Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0852

TWEĠIBIET TAL-KUMMISSJONI U TAS-SEAE GĦAR-RAPPORT SPEĊJALI TAL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI “SOSTENN FINANZJARJU DIRETT MILL-UNJONI EWROPEA LILL-AWTORITÀ PALESTINJANA”

/* COM/2013/0852 final */

52013DC0852

TWEĠIBIET TAL-KUMMISSJONI U TAS-SEAE GĦAR-RAPPORT SPEĊJALI TAL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI “SOSTENN FINANZJARJU DIRETT MILL-UNJONI EWROPEA LILL-AWTORITÀ PALESTINJANA” /* COM/2013/0852 final - 2013/ () */


TWEĠIBIET TAL-KUMMISSJONI U TAS-SEAE GĦAR-RAPPORT SPEĊJALI TAL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

“SOSTENN FINANZJARJU DIRETT MILL-UNJONI EWROPEA LILL-AWTORITÀ PALESTINJANA”

Sommarju Eżekuttiv

III. Fi tmiem l-2011, il-Kummissjoni nediet proġett biex tivvaluta l-ħtiġijiet u tidentifika proġetti fattibbli fil-qasam tar-riforma tas-servizz ċivili (CSR) fil-Palestina (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala Stat). Fuq din il-bażi, u mill-bidu tat-tieni nofs tal-2013, se jkun ipprovdut sostenn komprensiv lill-AP fis-CSR ffinanzjat mill-UE. EUREP se tiżgura rabtiet mill-qrib bejn din l-azzjoni u l-programm CSP, se tiffaċilita wkoll ingranaġġ aktar qawwi tad-djalogu politiku.

Għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni u s-SEAE fittxew b’mod attiv biex jiżguraw il-kooperazzjoni Iżraeljana. Saru għadd ta’ laqgħat mal-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan (COGAT) u diversi uffiċjali tal-Gvern Iżraeljan f’għadd ta’ kuntesti u fora. Meta kien meħtieġ, id-delegazzjoni tal-UE f’Tel Aviv kienet involuta wkoll. L-effikaċja ta’ dawn l-inizjattivi diplomatiċi tista’ tittejjeb permezz ta’ approċċ aktar konsistenti u robust għall-kwistjoni mill-Istati Membri.

IV. Fl-2011 tqieset il-ħtieġa għal żieda fil-kompetizzjoni u din qed tiġi indirizzata, bit-tnedija ta’ proċess ta' sejħa internazzjonali għall-offerti biex ikunu kkuntrattati servizzi ta' awditjar ex ante u ex post relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi kollha PEGASE tad-DFS. L-avviż ta' previżjoni ġie ppubblikat f’Awwissu 2012 u kuntratti ġodda huma mistennija li jiġu ffirmati sa tmiem l-2013.

Għas-CSR ara l-punt III (Sommarju Eżekuttiv) ta' hawn fuq.

L-ingranaġġ tad-djalogu ta’ politika fuq il-livell tal-AP permezz tad-DFS sostantiv ma għandux ikun sottovalutat.

V. Għandu jiġi nnutat li, matul bosta xhur fl-2012, l-Iżrael ma ttrasferixxietx d-dħul doganali lill-AP. Dak kien il-fattur ewlieni fid-dewmien għall-pagament tas-salarji tal-AP. Madankollu, sa mill-bidu tal-2013 WAFA, PBS u l-impjegati tal-Ministeru tal-Affarijiet Reliġjużi tneħħew mil-lista ta’ benefiċjarji eliġibbli, biex b'hekk in-numru reġa' lura għal madwar 75 000 (tnaqqis minn 84 000).

VI. Il-kwistjonijiet li jirrigwardjaw l-uffiċjali taċ-ċivil li ma jistgħux jaħdmu f’Gaża (eż. l-istrajk ta' sostenn tal-AP, id-durata tiegħu, il-firxa u l-effetti tiegħu, ir-reazzjonijiet tal-Ħamas) huma kumplessi fiċ-ċirkostanzi tal-Istrixxa ta' Gaża fejn il-verifika oġġettiva hija diffiċli. Id-DFS huwa programm immexxi mill-AP. Il-Kummissjoni u s-SEAE jikkonfermaw id-deċiżjoni tagħhom li jappoġġaw politikament lill-AP (il-qalba tal-Istat Palestinjan futur) li ddeċidiet li tkompli tħallas lill-ħaddiema eliġibbli kollha kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll l-Istrixxa ta’ Gaża irrispettivament tal-istatus ta' ħidma tagħhom, li fi kwalunkwe każ, hija diffiċli ħafna biex tiġi ċċarata. Xi impjegati taċ-ċivil m’humiex jaħdmu f’Gaża sempliċement għaliex huma magħluqin barra mill-awtoritajiet de facto.  Oħrajn, għalkemm jaħdmu verament, xorta uffiċjalment jgħidu li huma ma humiex jaħdmu minħabba raġunijiet politiċi.

Kwalunkwe deċiżjoni biex titwaqqaf il-kontirbuzzjoni għas-salarji f’Gaża hija mistennija li tkun politikament sensittiva ħafna.

Il-Kummissjoni u s-SEAE jikkunsidraw li indirizzaw din il-problema biżżejjed. Din il-kwistjoni kienet tqajmet mal-AP f’numru ta’ okkażjonijiet fl-ogħla livell politiku u se tkompli tkun il-mira ta’ diskussjonijiet futuri.

VII. Għall-impenn mal-Gvern tal-Iżrael, ara l-punt III (Sommarju Eżekuttiv) hawn fuq.

Osservazzjonijiet

27. Pjanijiet ta’ Azzjoni mill-UE stabbilew objettivi prijoritarji li sar qbil konġunt dwarhom kemm mill-UE kif ukoll mill-AP u ma jinkludux qafas finanzjarju indikattiv. Pjan ta’ Azzjoni (PA) ġdid bejn l-UE u l-AP ġie approvat mill-Kunsill f’Marzu 2013. Dan il-PA huwa allinjat aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet ta’ assistenza għall-iżvilupp (u viċi versa) mill-predeċessur tiegħu, li kien konkluż qabel it-twaqqif ta’ PEGASE.

