This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0233
Proposal for a COUNCIL DECISION addressed to the Republic of Cyprus on specific measures to restore financial stability and sustainable growth
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta' stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta' stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli
/* COM/2013/0233 final - 2013/0121 (NLE) */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta' stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli /* COM/2013/0233 final - 2013/0121 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Fis-swieq
finanzjarji kienet qed issir pressjoni dejjem akbar fuq Ċipru, quddiem
l-isfond ta’ tħassib dejjem jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi
pubbliċi tiegħu, inkluż is-settur finanzjarju tiegħu li
ddgħajjef u dwar il-kobor tal-miżuri potenzjali ta' appoġġ
pubbliku. Għalkemm xi wħud mill-iżbilanċi tfaċċaw
għax il-pajjiż ittieħed minn effetti negattivi li ġew
minħabba l-kriżi taż-żona tal-euro u l-iżviluppi
fil-Greċja, oħrajn kellhom oriġini domestika u li kienu ilhom hemm.
Fost tnaqqis konsekuttiv fil-klassifikazzjoni mill-aġenziji ta'
klassifikazzjoni tal-kreditu tal-bonds sovrani Ċiprijotti, il-pajjiż
ma baqax f'pożizzjoni li jiffinanzja lilu nnifsu għat-tul b'rati
kompatibbli ma' sostenibbiltà għat-tul. Fl-istess waqt, is-settur bankarju
kien qed jinqata' dejjem aktar mill-finanzjament tas-swieq internazzjonali u
diversi istituzzjonijiet finanzjarji kbar irreġistraw telf kapitali
sostanzjali. Is-sitwazzjoni fis-settur bankarju marret għall-agħar
b’mod drammatiku kmieni fl-2013, minħabba tnaqqis fil-fiduċja li
wassal għal esodu ta’ depożiti kontinwu u sostanzjali. F’Marzu 2013,
il-Grupp tal-euro laħaq ftehim politiku dwar l-elementi ewlenin ta’
programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru
b’pakkett finanzjarju li jista' jlaħħaq sa EUR 10 biljun. Wara
taqlib finanzjarju, ġiet imposta btala bankarja ta’ għaxart (10)
ijiem, li matulha s-settur iċċekken b'mod sostanzjali permezz
tar-riżoluzzjoni u r-ristrutturar tal-banek u l-qtugħ tal-banek
Ċiprijotti mill-operazzjoni tagħhom fil-Greċja. Fl-isfond ta’ dawn
id-disturbi ekonomiċi u finanzjarji qawwija, l-awtoritajiet
Ċiprijotti talbu uffiċjalment assistenza finanzjarja fil-forma ta’
self mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja/il-Mekkaniżmu
Ewropew ta’ Stabbiltà fil-25 ta’ Ġunju 2012, kif ukoll mill-Fond Monetarju
Internazzjonali (FMI), bil-għan li tingħata għajnuna biex
l-ekonomija terġa’ lura għat-triq li twassal għal tkabbir
sostenibbli, biex b'hekk tiġi żgurata sistema bankarja li tiffunzjona
sewwa u li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni Ewropea
u fiż-żona tal-euro. Fis-27 ta’ Ġunju 2012, il-Grupp tal-euro
stieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),
lill-awtoritajiet Ċiprijotti, u lill-FMI biex jaqblu dwar programm ta’
aġġustament makroekonomiku, inklużi l-ħtiġijiet ta’
finanzjament, u biex jieħdu azzjoni xierqa sabiex titħares
l-istabbiltà finanzjarja. Fis-16 ta’ Marzu u l-25 ta’ Marzu 2013, il-Grupp
tal-euro laħaq ftehim politiku mal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar l-elementi
ewlenin ta’ programm, li kien jinkludi r-ristrutturar u t-tiċkin
sostanzjali tas-settur bankarju u t-tisħiħ tal-isforzi ta'
konsolidazzjoni fiskali, riformi strutturali u privatizzazzjoni. Parti
importanti tal-ftehim kienet li r-rikapitalizzazzjoni tal-banek tkun
iġġenerata kważi esklussivament mill-banek infushom
(jiġifieri mill-azzjonisti u l-kredituri). Id-depożiti sa
EUR 100,000 ma kellhomx jintmessu. Il-kredituri ma kellhomx isofru telf
superjuri għat-telf li kienu jġarrbu, kieku l-banek kellhom jiġu
stralċjati skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Fit-2 ta’ April
2013, intlaħaq ftehim fuq livell tekniku rigward pakkett ta’ politika
komprensiv biex jiġi implimentat fi ħdan programm ta’
aġġustament makroekonomiku ta' tliet (3) snin; l-objettivi,
il-miżuri u r-riżultati ewlenin kienu stabbiliti f’abbozz ta’
Memorandum ta’ Qbil (MtQ) bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ Ċipru. Il-programm ta’
aġġustament makroekonomiku għandu l-għan li terġa
tinkiseb il-fiduċja tas-suq finanzjarju, jiġu ristabbiliti
bilanċi makroekonomiċi sodi u li l-ekonomija tkun tista' terġa’
lura għal tkabbir sostenibbli. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet,
il-programm huwa msejjes fuq tliet pilastri. L-ewwel pilastru huwa
strateġija għas-settur finanzjarju bbażata fuq ir-ristrutturar u
t-tiċkin tal-istituzzjonijiet finanzjarji tiegħu u t-tisħiħ
tas-sorveljanza tiegħu, bi sforzi biex jiġu indirizzati nuqqasijiet
fil-kapital u l-likwidità. It-tieni pilastru huwa strateġija
ambizzjuża ta’ konsolidazzjoni fiskali, imsejsa fuq l-isforzi ta’
konsolidazzjoni mibdija fl-2012, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri
mmirati biex jitnaqqas l-infiq primarju attwali, jsaħħaħ
id-dħul tal-gvern, jitjieb il-funzjonament tas-settur pubbliku u
tinżamm konsolidazzjoni fiskali fuq medda medja ta’ żmien.
