Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0192

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea.

/* COM/2013/0192 final - 2013/0103 (COD) */

52013PC0192

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea. /* COM/2013/0192 final - 2013/0103 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (“ir-Regolament bażiku tal-anti-dumping”) u r-Regolament (KE) Nru 597/2009 (“ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji”). Meta jitqies il-fatt li dawn ir-Regolamenti ilhom ma jiġu riveduti b'mod sostanzjali mit-tlestija taċ-Ċiklu tal-Urugwaj fl-1995 u meta jitqiesu l-konklużjonijiet tal-istudju tal-evalwazzjoni dwar il-funzjonament ta’ dawn l-istrumenti, huwa propost li jiġu aġġornati u modernizzati l-istrumenti.

Kuntest ġenerali

L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi, inter alia, li jiġu stabbiliti miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ bħal dawk li għandhom jittieħdu jekk ikun hemm dumping jew jekk jingħataw sussidji.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ir-Regolamenti tal-Kunsill imsemmijin hawn fuq.

Konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-għanijiet tal-Unjoni

Ma hemm l-ebda kunflitt mal-politiki jew l-għanijiet tal-Unjoni.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kkonċernati f’din il-proposta kellhom l-opportunità li jieħdu sehem fil-konsultazzjoni pubblika li twettqet minn April sa Lulju 2012. Sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika ilu disponibbli fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ minn Ottubru 2012.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Kmieni fl-2012 ġie ffinalizzat studju tal-evalwazzjoni dwar il-funzjonament tal-istrumenti tal-UE tal-anti-dumping u kontra s-sussidji u ilu disponibbli fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ minn dak iż-żmien.

Valutazzjoni tal-Impatt

Twettqet valutazzjoni tal-impatt fil-ħarifa tal-2012 filwaqt li tqiesu r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, l-istudju tal-evalwazzjoni u l-esperjenza estensiva tal-Kummissjoni fl-użu tal-istrumenti. Ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt identifika xi problemi fil-funzjonament tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ u ppropona diversi soluzzjonijiet. Il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt qies ir-rapport f’Diċembru 2012 u ta opinjoni favorevoli bil-kundizzjoni li jsiru xi reviżjonijiet fir-rapport. Minn dak iż-żmien ir-rapport ġie rivedut u ffinalizzat. Is-soluzzjonijiet preferuti jifformaw il-bażi ta’ din il-proposta.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Huwa propost li jiġu emendati r-Regolamenti bażiċi tal-anti-dumping u kontra s-sussidji sabiex ikun hemm titjib f’bosta oqsma. Fir-rigward tat-trasparenza u l-prevedibbiltà, dawn se jissaħħu billi jiġi previst li l-partijiet interessati jiġu infurmati ġimagħtejn qabel l-impożizzjoni ta' miżuri proviżorji li tali miżuri se jiġu imposti. Il-partijiet se jingħataw ukoll garanzija li l-miżuri ma jkunux imposti f’dan il-perjodu ta’ ġimagħtejn. Se jintbagħat lill-partijiet interessati sommarju tal-bażi li fuqu huwa maħsub li jiġu imposti l-miżuri u dawn se jkollhom l-opportunità li jikkumentaw dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u tal-ħsara. Barra minn hekk, meta jiġi deċiż li ma jiġux imposti miżuri proviżorji iżda li titkompla l-investigazzjoni, il-partijiet interessati se jiġu infurmati bl-intenzjoni li ma jiġux imposti t-tali miżuri ġimagħtejn qabel l-aħħar data għall-impożizzjoni.

Fir-rigward tad-theddid ta’ ritaljazzjoni kontra l-produtturi tal-Unjoni li qed jaħsbu biex iressqu ilment dwar l-anti-dumping u/jew kontra s-sussidji, tali theddid jista’ jitqies li jikkostitwixxi ċirkostanzi speċjali li jeżiġu l-ftuħ ex-officio ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, meta jinfetħu l-investigazzjonijiet fuq bażi ex-officio, huwa propost li l-produtturi tal-Unjoni jiġu obbligati li jikkooperaw fil-proċediment.

Fir-rigward tal-effettività tal-istrumenti, huwa propost li titneħħa r-regola tal-inqas dazju fil-każijiet ta’ ċirkomvenzjoni, jew fejn jinsab li jeżistu tgħawwiġ strutturali tal-materja prima u sussidjar. Fir-rigward tar-reviżjonijiet, huwa propost li jiġu rimborżati d-dazji miġbura matul investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza li hija konkluża bir-revoka tal-miżuri.