28. Mill-2014, l-UE se tibda ċiklu ta’ programmazzjoni ta' sentejn għall-iżvilupp ta' parti mill-assistenza finanzjarja tagħha. Il-Palestina hija waħda mill-aktar punti sensittivi tal-baġit globali għall-assistenza finanzjarja esterna u l-awtorità baġitarja, f’dawn l-aħħar snin, spiss żiedet il-proposta inizjali tal-Kummissjoni. L-ammonti annwali disponibbli għall-Palestina huma magħrufin b'ammont ta' ċertezza tard ħafna fil-proċess baġitarju. Is-sitwazzjoni politika instabbli tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni u s-SEAE jkunu viġilanti u jkunu jistgħu jivvalutaw is-sitwazzjoni mill-ġdid kulmeta dan ikun meħtieġ.

Ftit ħafna mill-Istati Membri programmaw assistenza għall-Palestina fuq bażi pluriennali, preċiżament minħabba l-istess raġunijiet.

L-Istrateġija Lokali għall-Iżvilupp tal-UE reċentement kienet riveduta f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u r-rappreżentanti lokali.

29. Il-Kummissjoni u s-SEAE jikkunsidraw li s-sottomissjoni ta' miżuri lill-Istati Membri permezz ta’ proċeduri bil-miktub m’għandhiex tagħmilha aktar diffiċli biex titwettaq analiżi dettaljata tal-mekkaniżmu. F’għadd ta’ okkażjonijiet, programmi Palestinjani (PEGASE b’mod partikolari) ġew ippreżentati lill-Kumitat tal-ENPI bħala punt ta’ informazzjoni fl-aġenda. Ġeneralment, l-Istati Membri indikaw is-sodisfazzjon tagħhom bil-proċeduri użati u ma qagħdux lura milli jsaqsu għal aktar kjarifiki kull meta kien jidhrilhom li kienu meħtieġa.

Il-Kummissjoni u s-SEAE jqisu li l-istabbiliment ta' programm PSRG li ġie implimentat wara l-operazzjoni “Cast Lead” kif ukoll l-użu ta' SEPS u komponent ta' arretrati juri l-kapaċità tal-programm li jadatta għall-bidliet fl-ambjent operazzjonali.

Il-Kummissjoni u s-SEAE huma madankollu konxji li fl-aħħar mill-aħħar din is-sitwazzjoni mhix sostenibbli u li wasal iż-żmien li jsiru aġġustamenti issa li s-sitwazzjoni f’Gaża baqgħet mhux riżolta għal dawn l-aħħar seba’ snin. Fil-fatt din il-kwistjoni kienet tqajmet mal-AP f’numru ta’ okkażjonijiet fil-passat.

Id-diskussjonijiet diġà bdew mal-AP bil-għan li tinsab soluzzjoni li tqis it-tħassib li tqajjem mill-Qorti, filwaqt li tippermetti lill-AP biex tkompli tappoġġja l-impjegati tagħha f’Gaża.

Il-Kummissjoni u s-SEAE jikkonfermaw l-opinjoni politika tagħhom li l-AP għandha tkompli tappoġġja lill-ħaddiema tagħha f’Gaża bħala element ewlieni biex tinżamm l-għaqda ta’ Stat Palestinjan futur u biex l-AP tkun tista' tibqa' preżenti f’Gaża. Għandha tingħata attenzjoni dovuta għall-fatt li l-Kummissjoni u s-SEAE ħadu din id-Deċiżjoni u implimentawha fid-dawl ta’ konsiderazzjonijiet politiċi u li l-biċċa l-kbira tal-ħaddiema li ma jaħdmux f’Gaża huma fil-fatt miżmuma milli jaħdmu.

30. Ta’ min jinnota li, ħlief għar-Renju Unit, li ikkontribwixxa għal PEGASE fl-2008 biss, l-ebda donatur ieħor ma biddel minn PEGASE DFS għall-Fond Fiduċjarju tal-Bank Dinji. Barra minn hekk, PEGASE ġibed finanzjament minn Stati mhux Membri bħall-Ġappun u l-Isvizzera.

It-tnaqqis fil-finanazjament jista’ jkun attribwit l-aktar għal tnaqqis fil-qagħda fiskali tal-Istati Membri kif ukoll għal ċertu livell ta’ għeja tad-donaturi. Xi Stati Membri u donaturi oħrajn jippreferu jappoġġjaw proġetti ta’ żvilupp (aktar minn sostenn finanzjarju dirett) minħabba li jagħtuhom aktar viżibbiltà.

31. Il-Kummissjoni tagħraf li s-sitwazzjoni attwali ta’ PEGASE ma tinkludix indikaturi tal-prestazzjoni

Is-SEAE u l-Kummissjoni huma ggwidati f’dan ir-rigward mill-indikaturi li jinsabu fil-Pjan ta’ Riforma u Żvilupp Palestinjan u fil-Pjan Nazzjonali tal-Iżvilupp Palestinjan, li fuq il-prijoritajiet tagħhom PEGASE kien u għadu bbażat. Din hija wkoll miżura ta’ kundizzjonalità.

Il-Kummissjoni taċċetta wkoll li tintrodouċi indikaturi tal-prestazzjoni għal PEGASE li jikkunsidraw is-sitwazzjoni speċifika tal-AP u l-partikolarità tal-programm PEGASE.

L-għan li jkun ipprovdut DFS permezz ta’ PEGASE huwa li jippermetti lill-AP tissodisfa l-impenji eżistenti tagħha mal-popolazzjoni tagħha, sakemm dan huwa possibbli. Mhuwiex realistiku li wieħed jistenna titjib kwalitattiv sinifikanti ta’ dawn fis-sitwazzjoni finanzjarja kurrenti.