L-għan huwa li jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv
tal-gvern ġenerali u li l-proporzjon ta’ dejn pubbliku gross mal-PDG
jaqbad xejra 'l isfel fuq perjodu ta’ żmien medju. L-awtoritajiet huma
impenjati li jniżżlu d-defiċit għal taħt it-3% tal-PDG
kemm jista’ jkun malajr. Għandha titkompla l-implimentazzjoni tajba ta’
Fondi Strutturali u Fondi oħra tal-UE, kif ukoll tal-inizjattivi ta'
politika tal-UE mmirati lejn żieda fl-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku. Dan
ikun ta' kontribut biex Ċipru jitqiegħed fuq it-triq ta' tkabbir
għat-tul. It-tielet pilastru jikkonsisti minn aġenda ambizzjuża
ta’ riformi strutturali, bil-għan li jingħata sostenn
lill-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli u bbilanċjat, b’konformità
mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lejn Ċipru
fl-2012, u li tippermetti li jinħallu l-iżbilanċi
makroekonomiċi. Filwaqt li jfakkru l-ftehim politiku tat-28 ta’ Frar 2013
fuq Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi garanzija
għaż-żgħażagħ, għandhom jinżammu
l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-prospetti
tagħhom li jsibu impjieg. Il-programm ikopri
l-perjodu 2013-2016. 2013/0121 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru
dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta'
stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 136(1),
flimkien mal-Artikolu 126(6) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) L-Artikolu 136(1)
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi
l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi
għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bil-ħsieb li
jiġi żgurat it-tħaddim kif xieraq tal-unjoni ekonomika u monetarja. (2) Fit-13 ta’ Lulju 2010,
il-Kunsill adotta deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE li
jgħid li f’Ċipru kien jeżisti defiċit eċċessiv[1] u ħareġ
rakkomandazzjoni lil Ċipru skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE bil-ħsieb
li tinġieb fi tmiemha s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv
tal-gvern u ddikjara li “l-awtoritajiet ta’ Ċipru għandhom iġibu
fi tmiemha l-qagħda attwali ta’ żbilanċ eċċessiv
mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-2012”. (3) Fir-Rakkomandazzjoni dwar
il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2012 ta’ Ċipru u f'opinjoni dwar
il-Programm ta’ Stabbiltà għal Ċipru, 2012-2015[2], il-Kunsill irrakkomanda, fost
affarijiet oħra, li Ċipru jieħdu azzjoni biex tinkiseb
korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv fl-2012, jiżgura
li jsir biżżejjed progress fir-rigward tal-valur referenzjarju
għat-tnaqqis tad-dejn, jissaħħu d-dispożizzjonijiet
regolatorji għar-rikapitalizzazzjoni effiċjenti tal-istituzzjonijiet
finanzjarji u li titjieb il-kompetittività. (4) Fis-swieq finanzjarji kienet
qed issir pressjoni dejjem akbar fuq Ċipru, quddiem l-isfond ta’
tħassib dejjem jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi
pubbliċi tiegħu, inkluż dwar il-miżuri li jkunu
meħtieġa mis-settur pubbliku bħala sostenn għas-settur
finanzjarju li jinsab għaddej minn problemi. Għalkemm xi wħud
mill-iżbilanċi tfaċċaw għax il-pajjiż
ittieħed minn effetti negattivi li ġew minħabba l-kriżi
taż-żona tal-euro u l-iżviluppi fil-Greċja, oħrajn
kellhom oriġini domestika u li kienu ilhom hemm.[3] Fost tnaqqis konsekuttiv
fil-klassifikazzjoni mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu
tal-bonds sovrani Ċiprijotti, il-pajjiż ma baqax f'pożizzjoni li
jiffinanzja lilu nnifsu mill-ġdid b'rati kompatibbli ma' sostenibbiltà
fiskali għat-tul. Fl-istess waqt, is-settur bankarju kien qed jinqata'
dejjem aktar mill-finanzjament tas-swieq internazzjonali u diversi
istituzzjonijiet finanzjarji kbar irreġistraw telf kapitali sostanzjali. (5) Fl-isfond ta’ dawn
il-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji severi, l-awtoritajiet
Ċiprijotti talbu uffiċjalment assistenza finanzjarja fil-forma ta’
self mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja/il-Mekkaniżmu
Ewropew ta’ Stabbiltà fil-25 ta’ Ġunju 2012, kif ukoll mill-Fond Monetarju
Internazzjonali (FMI), bil-għan li tingħata għajnuna biex
