Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0090

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni FEG/2012/023 IT/Antonio Merloni SpA mill-Italja)

/* COM/2013/090 final - 2013/ () */

52013PC0090

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni FEG/2012/023 IT/Antonio Merloni SpA mill-Italja) /* COM/2013/090 final - 2013/ () */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, fi ħdan il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun minbarra l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fid-29 ta’ Diċembru 2011, l-Italja ssottomettiet l-applikazzjoni EGF/2011/023 IT/Antonio Merloni għal kontribuzzjoni finanzjara mill-FEG, wara s-sensji fil-kumpanija ta’ Antonio Merlon SpA fl-Italja.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, b'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament intlaħqu.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta prinċipali: ||

Nru ta' Referenza tal-FEG || EGF/2011/023

Stat Membru || l-Italja

Artikolu 2 || (a)

Impriża primarja || Antonio Merloni SpA

Fornituri u produtturi downstream || 0

Perjodu ta' referenza || 23.8.2011 – 23.12.2011

Data tal-bidu tas-servizzi personalizzati || 29.3.2012

Data tal-applikazzjoni || 29.12.2011

Sensji matul il-perjodu ta' referenza || 1 517

Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza || 0

Total tas-sensji eliġibbli || 1 517

Ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-mira tal-għajnuna || 1 517

Nefqa għal sevizzi personalizzati (EUR) || 7 451 972

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 298 000

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 3,84

Baġit totali (EUR) || 7 749 972

Kontribuzzjoni tal-FEG (65 %) (EUR) || 5 037 482

1.           L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fid-29 ta’ Diċembru 2011 u kienet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta’ Settembru 2012.

2.           L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u kienet sottomessa sal-iskadenza ta’ 10 ġimgħat imsemmija fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3.           Sabiex tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, l-Italja tisħaq li s-suq tal-apparat domestiku kien milqut tassew ħażin mill-kriżi. Id-dejta disponibbli[4] tikkonferma t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku sinifikanti fil-manifattura tal-apparat domestiku, prinċipalment dovut għat-tnaqqis fl-esportazzjonijiet b'mod partikolari lejn l-Istati Uniti (-30,5 % fl-2009 meta mqabbla mal-2008) u l-Ġappun (-11,40 % matul l-istess perjodu). Il-produzzjoni tal-apparat domestiku naqset fl-UE-27 għal tliet snin konsekuttivi (2007 sa 2009) meta mqabbla mas-sena preċedenti rilevanti, u rkuprat biss ftit fl-2010.

Manifattura tal-apparat domestiku – Indiċi tal-produzzjoni tal-industrija (bidla fil-perċentwal meta mqabbel mas-sena preċedenti)

|| 2006 || 2007 || 2008 || 2009 || 2010

UE27 || 5,5 || -3,1 || -8,8 || -17,6 || 1,2

l-Italja || 4,0 || -1,4 || -13,8 || -24,2 || -6,3

Sors: Eurostat

4.           L-output fl-Italja segwa l-istess xejra negattiva bħall-medja tal-UE-27 u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għall-esportazzjonijiet kien ogħla mill-medja tal-UE-27. L-esportazzjonijiet lejn l-Istati Uniti naqsu b’44,59 % fl-2009 meta mqabbla mal-2008 u mal-Ġappun b’29,87 %. Fl-2010 ix-xejra ’l isfel kompliet għall-apparat domestiku Taljan.

5.           Sabiex iżżomm is-sehem tagħha tas-suq kontra l-kompetizzjoni minn pajjiżi bħaċ-Ċina u t-Turkija fejn ix-xogħol jiswa inqas, Antonio Merloni SpA, il-ħames l-ikbar manifattur tal-apparat domestiku fl-UE fl-2002, biddel l-istrateġija tal-bejgħ tiegħu u fl-2006 beda jbiegħ il-prodotti tiegħu direttament permezz tad-ditti tiegħu stess. Meta faqqat il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, il-kumpanija spiċċat f’diffikultajiet finanzjarji, li komplew jikbru hekk kif f’daqqa waħda bdew jissikkaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-kreditu finanzjarju. Fl-2007, b’introjtu ta’ kważi EUR 900 miljun, il-kumpanija Antonio Merloni kienet qed taffaċċa dejn u obbligazzjonijiet ta’ madwar EUR 500 miljun. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fil-produzzjoni, li kien qed isegwi x-xejra tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fil-livell Ewropew, flimkien mar-restrizzjonijiet finanzjarji, wassal biex titressaq talba lill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku għal ammissjoni għall-proċedimenti amministrattivi għall-kumpaniji kbar li jinsabu fi kriżi u finalment għall-waqfien totali tal-attivitajiet kummerċjali ta’ Antonio Merloni SpA. Total ta’ 2 217-il ħaddiem spiċċaw bla impjieg, u 700 minnhom ittieħdu mill-kumpanija QA Group SpA. Għalhekk din l-applikazzjoni tkopri l-1 517-il ħaddiem li spiċċaw bla impjieg minħabba l-għeluq ta’ Antonio Merloni SpA.