Fl-aħħar nett, hemm għadd ta’ oqsma fejn huwa propost li jiġu kkodifikati ċerti prattiki li ġejjin minn deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja (ECJ) jew l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li ttieħdu fis-snin reċenti. Dawn jikkonċernaw id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-konsegwenzi għall-produtturi esportaturi li jinsabu li mhumiex qed jagħmlu dumping jew li qed jagħmlu dumping f’livelli de minimis f’investigazzjoni oriġinali, l-indirizzar taċ-ċirkostanzi mibdula f’investigazzjoni tar-reviżjoni, it-trattament ta’ kumpaniji relatati f’investigazzjonijiet kontra ċ-ċirkomvenzjoni, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet u l-bażi għall-għażla ta’ kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni.

Bażi legali

L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għal dawn ir-raġunijiet:

Il-forma ta' azzjoni hija deskritta fir-Regolamenti bażiċi msemmijin hawn fuq u ma tħalli l-ebda lok għal deċiżjonijiet nazzjonali.

Mhija se tinvolvi l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv miżjud għall-Unjoni, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini. Madankollu, ir-rimborż tad-dażji miġbura matul reviżjoni tal-iskadenza li tkun għaddejja, jekk tali reviżjoni tal-iskadenza ma twassalx għal estensjoni tal-miżuri, jiġi indirizzat mill-awtoritajiet doganali nazzjonali. Il-piż tax-xogħol addizzjonali fuq l-awtoritajiet doganali jitqies li huwa żgħir u proporzjonat mal-għan tal-proposta, jiġifieri strumenti aktar ġusti.

In-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola tal-inqas dazju f’każijiet ta’ ċirkomvenzjoni, jew fejn jinsabu li jeżistu tgħawwiġ strutturali tal-materja prima u sussidjar, huwa proporzjonat mal-ħtieġa addizzjonali li jiġi protett il-kummerċ f’dawn is-sitwazzjonijiet.

Għażla tal-istrumenti

Strumenti proposti: Regolament.

Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in:

Ir-Regolamenti bażiċi msemmijin hawn fuq ma jipprevedux għażliet oħra.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta għandha implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni. F’xi każijiet, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola tal-inqas dazju f’ċertu ċirkostanzi jwassal għal livelli ta' dazju ogħla u għalhekk iżid id-dħul. Ir-rimborż ta’ dazji f’każijiet fejn il-miżuri jintemmu wara reviżjoni tal-iskadenza jirrappreżenta spiża għall-baġit tal-Unjoni. Il-kwantifikazzjoni hija diffiċli ħafna billi kull dħul jew spiża jiddependu fuq iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali.

Il-bidliet leġiżlattivi proposti se jinvolvu wkoll xi bidliet fil-prattika. Dawn mhu se jkollhom l-ebda implikazzjoni baġitarja iżda se jwasslu għal xi bidliet fir-rutini tax-xogħol (pereżempju: żvelar minn qabel, avviż minn qabel, dokument fil-qosor). It-titjib tal-helpdesk tal-SMEs (spjegat fil-komunikazzjoni) għandu implikazzjonijet għar-riżorsi li huma stipulati fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Mhux applikabbli.

2013/0103 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea.

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Billi kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-regoli komuni għall-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġetti ta’ dumping jew sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea[2] rispettivament (aktar ’il quddiem imsejħa b'mod konġunt “ir-Regolamenti”). Ir-Regolamenti inizjalment ġew adottati fl-1995 wara l-konklużjoni taċ-Ċiklu tal-Urugwaj. Minħabba l-fatt li saru għadd ta' emendi għar-Regolament minn dak iż-żmien, fl-2009 il-Kunsill iddeċieda li jikkodifika r-Regolamenti fl-interess taċ-ċarezza u r-razzjonalità.

(2)       Filwaqt li r-Regolamenti ġew emendati, ilha ma ssir reviżjoni fundamentali tal-funzjonament ta’ dawn l-istrumenti mill-1995. Għalhekk, il-Kummissjoni nediet reviżjoni tar-Regolamenti fl-2011 sabiex, inter alia, jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tan-negozju fil-bidu tas-seklu 21.

(3)       Wara r-reviżjoni, xi dispożizzjonijiet tar-Regolamenti għandhom jiġu emendati sabiex jitjiebu t-trasparenza u l-prevedibbiltà, jiġu previsti miżuri effettivi kontra r-ritaljazzjoni, jitjiebu l-effettività u l-infurzar u tiġi ottimizzata l-prattika tar-reviżjoni. Barra minn hekk, ċerti prattiki li fis-snin reċenti ġew applikati fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet tal-anti-dumping u kontra s-sussidji għandhom jiġu inklużi fir-Regolamenti.