l-ekonomija terġa’ lura għat-triq li twassal għal tkabbir
sostenibbli, biex b'hekk tiġi żgurata sistema bankarja li tiffunzjona
sewwa u li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni Ewropea
u fiż-żona tal-euro. Fis-27 ta’ Ġunju 2012, il-Grupp tal-euro
stieden lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-BĊE, mal-awtoritajiet
Ċiprijotti, u mal-FMI biex jaqblu dwar programm ta’ aġġustament
makroekonomiku, inklużi l-ħtiġijiet ta’ finanzjament, u li
tittieħed l-azzjoni xierqa għas-salvagwardja tal-istabbiltà
finanzjarja attwali fl-ambjent diffiċli ħafna b’riskju ta’ effetti li
jinxterdu minħabba taqlib fis-suq sovran. Fis-16 ta’ Marzu u l-25 ta’
Marzu 2013, il-Grupp tal-euro laħaq ftehim politiku mal-awtoritajiet
Ċiprijotti fuq il-pedamenti ta’ programm. Is-settur bankarju kellu
jiġu ristrutturat u mċekken u kellhom jitqawwew l-isforzi fuq
il-konsolidazzjoni fiskali, ir-riformi strutturali u l-privatizzazzjoni.
Ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek kellha tiġi ġġenerata
kważi esklussivament minn ħdan il-banek (jiġifieri mill-azzjonist
u d-depożitanti). (6) Fiċ-ċirkostanzi
preżenti, Ċipru għandu jadotta pakkett komprensiv ta’ politika
biex jiġi implimentat fi ħdan programm ta’ aġġustament
makroekonomiku ta' tliet (3) snin, fuq perjodu minn 2013-Q2 sa 2016-Q1. (7) Il-pakkett ta' politika
għandu jkollu l-għan li terġa tinkiseb il-fiduċja tas-suq
finanzjarju, jiġu ristabbiliti bilanċi makroekonomiċi sodi u li
jippermetti li l-ekonomija tkun tista' terġa’ lura għal tkabbir
sostenibbli. Għandu jkun strutturat fuq tliet pilastri. L-ewwel pilastru
għandu jkun strateġija għas-settur finanzjarju bbażata fuq
ir-ristrutturar u t-tiċkin tal-istituzzjonijiet finanzjarji tiegħu u
t-tisħiħ tas-sorveljanza tas-settur, bi sforzi biex jiġu
indirizzati nuqqasijiet fil-kapital u l-likwidità. It-tieni pilastru
għandu jkun strateġija ambizzjuża ta' konsolidament fiskali li
tinbeda b'saħħa, b'mod partikolari permezz ta’ miżuri mmirati
biex jitnaqqas l-infiq primarju attwali, jsaħħaħ id-dħul
tal-gvern, jitjieb it-tħaddim tas-settur pubbliku u tinżamm
il-konsolidazzjoni fiskali fuq il-medda medja ta’ żmien, filwaqt li
jiġi mminimizzat l-impatt fuq persuni żvantaġġjati u
tinżamm l-implimentazzjoni tajba ta’ fondi strutturali u fondi oħra
tal-UE. It-tielet pilastru għandu jikkonsisti minn aġenda
ambizzjuża ta’ riformi strutturali, bil-għan li tiġi sostnuta
l-kompetittività u tkabbir sostenibbli u bbilanċjat, li jippermettu
t-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi, b’mod partikolari billi
tiġi riformata s-sistema tal-indiċizzar tal-pagi, f’konsultazzjoni
mal-imsieħba soċjali, u t-tneħħija ta’ ostakli
għall-funzjonament mingħajr intoppi tas-swieq. Filwaqt li jfakkru
l-ftehim politiku tat-28 ta’ Frar 2013 fuq Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li
tistabbilixxi garanzija għaż-żgħażagħ,
għandhom jinżammu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ
u l-prospetti tagħhom li jsibu impjieg. (8) Skont tbassir
aġġornat tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG
(-0.5 % fl-2012, -8.2 % fl-2013, -2.9 % fl-2014, 2.6 %
fl-2015 u 3.7 % fl-2016), il-proporzjon tad-dejn għall-PGD se
jammonta għal 87 % fl-2012, 109 % fl-2013, 123 % fl-2014,
126 % fl-2015 u 122 % fl-2016. Għaldaqstant, il-proporzjon
tad-dejn għall-PDG jiżdied malajr sal-2015 u jaqbad xejra 'l isfel
wara dan, u jinżel għal madwar 105 % fl-2020. Id-dinamiċi
tad-dejn huma affettwati minn diversi operazzjonijiet esklużi mit-total
tal-kont. Skont tbassir aġġornat tal-Kummissjoni għat-tkabbir
nominali tal-PDG, l-ewwel Bilanċ ġenerali tal-gvern hu mbassar li
jilħaq defiċit ta’ EUR 395 miljun (2.4 % tal-PDG) fl-2013,
defiċit ta’ EUR 678 miljun (4.3 % tal-PGD) fl-2014, defiċit
ta’ EUR 344 miljun (2.1 % tal-PGD) fl-2015 u bilanċ
pożittiv ta’ EUR 204 miljun (1.2 % tal-PGD) fl-2016. (9) Fattur kritiku
għar-restawrazzjoni tal-istabbilità finanzjarja f'Ċipru huwa li
titqawwa r-reżiljenza tas-settur bankarju Ċiprijott u - minħabba
r-rabtiet qawwija — li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja
fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. Bħalissa
qed isir tiċkin u ristrutturar sostanzjali tas-settur bankarju Ċiprijott.