6.           Fil-valutazzjoni tagħha tal-applikazzjoni EGF/2009/010 LT/Snaigë il-Kummissjoni kienet diġà ddikjarat l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq l-impriżi li joperaw fil-manifattura tal-apparat domestiku.

Dimostrazzjoni tal-għadd ta' sensji u tal-konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

7.           L-Italja ssottomettiet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedi minn tal-inqas 500 sensja matul perjodu ta’ erba’ xhur f’impriża fi Stat Membru, inkluż ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri u mill-produtturi downstream tagħha.

8.           L-applikazzjoni ssemmi 1 517-il sensja f'Antonio Merloni SpA matul il-perjodu ta' erba’ xhur ta’ referenza, mit-23 ta’ Awwissu 2011 sat-23 ta' Diċembru 2011. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkulati f’konformità mat-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni rċeviet il-konferma meħtieġa skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 li dan huwa vermament l-għadd ta' sensji affettwati.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawk is-sensji

9.           L-awtoritajiet Taljani jisħqu li l-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet biex, f’daqqa waħda, l-ekonomija dinjija ġġarrfet u ħalliet impatt enormi fuq ħafna setturi. In-natura tar-riċessjoni u l-mod kif din laqtet il-manifattura tal-apparat domestiku, flimkien mal-issikkar, f'daqqa waħda, tal-kundizzjonijiet tal-aċċess għal kreditu finanzjarju, u t-tnaqqis drammatiku fl-ordnijiet il-ġodda, kienet waħda mingħajr preċedent fiż-żminijiet riċenti. Minħabba l-kriżi, l-iżviluppi ekonomiċi mill-2008 'l hawn ma segwewx ix-xejriet tas-snin preċedenti. L-għeluq ta’ Antonio Merloni SpA u s-sensji ma setgħux għalhekk jitbassru jew jiġu evitati faċilment.

Identifikazzjoni tal-impriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema fil-mira tal-għajnuna

10.         L-applikazzjoni hija marbuta mal-1 517-il sensja f’Antonio Merloni SpA. Dawn il-ħaddiema kollha huma fil-mira tal-miżuri kofinanzjati tal-FEG.

11.         It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Irġiel || 1 063 || 70,07

Nisa || 454 || 29,93

Ċittadini tal-UE || 1 450 || 95,58

Ċittadini mhux tal-UE || 67 || 4,42

Bejn 15 u 24 sena || 0 || 0,00

Bejn 25 u 54 sena || 1 322 || 87,15

Bejn 55 u 64 sena || 193 || 12,72

> 64 sena || 2 || 0,13

12.         Mill-ħaddiema fil-mira, 71 għandhom diżabbiltà jew għandhom problemi ta’ saħħa kroniċi.

13.         F’termini ta' kategoriji ta’ xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Uffiċjali anzjani u maniġers || 8 || 0,53

Professjonisti || 14 || 0,92

Tekniċi u professjonisti assoċjati || 23 || 1,52

Skrivani || 50 || 3,30

Ħaddiema fl-artiġjanat u snajja’ relatati || 72 || 4,75

Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw il-magni || 1 308 || 86,22

Xogħlijiet elementari || 42 || 2,76

14.         Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-Italja kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

15.         It-territorji kkonċernati b’dawn is-sensji huma r-reġjuni ta’ Marche u Umbria u b'mod partikolari l-provinċji ta’ Ancona u Perugia, fejn kienu jinsabu l-impjanti tal-produzzjoni ta’ Antonio Merloni SpA.

