Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0073

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja

/* COM/2013/073 final - 2013/0047 (NLE) */

52013PC0073

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja /* COM/2013/073 final - 2013/0047 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-ħtieġa ta’ proposta għal Regolament tal-Kunsill ġejja mill-adeżjoni li jmiss tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea.

It-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fl-Unjoni Ewropea[1] (minn hawn 'il quddiem jissejjaħ "It-Trattat tal-Adeżjoni") ġie ffirmat fi Brussell fid-9 ta' Diċembru 2011.

L-Artikolu 3(3) tat-Trattat tal-Adeżjoni jipprovdi li għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013 sakemm l-istrumenti ta' ratifika kollha jkunu ġew depożitati qabel dik id-data.

L-Artikolu 3(4) tat-Trattat tal-Adeżjoni jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li qabel l-adeżjoni jadottaw il-miżuri msemmija, inter alia, fl-Artikolu 50 tal-Att ikkonċernat il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika[2] (minn issa 'l quddiem jissejjaħ l-"Att rigward il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni"). Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ biss soġġett għal, u mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni.

L-Artikolu 50 tal-Att rigward il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni jafferma li fejn atti tal-istituzzjonijiet adottati qabel l-adeżjoni jeħtieġu adattament minħabba l-adeżjoni, u l-adattamenti meħtieġa ma ġewx previsti f'dan l-Att jew fl-Annessi tiegħu, il-Kunsill jew il-Kummissjoni (jekk l-att oriġinali ġie adottat mill-Kummissjoni) għandhom jadottaw l-atti meħtieġa.

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[3] jipprovdi għall-qsim tal-Unjoni f’żoni b’kundizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali komparabbli sabiex jiffaċilita r-rikonoxxikment reċiproku tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. L-Anness I ta’ dak ir-Regolament jelenka kull Stat Membru fiż-żona tat-Tramuntana, iż-żona taċ-Ċentru u ż-żona tan-Nofsinhar għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

Il-proposta preżenti għandha l-għan li tinkludi l-Kroazja fiż-żona tan-Nofsinhar fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

Il-Kroazja għandha tiżdied mal-lista tal-Istati Membri fiż-żona tan-Nofsinhar tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1107/2009 minħabba l-fatt li kumplessivament il-kundizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u dawk ambjentali speċifiċi għall-Kroazja huma komparabbli ma' dawk fil-pajjiżi li diġà tqiegħdu fiż-żona tan-Nofsinhar, jiġifieri l-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, Malta, u l-Portugall.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Minħabba li din il-proposta hija waħda ta’ natura teknika u ma tinvolvix għażliet politiċi, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati jew il-valutazzjonijiet tal-impatt ma kinux ikunu jagħmlu sens.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-bażi legali għall-proposta huwa l-Artikolu 50 tal-Att rigward il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Reppubblika tal-Kroazja.

Il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità huma osservati b’mod sħiħ.

L-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-TUE minħabba li jikkonċerna l-adattamenti tekniċi ta' att legali adottat mill-Unjoni. Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità ddikjarat fl-Artikolu 5(4) tat-TUE għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

2013/0047 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja u b'mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE[4] jiddefinixxi żoni magħmula minn Stati Membri b’kundizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali (inklużi dawk klimatiċi) komparabbli, b’mod partikolari sabiex jiffaċilita l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet u l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Unjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet.

(2)       Minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja fl-Unjoni, jeħtieġ li l-Kroazja tiżdied maż-żona tan-Nofsinhar minħabba li l-kundizzjonijiet agrikoli, tas-saħħa tal-pjanti u ambjentali fil-Kroazja huma komparabbli ma' dawk tal-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, Malta u l-Portugall.

(3)       L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għaldaqstant għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ soġġett għal, u fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

Definizzjoni taż-żoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif imsemmija fl-Artikolu 3(17)

Żona A – It-Tramuntana

L-Istati Membri li ġejjin jappartjenu għal din iż-żona:

id-Danimarka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Finlandja, l-Isvezja

Żona B – Iċ-Ċentru

L-Istati Membri li ġejjin jappartjenu għal din iż-żona:

il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit

Żona C – in-Nofsinhar

L-Istati Membri li ġejjin jappartjenu għal din iż-żona:

il-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Portugall”

[1]               ĠU L 112, 24.4.2012, p. 10.

[2]               ĠU L 112, 24.4.2012, p. 21.

[3]               ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

[4]               ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

Top