Il-Kamra tar-Rappreżentanti adottat leġiżlazzjoni li
tistabbilixxi qafas komprensiv għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’
istituzzjonijiet ta’ kreditu. Bl-użu ta’ dan il-qafas il-ġdid,
is-settur bankarju Ċiprijott iċċekken b'mod immedjat u b'mod
sinifikanti. Għall-preżervazzjoni tal-likwidità fis-settur bankarju
Ċiprijott, ġew imposti miżuri amministrattivi temporanji. (10) L-implimentazzjoni ta’ riformi
komprensiv u ambizzjużi f’oqsma finanzjarji, fiskali u strutturali
għandha tissalvagwradaw s-sostenibbiltà, fuq perjodu ta' żmien medju,
tad-dejn pubbliku Ċiprijott. (11) Il-Kummissjoni Ewropea,
b’kooperazzjoni mal-BĊE, u jekk relevanti, il-FMI għandha tivverifika
f’intervalli regolari l-implimentazzjoni rigoruża tal-programm ta’
aġġustament makroekonomiku permezz ta’ missjonijiet u rappurtar regolari
mill-awtoritajiet Ċiprijotti, fuq bażi ta’ kull tliet xhur. (12) Matul l-implimentazzjoni
tal-pakkett ta' politika, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza
politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f’oqsma speċifiċi. (13) L-awtoritajiet Ċiprijotti
għandhom jinvolvu, skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali,
l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà
ċivili fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u
l-evalwazzjoni tal-programm ta’ assistenza finanzjarja. (14) Kwalunkwe forma ta’ assistenza
finanzjarja riċevuta sabiex tgħin l-implimentazzjoni tal-politiki
taħt programm ta’ aġġustament makroekonomiku trid tkun konformi
ma’ rekwiżiti legali u politiki tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari
mal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni. Interventi ta' appoġġ
lill-istituzzjonijiet finanzjarji iridu jitwettqu skont ir-regoli tal-Unjoni
dwar il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni se tiżgura li kwalunkwe miżura
stipulati f’Memorandum ta’ Ftehim fil-kuntest ta’ assistenza finanzjarja
mitluba tal-MES hija kompletament konsistenti ma’ din id-deċiżjoni. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1 Sabiex ikun iffaċilitat
ir-ritorn tal-ekonomija Ċiprijotta lejn it-triq ta' tkabbir sostenibbli u
ta' sostenibbilta fiskali u finanzjarja, Ċipru jimplimenta b’mod
rigoruż programm ta’ aġġustament makroekonomiku, li l-elementi
prinċipali tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din
id-Deċiżjoni. Il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku
(minn hawn ’il quddiem il-“programm”) jindirizza r-riskji speċifiċi
li joriġinaw f'Ċipru għall-istabbiltà finanzjarja
taż-żona tal-euro u jkollu l-għan li terġa’ tinkiseb malajr
sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika soda u sostenibbli u tiġi restawrata
l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu bis-sħiħ
fis-swieq finanzjarji. Il-programm iqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet
indirizzati lil Ċipru skont l-Artikoli 121, 126, 136 u 148 tat-TFUE
kif ukoll l-azzjonijiet tiegħu biex jikkonforma magħhom, filwaqt li
jimmira lejn it-twessigħ, it-tisħiħ u l-approfondiment
tal-miżuri ta’ politika meħtieġa. 2 Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni
mal-BĊE, u jekk relevanti, mal-FMI, tissorvelja l-progress magħmul
fl-implimentazzjoni tal-programm. Ċipru jrid jikkoopera bis-sħiħ
mal-Kummissjoni u mal-BĊE. B'mod partikolari jipprovdi lill-Kummissjoni u
lill-BĊE bl-informazzjoni kollha li jqis neċessarja
għall-monitoraġġ tal-programm. 3 Il-Kummissjoni,
b'kollaborazzjoni mal-BĊE u, fejn xieraq, mal-FMI, teżamina
mal-awtoritajiet Ċiprijotti kwalunkwe tibdiliet u aġġornamenti
għall-programm li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex tqis kif
xieraq, inter alia, kwalunkwe diskrepanza sinifikanti bejn
il-previżjonijiet makroekonomiċi u fiskali u ċ-ċifri reali
(inkluż tal-qgħad), l-effetti negattivi mifruxa kif ukoll
ħasdiet makroekonomiċi u finanzjarji. Sabiex tiġi żgurata