16.         B’konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-għadd ta’ negozji attivi fiż-żewġ provinċji naqas. Kien hemm ukoll terzjarizzazzjoni progressiva li wasslet għal tnaqqis fl-agrikoltura, il-kummerċ u l-industrija. F’Ancona, l-impriżi agrikoli naqsu b'1,2 % u issa jsarrfu fi 18,8 % tal-għadd totali tan-negozji attivi. Is-settur tal-manifattura baqa’ relattivament stabbli, filwaqt li l-għadd ta' kumpaniji fis-settur tal-kummerċ esperjenza żieda żgħira (+0,3 %) u issa jirrappreżenta 26,4 % tal-għadd totali tan-negozji fil-provinċja. Dan is-sehem huwa, madankollu, inqas mill-medja nazzjonali (27,2 %). Dawn iċ-ċifri kollha jirreferu għall-2010 meta mqabbla mas-sena preċedenti. F’Perugia, matul l-istess perjodu, l-għadd ta’ impriżi agrikoli naqas b’0,9 % iżda għadu jirrappreżenta 22,6 % tat-total tan-negozji attivi fil-provinċja. Is-settur tal-manifattura naqas ftit ukoll (-0,6 %), filwaqt li n-negozji fis-settur tal-kummerċ żdiedu (+1,1 %) u issa jirrappreżentaw 23,4 % tan-negozji totali. Madankollu, bħalma huwa l-każ f’Ancona, is-sehem tan-negozji tal-kummerċ bħala perċentwal tan-negozji kollha fil-provinċja (23,4 %) huwa inqas mill-medja nazzjonali.

17.         Il-partijiet interessati prinċipali huma Regione Umbria u Regione Marche u b'mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Perugia u Ancona, kif ukoll it-trejdunjins li ġejjin: FIM-CISL[5], FIOM-CGIL[6], UILM-UIL[7], UGL metalmeccanici[8] u RSU[9].

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali u nazzjonali

18.         Fis-snin ta’ qabel il-kriżi kemm il-provinċja ta’ Ancona kif ukoll dik ta’ Perugia kellhom rata ta’ qgħad inqas mill-medja nazzjonali. Fl-2009 il-qgħad żdied b’40 % meta mqabbel mas-sena preċedenti filwaqt li fl-2010 ir-rata tal-qgħad baqgħet stabbli f’Perugia u naqset f’Ancona l-aktar minħabba l-waqgħa fir-rata ta’ attività iktar milli ż-żieda fl-impjiegi. Fl-2009, meta mqabbla mas-sena preċedenti, il-PDG reġjonali naqas b’madwar 3 % u l-introjtu tal-industrija naqas b’14,6 % f’Marche u b’16,4 % f’Umbria. Dan in-nuqqas irriżulta f’żieda fis-sigħat ta’ CIG[10] fis-setturi tal-manifattura b’368 % f’Marche u b’444 % f’Umbria. L-1 517-il sensja ta’ Antonio Merloni SpA koperti minn din l-applikazzjoni jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni.

Pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u t-tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-kumplimentarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati permezz tal-Fondi Strutturali

19.         Il-miżuri kollha li ġejjin jinġabru flimkien biex jiffurmaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati mmirat lejn l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol:

– Gwida okkupazzjonali: Serje ta’ intervisti strutturati u strumenti mmirati bħall-analiżi tal-ħiliet u l-profil tal-impjegabbiltà biex jiġu identifikati oqsma fejn il-ħaddiema jistgħu jtejbu l-ħiliet tagħhom u jkunu appoġġati biex jiddefinixxu l-għanijiet okkupazzjonali tagħhom.

– Għajnuna biex jinstab impjieg: Din tinkludi l-iżvilupp ta’ strateġija personalizzata ta’ awtopromozzjoni u azzjonijiet biex jinstab impjieg. Il-ħaddiema jingħataw għajnuna biex japplikaw għal xogħlijiet ma’ kumpaniji interessati u jkunu appoġġati matul il-proċess tal-għażla u, jekk hemm bżonn, jingħataw taħriġ speċifiku biex jgħinhom jaċċettaw l-offerti tax-xogħol mal-kumpaniji rilevanti.

– Promozzjoni tal-intraprenditorija: Appoġġ ta’ gwida lil ħaddiema li ngħataw is-sensja li għandhom ideat tal-intraprenditorija fl-ippjanar ta’ attivitajiet ġodda tan-negozju.

