal-ambjent, filwaqt li tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb
tas-suq intern, imsemmi espliċitament bħala wieħed
mill-għanijiet tar-Regolament. F’dan il-kuntest, għandu jiġi
enfasizzat li s-soluzzjoni suġġerita ma tipprojbixxix it-tqegħid
fis-suq ta’ prodotti bijoċidali u ma tikser l-ebda libertà garantita
mill-Ftehim ŻEE, b'mod partikolari mhux il-moviment liberu tal-merkanzija.
Dan ukoll ma jirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE. Barra minn hekk, in-naħa tal-EFTA
tipproponi adattazzjonijiet b’mod partikolari b’rabta mal-parteċipazzjoni
tal-Istati tal-EFTA fil-ħidma tal-grupp ta’ koordinazzjoni skont
l-Artikolu 35 tar-Regolament 528/2012 u l-proċess tal-għoti
ta’ awtorizzazzjonijiet tal-Unjoni u d-deċiżjonijiet korrispondenti
fl-Istati tal-EFTA. 3. ELEMENTI ĠURIDIĊI
TAL-PROPOSTA Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar
it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali għandu
jiddaħħal fil-Ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni tressaq l-Abbozz ta'
Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-pożizzjoni korrispondenti
tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli. 2013/0354 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li temenda l-Anness II
(Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni)
tal-Ftehim ŻEE IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114,
flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar
l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar
iż-Żona Ekonomika Ewropea[1],
u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Il-Ftehim dwar
iż-Żona Ekonomika Ewropea[2]
(“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ
fl-1 ta' Jannar 1994. (2) Skont l-Artikolu 98
tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’
jiddeċiedi li, fost l-oħrajn, jemenda l-Anness II tiegħu. (3) L-Anness II tal-Ftehim
ŻEE fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar regolamenti tekniċi,
standards, ittestjar u ċertifikazzjoni. (4) Ir-Regolament (UE)
Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu
tal-prodotti bijoċidali għandu jiddaħħal fil-Ftehim
ŻEE. (5) Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012
iħassar, b'effett mill-1 ta' Settembru 2013,
id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3], li hija inkorporata fil-Ftehim
ŻEE u li għalhekk, bħala konsegwenza, għandha
titħassar taħt il-Ftehim ŻEE b’effett
mill-1 ta' Settembru 2013. (6) Għalhekk,
l-Anness II tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif
meħtieġ. (7) Il-pożizzjoni tal-Unjoni
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq
l-abbozz ta' Deċiżjoni li jinsab mehmuż, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tiġi
adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
dwar l-emenda proposta tal-Anness II tal-Ftehim taż-ŻEE gtkun
ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt
taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni ssir effettiva
fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Abbozz DEĊIŻJONI
TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru ta’ li
temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u
ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE, Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar
iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari
l-Artikolu 98 tiegħu, Billi: (1)
Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid
fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali[4] għandu jiddaħħal
fil-Ftehim taż-ŻEE. (2)
Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 iħassar,
b'effett mill-1 ta' Settembru 2013, id-Direttiva 98/8/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5],
li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li għalhekk, bħala
konsegwenza, għandha titħassar taħt il-Ftehim ŻEE b’effett
mill-1 ta' Settembru 2013. (3)
L-Anness II tal-Ftehim ŻEE għandu
għalhekk jiġi emendat skont dan, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 It-test tal-punt 12n
(id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)
tal-Kapitolu XV tal-Anness II jiġi ssostitwit b’dan li ġej
b’effett mill-1 ta’ Settembru 2013: ‘32012 R 0528: Ir-Regolament (UE)
Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu
tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1). Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament,
għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin: (a) L-Istati tal-EFTA jipparteċipaw
fix-xogħol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, minn
hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-Aġenzija’, kif stabbilita mill-Parlament
Ewropew u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1907/2006. (b) Minkejja d-dispożizzjonijiet
tal-Protokoll 1 għall-Ftehim, il-kliem 'Stat(i) Membru/i'
fir-Regolament jinftiehmu, b'żieda mat-tifsira tagħhom
fir-Regolament, bħala l-Istati tal-EFTA. (c) Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA,
skont kif u meta xieraq, l-Aġenzija tassisti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza
tal-EFTA jew lill-Kumitat Permanenti, skont il-każ, fil-qadi tal-kompiti
rispettivi tagħhom. (d) Il-paragrafu li ġej
jiżdied fl-Artikolu 35: “4. L-Istati tal-EFTA jkunu intitolati li
jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-grupp ta'
koordinazzjoni u fi ħdanu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi
bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief id-dritt għall-vot. Ir-regoli
ta' proċedura tal-Grupp ta' koordinazzjoni jagħtu effett
sħiħ lill-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA.” (e) Is-subparagrafu li ġej
jiżdied fl-Artikolu 44(5): “Meta l-Kummissjoni tagħti awtorizzazzjoni
tal-Unjoni jew tiddeċiedi li awtorizzazzjoni tal-Unjoni ma tkunx
ingħatat, l-Istati tal-EFTA fl-istess ħin u fi żmien 30 jum
mill-att tal-Kummissjoni jieħdu deċiżjonijiet korrispondenti.