implimentazzjoni mingħajr xkiel tal-programm, u bħala għajnuna
biex l-iżbilanċi jiġu kkoreġuti b’mod sostenibbli,
il-Kummissjoni tipprovdi pariri u gwida kontinwi dwar ir-riformi fiskali,
strutturali u tas-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni minn żmien għal
żmien tivvaluta l-impatt ekonomiku tal-programm u tirrakkomanda
l-korrezzjonijiet neċessarji bil-għan li jissaħħaħ
it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tinkiseb il-konsolidazzjoni fiskali
meħtieġa, u jiġu minimizzati impatti soċjali li jġibu
ħsara. Artikolu 2 1 L-objettivi prinċipali
tal-programm Ċiprijott huma: li tiġi restawrata l-pożizzjoni
soda tas-settur bankarju Ċiprijott; li jitkompla l-proċess kontinwu
ta’ konsolidazzjoni fiskali; kif ukoll li jiġu implimentati riformi
strutturali li jsostnu l-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli u bbilanċjat. 2 Ċipru jissokta
b'konsolidazzjoni fiskali konsistenti mal-obbligi tiegħu skont
il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv permezz ta’
miżuri permanenti ta’ kwalità għolja u bil-minimizzazzjoni tal-impatt
fuq gruppi vulnerabbli. 3 Ċipru għandu
jadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 4 sa 15. 4 Sabiex jitnaqqas
id-defiċit għal inqas minn 3 % tal-PDG kemm jista’ jkun malajr,
Ċipru għandu jkun lest li jieħu miżuri addizzjonali ta’
konsolidazzjoni. B'mod speċifiku, f’każ ta’ prestazzjoni inadegwata
minn intrjoti jew minħabba bżonnijiet ta’ nfiq soċjali
ogħla minħabba effetti makroekonomiċi negattivi, il-gvern ikun
lest li jieħu miżuri addizzjonali biex jippreserva l-objettivi
tal-programm, inkluż permezz tat-tnaqqis fl-infiq diskrezzjonarju, filwaqt
li jimminimizzaw l-impatt fuq persuni żvantaġġjati. Matul
il-perjodu tal-programm, l-introjtu f'kontanti li jeċċedi
l-previżjonijiet fil-programm, inkluż kwalunkwe qligħ mhux
mistenni, irid jitfaddal jew jintuża biex jitnaqqas id-dejn. Jekk,
minflok, ikun hemm prestazzjoni aħjar milli mistenni, sal-punt li din
titqies permanenti, dan jista’ jnaqqas il-ħtieġa ta' miżuri
addizzjonali fis-snin ta' wara. 5 Ċipru jżomm
mal-implimentazzjoni tajba ta’ fondi strutturali u fondi oħra tal-UE. 6 Bil-għan li tiġi
rrestawrata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju, Ċipru jkompli bir-riforma
u r-ristrutturar mill-qiegħ tas-settur bankarju u jsaħħaħ
il-banek vijabbli billi jirrestawra l-kapital tagħhom, jindirizza
s-sitwazzjoni tal-likwidità tagħhom u jsaħħaħ
is-superviżjoni tagħhom. Il-programm jipprevedi dawn il-miżuri u
riżultati: (a) li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni
tal-likwidità tas-settur bankarju tiġi ssorveljata mill-qrib u li
jittieħdu miżuri xierqa biex tinżamm il-likwidità fis-sistema
skont ir-regoli tal-Ewrosistema. Ir-restrizzjonijiet temporanji li ġew
imposti dan l-aħħar fuq il-moviment ħieles tal-kapital (fost
affarijiet oħra, limiti fuq il-ġbid ta’ flus kontanti, fuq
il-ħlasijiet elettroniċi u fuq it-trasferimenti magħmula barra
mill-pajjiż) se jiġu ssorveljati mill-qrib. L-għan ikun li
l-kontrolli ma jibqgħux fis-seħħ lil hinn miż-żmien li
fih ikunu strettament meħtieġa sabiex jipprevjenu riskji serji u
immedjati għall-istabbiltà finanzjarja. Il-pjanijiet ta’ finanzjament u
ta' kapital, fuq perijodu ta’ żmien medju, tal-banek lokali li jiddependu
fuq il-finanzjament mingħand il-banek ċentrali jew li jirċievi
l-għajnuna mill-Istat għandhom jirriflettu b’mod realistiku t-tnaqqis
fl-ingranaġġ li hu antiċipat li jseħħ fis-settur
bankarju, u jnaqqsu d-dipendenza fuq self minn banek ċentrali, filwaqt li
jiġu evitati bejgħ bl-għaġġla tal-assi u kriżi
tal-kreditu. Ir-regolamenti dwar ir-rekwiżiti minimi ta' likwidità se
jiġu aġġornati biex fil-futur ma jkunx hemm konċentrazzjoni
f’assi dominati mill-euro fil-futur; (b) li ssir valutazzjoni indipendenti
tal-assi tal-Bank of Cyprus u tas-Cyprus Popular Bank u li jiġu integrati
malajr l-operazzjonijiet tas-Cyprus Popular Bank ma' dawk tal-Bank of Cyprus.