– Taħriġ vokazzjonali u aġġornament tal-ħiliet: Il-ħaddiema li ngħataw is-sensja jirċievu vawċer ta’ taħriġ ta’ valur medju ta’ EUR 1 300 biex jonfquh fuq it-taħriġ tagħhom. Il-vawċer jista’ jintefaq f’istituzzjoni tat-taħriġ kwalifikata jew f’kumpanija fejn il-ħaddiem li ngħata s-sensja ikun qed jitħarreġ mill-ġdid wara li jingħata xogħol, jew f’kumpanija li tipprovdi taħriġ fuq il-post tax-xogħol. Il-vawċer huwa marbut strettament mal-pjan ta’ taħriġ maqbul ta’ kull ħaddiem għall-integrazzjoni mill-ġdid.

– Gwida għal dawk li għandhom iktar minn 50 sena: Din hija intenzjonata li tipprovdi appoġġ speċifiku lill-ħaddiema li għandhom iktar minn 50 sena, biex tħeġġiġhom jibqgħu fis-suq tax-xogħol.

– Konċessjoni biex jinstab impjieg: Għal kull ġurnata li huma jipparteċipaw fil-miżuri tal-FEG, il-ħaddiema se jirċievu konċessjoni li hija ekwivalenti għal jum wieħed tal-konċessjoni ta' sostenn Taljana 'CIGS'.

– Benefiċċju għal min jingħata xogħol: Dan il-pagament jibbenefika lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja billi jiffaċilita t-tħaddim mill-ġdid tagħhom taħt kuntratti permanenti f’kumpanija oħra. L-ammont relattivament kbir ta’ EUR 5 000 għal kull ħaddiem, imħallas lill-impjegatur il-ġdid, biex jiġu rreklutati l-ħaddiema li huma l-iktar żvantaġġati u bl-inqas edukazzjoni, jirrifletti l-investiment meħtieġ mill-impjegatur il-ġdid biex jerġa’ jħarriġhom u jippreparahom għall-ħiliet il-ġodda tagħhom.

– Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar: Il-ħaddiema li jipparteċipaw fil-miżuri se jirċievu sa EUR 300 bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tagħhom tal-ivvjaġġar meta jkollhom jivvjaġġaw distanza ta’ iktar minn 25 km lejn il-belt fejn se jseħħu l-miżuri.

– Kontribuzzjoni għall-ispejjeż għat-tibdil tar-residenza: Dawk il-ħaddiema li jaċċettaw impjieg li jinvolvi tibdil ta' residenza se jirċievu konċessjoni tal-mobbiltà ta' EUR 5 000 biex ikopru n-nefqa meħtieġa. Il-konċessjoni għandha titħallas bħala kontribuzzjoni ta’ darba meta jippreżentaw il-prova tan-nefqa mġarrba.

20.         In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri l-attivitajiet preparatorji, ta' ġestjoni u ta' kontroll kif ukoll l-informazzjoni u l-pubbliċità.

21.         Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli definiti permezz tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Taljani jistmaw li hemm spejjeż totali ta’ EUR 7 749 972, fejn EUR 7 451 972 minnhom huma n-nefqa għas-servizzi personalizzati, u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG hija ta' EUR 298 000 (3,84 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 5 037 482 (65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || Għadd stmat ta' ħaddiema fil-mira || Spiża stmata għal kull ħaddiem fil-mira (EUR) || Spejjeż totali (FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Gwida okkupazzjonali (Orientamento professionale) || 1 517 || 36 || 54 612

Għajnuna biex jinstab impjieg (Assistenza alla ricerca attiva) || 1 517 || 180 || 273 060

Promozzjoni tal-intraprenditorija (Assistenza all'autoimprenditorialità) || 280 || 240 || 67 200

Taħriġ vokazzjonali u aġġornament tal-ħiliet (Voucher formativo) || 1 011 || 1 300 || 1 314 300

Gwida għal dawk li għandhom iktar minn 50 sena (Misure spechifiche di stimolo per lavoratori muri) || 280 || 210 || 58 800

Konċessjoni biex jinstab impjieg (Indennita per la ricerca attiva) || 1 517 || 2 000 || 3 034 000

Benefiċċju għal min jingħata xogħol (Bonus assunzionali) || 400 || 5 000 || 2 000 000

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar (Contributo per la mobilità formativa) || 500 || 300 || 150 000

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż għat-tibdil tar-residenza (Bonus per la mobilità territoriale) || 100 || 5 000 || 500 000