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jiġi infurmat u jippubblika,
minn żmien għal żmien , il-listi ta' tali deċiżjonijiet
fis-Suppliment taż-ŻEE fil-Ġurnal Uffiċjali.” (f) Il-paragrafu li ġej
jiżdied fl-Artikolu 48: “4. Jekk il-Kummissjoni tikkanċella jew
temenda awtorizzazzjoni tal-Unjoni, l-Istati tal-EFTA jikkanċellaw
jew jemendaw id-deċiżjoni korrispondenti." (g) Is-subparagrafu li ġej
jiżdied fl-Artikolu 49: “Jekk il-Kummissjoni tikkanċella
awtorizzazzjoni tal-Unjoni, l-Istati tal-EFTA jikkanċellaw
id-deċiżjoni korrispondenti.” (h) Il-paragrafu li ġej
jiżdied fl-Artikolu 50: “4. Jekk il-Kummissjoni temenda awtorizzazzjoni
tal-Unjoni, l-Istati tal-EFTA jemendaw id-deċiżjoni
korrispondenti.” (i) Il-paragrafu li ġej
jiżdied fl-Artikolu 75: “5. L-Istati tal-EFTA ikunu intitolati li
jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal- Kumitat
tal-Prodotti Bijoċidali u fi ħdanu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi
bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief id-dritt għall-vot." (j) Il-paragrafu li ġej
jiżdied fl-Artikolu 78: “3. L-Istati tal-EFTA, sa mid-dħul
fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, jipparteċipaw
fl-iffinanzjar tal-Aġenzija. Għal dan il-għan, il-proċeduri
stabbiliti fl-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim japplikaw
mutatis mutandis.” (k) Jekk ikun hemm xi nuqqas ta’ ftehim
bejn il-Partijiet Kontraenti fuq l-amministrazzjoni ta' dawn
id-dispożizzjonijiet, il-Parti VII tal-Ftehim tapplika mutatis
mutandis. Artikolu 2 It-testi tar-Regolament (UE) Nru 528/2012
bil-lingwa Islandiża u b’dik Norveġiża, li jiġu ppubblikati
fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ ma’ Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fi , sakemm in-notifiki kollha taħt
l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jkunu saru[6]. Għal-Liechtenstein, din
id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-istess jum jew fil-jum
tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Liechtenstein u l-Isvizzera
li jistabbilixxi l-kooperazzjoni fil-qasam ta’ proċeduri ta’
awtorizzazzjoni għall-prodotti bijoċidali skont ir-Regolament (UE)
Nru 528/2012, skont liema tkun l-iktar tard. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni tiġi
ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE
tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell,. Għall-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE Il-President
Is-Segretarji
għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [1] ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6. [2] ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3. [3] ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. [4] ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1. [5] ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. [6] [M'huma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.]
[Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]