(4)       Sabiex jitjiebu t-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-investigazzjonijiet tal-anti-dumping u kontra s-sussidji, il-partijiet li jiġu affettwati mill-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji tal-anti-dumping u kompensatorji, b’mod partikolari l-importaturi, għandhom jiġu infurmati dwar l-impożizzjoni imminenti ta' tali miżuri. Iż-żmien mogħti għandu jikkorrispondi għall-perjodu bejn is-sottomissjoni tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat tal-anti-dumping stabbilit skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u lill-kumitat kontra s-sussidji stabbilit skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 u l-adozzjoni ta’ dak l-att mill-Kummisjsoni. Dan il-perjodu huwa stabbilit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Ukoll, f’investigazzjonijiet fejn ma jkunx xieraq li jiġu imposti miżuri proviżorji, huwa ideali li l-partijiet ikunu infurmati minn żmien kmieni biżżejjed b'tali nuqqas ta' impożizzjoni.

(5)       L-esportaturi jew il-produtturi għandhom jingħataw perjodu qasir ta’ żmien qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji biex jivverifikaw il-kalkolu tal-marġni individwali tagħhom tad-dumping jew tas-sussidju. L-iżbalji fil-kalkolu b’hekk ikunu jistgħu jiġu korretti qabel l-impożizzjoni tal-miżuri.

(6)       Sabiex jiżguraw miżuri effettivi kontra r-ritaljazzjoni, il-produtturi tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jiddependu fuq ir-Regolamenti mingħajr il-biża’ ta' ritaljazzjoni minn partijiet terzi. Id-dispożizzjonijiet eżistenti, f’ċirkustanzi speċjali, jipprevedu l-bidu ta’ investigazzjoni mingħajr ma jkun wasal ilment, fejn ikun hemm evidenza biżżejjed tal-eżistenza ta’ dumping, sussidji kompensatorji, ħsara u kawżalità. Tali ċirkostanzi speċjali għandhom jinkludu theddida ta’ ritaljazzjoni.

(7)       Meta investigazzjoni ma tkunx inbdiet minn ilment, għandu jiġi impost obbligu fuq il-produtturi tal-Unjoni biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għat-tkomplija tal-investigazzjoni, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm informazzjoni biżżejjed disponibbli għat-twettiq tal-investigazzjoni fil-każ li jkun hemm tali theddid ta’ ritaljazzjoni.

(8)       Il-pajjiżi terzi jinterferixxu aktar u aktar fil-kummerċ ta’ materja prima sabiex iżommu l-materja prima f’dawk il-pajjiżi għall-benefiċċju tal-utenti domestiċi downstream, pereżempju billi jimponu taxxi fuq l-esportazzjoni jew billi jużaw skemi ta’ pprezzar doppju. Għalhekk, il-kosti tal-materja prima ma jirriżultawx mit-tħaddim ta’ forzi normali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda għal materja prima speċifika. Tali interferenza toħloq tgħawwiġ addizzjonali tal-kummerċ. Għalhekk, il-produtturi tal-Unjoni mhux biss issirilhom il-ħsara mid-dumping, iżda meta mqabbla mal-produtturi downstream minn pajjiżi terzi involuti f’tali prattiki, jiġu affettwati ukoll minn tgħawwiġ addizzjoni fil-kummerċ. Sabiex jiġi protett il-kummerċ b’mod xieraq, ir-regola tal-inqas dazju ma għandhiex tapplika fil-każijiet ta’ tgħawwiġ strutturali tal-materja prima.

(9)       Ġewwa l-Unjoni, is-sussidji kompensatorji fil-prinċipju huma projbiti skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, is-sussidji kompensatorji mogħtija minn pajjiżi terzi jgħawġu partikolarment il-kummerċ. L-ammont ta’ għajnuna mill-Istat awtorizzat mill-Kummissjoni tnaqqas ħafna tul iż-żmien. Għall-istrumenti kontra s-sussidji, ir-regola tal-inqas dazju għalhekk ma għandhiex tiġi applikata aktar għall-importazzjonijiet minn pajjiż/pajjiżi involuti fis-sussidjar.

(10)     Sabiex tiġi ottimizzata l-prattika tar-reviżjoni, id-dazji miġbura matul l-investigazzjoni għandhom jiġu rimborżati lill-importaturi, fejn il-miżuri ma jiġux estiżi wara l-konklużjoni ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza. Dan huwa xieraq minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet rikjesti għat-tkomplija tal-miżuri ma jidhrux li kienu jeżistu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(11)     Ċerti prattiki li fis-snin reċenti ġew applikati fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet tal-anti-dumping u kontra s-sussidji għandhom jiġu inklużi fir-Regolamenti.

(12)     L-industrija tal-Unjoni ma għandhiex tibqa’ tiġi definita b’referenza għal-limiti tal-bidu stabbiliti fir-Regolamenti.

