Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ (2012/2901(RSP))

ĠU C 440, 30.12.2015, p. 67–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/67


P7_TA(2013)0016

Garanzija għaż-Żgħażagħ

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ (2012/2901(RSP))

(2015/C 440/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Diċembru 2012 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (COM(2012)0729),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ (COM(2012)0727),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ” (COM(2011)0933), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar l-Inizjattiva għall-Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ (1) u l-mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ (O-000106/2012 – B7-0113/2012),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012 bit-titolu “Lejn Konsolidazzjoni Favur it-Tkabbir u Tkabbir Favur l-Impjiegi”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istatus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat (2),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tat-13 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “Youth Guarantee: Experiences from Finland and Sweden” (3)

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Żgħażagħ Mobbli” (COM(2010)0477),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ta’ Settembru 2012 bit-titolu “Global employment outlook: Bleak labour market prospects for youth (4)” u r-riżoluzzjoni u l-konklużjonijiet tas-Sessjoni 101 tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol, Ġinevra 2012, bit-titolu “The youth unemployment crisis: A call for action” (5)

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, minħabba l-kriżi ekonomika, ir-rata ta’ impjieg globali sa Ottubru 2012 kienet għoliet għal livell mingħajr preċedent ta’ 10,7 %, b’25,91 miljun persuna jfittxu x-xogħol (6);

B.

billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ sparat għal 23,4 %, u ħalliet 5,68 miljun żgħażugħ u żgħażuha qiegħda, ċifra li parzjalment tirrifletti l-iżbilanċi bejn il-provvista ta' ħiliet u d-domandi tas-suq tax-xogħol għalkemm spiss irrispettivament mil-livelli ta' edukazzjoni ta' dawk li jkunu qed ifittxu xogħol; billi r-riċerka turi li l-qgħad fost iż-żgħażagħ spiss iħalli effetti permanenti, bħar-riskju miżjud ta’ qgħad fil-ġejjieni u ta’ esklużjoni soċjali permanenti;

C.

billi l-Membri tal-Kunsill Ewropew, fid-dikjarazzjoni tagħhom tad-29 ta’ Ġunju 2012, ħeġġew lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex iżidu l-impjiegi għaż-żgħażagħ bl-“objettiv li wara ftit xhur li jitilqu mill-iskola, iż-żgħażagħ jingħataw offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat, jew taħriġ”;

D.

billi Garanzija għaż-Żgħażagħ tikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ tliet objettivi strateġiċi tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li l-impjieg jilħaq 75 % għall-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena, li r-rati ta’ persuni li jitilqu mill-iskola kmieni għandhom ikunu inqas minn 10 %, u li mill-inqas 20 miljun persuna għandhom jinħarġu mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali;

E.

billi l-kriżi wasslet għal żieda ta’ forom prekarji ta’ impjieg għaż-żgħażagħ, b’kuntratti għal żmien qasir u part-time u skemi ta’ esperjenza ta’ xogħol mingħajr ħlas li ta’ spiss jissostitwixxu impjiegi eżistenti;

F.

billi l-ispiża għall-UE tan-nuqqas ta’ azzjoni dwar il-problema taż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) hija stmata għal madwar EUR 153 biljun, li tikkorrispondi għal 1,2 % tal-PDG tal-UE, u billi attwalment hemm 7,5 miljun NEETs taħt il-25 sena fl-UE;

G.

billi l-Kummissjoni titlob, fil-Pakkett dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, Garanzija għaż-Żgħażagħ;

1.

Jappoġġa bil-qawwa l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ;

2.

Jistieden lill-ministri għall-impjieg u l-affarijiet soċjali tal-Istati Membri biex jilħqu ftehim dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill matul il-Kunsill EPSCO fi Frar 2012, bl-għan li jiġu implimentati skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri kollha. jenfasizza li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ mhijiex garanzija ta’ xogħol iżda strument li jiżgura li ċ-ċittadini tal-UE u r-residenti legali kollha sal-età ta' 25 sena, u dawk li jkunu għadhom kemm gradwaw li jkollhom taħt it-30 sena, jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa jew apprendistat fi żmien erba’ xhur minn meta jsibu ruħhom bla xogħol jew minn meta jitilqu l-edukazzjoni formali; jenfasizza li l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom itejbu s-sitwazzjoni tan-NEETs b’mod effikaċi; jenfasizza li l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu eliġibbli għal forom speċifiċi ta’ finanzjament Ewropew, speċjalment fl-Istati Membri bl-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ;

3.

Huwa tal-fehma li l-finanzjament tal-Unjoni tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jkollu rwol ewlieni, li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) b’mod partikolari għandu jkun strutturat biex jippermetti li tiġi ffinanzjata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u li l-FSE għalhekk għandu jiġi allokat f'mill-inqas 25 % ta' Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni; jemmen, madankollu, li għandu jkun hemm bilanċ adegwat bejn il-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri;

4.

Jirrikonoxxi li ż-żgħażagħ mhumiex grupp omoġenju, li huma jiffaċċaw ambjenti soċjali differenti, u li għalhekk, l-Istati Membri għandhom livelli ta’ tħejjija differenti għall-adozzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; f’dan il-kuntest, iż-żgħażagħ kollha l-ewwel għandhom jirċievu valutazzjoni personalizzata tal-bżonnijiet tagħhom, li għandha tkun segwita minn servizzi mfassla speċifikament għalihom;

5.

Jenfasizza li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u, fil-livell nazzjonali, fost l-imsieħba soċjali (settorjali), l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-servizzi ta’ impjieg pubbliċi u privati u l-istituti lokali u reġjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija essenzjali għall-implimentazzjoni effikaċi tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ;

6.

Jinnota li l-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ għandhom ikunu akkumpanjati minn qafas ta’ kwalità sabiex jiżgura li l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħlijiet offerti jkunu jinkludu kundizzjonijiet ta' paga, xogħol u saħħa u standards tas-sigurtà xierqa;

7.

Jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni li tiġi provduta, permezz ta’ “Kumitat għall-Impjiegi”, sorveljanza multilaterali tal-implimentazzjoni tal-iskemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, u jitlob li jkun assoċjat ma’ dan il-Kumitat;

8.

Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu riformi, b’mod partikolari standards tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għaż-żgħażagħ, sabiex iżidu b’mod sinifikanti l-opportunitajiet tagħhom ta’ impjieg u tal-ħajja;

9.

Jirrikonoxxi li l-Istati Membri għandom livelli ta’ tħejjija differenti għall-adozzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jistieden lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, biex tappoġġa lil dawk l-Istati Membri li jinsabu għaddejjin minn restrizzjonijiet finanzjarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-qafas tas-Semestru Ewropew, biex tissorvelja mill-qrib u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ u, fejn meħtieġ, biex tindika lil dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jistabbilixxu l-Garanziji għaż-Żgħażagħ;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.


(1)  Testi adottati P7_TA(2012)0224.

(2)  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.

(3)  http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2012/42/en/1/EF1242EN.pdf

(4)  http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---dcomm/documents/publication/wcms_188810.pdf

(5)  http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/@ednorm/@relconf/documents/meetingdocument/wcms_185950.pdf

(6)  Eurostat, Novembru 2012: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/3-30112012-BP/EN/3-30112012-BP-EN.PDF


Top