Il-fatturi li fuqhom il-kisba tal-objettivi tiddependi, huma prinċipalment esterni għall-kontroll tal-AP u mhumiex f'idejha. Id-DFS PEGASE huwa strument politiku li l-objettiv aħħari tiegħu huwa li tinżamm il-vijabbiltà tas-Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati billi jinżammu l-kundizzjonijiet bażiċi ta’ għajxien tal-poplu Palestinjan. Il-Palestina mhiex pajjiż indipendenti, fejn il-gvern tiegħu jista’ jimmobilizza firxa wiesgħa ta’ riżorsi b’sostenn għal xi mira partikolari.

Id-DFS mhuwiex proġett klassiku li jista' jkun evalwat skont il-PCM. Huwa mfassal biex jassisti lill-AP biex tittratta problema fit-tul bil-għan li billi l-awtorità tinżamm eżistenti, l-UE se tikkontribwixxi favur is-soluzzjoni ta’ Żewġ Stati tal-Proċess għall-Paċi fil-Lvant Nofsani.

32. Skont il-pjan ta' sentejn għall-bini tal-Istat tal-AP tal-2009 li ppreveda tnaqqis fid-dipendenza fuq l-għajnuna esterna, is-SEAE (u preċedentament id-DĠ RELEX) fittexli jnaqqas il-proporzjon ta’ DFS  f’kull programmazzjoni; iżda għad ma kienx possibbli li jitnaqqas b’mod drastiku minħabba theddid għas-soppravvivenza tal-AP. Dawn il-kwistjonijiet kienu wkoll imqajma fil-qafas tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Kollegament ad hoc (AHLC).

F’dawn iċ-ċirkustanzi u meta wieħed iqis is-sitwazzjoni politika, il-possibbiltà li jitnaqqas il-finanzjament mhix skont il-politika attwali tal-UE.

34. Il-benefiċjarji huma magħrufa u soġġetti għal verifiki ex ante u ex post. Il-fondi jitħallsu mal-applikazzjoni mill-AP u l-forniment tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn neċessarja.

Dawn il-fondi essenzjalment jgħaddu biss mis-Sottokont tat-Teżor Ċentrali li jopera sistema ta' "konferma doppja" għar-rilaxx tal-pagamenti jiġifieri kemm l-UE kif ukoll l-AP jridu jawtorizzawhom. Ir-riskju tal-korruzzjoni għalhekk huwa minimu. Safejn għandu x'jaqsam ir-riskju ta’ qerda ta’ infrastruttura ffinanzjati mill-UE fil-Programm tas-Settur Privat ta' Gaża, dan ir-riskju kien magħruf u għalkemm il-Kummissjoni tipprova tnaqqas ir-riskju permezz ta’ djalogu regolari mal-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan (COGAT), dan ir-riskju jrid ikun aċċettat. 

35. Il-Kummissjoni u s-SEAE huma lesti li jeżaminaw b’mod kritiku l-kosteffettività tal-kontrolli u jiżnuhom kontra r-riskji involuti.

36. Fl-2011 tqieset il-ħtieġa għal żieda fil-kompetizzjoni u din qed tiġi indirizzata, bit-tnedija ta’ proċess ta' sejħa internazzjonali għall-offerti biex ikunu kkuntrattati servizzi ta' awditjar ex ante u ex post relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi kollha PEGASE DFS. It-tħabbira kienet ippubblikata f’Awwissu 2012 u kuntratti ġodda huma mistennija li jiġu ffirmati qabel tmiem is-sena 2013.

Kienet mitluba proċedura diretta nnegozjata u din kienet approvata skont l-Artikolu 168(2) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u kienet debitament iġġustifikata dakinhar.

37. Għotja diretta kienet ġustifikata skont ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju.

Wara talba speċifika ta' EUREP, il-ftehimiet kollha ma’ organizzazzjoni internazzjonali kienu soġġetti għal rekwiżiti addizzjonali (eċċezzjonijiet mill-kundizzjonijiet ġenerali li japplikaw għal organizzazzjonijiet internazzjonali) partikolarment fir-rigward ta’ rekwiżiti addizzjonali ta' rapportar, awditjar, u t-trasferiment ta’ tagħmir.

EUREP lestiet it-tranżizzjoni minn ftehim ta’ kontribuzzjoni għal kuntratt ta’ servizz għal sena mal-organizzazzjoni internazzjonali. It-tagħmir kollu mill-ftehimiet preċedenti kien trasferit lill-AP (minbarra l-bażi tad-dejta tad-DFS). Dawn is-servizzi se jkunu suġġetti għal sejħa għall-offerti ristretta internazzjonali fl-2014.

38. Ta’ min jinnota li l-proċeduri ta' verifika u dawk ta’ ġestjoni li japplikaw għall-programmi PDFS qegħdin ikunu rieżaminati.

Qegħdin isiru arranġamenti għall-in-sourcing tal-bażi tad-dejta PEGASE u l-immaniġġjar tagħha.

39. Meta jitqies id-daqs tal-proġett u s-sensibilità politika relatata mal-implimentazzjoni tal-programm, EUREP deliberatament għażlet li ma tagħtix il-kuntratt lil kumpanija lokali dak iż-żmien.

Wara l-eżerċizzju biex tirrieżamina l-proċeduri ta' verifika u proċeduri ta’ ġestjoni ta’ PEGASE, tnediet sejħa internazzjonali għall-offerti għall-awditjar ex ante u ex post għall-kuntratti ta’ servizzi tal-awditjar relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi PEGASE DFS kollha.

Filwaqt li n-nuqqas ta’ kundizzjonalità formali huwa dovut għaċ-ċirkostanzi uniċi, dan ma jimplikax in-nuqqas ta’ ingranaġġ fir-rigward tal-AP (ara l-punt 40).

40. PEGASE DFS huwa pprovdut lill-AP mingħajr ebda kundizzjonalità espiliċita: għażla maħsuba min-naħa tal-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri f'konformità mal-objettivi politiċi tagħhom fil-Proċess ta' Paċi għal-Lvant Nofsani.