(13)     F’investigazzjonijiet inizjali fejn il-marġnijiet ta’ dumping jew ta’ sussidji nstabu li huma inqas mil-limiti de minimis, l-investigazzjoni għandha tintemm minnufih fir-rigward tal-esportaturi li mhux se jkunu soġġetti għal investigazzjonijiet tar-reviżjoni sussegwenti.

(14)     Fil-qafas tal-investigazzjonijiet tar-reviżjoni tal-anti-dumping u kontra s-sussidji, jidher li huwa xieraq li wieħed ikun jista’ jbiddel il-metodoloġija meta mqabbla mal-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżura sabiex jiġi żgurat, inter alia, li jintużaw metodoloġiji koerenti f’investigazzjonijiet differenti f’mument speċifiku. B’mod partikolari dan jippermetti li jkun hemm lok biex jinbidlu l-metodoloġiji li jiġu riveduti maż-żmien mal-bidliet fis-sitwazzjonijiet.

(15)     Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-bidu ta’ investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, l-importazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni fil-każijiet kollha.

(16)     Fl-investigazzjonijiet kontra ċ-ċirkomvenzjoni jidher li huwa aħjar jekk titneħħa l-kundizzjoni li, sabiex tingħata eżenzjoni mir-reġistrazzjoni jew mid-dazji estiżi, il-produtturi tal-prodott ikkonċernat ma jkunux relatati ma’ kwalunkwe produttur li huwa soġġett għall-miżuri oriġinali. Dan huwa minħabba l-fatt li l-esperjenza wriet li xi kultant il-produtturi tal-prodott ikkonċernat jinstabu li mhumiex involuti fil-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni iżda jinstabu li jkunu relatati ma’ prodottur li huwa soġġett għall-miżuri oriġinali. F’tali każijiet, ma għandhiex tiġi mċaħħda eżenzjoni lill-produttur biss minħabba li l-kumpanija hija relatata ma’ produttur li huwa soġġett għall-miżuri oriġinali. Barra minn hekk, meta l-prattika ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ fl-Unjoni, il-fatt li l-importaturi huma relatati mal-produtturi li huma soġġetti għall-miżuri ma għandux ikun deċiżiv fid-determinazzjoni ta’ jekk l-importatur jistax jingħata eżenzjoni.

(17)     Meta l-għadd ta’ produtturi fl-Unjoni tant ikun kbir li jkollu jittieħed kampjun, il-kampjun għandhu jintgħażel minn fost il-produtturi kollha fl-Unjoni u mhux biss mill-produtturi li jkunu qed iressqu l-ilment.

(18)     Fit-tfassil tal-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni, għandha tingħata l-opportunità li jitressqu l-kummenti lill-produtturi kollha fl-Unjoni u mhux biss lil dawk il-produtturi li jkunu qed iressqu l-ilment.

(19)     Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u r-Regolament (KE) Nru 597/2009 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1225/2009 huwa emendat kif ġej:

1.         Fl-Artikolu 4(1), il-kliem introduttorju jinbidel b’dan li ġej:

“1. Għall-għan ta' dan ir-Regolament, it-terminu “industrija tal-Unjoni” għandu jkun interpretat li jirreferi għall-produtturi tal-Unjoni kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-ħruġ kollettiv tal-prodotti tagħhom jikkostitwixxi proporzjon kbir tal-produzzjoni tal-Unjoni kollha ta' dawk il-prodotti, ħlief li:”

2.         Fl-Artikolu 6, jiddaħħal il-paragrafu 10 li ġej:

“10.      Il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili huma obbligati li jikkooperaw fil-proċedimenti li nbdew skont l-Artikolu 5(6).”

3.         L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, tiddaħħal is-sentenza li ġejja:

“Id-dażji proviżorji ma għandhomx jiġu applikati f’perjodu ta’ ġimagħtejn wara li tintbagħat l-informazzjoni lill-partijiet interessati skont l-Artikolu 19a. Il-provvista ta’ tali informazzjoni hija bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed mill-Kummissjoni wara.”

(b) il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“L-ammont tad-dazju proviżorju tal-anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni tad-dumping kif stabbilit b’mod proviżorju. Sakemm ma jinstabx li jeżisti tgħawwiġ struttrali tal-materja prima fir-rigward tal-prodott ikkonċernat fil-pajjiż esportatur, dan għandu jkun inqas mill-marġni tad-dumping jekk dan l-inqas dazju jkun xieraq biex ineħħi l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.”

4.         L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3. Għal proċediment mibdi skont l-Artikolu 5(9), il-ħsara għandha normalment titqies negliġibbli fejn l-importazzjonijiet ikkonċernati jirrapreżentaw inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7). Għall-istess proċediment, għandu jkun hemm temm immedjat meta jkun stabbilit li l-marġini tad-dumping ikun inqas minn 2 %, espress bħala perċentwal tal-prezz tal-esportazzjoni.”