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 7 451 972

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet preparatorji || || 30 000

Ġestjoni || || 125 000

Informazzjoni u pubbliċità || || 36 000

Attivitajiet ta’ kontroll || || 107 000

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 298 000

Total tal-ispejjeż stmati || || 7 749 972

Kontribuzzjoni tal-FEG (65 % tal-ispejjeż totali) || || 5 037 482

22.         L-Italja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma fl-istess linja mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Skont l-awtoritajiet Taljani, in-nuqqas ta’ finanzjament doppju huwa żgurat permezz ta’ koordinazzjoni permamenti bejn l-atturi istituzzjonali responsabbli għall-ippjanar u l-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-Fondi Strutturali u l-FEG.

Data/i meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

23.         L-Italja bdiet is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati li huma inklużi fil-pakkett koordinat propost lill-FEG għall-kofinanzjament fid-29 ta’ Marzu 2012. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe assistenza li tista' tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

24.         Il-possibbiltà li wieħed jagħmel użu mill-appoġġ tal-FEG ġiet inkorporata fl-'Accordo di Programma', ftehim iffirmat fl-2010 mill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku u r-reġjuni ta’ Emilia Romagna, Marche u Umbria u sussegwentement maqbul mill-imsieħba soċjali. F’Novembru 2011 l-imsieħba soċjali ġew ikkonsultati dwar il-pakkett koordinat tal-miżuri kofinanzjati tal-FEG. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-FEG se tiġi mmonitorjata mill-grupp ta’ koordinazzjoni tal-'Accordo di Programma'.

25.         L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE dwar is-sensji kollettivi.

Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma mandatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

26.         Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Taljani fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

· urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ lill-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra.

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

27.         L-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jiġġestixxu u jikkontrollaw il-FSE. Ir-reġjuni ta’ Marche u Umbria se jkunu l-korpi intermedji għall-awtorità ta’ ġestjoni.

Finanzjament

28.         Abbażi tal-applikazzjoni mill-Italja, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati (inkluż in-nefqa biex jiġi implimentat il-FEG) hija ta' EUR 5 037 482, li tirrappreżenta 65 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni mill-Fond proposta mill-Kummissjoni hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Italja.

29.         Filwaqt li tqis l-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mobilizzat għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

30.         L-ammont propost tal-kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont massimu annwali allokat għall-FEG jibqa' disponibbli biex jiġi allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif jirrikjedi l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

31.         Permezz tal-preżentazzjoni ta' din il-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, il-Kummissjoni se tibda l-proċedura ssimplifikata tat-trijalogu, kif jirrikjedi l-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, bil-ħsieb li tiżgura l-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq qbil dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, fil-livell politiku xieraq, tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, se tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

32.         B'mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit tal-2013 iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi ta’ impenn, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet tal-pagament

33.         Se jintużaw approprjazzjonijiet mil-linja baġitarja tal-FEG biex ikopru l-ammont ta' EUR 5 037 482 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni f’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni FEG/2012/023 IT/Antonio Merloni SpA mill-Italja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[11], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[12], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[13],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet sottomessi mill-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta’ Diċembru 2011 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)       L-Italja ssottometiet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fl-impriża Antonio Merloni SpA, fid-29 ta' Diċembru 2011 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sal-4 ta' Settembru 2012. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk ipproponiet li timmobilizza ammont ta' EUR 5 037 482.

(5)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni sottomessa mill-Italja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊI¯JONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 5 037 482 f'approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew,                          Għall-Kunsill,

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               F'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[4]               Eurostat, UE27 Kummerċ mill-1988 minn SITC.

[5]               Federazione Italiana Metalmeccanici – Confederazione Italiana Sindacato Lavoratori.

[6]               Federazione Impiegati e Operai Metallurgici.

[7]               Unione Italiana lavoratori Metalmeccanici – Confederazione General Italiana del Lavoro.

[8]               Unione Generale del Lavoro Metalmeccanici.

[9]               Rappresentanza Sindacale Unitaria.

[10]             CIG hija skema taħt il-Liġi Taljana, li tikkonsisti minn benefiċċju finanzjarju mħallas mill-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale-INPS (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali) favur il-ħaddiema sospiżi mill-prestazzjoni tax-xogħol jew li jkunu qed jaħdmu inqas siegħat.

[11]             ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[12]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[13]             ĠU C [...], [...], p. [...].

Top