Madanakollu, is-SEAE u l-Kummissjoni huma ggwidati  mill-indikaturi li jinsabu fil-Pjan ta’ Riforma u Żvilupp Palestinjan u fil-Pjan Nazzjonali tal-Iżvilupp Palestinjan, li fuq il-prijoritajiet tagħhom PEGASE kien u għadu bbażat. Din hija miżura ta’ kundizzjonalità.

L-influwenza teżisti bis-saħħa tal-kontribuzzjoni affidabbli u konsistenti mill-UE. EUREP bħalissa qed taħdem fuq it-titjib tal-influwenza permezz ta’ djalogu politiku, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri interessati permezz tal-Grupp Informali li ġie stabbilit riċentament EU PEGASE.

41.

(a) Fi tmiem l-2011, il-Kummissjoni nediet proġett biex tivvaluta l-ħtiġijiet u tidentifika proġetti fattibbli fil-qasam tar-riforma tas-servizz ċivili (CSR) fil-Palestina Fuq din il-bażi, u mill-bidu tat-tieni nofs tal-2013, se jkun ipprovdut sostenn lill-AP fis-CSR ffinanzjat mill-UE. EUREP se tiżgura rabtiet mill-qrib bejn din l-azzjoni u l-programm CSP, se tiffaċilita wkoll ingranaġġ aktar qawwi tad-djalogu politiku. 

42. Għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni u s-SEAE fittxew b’mod attiv biex jiżguraw il-kooperazzjoni Iżraeljana. Saru għadd ta’ laqgħat mal-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan. Diversi laqgħat oħra jsiru mal-Iżrael fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Iżrael u dawn il-kwistjonijiet tqajmu fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u fid-Djalogu Politiku ma’ Iżrael.  Meta meħtieġ, id-delegazzjoni tal-UE f’Tel Aviv kienet involuta wkoll. L-effikaċja ta’ dawn l-inizjattivi diplomatiċi tista’ tittejjeb permezz ta’ approċċ aktar konsistenti u robust gaħll-kwistjoni mill-Istati Membri. Madankollu, il-Kunsill stess mar minn Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ natura aktar wiesgħa għal oħrajn li huma ħafna aktar konkreti (partikolarment dawk ta’ Mejju 2012 u ta' Diċembru 2012).

46. Fi tmiem l-2011, il-Kummissjoni nediet proġett biex tivvaluta l-ħtiġijiet u tidentifika proġetti fattibbli fil-qasam tar-riforma tas-servizz ċivili (CSR) fil-Palestina Fuq din il-bażi, u mill-bidu tat-tieni nofs tal-2013, se jkun ipprovdut sostenn lill-AP fis-CSR ffinanzjat mill-UE. EUREP se tiżgura rabtiet mill-qrib bejn din l-azzjoni u l-programm CSP, se tiffaċilita wkoll ingranaġġ aktar qawwi tad-djalogu politiku. 

47. PEGASE huwa strument speċifiku maħluq biex jiżgura li l-fondi jkunu traċċabbli sal-benefiċjarju aħħari. Il-finanzjament isir disponibbli biss meta jintlaħaq qbil dwar il-lista finali ta' benefiċjarji aħħarin maqbula kemm mill-UE u kif ukoll mill-AP. Dan l-istrument kien installat biex ikun evitat li l-finanzjament tal-UE jintuża għal xi ħaġa oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni u s-SEAE huma tal-opinjoni li l-fondi ta' PEGASE mhumiex funġibbli f’termini baġitarji.

Fir-rigward tal-argument li PEGASE ippermetta lill-AP twarrab xi riżorsi minn tagħha u tittrasferihom għal użu ieħor, il-Kummissjoni u s-SEAE jikkontestaw din is-sejba li ma tistax tkun ippruvata fil-prattika. Il-Kummissjoni u s-SEAE jikkunsidraw li ma hemmx evidenza li PEGASE rriżulta f'finanzjament li jiġi ridirett lejn ir-reklutaġġ tal-forzi tas-sigurtà, li f’kwalunkwe każ jirċievu sostenn minn sorsi oħrajn.

48. Lil hinn mir-riformi, is-sostenibbiltà hija marbuta mill-qrib mal-progress politiku dwar ir-rikonċiljazzjoni u dwar it-tmiem tal-okkupazzjoni.

Element ewlieni fid-“diffikultà dejjem ikbar li l-AP kellha biex tħallas il-pagi u l-pensjonijiet fil-ħin” fi żminijiet riċenti, kien is-sospensjoni mill-Iżrael tad-“dħul doganali”. L-AP ma kinitx ħasbet għal dan in-nuqqas f'daqqa ta' introjtu. Is-sitwazzjoni fiskali tal-Istati Membri flimkien ma' ammont ta' għeja min-naħa tad-donaturi ċertament kellhom rwol fil-kapċità u r-rieda tad-donaturi li jirreaġixxu għal din il-kriżi. Fl-istess waqt l-AP kienet qiegħda tittama li tattira aktar finanzjament minn donaturi Għarab.

51. Ta’ min jinnota li l-għadd ta’ każijiet ta’ benefiċjarji ta’ assistenza fi flus kontanti żdied mill-2010 'il quddiem minħabba diversi fatturi, inkluża l-introduzzjoni tal-Programm ta' Trasferiment ta' Kontanti (CTP) fl-2010 (magħmula mill-amalgamazzjoni tal-programm SSNRP + SHC u ċ-ċertifikazzjoni tal-unitajiet dometiċi fuq il-lista ta’ stennija) u t-tnedija sussegwenti tagħha f’Gaża fl-2011. Il-mira tal-AP hija li 120 000 unità domestoka rreġistrati fil-programm — li jikkorrispondu għall-għadd ta' unitajiet dometiċi li huma stmati li jgħixu f’faqar estrem fil-Palestina. Fuq il-livell ta' assistenza, il-bażi biex ikun ikkalkulat l-ammont ta' benefiċċju finanzjarju għall-unitajiet domestiċi eliġibbli hija l-politika biex "id-distakk jitnaqqas b'50 %". Id-distakk huwa d-differenza bejn ir-rata tal-benesseri (konsum) u l-linja ta' faqar estrem għall-unitajiet domestiċi. Komponent tal-flus tas-CTP jipprovdi assistenza finanzjarja biex tkopri 50 % ta’ dan id-distakk u dan huwa r-rata bażi ta' benefiċċju fi flus. L-unitajiet domestiċi benefiċjarji ġeneralment ikollhom aċċess għal sorsi addizzjonali ta’ introjtu (rimessi) kif ukoll assistenza addizzjonali/komplementari (jiġifieri assigurazzjoni tas-saħħa u assistenza in natura) li tikkumplimenta l-komponent ta' flus.