(b) fil-paragrafu 4, l-aħħar sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“L-ammont tad-dazju tal-anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni tad-dumping stabbilit. Sakemm ma jinstabx li jeżisti tgħawwiġ strutturali tal-materja prima fir-rigward tal-prodott ikkonċernat fil-pajjiż esportatur, dan għandu jkun inqas mill-marġni tad-dumping jekk dan l-inqas dazju jkun xieraq biex ineħħi l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.”

5.         L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 5, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Jekk wara investigazzjoni skont il-paragrafu 2 il-miżura tiskadi, kwalunkwe dazju miġbur mid-data tal-bidu ta’ tali investigazzjoni għandu jitħallas lura sakemm dan ikun rikjest mill-awtoritajiet doganali nazzjonali u mogħti minn dawk l-awtoritajiet skont il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-ħlas lura u l-ħelsien tad-dazju. Tali ħlas lura ma jwassalx għall-ħlas tal-imgħax mill-awtoritajiet doganali nazzjonali kkonċernati.”

(b) il-paragrafu 9 jitħassar.

6.         L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 3, it-tieni sentenza tinbidel b'dan li ġej:

“L-inizjazzjonijiet għandhom isiru wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni li għandu wkoll jgħarraf lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) jew biex jitolbu garanziji.”

(b) fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“L-importazzjonijiet ma għandhomx ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) jew għal miżuri meta jkunu negozjati minn kumpaniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet. It-talbiet għall-eżenzjonijiet appoġġati kif dovut minn evidenza għandhom jiġu sottomessi fil-limit ta’ żmien stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni li jibda l-investigazzjoni. Meta l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ barra mill-Unjoni, l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jinstabu li ma jkunux involuti f’prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ ġewwa l-Unjoni, l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw lill-importaturi li jistgħu juru li ma jkunux involuti f’prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.”

7.         L-Artikolu 17(1) jinbidel b’dan li ġej:

“1. F'każijiet fejn l-għadd ta’ produtturi, esportaturi jew importaturi tal-Unjoni, it-tipi ta' prodott jew it-tranżazzjonijiet huwa kbir, l-investigazzjoni tista' tiġi limitata għal għadd raġjonevoli ta' partijiet, prodotti, jew tranżazzjonijiet bl-użu ta' kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla, jew għall-akbar volum rappreżentattiv ta' produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu b'mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.”

8.         Wara l-Artikolu 19, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 19a

Informazzjoni dwar il-miżuri proviżorji

1. Il-produtturi, l-importaturi u l-esportaturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, jistgħu jitolbu informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata tad-dazji proviżorji. It-talbiet għal tali informazzjoni għandhom isiru bil-miktub fil-limitu ta’ żmien preskritt fl-avviż tal-bidu. Tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta lil dawk il-partijiet, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 7(1) għall-impożizzjoni tad-dazji proviżorji. It-tali informazzjoni għandha tinkludi:

(a) sommarju tad-dazji proposti għall-iskopijiet ta' informazzjoin biss, u

(b) dettalji tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping u l-marġni xieraq biex titneħħa l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni, filwaqt li titqies kif dovut il-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tal-kunfidenzjalità msemmijin fl-Artikolu 19. Il-partijiet għandu jkollhom perjodu ta’ tlitt ijiem ta’ xogħol biex jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli.

2.         Fil-każijiet fejn huwa maħsub li ma jiġux imposti dazji proviżorji iżda li titkompla l-investigazzjoni, il-partijiet interessati għandhom jiġu infurmati dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni tad-dazji ġimagħtejn qabel l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 7(1) għall-impożizzjoni tad-dazji proviżorji.”

9.         L-Artikolu 21(2) jinbidel b’dan li ġej:

“2. Sabiex tiġi provduta bażi soda li fuqha l-awtoritajiet jistgħu jagħtu kas tal-opinjonijiet u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni ta' jekk l-impożizzjoni tal-miżuri hix fl-interess tal-Unjoni jew le, il-produtturi, l-importaturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jistgħu, fi żmien il-limiti ta' żmien speċifikati fl-avviż tal-bidu tal-investigazzjoni tal-anti-dumping, jippreżentaw lilhom infushom u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni. Informazzjoni bħal din, jew sommarji xierqa tagħha, għandhom jiġu magħmula disponibbli lill-partijiet l-oħra speċifikati f'dan l-Artikolu, u għandhom ikunu intitolati li jwieġbu għal din l-informazzjoni.”