Il-valutazzjoni trid isseħħ malajr sabiex il-partijiet relevanti
tad-depożiti mhux assigurati fil-Bank of Cyprus ikunu jistgħu
jiġu rilaxxati; (c) li jiġu adottati r-rekwiżiti
regolatorji meħtieġa rigward żieda fil-proporzjon minimu
tal-adegwatezza kapitali ewlieni għal-livell minimu ċentrali 1
għal 9 % sal-aħħar tal-2013; (d) li jittieħdu passi biex jiġi
minimizzat il-kost tar-ristrutturar tal-banek għall-kontribwenti.
L-istituzzjonijiet ta' kreditu kummerċjali u koperattivi
sottokapitalizzati jgħollu, sal-ogħla livell possibbli, il-kapital
minn sorsi privati, li jinkludu d-detenturi tal-ishma u l-kredituri tal-banek,
iżda ma jkunux limitati għalihom biss, qabel ma jkunu awtorizzati
miżuri ta' għajnuna mill-Istat. Kwalunkwe pjan ta' ristrutturar jew
ta' riżoluzzjoni jiġi formalment approvat taħt ir-regoli
tal-għajnuna mill-Istat, qabel tiġi pprovduta tali għajnuna
mill-Istat; (e) li jiġi żgurat li jinħoloq
reġistru ta’ kreditu, li l-qafas regolatorju kurrenti fuq proċessi
ta’ self jiġi rivedut u emendat, jekk ikun hemm bżonn, u li tiġi
adottata leġiżlazzjoni għat-tisħiħ tal-governanza ta’
banek kummerċjali; (f) li tissaħħaħ
il-governanza tal-banek, inkluż billi jiġi pprojbit is-self lil
membri indipendenti tal-bord jew lil partijiet relatati magħhom; (g) li jiġi mmassimizzat l-irkupru
għal self mhux produttiv, filwaqt li jiġu minimizzati
l-inċentivi għal inadempjenza strateġika minn min jissellef. Dan
jinkludi t-tnaqqis ta' limitazzjonijiet fuq il-qbid ta’ kollateral u
l-monitoraġġ xieraq u l-ġestjoni ta' self improduttiv. Il-Bank
Ċentrali ta’ Ċipru se joħroġ gwida biex is-self kollu li jkun
għadu ma tħallasx wara 90 jum jiġi kklassifikat bħala
improduttiv; (h) li jiġu allineati r-regolazzjoni u
s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet koperattivi ta’ kreditu ma' dawk
tal-banek kummerċjali; (i) li tiġi aċċertata
l-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu u tiġi
żviluppata, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, li tinforma lill-BĊE u
lill-FMI, strateġija għall-istruttura, il-funzjonament u l-vijabbiltà
fil-ġejjieni tas-settur tal-istituzzjonijiet koperattivi ta’ kreditu.
L-implimentazzjoni tal-istrateġija għandha titlesta sa nofs l-2015; (j) li titkabbar il-monitoraġġ fuq
id-djun tas-settur korporattiv u dak domestiku u li jiġi stabbilit qafas
ta' ristrutturar immirat tas-settur privat; kif ukoll (k) li jitkompla jittejjeb il-qafas ta’
kontra l-ħasil ta’ flus, u li tiġi żgurata trasparenza
sħiħa tal-entitajiet, f’konformità mal-aħjar prassi. 7. Matul l-2013, l-awtoritajiet
jimplimentaw b’mod rigoruż il-liġi tal-baġit tal-2013
b'miżuri permanenti addizzjonali ta’ mill-inqas EUR 351 miljun
(2.1 % tal-PGD). Ċipru jemenda l-liġi tal-baġit tal-2013
biex din tiġi tinkludi l-miżuri ta’ konsolidament addizzjonali.