52. Dewmien fil-ħlas jirriżulta minn diversi fatturi li huma lil hinn mill-kontroll tal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali/il-Ministeru tal-Finanzi, inkluż: (1) id-disponibbiltà ta' flus/likwidità fil-banek f'Gaża; u (2) id-dispobnibbiltà ta' baġit b'riżultat tal-kriżi finanzjarja rikorrenti tal-AP (inkluż it-trasferiment tad-dħul doġanali mill-Iżrael).

Ta’ min jinnota li (i) il-pagamenti ta’ Settembru 2011 u Settembru 2012 kienu pproċessati fit-3 ta’ Ottubru 2011 u s-6 ta’ Ottubru 2012, rispettivament, jiġifieri b’dewmien ta’ ġimgħa biss meta mqabbla mad-data inizjalment ippjanata (normalment l-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Settembru);

(ii) l-ewwel pagament trimestrali fl-2012 sar tard f’April tal-2012, minħabba nuqqas ta’ flus, prinċipalment Shekel Iżraeljani (ILS) u Dollari Amerikani, fil-banek lokali f’Gaża (b'riżultat ta’ restrizzjonijiet Iżraeljani fuq il-likwidità). Għalkemm dan ma kienx jikkonċerna x-Xatt tal-Punent, għal raġunijiet politiċi, l-AP għażlet li ma tipproċessax il-pagamenti fix-Xatt tal-Punent mingħajr assigurazzjoni li l-pagamenti jseħħu f’Gaża, jekk mhux fl-istess ħin, jew kemm jista’ jkun malajr wara.

53. Jekk jogħġobkom araw il-punt 31 hawn fuq.

54. Il-kwistjonijiet li jirrigwardjaw l-uffiċjali taċ-ċivil li ma jistgħux jaħdmu f’Gaża (eż. l-istrajk ta' sostenn tal-AP, id-durata tiegħu, il-firxa u l-effetti tiegħu, ir-reazzjonijiet tal-Ħamas) huma kumplessi fiċ-ċirkostanzi tal-Istrixxa ta' Gaża fejn il-verifika oġġettiva hija diffiċli. Id-DFS huwa programm immexxi mill-AP. Il-Kummissjoni tappoġġa politikament lill-AP (il-qalba tal-Istat Palestinjan futur) li ddeċidiet li tkompli tħallas lill-ħaddiema eliġibbli kollha kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll l-Istrixxa ta’ Gaża irrispettivament tal-istatus ta' ħidma tagħhom, li fi kwalunkwe każ, huwa diffiċli ħafna li jiġi ċċarat. Forsi huwa importanti li wieħed jiftakar li fost dawk l-impjegati taċ-ċivil li ma jaħdmux f’Gaża, ħafna huma effettivament magħluqa barra mill-awtoritajiet de facto.

Kwalunkwe deċiżjoni biex titwaqqaf il-kontirbuzzjoni għas-salarji f’Gaża hija mistennija li tkun politikament sensittiva ħafna.

55. Ara l-kumment dwar il-punt 54.

57. Il-benefiċjarji huma magħrufa u soġġetti għal verifiki ex ante u ex post. Il-fondi jitħallsu mal-applikazzjoni mill-AP u l-forniment tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn neċessarja.

Dawn il-fondi essenzjalment jgħaddu biss mis-Sottokont tat-Teżor Ċentrali li jopera sistema ta' "firma doppja" għar-rilaxx tal-pagamenti jiġifieri kemm l-UE kif ukoll l-AP jridu jawtorizzawhom.

58. Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għal osservazzjoni 54.

59. Fir-rigward tal-użu ta’ fjuwil minflok il-gass, ta’ min jinnota li fatturi esterni kienu ta' detriment dwar din il-kwistjoni. La l-Iżrael u lanqas l-Eġittu mhuma se jippermettu l-esportazzjoni ta’ gass għal Gaża, għalhekk l-użu tal-fjuwil diżil kien l-unika għażla possibbli.

60. Il-kwistjoni tal-VAT u taxxi oħrajn fuq it-twassil tal-fjuwil mal-Iżrael testendi ferm aktar minn PEGASE u hija parti minn kwistjoni ġenerali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael. Kienu saru sforzi mill-Kummissjoni biex tinkiseb eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT fuq il-kunsinni tal-fjuwil iżda d-diskussjonijiet ma rnexxewx. Kien evidenti li l-kwistjoni setgħet tkun solvuta biss fl-ogħla livelli politiċi.

Il-Kummissjoni tqis li ma tistax tkun ikkritikata għax ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi kif il-VAT u d-dazji tas-sisa li hija tħallas jintużaw mill-awtoritajiet, Iżraeljani, jew Palestinjani, fil-Protokoll ta’ Pariġi tal-ftehimiet ta' Oslo li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-trasferimenti ta’ ċertu dħul mit-taxxa mill-Iżrael lill-AP iżda li l-Kummissjoni/l-UE mhijiex firmatarja tagħhom.

Dan kien wieħed minn għadd ta’ fatturi li wasslu lill-Kummissjoni biex ma tkomplix tiffinanzja l-provvediment ta' fjuwil.