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 597/2009 huwa emendat kif ġej:

1.         Fl-Artikolu 9(1), il-kliem introduttorju jinbidel b’dan li ġej:

“1. Għall-għan ta' dan ir-Regolament, it-terminu "industrija tal-Unjoni" għandu jkun interpretat li jirreferi għall-produtturi tal-Unjoni kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-ħruġ kollettiv tal-prodotti tagħhom jikkostitwixxi proporzjon kbir tal-produzzjoni tal-Unjoni kollha ta' dawk il-prodotti, ħlief li:”

2.         Fl-Artikolu 11, jiddaħħal paragrafu ġdid:

“11.      Il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili huma obbligati li jikkooperaw fil-proċedimenti li jkunu nbdew skont l-Artikolu 10(8).”

3.         L-Artikolu 12(1) huwa emendat kif ġej:

(a) is-subparagrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“L-ammont tad-dazju proviżorju kompensatorju ma għandux jaqbeż l-ammont totali ta’ sussidji kompensatorji kif stabbilit b’mod proviżorju.”

(b) is-subparagrafu jiddaħħal fl-aħħar:

“Id-dażji proviżorji ma għandhomx jiġu applikati f’perjodu ta’ ġimagħtejn wara li tintbagħat l-informazzjoni lill-partijiet interessati skont l-Artikolu 29b. Il-provvista ta’ tali informazzjoni hija bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed mill-Kummissjoni wara.”

4.         Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

“5. L-ammont tas-sussidji kompensatorji għandu jitqies bħala de minimis jekk tali ammont ikun inqas minn 1 % ad valorem, għajr meta, fir-rigward tal-investigazzjonijiet li jikkonċernaw l-importazzjonijiet minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-limitu de minimis ikun 2 % ad valorem."

5.         Fl-Artikolu 15(1), l-aħħar subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-ammont tad-dazju kompensatorju ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ sussidji kompensatorji stabbilit.”

6.         L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1 jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Jekk wara investigazzjoni skont l-Artikolu 18, il-miżura tiskadi, kwalunkwe dazju miġbur wara d-data tal-bidu tat-tali investigazzjoni għandu jiġi rimborżat. Ir-rimborż għandu jintalab mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli tal-Unjoni.”

(b) il-paragrafu 6 jitħassar.

7.         L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 4, it-tieni sentenza il-kliem “jista’/tista’” jinbidel fi “għandu/għandha”.

(b) fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Meta l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ barra mill-Unjoni, l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat li jinstabu li ma jkunux involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 3.”

(c) fil-paragrafu 6, it-tielet subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Meta l-prattika, il-proċess jew il-ħidma ta’ ċirkomvenzjoni sseħħ ġewwa l-Unjoni, l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw lill-importaturi li jistgħu juru li ma jkunux involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 3.”

8.         Fl-Artikolu 27(1), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“1. Fil-każijiet fejn l-għadd ta’ produtturi, esportaturi jew importaturi tal-Unjoni, it-tipi ta’ prodotti jew it-tranżazzjonijiet ikun kbir, l-investigazzjoni tista’ tkun limitata għal:”

9.         Wara l-Artikolu 29, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 29b

Informazzjoni dwar il-miżuri proviżorji

1. Il-produtturi, l-importaturi u l-esportaturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u l-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni, jistgħu jitolbu informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata tad-dazji proviżorji. It-talbiet għal tali informazzjoni għandhom isiru bil-miktub fil-limitu ta’ żmien preskritt fl-avviż tal-bidu. It-tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta lil dawk il-partijiet, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 12(1) għall-impożizzjoni tad-dazji proviżorji.

It-tali informazzjoni għandha tinkludi:

(a) sommarju tad-dazji proposti għall-iskopijiet ta' informazzjoin biss, u

(b) dettalji tal-kalkolu tal-marġni tas-sussidji u l-marġni xieraq biex titneħħa l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni, filwaqt li titqies kif dovut il-ħtieġa li jiġu rispettati l-obbligi tal-kunfidenzjalità msemmijin fl-Artikolu 29. Il-partijiet għandu jkollhom perjodu ta’ tlitt ijiem ta’ xogħol biex jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli.

2. Fil-każijiet fejn huwa maħsub li ma jiġux imposti dazji proviżorji iżda li titkompla l-investigazzjoni, il-partijiet interessati għandhom jiġu infurmati dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni tad-dazji ġimagħtejn qabel l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 12(1) għall-impożizzjoni tad-dazji proviżorji.”