Ċipru jadotta l-miżuri li ġejjin: (a) Fuq in-naħa tan-nefqa, il-baġit
għandu jinkludi, it-tnaqqis tan-nefqa fuq skemi ta’ djar b’mill-inqas
EUR 36 miljun u tnaqqis ulterjuri skalat tal-pagi tas-settur pubbliku,
ir-razzjonalizzazzjoni ta’ ċerti benefiċċji soċjali; (b) Fuq in-naħa tad-dħul,
il-miżuri addizzjonali għandhom jinkludu żidiet fit-taxxi fuq
il-proprjetà, fir-rata statutorja tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv,
fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu mill-imgħax, fil-levy bankarja, u
fil-ħlasijiet għal servizzi pubbliċi; (c) Ċipru għandu jirriforma
s-sistema tat-taxxa għal vetturi bil-mutur, abbażi ta' prinċipji
ekoloġiċi u bil-għan li jkun hemm introjti addizzjonali; (d) Ċipru għandu jintroduċi
miżuri għall-kontroll tal-ispejjeż fuq is-saħħa u
jtejjeb il-kosteffiċjenza fis-settur tal-kura tas-saħħa permezz
tat-tisħiħ tal-effiċjenza tal-isptarijiet pubbliċi,
tal-kompetittività u l-kosteffettività. Barra minn hekk, Ċipru għandu
jintroduċi sistema ta' kopagamenti għal numru limitat ta’ servizzi
mediċi u ta' farmaċewtiċi; kif ukoll (e) Ċipru għandu jiżgura
l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni adottati
sa minn Diċembru 2012. 8. Il-miżuri li ġejjin
għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2014: (a) Fuq in-naħa tan-nefqa, il-baġit
għandu jinkludi: tnaqqis fl-infiq totali għal trasferimenti
soċjali permezz ta’ immirar aħjar, liema miżura għandha
trendi mill-inqas EUR 28.5 miljun; tnaqqis ulterjuri fil-pagi tas-settur
pubbliku, u dak pubbliku usa’; l-introduzzjoni ta’ tariffa imposta fuq il-karta
tat-trasport pubbliku għal studenti u pensjonanti; kif ukoll miżuri
għal riforma strutturali fis-settur edukattiv biex titnaqqas in-nefqa fuq
il-pagi; kif ukoll (b) Fuq in-naħa tal-introjti,
il-baġit għall-2014 għandu jinkludi: estensjoni
tal-kontribuzzjoni temporanja fuq il-qligħ gross ta' impjegati tas-settur
pubbliku u dak privat sal-31 ta’ Diċembru 2016; żidiet fil-VAT;
żidiet fid-dazji tas-sisa; kif ukoll żieda fil-kontribuzzjonijiet
għall-Iskema Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali. 9. Sabiex tkun żgurata
s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, Ċipru jimplimenta
riformi fiskali-strutturali, li jinkludu, fost affarijiet oħra, dawn
il-miżuri u riżultati: (a) riformi fis-sistema tal-pensjonijiet
ġenerali u dik tas-settur pubbliku sabiex is-sistema tal-pensjoni
titqiegħed fuq it-triq tas-sostenibbiltà, filwaqt li tiġi indirizzata
l-adegwatezza tal-pensjonijiet. Jekk meħtieġ, ir-riformi jiġu msaħħa
aktar; (b) jiġi kkontrollat it-tkabbir
tan-nefqa fuq is-saħħa sabiex tissaħħaħ
is-sostenibbiltà tal-istruttura ta' finanzjament u l-effiċjenza
tal-provvista ta’ kura tas-saħħa pubblika; (c) titjib fl-effiċjenza tal-infiq
pubbliku u tal-proċess baġitarju permezz ta’ qafas baġitarju
effettiv għal perjodu ta’ żmien medju bħala parti
mill-ġestjoni mtejba tal-finanzi pubbliċi, konformi
bis-sħiħ mad-Direttiva dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa
baġitarji u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza
(TSKG); (d) l-adozzjoni ta’ qafas legali u
istituzzjonali xieraq għal sħubiji pubbliċi privati mfassla
b'mod konformi mal-aħjar prattiki; (e) it-tfassil ta’ programm biex tinkiseb
sistema ta’ governanza korporattiva solida għal intrapriżi li huma
proprjetà tal-Istat u semipubbliċi u l-bidu ta’ pjan ta’ privatizzazzjoni
bħala għajnuna biex tittejjeb l-effiċjenza ekonomika u tiġi
restawrata s-sostenibbiltà tad-dejn; (f) it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pjan
komprensiv ta' riforma biex tittejjeb l-effikaċja u l-effiċjenza
tal-ġbir tat-taxxa u tal-amministrazzjoni, inklużi miżuri biex
jiġu salvagwardjati l-applikabbiltà sħiħa u f'waqtha
tal-liġijiet u l-istandards li jirregolaw il-kooperazzjoni internazzjonali
dwar it-taxxa u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa; (g) riforma fit-taxxa fuq il-proprjetà
immobbli; (h) riforma tal-amministrazzjoni pubblika
biex jittejbu t-tħaddim u l-kosteffettività tagħha, notevolment billi
jiġi rivedut id-daqs, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u
l-organizzazzjoni funzjonali tas-servizz pubbliku sabiex ikun żgurat
użu effiċjenti tar-riżorsi tal-gvern u provvista ta' servizz ta’
kwalità għall-popolazzjoni; kif ukoll (i) riformi tal-istruttura ġenerali u
l-livelli ta’ benefiċċji soċjali, bil-għan li jsir użu
effiċjenti tar-riżorsi u jinkiseb bilanċ xieraq bejn
l-għajnuna soċjali u l-inċentivi biex wieħed jibda
jaħdem. 10. Ċipru għandu
jimplimenta riforma tas-sistema tal-indiċizzar tal-pagi, wara
konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u konsistenti mal-għanijiet
li tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija u li tirrifletti l-iżviluppi
fil-produttività tax-xogħol. Ir-riforma ppjanata fl-assistenza pubblika
għandha tiżgura li l-assistenza soċjali sservi bħala xibka
ta’ sikurezza biex jiġi żgurat dħul minimu għal dawk li
mhux kapaċi jmantnu livell bażiku ta’ għajxien, filwaqt li
jiġu salvagwardjati l-inċentivi biex wieħed jibda jaħdem.