61. Fil-fatt, il-Kummissjoni tat parir lill-AP biex tikkunsidra l-possibbiltà li twettaq valutazzjoni PEFA qabel l-2012.

F’Novembru 2011, il-Ministeru tal-Finanzi tal-AP qabel fuq livell tekniku fuq il-prinċipju li jitwettaq eżerċizzju PEFA. L-UE kienet qed tippjana li tiffinanzja parti mill-valutazzjoni. Madankollu, sussegwentement l-AP iddeċidiet li tittardja l-valutazzjoni.

Valutazzjoni PEFA tnediet f’Marzu 2013 u r-rapport PEFA ġie formalment mibgħut lill-Ministeru tal-Finanzi f’Ġunju 2013 u kien aċċettat mill-Ministeru fl-istess xahar. Huwa kien ippubblikat fit-2 ta' Settembru 2013 L-UE kkontribwiet għal din il-valutazzjoni mmexxija mill-Bank Dinji permezz tal-finanzjament ta’ espert.

Kien hemm valutazzjonijiet oħrajn tas-sistemi tal-Ġestjoni Finanzjarja Pubblika tal-AP barra l-valutazzjonijiet tal-PEFA. Il-FMI wettaq Analiżi tal-Progress fil-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi tal-AP f’April 2008, April 2009, Diċembru 2009, Ottubru 2010, Jannar 2012, u f’Jannar 2013. Barra minn hekk, ir-rapporti tal-persunal tal-FMI lill-laqgħat tal-kumitat ta’ kollegament ad hoc (li jsir darbtejn fis-sena) jinkludu valutazzjonijiet tar-Riformi tal-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi tal-AP.

62. Il-Kummissjoni tkompli taħdem fuq din il-kwistjoni dwar il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi: valutazzjoni PEFA mmexxija mill-Bank Dinji tnediet f’Marzu 2013 u r-rapport intbgħat formalment lill-Ministeru tal-Finanzi f’Ġunju 2013.

Kwalunkwe forma ta’ skrutinju leġiżlattiv hija diffiċli fin-nuqqas ta’ Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan li jiffunzjona. Kien aċċettat mill-Ministeru fl-istess xahar u ppubblikat fit-2 ta’ Settembru 2013.

63.

(b) F’Settembru 2012, Rapport ta’ Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati ġibed l-attenzjoni li: ‘"għal diversi raġunijiet, il-proġett sofra minn dewmien matul l-ewwel nofs tal-implimentazzjoni (valutazzjoni twila teħtieġ li tkun studjata, it-tiswir mill-ġdid ta’ attivitajiet, livell baxx ta’ għarfien tal-Ingliż tal-apprentisti u nuqqas ta’ tradutturi). Ħafna minn dawn il-problemi ġew solvuti matul l-ewwel parti tal-2012”. Dak iż-żmien, l-effiċjenza u l-effkaċja globali tal-implimentazzjoni tal-proġett kienu meqjusa bħala “tajba” mill-monitoraġġ.

66. Ir-rifużjonijiet saru f’konformità mar-regoli. It-tħassib ewlieni kien li tingħata spinta lill-ekonomija billi tinjetta arretrati li kienu ilhom żmien dovuti fis-settur privat. L-arretrati pendenti kienu soġġetti għal awditi obbligatorji qabel ma saru l-pagamenti.

Kaxxa 2 — Rimborż tal-VAT lil lukanda lussuża f’Gaża

Ir-rifużjoni saret f’konformità mar-regoli. Ta’ min jinnota li l-arretrati rimborżati lil din il-kumpanija kienu ġew akkumulati matul perjodu ta’ aktar minn seba’ snin minn Diċembru 2000 sa Jannar 2008.  Il-fatt li l-lukanda bilkemm kienet topera f’Ottubru 2012 huwa dovut għas-sitwazzjoni f’Gaża u l-issoktar tal-imblokk.

67. Is-sostenn għall-Impjant ta’ Enerġija ta’ Gaża kien maħsub li jissodisfa emerġenza partikolari, aktar milli biex ikunu sostenibbli. Meta ġiet proposta strateġija oħra mill-AP, dan il-komponent ta’ PEGASE ma kienx għadu ffinanzjat.

68. Element ewlieni fid-“diffikultà dejjem ikbar li l-AP kellha biex tħallas il-pagi u l-pensjonijiet fil-ħin” fi żminijiet riċenti, kien is-sospensjoni mill-Iżrael tad-“dħul doganali”.  Barra minn hekk is-sitwazzjoni fiskali tal-Istati Membri flimkien ma' ammont ta' għeja min-naħa tad-donaturi kellhom rwol fil-kapċità tad-donaturi li jirreaġixxu għal din il-kriżi. Fl-istess waqt, l-AP kienet qiegħda tittama li tattira aktar finanzjament minn donaturi Għarab.

70. Għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni u s-SEAE fittxew b’mod attiv biex jiżguraw il-kooperazzjoni Iżraeljana. Saru għadd ta’ laqgħat mal-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan. Meta meħtieġ, id-delegazzjoni tal-UE f’Tel Aviv kienet involuta wkoll. L-effikaċja ta’ dawn l-inizjattivi diplomatiċi tista’ tittejjeb permezz ta’ approċċ aktar konsistenti u robust gaħll-kwistjoni mill-Istati Membri.

(b) Ammonti sostanzjali ġew allokati għaż-żona C mill-allokazzjoni tal-2012 (EUR 7 miljun) flimkien ma' madwar Eur 3.5 miljuni mill-programm ta’ Sigurtà tal-Ikel. PEGASE se tqiegħed ukoll fondi disponibbli fiż-Żona C permezz ta’ estensjoni għax-Xatt tal-Punent tal-Programm ta’ Rkupru tas-Settur Privat f'Gaża, b’enfasi speċjali fuq il-bdiewa u l-komunitajiet affettwati mill-ħajt diviżorju, id-demolizzjoni mill-armata Iżraeljana u l-vjolenza tal-insedjament.