10.       L-Artikolu 31(2) jinbidel b’dan li ġej:

'2. Sabiex tiġi provduta bażi soda li fuqha l-awtoritajiet jistgħu jagħtu kas tal-opinjonijiet u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni ta' jekk l-impożizzjoni tal-miżuri hix fl-interess tal-Unjoni jew le, il-produtturi, l-importaturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jistgħu, fil-limiti ta' żmien speċifikati fl-avviż tal-bidu tal-investigazzjoni kompensatorja, jippreżentaw lilhom infushom u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni. Informazzjoni bħal din, jew sommarji xierqa tagħha, għandhom jiġu magħmula disponibbli lill-partijiet l-oħra speċifikati f'dan il-paragrafu, u għandhom ikunu intitolati li jwieġbu għal din l-informazzjoni.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-investigazzjonijiet kollha li għalihom ikun ġie ppubblikat l-avviż tal-bidu skont l-Artikolu 10(11) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 jew l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 f’Il-Ġurnal Uffiċjali wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA SIMPLIFIKATA

(biex tintuża għal kwalunkwe Regolament intern tal-Kummissjoni ta' sinifikat ġenerali b'impatt baġitarju fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva jew fuq ir-riżorsi umani, meta l-użu ta’ kwalunkwe tip ieħor ta’ dikjarazzjoni finanzjarja ma jkunx xieraq –l-Artikolu 23 tar-Regoli Interni)

1          Titolu tal-abbozz ta’ Regolament:

Il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ

2          Qasam (oqsma) ta' politika u attività/ijiet ABB konċernat/i:

20: Il-politika kummerċjali

3          Bażi legali:

            ¨ Awtonomija amministrattiva  þ Oħrajn (speċifika):

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea u

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea

4          Deskrizzjoni u ġustifikazzjonijiet:

L-istrumenti attwali tal-UE għad-difiża tal-kummerċ qed jiġu mmodernizzati sabiex jitjiebu l-effiċjenza u l-effettività tagħhom. L-inizjattiva tikkonsisti f’komunikazzjoni, proposta leġiżlattiva u linji gwida.

5          Tul ta' żmien u stima tal-impatt finanzjarju:

5.1       Perjodu ta' applikazzjoni:

¨         Regolament b'tul ta' żmien limitat: Regolament fis-seħħ minn [data] sa [data]

þ         Regolament għal tul ta' żmien indefinit: fis-seħħ minn [data]

5.2       Impatt baġitarju stmat:

L-abbozz tar-Regolament jinvolvi:

¨         tfaddil

þ         kosti addizzjonali (jekk iva, speċifika l-intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali kkonċernat/i):

Intestatura 5: kosti amministrattivi

Imla t-tabella tal-istima tal-impatt finanzjarju fl-Anness għall-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva jew għar-riżorsi umani. Jekk l-abbozz tar-Regolament ikun ta’ tul ta’ żmien indefinit, il-kosti għandhom jiġu indikati għal kull sena ta’ żvilupp u mbagħad għal kull sena ta’ ħidma b’kapaċità sħiħa (fil-kolonna “Kost totali/annwali”).

5.3       Kontribuzzjonijiet mill-partijiet terzi għall-finanzjament tal-abbozz tar-Regolament:

Jekk il-proposta tipprevedi kofinanzjament mill-Istati Membri jew minn korpi oħra (jekk jogħġbok speċifika liema), għandha tingħata stima tal-livell ta' kofinanzjament, jekk ikun magħruf.

approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (sa tliet punti deċimali)

|| Sena n || Sena n+1 || Sena n+2 || Sena n+3 || Sena n+4 || Sena n+5 || Sena n+6 || Total

Speċifika s-sors/korp ta’ kofinanzjament || || || || || || || ||

Approprjazzjonijiet TOTALI kofinanzjati || || || || || || || ||

5.4       Spjegazzjoni taċ-ċifri:

Il-kosti medji għall-persunal jidhru f'qiegħ il-paġna http://www.cc.cec/budg/pre/legalbasis/pre-040-020_preparation_en.html

6          Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali:

þ         Il-proposta hija kompatibbli mal-ipprogrammar finanzjarju eżistenti.

¨         Il-proposta se tinvolvi pprogrammar mill-ġdid tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

¨         Il-proposta teħtieġ l-użu tal-istrument ta' flessibbiltà jew tar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali[3].

7          Impatt fuq it-tfaddil jew il-kosti addizzjonali għall-allokazzjoni tar-riżorsi:

þ         Ir-riżorsi se jinkisbu permezz ta' riallokazzjoni interna fid-dipartiment

¨         Ir-riżorsi diġà huma allokati lid-dipartiment(i) ikkonċernat(i)

¨         Ir-riżorsi li għandhom jintalbu waqt il-proċedura ta’ allokazzjoni li jmiss

Ir-riżorsi umani u amministrattivi meħtieġa se jkunu koperti bl-allokazzjoni li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji eżistenti.