Kwalunkwe bidla fil-paga minima għandha tkun f’konformità ma’
żviluppi ekonomiċi u fis-suq tax-xogħol, u wara konsultazzjoni
mal-imsieħba soċjali. 11. Ċipru jadotta l-emendi
neċessarji li fadal għal leġiżlazzjoni speċifika
għas-settur sabiex jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar
is-Servizzi. Ostakli mhux ġustifikati fis-swieq tas-servizzi, b’mod partikolari
f’dak li għandu x’jaqsam ma’ professjonijiet regolati jiġu eliminati.
Il-qafas tal-kompetizzjoni jittejjeb billi jitjieb l-iffunzjonar tal-awtorità
kompetenti għall-kompetizzjoni u billi jiġu msaħħa
l-indipendenza u s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. 12 Sa tmiem l-2014, Ċipru
jnaqqas għal inqas minn 2000, l-għadd ta' titoli ta' proprjetà li
jkunu għadhom pendenti u għandu jimplimenta skedi garantiti ta’
żmien għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-bini u ta' titoli
tal-proprjetà. 13. Ċipru jemenda
l-bejgħ sfurzat ta’ proprjetà ipotekata u jippermetti l-bejgħ
bl-irkant privat fl-aqsar perjodu ta' żmien possibbli, sa tmiem l-2013.
Il-pass ta’ pproċessar ta' każijiet fil-qorti għandu
jitħaffef u l-ammont ta' kawżi pendenti fil-qorti għandu jkun
eliminat sa tmiem il-programm. 14. Ċipru jieħu inizjattivi
biex issaħħaħ il-kompetittività tas-settur tat-turiżmu.
Dawn l-inizjattivi jinkludu reviżjoni tal-Istrateġija
tat-Turiżmu għall-2011-2015, ibbażata fuq studju dwar kif jista’
jittejjeb il-mudell tan-negozju tas-settur tat-turiżmu, kif ukoll
analiżi bir-reqqa tal-aħjar mod sabiex tinkiseb biżżejjed
konnettività bl-ajru għal Ċipru. 15. Fis-settur tal-enerġija,
Ċipru għandu jittrasponi u jimplimenta bis-sħiħ it-tielet
pakkett tal-enerġija. Barra minn hekk, għandu jitfassal pjan ta’
żvilupp komprensiv għall-irranġar mill-ġdid tas-settur
tal-enerġija Ċiprijott. Il-pjan għandu jinkludi: (a) pjan ta’ tnedija tal-infrastruttura
meħtieġa għall-esplojtazzjoni tal-gass; (b) il-punti prinċipali ta' reġim
regolatorju u tal-organizzazzjoni tas-suq għas-settur tal-enerġija u
l-esportazzjonijiet tal-gass; kif ukoll (c) pjan biex jiġi stabbilit qafas
istituzzjonali għall-ġestjoni ta’ riżorsi ta’ idrokarburi,
inkluż fond għar-riżorsi, li għandu jirċievi u
jiġġestixxi d-dħul pubbliku mill-isfruttament tal-gass lil hinn
mill-kosta u li jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-aħjar prattiki
rikonoxxuti internazzjonalment. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lir-Repubblika ta’ Ċipru. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni tiġi
ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 186, 20.7.2012, p. 30. [2] ĠU C 219, 24.7.2012, p. 13. [3] Kif speċifikat fl-analiżi dettaljata dwar
Ċipru tal-2012 u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi
għall-pajjiż għall-2012 indirizzati lil Ċipru taħt is-Semestru
Ewropew.