Il-kwistjoni taż-Żona C qiegħda 'l fuq fl-aġenda politika. Hija ġiet diskussa diversi drabi fil-PSC u sa minn Diċmebru 2011 twettqet inizjattiva diplomatika mid-delegazzjoni tal-UE f’Tel Aviv. Iż-Żona C hija wkoll objettiv ta’ prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

74. Is-sostenibbiltà tista’ tiġi żgurata biss permezz ta’ progress politiku dwar ir-rikonċiljazzjoni, kif ukoll it-tmiem tal-okkupazzjoni.

Madankollu, iż-żewġ kwistjonijiet ta’ riforma u l-miżuri Iżraeljani huma importanti u l-Kummissjoni u s-SEAE qed jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet kif ġej:

Fi tmiem l-2011, il-Kummissjoni nediet proġett biex tivvaluta l-ħtiġijiet u tidentifika proġetti fattibbli fil-qasam tar-riforma tas-servizz ċivili (CSR) fil-Palestina Fuq din il-bażi, u mill-bidu tat-tieni nofs tal-2013, se jkun ipprovdut sostenn komprensiv lill-AP fis-CSR ffinanzjat mill-UE. EUREP se tiżgura rabtiet mill-qrib bejn din l-azzjoni u l-programm CSP, se tiffaċilita wkoll ingranaġġ aktar qawwi tad-djalogu politiku.

Il-Kummissjoni u s-SEAE fittxew b’mod attiv biex jiżguraw il-kooperazzjoni Iżraeljana. Saru għadd ta’ laqgħat mal-Ministeru tad-Difiża Iżraeljan. isiru wkoll bosta laqgħat mal-Iżrael (f’livelli differenti u f’diversi fora) fil-qafas ta’ relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Iżrael u permezz tad-Delegazzjoni f’Tel Aviv. L-effikaċja ta’ dawn l-inizjattivi diplomatiċi tista’ tittejjeb permezz ta’ approċċ aktar konsistenti u robust gaħll-kwistjoni mill-Istati Membri.

75. Il-Kummissjoni taqbel li tistabbilixxi indikaturi tal-prestazzjoni, li jqisu li ħafna fatturi li jaffettwaw il-prestazzjoni huma esterni u lil hinn mill-kontroll tal-AP. Il-Palestina mhiex pajjiż indipendenti, fejn il-gvern tiegħu għandu kontroll normali fuq firxa wiesgħa ta’ riżorsi biex jintlaħqu miri speċifiki.

DFS PEGASE huwa strument politiku li l-objettiv tiegħu huwa li tinżamm il-vijabbiltà tas-Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati billi jinżammu l-kundizzjonijiet bażiċi ta’ għixien tal-poplu Palestinjan. In-nuqqas ta’ finanzjament minn donaturi permezz ta’ PEGASE huwa aktar riżultat ta’ għeja tad-donaturi jew tas-sitwazzjoni ekonomika milli deċiżjoni maħsuba biex ma jintużax PEGASE. Kif imsemmi aktar’ il fuq, uħud mid-donaturi jippreferu jiffinanzjaw proġetti ta’ żvilupp (minflok sostenn finanzjarju dirett) anki minħabba li jinvolvu aktar viżibbiltà.

76. Kienet mitluba proċedura nnegozjata diretta u din kient approvata skont l-Artikolu 168(2) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u kienet debitament iġġustifikat dakinhar.

Ta’ min jinnota li l-proċeduri ta' verifika u dawk ta’ ġestjoni li japplikaw għall-programmi PDFS qegħdin ikunu rieżaminati. (ara l-punt 38).

Fl-2011 tqieset il-ħtieġa għal żieda fil-kompetizzjoni u din qed tiġi indirizzata, bit-tnedija ta’ proċess ta' sejħa internazzjonali għall-offerti biex ikunu kkuntrattati servizzi ta' awditjar ex ante u ex post relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi kollha PEGASE tad-DFS. It-tħabbira kienet ippubblikata f’Awwissu 2012 u kuntratti ġodda huma mistennija li jiġu ffirmati sa tmiem l-2013.

Sejħa għall-offerti għal kuntratt ta’ servizz għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm se titnieda fl-2014 (ara l-punt 37).

77. Fi tmiem l-2011, il-Kummissjoni nediet proġett biex tivvaluta l-ħtiġijiet u tidentifika proġetti fattibbli fil-qasam tar-riforma tas-servizz ċivili (CSR) fil-Palestina Fuq din il-bażi, u mill-bidu tat-tieni nofs tal-2013, se jkun ipprovdut sostenn komprensiv lill-AP fis-CSR ffinanzjat mill-UE. EUREP se tiżgura rabtiet mill-qrib bejn din l-azzjoni u l-programm CSP, se tiffaċilita wkoll ingranaġġ aktar qawwi tad-djalogu politiku. 

78. Il-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-uffiċjali taċ-ċivil li ma jistgħux jaħdmu f’Gaża huma kumplessi fiċ-ċirkostanzi tal-Istrixxa ta' Gaża fejn il-verifika oġġettiva hija diffiċli. Id-DFS huwa programm immexxi mill-AP. Il-Kummissjoni tappoġġa politikament lill-AP (il-qalba tal-Istat Palestinjan futur) li ddeċidiet li tkompli tħallas lill-ħaddiema eliġibbli kollha kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll l-Istrixxa ta’ Gaża irrispettivament tal-istatus ta' ħidma tagħhom, li fi kwalunkwe każ, huwa diffiċli ħafna li jiġi ċċarat. Huwa importanti li wieħed jiftakar li fost dawk l-impjegati taċ-ċivil li ma jaħdmux f’Gaża, ħafna huma effettivament magħluqa barra mill-awtoritajiet de facto.

Kwalunkwe deċiżjoni biex titwaqqaf il-kontirbuzzjoni għas-salarji f’Gaża hija mistennija li tkun politikament sensittiva ħafna.

Il-kwistjoni tal-VAT u taxxi oħrajn fuq it-twassil tal-fjuwil mal-Iżrael testendi ferm aktar minn PEGASE u hija parti minn kwistjoni ġenerali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael. Kienu saru sforzi mill-Kummissjoni biex tinkiseb eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT fuq il-kunsinni tal-fjuwil iżda d-diskussjonijiet ma kinux ta’ suċċess.