ANNESS:

STIMA TAL-IMPATT FINANZJARJU (tfaddil jew kosti addizzjonali) FUQ L-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ NATURA AMMINISTRATTIVA JEW GĦAR-RIŻORSI UMANI

EFT=Ekwivalenti għall-full-time         XX huwa l-qasam politiku jew it-titolu konċernat           EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

EFT f’persuni/sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || TOTAL /Kost annwali

n || n+1 || n+2 || n+3 || n+4 || n+5 || n+6

Intestatura 5 || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp. || EFT || approp.

Karigi tal-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u/jew persunal temporanju)

XX 01 01 01 (Kwartieri Ġenerali u l-Uffiċċji ta’ Rappreżentanza tal-Kummissjoni) || 1 || 0,13 || 1 || 0,13 || 1 || 0,13 || 1 || 0,13 || 1 || 0,13 || 1 || 0,13 || 1 || 0,13 || 1 || 0,13

XX 01 01 02 (Delegazzjonijiet) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Persunal estern ||

XX 01 02 01 (“pakkett globali”) || || || || || || || || || || || || || || || ||

XX 01 02 02 (Delegazzjonijiet) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Linji baġitarji oħra (speċifika) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Subtotal - Intestatura 5 || || || || || || || || || || || || || || || ||

Barra mill-Intestatura 5 ||

Karigi tal-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u/jew persunal temporanju)

XX 01 05 01 (Riċerka indiretta) || || || || || || || || || || || || || || || ||

10 01 05 01 (Riċerka diretta) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Persunal estern

XX 01 04 yy || || || || || || || || || || || || || || || ||

- Kwartieri Ġenerali || || || || || || || || || || || || || || || ||

- Delegazzjonijiet || || || || || || || || || || || || || || || ||

XX 01 05 02 (Riċerka indiretta) || || || || || || || || || || || || || || || ||

10 01 05 02 (Riċerka diretta) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Linji baġitarji oħra (speċifika) || || || || || || || || || || || || || || || ||

Subtotal – Barra mill-Intestatura 5 || || || || || || || || || || || || || || || ||

TOTAL || || || || || || || || || || || || || || || ||

Ir-riżorsi umani u amministrattivi meħtieġa se jkunu koperti bl-allokazzjoni li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji eżistenti.

Approprjazzjonijiet amministrattivi oħra XX huwa l-qasam politiku jew it-titolu konċernat     EUR miljun (sa tliet punti deċimali)

|| Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || Sena || TOTAL

n || n+1 || n+2 || n+3 || n+4 || n+5 || n+6

Intestatura 5 || || || || || || || ||

Kwartieri ġenerali: || || || || || || || ||

XX 01 02 11 01 - Spejjeż tal-missjoni u r-rappreżentanza || || || || || || || ||

XX 01 02 11 02 — Kosti tal-konferenzi u l-laqgħat || || || || || || || ||

XX 01 02 11 03 – Kumitati || || || || || || || ||

XX 01 02 11 04 – Studji u konsultazzjonijiet || || || || || || || ||

XX 01 03 01 03 — Tagħmir u għamara || || || || || || || ||

XX 01 03 01 04 - Servizzi u nfiq operazzjonali ieħor || || || || || || || ||

Linji baġitarji oħra (speċifika fejn xieraq) || || || || || || || ||

Delegazzjonijiet: || || || || || || || ||

XX 01 02 12 01 – Spejjeż tal-missjonijiet, il-konferenzi u r-rappreżentanza || || || || || || || ||

XX 01 02 12 02 — Aktar taħriġ għall-persunal || || || || || || || ||

XX 01 03 02 01 — Xiri, kiri u nfiq relatat || || || || || || || ||

XX 01 03 02 02 Tagħmir, għamara, provvisti u servizzi || || || || || || || ||

Subtotal - Intestatura 5 || || || || || || || ||

Barra mill-Intestatura 5 || || || || || || || ||

XX 01 04 yy - Infiq fuq assistenza teknika u amministrattiva (mhux inkluż il-persunal estern) minn approprjazzjonijiet operazzjonali (li qabel kienu l-linji "BA") || || || || || || || ||

- Kwartieri Ġenerali || || || || || || || ||

- Delegazzjonijiet || || || || || || || ||

XX 01 05 03 - Nefqa ta’ ġestjoni oħra għar-riċerka indiretta || || || || || || || ||

10 01 05 03 - Nefqa ta’ ġestjoni oħra għar-riċerka diretta || || || || || || || ||

Linji baġitarji oħra (speċifika fejn xieraq) || || || || || || || ||

Subtotal – Barra mill-Intestatura 5 || || || || || || || ||

TOTAL KUMPLESSIV || || || || || || || ||

Ir-riżorsi umani u amministrattivi meħtieġa se jkunu koperti bl-allokazzjoni li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji eżistenti.

[1]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[2]               ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

[3]               Ara l-punti 19 u 24 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

Top