Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0320

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

/* COM/2013/0320 final - 2013/0167 (NLE) */

52013PC0320

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda /* COM/2013/0320 final - 2013/0167 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Sabiex jissaħħaħ il-profil tas-sostenibbiltà tal-programm ekonomiku għall-Irlanda u jitħaffu l-bżonnijiet ta’ likwidità tal-Gvern Irlandiż fis-snin ta’ wara l-programm, u b’konformità mal-Istqarrija tal-Ministri tal-Eurogroup u l-Ecofin tat-12 ta' April 2013, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda għandha tiġi emendata. Dawn l-emendi jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-estensjoni tal-maturità medja tal-faċilità kollha minn “sa 12,5-il sena” għal “sa 19,5-il sena” billi jiġu estiżi l-maturitajiet tal-iżborsi individwali.

Fuq talba tal-Irlanda u jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu, il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja mill-ġdid is-self inizjali kollu jew parti minnu sabiex testendi l-maturità ta’ ħlas parzjali jew individwali, sakemm il-maturità medja massima ta’ 19,5 sena tkun rispettata. Kull ammont misluf mill-Kummissjoni bil-quddiem jinżamm f’kont mal-BĊE li l-Kummissjoni fetħet għall-amministrazzjoni tal-assistenza finanzjarja. Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li l-maturità ta' meta jsiru l-operazzjonjiet ta' rifinanzjament tieħu ħsieb il-ġestjoni xierqa tal-marġni skont il-limitu massimu tar-Riżorsi Proprji tal-UE, inkluż il-profil tal-fidi tal-bonds tal-UE. L-operazzjonijiet ta' rifinanzjament huma mistennija li jseħħu mill-2015 u l-ispejjeż kollha mġarrba mill-UE fil-konklużjoni u t-twettiq ta' kull operazzjoni se jinġarrbu mill-Irlanda.

Ta’ min jinnota li din id-deċiżjoni se ssaħħaħ is-sostenibbiltà u ttejjeb il-prospetti ta’ likwidità tal-programm. Dan se jwassal għal kundizzjonijiet aħjar għas-self għall-istat li jkun qed jissellef, kif ukoll għal effetti sekondarji fis-settur privat. Dawn l-effetti huma ta’ benefiċċju kemm għall-pajjiżi kredituri kif ukoll għall-pajjiżi debituri u għalhekk jikkontribwixxu għall-istabbiltà taż-żona tal-euro.

Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li t-tibdil li jikkonsisti fl-estensjoni tal-maturità medja tas-self tal-EFSM lill-Irlanda, huwa ta’ benefiċċju sabiex jiġu żgurati l-għanijiet tal-programm.

2013/0167 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja[1], u b’mod partikulari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fuq talba tal-Irlanda, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Irlanda (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE[2]) b’appoġġ għal programm b’saħħtu ta’ riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li tinkiseb il-fiduċja mill-ġdid biex b’hekk l-ekonomija tkun tista’ terġa’ lura għal sitwazzjoni ta’ tkabbir sostenibbli, u bl-għan li titħares l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni.

(2)       Il-Kummissjoni temmet id-disa’ reviżjoni tal-programm ta’ riforma ekonomika Irlandiża fit-22 ta' April 2013.

(3)       Estensjoni tal-maturità medja massima tas-self tal-UE tkun ta’ benefiċċju minħabba li din tkun tappoġġa l-isforzi tal-Irlanda biex tikseb aċċess għas-suq sħiħ u toħroġ b’suċċess mill-programm tagħha. Sabiex jittieħed benefiċċju sħiħ mill-estensjoni tal-maturità medja massima tas-self tal-UE, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata testendi l-maturità ta’ ħlasijiet parzjali u individwali.

(4)       Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE jiġi emendat kif ġej:

(1) Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.        L-Unjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Irlanda self ta’ ammont massimu ta’ EUR 22,5 biljun, b’maturità medja massima ta’ 19,5-il sena. Kull wieħed mill-ħlasijiet individwali tal-faċilità ta’ self jista’ jkollu maturità ta’ sa 30 sena.”

(2) Jiżdied il-paragrafu li ġej:

"9.        Fuq talba tal-Irlanda, il-Kummissjoni tista’ ttawwal il-maturità ta’ ħlasijiet parzjali u individwali, sakemm il-maturità medja massima kif stabbilita fil-paragrafu 1 tkun rispettata. Il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self kollu tagħha jew parti minnu għal dik il-fini. Kull ammont misluf mill-Kummissjoni bil-quddiem jinżamm f’kont mal-BĊE li l-Kummissjoni fetħet għall-amministrazzjoni tal-assistenza finanzjarja."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

[2]               ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.

Top