Huwa evidenti li l-kwistjoni tista' tkun solvuta biss fl-ogħla livelli politiki.

Il-Kummissjoni tqis li ma tistax tkun ikkritikata għax ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi kif il-VAT u d-dazji tas-sisa li hija tħallas jintużaw mill-awtoritajiet, Iżraeljani, jew Palestinjani, fil-Protokoll ta’ Pariġi tal-ftehimiet ta' Oslo li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għat-trasferimenti ta’ ċertu dħul mit-taxxa mill-Iżrael lill-AP iżda li l-Kummissjoni/l-UE mhijiex firmatarja tagħhom.

Dan kien wieħed minn għadd ta’ fatturi li wasslu lill-Kummissjoni biex ma tkomplix tiffinanzja l-provvediment ta' fjuwil.

79. Għad-dettalji dwar il-valutazzjoni PEFA, jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-61 hawn fuq.

80. Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu li jirrieżaminaw il-mekkaniżmu PEGASE u li jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Qorti.

Is-SEAE u l-Kummissjoni qed jirrieżaminaw il-mekkaniżmu PEGASE fuq bażi regolari skont il-bidliet fil-prattika (pereżempju il-komponent PSRG wara Cast Lead u iktar reċentement il-komponent għall-Isptarijiet ta' Ġerusalemm tal-Lvant).

Madankollu, il-Kummissjoni ma taqbilx assolutament li jeħtieġ li ssir rieżaminazzjoni “konsiderevoli” ta' PEGASE.

(a) Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu ma' din ir-Rakkomandazzjoni li diġà ġiet parzjalment implimentata. L-AP il-ġdida tal-Palestina hija l-ewwel minn ġenerazzjoni ġdida ta’ AP nnegozjati mir-rieżaminazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), li tinkludi objettivi prijoritarji li għandhom jintlaħqu li sar qbil konġunt dwarhom kemm mill-UE u kif ukoll mill-AP. It-test huwa allinjat aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet ta’ assistenza għall-iżvilupp (u viċi versa) mill-predeċessur tiegħu, li kien konkluż qabel it-twaqqif ta’ PEGASE.

(b) Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu parzjalment ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Mill-2014, l-UE se tibda ċiklu ta’ programmazzjoni ta' sentejn għall-iżvilupp ta' parti mill-assistenza finanzjarja tagħha.  Il-programm PEGASE ma kienx inizjalment maħsub biex ikun parti minn din il-programmazzjoni pluriennali iżda l-Kummissjoni u s-SEAE se jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom.

Għalkemm il-Kummissjoni u s-SEAE jsostnu r-riżervi tagħhom dwar dan il-punt, huma lesti li jieħdu passi lejn l-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni sa fejn hu possibbli.

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu li din ir-rakkomandazzjoni, indikaturi ta’ prestazzjoni se jiġu introdotti fl-oqsma msemmija mill-Qorti għal PEGASE (ara l-kummenti tagħna fil-punt 31).

82.

(a) Il-Kummissjoni taqbel ma' din ir-rakkomandazzjoni. Il-proċess ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva jinsab għaddej. Fl-2011 tqieset il-ħtieġa għal żieda fil-kompetizzjoni u din qed tiġi indirizzata, bit-tnedija ta’ proċess ta' sejħa internazzjonali għall-offerti biex ikunu kkuntrattati servizzi ta' awditjar ex ante u ex post relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi kollha PEGASE tad-DFS. It-tħabbira kienet ippubblikata f’Awwissu 2012 u kuntratti ġodda huma mistennija li jiġu ffirmati sa tmiem l-2013.  Kuntratt ta’ servizz għall-offerti se jitnieda fl-2014 (ara l-punt 37).

Il-Kummissjoni taqbel ma’ din ir-rakkomandazzjoni u se ssegwi pjanijiet kontinwi biex tissimplifika s-sistema ta' ġestjoni ta' PEGASE DFS. EUREP hija issa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-bażi tad-dejta ta' PEGASE, li kienet rilokata għall-binja tal-EUREP fil-bidu ta’ Ottubru 2013.

83. Il-Kummissjoni u s-SEAE ma jaqblux ma’ din ir-Rakkomandazzjoni. Dwar il-kundizzjonalità, jekk jogħġbok ara r-risposta fil-punt 40. Dwar ir-Riforma tas-Servizz Ċivili, il-Kummissjoni nediet valutazzjoni tal-ħtiġijiet fl-2011. Fuq din il-bażi, fl-2013 se jiġi pprovdut sostenn lill-AP. EUREP se tiżgura rabtiet mill-qrib bejn din l-azzjoni u l-programm CSP, se tiffaċilita wkoll ingranaġġ aktar qawwi tad-djalogu politiku.

Is-SEAE u l-Kummissjoni jikkunsidraw ukoll l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Riforma u Żvilupp Palestinjan u fil-Pjan Nazzjonali tal-Iżvilupp Palestinjan, li fuq il-prijoritajiet tagħhom PEGASE kien u għadu bbażat bħala miżura ta' kundizzjonalità.

Valutazzjoni PEFA tnediet f’Marzu 2013 u r-rapport PEFA ġie formalment mibgħut lill-Ministeru tal-Finanzi f’Ġunju 2013 u kien aċċettat mill-Ministeru fl-istess xahar. Kienet ippubblikata fit-2 ta' Settembru 2013 L-UE kkontribwiet għal din il-valutazzjoni mmexxija mill-Bank Dinji permezz tal-finanzjament ta’ espert.

84. Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu parzjalment biss ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu li jidħlu f’diskussjonijiet mal-AP dwar il-finanzjament tas-salarji u l-pensjonijiet fl-Istrixxa ta’ Gaża bil-għan li jintlaħaq ftehim, li jikkunsidra t-tħassib tal-Qorti.

85. Il-Kummissjoni taqbel ma' din ir-rakkomandazzjoni.

Top